Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar l-attakki riċenti fuq il-ħaddiema ta' assistenza medika fil-Pakistan (2013/2537(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (Unicef) fit-18 ta' Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” (COM(2008)0055),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(1),
– wara li kkunsidra l-pjan ta' involviment fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan ta' Marzu 2012, li jistipula prijoritajiet bħall-governanza tajba, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-għoti tas-setgħa lin-nisa u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan tal-25 ta' Ġunju 2012, li jtennu l-aspettattivi tal-UE rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett ta' dawn id-drittijiet,
– wara li kkunsidra l-programm nazzjonali għall-qerda tal-poljo, mibdi mill-Pakistan fl-1994,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Globali tal-WHO għall-Qerda tal-Poljo (GPEI) u l-Pjan Strateġiku l-ġdid tagħha għall-Qerda tal-Poljo u l-Aħħar Battalja Kontrih (2013-2018),
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Pakistan, skont il-WHO, huwa wieħed mil-aħħar tliet pajjiżi fejn il-poljo għadu endemiku, b'198 infezzjoni fl-2011; billi, skont il-WHO, nuqqas li jitwaqqaf il-poljo jfisser riskji serji għas-saħħa għar-reġjun u lil hinn minnu, peress li l-poljo huwa marda infettiva ħafna;
B. billi fl-1 ta' Jannar 2013 sitt ħaddiema ta' assistenza medika u tabib inqatlu b'tiri ta' arma tan-nar fi triqthom lura d-dar miċ-ċentru komunitarju fejn kienu impjegati minn organizzazzjoni mhux governattiva fir-reġjun Swabi fil-Majjistral, madwar 75 kilometru (45 mil) fil-Majjistral tal-kapitali, Islamabad;
C. billi mis-17 sad-19 ta' Diċembru 2012, disa' ħaddiema tas-saħħa involuti fil-kampanja tal-Pakistan għall-qerda tal-poljo, sitta minnhom nisa, inqatlu b'tiri ta' arma tan-nar f'Karachi u f'Peshawar;
D. billi fid-29 ta' Jannar 2013, pulizija li kien qed jipprovdi sigurtà għal tim ta' tilqim kontra l-poljo protett min-NU nqatel viċin ta' Swabi, u billi fil-31 ta' Jannar 2013 żewġ ħaddiema tat-tilqim kontra l-poljo nqatlu fi splużjoni ta' mina fil-Majjistral tal-Pakistan, għalkemm mhuwiex ċar jekk dan kienx attakk immirat;
E. billi f'attakk ieħor f'Lulju 2012, tabib Ganjan tal-WHO u x-xufier tiegħu, li kienu qed jgħinu fil-ġlieda kontra l-poljo f'Karachi, indarbu;
F. billi huwa ssuspettat li dawn l-attakki kollha kienu marbuta ma' kampanji biex it-tfal Pakistani jitlaqqmu kontra l-poljo;
G. billi l-aħħar serje ta' qtil wasslu lill-WHO u lill-Unicef biex jissospendu l-kampanji tal-poljo fil-pajjiż; billil l-Gvern tal-Pakistan u l-provinċji ta' Sindh u Khyber ukoll issospendew temporanjament il-kampanji ta' tilqim minħabba tħassib rigward is-sikurezza tal-ħaddiema tas-saħħa;
H. billi l-Gvern tal-Pakistan iddikjara l-poljo bħala emerġenza nazzjonali u bħalissa qiegħed iwettaq kampanja ta' tilqim kontra l-poljo fi sforz biex jeqred il-marda fit-territorju tiegħu; billi din il-kampanja hija appoġġata internazzjonalment mill-WHO, mill-Unicef u minn oħrajn u hija parti mill-Inizjattiva Globali għall-Qerda tal-Poljo; billi l-kampanja qed tiffoka fuq 33 miljun tifel u tifla għat-tilqim, b'bosta mijiet ta' eluf ta' ħaddiema tas-saħħa, ħafna minnhom nisa, iwettqu tilqim fil-pajjiż kollu;
I. billi l-infiq fuq is-settur tas-saħħa fil-Pakistan jirċievi inqas minn 0,3 % tal-baġit annwali, kemm fil-livell federali kif ukoll fil-livelli provinċjali;
J. billi l-parti l-kbira tal-attakki fuq il-ħaddiema tas-saħħa seħħew f'żoni tal-Majjistral viċin ta' fortizzi militanti, u huma allegatament konnessi mat-Taliban;
K. billi attakki bħal dawn iċaħħdu lit-tfal fil-Pakistan mid-dritt tagħhom għal interventi tas-saħħa bażiċi li jsalvaw il-ħajja, u jqiegħduhom f'riskju ta' mard li jikkawża diżabbiltà tul il-ħajja kollha;
L. billi r-raġuni għall-attakki riċenti jidher li hi l-oppożizzjoni għall-kampanji ta' tilqim fost il-gruppi estremisti Iżlamiċi, li jallegaw li t-tilqima hija maħsuba biex it-tfal Musulmani tagħmilhom sterili;
M. billi, biex jiġġustifikaw l-atti kriminali tagħhom, it-Taliban użaw l-iskuża li fil-passat aġenziji barranin tas-servizzi sigrieti użaw timijiet lokali tat-tilqim fil-Pakistan għall-iskop li jiġbru l-informazzjoni;
N. billi l-edukaturi u l-ħaddiema tas-saħħa qegħdin dejjem aktar ikunu fil-mira ta' gruppi Iżlamiċi militanti bħal Tehreek-e-Taliban (TTP) u Jundullah, li jopponu l-isforzi ta' kontra l-poljo fil-Pakistan, peress li jqisuhom mezz kif tiġi promossa aġenda barranija u liberali;
O. billi l-attakki fatali jirriflettu n-nuqqas ta' sigurtà li qed jikber u li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema umanitarji fil-Pakistan; billi, skont ir-rapport tal-2012 tal-Bażi ta' Dejta tas-Sigurtà tal-Ħaddiema Umanitarji, il-Pakistan huwa fost il-ħames l-aktar pajjiżi perikolużi għall-ħaddiema umanitarji;
P. billi l-NGOs u l-ħaddiema umanitarji għandhom rwol vitali f'ħafna żoni u provinċji tal-Pakistan, b'mod partikolari f'żoni tribali, fejn il-gvern ma kienx kapaċi jipprovdi servizzi bħal kliniki mediċi jew skejjel;
Q. billi l-parti l-kbira tal-vittmi tal-attakki fuq il-ħaddiema mediċi kienu nisa, fatt li jikkoinċidi mal-prattiki tas-soltu tal-militanti tat-Taliban li jattakkaw il-ħaddiema u l-attivisti nisa biex jibgħatu l-messaġġ li n-nisa ma jistgħux jaħdmu barra d-dar;
1. Jikkundanna b'mod qawwi d-diversi każijiet ta' qtil ta' ħaddiema mediċi u tal-forzi tas-sigurtà assenjati biex jipproteġuhom, kif ukoll l-attakki fuqhom, li seħħew f'xhur riċenti; jenfasizza li dawn l-attakki jċaħħdu lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli tal-Pakistan, speċjalment it-tfal, minn interventi tas-saħħa bażiċi li jsalvaw il-ħajja;
2. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;
3. Jilqa' l-kundanna ġenerali tal-attakki mill-Gvern tal-Pakistan u mis-soċjetà ċivili tal-pajjiż;
4. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan iressaq lil dawk responsabbli għall-attakki fix-xhur riċenti quddiem il-ġustizzja;
5. Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu għall-kuraġġ u d-determinazzjoni ta' dawk il-ħaddiema tas-saħħa, ħafna minnhom nisa, li minkejja li jaffaċċjaw periklu kbir, jaħdmu b'altruiżmu biex jeqirdu l-poljo u jipprovdu servizzi oħra tas-saħħa lit-tfal fil-Pakistan;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu joperaw f'ambjent sikur; għadu mħasseb serjament li l-ħaddiema umanitarji internazzjonali qegħdin dejjem aktar jiġu konnessi mill-militanti ma' aġenti tas-servizzi sigrieti u forzi militari tal-Punent;
7. Jenfasizza li l-interruzzjoni tal-programm tat-tilqim kontra l-poljo fil-Pakistan jagħti daqqa ta' ħarta serja lill-isforzi dinjija biex tinqered il-poljo darba għal dejjem fil-futur qarib;
8. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ta' Emerġenza tal-Gvern Pakistani għall-Qerda tal-Poljo fl-2012 u jenfasizza l-importanza li jitkompla b'suċċess biex tiġi evitata żieda fl-għadd ta' infezzjonijiet; jinnota li mill-bidu tal-aħħar kampanja ta' tilqim, l-għadd ta' infezzjonijiet laħaq livelli baxxi storiċi;
9. Jilqa' l-impenn espress mill-WHO u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex ikomplu jappoġġaw lill-Gvern tal-Pakistan u lill-poplu tal-Pakistan fl-isforzi tagħhom biex jeħilsu lill-pajjiż mill-poljo u minn mard ieħor;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkunsidraw li jaħdmu mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-appoġġ għall-Programm “Lady Health Worker”, li għandu l-għan li jżid l-aċċess għal servizzi bażiċi tas-saħħa preventiva, b'mod partikolari f'żoni rurali;
11. Jilqa' l-isforzi li diġà saru mill-Gvern tal-Pakistan biex jiżgura s-sikurezza waqt kampanji mediċi u biex jiżviluppa strateġija ġdida biex jipproteġi l-ħaddiema umanitarji; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan, madankollu, iżid b'mod sinifikanti l-miżuri ta' sigurtà għall-organizzazzjonijiet umanitarji u għall-ħaddiema tagħhom;
12. Jistieden lil-gvernijiet madwar id-dinja jissalvagwardjaw in-newtralità tal-ħidma umanitarja, peress li n-nuqqas li jsir dan iwassal sabiex għexieren ta' eluf ta' persuni jkunu vulnerabbli għall-mard u jipperikola dawk li jipprovdu servizzi tas-saħħa leġittimi u essenzjali;
13. Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-Pakistan, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet li jsiru attivi fis-soċjetà u li ġew mhedda mit-Taliban u minn gruppi estremisti oħrajn;
14. Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Pakistan jimplimenta kampanja ta' informazzjoni komprensiva biex jibni aktar appoġġ u sjieda fis-soċjetà Pakistana u jsaħħaħ il-livell tal-fiduċja rigward kampanji ta' tilqim; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Gvern Pakistani jidħol fi djalogu mal-mexxejja komunitarji biex jindirizza l-kawżi li minnhom toriġina l-problema;
15. Jemmen li kemm il-midja kif ukoll is-soċjetà ċivili fil-Pakistan, f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs involuti fl-azzjoni umanitarja, għandhom obbligu li jgħinu biex jiżdied l-għarfien tar-rwol importanti u indipendenti li għandhom il-ħaddiema ta' assistenza medika fl-għoti ta' assistenza lill-popolazzjoni;
16. Itenni r-rieda tal-UE li tipprovdi assistenza għall-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt fil-Pakistan, li se jkunu kruċjali għall-futur demokratiku tiegħu u għall-istabbiltà fir-reġjun; jinnota li l-UE għadha ma rċevitx ittra ta' stedina formali mill-awtoritajiet Pakistani biex tagħmel dan;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lil UN Women, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Unicef, lill-WHO u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.