Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2014, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2013/2003(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(2),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati(3),
– wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0020/2013),
A. billi l-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) l-ġdid għall-perjodu 2014-2020 għadu ma ntlaħaqx u, għalhekk, il-limitu massimu għall-Intestatura 5 għall-baġit tal-UE fl-2014 għadu ma ġiex stabbilit, filwaqt li l-limitu massimu għall-Intestatura 5 fl-2013 huwa EUR 9 181 miljun fi prezzijiet kurrenti(4) u, jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-QFP li jmiss fil-ħin, dan il-limitu massimu, wara l-aġġustament tekniku annwali(5), jiġi estiż għall-2014;
B. billi, f'kuntest ta' piż kbir ta' dejn pubbliku u ta' trażżin fi żminijiet ta' sforzi kontinwi ta' konsolidazzjoni baġitarja nazzjonali, il-Parlament Ewropew, u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, għandhom ikomplu jeżerċitaw livell għoli ta' responsabbiltà, kontroll u awtotrażżin fil-qasam baġitarju;
C. billi l-funzjonament mingħajr xkiel tal-Parlament għandu jkun prinċipju gwida ugwalment importanti;
D. billi ċerti investimenti jista' jkollhom impatt sostenibbli fuq il-baġit istituzzjonali u għalhekk għandhom jitqiesu minkejja l-marġnijiet stretti għal manuvrar;
E. billi, f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu stess għall-baġit 2014;
F. billi wieħed se jkollu jżomm quddiem għajnejh l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' darba tal-elezzjonijiet Ewropej f'nofs l-2014;
Qafas ġenerali u prijoritajiet għall-baġit 2014
1. Isostni li l-istituzzjonijiet għandhom ikomplu jillimitaw jew jiffriżaw il-baġits amministrattivi tagħhom f'solidarjetà mal-kundizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji diffiċli fl-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-kwalità tal-attivitajiet istituzzjonali ewlenin, ir-rispett għall-obbligi legali u l-ħtieġa ta' investiment fl-iżvilupp;
2. Jemmen li l-approprjazzjonijiet għall-2014 għandhom ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-eżitu tal-approprjazzjonijiet fl-2012 u fl-2013, bl-għan li jsir iffrankar fuq linji fejn qamu problemi fl-implimentazzjoni; iqis li jistgħu jsiru ffrankar u effiċjenzi reali permezz tal-identifikazzjoni tas-sovrappożizzjonijiet u l-ineffiċjenzi fil-linji baġitarji;
3. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet isaħħu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom biex jikkondividu l-aħjar prattiki fejn ikun possibbli u ġustifikat u jidentifikaw iffrankar permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u tekniċi, pereżempju fis-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, it-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u s-servizzi tat-trasport u, possibbilment, oqsma oħra;
Il-Parlament
4. Jenfasizza l-fatt li t-trażżin istituzzjonali, meta jitqies il-livell tar-rati ta' inflazzjoni rilevanti, wassal għal tnaqqis fil-baġit tal-PE f'termini reali; ifakkar li dan kien possibbli permezz ta' ppjanar u kontroll baġitarju strett, l-impenn qawwi tal-kumitat responsabbli tiegħu u r-riorganizzazzjoni tax-xogħol, notevolment tnaqqis f'linji baġitarji relatati mal-ivvjaġġar, tnaqqis fit-tul u fin-numru tal-missjonijiet, użu akbar tal-vidjokonferenzi u servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni ottimizzati; ifakkar li r-riformi strutturali li diġà kien hemm qbil dwarhom, li wħud minnhom ilhom japplikaw mill-2011, huma stmati li jippermettu ffrankar annwali ta' madwar EUR 29 miljun – bi ffrankar ulterjuri ta' EUR 10 miljun fir-rata tal-imgħax prevista fuq il-finanzjament tal-proprjetà immobbli fis-snin li ġejjin, ħaġa li saret possibbli minħabba l-pagamenti minn qabel – minkejja l-bżonn li tiġi assorbita ż-żieda tal-kompetenzi u l-ispejjeż addizzjonali ta' 18-il Membru ieħor li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattt ta' Lisbona u t-tħejjija għall-adeżjoni tal-Kroazja;
5. Ifakkar li sinjali viżibbli ta' awtotrażżin huma l-iffriżar tal-allowances kollha tal-Membri fil-livell tal-2011 sal-aħħar tal-mandat parlamentari attwali u l-fatt li l-allowances tal-persunal għall-missjonijiet ma ġewx indiċizzati mill-2007 'l hawn;
6. Jinkoraġġixxi t-tkomplija tar-riformi strutturali u organizzattivi li għandhom l-għan li jiksbu effiċjenzi akbar mingħajr ma jipperikolaw l-eċċellenza leġiżlattiva u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; jappoġġa innovazzjoni organizzattiva biex jittejbu l-effikaċja tal-Parlament u l-kwalità tas-servizzi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Membri, inklużi, iżda mhux biss, strutturar aktar effiċjenti tar-ritmu ta' ħidma tal-Parlament, u tas-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni (mingħajr ma jiġi pperikolat il-prinċipju tal-multilingwiżmu), soluzzjonijiet loġistiċi ottimali – inkluża l-loġistika tat-trasport – għall-Membri u għall-assistenti tagħhom, iffrankar fl-ispejjeż tal-catering, assistenza interna mtejba fil-qasam tar-riċerka, u t-tkomplija u l-iżvilupp ulterjuri ta' Parlament mingħajr karti u laqgħat elettroniċi; ifakkar fit-talba għal analiżi tal-ispejjeż, meta mqabbla mal-benefiċċji, tal-laqgħat mingħajr karti, u jistieden lill-amministrazzjoni tippreżentaha lill-Kumitat għall-Baġits sa mhux aktar tard minn nofs l-2013;
7. Jitlob li jiġu implimentati metodi ta' amministrazzjoni razzjonalizzata u effiċjenti fil-Parlament biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u b'hekk l-istituzzjoni tiffranka l-ħin u l-flus;
8. Iqis li l-Grupp ta' Ħidma Konġunt tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits dwar il-baġit tal-Parlament jista', abbażi tal-ħidma li beda fl-2012, ikollu rwol utli f'din ir-riforma billi jidentifika ffrankar possibbli u jirrifletti fuq ideat biex tittejjeb l-effiċjenza u jippreżenta dawn l-ideat lill-Kumitat għall-Baġits; jinnota li l-grupp ta' ħidma diġà laħaq fil-parti l-kbira tagħhom l-objettivi stabbiliti għalih fl-aħħar tal-2011, b'mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar; fid-dawl tal-konklużjonijiet preliminari tal-Grupp ibbażati, inter alia, fuq studji kumparattivi tal-baġit tal-Parlament Ewropew mal-baġits tal-Kungress tal-Istati Uniti u kampjun mill-parlamenti tal-Istati Membri, jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ħidma tiegħu u l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni korrispondenti, li għandu jiġi ppreżentat kemm lill-Kumitat għall-Baġits kif ukoll lill-Bureau biex jiġi kkunsidrat matul il-proċess baġitarju tal-Parlament għall-2014; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012(6) fejn esprima l-aspettattiva li dawn l-istudji “[joħolqu] iffrankar fit-tul fil-baġit tal-Parlament u jippreżenta[w] ideat għat-titjib tal-effiċjenza tiegħu fl-2013 u fis-snin ta' wara”; jinnota li l-Parlament Ewropew għandu livell ta' nfiq globali aktar baxx għal kull abitant meta mqabbel ma' parlamenti kumparabbli tal-Istati Membri u mal-Kungress Amerikan; jinnota wkoll li hemm bżonn li jissaħħaħ ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament u li jingħata appoġġ għar-riċerka mmirat aħjar biex ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu fir-rappreżentazzjoni demokratika;
9. Jilqa', b'mod aktar ġenerali, il-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau matul il-proċedura baġitarja annwali; huwa lest li jsaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn is-Segretarju Ġenerali, il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits tul is-sena kollha bil-ħsieb li jiġu żgurati proċess baġitarju mingħajr intoppi u implimentazzjoni effikaċi tal-baġit; jistenna li l-Bureau jippreżenta abbozz tal-estimi prudenti bbażat fuq il-bżonnijiet, li jikkunsidra l-possibilità ta' żidiet sussegwenti li jirriżultaw mill-obbligi ġuridikament vinkolanti, b'mod partikolari l-ispejjeż ta' darba relatati mal-arranġamenti ta' tranżizzjoni tal-Membri għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-arranġamenti tranżitorji għall-elezzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew ;
10. Ifakkar fid-deċiżjoni adottata fil-plenarja li l-Kunsill jippreżenta pjan direzzjonali sa Ġunju 2013 dwar il-postijiet tax-xogħol multipli tal-PE u jistenna li ż-żewġ kumitati kkonċernati, is-Segretarju Ġenerali u l-Bureau jipprovdu lill-Membri b'ċifri u informazzjoni aġġornati dwar l-impatt ambjentali u finanzjarju tal-arranġament ta' postijiet tax-xogħol multipli; jissuġġerixxi li s-servizzi tal-PE għall-valutazzjoni tal-impatt jeżaminaw din il-kwistjoni, inkluż fir-rigward tal-impatt tal-preżenza jew tal-preżenza parzjali tal-PE fuq il-komunitajiet u r-reġjuni rispettivi u jippreżentaw valutazzjoni sa Ġunju 2013 biex il-konklużjonijiet tagħhom jitqiesu fil-kuntest tal-QFP li jmiss;
11. Jitlob lis-servizzi rilevanti tal-Parlament jagħmlu valutazzjoni tal-ftehim bejn l-awtoritajiet fil-Lussemburgu u l-Parlament Ewropew, dwar in-numru ta' persunal li jrid ikun preżenti fil-Lussemburgu, filwaqt li titqies reviżjoni tal-ħtiġijiet tal-Parlament; iqis li din il-valutazzjoni għandha tinkludi suġġerimenti dwar kif jerġa' jiġi nnegozjat dan il-ftehim, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet legali;
12. Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet baġitarji tal-Parlament, inkluża l-aktar riżoluzzjoni riċenti tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012(7), li titlob proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-bini, abbażi ta' informazjoni bikrija, u waqfien fl-akkwisti ġodda sa tmiem il-leġiżlatura attwali; jitlob informazzjoni dwar il-konklużjonijiet tas-Segretarju Ġenerali dwar ix-xogħol ta' rinnovazzjoni u r-rilokazzjoni tal-uffiċċji, u dwar l-iskeda ta' dawn ix-xogħlijiet, inkluża informazzjoni dwar bini intermedju għall-persunal tal-Parlament fis-snin li ġejjin, speċjalment b'rabta mal-problemi strutturali fil-bini Paul-Henri Spaak (PHS) u l-akkwist tal-bini Trebel;
13. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru fl-2012 biex jiġi kkomunikat l-istat ta' progress tal-bini KAD lill-Kumitat għall-Baġits, u jitlob li din il-komunikazzjoni tkompli sakemm idum għaddej il-proġett, b'mod partikolari fir-rigward tar-riżultat tas-Sejħa emendata għall-Offerti; jinnota li saru adattamenti u tiċkin ta' 8 000 m2, biex wieħed jibqa' f'livell aktar baxx mill-qafas finanzjarju predeterminat għall-proġett KAD, jew jaderixxi miegħu, skont it-talba tal-Kumitat għall-Baġits; jilqa' bi pjaċir l-iffrankar ta' aktar minn EUR 10 miljun f'pagamenti ta' mgħaxijiet fis-snin li ġejjin – meta mqabbel mal-estimi ta' finanzjament tal-proġett għall-2012 – miksub permezz ta' trasferimenti għal pagamenti bil-quddiem bikrija kemm għall-bini KAD kif ukoll għall-bini Trebel; jemmen li, fil-kuntest tal-maġġoranza li qed tikber fost il-Membri favur arranġamenti ġodda ta' xogħol(8), il-proġetti tal-bini tal-Parlament jeħtieġ li jiġu trattati b'kawtela u li l-kawtela għandha tirbaħ fuq l-ambizzjoni; jinkoraġġixxi t-tkomplija ta' dan id-djalogu siewi, u jitlob li l-informazzjoni mitluba tingħata fil-ħin;
L-istituzzjonijiet l-oħrajn
14. Huwa konxju li l-kuntest u l-eżitu tal-proċeduri baġitarji riċenti ħallew lill-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet b'marġni limitat ta' manuvrar meta jitqiesu l-kompiti dejjem jikbru li jiġu fdati lilhom, partikolarment iż-żieda fl-ammont ta' xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ħtiġijiet speċjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE);
15. Jifhem li s-SEAE huwa istituzzjoni relattivament ġdida, li għadha fil-fażi ta' tkabbir, u li n-netwerk tiegħu ta' missjonijiet jeħtieġ li jissaħħaħ aktar biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet politiċi tal-UE; jinnota li s-SEAE huwa l-unika istituzzjoni li hija esposta għal inflazzjoni f'pajjiżi terzi, għal fluttwazzjonijiet fir-rati tal-kambju u għall-preokkupazzjonijiet partikolari tal-persunal tagħha fir-rigward tas-sigurtà;
16. Iqis kwalunkwe tnaqqis mhux ġustifikat u ġenerali, u kwalunkwe approċċ mhux divrenzjat lejn il-baġits tal-istituzzjonijiet, bħala kontroproduttivi; biħsiebu, minflok, ikompli l-approċċ tiegħu ta' każ b'każ;
17. Jirrepeti l-pożizzjoni tiegħu adottata f'ċikli baġitarji preċedenti li jistenna li l-istituzzjonijiet kollha jkomplu juru sforzi biex jiksbu ffrankar u jżommu livell għoli ta' dixxiplina baġitarja meta jkunu qed ifasslu l-estimi baġitarji tagħhom;
o o o
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, ĠU C 139, 14.6.2006, p. 3