Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2102(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0047/2013

Testi mressqa :

A7-0047/2013

Dibattiti :

PV 11/03/2013 - 19
CRE 11/03/2013 - 19

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2013 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0075

Testi adottati
PDF 348kWORD 38k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afrika ta' Fuq
P7_TA(2013)0075A7-0047/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afrika ta’ Fuq (2012/2102(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(5), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika – Strateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bl-isem “Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran’ (COM(2011)0200), ”Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni’ (COM(2011)0303) u “Twettiq ta’ Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida’ (JOIN(2012)0014),

–  wara li kkunsidra l-istrumenti tematiċi u ġeografiċi finanzjarji tal-Kummissjoni rigward id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem (bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI)),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012–2016 (COM(2012)0286),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa dwar “Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel: kundizzjoni għas-suċċess tar-Rebbiegħa Għarbija’(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta’ Diċembru 1979 u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokoll Fakultattiv dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal tal-25 ta' Mejju 2000,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU Nru 67/167) tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra r-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f'Pekin f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni adottati f’Pekin u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Beiġing u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni adottati rispettivament fid-9 ta’ Ġunju 2000, fil-11 ta’ Marzu 2005 u fit-2 ta’ Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-Proċess bejn Istanbul u Marrakexx u l-Konklużjonijiet Ministerjali tal-ewwel u t-tieni Konferenza Ewro-Mediterranja dwar “It-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fis-Soċjetà’, li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2006 f’Istanbul u l-11-12 ta’ Novembru 2009 f’Marrakexx,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-djalogi reġjonali tal-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika (MENA) bejn is-soċjetà ċivili, l-atturi Statali u l-mexxejja politiċi li saru f'Ġunju u Novembru 2012 f'Bejrut u f'Amman fil-qafas tal-proġett reġjonali ffinanzjat mill-UE “Il-promozzjoni ta' aġenda komuni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel matul il-Proċess ta' Istanbul’,

–  wara li kkunsidra “Rebbiegħa għall-Avvanz tan-Nisa’, il-programm reġjonali konġunt għar-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, immexxi mill-Kummissjoni u minn UN Women;

–  wara li kkunsidra “Karta ta' Rapport dwar l-Adolexxenti”, l-10 edizzjoni tar-Rapport tal-UNICEF dwar il-Progress għat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UNDP tal-2005 dwar l-Iżvilupp Uman fid-Dinja Għarbija bl-isem “Lejn it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fid-dinja Għarbija’ u r-Rapport tal-2009 bl-isem ”Sfidi għas-Sigurtà tal-Bniedem fir-Reġjun Għarbi’, speċjalment fil-kapitolu tiegħu dwar “In-Nuqqas ta' sigurtà personali ta’ gruppi vulnerabbli’,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b’mod partikolari(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – id-Dimensjoni tan-Nofsinhar,(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar l-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta’ Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0047/2013),

A.  billi ħafna nisa, b’mod partikolari tfajliet, kienu involuti ħafna fir-“Rebbiegħa Għarbija’ fl-Afrika ta’ Fuq, fejn ipparteċipaw sa mill-bidunett, f’dimostrazzjonijiet, dibattitu pubbliku u politiku u fl-elezzjonijiet, filwaqt illi ħadu sehem attiv fis-soċjetà ċivili, fil-midja soċjali u fuq blogs, fost affarijiet oħra, u għalhekk kienu, u għadhom, parteċipanti ewlenin fil-bidla demokratika fil-pajjiżi tagħhom u fit-tisħiħ tal-iżvilupp u tal-koeżjoni;

B.  billi dawn il-pajjiżi qed jgħaddu minn proċess ta’ tranżizzjoni demokratika u politika ta’ tibdil jew ta’ adattament fil-kostituzzjonijiet tagħhom, fejn nisa, sew jekk huma membri parlamentari, uffiċjali eletti jew rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, huma involuti b'mod attiv u konsistenti; billi r-riżultat ta’ dan il-proċess se jifforma l-funzjonament demokratiku u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-pajjiż, u se jkollu impatt fuq l-istatus tan-nisa;

C.  billi r-rwol li għandhom in-nisa fir-rivoluzzjonijiet ma huwa xejn differenti mir-rwol li huma mistennija li jkollhom fi żminijiet ta' tranżizzjoni demokratika u bini mill-ġdid tal-istat; billi s-suċċess ta' dawn il-proċessi huwa kompletament kontinġenti fuq l-involviment sħiħ tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjoni;

D.  billi n-nisa f’dawn il-pajjiżi saru, minkejja li b’mod mhux uniformi, aktar preżenti fl-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, intrapriżi u istituzzjonijiet fid-deċennji li għaddew, anke jekk, taħt reġimi dittatorjali u paternalistiċi, l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet kienet illimitata u l-parteċipazzjoni tan-nisa kienet soġġetta għal diversi kundizzjonijiet ristrettivi;

E.  billi d-drittijiet tan-nisa jirrappreżentaw waħda mill-kwistjonijiet l-aktar diskussi fil-proċess politiku preżenti u huma l-preokkupazzjoni ewlenija tan-nisa, peress li jiffaċċjaw ir-riskju ta’ reazzjoni avversa u intimidazzjoni, li jista’ jnaqqas il-possibbiltajiet li jintlaħaq l-għan ta’ demokrazija kondiviża u status ugwali ta’ ċittadinanza;

F.  billi diversi kwistjonijiet komuni relatati mas-sessi, bħad-drittijiet tal-bniet u tan-nisa bħala parti integrali mid-drittijiet universali tal-bniedem, drittijiet ugwali u konformità ma’ konvenzjonijiet internazzjonali huma fil-qalba tad-dibattiti kostituzzjonali;

G.  billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjoni fis-setturi kollha tvarja minn pajjiż għall-ieħor, iżda hija diżappuntanti fir-rigward tal-perċentwali involuti meta mqabbla mal-involviment kbir tan-nisa fil-movimenti varji tar-rewwixti u fl-elezzjonijiet sussegwenti u ż-żieda tal-proporzjon ta' nisa b’livell għoli ta’ edukazzjoni;

H.  billi l-Politika tal-Viċinat tal-UE imġedda għandha tpoġġi aktar enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili;

I.  billi fil-preżent l-appoġġ speċifiku tal-UE għal kwistjonijiet ta’ sessi fir-reġjun huwa ta’ EUR 92 miljun, li minnhom EUR 77 miljun huma f’livell bilaterali u EUR 15 miljun f’livell reġjonali;

J.  billi fost il-programmi bilaterali tal-UE l-aktar programm sinifikanti għandu jiġi implimentat fil-Marokk, b'baġit ta' EUR 45 miljun għall-“Promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa’, u billi fl-Eġittu għandu jiġi implimentat proġett ta' EUR 4 miljun minn UN Women, filwaqt li fit-Tuneżija u fil-Libja UN Women qed timplimenta programmi bilaterali għan-nisa bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet;

K.  billi s-sitwazzjoni soċjoekonomika, speċjalment il-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa, u l-faqar, li spiss iwassal għall-marġinalizzazzjoni tan-nisa u jagħmilhom dejjem aktar vulnerabbli, kienet waħda mill-kawżi ewlenin tat-taqlib fir-reġjun, flimkien mal-aspirazzjoni għad-drittijiet u d-demokrazija, id-dinjità u l-ġustizzja;

L.  billi saru ħafna atti ta’ vjolenza sesswali fuq il-bniet u n-nisa matul u wara r-rewwixti fir-reġjun kollu, inkluż l-istupru u t-testijiet tal-verġinità użati bħala mezz ta’ pressjoni politika kontra n-nisa, fost l-oħrajn minn forzi tas-sigurtà, u l-fastidju sesswali fil-pubbliku; billi l-intimidazzjoni abbażi tas-sessi qed tintuża dejjem aktar minn movimenti estremisti;

M.  billi s-sitwazzjoni ta’ nisa u tfal migranti hija ħafna aktar kritika minħabba fin-nuqqas ta' sigurtà f’xi partijiet tar-reġjun u minħabba l-kriżi ekonomika;

N.  billi r-riskju tat-traffikar tal-bniedem qed jiżdied f’pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjoni u f’żoni fejn persuni ċivili qed jiġu affettwati minn kunflitti jew fejn jinstabu ħafna refuġjati jew persuni spostati internament;

O.  billi kwistjoni fundamentali waħda fid-dibattiti kostituzzjonali hija jekk l-Islam għandux jiġi definit fil-kostituzzjoni bħala r-reliġjon tal-poplu jew tal-Istat;

P.  billi r-referendum kostituzzjonali ta' Diċembru 2012 tal-Eġittu ma rnexxilux jassigura l-livell neċessarju ta' parteċipazzjoni popolari jew kunsens totali, b'riżultat li l-mistoqsijiet baqgħu bla tweġiba u għad hemm xi diskrezzjoni fl-interpretazzjoni rigward kwistjonijiet kostituzzjonali kbar, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

Q.  billi d-dimensjoni parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u l-Proċess bejn Istanbul u l-Marrakexx huma fost l-aħjar għodod għal-leġiżlaturi biex jiskambjaw dwar dawn il-kwistjonijiet kollha u l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran tinkludi Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa, li għandu jintuża b'mod xieraq;

Id-Drittijiet tan-nisa

1.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati sabiex jinkludu fil-kostituzzjoni tagħhom il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-possibbiltà ta' azzjonijiet konkreti, u l-ikkonsolidar tad-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tan-nisa; jitlob lil-leġiżlaturi f’dawn il-pajjiżi biex jirriformaw il-liġijiet eżistenti u jinkludu fil-kostituzzjoni tagħhom il-prinċipju tal-ugwaljanza u l-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u biex jirriformaw il-liġijiet eżistenti kollha li jiddiskriminaw kontra n-nisa, inkluż fil-qasam taż-żwieġ, id-divorzju, il-kustodja tat-tfal, id-drittijiet tal-ġenituri, iċ-ċittadinanza, il-wirt, il-kapaċità legali, eċċ, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali u reġjonali u biex tissaħħaħ l-eżistenza ta’ mekkaniżmi domestiċi għall-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa;

2.  Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jiggarantixxu ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-kodiċi penali u s-sistemi ta' sigurtà soċjali;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-parteċipazzjoni ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fl-isferi kollha tal-ħajja hi element ta' demokrazija u li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-governanza tikkostitwixxi prekondizzjoni għall-progress soċjoekonomiku, għall-koeżjoni soċjali u għall-governanza demokratika ġusta; iħeġġeġ bil-kbir, għaldaqstant, lill-pajjiżi kollha biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir prijorità fl-aġendi tagħhom li jippromwovu d-demokrazija;

4.  Jisħaq li t-tranżizzjonijiet kontinwi fl-Afrika ta' Fuq se jirnexxielhom biss iwasslu għal sistemi u soċjetajiet politiċi demokratiċi ladarba tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-libertà li wieħed jagħżel il-mod kif jgħix;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Afrika ta’ Fuq biex jimplimentaw għal kollox is-CEDAW, il-protokolli tagħha u l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u għaldaqstant biex jirtiraw ir-riżervi kollha għas-CEDAW; jitlobhom ukoll biex jikkooperaw ma’ mekkaniżmi tan-NU li jipproteġu d-drittijiet tal-bniet u tan-nisa;

6.  Ifakkar id-dibattitu miftuħ fost l-istudjużi nisa Iżlamiċi bil-għan li jiġu interpretati testi reliġjużi f’perspettiva tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza;

7.  Ifakkar fl-importanza li tkun garantita wkoll il-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon u l-pluraliżmu, inkluż permezz tal-promozzjoni tar-rispett reċiproku u tad-djalogu interreliġjuż, b'mod partikolari fost in-nisa;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Istati biex jidħlu f'dibattitu inklużiv, mifrux b'mod wiesa' u volontarju mal-partijiet interessati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet lokali tan-nisa, l-awtoritajiet lokali u l-mexxejja reliġjużi, u biex jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkunu protetti u mħarsa;

9.  Ifakkar li l-ebda reliġjon monoteistika ma ssostni l-vjolenza jew ma tista' tintuża biex tiġġustifikaha;

10.  Jistieden lill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq biex jadottaw liġijiet u miżuri konkreti li jipprojbixxu u jistabbilixxu penali għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika u sesswali, il-fastidju sesswali u prattiki tradizzjonali dannużi, bħall-mutilazzjonijiet ġenitali tan-nisa u ż-żwiġijiet furzati, speċjalment fil-każ ta' bniet taħt l-età; jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni tal-vittmi u l-forniment ta' servizzi speċifiċi; jilqa’ l-kampanja riċenti kontra l-vjolenza domestika mnedija mill-Ministru Tuneżin għan-Nisa u l-Affarijiet tal-Familja, u l-impenn kontinwu għal dan il-għan min-naħa tal-Marokk, li fl-2012 organizza l-għaxar kampanja nazzjonali tiegħu għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

11.  Ifakkar fid-diskriminazzjoni doppja li jiffaċċjaw in-nisa leżbjani u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Afrika ta' Fuq biex jiddepenalizzaw l-omosesswalità u biex jiżguraw li n-nisa ma jiġux diskriminati fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità fir-rigward tal-vjolenza kollha kontra n-nisa, b’mod partikolari l-vjolenza sesswali, billi jiġi żgurat li dawn ir-reati jiġu investigati, jitressqu l-qorti u jiġu kkastigati b’mod aħrax, li l-minorenni jiġu protetti b’mod xieraq mis-sistema ġudizzjarja u li n-nisa kollha jkollhom aċċess sħiħ għall-ġustizzja mingħajr ebda diskriminazzjoni reliġjuża u/jew etnika;

13.  Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali jipprovdu taħriġ biżżejjed biex jiżguraw li l-operaturi tal-ġustizzja u l-forzi tas-sigurtà jkunu mgħammra kif xieraq biex jittrattaw reati ta’ fastidju sesswali u l-vittmi tagħhom; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ sistema ġudizzjarja tranżizzjonali sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi;

14.  Jikkundanna l-użu tal-forom kollha ta' vjolenza b'mod partikolari l-vjolenza sesswali qabel, matul u wara r-rewwixti u l-użu kontinwu tagħha bħala forma ta’ pressjoni politika u bħala mezz ta’ intimidazzjoni u degradazzjoni tan-nisa; jistieden lis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali biex jieħdu passi kontra dawn ir-reati b'miżuri adegwati, u jenfasizza li l-Qorti Kriminali Internazzjonali tista’ tintervjeni jekk ma tkun possibbli l-ebda azzjoni ġudizzjarja fil-livell nazzjonali;

15.  Jirrimarka li matul u wara r-rewwixti n-nisa fl-Afrika ta' Fuq ħabbtu wiċċhom ma' aktar vulnerabbiltà u vittimizzazzjoni;

16.  Jistieden lill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jiżviluppaw strateġija għall-vittmi ta' vjolenza sesswali matul u wara r-rewwixti, li jipprovdu lill-vittmi b'kumpens u b'appoġġ ekonomiku, soċjali u psikoloġiku xieraq; jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jagħtu prijorità lit-tressiq tal-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

17.  Jikkundanna l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa li għadha tintuża f'xi żoni tal-Eġittu u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jsaħħu l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni u lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi programmi bl-għan li tinqered din il-prattika, inkluż permezz tal-involviment tal-NGOs u tal-edukazzjoni dwar is-saħħa; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza tas-sensibilizzazzjoni, il-mobilizzazzjoni komunitarja, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-ħtieġa tal-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-mexxejja komunitarji fil-ġlieda kontra l-prattika tal-mutilazzjonijiet ġenitali tan-nisa;

18.  Ifaħħar il-fatt li aktar u aktar stati fir-reġjun iddeċidew li jgħollu l-età legali taż-żwieġ għall-bniet matul id-deċennji li għaddew (16 fl-Eġittu, 18 fil-Marokk u 20 fit-Tuneżija u l-Libja) u jikkundanna kull attentat li terġa’ titbaxxa jew li jkun limitat l-impatt ta’ tali riformi peress li żwiġijiet f'età żgħira u spiss furzati mhumiex biss ta’ detriment għad-drittijiet, is-saħħa, il-psikoloġija u l-edukazzjoni tal-bniet iżda anke jipperpetwaw il-faqar, li jaffettwa t-tkabbir ekonomiku b’mod negattiv;

19.  Jisħaq li d-diskriminazzjoni jew il-vjolenza ta' kwalunwkwe tip kontra n-nisa u l-bniet ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet ta' kultura, tradizzjoni jew reliġjon;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa, speċjalment meta jinħolqu politiki tas-saħħa ġodda, li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-protezzjoni u s-servizzi tas-saħħa u soċjali għan-nisa u l-bniet, b’mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet materni, sesswali u riproduttivi; jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali biex jimplementaw bis-sħiħ l-ICPD, il-Programm ta’ Azzjoni u l-aġenda tal-iżvilupp u l-popolazzjoni tan-NU u jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konklużjoni tar-rapport mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) intitolat 'B'għażla, mhux b'kumbinazzjoni: l-ippjanar tal-familja, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp';

21.  Jisħaq fuq l-importanza ta' azzjonijiet speċifiċi biex in-nisa jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u l-importanza ta' kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-aġenziji statali fil-preparazzjoni tar-riformi u l-implimentazzjoni ta' liġijiet kontra d-diskriminazzjoni;

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet

22.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika, bħala dimostranti, votanti, kandidati u rappreżentanti eletti, turi r-rieda tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini b'mod sħiħ u li jiġġieldu biex jibnu d-demokrazija; jindika li l-avvenimenti riċenti li seħħew fir-Rebbiegħa Għarbija wrew li n-nisa jista' jkollhom rwoli importanti f'avvenimenti rivoluzzjonarji; jitlob, għalhekk, li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa, inklużi kwoti, sabiex jiġi żgurat il-progress lejn il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha tal-gvern (minn lokali għal nazzjonali, minn setgħat eżekuttivi għal setgħat leġiżlattivi);

23.  Iqis li hu importanti ħafna li l-għadd ta' nisa li jipparteċipaw fit-tfassil tal-liġijiet fil-parlamenti nazzjonali jiżdied bil-għan li jkunu żgurati prattiki leġiżlattivi ġusti u proċess demokratiku ġenwin;

24.  Jappoġġja l-idea ta’ ħafna membri parlamentari nisa f’dawn il-pajjizi, u li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali - billi jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni - jistgħu jiġu promossi u implimentati aħjar f’leġiżlazzjoni bl-istabbiliment ta’ laqgħa (caucus) tan-nisa jew kumitat parlamentari speċjali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, fejn għad ma hemmx, biex jittrattaw il-kwistjoni u jiżguraw integrazzjoni tas-sessi fil-ħidma parlamentari;

25.  Jinsisti dwar il-ħtieġa, li tittejjeb ir-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari f'istituzzjonijiet, partiti politiċi, trejdjunjins u s-settur pubbliku (inkluża l-ġudikatura), u jenfasizza li n-nisa huma ħafna drabi rrappreżentati sew f'numru ta’ setturi iżda huma inqas preżenti f’pożizzjonijiet ta’ livell għoli, parzjalment minħabba d-diskriminazzjoni bejn is-sessi u l-istereotipi persistenti u l-fenomenu tas-saqaf tal-ħġieġ;

26.  Iqis li t-tranżizzjoni demokratika tirrikjedi l-implimentazzjoni ta' politiki u mekkaniżmi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali fit-teħid ta' deċiżjoni fil-ħajja pubblika, sew jekk din tkun fl-isfera politika, pubblika, ekonomika, soċjali jew ambjentali;

27.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-edukazzjoni u tal-midja fil-promozzjoni tal-bidliet fl-attitudni tas-soċjetà kollha u fl-adozzjoni tal-prinċipji demokratiċi tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u s-sħubija għaż-żewġ sessi;

28.  Jisħaq fuq l-importanza li jkunu involuti aktar nisa fin-negozjati tal-paċi, fil-medjazzjoni, fir-rikonċiljazzjoni interna u fil-proċess ta' bini tal-paċi;

29.  Jisħaq fuq l-importanza tat-twaqqif u l-finanzjament ta' korsijiet ta' taħriġ biex jippreparaw lin-nisa għal tmexxija politika, u ta' kwalunkwe miżuri oħrajn li jgħinu biex in-nisa jkollhom setgħa u biex ikun żgurat li jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali;

It-tisħiħ tar-rwol tan-nisa

30.  Ifaħħar lil dawk il-pajjiżi, fejn ġew intensifikati l-isforzi favur l-edukazzjoni tal-bniet; madankollu, jafferma mill-ġdid li għandu jiġi pprovdut għan-nisa u l-bniet aċċess aħjar għall-edukazzjoni u speċjalment għal edukazzjoni ta' rkupru, u speċjalment għall-edukazzjoni għolja; jindika li għad iridu jsiru xi sforzi biex jinqered l-illitteriżmu tan-nisa, u li għandha titpoġġa enfasi fuq taħriġ vokazzjonali inklużi korsijiet għall-promozzjoni ta’ litteriżmu diġitali tan-nisa; jirrakkomanda l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikuli tal-edukazzjoni;

31.  Jisħaq li l-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq għandhom, bħala prijorità, jiżguraw li l-bniet ikollhom aċċess għal edukazzjoni sekondarja ta' kwalità għolja, peress li dan huwa mezz kif tingħata spinta lill-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku u tkun garantita stabilità demokratika;

32.  Jitlob li l-politiki jqisu s-sitwazzjoni speċifika tal-aktar kategoriji vulnerabbli ta' nisa, inklużi l-bniet u n-nisa b'diżabilità, kif ukoll il-migranti, il-membri ta' minoranzi etniċi, l-omosesswali u t-transesswali;

33.  Jenfasizza l-fatt li għad irid isir ħafna aktar sabiex tiġi żgurata l-indipendenza ekonomika tan-nisa u tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni tagħhom f'affarijiet ekonomiċi, inkluż fis-settur agrikolu u tas-servizzi; jindika li l-indipendenza ekonomika tan-nisa ssaħħaħ ir-reżistenza tagħhom għall-vjolenza u l-umiljazzjoni; jikkunsidra li għandhom jitrawmu skambji tal-aħjar prattika fil-livell reġjonali bejn intarprendituri, trejdjunjins u s-soċjetà ċivili, b’mod partikolar biex jiġu appoġġjati dawk in-nisa li huma l-aktar żvantaġġjati f'żoni rurali u urbani fqar;

34.  Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jinkoraġġixxu u jappoġġjaw aktar parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol u biex jieħdu kull miżura neċessarja biex jevitaw id-diskriminazzjoni bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-bżonn ta' għodod li jippermettu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol f'oqsma li tradizzjonalment huma magħluqa għalihom;

35.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-midja għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet rigward is-sitwazzjoni tan-nisa u r-rwol tagħhom fis-soċjetà kif ukoll l-influwenza tagħha fuq l-attitudnijiet taċ-ċittadini fil-pajjiżi tagħhom; jirrakkomanda t-tfassil ta' pjan ta' azzjoni bil-għan li jingħata sostenn lin-nisa fil-midja, kemm bħala għażla ta' karriera professjonali kif ukoll bħala opportunità ta' monitoraġġ ta' kif in-nisa huma rappreżentati fit-televiżjoni, permezz tal-produzzjoni ta' programmi televiżivi u l-użu tal-midja l-ġodda (l-internet u n-netwerks soċjali) sabiex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni politika tan-nisa u biex tixxerred l-idea li t-tradizzjoni u l-opportunitajiet indaqs jistgħu jitħaddmu flimkien f'armonija;

36.  Jirrakkomanda li għandhom jittieħdu passi biex jiġi mmonitorjat il-proċess tat-tisħiħ tar-rwol tan-nisa, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema, b’mod partikolari f'setturi industrijali u tas-servizzi, f’żoni rurali u urbani industrijali, u biex jiġu promossi l-intraprenditorjat tan-nisa u l-paga ugwali;

37.  Jindika li hemm korrelazzjoni pożittiva bejn id-daqs tas-settur tal-SME ta' pajjiż u r-rata ta' tkabbir ekonomiku; jemmen li l-mikrofinanzjament huwa għodda utli ħafna għat-tisħiħ fir-rwol tan-nisa, u jfakkar li l-investiment fin-nisa jfisser ukoll investiment fil-familji u fil-komunitajiet u jgħin biex jinqered il-faqar u l-ferment soċjali u ekonomiku u biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali minbarra li jagħti lin-nisa aktar indipendenza ekonomika; ifakkar li l-mikrofinanzjament imur lil hinn minn kreditu u jimplika wkoll konsulenzadwar il-ġestjoni, finanzjarja u kummerċjali u l-iskemi ta' tfaddil;

38.  Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali biex ifasslu oqfsa politiċi dwar il-mikrofinanzjament sabiex ipattu għall-konsegwenzi mhux maħsuba, bħalma hu d-dejn żejjed, li hemm mnejn li jiffaċċjaw in-nisa minħabba nuqqas ta' informazzjoni jew dispożizzjonijiet legali rilevanti;

39.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jistabbilixxu mekkaniżmi ta' appoġġ għal nisa intraprendituri, inkluż permezz tal-forniment ta' informazzjoni rilevanti, protezzjoni legali, u avvanz professjonali u korsijiet ta' taħriġ maniġerjali;

40.  Iħeġġeġ l-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz ta' proġetti ta' skambju li se jagħtu lok lil organizzazzjonijiet tan-nisa u riċerkaturi nisa individwali minn pajjiżi differenti jiltaqgħu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u dak li jkunu tgħallmu, biex ikun possibbli għalihom li jfasslu strateġiji u azzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu replikati filwaqt li jqisu ħtiġijiet differenti u postijiet ta’ oriġini differenti;

41.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-programmi u l-azzjonijiet għall-għoti tas-setgħa lin-nisa f’dan ir-reġjun ikunu msejsa fuq tliet livelli ta’ interventi: l-ewwel, fil-livell istituzzjonali bil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’ riformi fil-qafas legali u testi leġiżlattivi ġodda, li jipprovdu wkoll appoġġ tekniku; it-tieni bl-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jistgħu jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; u t-tielet bil-ħidma diretta fil-livell ta' komunitajiet legali, speċjalment fiż-żoni rurali, bil-għan li jkun hemm bidla fl-imġieba soċjali u t-tradizzjonijiet u jingħata lok għan-nisa fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika fil-komunitajiet tagħhom;

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat / azzjoni tal-UE

42.  Jenfasizza li l-ENPI għandu jpoġġi d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fil-qalba tal-programmi tiegħu, peress li huma wieħed mill-indikaturi ewlenin biex jiġi vvalutat il-progress fid-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi prijoritizzata f'kull karta strateġika tal-pajjiż u programm nazzjonali indikattiv;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mas-sessi fl-interventi varji tal-UE irrispettivament mis-suġġett ewlieni tagħhom, u jinkoraġixxi lill-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħala implimentaturi, bħal UN Women;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fl-abbozzar ta' pjanijiet direzzjonali tal-pajjiżi għall-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ekwa tan-nisa u l-irġiel fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

45.  Jitlob lill-VP/HR biex tapprofondixxi d-djalogu mal-istituzzjonijiet reġjonali Għarab biex ikun żgurat li jkollhom rwol ewlieni fl-integrazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-politiki relatati mar-reġjun kollu;

46.  Jitlob lill-VP/HR u lill-Kummissjoni jimplimentaw il-programm ta' ħidma konġunt dwar il-kooperazzjoni ffirmata mal-Lega tal-Istati Għarab, b'mod partikolari rigward l-għoti tas-setgħa lin-nisa u d-drittijiet tal-bniedem;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pakkett finanzjarju li jipprovdi appoġġ lin-nisa f'dak ir-reġjun; jemmen li dan l-appoġġ għandu jkompli jikkunsidra kemm il-karatteristiċi partikolari ta' kull pajjiż kif ukoll il-problemi partikolari li jaffettwawhom fil-livell reġjonali, bħal dawk fil-livell politiku u ekonomiku, filwaqt li titfittex il-kumplimentarjetà bejn il-programmi reġjonali u bilaterali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ programmi ta’ tmexxija għal mexxejja ta’ opinjoni nisa u għal mexxejja fis-settur kummerċjali u dak finanzjarju, u tkompli tipprovdi appoġġ għal programmi ta' tmexxija li jeżistu diġà f’dan il-qasam;

49.  Jikkunsidra li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fl-impenji magħmula mis-sħab skont il-prinċipju “aktar għal aktar’ tal-Politika tal-Viċinat imġedda; jistieden għalhekk lill-VP/HR u lill-Kummissjoni jiżviluppaw kriterji ċari sabiex jiggarantixxu u jissorveljaw il-progress, permezz ta’ proċess trasparenti u inklużiv, inkluż b'konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u tas-soċjetà ċivili;

50.  Jitlob lir-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE jagħti attenzjoni speċjali lid-drittijiet tan-nisa fl-Afrika ta’ Fuq, f'konformità mal-Istrateġija riveduta tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

51.  Jenfasizza l-importanza tal-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali u jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, għaldaqstant, jadottaw dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jintitolaw lin-nisa jipparteċipaw u jneħħu l-ostakli li jwaqqfuhom milli jipparteċipaw verament; jistieden lill-UE taħdem mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali sabiex tipprovdilhom l-aħjar prattiki dwar it-taħriġ tan-nisa fir-rigward tad-drittijiet politiċi u elettorali tagħhom; ifakkar li dan għandu jsir fiċ-ċiklu elettorali kollu permezz ta’ programmi ta’ assistenza u għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib mill-EU EOM, jekk ikun meħtieġ;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-mod kif il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq qed jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet tan-nisa magħmula mill-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjoni tal-UE u tressaq rapport lill-Parlament;

53.  Jitlob lill-VP/HR u lill-Kummissjoni jindirizzaw id-diskriminazzjoni kontra d-drittijiet tan-nisa ħaddiema fil-liġi tax-xogħol meta jkollhom djalogu politiku u rigward il-politika mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, skont il-prinċipju ta’ “aktar għal aktar’ u biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-trejdjunjins;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lil donaturi oħra jippromwovu programmi mmirati lejn l-iżgurar ta’ aċċess indaqs għas-swieq tax-xogħol u t-taħriġ għan-nisa kollha, u jżidu r-riżorsi finanzjarji allokati għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet u n-netwerks tan-nisa tas-soċjetà ċivili fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq eżempji pożittivi ta' intraprenditorjat tan-nisa bl-involviment ta’ nisa mill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, jew minn organizzazzjonijiet li jinkludu fihom imprendituri nisa Ewropej u mill-Afrika ta' Fuq, anke fil-qasam tat-teknoloġija u tal-industrija; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tistabbilixxi mezz biex ixxerred l-informazzjoni relevanti biex ikun żgurat l-akbar użu possibbli tal-esperjenza miksuba bl-għan ta’ promozzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ tali attivitajiet f’komunitajiet b’ekonomiji inqas dinamiċi;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni, hija u twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward ta’ pajjiżi li magħhom qed jiġi nnegozjat “ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv’, biex tqis l-impatt soċjali potenzjali tal-ftehim u l-effetti potenzjali tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fuq id-drittijiet tan-nisa, inkluż fis-settur informali;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-miżuri biex ikun żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' kunflitt, inkluż l-esponiment tagħhom għal vjolenza sessista, jiġu milħuqa immedjatament u adegwatament;

58.  Jistieden lill-VP/HR u lill-Kummissjoni jiggarantixxu ambjent li jippermetti lis-soċjetà ċivili topera u tipparteċipa b'mod ħieles f'bidliet demokratiċi meta tidħol f’laqgħat ta’ djalogu ma' pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-persunal iddedikat għal kwistjonijiet relatati mas-sessi f'delegazzjonijiet tar-reġjun tal-UE u biex tiggarantixxi li n-nisa u l-NGOs jiġu involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni madwar il-programmazzjoni;

60.  Jilqa' l-fatt li l-UN Women stabbiliet uffiċċji fl-Afrika ta' Fuq u jinkoraġġixxi lid-delegazzjonijiet fil-pajjiżi kkonċernati jkomplu jaħdmu mal-uffiċċji tan-NU biex jipproduċu miżuri għall-garanzija tal-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa wara r-Rebbiegħa Għarbija;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ ċentri ta’ konsulenza u l-finanzjament tagħhom u “djar tan-nisa’ fejn in-nisa jkunu jistgħu jiksbu parir dwar kull kwistjoni, minn drittijiet politiċi għal konsulenza legali, permezz tas-saħħa u l-protezzjoni kontra l-vjolenza domestika, peress li approċċ olistiku huwa utli għan-nisa iżda anke aktar diskret meta tkun trattata l-vjolenza;

62.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Afrika ta' Fuq jistabbilixxu programmi ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza domestika flimkien mal-iżvilupp ta' rifuġji għan-nisa li esperjenzaw, jew li fil-preżent qed jesperjenzaw, vjolenza domestika;

63.  Jistieden lill-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jiżguraw appoġġ mediku u psikoloġiku xieraq, servizzi legali b'xejn u aċċess għall-ġustizzja u għal mekkaniżmi ta’ lment għal nisa vittmi jew xhieda tal-vjolenza;

64.  Ifakkar li l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tan-nisa għandu jiġi pprovdut ukoll permezz ta’ mekkaniżmi tal-UgħM; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tan-nisa fl-UE u l-organizzazzjonijiet simili fl-Afrika ta' Fuq;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq għall-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tan-nisa, il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-bżonn ta' sostenn għall-iżvilupp ta' ċittadinanza attiva fir-reġjun permezz ta' appoġġ tekniku u finanzjarju għas-soċjetà ċivili sabiex tingħata l-għajnuna biex tinħoloq kultura politika demokratika;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fin-negozjati kummerċjali, inkluż it-tagħrif ta' spjegazzjoni kollu, skont liema jiġu proposti ftehimiet kummerċjali; jisħaq li l-gruppi tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b'mod attiv tul il-proċess kollu;

67.  Jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-UgħM tiddedika sessjoni kull sena f’Marzu għas-sitwazzjoni tan-nisa fir-reġjun;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-tisħiħ tal-proċess bejn Istanbul u Marrakexx u l-programmi ta’ appoġġ li jippromwovu djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet fir-reġjun Ewro-Mediterranju;

69.  Jemmen li l-Fond Ewropew għad-Demokrazija li għadha kif ġiet stabbilita għandha tiddedika attenzjoni speċjali għall-involviment tan-nisa fil-proċessi tar-riforma demokratika fl-Afrika ta’ Fuq, billi tappoġġja l-organizzazzjonijiet u l-proġetti tan-nisa f’żoni sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi bħall-inkoraġġiment ta’ djalogu interkulturali u interreliġjuż, il-ġlieda kontra l-vjolenza, il-ġenerazzjoni tal-impjiegi, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni kulturali u politika, l-estensjoni tal-aċċess ugwali għall-ġustizzja, is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet, u l-prevenzjoni jew it-tmiem ta' diskriminazzjoni eżistenti kontra n-nisa u ksur tad-drittijiet tan-nisa;

70.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u speċjalment lill-Koordinatur kontra t-Traffikar tal-UE, biex iqisu u jkollhom pożizzjoni komuni fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-politika esterna tal-UE fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bniedem 2012–2016; iqis li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Afrika ta' Fuq għandhom ikunu inkoraġġati li jikkooperaw flimkien ma' stati oħra fir-reġjun għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-proġetti tan-nisa u ssaħħaħ in-netwerks tan-nisa fl-universitajiet, fil-midja, fil-korpi kulturali, fl-industrija tal-films u setturi kreattivi oħra, u jinsisti fuq l-importanza tat-tisħiħ ta’ relazzjonijiet kulturali bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, inkluż permezz tal-midja soċjali, il-pjattaformi diġitali u t-trażmissjoni bis-satellita;

72.  Jistieden lill-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex iqiegħdu d-drittijiet tan-nisa fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet bilaterali diplomatiċi u kummerċjali mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi ta’ skambju ta’ edukazzjoni għolja, bħall-Erasmus Mundus, u biex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni ta’ tfajliet; jitlob ukoll l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni interreġjonali (ikunx permezz ta’ skambji ta’ ġemellaġġ jew bejn il-pari) bejn reġjuni mit-tramuntana u n-nofsinhar tal-Mediterran;

74.  Jilqa’ s-Sħubiji ta’ Mobilità sakemm dawn jiffaċilitaw l-iskambji u jgħinu fil-ġestjoni tal-migrazzjoni b’mod uman u dinjituż;

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Riżoluzzjoni 1873 (2012), adottata mill-Assemblea fl-24 ta’ April 2012 (it-13-il Seduta).
(2) ĠU C 188 E 28.6.2012, p. 26.
(3) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 158.
(4) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 114.
(5) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 126.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0069.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0113.

Avviż legali - Politika tal-privatezza