Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2264(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0022/2013

Testi mressqa :

A7-0022/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2013 - 8.2
CRE 12/03/2013 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0062

Testi adottati
PDF 310kWORD 31k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew (l-Ajruport ta' Vjenna)
P7_TA(2013)0062A7-0022/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew rigward l-inkjesta tiegħu dwar l-ilment 2591/2010/GG kontra l-Kummissjoni Ewropea (l-Ajruport ta' Vjenna) (2012/2264(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali indirizzat mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0022/2013),

A.  billi l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni rigward każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni;

B.  billi l-ilmenti li jitressqu miċ-ċittadini tal-UE jikkostitwixxu sors importanti ta' informazzjoni dwar il-possibbiltà ta' ksur tal-liġi tal-UE;

C.  billi, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, “kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni’;

D.  billi la t-Trattati u lanqas l-Istatut tal-Ombudsman ma jagħtu definizzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, u b'hekk iħallu dan il-kompitu f'idejn l-Ombudsman Ewropew, suġġett għall-awtorità interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja; billi, fl-ewwel Rapport Annwali tiegħu, l-Ombudsman introduċa lista mhux eżawrjenti ta' każijiet ta' kondotta li jistgħu jitqiesu bħala amministrazzjoni ħażina;

E.  billi, wara stedina sussegwenti mill-Parlament biex jagħti definizzjoni preċiża u ċara ta' amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman Ewropew iddikkjara fir-Rapport Annwali tiegħu għall-1997 li 'amministrazzjoni ħażina sseħħ meta korp pubbliku jonqos milli jaġixxi skont regola jew prinċipju li jorbtuh';

F.  billi din id-definizzjoni ġiet issupplimentata b'dikjarazzjoni li skontha, meta jiġi investigat jekk istituzzjoni jew korp tal-Komunità jkunux aġixxew skont ir-regoli u l-prinċipji li jorbtuhom, il-kompitu li jiġi l-ewwel u qabel kollox irid ikun li jiġi stabbilit jekk dawn ikunux aġġixxew skont il-liġi;

G.  billi l-Ombudsman jissorvelja wkoll l-applikazzjoni tal-kodiċijiet ta' mġiba amministrattiva tajba li l-istituzzjonijiet iffirmaw għalihom u li jesprimu l-prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva, inklużi elementi tal-prinċipju ta' servizz, kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li hi applikabbli b'mod sħiħ għall-partijiet kollha tal-amministrazzjoni tal-UE stess;

H.  billi, wara li ressaq 18-il rapport speċjali f’16-il sena u nofs, l-Ombudsman s’issa aġixxa b’mod kooperattiv u responsabbli ħafna billi għamel użu minn tali rapporti lill-Parlament Ewropew bħala għodda politika finali biss u b’hekk wera l-ispirtu ġenerali tiegħu għal soluzzjonijiet konsenswali;

I.  billi dan ir-Rapport Speċjali jikkonċerna l-mod kif il-Kummissjoni ttrattat ilment imressaq lilha fl-2006 minn 27 inizjattiva ta’ ċittadini li qed jiġġieldu kontra dawk li huma jqisu konsegwenzi negattivi tal-espansjoni tal-Ajruport ta' Vienna;

J.  billi l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VIA(2) jistabbilixxi li 'Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li [...] proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent [...] ikunu suġġetti għal ħtieġa ta' kunsens għall-iżvilupp u stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom';

K.  billi l-Kummissjoni kkonkludiet li x-xogħlijiet għall-espansjon tal-ajruport twettqu mingħajr il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) obbligatorju u indirizzat avviż ta’ tqegħid fil-mora lill-Awstrija fil-21 ta' Marzu 2007 talli ħalliet barra l-VIA; billi fir-risposta tagħha tas-7 ta' Mejju 2007 l-Awstrija ma setgħetx tikkonfuta l-fatt li l-miżuri ta' infrastruttura kkonċernati kienu wasslu u kienu għadhom qed iwasslu għal żieda sinifikanti fit-traffiku tal-ajru u l-fastidju minħabba t-traffiku tal-ajruplani fuq Vienna, jiġifieri li dawn il-miżuri kellhom effetti ambjentali sinifikanti;

L.  billi, fid-dawl tal-fatt li x-xogħlijiet jew kienu kompluti jew kienu waslu biex ikunu ffinalizzati, il-Kummissjoni ppreferiet – minflok tressaq lill-Awstrija quddiem il-QtĠ-UE – tipprova tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Awstrijaċi li kemm jista' jkun jirrimedjaw dan in-nuqqas; billi l-Kummissjoni qablet mal-awtoritajiet Awstrijaċi li dawn tal-aħħar iwettqu VIA ex post biex jiġi determinat inter alia liema miżuri jkunu meħtieġa biex jitnaqqsu l-effetti tal-istorbju fuq il-popolazzjoni li tgħix viċin l-ajruport;

M.  billi l-Ombudsman aċċetta din l-għażla tal-Kummissjoni; billi l-ilmentatur ma kienx kuntent bil-mod kif twettqet il-VIA ex post, filwaqt li kkritika b'mod partikulari l-fatt li ma kellux aċċess għal rimedju ġudizzjarju kif previst mid-Direttiva dwar il-VIA u li l-awtorità responsabbli għall-VIA, il-Ministeru għat-Trasport tal-Awstrija, kienet l-istess awtorità li qabel kienet ikkonċediet il-permessi għax-xogħlijiet rilevanti u għaldaqstant sabet lilha nnifisha f'kunflitt ta' interess;

N.  billi, wara l-investigazzjoni tiegħu, l-Ombudsman kien tal-fehma li ma setax jikkonkludi li l-Kummissjoni kienet żgurat li l-VIA ex post kienet twettqet kif suppost; billi madankollu huwa għalaq il-każ, peress li qies li ma ma kienx hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri min-naħa tiegħu ġaladarba l-proċedura kienet għadha għaddejja u l-Kummissjoni kienet iddikjarat li kienet se tagħlaq il-każ ta' ksur tagħha biss meta tkun sodisfatta li l-awtoritajiet Awstrijaċi jkunu ħadu l-passi neċessarji;

O.  billi f'Novembru 2010 l-ilmentaturi rrikorrew mill-ġdid għand l-Ombudsman u nfetħet it-tieni inkjesta, li matulha l-Ombudsman wettaq spezzjoni tal-fajl tal-Kummissjoni. billi l-Ombudsman ikkunsidra li l-fajl ma kienx juri li r-rappreżentazzjonijiet li l-ilmentaturi kienu għamlu matul dak il-perjodu li fih l-VIA ex post kien qed jitwettaq kienu ġew diskussi mal-awtoritajiet Awstrijaċi, u lanqas li d-deċiżjoni tal-Ombudsman fl-ewwel ilment kienet wasslet għal xi korrispondenza ulterjuri apparti r-rapporti dwar il-VIA mill-Awstrija;

P.  billi din is-sitwazzjoni wasslet lill-Ombudsman għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet naqset milli tikkunsidra r-riżultati tiegħu mill-ewwel inkjesta, b'mod partikolari li ma kenitx konsistenti fit-tweġibiet tagħha lill-Ombudsman rigward il-possibbiltà ta' rimedju ġuridiku kontra l-VIA ex post u li ma kenitx insistiet sabiex għat-twettiq tal-VIA tinħatar entità differenti mill-Ministeru għat-Trasport, li kien awtorizza x-xogħlijiet;

Q.  billi l-Ombudsman għamel abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni, fejn iħeġġiġha 'tikkunsidra mill-ġdid l-approċċ tagħha fir-rigward ta' kif tittratta l-ilment ta' ksur imressaq mill-ilmentaturi dwar l-Ajruport ta' Vienna u tindirizza n-nuqqasijiet enfasizzati mill-Ombudsman' u fejn jindika li dan ifisser 'li l-azzjonijiet ulterjuri tal-Kummissjoni fil-proċedimenti ta' ksur għandhom jikkunsidraw l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali biex ikun żgurat li (i) l-ilmentaturi għandhom aċċess għal proċedura ta' stħarriġ u (ii) jittieħdu passi fil-konfront tal-kunflitt ta' interess evidenti fl-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE;

R.  billi, fit-tweġiba tagħha lill-Ombudsman dwar l-ewwel punt, il-Kummissjoni argumentat li kienet qajmet il-kwestjoni tar-rimedju legali mal-awtoritajiet Awstrijaċi iżda kienet aċċettat il-pożizzjoni tagħhom li dan kien joħloq problemi f’dik li hi l-liġi nazzjonali tal-proċedura ġudizzjarja, u rrimarkat li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu ntrabtu li jiżguraw li l-effetti kumulattivi tax-xogħlijiet preċedenti, dawk ivvalutati ex post biss, kienu se jiġu kkunsidrati għalkollox f'VIA tat-tielet runway ġdida li għaliha jkun possibbli li jsir stħarriġ ġudizzjarju sħiħ;

S.  billi l-argument tal-Kummissjoni rigward it-tieni allegazzjoni ta' amministrazzjoni ħażina kien li d-Direttiva dwar il-VIA ma kienet stabbiliet l-ebda dispożizzjoni rigward id-distribuzzjoni tal-kompetenzi fir-rigward tal-proċedura tal-VIA li għandha titwettaq fl-Istati Membri; billi, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarità, huwa kompletament f'idejn l-Istati Membri li, peress li huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tagħhom stess, jiddeċiedu liema awtorità għandha tkun inkarigata mill-proċeduri skont id-Direttiva dwar il-VIA, u billi huwa prinċipju ġenerali tal-liġi amministrattiva fl-Istati Membri kollha li awtorità li tkun ħadet deċiżjoni illegali li kienet suġġetta għal appell amministrattiv jew deċiżjoni tal-qorti hi responsabbli li ssib rimedju għas-sitwazzjoni;

T.  billi, għaldaqstant, l-abbozz ta' rakkomandazzjoni ma kisibx suċċess u l-Ombidsman ikkunsidra li l-każ preżenti kien eżempju ta' sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni, fir-rigward ta' ksur evidenti tal-liġi tal-UE, kienet naqset milli tieħu azzjoni ta' rimedju xierqa billi tiżgura li l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ex post tkun twettqet b'mod imparzjali u fejn ma segwietx kif xieraq il-parir tal-Ombudsman rigward l-aċċess għar-rimedju ġuridiku kontra din il-valutazzjoni;

U.  billi għaldaqstant l-Ombudsman kien tal-fehma li kien xieraq li jiġbed l-attenzjoni tal-Parlament rigward din il-kwestjoni;

V.  billi l-Kummissjoni adottat proposta għal rieżami tad-Direttiva dwar il-VIA fis-26 ta' Ottubru 2012; billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tagħha fassal rapport fuq inizjattiva leġiżlattiva b'talba għal regolament ġenerali dwar proċedura amministrattiva għall-amministrazzjoni tal-UE stess;

Ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

1.  Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Ombudsman, li jenfasizza l-kwistjonijiet importanti relatati ma’ problemi rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VIA u t-tmexxija tal-proċedimenti ta' ksur;

2.  Ifakkar li l-amministrazzjoni ħażina sseħħ meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbtuh,

3.  Jinnota li l-allegata amministrazzjoni ħażina tikkonċerna l-mod kif il-Kummissjoni ttrattat il-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Awstrija, speċjalment in-nuqqas tagħha li tiżgura kemm li l-awtorità li kienet ħarġet il-permessi għax-xogħlijiet mingħajr il-valutazzjoni tal-impatt meħtieġa ma tkunx responsabbli li twettaq il-VIA ex post u kemm li l-ilmentatur ikollu aċċess għal rimedju legali kontra din il-valutazzjoni;

4.  Jisħaq li dan ir-Rapport Speċjali ma jittrattax il-mistoqsija dwar jekk l-awtoritajiet Awstrijċi aġixxewx ħażin, iżda jindirizza l-mistoqsija dwar jekk il-Kummissjoni naqsitx mill-obbligi tagħha meta investigat u ħadet passi fuq ilment li rċeviet u fit-tweġiba tagħha għat-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman mill-ewwel investigazzjoni tiegħu dwar dan il-każ;

5.  Jikkondividi t-tħassib tal-Ombudsman dwar l-impatt potenzjalment negattiv tal-kunflitti ta' interess fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u jaqbel li għandhom jinstabu mezzi biex din il-kwestjoni tiġi indirizzata filwaqt li fl-istess ħin jifhem it-tħassib tal-Kummissjoni li kienent tmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha li kieku kellha titlob lill-awtoritajiet Awstrijaċi jaħtru entità oħra biex tkun responsabbli għall-valutazzjoni ex post;

6.  Jagħti parir lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri joqogħdu attenti għal kunflitti potenzjali ta’ interess li jinsabu diġà fl-istat preżenti tal-liġi u biex jippreparaw għal bidliet eventwali fid-dritt tal-UE f'dan ir-rigward; jenfasizza r-rwol tal-Ombudsmen nazzjonali bħala medjaturi importanti biex jgħinu liċ-ċittadini jieħdu azzjoni kontra kunflitti potenzjali ta’ interess u każijiet ta' amministrazzjoni ħażina b'mod ġenerali fi ħdan l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri;

7.  Iqis, fir-rigward tat-tieni allegazzjoni tal-Ombudsman, li inklużjoni onesta, attiva u komprensiva tal-popolazzjoni lokali fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VIA hija b'mod ġenerali essenzjali u għalhekk jemmen li għandhom jitwettqu proċeduri ta' medjazzjoni miftuħa u trasparenti aktar ta' spiss qabel ma jinbdew proġetti li jistgħu jħallu impatt kbir fuq l-ambjent lokali u s-saħħa tal-bniedem; f’dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-medjazzjoni pubblika li saret qabel il-VIA fir-rigward tal-bini tat-tielet runway fl-ajruport ta’ Vjenna u li qieset ukoll l-impatt kumulattiv, pereżempju l-inkonvenjent tal-ħsejjes, ta' dawk l-estensjonijiet li jwasslu għall-każ ta' ksur inkwistjoni u li għalih hija disponibbli proċedura sħiħa ta' stħarriġ;

8.  Jaqbel mal-Ombudsman li ż-żamma u l-aġġornament ta' rekords ċari jagħmlu parti minn amministrazzjoni tajba peress li jippermettu, pereżempju, lill-Ombudsman Ewropew jivverifika li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jkunu ġew ikkunsidrati kif xieraq;

9.  Iqis li huwa wkoll rakkomandabbli, bħala element rilevanti ta’ prattika amministrattiva tajba, li tinżamm korrispondenza xierqa, ċara u konsistenti mal-ilmentaturi matul il-proċedimenti ta’ ksur u mal-Ombudman waqt l-investigazzjonijiet tiegħu;

10.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li bi ħsiebha ttejjeb il-prattika tagħha fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet – rekords bil-miktub u korrispondenza dettaljata – sabiex tevita l-problemi ta' komunikazzjoni li ġew esperjenzati f'dan il-każ;

11.  Jenfasizza li la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet Awstrijaċi ma kienu qed jiksru xi leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti meta wettqu l-VIA ex post, li kienet ibbażata fuq proċedura sui generis innegożjata ad-hoc; jirrimarka, madankollu, li, peress li d-dritt tal-UE ma jipprovdi l-ebda bażi ġuridika għal tali proċedura, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala eċċezzjonali u konsegwenza ta' nuqqas preċedenti ta' konformità mad-direttiva, li ma jistax jiġi rrimedjat;

12.  Jikkunsidra li, fin-negozjati tagħha mal-awtoritajiet Awstrijaċi, il-Kummissjoni setgħet għamlet sforzi akbar fir-rigward tad-disponibbiltà tal-istħarriġ ġudizzjarju, filwaqt li tiġi meqjusa t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti (Artikolu 10a) fil-liġi Awstrijaka fl-2005, kif ukoll fir-rigward tal-kunflitt ta' interess fil-Ministeru Awstrijak responsabbli, fid-dawl tal-prinċipju globali fil-ġurisprudenza tal-UE li mhux it-test tal-liġi biss għandu tiġi mħares iżda li l-iskop u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

Il-Każ tal-Ajruport ta' Vjenna, ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-VIA u r-Regolament dwar amministrazzjoni tajba

13.  Jikkunsidra li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ ksur tal-Kummissjoni u konsegwentement għall-ilment lill-Ombudsman Ewropew iqajmu mistoqsijiet serji fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE minn Stat Membru f’dak iż-żmien, f'dan il-każ l-Awstrija; jilqa' l-fatt li r-reviżjoni tal-2009 tal-liġi federali Awstrijaka li timplimenta d-Direttiva dwar il-VIA ikkunsidrat kif xieraq, inter alia, is-sejbiet tal-proċedura ta’ ksur inkwistjoni u b’hekk ġabet il-leġiżlazzjoni Awstrijaka konformi mad-dritt tal-UE f’dan ir-rigward;

14.  Ifakkar li matul is-snin kien hemm għadd ta' każijiet fejn l-Istati Membri allegatament ippermettew li proġetti jiġu awtorizzati u jitwettqu mingħajr il-VIA meħtieġa li tressqu quddiem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu;

15.  Jemmen li, f'każijiet fejn il-proġetti jkollhom probabbiltà kbira li jiksru r-rekwiżiti bażiċi tad-Direttiva dwar il-VIA, il-pubbliku kkonċernat għandu jkollu strumenti ġuridiċi effettivi disponibbli biex ikun jista’ jfittex kjarifika immedjata mingħand l-awtorità tal-VIA responsabbli fir-rigward tal-konformità tal-proġetti mar-regoli tal-UE, sabiex tiġi pprevenuta ħsara ambjentali irriversibbli meta tali proġetti jiġu implimentati;

16.  Jinnota wkoll li l-idea ta' VIA ex post ma tidhirx fid-Direttiva attwali dwar il-VIA u li dan l-istrument ġie nnegozjat mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi ttrattata sitwazzjoni de facto, fejn il-permessi kienu diġà ngħataw u x-xogħlijiet kienu diġà twettqu;

17.  Jirrimarka li l-każ tal-Ajruport ta' Vjenna jenfasizza n-nuqqasijiet fid-Direttiva attwali dwar il-VIA, bħal pereżempju kif għandhom jiġu ttrattati proġetti li huma prattikament irriversibbli peress li jkunu diġà ġew implimentati, bil-possibbiltà li tkun diġà saret ħsara ambjentali, u l-problema ta' kunflitti ta' interess fi ħdan l-awtoritajiet responsabbli, kif allegat fil-każ preżenti;

18.  Jirreferi għar-Rapport Annwali 2011 tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu, li enfasizza l-bżonn li tiġi żgurata oġġettività u imparzjalità fir-rigward tal-VIA; ifakkar li l-Kummissjoni kienet mitluba tiżgura li d-Direttiva dwar il-VIA tiġi 'msaħħa billi jkunu provduti parametri aktar ċari fir-rigward tal-indipendenza tal-istudji peritali, il-limiti komuni tal-UE, perjodu massimu għall-proċess, inkluża konsultazzjani pubblika effettiva, ir-rekwiżit li d-deċiżjonijiet ikunu ġustifikati, il-valutazzjoni mandatorja ta’ alternattivi raġonevoli u mekkaniżmu għall-kontroll tal-kwalità';

19.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva tal-VIA bil-għan li din tiġi msaħħa; jesprimi l-impenn tiegħu li jagħmel sforz biex jinvolvi ruħu bis-sħiħ mal-Kummissjoni u l-Kunsill fil-proċedura sabiex jiġi żgurat li din id-direttiva importanti sservi l-iskopijiet tagħha b'mod dejjem aktar effiċjenti u oġġettiv(3);

20.  Jinnota li d-direttiva attwali ma fihiex rekwiżiti marbuta mal-oġġettività u l-imparzjalità tal-awtoritajiet responsabbli mill-awtorizzazzjoni u ma tistabbilixxix rekwiżiti ta' dan it-tip għall-korpi li jwettqu l-VIA; jinnota li ma fiha l-ebda dispożizzjoni la dwar kif wieħed għandu jipproċedi meta proġett ikun diġà ġie implimentat jew ikun kważi tlesta u lanqas dwar kif il-pubbliku kkonċernat jista', permezz ta' proċedura ċara u mhux burokratika, jottjeni kjarifika immedjata mill-awtorità tal-VIA responabbli dwar il-konformità mar-regoli tal-UE ta' tali proġetti, li għandhom probabbiltà kbira li jiksru d-dispożizzjonijiet bażiċi tad-Direttiva dwar il-VIA; iqis għalhekk li r-rieżami tad-Direttiva dwar il-VIA joffri opportunità tajba biex jiġu introdotti tali rekwiżiti u dispożizzjonijiet;

21.  Iqis li dan il-każ juri wkoll li, minbarra l-miżuri għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VIA, hemm bżonn ta' proċeduri aktar ċari għall-proċedimenti ta' ksur, preferibbilment permezz tal-adozzjoni ta' regolament ġenerali dwar proċeduri amministrattivi għall-amministrazzjoni tal-UE, biex b'hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ilmentatur; iqis li tali regolament ikun mezz xieraq biex jiġu ċċarati l-obbligi tal-awtoritajiet meta jkunu qed jikkomunikaw mal-ilmentaturi f’każ ta' ksur jew ma’ korpi li jirrappreżentaw ċittadini Ewropej, bħalma huma l-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Ombudsman, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' obbligu li jwieġbu malajr kemm jista' jkun għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet żbaljati, bħal dawk li seħħew f'dan il-każ;

o
o   o

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (85/337/KEE), kif emendata.
(3) COM (2012)0628.

Avviż legali - Politika tal-privatezza