Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2838(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0047/2013

Testi mressqa :

B7-0047/2013

Dibattiti :

PV 05/02/2013 - 12
CRE 05/02/2013 - 12

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2013 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0047

Testi adottati
PDF 325kWORD 29k
L-Erbgħa, 6 ta' Frar 2013 - Strasburgu
Preparazzjonijiet għal CITES COP 16
P7_TA(2013)0047B7-0047/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għas-16-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li se ssir f'Bangkok (it-Tajlandja) mit-3 sal-14 ta' Marzu 2013 (2012/2838(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-16-il laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP16) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li se ssir mit-3 sal-14 ta' Marzu 2013 f'Bangkok, it-Tajlandja,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-objettivi ewlenin għall-CoP16 tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) f'Bangkok, it-Tajlandja, mit-3 sal-14 ta' Marzu 2013 (O-000201/2012 – B7-0109/2013 u O-000202/2012 – B7-0110/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-CITES hija l-akbar ftehim dinji eżistenti dwar il-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi, bl-għan li tipprevjeni l-isfruttar żejjed tal-fawna u l-flora selvaġġi minħabba l-kummerċ internazzjonali, b'177 Parti, inklużi s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-għan tas-CITES huwa li jiżgura li l-kummerċ internazzjonali fl-annimali u l-pjanti selvaġġi ma jkunx theddida għas-sopravivenza tal-ispeċijiet fl-ambjent naturali tagħhom;

C.  billi huwa importanti li l-prosperità fit-tul tingħata prijorità fuq l-interessi ekonomiċi għal perjodu qasir ta' żmien;

D.  billi l-isfruttar tal-ispeċijiet selvaġġi, il-kummerċ illegali fil-fawna u l-flora selvaġġi, il-qerda tal-ħabitats, it-tibdil fil-klima u l-konsum tar-riżorsi naturali mill-bniedem huma l-kawżi ewlenin tat-tifqir tal-bijodiversità;

E.  billi d-delinjament ta' foresti intatti u l-fatt li f'ċerti żoni ma jinbnewx toroq huma metodi kosteffikaċi biex jitħarsu l-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi;

F.  billi l-Anness 4 tar-Riżoluzzjoni Conf. 9.24 (Rev. CoP15) tas-CITES jirreferi għal miżuri ta' prekawzjoni li jridu jitqiesu jew jiġu implimentati meta jiġu emendati l-appendiċijiet;

G.  billi s-CITES għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq ix-xjenza;

H.  billi l-ispeċijiet inklużi fis-CITES huma elenkati f'appendiċijiet skont l-istatus tal-konservazzjoni u l-livelli ta' kummerċ internazzjonali tagħhom, bl-Appendiċi I jinkludi speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni li għalihom il-kummerċ huwa pprojbit, u bl-Appendiċi II jinkludi speċijiet li l-kummerċ tagħhom irid jiġi kkontrollat biex jiġi evitat użu inkompatibbli mas-sopravivenza tagħhom;

I.  billi l-ispeċijiet fl-Appendiċi I tas-CITES huma protetti b'mod qawwi, u kwalunkwe tip ta' kummerċ fl-ispeċijiet elenkati fih huwa pprojbit; billi kwalunkwe permess biex jinbiegħu eżemplari jew prodotti kkonfiskati, (pereżempju l-avorju, l-għadam tat-tigra jew il-qarn tar-rinoċeronti) jikkomprometti l-għan tal-Konvenzjoni CITES;

J.  billi l-proċess ta' rieżami perjodiku wera li s-CITES irnexxiet fir-rigward ta' ċerti speċijiet elenkati fl-Appendiċi I, li issa jistgħu jiġu ttrasferiti fl-Appendiċi II;

K.  billi l-Mira 12 ta' Aichi tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, tipprevedi li, sal-2020, l-estinzjoni tal-ispeċijiet li huwa magħruf li huma mhedda tkun ġiet evitata u l-istatus ta' konservazzjoni tagħhom, b'mod partikolari ta' dawk li l-għadd tagħhom qed jonqos l-aktar, ikun ġie mtejjeb u kkonsolidat;

L.  billi l-Mira 6 ta' Aichi tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, tipprevedi li, sal-2020, l-istokkijiet ta' ħut u ta' invertebrati kif ukoll il-pjanti akkwatiċi kollha jkunu ġestiti u sfruttati b'mod sostenibbli, legali u bl-applikazzjoni ta' approċċi bbażati fuq l-ekosistemi, sabiex jiġi evitat is-sajd żejjed, ikunu fis-seħħ pjanijiet u miżuri ta' rkupru għall-ispeċijiet kollha li l-għadd tagħhom naqas, is-sajd ma jkollu l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet fil-periklu u l-ekosistemi vulnerabbli u l-impatti tas-sajd fuq l-istokkijiet, l-ispeċijiet u l-ekosistemi jkunu f'limiti ekoloġiċi sikuri;

M.  billi t-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet ambjentali internazzjonali hija element fundamentali għall-funzjonament effikaċi tagħhom; billi d-Dokument Finali tal-Konferenza Rio+20, “The Future We Want” (Il-Futur li Rridu), jafferma mill-ġdid li “biex nilħqu l-għanijiet tagħna għal żvilupp sostenibbli jeħtieġ li l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha jkunu effikaċi, trasparenti, responsabbli u demokratiċi”; u billi l-promozzjoni tat-trasparenza tifforma parti wkoll mill-“Viżjoni Strateġika tas-CITES: 2008-2013” inkluża fir-Riżoluzzjoni Conf. 14.2 tas-CITES;

N.  billi r-Regoli ta' Proċedura attwali tas-CITES jistipulaw li l-votazzjonijiet permezz ta' vot sigriet “normalment m'għandhomx jintużaw” għal kwistjonijiet oħra għajr l-elezzjoni ta' uffiċjali u pajjiżi ospitanti; billi, minkejja din ir-regola, fl-aħħar CoP għadd kbir ta' votazzjonijiet saru permezz ta' vot sigriet; billi votazzjonijiet permezz ta' vot sigriet jintużaw regolarment għal kwistjonijiet sensittivi u importanti, pereżempju fir-rigward tal-ispeċijiet tal-baħar jew tal-kummerċ tal-avorju;

O.  billi l-pixxiplamti huma vulnerabbli ferm għall-isfruttar żejjed mis-settur tas-sajd;

P.  billi l-kurazzi komuni huma fil-periklu fid-dinja kollha minħabba l-kummerċ internazzjonali tal-pinen tagħhom u l-qabdiet inċidentali, li kkawżaw tnaqqis storiku fil-popolazzjonijiet tagħhom;

Q.  billi żieda sinifikanti fil-kaċċa illegali tal-iljunfanti issa qed tolqot il-popolazzjonijiet tal-iljunfanti madwar l-erba' subreġjuni Afrikani kollha u hija ta' preokkupazzjoni serja u li qed tiżdied; billi l-kwantitajiet maqbuda ta' avorju illegali laħqu wkoll livelli bħal qatt qabel bejn l-2009 u l-2011;

R.  billi l-kaċċa għat-trofej mhux sostenibbli u mhux etika kkawżat tnaqqis fuq skala kbira tal-ispeċijiet fil-periklu elenkati fl-Appendiċijiet I u II tas-CITES; billi l-kaċċa għat-trofej qed tikkomprometti b'mod serju l-għan tal-Konvenzjoni CITES;

S.  billi nuqqas ta' infurzar effikaċi jfisser li l-ispeċijiet fil-periklu elenkati fl-Appendiċijiet I u II tas-CITES għadhom qed jinqatlu għall-profitt;

T.  billi madwar 80 % tal-popolazzjoni tar-rinoċeronti fl-Afrika tinsab fl-Afrika t'Isfel; billi l-kaċċa illegali ta' dawn l-annimali fl-istati kollha tal-medda ta’ distribuzzjoni tagħhom qed tiżdied maljar ħafna;

U.  billi t-tigri u felini Asjatiċi kbar oħra fl-Appendiċi I għadhom soġġetti għal kummerċ illegali sinifikanti iżda hemm nuqqas ta' rapportar lis-CITES dwar miżuri ta' infurzar u, speċifikament, nuqqas ta' rapportar dwar konformità mad-Deċiżjoni 14.69 tas-CITES, li l-UE appoġġat fl-2007, biex tinqata' b'mod gradwali t-trobbija tat-tigri u biex jiġi żgurat li t-tigri ma jitrabbewx għall-kummerċ (inkluż il-kummerċ domestiku) fil-partijiet u d-derivati tagħhom;

V.  billi t-tibdil fil-klima huwa theddida sinifikanti għall-orsijiet polari (Ursus maritimus); billi l-kaċċa u l-kummerċ internazzjonali fil-partijiet tal-orsijiet polari huma wkoll theddida serja;

W.  billi l-Unjoni Ewropea hija suq tal-importazzjoni prinċipali għal rettili bħala annimali domestiċi, inklużi importazzjonijiet ta' speċijiet elenkati fis-CITES;

X.  billi ħafna speċijiet tal-fekruna huma sfruttati b'mod qawwi għas-swieq tal-ikel u għall-kummerċ internazzjonali fl-annimali domestiċi;

Y.  billi l-pressjoni li qed tiżdied tas-sajd li ġejja mill-kummerċ internazzjonali fl-iskwami tal-garġi tar-rajjiet wasslet għal rati sinifikanti ta' tnaqqis fid-daqsijiet tal-popolazzjoni tar-rajjiet Manta (Manta spp.) u ta' speċijiet oħra ta' rajja;

Z.  billi l-istrumenti tas-sajd internazzjonali u s-CITES għandhom jaħdmu biex jintlaħaq l-istess objettiv li tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra miftuħa, filwaqt li jitqies, inter alia, l-impatt tal-qabdiet inċidentali fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira;

AA.  billi l-Konvenzjoni CITES attwalment tinkludi dispożizzjonijiet xejn ċari dwar l-“introduzzjoni mill-baħar” u, b'mod aktar speċifiku, dispożizzjonijiet dwar l-“Istat ta' introduzzjoni” meta l-ispeċijiet jinqabdu fl-ibħra miftuħa;

AB.  billi l-Grupp ta' Ħidma tas-CITES dwar l-Introduzzjoni mill-Baħar ippropona soluzzjoni li tirrispetta l-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-Bandiera li jkun responsabbli għall-ħruġ tad-dokumentazzjoni tas-CITES, b'xi eċċezzjonijiet żgħar relatati mal-bastimenti tas-sajd mikrija;

AC.  billi l-funzjonament xieraq tal-Konvenzjoni CITES aktarx li jirrikjedi li l-Partijiet iżidu konsiderevolment il-finanzjament fis-snin li ġejjin;

AD.  billi l-Unjoni Ewropea ma tikkontribwixxix direttament għall-Konvenzjoni CITES; billi, madankollu, hija waħda mid-donaturi ewlenin permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp tagħha;

1.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jużaw il-prinċipju ta' prekawzjoni bħala l-prinċipju ewlieni għad-deċiżjonijiet kollha tagħhom dwar dokumenti ta' ħidma u proposti ta' elenkar, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' min juża jħallas, l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi u l-prinċipji ta' konservazzjoni tradizzjonali;

2.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jitkellmu b'vuċi waħda u jtejbu l-ħeffa u l-effiċjenza tal-proċeduri interni tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex ikunu jistgħu jaqblu malajr dwar pożizzjoni interna tal-UE għall-CoP16 tas-CITES u sabiex jagħmlu użu sħiħ mis-saħħa ta' 27 Parti fi ħdan l-UE bl-għan li d-deċiżjonijiet meħuda fil-CoP16 iqisu l-prinċipju ta' prekawzjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex ikollha rwol ta' tmexxija fil-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu, billi tieħu parti attiva fin-negozjati dwar il-Konvenzjoni CITES u billi tippromwovi t-tneħħija ta' lakuni li jaggravaw is-sitwazzjoni; jikkundanna l-fatt li saru allegazzjonijiet dwar Stati Membri u ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jintużaw bħala intermedjarji fit-trasferiment tal-qarn tar-rinoċeronti fil-Vjetnam jew f'pajjiżi oħra fejn għandu valur kummerċjali kbir u b'hekk jistimolaw id-domanda u aktar kaċċa illegali;

4.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinvolvu pajjiżi terzi, kemm qabel kif ukoll waqt il-Konferenza, u jistabbilixxu alleanzi;

5.  Jinkuraġġixxi lill-Partijiet tas-CITES biex iqisu aktar opportunitajiet ħalli jsaħħu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u s-sinerġiji fost il-konvenzjonijiet relatati mal-bijodiversità fil-livelli relevanti kollha;

It-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet

6.  Jopponi bil-qawwa l-użu ta' votazzjonijiet permezz ta' vot sigriet bħala prassi ġenerali fi ħdan is-CITES, billi r-Regoli ta' Proċedura tas-CITES jipprevedu li dawn jintużaw biss f'ċirkustanzi straordinarji; jappoġġa f'dan il-kuntest il-proposta relevanti mressqa mid-Danimarka f'isem l-Istati Membri tal-UE;

7.  Jilqa' l-proposta mressqa mid-Danimarka f'isem l-Istati Membri tal-UE biex fir-Riżoluzzjoni Conf. 11.1 (Rev. CoP15) jiġi inkluż paragrafu ġdid dwar il-kunflitti ta' interess;

Il-finanzjament

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura l-kontinwità tal-finanzjament permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp tagħha bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tas-CITES; jirreferi b'mod speċifiku, f'dan il-kuntest, għall-programm MIKE (Monitoraġġ tal-Qtil Illegali tal-Iljunfanti) li għaddej u li, soġġett għal rieżami u valutazzjoni indipendenti tal-effikaċja tiegħu, jista' jkun l-oġġett ta' impenn imġedded min-naħa tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jivvalutaw possibbiltajiet li jagħtu appoġġ finanzjarju fit-tul lill-Konvenzjoni CITES permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

10.  Jappoġġa l-proposta li s-CITES titlob li l-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF) iservi bħala mekkaniżmu finanzjaru għas-CITES kif ukoll li l-istrateġija għall-bijodiversità tinfetaħ biex il-GEF 6 jinkludi komponent tal-ispeċijiet(1);

L-introduzzjoni mill-baħar

11.  Jilqa' d-diskussjonijiet u l-progress li sar fil-Grupp ta' Ħidma tas-CITES dwar l-Introduzzjoni mill-Baħar; jappoġġa d-Dokument 32 tal-CoP16, li l-għan tiegħu huwa li jittejjeb l-infurzar għall-ispeċijiet tal-baħar fil-lista tas-CITES li jinqabdu fl-ibħra barra l-ġurisdizzjoni ta' kwalunkwe Stat, u jħeġġeġ lill-Partijiet biex jikkonkludu l-ħidma fuq il-kwistjoni fil-laqgħa CoP16;

Il-klieb il-baħar

12.  Jilqa' l-proposta tal-Brażil, tal-Gżejjer Komoros, tal-Kroazja, tal-Eġittu u tad-Danimarka f'isem l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex il-pixxiplamtu (Lamna nasus) jiġi inkluż fl-Appendiċi II; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġaw din il-proposta;

13.  Jilqa' l-proposta tal-Brażil, tal-Kolombja, tal-Kosta Rika, tal-Ekwador, tal-Ħonduras, tal-Messiku u tad-Danimarka f'isem l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex tliet speċijiet tal-kurazza komuni (Sphyrna spp.) jiġu inklużi fl-Appendiċi II; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw din il-proposta;

14.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġaw il-proposta biex il-kelb il-baħar tal-pinen bojod (Carcharhinus longimanus) jiġi inkluż fl-Appendiċi II tas-CITES, li tressqet mill-Brażil, mill-Kolombja u mill-Istati Uniti tal-Amerika;

L-avorju tal-iljunfanti u l-qarn tar-rinoċeronti

15.  Jilqa' l-irtirar tal-proposta tat-Tanżanija biex il-popolazzjoni tagħha tal-iljunfant Afrikan (Loxodonta africana) tiġi ttrasferita mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II u biex isir bejgħ ta' darba tal-istokkijiet tat-Tanżanija tal-avorju tal-iljunfanti;

16.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirrifjutaw kwalunkwe proposta li l-iljunfant Afrikan jew il-kummerċ fl-avorju tal-iljunfant Afrikan jiġu ttrasferiti mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II sakemm tkun tista' ssir valutazzjoni tal-impatt tal-bejgħ ta' darba f'Novembru 2008 mill-Botswana, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel u ż-Żimbabwe u jkun ġie stabbilit li l-bejgħ ta' darba ma kellu ebda impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet tal-iljunfanti f'dawk il-pajjiżi jew f'pajjiiżi tal-viċinat;

17.  Iħeġġeġ lill-Partijiet tas-CITES biex, filwaqt li jqisu l-kriżi attwali tal-kaċċa illegali tal-iljunfanti, jieħdu approċċ ta' prekawzjoni u jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-impatt possibbli fuq il-konservazzjoni tal-iljunfanti u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Iljunfant Afrikan meta jikkunsidraw il-mekkaniżmu tat-teħid ta' deċiżjonijiet għal kummerċ futur fl-avorju tal-iljunfanti wara l-perjodu sħiħ ta' waqfien ta' disa' snin, li jibda mill-bejgħ ta' darba f'Novembru 2008 mill-Botswana, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel u ż-Żimbabwe; għaldaqstant, jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġaw proposta li tiġi emendata d-Deċiżjoni 14.77 dwar mekkaniżmu ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal kummerċ futur fl-avorju tal-iljunfanti, imressqa mill-Benin, il-Burkina Faso, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Côte d'Ivoire, il-Kenja, il-Liberja, in-Niġerja, u t-Togo;

18.  Jinkuraġġixxi lill-Partijiet tas-CITES biex jappoġġaw l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Iljunfant Afrikan, kif imressqa min-Niġerja u mir-Rwanda, u l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan bħala l-aktar triq effiċjenti 'l quddiem għall-konservazzjoni tal-iljunfanti madwar l-Afrika;

19.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-Partijiet kollha tas-CITES biex jappoġġaw il-proposta tal-Kenja għal kwota żero temporanja fuq l-esportazzjoni ta' trofej ta' rinoċeronti mill-Afrika t'Isfel u mis-Sważiland, u jistieden lill-Partijiet tas-CITES biex jistudjaw miżuri dwar kif titnaqqas id-domanda għall-qarn tar-rinoċeronti;

20.  Jistieden lill-Partijiet biex inaqqsu l-kwoti annwali nazzjonali ta' esportazzjoni għall-kaċċa għat-trofej tal-ispeċijiet fil-periklu elenkati fl-Appendiċijiet I u II tas-CITES;

21.  Jistieden lill-Partijiet kollha li fihom jiġi kkunsmat il-qarn tar-rinoċeronti, u b'mod partikolari lill-Vjetnam, biex jieħdu miżuri urġenti ħalli jwaqqfu l-importazzjoni illegali tal-qrun tar-rinoċeronti, jimponu pieni severi fuq dawk li jiksru l-liġi u jieħdu miżuri biex jedukaw lill-konsumaturi dwar l-impatt tal-konsum tagħhom fuq il-popolazzjonijiet selvaġġi tar-rinoċeronti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet f'negozjati kummerċjali mal-Partijiet rispettivi;

Il-felini kbar

22.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jitolbu sospensjonijiet tal-kummerċ mal-Partijiet li jkunu naqsu milli jikkonformaw mad-Deċiżjoni 14.69 tas-CITES dwar it-tigri, u mal-Partijiet li jinkoraġġixxu t-trobbija tat-tigri għall-kummerċ fil-partijiet u d-derivati tagħhom;

23.  Iħeġġeġ lill-Partijiet tas-CITES biex iwaqqfu l-kaċċa għat-trofej mhux sostenibbli u mhux etika, li kkawżat tnaqqis fuq skala kbira fil-popolazzjonijiet tal-iljun Afrikan;

24.  Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt illi ma tressqet l-ebda proposta għat-trasferiment tal-iljun (Panthera leo) mill-Appendiċi II għall-Appendiċi I tas-CITES;

Ir-rettili

25.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġaw sensiela ta' proposti li diversi speċijiet ta' fkieren tal-baħar u fkieren mill-Amerika ta' Fuq u l-Asja jiddaħħlu fl-Appendiċi II tas-CITES u li seba' speċijiet jiġu ttrasferiti għall-Appendiċi I;

26.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri, fir-rigward ta' proposti alternattivi għal tliet speċijiet ta' fkieren tal-ilma ħelu (Cuora galbinifrons, Mauremys annamensis u Geoemyda japonica), biex jappoġġaw il-proposti aktar qawwija mill-istati tal-medda ta’ distribuzzjoni tagħhom (il-Vjetnam u l-Ġappun), skont ir-rakkomandazzjonijiet ta' esperti minn workshop tas-CITES f'Singapor;

27.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-proposta li l-wiżgħat il-ħodor tan-New Zealand (Naultinus spp.) u l-lifgħa tal-ħofra tal-Mangshan (Protobothrops mangshanensis) jiġu inklużi fl-Appendiċi II tas-CITES, li tressqet mill-uniċi stati tal-medda ta’ distribuzzjoni tagħhom, in-New Zealand u ċ-Ċina rispettivament;

28.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġaw abbozz ta' deċiżjoni dwar il-kummerċ fis-sriep u l-ġestjoni tal-konservazzjoni, imressqa mill-Isvizzera;

Speċijiet oħra

29.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġaw abbozz ta' deċiżjoni, imressaq mill-Etjopja, il-Kenja u l-Uganda, biex jiġi studjat il-kummerċ legali u illegali fiċ-ċiti (Acinonyx jubatus);

30.  Jilqa' l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) wara l-momentum li nħoloq fil-CoP15 tas-CITES fl-2010;

31.  Jiddispjaċih li ma tressqet l-ebda proposta biex it-tonn tat-Tramuntana (Thunnus thynnus) jiġi inkluż fl-Appendiċi I tas-CITES;

32.  Jiddispjaċih li ma tressqet l-ebda proposta biex il-Corallium spp. u l-Paracorallium spp. jiġu inklużi fl-Appendiċi II tas-CITES;

33.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġaw:

   l-inklużjoni tar-rajjiet Manta (Manta spp.) fl-Appendiċi II tas-CITES, kif propost mill-Brażil, il-Kolombja u l-Ekwador; u l-inklużjoni ta' speċijiet oħra ta' rajja fl-Appendiċi II, kif propost mill-Kolombja u l-Ekwador;
   it-trasferiment tal-orsijiet polari (Ursus maritimus) mill-Appendiċi II għall-Appendiċi I tas-CITES, kif propost mill-Istati Uniti tal-Amerika u appoġġat mill-Federazzjoni Russa;
   it-trasferiment tal-lamantin tal-Afrika tal-Punent (Trichesurus senegalensis) mill-Appendiċi II għall-Appendiċi I, kif propost mill-Benin, is-Senegal u s-Sjerra Leone;
   it-trasferiment tal-pixxisega tal-ilma ħelu (Pristis microdon) mill-Appendiċi II għall-Appendiċi I, kif propost mill-Awstralja;
   l-inklużjoni ta' diversi speċijiet ta' rosewood (Dalbergia spp.) u l-ispeċijiet tal-ebanu (Diospyros spp.) fl-Appendiċi II tas-CITES, kif propost mill-Madagaskar, il-Beliże, it-Tajlandja u l-Vjetnam;
   l-inklużjoni ta' diversi speċijiet innegozjati internazzjonalment bħal pjanti ornamentali (Adenia firingalavensis, Adenia subsessifolia, Cyphostemma laza, Operculicarya decaryi, Senna meridionalis, Uncarina stellulifera u Uncarina grandidieri) fl-Appendiċi II tas-CITES, kif propost mill-uniku stat tal-medda ta’ distribuzzjoni tagħhom, il-Madagaskar;

34.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE biex jopponu:

o
o   o

   il-bidla proposta għad-Dikjarazzjoni tal-Viżjoni Strateġika tas-CITES, li tesiġi li s-CITES tikkontribwixxi għal għanijiet oħra miftiehma globalment minflok għall-għan attwali “li tikkontribwixxi biex titnaqqas b'mod sinifikanti r-rata tat-telf tal-bijodiversità”;
   ir-rimi jew il-bejgħ ta' eżemplari nnegozjati illegalment u kkonfiskati ta' speċijiet tal-Appendiċijiet I, II u III, kif propost mill-Indoneżja;
   it-trasferiment ta' tliet speċijiet ta' kukkudrill (Crocodylus acutus, C. porosus, u C. siamensis) mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II tas-CITES, kif propost mill-Kolombja u t-Tajlandja;
   it-trasferiment tal-Greater Prairie Chicken ta'Attwater (Tympanuchus cupido attwateri) mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II, kif mitlub mill-Kumitat tal-Annimali, minħabba li, għalkemm l-aħħar sekwestru ta’ konsenja illegali seħħ fl-1998, il-popolazzjonijiet selvaġġi ta' din is-subspeċi fl-2012 naqsu bi 58 % għal 46 għasfur biss fl-ambjent naturali tiegħu;
   it-tħassir tas-Serduk ta' Sonnerat (Gallus sonnerati) u tal-faġan aħmar demm (Ithaginis cruentus) mill-Appendiċi II, kif mitlub mill-Kumitat tal-Annimali, peress li l-popolazzjonijiet selvaġġi taż-żewġ speċijiet qed jonqsu gradwalment, il-kummerċ internazzjonali ta' Gallus sonnerati għal swieq tal-annimali domestiċi huwa konsiderevoli, uħud mis-subspeċijiet ta' Ithaginis cruentus huma distribwiti f'żoni limitati, b'popolazzjoni limitata ħafna, u ċ-Ċina, bħala stat tal-medda ta’ distribuzzjoni, topponi t-tħassir tal-faġan aħmar demm ;
   it-tħassir tat-Tektiek is-Siġar Imperjali (Campephilus imperialis) mill-Appendiċi I, minħabba li, għalkemm din l-ispeċi titqies bħala “possibbilment estinta”, għadhom jaslu regolarment rapporti aneddottali ta' nies li jgħidu li rawh;
   it-tħassir taż-Żrinġijiet li Jrabbu f’Żaqqhom (Rheobatrachus silus u Rheobatrachus vitellinus) mill-Appendiċi II tas-CITES, kif propost mill-Awstralja, peress li jista' jkun li dawn l-ispeċijiet għadhom mhumiex estinti, u attwalment qed jitwettqu studji fil-post biex jinstabu l-popolazzjonijiet li fadal;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Partijiet tas-CITES u lis-Segretarjat tas-CITES.

(1) http://www.cites.org/eng/cop/16/doc/E-CoP16-08-04.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza