Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-7 ta' Frar 2013 dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (2013/2533(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwarha,
– wara li kkunsira l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), inklużi l-prijoritajiet tal-Parlament f'dan il-kuntest; wara li kkunsidra, b'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tagħha lid-19-il sessjoni tal-UNHRC, u dak tad-delegazzjoni konġunta mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża, li attendew is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra s-sessjonijiet li jmiss tal-UNHRC fl-2013, b'mod partikolari t-22 sessjoni regolari li se ssir mill-25 ta' Frar sat-22 ta' Marzu 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti tal-għadqa u tal-integrità Ewropej(5);
B. billi l-implimentazzjoni b'suċċess tar-rieżami reċenti tal-UE tal-istrateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem għandha ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE fil-UNHRC billi żżid il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha;
C. billi l-UE għandha tagħmel ħilitha biex issemma' leħinha kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pożizzjonijiet komuni u uniti sabiex tikseb l-aħjar riżultati possibbli u, f'dan il-kuntest, għandha tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u ttejjeb l-arranġamenti organizzattivi u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;
D. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu, bl-għan li jikseb politika tal-UE aktar effikaċi, viżibbli u konsistenti f'dan il-qasam;
E. billi fil-25 ta' Lulju 2012 inħatar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li r-rwol tiegħu hu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;
F. billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem se tmur Ġinevra matul it-22 sessjoni tal-UNHRC, kif diġà seħħ għas-sessjonijiet tal-UNHRC ta' snin preċedenti;
1. Jieħu nota tal-proċess kontinwu biex jiġu kkonfermati l-prijoritajiet tal-UE għat-22 sessjoni tal-UNHRC; jilqa' l-attenzjoni mogħtija mill-UE lis-sitwazzjoni fis-Sirja, f'Burma/Mjanmar, fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) u f'Mali, kif ukoll l-appoġġ tagħha għall-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; japprova wkoll l-enfasi fuq kwistjonijiet tematiċi bħal-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon u tat-twemmin, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet kummerċjali u tal-bniedem, il-vjolenza fuq in-nisa u d-drittijiet tal-LGBTI;
2. Jilqa' l-fatt li l-aġenda għat-22 sessjoni regolari tinkludi diskussjonijiet minn panels dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-kommemorazzjoni tal-20 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni, dibattiti interattivi, inter alia dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet, u laqgħat estensivi dwar diversi kwistjonijiet, bħad-dritt tat-tfal li jgawdu l-ogħla standards tas-saħħa li jistgħu jinkisbu; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu attivament għal dawn id-dibattiti u biex jiddikjaraw b'mod ċar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli u interdipendenti;
3. Jilqa' r-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati mir-Rapporteurs Speċjali dwar, inter alia, is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, f'Burma/Mjanmar u fit-territorji Palestinjani okkupati sa mill-1967, flimkien mar-rapport bil-miktub li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissarju Għoli dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Mali, partikolarment fit-Tramuntana tal-pajjiż, kif ukoll dwar il-housing bħala komponent tad-dritt għal standard ta' għajxien xieraq, dwar id-dritt għan-nondiskriminazzjoni f'dan il-kuntest, dwar il-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon jew tat-twemmin u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu;
4. Jinnota li ġew eletti 18-il membru ġdid tal-UNHRC f'Settembru 2012 u li dawn issieħbu fl-1 ta' Jannar 2013, jiġifieri l-Arġentina, il-Brażil, il-Côte d’Ivoire, l-Estonja, l-Etjopja, il-Gabon, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Kazakistan, il-Kenja, il-Montenegro, il-Pakistan, ir-Repubblika tal-Korea, Sjerra Leone, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, u r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; u jinnota li issa disa' Stati Membri tal-UE huma membri tal-UNHRC;
5. Jinnota l-elezzjoni ta' President ġdid tal-UNHRC, Remigiusz A. Henzcel, mill-Polonja, u ta' erba' Viċi Presidenti għall-2013, Cheikh Ahmed Ould Zahaf (il-Mawritanja), Iruthisham Adam (il-Maldive), Luis Gallegos Chiriboga (l-Ekwador) u Alexandre Fasel (l-Isvizzera);
6. Jisħaq fuq il-fatt li l-elezzjonijiet għall-UNHRC jeħtieġ li jkunu kompetittivi, u jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet mhux ikkontestati minn gruppi reġjonali; itenni l-importanza ta' standards għas-sħubija fil-UNHRC fir-rigward tal-impenn u l-prestazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li membri tal-UNHRC jeħtieġ li jżommu l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-importanza ta' kriterji sodi u trasparenti għar-reintegrazzjoni ta' membri sospiżi;
7. Jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Kazakistan, li huwa membru li għadu kif ġie elett tal-UNHRC, sal-lum irrifjutaw li jippermettu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti f'Zhanaozen, minkejja t-talbiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Parlament;
8. Jibqa' preokkupat dwar il-fenomenu tal-'bloc politics' u l-effett tiegħu fuq il-kredibbiltà tal-UNHRC u l-effettività tal-ħidma tiegħu;
9. Jilqa' l-ħatra mill-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Navanethem Pillay għat-tieni mandat bħala Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u għall-indipendenza u l-integrità tiegħu;
10. Ifaħħar lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-isforzi tagħha fil-proċess ta' tisħiħ tal-korpi stabbiliti bit-Trattat u jilqa' r-rapport tagħha dwar din il-kwistjoni li ġie ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2012; jafferma mill-ġdid in-natura b'diversi partijiet interessati tal-korpi stabbiliti bit-Ttrattat u jenfasizza li jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tkun inkluża kontinwament f'dawn il-proċessi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi satbbiliti bit-Trattat iridu jitħarsu u jissaħħu; jisħaq li jeħtieġ li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament sabiex ikopri l-ammont ta' xogħol li qed jiżdied għall-korpi stabbiliti bit-Trattat; jitlob lill-UE tadotta rwol ta' tmexxija fl-iżgurar tal-funzjonament effikaċi tas-sistema tal-korpi stabbiliti bit-Trattat, anke fir-rigward ta' finanzjament xieraq;
Il-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija
11. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li kulma jmur qed tiżdied u mingħajr distinzjoni użata mir-reġim ta' Assad kontra l-popolazzjoni Sirjana, inklużi l-użu ta' artillerija peżanti u bumbardamenti fuq żoni populati, l-eżekuzzjonijiet sommarji u l-għajbien sfurzat; jikkundanna b'mod inekwivokabbli l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim, li jista' jitqies bħala delitt kontra l-umanità; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora kontinwament għall-popolazzjoni ċivili; jikkundanna, barra minn hekk, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-gruppi u l-forzi tal-oppożizzjoni; jistieden lill-atturi armati kollha biex itemmu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; u jtenni t-talba tiegħu biex ir-reġim ta' Assad jirriżenja minnufih u biex jibda proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw aċċess transkonfinali sħiħ u sikur għall-isforzi internazzjonali ta' għajnuna umanitarja;
12. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-effetti tal-kriżi Sirjana fuq is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna lill-pajjiżi fir-reġjun fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu għajnuna umanitarja lir-rifuġjati mis-Sirja;
13. Jilqa' l-attenzjoni kontinwa mogħtija mill-UNHRC lis-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem orribbli fis-Sirja, kif intwera mir-riżoluzzjonijiet dwar is-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż li ġew adottati fid-19, fl-20 u fil-21 sessjoni tal-UNHRC u fis-Sessjoni Speċjali tiegħu dwar is-Sirja li saret fl-1 ta' Ġunju 2012; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sitwazzjoni fis-Sirja tibqa' tiġi ttrattata bl-ogħla prijorità fil-qafas tan-NU, partikolarment fil-UNHRC; itenni l-importanza tal-iżgurar tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettaq matul il-kunflitt;
14. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja u għall-estensjoni mill-UNHRC tal-mandat tiegħu; jisħaq fuq l-importanza tal-ammissibbiltà tal-evidenza diġitali ta' delitti, vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-ħatra ta' Carla del Ponte u Vitit Muntarbhorn bħala membri ġodda, u l-ħatra ta' Paolo Pinheiro bħala Rapporteur Speċjali dwar is-Sirja, li se jibda l-ħidma tiegħu ladarba jispiċċa l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni li jiżvela l-atroċitajiet li twettqu fis-Sirja;
15. Jiddispjaċih li għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u, b'mod partikolari, li dan qed jostakola l-kapaċità li tiġi eżerċitata pressjoni effikaċi bl-għan li tintemm il-vjolenza fil-pajjiż; jistieden lill-membri tal-KSNU biex jiftakru r-responsabbiltà tagħhom fil-konfront tal-poplu Sirjan; ifaħħar l-isforzi diplomatiċi tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri tal-UE biex jinvolvu liċ-Ċina u lir-Russja f'din il-kwistjoni; jistedinhom ikomplu b'dawn l-isforzi; ifakkar ukoll lill-Istati Membri kollha tan-NU dwar il-prinċipju tar-“responsabbiltà li tipproteġi” mħaddan mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jistieden lill-istati kollha jaħdmu biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u jilqa' l-inizjattiva mmexxija mill-Isvizzera ta' ittra konġunta f'isem 58 pajjiż, inklużi 26 Stat Membru tal-UE, f'din id-direzzjoni; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jinvolvi ruħu personalment fil-bini ta' koalizzjoni kbira u inklużiva biex tappoġġa dan it-tressiq'
16. Jilqa' r-rapport bil-miktub finali mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta (COI) dwar il-Libja, li ġie ppreżentat matul id-19-il sessjoni tal-UNHRC, li enfasizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż; iħeġġeġ lill-UNHRC jesprimi tħassib dwar il-ksur kontinwu, ikompli jimmonitorja s-sitwazzjoni u jitlob lill-Kummissarju Għoli tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja;
17. Jistieden lill-Emirati Għarab Magħquda, bħala membru ġdid elett tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u wieħed mill-14-il stat li kellhom ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom eżaminati mis-sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Eżami Perjodiku Universali, biex itemm ir-ripressjoni attwali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti politiċi paċifiċi u biex jonora l-impenji tiegħu li jżomm l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
18. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-Baħrejn; itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri jaħdmu favur l-adozzjoni waqt it-22 sessjoni tal-UNHRC ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, li tinkludi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu internazzjonali sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, fosthom dawk rigward id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
19. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottat mill-UNHRC f'Ottubru 2012 dwar l-għajnuna teknika u l-bini ta' kapaċità għall-Jemen fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiliment ta' Uffiċċju għall-Pajjiż tal-OHCHR fil-Jemen; iħeġġeġ lill-UNHRC jkompli jimmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż;
20. Jesprimi tħassib kbir dwar in-nuqqas kontinwu ta' stabbiltà politika u dwar il-fatt li reġgħet feġġet il-vjolenza fl-Eġittu; jappoġġa bis-sħiħ tranżizzjoni għal soċjetà demokratika, ibbażata fuq l-istat tad-dritt u qafas kostituzzjonali, li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tan-nisa u r-rispett għall-minoranzi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jibdew investigazzjoni trasparenti dwar l-użu ta' vjolenza mill-forzi tas-sigurtà u mill-pulizija kontra dimostranti u jiżguraw responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-pożizzjoni tal-UE kontra l-piena tal-mewt u jitlob, f'dan ir-rigward, għal moratorju fuq l-eżekuzzjoni tal-pieni tal-mewt fl-Eġittu, inkluż il-każ tal-21 ruħ li reċentement ingħataw il-piena tal-mewt għad-diżastru tas-sena li għaddiet fl-istadium tal-futbol ta' Port Said;
21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jitlob li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal protesti; jitlob għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi Saħrawi kollha; jilqa' t-twaqqif ta' Mibgħut Speċjali għas-Saħel u jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ internazzjonali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jappoġġa soluzzjoni ġusta u dewwiema tal-kunflitt abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Saħrawi, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti;
Kwistjonijiet oħra
22. Jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC li jinħatar Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jieħu nota tal-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li tistabbilixxi dan il-mandat, li turi li s-sitwazzjoni terribbli tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż qed tiġi rikonoxxuta minn stati madwar id-dinja kollha;
23. Jilqa' l-estensjoni tal-mandati tal-esperti indipendenti dwar il-Côte d’Ivoire, Ħaiti u s-Somalja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi jikkooperaw bis-sħiħ mad-detenturi tal-mandati;
24. Jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;
25. Jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) għal sena oħra; jilqa' l-fatt li r-riżoluzzjoni dwar ir-RDPK ġiet adottata b'kunsens, li juri l-livell qawwi ta' appoġġ għall-mandat; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK biex jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur u jiffaċilita ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-UNHRC jaġixxi fuq it-talba tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tiġi stabbilita kummissjoni internazzjonali ta' inkjesta dwar delitti serji li ilhom iseħħu fir-RDPK għal għexieren ta' snin;
26. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-UNHRC dwar Burma/Mjanmar u jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż; jinnota l-passi meħuda mill-Gvern ta' Burma mill-bidu tal-2011 biex jerġa' jdaħħal il-libertajiet ċivili fil-pajjiż; madankollu, jesprimi preokkupazzjoni kbira ferm dwar l-għadd kbir ta' ċivili midruba jew maqtula minħabba l-operazzjonijiet militari fl-Istat ta' Kashin kif ukoll iż-żieda f'daqqa fil-vjolenza komunali fl-Istat ta' Rakhine u li b'konsegwenza tagħha mietu u ndarbu n-nies, inqerdet il-proprjetà u ġew spostati popolazzjonijiet lokali; jemmen li l-kawża sottostanti tas-sitwazzjoni hija l-politiki diskriminatorji li ilhom jeżistu kontra l-popolazzjonijiet tar-Rohingya u tal-Kashin; jisħaq li jinħtieġu sforzi akbar biex tiġi riżolta l-kawża li minnha toriġina l-problema; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mjanmar biex jaċċellera l-implimentazzjoni tal-impenn tiegħu li jwaqqaf Uffiċċju għall-Pajjiż tal-OHCHR fil-Mjanmar u jenfasizza li rappurtar u monitoraġġ kontinwi mir-Rapporteur Speċjali għandhom jinżammu fil-kuntest attwali;
27. Jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni dwar is-Sri Lanka li tenfasizza r-rikonċiljazzjoni u r-responsabbiltà f'dak il-pajjiż; itenni l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Panel ta' Esperti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sri Lanka, inkluż ir-rispett sħiħ għall-indipendenza tal-ġudikatura bl-għan, inter alia, tal-prosekuzzjoni effikaċi tad-delitti tal-gwerra fl-imgħoddi;
28. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata fl-20 sessjoni tal-UNHRC li tistabbilixxi Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; jinnota li din hija l-ewwel darba li l-UNHRC indirizza din il-kwistjoni u jfaħħar is-sens ta' tmexxija muri mill-pajjiżi Afrikani rigward din il-kwistjoni;
29. Jilqa' l-fatt li s-sitwazzjoni f'Mali qed tinżamm taħt skrutinju strett mill-UNHRC u jfaħħar is-sens ta' tmexxija muri mill-istati Afrikani li ġabu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UNHRC biex jappoġġa l-introduzzjoni rapida ta' kapaċitajiet ta' monitoraġġ f'Mali u biex jitlob li l-OHCHR ikompli jirrapporta dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż;
30. Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), iżda jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż, b'mod partikolari fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana fil-Lvant tal-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-forzi ribelli fil-Lvant tal-pajjiż, b'mod partikolari mill-moviment M23, fuq il-popolazzjoni ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-istupru bħala arma tal-gwerra; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar użu kontinwu tat-tfal bħala suldati u jitlob li jitneħħewlhom l-armi, u jiġu riabilitati u reintegrati; jilqa' l-isforzi li qed isiru biex tinstab soluzzjoni politika paċifika għall-kriżi mill-Istati Membri tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, l-Unjoni Afrikana u n-NU; jerġa' jitlob l-istabbiliment mill-ġdid ta' Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK sabiex jipprovdi mekkaniżmu affidabbli li jiffoka fuq it-tijib tas-sitwazzjoni rigward il-preokkupazzjonijiet serji u li ilhom jeżistu rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
31. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn gruppi armati attakkaw u okkupaw diversi bliet fil-Grigal tal-pajjiż; jilqa' l-ftehimiet iffirmati f'Libreville fil-11 ta’ Jannar 2013, inklużi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u l-ftehim politiku dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-pajjiż; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni rapida ta' dawn il-ftehimiet; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-UE tal-11 ta' Jannar 2013, li titlob li l-firmatarji kollha jonoraw dawn il-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqajmu din il-kwistjoni fil-UNHRC sabiex jagħtu prijorità lill-kwistjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-aġenda internazzjonali;
32. Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Iżrael u f'Gaża wara ż-żieda fil-kunflitt fl-aħħar tal-2012 u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza; itenni t-talba tiegħu biex jitneħħa l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża filwaqt li jitqiesu l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-Iżrael rigward is-sigurtà, u jitlob li jittieħdu passi lejn ir-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Istrixxa ta' Gaża; jilqa' l-missjoni internazzjonali għall-ġbir tal-informazzjoni dwar insedjamenti Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati stabbilita matul id-19-il sessjoni tal-UNHRC, u jistenna bil-ħerqa r-rendikont tagħha matul it-22 sessjoni tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dar il-fatt li l-Iżrael issospenda l-kooperazzjoni tiegħu mal-UNHRC u l-Eżami Perjodiku Universali; jinkuraġġixxi bil-qawwa l-isforzi kollha favur soluzzjoni ta' żewġ stati;
33. Jilqa' l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Novembru 2012 tar-riżoluzzjoni li tagħmel lill-Palestina stat osservatur mhux membru tan-NU; itenni l-appoġġ tiegħu għal dan l-isforz; jinnota l-appoġġ espress mill-UE biex il-Palestina ssir membru sħiħ tan-NU bħala parti minn soluzzjoni politika għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jafferma mill-ġdid li l-UE mhi se tirrikonoxxi l-ebda bidla fil-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftiehma mill-partijiet;
34. Jilqa' l-enfasi li saret mill-UNHRC fuq id-dritt għall-housing u jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għal housing adegwat bħala dritt fundamentali;
35. Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet tal-massa reċenti li twettqu fl-Iran; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni soda tiegħu kontra l-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha;
36. Jiddeplora l-eżekuzzjonijiet imwettqa fil-Ġappun fl-2012 wara l-moratorju fuq din il-prattika matul l-2011, is-sitt eżekuzzjonijiet imwettqa fit-Tajwan f'Diċembru 2012 u l-użu kontinwu tal-piena kapitali fl-Arabja Sawdija matul l-2012; iqis tassew ta' dispjaċir il-ksur tal-moratorju de facto fuq il-piena tal-mewt osservat mill-Indja mill-2004, permezz tal-eżekuzzjoni ta' priġunier f'Novembru 2012, li jmur ukoll kontra t-tendenza globali lejn l-abolizzjoni; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha li għadhom japplikaw il-piena tal-mewt biex ineħħuha kompletament jew tal-anqas jimplimentaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet;
37. Ifakkar fl-importanza kritika mogħtija mill-UE lill-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru l-impenn komuni tagħhom biex jiġi eradikat il-kastig tat-tortura u biex jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;
38. Jinnota b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jisħaq fuq l-enfasi li l-UE tagħmel fuq din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri jkompli jaħdmu fuq il-kwistjoni, u jistenna bil-ħerqa l-Linji gwida ġodda tal-UE li għandhom jitlestew fil-bidu ta' din is-sena; ifaħħar l-ħidma mwettqa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jenfasizza l-importanza tat-tiġdid ta' dan il-mandat matul it-22 sessjoni tal-UNHRC; jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tiġi indirizzata b'mod sħiħ il-problema tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi madwar id-dinja; itenni li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li wieħed jibdel jew jabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, hija dritt fundamentali tal-bniedem;
39. Jilqa' l-proċess li għaddej ta' segwitu għar-rapport tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-liġijiet u l-prassi diskriminatorji u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkuraġġixxi segwitu ulterjuri, anke permezz ta' laqgħat reġjonali, u l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri tal-UE, tal-Kunsill u tas-SEAE; f'dan ir-rigward, assolutament jikkundanna l-għoti tal-piena tal-mewt, ta' sentenzi ta' priġunerija jew ta' kundanni kriminali abbażi tal-orjentament sesswali f'xi pajjiżi, u jitlob li dan jieqaf immedjatament; jilqa' t-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem rigward din il-kwistjoni, kemm fil-UNHRC kif ukoll barra; jiddispjaċih rigward it-tentattivi li għaddejjin biex jikkompromettu l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment permezz ta' riżoluzzjoni dwar il-“valuri tradizzjonali”;
40. Jinnota l-ewwel Forum annwali dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li sar f’Ġinevra mill-4 sas-6 ta' Diċembru 2012, li laqqa' flimkien firxa wiesgħa ta' partijiet interessati biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU f'dan il-qasam; jappoġġa l-konsultazzjonijiet inizjali tal-Forum dwar kif il-gvernijiet u n-negozji jistgħu jiġu mġiegħla jadottaw oqfsa regolatorji, politiċi u ta' implimentazzjoni biex jiġġieldu kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-kummerċ;
41. Jilqa' x-xogħol tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar il-kumpaniji privati fil-qasam militari u tas-sigurtà (PMSCs), li għandu mandat biex jikkunsidra l-possibbiltà ta' qafas regolatorju internazzjonali; jirrikonoxxi l-attenzjoni dettaljata mogħtija lill-possibbiltà li jiġi elaborat strument legalment vinkolanti dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-PMScs u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal tali qafas regolatorju legalment vinkolanti; jinsisti fuq komponent qawwi ta' responsbbiltà u jistieden lill-PMSCs li għadhom ma ffirmawx il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Fornituri Privati ta' Servizzi tas-Sigurtà (ICoC) biex jaderixxu miegħu; jistenna bil-ħerqa l-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' ħidma; jitlob li jiġġedded il-mandat ta' dan il-grupp ta' ħidma;
42. Jenfasizza s-sinifikat tan-natura universali tal-eżerċizzju tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jafferma mill-ġdid l-importanza tal-EPU bl-għan li jinkiseb fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-post fl-Istati Membri kollha tan-NU;
43. Jilqa' l-bidu tat-tieni ċiklu tal-EPU u l-adozzjoni tal-ewwel riżultati tiegħu; itenni l-importanza li t-tieni ċiklu jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;
44. Jemmen li l-implimentazzjoni hija aspett ewlieni fit-twettiq tal-potenzjal tal-proċess tal-EPU; itenni, għalhekk, l-importanza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu għajnuna teknika sabiex jgħinu lill-istati soġġetti għall-eżami jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; jinkuraġġixxi lill-istati, barra minn hekk, biex jippreżentaw aġġornamenti ta' nofs il-perjodu sabiex jgħinu biex tittejjeb l-implimentazzjoni;
45. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE li qed jipparteċipaw fid-djalogi interattivi tal-EPU biex iressqu rakkomandazzjonijiet li jkunu speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, sabiex itejbu l-kwalità tas-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati;
46. Jirrakkomanda l-inklużjoni sistematika tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u fl-istrateġiji għall-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi żgurat is-segwitu għar-riżultati tal-EPU; jirrakkomanda, bl-istess mod, li l-Parlament jirreferi għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet matul iż-żjarat tad-delegazzjonijiet tiegħu stess f'pajjiżi terzi;
47. Jilqa' passi li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fil-proċess tal-EPU ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bidliet fil-lista tal-kelliema, li jagħtu lill-istati kollha li jixtiequ jitkellmu matul il-proċess tal-EPU l-possibbiltà li jagħmlu dan; itenni l-apprezzament tiegħu tar-rwol aktar b'saħħtu miksub mill-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-Prinċipji ta' Pariġi; jilqa' l-parteċipazzjoni msaħħa mill-post bis-sħħa tal-użu akbar tal-vidjokonferenzi;
48. Jemmen li jista' jsir iżjed biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-proċess tal-EPU, anke fl-implimentazzjoni tar-riżultati tiegħu, u b'mod aktar ġenerali fil-ħidma tal-UNHRC;
Il-Proċeduri Speċjali
49. Jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-Proċeduri Speċjali fil-kredibbiltà u l-effikaċja tal-ħidma tal-UNHRC u l-pożizzjoni ewlenija tagħhom fil-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u jenfasizza l-importanza fundamentali tal-indipendenza ta' dawn il-mandati;
50. Iħeġġeġ lill-istati jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali, anke billi jilqgħu lid-detenturi tal-mandati għal żjarat fil-pajjiż mingħajr dewmien, iwieġbu għall-azzjonijiet urġenti tagħhom u l-allegazzjonijiet ta' ksur u jiżguraw segwitu xieraq għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-detenturi tal-mandati; iħeġġeġ lill-membri tal-UNHRC jmexxu billi jagħtu l-eżempju fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;
51. Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-UE biex tiġi estiża b'mod konġunt stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tmexxi billi tagħti l-eżempju fir-rigward ta' din il-kwistjoni; jinkuraġġixxi lil stati membri oħra tan-NU biex jagħmlu l-istess;
52. Jikkundanna l-forom kollha ta' ritaljazzjoni kontra persuni li jikkooperaw mal-proċess tal-EPU u l-Proċeduri Speċjali; jenfasizza li azzjoni bħal din tikkomprometti s-sistema sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE; iħeġġeġ lill-istati kollha jipprovdu protezzjoni adegwata kontra atti ta' intimidazzjoni bħal dawn;
L-involviment tal-UE
53. Itenni bl-aktar mod qawwi l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-mekkaniżmi tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-UNHRC; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu dan billi jikkosponsorjaw riżoluzzjonijiet, billi jipparteċipaw attivament f'dibattiti u fi djalogi interattivi, u billi joħorġu stqarrijiet; jappoġġa bil-qawwa r-rikors li qed jiżdied min-naħa tal-UE għal inizjattivi transreġjonali;
54. Jenfasizza l-importanza li l-ħidma li qed issir f'Ġinevra fil-kuntest tal-UNHRC tiġi integrata fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE, fosthom f'dawk tal-Parlament;
55. Jissottolinja l-importanza tal-istabbiliment tal-pożizzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE); jinkuraġġixxi lill-RSUE jsaħħaħ l-effikaċja, il-koerenza u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC u jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali;
56. Jinkuraġġixxi lill-VP/RGħ tal-UE u lir-RSUE jkunu preżenti fis-Segment ta' Livell Għoli tal-UNHRC;
57. Itenni l-effikaċja potenzjai tal-azzjoni tal-UE meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jużaw il-piż kollettiv tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jitlob għal azzjoni aktar soda u ambizzjuża u impenji konkreti minflok ma jiġi aċċettat id-denominatur komuni l-aktar baxx; jinkuraġġixxi, f'dan il-kuntest, lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE f'Ġinevra u fi New York, biex iżid il-koerenza tiegħu permezz ta' konsultazzjoni sostantiva u f'waqtha;
58. Jisħaq fuq is-sinifikat tar-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltajiet, l-ewwel okkażjoni li fiha l-UE rratifikat konvenzjoni tan-NU bħala entità ġuridika; u jistieden lill-UE tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;
59. Itenni għal darb'oħra l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex jiġu ssodisfati l-indiviżibbiltà u l-universalità tad-drittijeit tal-bniedem u biex jappoġġaw ix-xogħol tal-UNHRC f'dan ir-rigward, b'mod particolari billi jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jkun stabbilixxa dan il-korp; itenni d-dispjaċir tiegħu li l-ebda Stat Membru tal-UE ma rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom; itenni wkoll, id-dispjaċir tiegħu li diversi Stati Membri għadhom ma adottawx u/jew għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat jew il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn u li żewġ Stati Membri biss irratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli, u jħeġġiġhom jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv reċenti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar proċedura ta' komunikazzjoni, li nfetħet għall-iffirmar f'Ġinevra, l-Isvizzera, fit-28 ta' Frar 2012; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jippreżentaw ir-rapporti perjodiċi tagħhom lill-korpi ta' monitoraġġ tan-NU fil-ħin;
60. Itenni kemm huwa importanti li l-UE tiddefendi l-indipendenza tal-OHCHRu li tiżgura li jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod imparzjali; u jfakkar fl-importanza li jiġi żgurat li jingħata biżżejjed finanzjament biex l-uffiċċji reġjonali tal-OHCHR jibqgħu miftuħin;
61. Jinnota li l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija prijorità ewlenija tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-ritaljazzjoni u l-intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDD) li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU jheddu li jdgħajfu din is-sistema; japprezza, għalhekk, l-appoġġ prattiku u finanzjarju allokat għall-protezzjoni urġenti u l-appoġġ tad-DDB taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);
62. Jilqa' l-istabbiliment fl-2012 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) ibbażat fi Brussell; jirrikonoxxi l-isforzi tal-COHOM biex itejjeb it-tħejjija u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC, inkluża l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-COHOM f'Ġinevra; itenni l-aspettattivi tiegħu li l-COHOM se jkun strumentali fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-konsistenza bejn il-politika interna u esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;
63. Jistenna li l-iżvilupp tal-istrateġiji għall-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi kkorrdinat kif xieraq mal-azzjoni tal-UE fil-fora tan-NU; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-istrateġiji għall-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu ikkomunikati lill-Parlament Ewropew u jsiru pubbliċi meta dan ikun possibbli sabiex jagħtu viżibbiltà lill-impenn tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi u sabiex dawk li qed jissieltu għad-drittijiet tal-bniedem isibu appoġġ f'dawn id-dokumenti;
64. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi enfasizzata fil-UNHRC l-kwistjoni inkwetanti tal-ispazju dejjem jonqos għall-NGOs f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja; jinkuraġġixxi lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti biex iqajmu din il-kwistjoni;
65. Jerġa' jistieden, fid-dawl ta' rapporti ġodda li kumpaniji tal-UE qed ikunu kompliċi f'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, lill-VP/RGħ biex jiġbed l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika aktar ambizzjuża dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effikaċi biex tkun żgurata r-responsabbiltà tal-kumpanniji għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-politiki interni u esterni jsritu aktar konsistenti u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni sabiex jiġu evitati standards doppji;
66. Jagħti mandat lid-delegazzjoni tiegħu għat-22 sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib u l-fehmiet espressi f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tagħha; iqis li huwa indispensabbli li tissokta l-prattika li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament għal sessjonijiet relevanti tal-UNHRC u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;
o o o
67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-67 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.