Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE (2012/2116(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing(1), tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa – Pjattaforma ta' Azzjoni (Bejġing+10)(2) u tal-25 ta' Frar 2010 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing (Bejġing +15)(3),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tal-1979(CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jsemmi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)(4), u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol(6),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxu li l-evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing se tinkludi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi u parametri referenzjarji,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni komuni mill-ministri tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi magħmula fl-4 ta' Frar 2005 fil-kuntest tar-reviżjoni wara 10 snin tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, li fiha, fost l-oħrajn, kien konfermat mill-ġdid l-appoġġ qawwi u l-impenn sħiħ tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005 li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna biex isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u biex joħolqu qafas għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(7),
– wara li kkunsidra l-'Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel: 2010–2015' tal-Kummissjoni, ippreżentata fil-21 ta' Settembru 2010, u d-dokument ta' ħidma tal-persunal ta' akkumpanjament dwar l-azzjonijiet li jimplimentaw l-istrateġija (COM(2010)0491, SEC(2010)1080),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-effett tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-riklamar fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0401/2012),
A. billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistipula li fl-attivitajiet kollha tagħha l-Unjoni għandu jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanzi, u tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa;
B. billi, minkejja xi progress li sar f'ħafna Stati Membri, ħafna nisa għadhom iġorru sehem sproporzjonat tal-piż fir-rigward tat-trobbija tat-tfal u l-kura ta' persuni dipendenti; billi l-persistenza ta' stereotipi toħloq ostakolu għall-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet tal-familja u dawk domestiċi bejn in-nisa u l-irġiel u xxekkel it-twettiq tal-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;
C. billi l-istereotipi għadhom jeżistu fil-livelli kollha tas-soċjetà u fil-gruppi kollha tal-età, u jaffettwaw kif aħna nipperċepixxu lil xulxin b'suppożizzjonijiet issimplifikati żżejjed fuq il-bażi tan-normi, il-prattiki u t-twemmin iffurmati mis-soċjetà li spiss huma bbażati u mrawma fuq il-kultura u r-reliġjon, u li jipperpetwaw ir-relazzjonijiet sottostanti tal-poter;
D. billi l-forom kollha diretti u indiretti tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi għandhom jiġu eliminati sabiex jiggarantixxu lin-nisa d-dritt għal trattament indaqs u bidla fil-perċezzjoni kulturali li n-nisa huma f'diversi modi passivi jew ħlejqiet inqas mill-irġiel;
E. billi r-rwoli tradizzjonali u l-istereotipi tas-sessi għad għandhom influwenza qawwija fuq il-kondiviżjoni tar-rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fil-post tax-xogħol u fis-soċjetà ġenerali, filwaqt li n-nisa huma rrappreżentati bħala l-persuni responsabbli għad-dar u t-tfal filwaqt li l-irġiel huma rrappreżentati bħala l-persuni li jiksbu l-flus u li jipproteġu; billi l-istereotipi tas-sessi għandhom tendenza li jipperpetraw l-istatus quo ta' ostakoli li ntirtu għall-ksib ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jillimitaw il-firxa ta' għażliet għan-nisa rigward l-impjiegi u l-iżvilupp personali tagħhom, b'tali mod li jtellfuhom milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala individwi u atturi ekonomiċi, u għalhekk jikkostitwixxu ostakoli qawwija għall-kisba ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
F. billi r-rwoli tas-sessi jiġu ffurmati u imposti permezz ta' varjetà ta' influwenzi soċjali, notevolment il-midja u l-edukazzjoni, u jiġu ffurmati matul il-fażijiet tas-soċjalizzazzjoni tat-tfulija u l-adolexxenza, u għalhekk jinfluwenzaw lill-persuni matul ħajjithom kollha;
G. billi n-nisa f'żoni rurali jsofru minn diskriminazzjoni u stereotipi tas-sessi saħansitra ikbar min-nisa fiż-żoni urbani u r-rata ta' impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali hija ħafna iktar baxxa minn dik tan-nisa fil-bliet;
H. billi ta' spiss l-istereotipi tas-sessi jiġu kkombinati ma' stereotipi oħra, bħal stereotipi li jiddiskriminaw fuq il-bażi tal-età, l-istatus tal-migrazzjoni, l-orjentament sesswali, id-diżabilità, eċċ., u għalhekk jaffettwaw ħafna iktar lin-nisa li jaqgħu taħt bosta minn dawn il-kategoriji;
I. billi l-vjolenza fuq in-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem li taffettwa lis-saffi soċjali, kulturali u ekonomiċi kollha;
Midja u kultura
J. billi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fil-midja, il-komunikazzjoni u r-reklamar għadha frekwenti u tiffaċilita r-riproduzzjoni tal-istereotipi tas-sessi, speċjalment billi tagħti stampa tan-nisa bħala oġġetti sesswali sabiex jiġi promoss il-bejgħ; billi, pereżempju, fir-reklamar 27 % mill-impjegati jew il-professjonisti murija huma nisa, filwaqt li 60 % ta' dawk li jidhru jagħmlu x-xogħol tad-dar jew jieħdu ħsieb it-tfal huma nisa; billi r-reklamar u l-midja jistgħu wkoll jaġixxu, madankollu, bħala katalist qawwi fil-ġlieda kontra l-istereotipi u l-preġudizzji bbażati fuq is-sessi;
K. billi t-tfal jiġu kkonfrontati bl-istereotipi tas-sessi minn età żgħira ħafna permezz tal-mudelli rwol promossi mis-serji u l-programmi televiżivi, id-diskussjonijiet, il-logħob, il-logħob elettroniku, il-materjal tal-istudju u l-programmi edukattivi, l-attitudnijiet fl-iskejjel, il-familja u s-soċjetà, li jinfluwenzaw il-perċezzjoni tagħhom ta' kif għandhom iġibu ruħhom in-nisa u l-irġiel u li jkollhom effetti fuq il-bqija ta' ħajjithom u fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur;
L. billi l-mod kif il-bniet huma mpinġija fl-ispazju pubbliku jnaqqas l-istima tas-soċjetà fir-rigward tagħhom, jippromwovi l-vjolenza fuq il-bniet; billi, filwaqt li l-midja jista' jkollha rwol edukattiv pożittiv, l-istereotipi dwar il-bniet huma mifruxa b'mod wiesa' fil-midja u ta' spiss għandhom it-tendenza li jsaħħu l-attitudnijiet u l-imġiba tradizzjonali, inkluż fir-reklamar u fil-programmi tat-tfal;
M. billi fil-programmi televiżivi, il-logħob tal-kompjuter u l-filmati mużikali hemm tendenza dejjem aktar evidenti, parzjalment għal skopijiet kummerċjali, li jiġu preżentati nisa b'ilbies provokattiv, f'pożi sesswali, u b'hekk dawn jikkontribwixxu aktar għall-istereotipi tas-sessi; billi l-lirika ta' kanzunetti għaż-żgħażagħ tinkludi kontenut sesswali, li ta' spiss tippromwovi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;
N. billi t-tfajliet u l-ġuvintur huma l-aktar milquta mill-istatus kulturali l-ġdid tal-pornografija; billi 'l-integrazzjoni tal-pornografija', jiġifieri l-proċess kulturali attwali li fih il-pornografija qed tinfiltra fil-ħajja ta' kuljum tagħna bħala element kulturali dejjem aktar aċċettat universalment, ta' spiss idealizzata, timmanifesta ruħha partikolarment b'mod ċar fost il-kultura taż-żgħażagħ: mit-televiżjoni u r-rivisti tal-istil tal-ħajja għaż-żgħażagħ għall-filmati tal-mużika u r-riklami mmirati lejn iż-żgħażagħ;
Edukazzjoni u taħriġ
O. billi l-aċċess għall-edukazzjoni formali primarja, sekondarja u terzjarja u l-kontenut tal-kurrikulu kif mgħallem lill-bniet u lis-subien huwa fattur prinċipali li jinfluwenza d-differenzi bejn is-sessi u, b'mod korrispondenti, fuq l-għażliet u l-aċċess għad-drittijiet; billi, filwaqt li l-aċċess għall-edukazzjoni kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien b'mod ġenerali jista' jidher inqas problematiku fl-UE milli f'partijiet oħra tad-dinja, madankollu għandu jiġu osservat li l-bniet u s-subien mhumiex ugwali fl-aċċess u l-użu komplet tas-sistemi u l-opportunitajiet edukattivi; billi, b'mod partikolari, l-aċċess għall-bniet minn gruppi fil-minoranza, bħal bniet mill-komunità tar-Roma, bniet migranti, dawk li jfittxu l-ażil, ir-refuġjati u bniet b'diżabilità għadu problematiku ħafna f'xi pajjiżi;
P. billi l-idea ta' ugwaljanza tista' tingħata fit-tfal minn età bikrija u trobbija fejn l-ugwaljanza hija rikonoxxuta tista' tgħallimhom jiġġieldu kontra l-istereotipi bejn is-sessi;
Q. billi l-istereotipi li għadhom jeżistu fir-rigward tal-għażliet edukattivi u professjonali disponibbli għan-nisa jgħinu biex jipperpetwaw l-inugwaljanzi; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għadhom jittrażmettu stereotipi tas-sessi, minħabba li ta' spiss in-nisa u l-irġiel isegwu mogħdijiet tradizzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u dan għandu riperkussjonijiet serji fuq is-suq tax-xogħol, billi jillimita d-diversifikazzjoni u spiss ipoġġu lin-nisa f'okkupazzjonijiet li huma ta' inqas valur u rimunerazzjoni;
R. billi fil-proċess edukattiv, is-subien u l-bniet għadhom mhux imħeġġa biex juru interess ugwali fis-suġġetti kollha, partikolarment fir-rigward tas-suġġetti xjentifiċi u tekniċi;
S. billi, għalkemm bosta pajjiżi Ewropej jinkludu d-dimensjoni tas-sessi fl-orjentazzjoni professjonali tagħhom, din normalment tkun indirizzata lejn il-bniet biex tħeġġiġhom jagħżlu karrieri fit-teknoloġija u x-xjenza, u ma teżisti ebda inizjattivi biex tħeġġeġ lis-subien jagħżlu karrieri fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa jew l-umanitajiet;
Suq tax-xogħol
T. billi l-impatt tal-istereotipi tas-sessi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ għandu implikazzjonijiet qawwija fis-suq tax-xogħol fejn in-nisa għadhom jiffaċċjaw segregazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali, u billi dan jikkontribwixxi għall-fatt li ċerti setturi għadhom jitqiesu bħala 'maskili' (b'iktar minn 85 % rġiel) u l-livelli tal-pagi tagħhom konsegwentement ikunu ogħla minn dawk tas-setturi meqjusa 'femminili' (b'ikar minn 70 % nisa); billi, barra minn hekk, ġeneralment ikun hemm iktar nisa impjegati f'impjiegi bi status soċjoekonomiku iktar baxx u dan ukoll jippreġudika l-kunfidenza tagħhom u l-fiduċja fihom innifishom;
U. billi l-istereotipi tas-sessi fis-suq tax-xogħol għadhom jillimitaw l-aċċess tan-nisa għal ċerti setturi, bħall-inġinerija, it-tifi tan-nar, il-manifattura, il-bini, is-sengħa ta' mastrudaxxa, il-mekkanika, is-settur tekniku u dak xjentifiku u t-teknoloġiji l-ġodda, imma jillimitaw ukoll l-aċċess tal-irġiel għas-setturi tal-kura tat-tfal (ix-xogħol ta' qabla, infirmiera tat-tfal, eċċ.);
V. billi għarfien aqwa tal-impjiegi li jeżistu fis-suq tax-xogħol jiffavorixxi aċċess aqwa għat-taħriġ professjonali kollu;
W. billi l-ħolqien ta' stereotipi fuq il-bażi tas-sessi huwa kontroproduttiv u fis-suq tax-xogħol jikkontribwixxi għal diviżjonijiet bejn is-sessi fil-professjonijiet, u b'hekk iwessa' d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;
X. billi fl-2010 n-nisa kienu għadhom jaqilgħu medja ta' madwar 16 % inqas mill-irġiel għall-istess impjiegi fl-UE u d-differenza fil-pagi tvarja fi ħdan l-Istati Membri u f'xi wħud minnhom taqbeż il-medja ta' 22 % fl-2011; billi, għalkemm hemm ħafna raġunijiet kumplessi għal din id-differenza fil-pagi, din spiss tkun ir-riżultat tal-istereotipi tas-sessi u fuq il-perċezzjoni li n-nisa jitqiesu biss f'termini tad-distribuzzjoni tradizzjonali tar-rwoli;
Y. billi, b'referenza għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, in-nisa huma b'mod ġenerali rappreżentati b'mod sproporzjonat fl-'impjiegi flessibbli' u dawk part-time, ħaġa li tissuġġerixxi li t-twemmin tradizzjonali li n-nisa għandhom iġorru r-responsabbiltà ewlenija għall-kura tal-familja għadu jippersisti sal-lum, twassalhom biex jieħdu impjiegi part-time b'ħinijiet flessibbli jew fuq bażi għat-terminu qasir ta' żmien u tillimita l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u li jiġu promossi;
Z. billi l-waqfien tal-karriera tan-nisa, minħabba l-liv tal-maternità jew tal-ġenituri, iwessa' id-differenza fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;
Teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi
AA. billi l-istudju tal-Kummissjoni tal-2011 juri li fl-2012, fl-Unjoni Ewropea, in-nisa kienu jirrappreżentaw 14 % tal-membri tal-bord tal-ikbar kumpaniji kkwotati, ħaġa li tissuġġerixxi l-eżistenza ta' l-hekk imsejjaħ 'saqaf tal-ħġieġ' li jagħmilha diffiċli għan-nisa li jkollhom impjiegi superjuri ta' ġestjoni u opportunitajiet indaqs għall-promozzjoni;
AB. billi, minkejja li kien hemm xi titjib fil-ftit snin li għaddew, in-nisa għadhom sottorappreżentati fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali żdiedet minn 21 % fl-2004 għal 23 % fl-2009, filwaqt li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew żdiedet minn 30 % fl-2004 għal 35 % fl-2009;
AC. billi l-istereotipi tas-sessi u s-sessiżmu għadhom prevalenti fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet kemm politiċi kif ukoll ekonomiċi, b'okkażjonijiet regolari ta' rimarki sessisti u fastidju, inklużi xi forom ta' fastidju sesswali u vjolenza fuq in-nisa;
AD. billi l-istereotipi tas-sessi jridu jiġu eliminati, speċjalment fil-livell tal-kumpaniji, fejn il-parti l-kbira tal-pożizzjonijiet ta' tmexxija huma f'idejn l-irġiel, għaliex dawn jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ nisa u jwasslu biex in-nisa jitħajru inqas li japplikaw għall-ogħla pożizzjonijiet ta' ġestjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u politiċi, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata;
Azzjoni tal-UE
1. Jinnota li hemm nuqqas serju ta' progress biex jiġu onorati l-impenji li saru kemm mill-UE kif ukoll mid-diversi gvernijiet bħala parti mill-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing u jenfasizza l-ħtieġa għal indikaturi ġodda fil-qasam tal-istereotipi tas-sessi u għal rapporti analitiċi fil-livell tal-UE, u jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jindirizza din il-kwistjoni;
2. Jinnota li, minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, għad hemm nuqqas fil-leġiżlazzjoni li tipprovdi għan-nondiskriminazzjoni kontra n-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni u l-midja, l-impjiegi u l-pagi; jenfasizza l-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti f'dawn l-oqsma titjieb u li tiddaħħal leġiżlazzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-politika, peress li din twassal għall-potenzjal tat-tkabbir tal-forza tax-xogħol Ewropea;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu effiċjenti mill-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għal strateġiji fit-tul li jgħinu biex dawk is-setturi tas-suq tax-xogħol li fihom in-nisa huma sottorappreżentati minħabba l-istereotipi tas-sessi jsiru aktar familjari u attraenti għalihom; iqis li dik l-istrateġija għandha tinkludi azzjoni pożittiva, it-tagħlim tul il-ħajja u l-inkoraġġiment lit-tfajliet biex jidħu f'oqsma ta' studju li mhumiex meqjusa tradizzjonalment 'femminili', bħat-teknoloġija tal-informazzjoni jew il-mekkanika, u biex jappoġġjaw miżuri ta' konċiljazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u l-familja għan-nisa u l-irġiel;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jeliminaw l-istereotipi u jippromwovu l-aċċess għal kulħadd għat-tagħlim u għall-impjieg mingħajr xkiel minħabba stereotipi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b'mod sostanzjali u sostenibbli l-programm DAPHNE attwali u l-programm Drittijiet u Ċittadinanza li se jibda, bħala mod kif tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, kif ukoll l-istereotipi tas-sessi;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji li jindirizzaw il-kawżi profondi tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa, li huma minquxa fl-istereotipi u l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, billi jibdew bit-tkissir tal-istereotipi tas-sessi;
Midja u kultura
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inklużjoni tal-istereotipi tas-sessi fir-reklamar matul il-programmi tat-televiżjoni tat-tfal, kif ukoll f'dawn il-programmi stess, hija problema partikolari, għaliex għandha impatt potenzjali fuq is-soċjalizzazzjoni tas-sessi u, sussegwentement, l-opinjoni tat-tfal dwarhom infushom, dwar il-membri tal-familja tagħhom u d-dinja ta' barra; jenfasizza l-importanza li jitnaqqas l-esponiment tat-tfal għall-istereotipi tas-sessi, possibilment billi tiġi provduta edukazzjoni kritika dwar il-midja fl-iskejjel;
8. Jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu wkoll is-subien matul il-proċess tal-integrazzjoni tas-sessi u għaldaqstant iħeġġeġ it-tagħlim ta' eżerċizzji mfassla speċifikament sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom fir-rigward tal-istereotipi;
9. Jisħaq fuq il-fatt li r-reklamar spiss jagħtu messaġġi diskriminatorji u/jew nieqsa mid-dinjità bbażati fuq il-forom kollha ta' stereotipi tas-sessi, ħaġa li xxekkel l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-soċjetà ċivili u lill-korpi tal-awtoregolamentazzjoni tar-reklamar jikkooperaw mill-qrib biex jissieltu kontra tali prattiki, b'mod speċjali billi jużaw għodod effettivi li jiggarantixxu r-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u dak li hu xieraq min-naħa tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar;
10. Jinnota li r-reklamar jista' jkun għodda effettiva fit-tnissil tad-dubju u fil-ġlieda kontra l-istereotipi, kif ukoll bħala għodda kontra r-razziżmu, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni, ħaġa tant essenzjali fis-soċjetajiet multikulturali tal-lum il-ġurnata; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-professjonisti tar-reklamar isaħħu l-attivitajiet ta' taħriġ u ta' edukazzjoni bħala mod biex jintgħelbu l-istereotipi, tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri, b'mod partikolari, idaħħlu u jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib mal-iskejjel eżistenti tal-kummerċjalizzazzjoni, il-komunikazzjoni u r-reklamar, ħalli jgħinuhom jipprovdu taħriġ tajjeb għall-forza tax-xogħol futura tas-settur;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru korsijiet speċjali dwar l-istereotipi tas-sessi fil-midja għall-kumitati nazzjonali dwar l-istandards tar-reklamar u għall-korpi awtoregolatorji u regolatorji sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-influwenza negattiva li għandhom ix-xbihat ta' diskriminazzjoni tas-sessi fit-televiżjoni, fl-internet u fil-kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni u reklamar;
12. Jistieden lill-UE tiżviluppa kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar it-tolleranza żero fl-UE kollha għal insulti sessisti jew ix-xbihat degradanti tan-nisa u l-bniet fil-midja;
13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jmexxu taħriġ u azzjonijiet ta' taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni ma' professjonisti tal-midja dwar l-effetti dannużi tal-istereotipi tas-sessi u l-prattiki tajba f'dan il-qasam;
14. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-rappreżentanza tax-xbieha femminili b'tali mod li tirrispetta d-dinjità tan-nisa, u tal-ġlieda persistenti kontra l-istereotipi tas-sessi, b'mod partikolari l-prevalenza ta' xbihat degradanti, filwaqt li tkun rispettata bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa;
15. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni konkreta dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 1997 dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fir-reklamar(10);
16. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra s-sesswalizzazzjoni tal-bniet mhux biss billi tiġbor id-data meħtieġa, tippromwovi l-prattiki tajba u torganizza kampanji ta' informazzjoni, iżda wkoll billi tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet meħuda fl-Istati Membri, b'mod partikolari fil-ġlieda tal-organizzazzjonijiet tan-nisa kontra s-sesswalizzazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri ta' azzjoni pożittiva biex jiġi żgurat li aktar nisa jkollhom aċċess għal pożizzjonijiet ta' ġestjoni fil-midja, inklużi pożizzjonijiet ta' ġestjoni superjuri;
18. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu riċerka u jiġbru data komparabbli rigward in-nisa u l-midja, inkluż dwar ix-xbieha tan-nisa minn gruppi speċifiċi, bħan-nisa b'diżabilità jew nisa li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi;
Edukazzjoni u taħriġ
19. Jenfasizza l-ħtieġa ta' korsijiet speċjali ta' gwida għall-karrieri fl-iskejjel primarji u sekondarji u fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, sabiex iż-żgħażagħ jiġu infurmati dwar il-konsegwenzi negattivi tal-istereotipi tas-sessi u jiġu mħeġġa jistudjaw u jagħżlu karrieri li fil-passat kienu meqjusa bħala tipikament 'maskili' jew 'femminili'; jitlob li jingħata appoġġ għal kwalunkwe azzjoni mmirata biex tnaqqas il-prevalenza tal-istereotipi tas-sessi fost it-tfal iż-żgħar;
20. Jinsisti fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel minn età żgħira sabiex jiġu miġġielda b'mod effettiv l-istereotipi, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza bbażati fuq is-sessi, inkluż permezz tat-tagħlim fl-iskejjel dwar id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
21. Jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi/kurrikuli edukattivi li jiffokaw fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rispett ta' ħaddieħor, ir-rispett fost iż-żgħażagħ, sesswalità rispettuża u r-rifjut tal-forom kollha ta' vjolenza, kif ukoll l-importanza tat-taħriġ tal-għalliema f'dan is-suġġett;
22. Jenfasizza l-ħtieġa ta' proċess tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iskejjel u għalhekk iħeġġeġ lill-iskejjel biex ifasslu u jimplimentaw eżerċizzji tat-taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni u eżerċizzji prattiċi mfassla sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikulu akkademiku;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħejjew u jiddaħħlu korsijiet ta' taħriġ għall-għalliema, is-superviżuri, id-diretturi u l-persuni l-oħra kollha involuti fl-edukazzjoni tat-tfal sabiex dawn ikollhom l-istrumenti pedagoġiċi kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;
24. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, għalkemm il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE għandhom politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni ogħla, kważi l-politiki u l-proġetti kollha jiffokaw fuq it-tfajliet; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jħejju strateġiji u inizjattivi nazzjonali ġenerali kontra l-istereotipi tas-sessi fl-edukazzjoni ogħla u li jimmiraw lejn il-ġuvintur;
25. Jitlob preparazzjoni xierqa min-naħa tal-għalliema u min iħarreġ, kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll f'dik informali, permezz ta' taħriġ essenzjali fil-qasam tal-ugwaljanza tas-sessi bejn in-nisa/il-bniet u l-irġiel/is-subien u l-iskoperta ta' tipi varji ta' abbuż marbut magħha u vjolenza sesswali u r-reazzjoni għalihom;
26. Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati politiki li jenfasizzaw it-tfarrik tal-istereotipi tas-sessi minn età żgħira ħafna u taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni għall-għalliema u l-istudenti, u li jinkoraġġixxu u jsostnu d-diversifikazzjoni fil-karrieri kemm għat-tfajliet, kif ukoll għall-ġuvintur;
27. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu politiki attivi biex jiġi żgurat li l-bniet minn gruppi ta' minoranzi u l-bniet minn komunitajiet migranti jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u s-sistemi edukattivi;
28. Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw is-sillabu u l-kontenut tal-kotba tal-iskola, fid-dawl ta' riforma li twassal għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet dwar is-sessi bħala parti mill-materjal edukattiv kollu bħala tema trasversali, kemm f'termini tal-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi, kif ukoll f'termini ta' viżibilità akbar għall-kontribuzzjoni u r-rwol tan-nisa fl-istorja, fil-letteratura, fl-arti, eċċ., inkluż fil-livelli l-aktar bikrija tal-iskola;
29. Jistieden lill-UE tippromwovi dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, pereżempju billi tiżgura l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala għodda edukattiva u billi tiżviluppa u tiġbor statistiki sensittivi għas-sessi dwar l-aspetti kollha tal-edukazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE;
30. Jistieden lill-UE tinkludi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi tal-evalwazzjoni kollha li jimmiraw lejn l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel Ewropej;
Suq tax-xogħol
31. Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib li qed jikber dwar l-influwenza negattiva tal-istereotipi tas-sessi fuq id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta' 16.4 % u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu dan it-tħassib meta jiżviluppaw politiki ġodda;
32. Jenfasizza li d-data disponibbli tindika li l-kwalifiki u l-esperjenza miksuba min-nisa huma mħallsa inqas minn dawk miksuba mill-irġiel, parzjalment minħabba li l-impjieg tan-nisa tradizzjonalment kien meqjus bħala kumplimentari għad-dħul tal-familja, fatt li kkontribwixxa b'mod sinifikanti sabiex jinħolqu u jinżammu d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;
33. Jenfasizza l-ħtieġa għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni sabiex min iħaddem u l-impjegati jiġu infurmati dwar ir-rabta bejn l-istereotipi tas-sessi u d-differenza bejn il-pagi u l-karrieri tal-irġiel u n-nisa, il-partijiet interessati l-oħra fis-soċjetà jiġu infurmati dwar il-fatt li l-istereotipi tas-sessi jnaqqsu l-opportunitajiet tan-nisa kemm fis-suq tax-xogħol kif ukoll fil-ħajjiet privati tagħhom, titħeġġeġ it-trasparenza fil-kumpaniji u l-aġenziji pubbliċi u privati, u tiġi garantita paga indaqs għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur indaqs;
34. Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-istrutturi tal-pagi fil-professjonijiet u fix-xogħlijiet iddominati min-nisa bħala mod biex jiġu eliminati l-istereotipi tas-sessi li huma ankrati fil-problema tad-differenzi fil-pagi; jistieden lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-movimenti sindikalisti biex jabbozzaw u jimplimentaw għodod utli u operattivi evalwazzjoni tax-xogħol biex jiddeterminaw xogħol ta' valur ugwali u b'hekk tiġi żgurata paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki li jżidu l-ammont ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal li ma jqumux ħafna flus u ta' kwalità għolja disponibbli għall-ġenituri li jaħdmu fl-Ewropa kollha, u jgħinu fil-ħolqien ta' strutturi li jippermettu l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali tal-ġenituri li jaħdmu f'kumpaniji, speċjalment permezz tal-appoġġ tal-ħolqien u l-kontinwazzjoni ta' servizzi tal-kura tat-tfal offruti mill-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu wkoll il-provvista ta' faċilitajiet ta' kura għal kategoriji oħra ta' persuni dipendenti (anzjani, persuni b'diżabilità, persuni fil-bżonn), u għaldaqstant jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fix-xogħol, billi jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet ta' xogħol flessibbli, u forom xierqa ta' liv parentali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;
37. Jenfasizza l-fatt li l-istereotipi tas-sessi għandhom tendenza ta' awtorealizzazzjoni u li, jekk in-nisa qatt ma jingħataw l-opportunità sabiex juru l-kapaċitajiet tagħhom, dawn qatt mhuma se jaslu biex jeqirdu l-barrieri li jxekklu l-avvanz tagħhom;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-intraprenditorja tan-nisa u l-skemi ta' impjieg indipendenti billi jipprovdu taħriġ, finanzjament u appoġġ xierqa;
39. Ifakkar lill-Kummissjoni li n-nisa anzjani huma partikolarment milquta mid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa li taffettwa wkoll il-pensjonijiet, u b'hekk jiżdied ir-riskju ta' faqar estrem u persistenti meta n-nisa jaslu fl-età tal-irtirar;
40. Jinnota li l-probabilità li n-nisa anzjani jispiċċaw fil-faqar meta jilħqu l-età tal-irtirar se tiżdied b'riżultat tar-regoli tal-pensjoni l-ġodda tal-UE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li ma jiġi appoġġjata ebda emenda fil-White Paper li żżid id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol u tipproduċi rapport dwar in-nuqqasijiet u l-isfidi, sabiex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni u l-miżuri tal-Istati Membri;
Teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi
42. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rappreżentanza tan-nisa fil-gvernijiet nazzjonali kienet ta' 23 % fl-2009 u jappoġġja l-introduzzjoni ta' kwoti vinkolanti sabiex jiżdied l-għadd ta' nisa fil-gvernijiet u fil-parlamenti nazzjonali u fil-livell reġjonali u dak muniċipali, kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ l-introduzzjoni tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' inċentivi, li jinkoraġġixxu lin-nisa jkunu aktar attivi politikament u joħorġu għall-elezzjoni għall-gvern lokali jew nazzjonali;
43. Ifakkar li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, segwiti mill-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss u n-nomini għall-“ogħla impjiegi” tal-UE, huma opportunità biex isir pass 'il quddiem lejn id-demokrazija tal-ugwaljanza fil-livell tal-UE u biex l-UE tkun mudell f'dan il-qasam;
44. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ugwaljanza billi jipproponu mara u raġel bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew; jitlob lill-President tal-Kummissjoni nominat biex jimmira lejn l-ugwaljanza meta jifforma l-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni attwali tappoġġja pubblikament din il-proċedura;
45. Ifakkar li fl-2010, in-numru ta' nisa li kienu membri fil-kunsilli ta' ġestjoni fl-Ewropa kien biss ta' 12 %; jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kwoti vinkolanti għal nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabilità fl-ikbar kumpaniji elenkati;
Azzjonijiet oħra
46. Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw mill-ġdid l-approċċ tagħhom għall-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol u għall-mekkaniżmi li jippermettu lill-ħaddiema li jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, peress li l-istereotipi jistgħu jżidu s-segregazzjoni okkupazzjonali u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;
47. Jistieden lill-Istati Membri biex il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa jagħmluha prijorità fil-politika kriminali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw, għal dan il-għan, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-servizzi tal-pulizija nazzjonali tagħhom, u l-iskambju ta' prattika tajba;
48. Jenfasizza l-ħtieġa tal-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni miftiehma, li tinkludi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni lill-pubbliku, dwar il-vjolenza fuq il-bażi tas-sessi, kif ukoll strateġiji mmirati biex ibiddlu l-istereotipi soċjali tan-nisa permezz tal-edukazzjoni u l-midja, u tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba; itenni l-ħtieġa li wieħed jaħdem kemm mal-vittmi kif ukoll mal-aggressuri, bil-ħsieb li dawn tal-aħħar jiġu sensibilizzati u jingħata kontribut għall-bidla tal-istereotipi u t-twemmin determinat mis-soċjetà, li jgħin biex jiġu pperpetwati l-kundizzjonijiet li jiġġeneraw dan it-tip ta' vjolenza u l-aċċettazzjoni tagħha;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, anke permezz ta' kampanji ta' informazzjoni li jenfasizzaw ir-rwol u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, l-ekonomika, is-soċjetà, l-isport, is-saħħa, l-arti, ix-xjenza u fil-livelli l-oħra kollha tas-soċjetà;
50. Iqis li huma meħtieġa miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE sabiex jingħelbu l-istereotipi u jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi, tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi dominati mill-irġiel u jiżdied ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-prestazzjoni ekonomika tan-nisa fil-post tax-xogħol, sabiex tingħeleb l-esklużjoni orizzontali u vertikali u jiżdied l-għadd ta' nisa fil-korpi ta' teħid ta' deċiżjoni fl-isfera politika u intraprenditorjali;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni politika deċiżiva biex jiġġieldu kontra l-istereotipi tas-sessi u jinkoraġġixxu lill-irġiel jikkondividu b'mod ugwali man-nisa r-responsabbiltajiet tad-dar u tal-kura tat-tfal, b'mod partikolari permezz ta' inċentivi biex l-irġiel jieħdu liv parentali u tal-paternità, u b'hekk jissaħħu drittijiethom bħala missirijiet, jiġu żgurati grad ogħla ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u kondiviżjoni aktar xieraq tar-responsabbiltajiet familjari u tax-xogħol tad-dar, u jitjiebu l-opportunitajiet biex in-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri jikkonvinċu lil min iħaddem jadotta miżuri li jiffavorixxu l-familji;
52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri jinkoraġġixxu iżjed riċerka dwar l-istereotipi tas-sessi u jiġbru iżjed data statistika dwar l-istereotipi tas-sessi billi jiżviluppaw indikaturi xierqa għall-istereotipi tas-sessi;
53. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija stabbilita fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
54. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-potenzjal tax-xogħol tal-irġiel u tan-nisa f'diversi professjonijiet, bil-għan li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol jintlaħqu u li ż-żewġ sessi jgawdu minn opportunitajiet indaqs;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-forom kollha ta' vjolenza, diskriminazzjoni u stereotipar kontra n-nisa biex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem kollha tagħhom;
56. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji li saru fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
57. Iħeġġeġ lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-istituti nazzjonali differenti għall-ugwaljanza bejn is-sessi jippromwovu iżjed riċerka dwar il-kawżi oriġinali tal-istereotipi tas-sessi u l-impatt tal-istereotipi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jenfasizza l- importanza tal-iskambju ta' ideat ġodda u tar-riċerka dwar l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jiġu eliminati l-istereotipi tas-sessi fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE;
58. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Settembru 2008 dwar kif il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jaffettwaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet imressqa f'dik ir-riżoluzzjoni;
59. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, edukazzjoni u taħriġ biex jiġġieldu kontra n-normi kulturali diskriminatorji u jittrattaw l-istereotipi sessisti prevalenti u l-istigmatizzazzjoni soċjali, li jilleġittimizzaw u jipperpetwaw il-vjolenza fuq in-nisa, u biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq bażi ta' drawwiet, tradizzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi;
60. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-kondiviżjoni ta' mudelli tajbin, jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri u jistabbilixxu opportunitajiet ta' finanzjament għal kampanji fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġu elimitati l-istereotipi tas-sessi;
61. Jistieden lill-UE tnaqqas id-distakk eżistenti fl-ambitu bejn il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-diskriminazzjoni razzjali u dik fuq il-bażi tas-sessi u tipproponi leġiżlazzjoni ġdida sabiex tiżgura l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni u l-midja;
62. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw salvagwardji (fil-forma ta' ombudspersons jew awtoritajiet li jissorveljaw il-midja li jinkorporaw esperti tal-ugwaljanza bejn is-sessi) biex jiżguraw li l-kodiċijiet industrijali ta' kondotta jinkludi perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u qed jiġu osservati, u li l-pubbliku jkun jista' jressaq l-ilmenti jekk ikun meħtieġ;
o o o
63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.