Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa (2012/2301(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8, l-Artikolu 153(1)(i), u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bl-isem “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’ (COM(2012)0173) u d-dokument ta’ akkumpanjament dwar l-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward tal-impjiegi li joffru s-servizzi personali u domestiċi (SWD(2012)0095),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2011 bl-isem Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: ir-Rapport Annwali 2010 (SEC(2011)0193),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri – It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)0193),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(3),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta’ Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f’soċjetà li qiegħda tixjiħ(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozji(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar l-intraprenditorija tan-nisa f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-ommijiet waħedhom(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-servizzi(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(17),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0048/2013),
A. billi l-Unjoni Ewropea qed tħabbat wiċċha mal-ikbar kriżi ekonomika u finanzjarja mid-depressjoni tat-tletinijiet u billi r-rata ta' qgħad fl-Istati Membri u speċjalment fl-Istati Membri tan-Nofsinhar, peress li din żdiedet b'mod sinifikanti bħala riżultat ta' din il-kriżi; billi l-effetti ta' din il-kriżi huma partikolarment serji għal persuni vulnerabbli, u b’mod partikolari għan-nisa, li jintlaqtu b’mod dirett – billi jitilfu l-impjiegi, jitnaqqsulhom is-salarji jew jew jitilfu s-sigurtà tal-impjiegi – u b’mod indirett permezz tat-tnaqqis baġitarju fis-servizzi u l-benessri pubbliċi; billi għalhekk hu fundamentali li fost l-oħrajn tiġi indirizzata b’mod serju d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-trattament ta’ din il-kriżi u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet biex din tiġi indirizzata b'mod serju ħafna;
B. billi d-dritt għax-xogħol huwa prekundizzjoni essenzjali biex in-nisa jgawdu minn drittijiet ugwali effettivi, minn indipendenza ekonomika u minn suċċess professjonali; billi l-kriżi attwali mhix biss kriżi finanzjarja u ekonomika, imma wkoll kriżi għad-demokrazija, għall-ugwaljanza, għall-benessri soċjali, u għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u qed tintuża wkoll bħala skuża għat-tnaqqis fil-pass jew anke għat-twaqqif tal-isforzi kruċjali fit-trattament tat-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali ta’ quddiemna,
C. billi l-istudji riċenti wrew li 5 % ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biss fl-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE huma nisa, filwaqt li l-gvernaturi kollha tal-banek ċentrali tas-27 Stat Membru huma rġiel; billi l-istudji dwar il-ġeneru wrew li n-nisa jimmaniġġjaw b’mod differenti billi jevitaw ir-riskju u jiffukaw aktar fuq perspettiva fit-tul,
D. billi fil-bidu l-kriżi ekonomika kellha impatt ikbar fuq l-irġiel milli fuq in-nisa; billi l-bidliet fil-qgħad fost l-irġiel u dak fost in-nisa jindikaw differenza bejn il-perjodu li ntlaqtu; billi n-nisa ma ntlaqtux mill-ewwel mill-kriżi, iżda llum il-ġurnata huma iktar affettwati mill-konsegwenzi tagħha, (ammont akbar u qed jiżdied ta' xogħolijiet prekarji u bħala part time, theddida akbar ta’ tkeċċija, salarji iktar baxx, inqas kopertura tal-protezzjoni soċjali, eċċ.) u se jidhru wkoll iktar affettwati għal żmien iktar fit-tul; billi hemm ħafna inqas dokumentazzjoni dwar din il-fażi u hemm nuqqas ta' data statistika affidabbli u komparabbli dwarha, u, konsegwentement, hemm tendenza li l-konsegwenzi fuq in-nisa ma jitqisux biżżejjed;
E. billi n-nisa għandhom rwol kritiku fit-tmexxija tal-iżvilupp ekonomiku; billi l-għoti ta’ iżjed setgħa lin-nisa jista’ jkollu l-effett ekonomiku li joħroġ lill-komunitajiet u l-familji mill-faqar;
F. billi f’sitwazzjoni ta’ kriżi, il-politika dwar is-suq tax-xogħol għandha tendenza li tiffoka fuq li tinfluwenza l-livell ġenerali ta’ impjiegi, u mhux fuq nisa ekonomikament mhux attivi;
G. billi ta' min jinnota li n-nisa qiegħda spiss ma jiddaħħlux fl-istatistiki uffiċjali u li l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tar-rati ta' inattività huma spiss sottovalutati għax in-nisa għandhom tendenza ikbar li ma jibqgħux fis-suq tax-xogħol għal diversi raġunijiet (tqala, responsabilitajiet tal-familja, limitazzjonijiet ta' ħin) u jwettqu xi xogħol bla ħlas jew informali, spiss fid-dar jew jieħdu ħsieb persuni dipendenti jew jaqdu l-ekonomija klandestina, filwaqt li bħalissa jeżistu ftit studji dwar l-impatt tat-tnaqqis fin-nefqa pubblika relatata mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
H. billi t-tnaqqis baġitarju li sar mill-gvernijiet minħabba l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ awsterità jolqot l-iktar lis-settur pubbliku u s-servizzi ta’ benessri tiegħu, fejn hemm preżenza qawwija ta’ nisa u l-iżjed benefiċċji għan-nisa – li jagħmlu madwar 70 % tal-impjegati tas-settur pubbliku – imma wkoll lis-settur privat, u b’hekk in-nisa saru l-vittmi prinċipali tal-miżuri ta’ awsterità; billi sa issa l-ebda pajjiż għadu ma vvaluta l-impatt tat-tnaqqis propost fl-infiq pubbliku u tal-konsegwenzi tal-konsolidazzjoni fiskali minn perspettiva tal-ġeneri, kemm l-impatt tal-miżuri individwali kif ukoll l-impatt kumulattiv tagħhom.
I. billi n-nisa huma iżjed dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali li qed jitnaqqsu bħala parti mill-miżuri ta’ awsterità;
J. billi sitwazzjoni ta’ kriżi bħal dik li għaddejjin minnha bħalissa titlob riformi strutturali profondi fis-suq tax-xogħol;
K. billi għan-nisa, tnaqqis fl-għadd ta’ impjiegi spiss iwassal għall-riaġġustament tal-iskedi tax-xogħol, inklużi sigħat itwal ta' xogħol li spiss jinvolvu f’xiftijiet differenti; billi l-effett tal-irkupru probabbilment jinħass iktar malajr fis-settur industrijali u jwassal ukoll għal irkupru tal-impjiegi għall-irġiel li jiżdiedu b’rata iktar mgħaġġla mill-impjiegi għan-nisa; billi il-miżuri ta' awsterità fis-servizzi pubbliċi se jkollhom effett iktar dewwiemi fuq l-impjiegi tan-nisa, u b'hekk fuq medda twila ta' żmien se jipperikolaw il-progress li sar fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
L. billi l-kriżi qed twassal għal sfruttament ikbar tan-nisa kemm fl-ekonomija legali kif ukoll f'dik illegali; billi l-effetti tagħha se jkollhom impatt fuq terminu ta’ żmien itwal fuq dawk in-nisa li għandhom karriera mhux lineari (inklużi dawk f'impjiegi b’pagi baxxi, part-time, intermedji, mhux tipiċi jew f'impjiegi informali), u spiss ix-xogħol part-time isir obbligatorju, ħaġa li tirriżulta fil-fatt li n-nisa jkollhom rekord mhux komplut ta' kontribuzzjonijiet għall-pensjoni u li jkun hemm perċentwal ogħla ta' nisa fir-riskju tal-faqar; billi n-nisa jistgħu jispiċċaw b'intitolament għal pensjoni żgħira ħafna u b'hekk jitressqu taħt il-linja tal-faqar; billi hemm ir-riskju ta' 'ġenerazzjoni mitlufa' sħiħa ta’ żgħażagħ, kemm ġuvintur kif ukoll tfajliet, li huma mċaħħda mill-opportunitajiet tax-xogħol, l-impjiegi sikuri u spiss l-opportunitajiet tal-edukazzjoni minħabba t-tbatija ekonomika;
M. billi l-kriżi qed iżżid id-diffikultajiet tar-rikonċiljazzjoni tar-rwoli tal-karriera u tal-familja; billi meta jitwieldu t-tfal l-impatt fuq l-impjieg huwa differenti għan-nisa u għall-irġiel; billi l-parteċipazzjoni tal-ommijiet fis-suq tax-xogħol hija 12 % inqas minn dik tan-nisa mingħajr tfal, filwaqt li r-rata tal-impjieg tal-missirijiet hija 8,7 % ogħla milli dik ta’ rġiel mingħajr tfal;
N. billi d-dimensjoni tal-ġeneri ma tqisitx fl-inizjattivi u l-politiki attwali u dawk ippjanati mmirati lejn il-ħruġ mill-kriżi;
O. billi l-impjiegi tan-nisa huwa milqut mill-istereotipi dwar il-ġeneri, bħall-idea li l-qgħad tal-irġiel huwa kwistjoni 'iktar serja' minn dak tan-nisa, ħaġa li żżid mal-ammont diġà sinifikanti ta’ stereotipi dwar il-ġeneri li għandhom impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tan-nisa li jsibu x-xogħol; billi fil-prattika l-approċċ għall-qgħad tal-irġiel huwa differenti minn dak għall-qgħad tan-nisa, peress li l-irġiel għadhom meqjusa bħala dawk li jaqilgħu l-għajxien u n-nisa bħala dawk li prinċipalment jieħdu ħsieb il-familja;
P. billi madwar 23 % taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea ħabbtu wiċċhom mar-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali fl-2010(18), u billi dan it-tifqir tal-popolazzjoni jolqot fil-biċċa l-kbira lin-nisa, peress li dawn spiss iħabbtu wiċċhom ma' taħlita ta' diffikultajiet, kif fil-każijiet ta' nisa ikbar fl-età li jgħixu waħedhom jew familji b'ġenitur wieħed (fil-biċċa l-kbira tagħhom immexxija min-nisa); billi dawn jinkludu diffikultajiet biex jinżamm jew jerġa’ jinstab impjieg f'dan il-kuntest, diffikultajiet ta' akkomodazzjoni xierqa, it-teħid tar-responsabbiltà tal-persuni dipendenti fuqhom (tfal, ġenituri, jew persuni morda jew b’diżabilità), u diffikultajiet ta’ rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja li jirriżultaw minn nuqqas ta’ strutturi u varjazzjonijiet xierqa ta’ appoġġ fil-politiki nazzjonali dwar il-kwistjoni fis-27 Stat Membru tal-UE;
Q. billi l-kriżi kompliet taggrava l-kundizzjoni soċjali u ekonomika ta’ ħafna komunitajiet żvantaġġati u kkontribwixxiet għal rata ikbar ta’ tluq bikri mill-iskola fost il-bniet u anke vulnerabbiltà ikbar għat-traffikar tagħhom;
R. billi t-tnaqqis fis-servizzi u l-benefiċċji kkomprometta l-indipendenza ekonomika tan-nisa, għaliex il-benefiċċji spiss jikkostitwixxu sors importanti tal-introjtu tagħhom u għaliex in-nisa għandhom tendenza li jużaw is-servizzi pubbliċi iżjed mill-irġiel; billi l-ommijiet waħedhom u l-pensjonanti nisa mhux miżżewġa jiffaċċjaw l-ikbar telf kumulattiv;
S. billi qed jiżdied in-numru ta’ nisa li qed jagħżlu impjiegi informali u bla ħlas (fuq bażi volontarja jew le) b’inqas protezzjoni soċjali biex jaħarbu mill-kriżi; billi skont studju tal-OECD(19), ix-xogħol domestiku jirrappreżenta 33 % tal-PNG tal-pajjiżi membri tal-OECD;
T. billi jinnota li t-tnaqqis fid-differenza bejn il-figuri ta’ qgħad tal-irġiel u tan-nisa aktar jirrifletti degradazzjoni ġenerali fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax- xogħol milli progress lejn iktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
U. billi n-nisa li jidħlu fil-ħajja tax-xogħol għandhom rwol ewlieni fit-triq lura lejn it-tkabbir; billi dawn jiffaċilitaw żieda fid-dħul tal-familja li twassal għal żieda fil-konsum u tagħti spinta lill-ekonomija billi, għaldaqstant, l-ugwaljanza fost l-irġiel u n-nisa għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir ekonomiku;
V. billi l-analiżi sekondarja riċenti tal-Ħames EWCS ('In-nisa, l-irġiel u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa: Analiżi sekondarja tal-5 Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol', il-Eurofound 2012, li għandha tiġi ppubblikata fl-2013) tidher li turi li s-segregazzjoni tal-ġeneri hija detrimentali kemm għall-ħaddiema nisa kif ukoll irġiel. billi kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jirrapportaw benessri miżjud fuq ix-xogħol u sodisfazzjon ikbar mill-impjieg meta jaħdmu ma’ kollegi taż-żewġ sessi; billi għad baqa’ xi jsir sabiex titkisser is-segregazzjoni tal-ġeneri fis-suq tax-xogħol, il-polarizzazzjoni tal-ġeneri okkupazzjonali u l-eżistenza ta' postijiet tax-xogħol monoġeneri (peress li tlieta minn kull ħames ħaddiema fl-Ewropa jaħdmu f’post tax-xogħol b’ħaddiema tal-istess sess);
W. billi l-miżuri għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tħassru jew ġew posposti u t-tnaqqis futur potenzjali fil-baġits pubbliċi ser ikollu effett negattiv fuq l-impjiegi tan-nisa u fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza;
X. billi r-riċessjoni ekonomika m’għandhiex tkun skuża biex jitnaqqas ir-ritmu tal-progress tal-politiki dwar ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja privata u biex jitnaqqsu l-fondi allokati għas-servizzi ta’ għajnuna lill-persuni dipendenti u l-arranġamenti tax-xogħol, u b'ehkk jolqtu b'mod speċjali l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol;
Y. billi l-vjolenza kontra n-nisa hija fenomenu mifrux ħafna fil-pajjiżi kollha u fil-klassijiet soċjali kollha; billi l-pressjoni ekonomika spiss twassal għal abbuż iktar frekwenti, iktar vjolenti u iktar perikoluż, u billi xi studji wrew ukoll li l-vjolenza kontra n-nisa se titqawwa meta l-irġiel ikunu obbligati li jiċċaqilqu u li jirrinunzjaw għall-proprjetà tagħhom bħala riżultat tal-kriżi ekonomika;
Z. billi n-nisa bbenefikaw l-iktar mill-ħolqien tal-impjiegi fl-UE bejn l-1998 u l-2008 (ir-rati rispettivi ta' impjiegi tan-nisa fl-UE kienu 55,6 % u 62,8 %(20); billi l-impjiegi żdiedu bi 12,7 % għan-nisa imma bi 3.18 % biss għall-irġiel, filwaqt li r-rata ta' qgħad għan-nisa baqgħet kemxejn ogħla fl-2012(21) (10,7 % tan-nisa kienu qiegħda f'paragun ma' 10,6 % tal-irġiel);
AA. billi fl-2011, 31,6 % tan-nisa kienu qed jaħdmu part time meta mqabbel ma’ 8,1 % fil-każ tal-irġiel;
1. Ifakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija waħda mill-objettivi fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li għandha tkun kunsiderazzjoni prinċipali fid-definizzjoni ta' reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, inkluż l-investiment fis-settur pubbliku, fis-settur tal-benessri, u fl-akkomodazzjoni ekoloġikament sostenibbli, it-trasport, eċċ., u jiġi ġġenerat l-introjtu għall-istat permezz ta’ politiki iżjed effiċjenti dwar it-tassazzjoni; jilmenta li r-reazzjonijiet politiċi għall-kriżi, inklużi l-pakketti ta’ rkupru, ma rrikonoxxewx, ma analizzawx, u ma rrettifikawx l-impatt tal-kriżi dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jiddenunzja li l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-istrateġija ta’ wara dik ta’ Lisbona prattikament ma teżistix, għalhekk jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintegraw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ objettivi speċifiċi fid-direttivi makroekonomiċi u tal-impjiegi;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-dimensjoni tal-ġeneri fil-politiki kollha, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw: l-impatt tal-miżuri ta' awsterità u rkupru mill-kriżi; il-governanza ekonomika; l-iżvilupp sostenibbli u l-impjiegi ekoloġiċi; l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali; il-migrazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp; is-saħħa u s-sikurezza; u miżuri li għandhom jiġu pjanati jew implimentati biex jegħlbu jew jillimitaw l-effetti tal-kriżi;
3. Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu u jenfasizzaw l-impatt immedjat u fuq perjodu ta’ żmien twil tal-kriżi ekonomika fuq in-nisa, b'referenza partikolari għal jekk u kif din tgħarraq l-inugwaljanzi attwali bejn in-nisa u l-irġiel, u l-konsegwenzi relatati, bħaż-żieda fir-riskju tal-vjolenza abbażi tas-sess, it-tnaqqis fis-saħħa materna u tat-trabi u l-faqar fost in-nisa ikbar fl-età;
4. Ifakkar li wara li nkisbet rata tal-impjiegi tan-nisa ta’ 62,8 % fl-2008, b’żieda kostanti minn iktar minn għaxar snin ilu, l-UE esperjenzat ftit tnaqqis f’dik ir-rata mill-bidu tal-kriżi ekonomika, li wassal għal 62,3 % fl-2011; jinsisti, b’hekk, dwar il-ħtieġa li jiġu proposti reazzjonijiet fit-tul li jqisu d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki kemm tal-UE kif ukoll tal-Istat Membru ta’ salvagwardja tal-impjiegi u t-tkabbir mill-ġdid;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra adattament ulterjuri tal-Fondi Strutturali, sabiex tiżgura appoġġ addizzjonali lill-oqsma tal-impjiegi tan-nisa li probabbilment jistgħu jiġu affettwati mill-kriżi, kif ukoll appoġġ għall-kura tat-tfal, it-taħriġ u l-aċċess għall-impjieg;
6. Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva emblemika 'Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali'; jistieden lill-Istati Membri jużaw bis-sħiħ il-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-Programm li se jibda għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza l-importanza tal-programm Daphne III b’mod speċjali rigward il-protezzjoni tan-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza u l-ħtieġa li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, benessri u koeżjoni soċjali;
7. Jenfasizza l-fatt li, minkejja li r-rati ta' qgħad għall-irġiel u n-nisa huma kumparabbli, il-kriżi tolqot lin-nisa b'mod differenti; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol inqas għan-nisa saru konsiderevolment iktar insikuri, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ forom atipiċi ta' kuntratti, u li l-introjtu tan-nisa waqa' b'mod sinifikanti minħabba numru ta' fatturi, inklużi l-persistenza tal-inugwaljanza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa (kważi 17 %) u l-inugwaljanza li tirriżulta minn dan fil-livelli rispettivi ta' benefiċċji tal-qgħad, iż-żieda fl-impjiegi part time imposti, u ż-żieda fin-numru ta' impjiegi temporanji jew fuq terminu ta’ żmien determinat għad-detriment ta' impjiegi iktar stabbli; billi minħabba d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-inugwaljanza li tirriżulta fil-livelli ta' benefiċċji tal-qgħad, il-kriżi għarrqet is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jinnota li l-esperjenzi tal-kriżi ta’ qabel juru li l-impjiegi tal-irġiel, b'mod ġenerali, jirkupraw iktar malajr minn dawk tan-nisa;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-iktar fis possibbli, proposta għal direttiva li tistabbilixxi miżuri sabiex tingħeleb id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew ekwivalenti;
9. Ifakkar li għad hemm disparitajiet kbar bejn id-diversi Stati Membri, fejn ir-rata tal-impjiegi tan-nisa tvarja bejn 48,6 % u 77,2 %, u li il-kuntrast f'dawn is-sitwazzjonijiet jeħtieġ reazzjonijiet speċifiċi u adattati għal kull sitwazzjoni fil-qafas ta’ approċċ globali Ewropew; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jkun hemm indikaturi komuni affidabbli, u għalhekk statistiki komparabbli affidabbli, sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet differenti, ikunu jistgħu jiġu determinati l-ħtiġijiet u jinstabu reazzjonijiet adegwati;
10. Ifakkar li qabel ma bdiet il-kriżi ekonomika, in-nisa kienu jinsabu fil-maġġoranza fl-impjiegi temporanji u part time u li l-kriżi rinfurzat din ix-xejra, biex b’hekk bosta nisa qegħdin f’riskju akbar ta’ esklużjoni soċjali; jinnota li dan kien partikolarment il-każ fl-Istati Membri tan-Nofsinhar;
11. Jinnota bi tħassib li l-qgħad fost iż-żgħażagħ nisa żdied minn 18,8 % fl-2009 għal 20,8 % fl-2011, u li l-kriżi se jkollha impatt speċjalment aħrax fuq il-gruppi żvantaġġjati ta' nisa, inklużi inter alia in-nisa b'diżabilitajiet, in-nisa immigranti, in-nisa li jappartjenu għal minoritajiet etniċi, in-nisa bi ftit kwalifiki, in-nisa li ilhom qiegħda għal żmien twil, l-ommijiet waħedhom, in-nisa mingħajr riżorsi ta' għajxien u n-nisa li jieħdu ħsieb persuni dipendenti; jilqa’ l-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni mmirat lejn l-indirizzar tal-livelli attwali mhux aċċettabbli li waslu fih il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali u biex jipprovdu liż-żgħażagħ b’impjiegi, bl-edukazzjoni u bit-taħriġ.
12. Jemmen li d-dritt għax-xogħol huwa prekundizzjoni essenzjali biex in-nisa jgawdu minn drittijiet ugwali effettivi, minn indipendenza ekonomika u minn suċċess professjonali, u għalhekk jinsisti li l-impjiegi prekarji jinqerdu billi jiġi rikonoxxut u mtejjeb id-dritt għal xogħol bi drittijiet;
13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jifformulaw mill-ġdid ir-reazzjonijiet attwali tagħhom għall-kriżi ekonomika sabiex jiġi żgurat li l-miżuri li jittieħdu jkollhom kamp ta’ applikazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil u ma jipperikolawx il-politiki tal-benessri u l-istrutturi tas-settur pubbliku li huma prekundizzjoni għal ugwaljanza ikbar bejn in-nisa u l-irġiel, bħas-servizzi soċjali u l-faċilitajiet tal-kura, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, u d-drittijiet tal-ħaddiema;
14. Ifakkar li qed isir dejjem aktar diffiċli biex in-nisa jagħmlu t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg, u li dan fl-aħħar mill-aħħar se jwassal għal diverġenzi fil-valutazzjoni tal-irġiel u tan-nisa rigward il-ħiliet tagħhom stess;
15. Iqis li r-riformi strutturali li se jirriżultaw mit-trattament tal-kriżi attwali, jikkostitwixxu okkażjoni sabiex tiġi korretta ċerta mġiba diskriminatorja bbażata fuq il-ġeneru, li għadha komuni wisq fis-suq tax-xogħol Ewropew;
16. Jenfasizza li s-sehem tan-nisa huwa iktar minn dak tal-irġiel fl-ekonomija moħbija, parzjalment minħabba li s-setturi li fihom tradizzjonalment jidħlu n-nisa bħal servizzi fid-djar, kura għan-nies, eċċ, huma kkaratterizzati minn deregulazzjoni akbar; Jinnota, min-naħa l-oħra, li l-ekonomija informali kibret minħabba l-kriżi, minkejja li huwa diffiċli ħafna li tinkiseb stampa ċara tagħha fin-nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-inċidenza u l-impatt;
17. Jenfasizza li n-nisa kellhom rwol essenzjali fir-reżistenza għall-kriżi; huwa konvint li n-nisa jirrappreżentaw potenzjal konsiderevoli għat-titjib tal-kompetittività u tar-rendiment tal-intrapriżi, b’mod partikolari meta jaħdmu f’karigi ta’ ġestjoni f’dawn tal-aħħar; iqis li, għalhekk, l-involviment tan-nisa fit-tfassil u l-ġestjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru sabiex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali hija kwistjoni ta' urġenza partikolari;
18. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u r-restrizzjonijiet baġitarji li jirriżultaw minnha ma jipperikolaw ir-riżultati miksuba mill-politiki ta’ promozzjoni tal-ugwaljanza bejn n-nisa u l-irġiel, u li ma joħolqux preċedent għat-tnaqqis tal-isforzi f’dan il-qasam; jemmen li din għandha pjuttost tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkorporaw politiki ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki tal-impjiegi tagħhom, filwaqt li jqis li dawn tal-aħħar huma parti mis-soluzzjoni għall-kriżi f'termini tat-trawwim u l-isfruttament sħiħ tal-ħiliet u l-abilitajiet tal-Ewropej kollha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li aspett tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jiddaħħal fil-politiki fiskali pjanati kollha;
19. Jenfasizza li d-drittijiet tan-nisa m’għandhomx jiġu kkunsidrati, jinftiehmu jew jiġu segwiti bħala drittijiet li jikkompetu mad-drittijiet tal-irġiel peress li t-titjib tas-servizzi tal-kura u tas-servizzi pubbliċi għall-familji hu prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li hemm ħtieġa li tiġi promossa l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet tal-familja u l-unità domestika; jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu miżuri jew jiżviluppaw il-miżuri eżistenti li għandhom l-għan li jegħlbu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u l-assenjazzjoni mhux ugwali tar-rwoli, pereżempju li l-irġiel jitħeġġu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu ħsieb it-tfal u l-morda jew il-qraba b’diżabilità;
20. Jenfasizza li r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE saret aktar gravi minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, is-sitwazzjonijiet prekarji u l-inċertezza rigward il-futur u l-ekonomija wasslu biex koppji, u b’mod partikolari n-nisa żgħażagħ, qed idumu biex ikollhom it-tfal, u b'hekk qed isaħħu t-tendenza tat-tixjiħ demografiku fl-Unjoni;
21. Jenfasizza l-importanza ta' riforma tal-politiki makroekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol sabiex tiġi garantita l-ġustizzja ekonomika u soċjali għan-nisa, jiġu żviluppati strateġiji għall-promozzjoni tad-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, jiġu garantiti introjtu minimu u salarji u pensjonijiet diċenti, titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, jinħolqu iżjed impjiegi ta’ kwalità għolja għan-nisa flimkien mal-ħarsien ta' drittijiet sabiex in-nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, u jittejbu l-għoti tal-benessri u s-servizzi tal-viċinat, inklużi crèches, kindergartens u forom oħra ta’ edukazzjoni preskolari, ċentri tal-attenzjoni tul il-ġurnata, ċentri ta’ rikreazzjoni tal-komunità u tal-appoġġ tal-familji u ċentri interġenerazzjonali;
22. Ifakkar li t-tnaqqis fil-baġits pubbliċi mhux newtrali għall-ġeneru imma li pjuttos jirriżulta mill-politiki ekonomiċi makrostrutturali tal-Unjoni, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programmi ta’ “governanza ekonomika’ u ta’ aġġustament finanzjarju, li qed jikkawżaw u se jkomplu jikkawżaw inugwaljanzi dejjem jikbru bejn l-irġiel u n-nisa, il-qgħad fost in-nisa u l-femminizzazzjoni tal-faqar; jemmen li hija meħtieġa, għalhekk, bidla fil-politika peress li n-nisa huma fil-maġġoranza fl-impjiegi tas-settur pubbliku u huma l-benefiċjarji ewlenin tal-politiki soċjali; jitlob, għalhekk, li jiżdiedu l-intestaturi baġitarji rilevanti;
23. Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħmlu valutazzjoni tal-impatt fuq in-nisa u l-irġiel meta jippjanaw il-miżuri ta’ awsterità sabiex jiżguraw li l-effetti tagħhom ikunu kemm jista' jkun newtrali fir-rigward tal-ġeneri;
24. Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu l-ibbaġitjar tal-ġeneri sabiex janalizzaw il-programmi u l-politiki tal-gvern, l-effetti tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
25. Jenfasizza li n-nisa jaffaċċjaw riskju akbar mill-irġiel ta’ żvilupp aktar bil-mod fil-karriera bħala riżultat tal-aċċettazzjoni ta’ pożizzjonijiet tal-bidu f’livelli aktar baxxi jew peress li jaħdmu part-time, u li n-nisa f'din is-sitwazzjoni, għalhekk, huma iktar vulnerabbli, ikollhom livelli ta’ introjtu insodisfaċenti u jbatu aktar mill-faqar;
26. Jitlob lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiggarantixxu dispożizzjonijiet adegwati ta’ servizzi għal ħarsien u kura tat-tfal u ta’ persuni oħra dipendenti, u li dawn ikunu kumpatibbli ma' ħinijiet ta’ xogħol full-time għan-nisa u l-irġiel;
27. Jinsisti dwar l-importanza ta' azzjoni immedjata biex jiġu implimentati politiki ta' ritorn għall-impjieg u skemi ta' dħul fid-dinja tax-xogħol għall-impjegati tas-settur pubbliku, li jinkludu maġġoranza ta’ nisa, li x-xogħol tagħhom huwa mhedded mit-tnaqqis fil-baġit tas-servizz pubbliku;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintegraw l-approċċ globali ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki kollha dwar l-impjiegi, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġixxu l-irkupru tal-impjiegi tan-nisa, mhux biss fil-karigi ta' livelli inferjuri iżda anki f’livelli maniġerjali, u biex jinkorporaw dan l-approċċ fil-linji gwida tal-Unjoni dwar l-impjiegi; jinsisti dwar il-ħtieġa għal ibbaġitjar xieraq tal-ġeneri, b’mod speċjali fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Patt għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll fl-Istrateġija 2020;
29. Jiddispjaċih mill-fatt li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ma rnexxilhiex tidħol fl-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2013 minkejja l-fatt li hija waħda mill-miri ewlenin tal-UE 2020; jistieden lill-Kunsill iżid il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol bħala prijorità meta jadotta l-gwida dwar il-politika ekonomika ta’ din is-sena fil-qafas tas-Semestru Ewropew;
30. Jistieden lill-Istati Membri jinkludu u jindirizzaw b’mod sistematiku l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-programmi kollha ta’ riforma nazzjonali tal-ġejjieni;
31. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu politika attiva tas-suq tax-xogħol, djalogu soċjali qawwi, standards tal-impjiegi u protezzjoni soċjali sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tan-nisa, inklużi n-nisa migranti, u biex jiġu miġġielda x-xogħol furzat u x-xogħol mhux dikjarat;
32. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-ommijiet fid-dinja tax-xogħol, bħal pereżempju x-xogħol mid-dar (teleworking), it-taħriġ vokazzjonali jew politiki ta’ ksib mill-ġdid ta' ħiliet, fid-dawl tal-promozzjoni ta' ritorn “iffaċilitat” lejn ix-xogħol wara l-liv tal--maternità;
33. Jilqa’ l-proposta għal direttiva dwar bilanċ aħjar bejn in-nisa u l-irġiel fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati fil-borża, li tagħmilha possibbli li n-nisa jidħu f'impjigi b’iżjed kwalifiki u b’pagi aħjar, u jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw u jħejju l-implimentazzjoni tagħha; jitlob sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni vinkolanti simili minn entitajiet oħra li jħaddmu, inklużi l-istituzzjonijiet, amministrazzjonijiet u korpi pubbliċi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, peress li dawn għandhom ikunu ta’ eżempju għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġija għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li mhumiex koperti mid-direttiva msemmija hawn fuq; jikkundanna l-fatt li n-nisa huma sottorappreżentati fil-bordijiet ta' tmexxija tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li, għaldaqstant, huma prattikament esklużi mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam finanzjarju; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa f’kull livell tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment fl-oqsma tal-ibbaġitjar u tal-arranġamenti ta’ governanza għas-sistemi finanzjarji Ewropej, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn għal-litteriżmu finanzjarju tat-tfajliet u n-nisa;
35. Jistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu politiki għal taħriġ estensiv għall-impjegati ta' dawk is-setturi li huma l-iktar milquta mill-konsegwenzi negattivi tal-kriżi jew tal-globalizzazzjoni sabiex jippreparawhom għal bidliet fl-impjieg u għal impjiegi ġodda, billi jitqies il-post speċifiku tan-nisa u l-fatt li n-nisa jiġu furzati jinterrompu l-karriera tagħhom aktar ta’ spiss mill-irġiel biex jieħdu ħsieb it-tfal jew membri anzjani u morda tal-familja, ħaġa li għandha impatt fuq il-karriera tagħhom; jitlob li l-pjanijiet ta’ taħriġ ikunu sistematikament implimentati fl-intrapriżi sabiex jitħejja t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati, jiġu proposti trasferimenti individwali ta’ impjiegi, u biex jiġi offrut taħriġ adattat għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-impjieg u għall-impjegati bi ftit kwalifiki; jitlob ukoll li jinħoloq reġistru komplut tan-nuqqasijiet ta’ ħaddiema, imqassma skont is-settur, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jħejju ruħhom u jfittxu impjiegi b’mod immirat;
36. Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom bil-ħsieb li jiġu individwalizzati l-iskemi tad-drittijiet għall-pensjoni u d-drittijiet tas-sigurtà soċjali biex jiġi eliminat il-'vantaġġ ta' min jaqla' l-għajxien tal-familja', u b'hekk ikunu garantiti drittijiet tal-pensjoni ugwali;
37. Jenfasizza li t-tnaqqis fin-nefqa fis-settur tal-kura de facto jiddistribwixxi mill-ġdid ix-xogħol fuq in-nisa u jipperikola l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; histieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet għall-forniment ta’ servizzi ta’ kura li jistgħu jiġġeneraw il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki u programmi ta’ taħriġ professjonali għan-nisa tal-etajiet kollha, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtieġa urġenti ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u l-bżonn li jinkisbu ħiliet ġodda f’teknoloġiji ġodda u fis-settur tal-teknoloġija tal-informatika, sabiex jiżdied l-aċċess tan-nisa u tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fid-diversi setturi ta’ attività, inklużi s-settur ekonomiku u dak finanzjarju fejn l-impjegati nisa huma ftit, filwaqt li jkunu previsti wkoll miżuri speċifiċi ta’ appoġġ sabiex in-nisa jkunu jistgħu jikkombinaw ix-xogħol, it-taħriġ u l-ħajja tal-familja flimkien; ifakkar ir-rwol importanti li għandu l-Fond Soċjali Ewropew fl-inklużjoni professjonali permezz ta’ politiki ta’ taħriġ, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jippromwovu l-użu ta' dan il-fond għall-benefiċċju, b’mod partikolari, tan-nisa li huma milquta aktar mill-kriżi ekonomika;
39. Jenfasizza l-importanza li jsir investiment fin-nisa u fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
40. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-inklużjoni attiva u r-riintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jħeġġu l-impjieg tagħhom fis-setturi strateġiċi tal-iżvilupp, billi jadottaw miżuri speċifiċi relatati ma' ħinijiet flessibbli ta' xogħol, paga ugwali u għar-reviżjoni tat-tassazzjoni u l-iskemi tal-pensjoni, kif ukoll miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja mmirati biex jiżguraw il-ħiliet u l-kwalifiki li huma meħtieġa fid-dawl tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-importanza ta’ livell għoli ta’ taħriġ bħala stimolu għall-aċċess tan-nisa fis-setturi fejn huma sottorappreżentati, bħar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku, fi żmien meta l-Ewropa teħtieġ aktar riċerkaturi biex tippromwovi l-innovazzjoni u ssaħħah l-ekonomija tagħha. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra adattament ulterjuri tal-Fondi Strutturali sabiex tiżgura appoġġ addizzjonali lill-oqsma tal-impjiegi tan-nisa li probabbilment jistgħu jiġu affettwati mill-kriżi, kif ukoll appoġġ għall-kura tat-tfal, it-taħriġ u l-aċċess għall-impjieg;
41. Ifakkar li f’bosta Stati Membri, l-aċċess għall-ewwel impjieg full time għan-nisa żgħażagħ (tal-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena) ilu jonqos mill-bidu tal-kriżi, u li biex isibu soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni, ħafna minnhom qed itawlu l-istudji tagħhom; josserva li, minkejja din it-tendenza u l-fatt li taħriġ aħjar globalment ipproteġa lin-nisa aħjar, il-valorizzazzjoni tad-diplomi tagħhom għadha ma laħaqx il-livell ta' dik tad-diplomi tal-irġiel; jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-istrateġiji li jgħaqqdu l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-politiki dwar l-impjiegi fil-mira għan-nisa żgħażagħ;
42. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kurrikulu tal-iskejjel sekondarji jinkludi studji bażiċi dwar il-finanzi u l-intraprenditorija;
43. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkalkolaw l-impatt tas-sistemi tal-pensjonijiet ġodda fuq il-kategoriji differenti ta’ nisa, b’attenzjoni partikolari għall-kuntratti part-time u atipiċi u li jadattaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali b’referenza speċjali għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar;
44. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-għoti ta' poter ekonomiku lin-nisa b'enfasi fuq l-intraprenditorija fost in-nisa, billi jinkoraġġixxu u jappoġġaw lin-nisa, speċjalment in-nisa żgħażagħ u l-immigranti, li jistabbilixxu kumpaniji, billi jiġi faċilitat l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament, inter alia permezz tal-mikrokreditu, l-assistenza teknika u miżuri ta' sostenn, billi jiġu promossi għodod finanzjarji u ta’ appoġġ ġodda u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ netwerks tan-nisa fl-intraprenditorija u tal-isponsors u l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi; jenfasizza li l-investiment fin-nisa u fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, huwa ta’ importanza kbira sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ekonomika u jiġu evitati x-xokkijiet ekonomiċi;
45. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
46. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri itejbu l-promoxxjoni tal-intraprenditorija fost in-nisa, inkluż b’appoġġ finanzjarju għall-imprendituri nisa;
47. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-intraprenditorija fost in-nisa fl-ekonomija ekoloġika li hi sors ta’ impjiegi ġodda; jinnota li l-enerġija rinnovabbli tista’ toħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għall-imprendituri nisa f’reġjuni remoti u periferali tal-Unjoni Ewropea fejn ir-rata ta’ qgħad fost in-nisa hi partikolarment għolja u fejn il-potenzjal tal-esplojtazzjoni ta’ forom alternattivi ta’ enerġija bħal dik mir-riħ jew mix-xema huwa għoli;
48. Jenfasizza l-importanza ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, spezzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali, kif ukoll l-aġġornament tal-ħiliet, għall-promozzjoni tal-ekonomija iżjed ekoloġika;
49. jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi fl-ekonomija soċjali, li hija dominata minn impjiegi bla ħlas li jsiru min-nisa, u b’mod partikolari biex ifittxu u jimplimentaw soluzzjonijiet ġodda li jippermettu l-valutazzjoni ekonomika tax-xogħol informali mhux illegali;
50. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw is-settur tal-kura u s-saħħa bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet għall-ilħiq tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi tan-nisa;
51. Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jindirizzaw l-impatt tat-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi tas-saħħa u tal-kura li jwassal għal-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kura, sabiex ma tiżdiedx il-piż tal-kura fuq in-nisa, peress li din tiġbidhom lura fir-rwol familjali tradizzjonali; jenfasizza li l-ekonomiji li jsiru fl-oqsma tal-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u l-benefiċċji tat-tfal, u benefiċċji oħra relatati mal-kura u mal-familja naqqsu b’mod sinifikanti l-introjtu tan-nisa kollha b’responsabbiltajiet ta’ kura;
52. Ifakkar li l-istereotipi jippersistu fir-rigward ta’ perċezzjonijiet tal-postijiet tal-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, u li n-nisa jipprovaw jirrikonċiljaw l-obbligi tagħhom tax-xogħol mal-ħajja tal-familja tagħhom, u li għalhekk huma aktar vulnerabbli għal bidliet fl-impjieg mill-irġiel;
53. Iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' politiki tat-trasport pubbliku, u b’mod partikolari l-iżvilupp u t-titjib tas-servizzi tat-trasport pubbliku, fuq bażi li tqis l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod iktar attiv fis-suq tax-xogħol u fit-tfittxija għall-impjiegi billi dawn isisru verament mobbli;
54. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali fejn l-aċċess għal firxa ta' servizzi ddeterjora; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żoni rurali jkunu provduti bi transport pubbliku li jiffunzjona, għajnuna medika u servizzi essenzjali oħra, sabiex titnaqqas il-migrazzjoni lejn il-bliet u tiġi evitata l-marginalizzazzjoni taż-żoni periferiċi;
55. Jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni effettiva li tagħmilha possibbli li l-ħajja tax-xogħol, il-ħajja privata u dik tal-familja jiġu magħquda flimkien, li jkollha effett pożittiv ta’ żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa mill-oqsma kollha tas-soċjetà fil-ħajja soċjali u politika;
56. Jenfasizza li l-Programm tal-UE “Erasmus for Young Entrepreneurs’ għandu jappoġġja b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tan-nisa sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu grad ugwali ta' kunfidenza u għarfien tan-negozji fis-suq uniku kif ukoll il-ħiliet neċessarji għat-tmexxija u l-iżvilupp ta’ negozju;
57. Jenfasizza li t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li jipprovdu l-kura tat-tfal għandu impatt dirett fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa u fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw pjan ta’ azzjoni biex jilħqu l-miri stabbiliti f’Barċellona għal provvediment aħjar ta' kura tat-tfal, permezz tal-iżvilupp ta' crèches tal-kumpaniji u bejn il-kumpaniji; jinsisti fuq l-importanza tan-negozjati kollettivi mas-sħab soċjali għat-titjib tal-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja fil-livell settorjali, dak nazzjonali u dak reġjonali, kif ukoll li jittaffew il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ ġestjoni fis-sistemi tal-kura tat-tfal marbuta mal-kategoriji tax-xogħol tan-nisa, filwaqt li jiġi stabbilit perjodu minimu ta’ tliet xhur notifika sabiex jinstab mezz ta’ kura biex tkun irrispettata l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali;
58. Jitlob li jiġu promossi arranġamenti xierqa tal-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, li jiġu appoġġjati l-inizjattivi tal-kumpaniji li jipprovdu l-flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol u servizzi tal-kura tat-tfal fuq il-post tax-xogħol, u li jiġu allokati riżorsi miżjuda għall-edukazzjoni, il-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u l-kwalifiki professjonali u l-programmi ta' ksib mill-ġdid ta' kwalifiki, kif ukoll l-introduzzjoni ta' appoġġ adegwat għal min jieħu ħsieb il-familja, inkluż l-provvediment ta' kura ta' serħan;
59. Jissottolinja l-ħtieġa li jsir investiment f’servizzi ta’ kwalità bi prezzijiet aċċessibbli, bħall-kura tat-tfal fulltime, postijiet tal-iskola li jagħtu servizz tul il-jum kollu u l-kura għall-anzjani, li jgħinu l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iħeġġu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u joħolqu qafas li jiffaċilita d-dħul jew id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;
60. Jenfasizza li huwa essenzjali li jinfetħu faċilitajiet ġodda għall-kura tat-tfal filwaqt li s-sistemi informali ta’ kustodja jadottaw xejra professjonali, billi jiġu stabbiliti standards kwalitattivi, billi jittejbu l-kundizzjonijiet ta' rimunerazzjoni u billi jiġi pprovdut taħriġ lill-operaturi; iqis ukoll li għandhom jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenituri b’ħinijiet tax-xogħol atipiċi u tal-ġenituri waħedhom;
61. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied ir-responsabbiltà tal-gvernijiet u ta’ min iħaddem rigward it-tiġdid ġenerazzjonali u d-drittijiet tal-maternità u l-paternità, li jfisser li n-nisa għandu jkollhom id-dritt li jkunu kemm ommijiet kif ukoll ħaddiema mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema;
62. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja għall-familji (b'referenza partikolari għad-divorzju, l-ommijiet waħedhom u sitwazzjonijiet fejn it-tfal jitħallew fil-kura ta’ qraba jew awtoritajiet), b'kunsiderazzjoni tal-fatt li n-nisa spiss ikunu mistennija jieħdu f'idejhom l-kompiti domestiċi; jenfasizza l-fatt li n-nisa, bħala riżultat ta' dan, se jitpoġġew f'riskju ikbar ta' faqar;
63. Jenfasizza l-fatt li d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Istati Membri biex inaqqsu l-baġits għall-għajnuna għat-tfal, l-edukazzjoni u l-attivitajiet extra-kurrikulari, l-ikliet fl-iskola, is-sussidji tat-trasport u l-għajnuna għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti għandhom konsegwenzi diretti fuq in-nisa, li jkollhom jassumu r-responsabilità għall-maġġoranza tal-kompiti supplimentarji involuti; jenfasizza li dan ifisser li n-nisa spiss ikollhom jaqilbu għal impjieg part-time (b'iżvantaġġ soċjali li dan jinvoldi f'termini ta' introjtu inferjuri u pensjonijiet iżjed baxxi); jemmen li n-netwerk pubbliku ta' skejjel tat-trabi ta’ matul il-ġurnata, crèches u attivitajiet rikreattiva pubbliċi għat-tfal jeħtieġ li jikber, flimkien man-netwerk ta’ appoġġ pubbliku għall-anzjani u n-netwerk pubbliku ta’ sptarijiet komunitarji;
64. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tan-nisa u l-bniet Roma billi japplikaw perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha għall-inklużjoni tar-Roma, u biex jipprovdu protezzjoni għas-subgruppi li b’mod speċjali huma vulnerabbli;
65. Jenfasizza li t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li jipprovdu l-kura tat-tfal għandu impatt dirett fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa; jinnota li fl-2010 28,3 % tan-nuqqas ta’ attività u tax-xogħol part time tan-nisa kien spjegat min-nuqqas ta’ servizzi ta’ kura kontra ċ-ċifra ta’ 27,9 % fl-2009, u li fl-2010, ir-rata tal-impjiegi tan-nisa bi tfal żgħar fl-UE kienet ta’ 12,7 % inqas minn dik tan-nisa bla tfal, differenza ikbar mill-11,5 % rreġistrati fl-2008;
66. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fis-settur tal-kura bħala settur ta’ tkabbir potenzjali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, sabiex jitkisser l-assenjar tradizzjonali tar-rwol tal-kura lin-nisa, li jwassal għas-segregazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li t-tnaqqis fis-settur tal-kura jwassal għal ċaqliq mill-kura pubblika għall-kura mingħajr ħlas fid-djar; jenfasizza l-ħtieġa ta’ kuntratti xierqa u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema fil-kura personali li jaħdmu mid-dar;
67. Jistieden lill-Istati Membri, fl-istennija ta’ armonizzazzjoni Ewropea, iżommu l-allokazzjonijiet rilevanti u allokazzjonjiet oħr tal-familja fil-livelli eżistenti tagħhom, sabiex ma jitnaqqasx l-introjtu tan-nisa, u wkoll biex jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa fejn jidħol il-liv tal-maternità ma jinkisrux;
68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw bir-reqqa l-frekwenza li qed tiżdied ta' diskriminazzjonijiet kontra n-nisa tqal fis-suq tax-xogħol kif ġie rrappurtat f’diversi Stati Membri;
69. Iqis li l-faqar fost in-nisa qed jiġi kkawżat mhux biss mill-kriżi ekonomika kurrenti imma wkoll minn varjetà ta' fatturi, inklużi l-istereotipi, id-differenzi bejn is-salarji tal-irġiel u tan-nisa, mekkaniżmi insuffiċjenti ta' distribuzzjoni mill-ġdid fis-sistemi tal-benessri, konċiljazzjoni insuffiċjenti bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali, l-aspettattivi ta' ħajja itwal għan-nisa u, b’mod ġenerali, il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq il-ġeneru, li jaffettwaw prinċipalment lin-nisa; jenfasizza, madankollu, li l-kriżi tiggrava s-sitwazzjoni tal-inugwaljanza kontinwi; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkunu miġġielda l-istereotipi fl-oqsma u fl-istadji kollha tal-ħajja, peress li huma l-kawża l-iktar persistenti tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u jkollhom impatt fuq l-għażla tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni u tax-xogħol u d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet fid-dar u dawk tal-familja, kif ukoll fuq id-differenza bejn il-pagi, il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, ir-rappreżentanza fil-pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet;
70. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni tad-Direttiva 2006/54/KE, b’mod speċjali d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, kif mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 li kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali;
71. Jistieden l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jipproponu soluzzjonijiet li jgħinu lin-nisa jkomplu l-karrieri tagħhom, u li jiġġieldu b’mod speċjali kontra l-inugwaljanzi fil-pagi li jirriżultaw minn perjodi ta' liv tal-maternità;
72. Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-ħtieġa ta' miżuri li jtejbu l-introjtu, inkluż l-iżvilupp ta' skemi ta' introjtu minimu u programmi ta' assistenza soċjali għall-persuni li għandhom diffikultajiet biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, b'mod partikolari dawk li għandhom it-tfal jew responsabbiltajiet ta’ kura, u speċjalment il-ġenituri waħedhom;
73. Josserva li l-kriżi ekonomika tikkontribwixxi għall-fastidju, l-abbuż u l-vjolenza fil-forom kollha tagħhom diretti kontra n-nisa, u b'mod partikolari żieda fil-prostituzzjoni; jenfasizza li n-nisa għadhom il-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem l-iktar wiesgħa fid-dinja, f'kull kultura u fil-livelli soċjali u ekonomiċi kollha; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani pubbliċi disponibbli għal intervent f'isem il-gruppi f’riskju ta’ faqar, u f’sitwazzjonijiet fejn it-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani jew il-persuni b’diżabilità u l-persuni mingħajr dar jinsabu f’riskju;
74. Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu u jenfasizzaw l-impatt immedjat u fit-tul tal-kriżi ekonomika fuq in-nisa, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil jekk tiggravax l-inugwaljanzi eżistenti bejn in-nisa u l-irġiel u b'liema mod, kif ukoll il-konsegwenzi relatati, bħal riskju miżjud ta’ vjolenza bbażata fuq is-sessi, is-saħħa materna u tat-tfal li tmur lura u l-faqar fost in-nisa anzjani;
75. Jenfasizza li fis-sitwazzjoni attwali ta’ kriżi ekonomika u awsterità baġitarja, in-nisa għandhom inqas riżorsi sabiex jipproteġu ruħhom u lit-tfal tagħhom mill-vjolenza, u għalhekk huwa iżjed importanti li jiġi evitat l-impatt finanzjarju dirett li l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal għandha fuq il-ġudikatura u fuq is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali;
76. Jenfasizza li l-qafas istituzzjonali għall-politiki dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inklużi l-korpi tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, qed jintlaqat b'mod negattiv mit-tnaqqis fil-finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jżommu l-livell tagħhom ta' finanzjament mill-gvern għall-korpi u l-proġetti tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rifuġji tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, peress li dawn jipprovdu mezzi effettivi biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kriżi u jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva fit-tħejjija ta' miżuri futuri ta' rkupru; jinnota li t-tnaqqis fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tan-nisa jagħmel ħsara lill-parteċipazzjoni ċivika u politika tan-nisa u jwassal biex leħen in-nisa jinstema’ inqas fis-soċjetà;
77. Jistieden lill-Isitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jagħmel monitoraġġ kontinwu u sistematiku u valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa, b'referenza għad-diskriminazzjoni waqt ir-reklutaġġ, żieda fl-ammont ta’ xogħol, pressjoni u stress fuq il-post tax-xogħol, fastidju morali u psikoloġiku; jenfasizza li d-data eżistenti ma tirriflettix l-iskala sħiħa tal-konsegwenzi ħorox tal-impatt tal-kriżi fuq in-nisa; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, għalhekk, tagħmel valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri tal-miżuri tal-politika ekonomika tagħha u tar-reazzjonijiet għall-kriżi attwali;
78. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ l-ibbaġittjar tal-ġeneru, sabiex tiżdied l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi jiġu korretti l-impatti negattivi tal-introjtu u l-infiq u t-tibjib tal-governanza u l-għoti ta' rendikont, b’mod partikolari fir-rigward tal-baġits nazzjonali;
79. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw strumenti baġitarji sensitivi għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,
80. Jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi (il-Konvenzjoni 189);
81. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn is-sigurtà u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol permezz tal-implimentazzjoni komprensiva tal-prinċipji tal-flessigurtà, u sabiex tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, billi jiġu pprovduti kemm protezzjoni soċjali adegwata għal dawk il-perjodi ta’ tranżizzjoni, jew fuq kuntratti ta’ impjieg temporanju jew part-time, kif ukoll aċċess għat-taħriġ, l-iżvilupp tal-karriera u opportunitajiet ta’ xogħol full-time;
82. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.