Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2222(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0049/2013

Testi mressqa :

A7-0049/2013

Dibattiti :

PV 11/03/2013 - 25
CRE 11/03/2013 - 25

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2013 - 10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0076

Testi adottati
PDF 339kWORD 32k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Preparazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali dwar il-finanzjament talkooperazzjoni tal-UE mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp)
P7_TA(2013)0076A7-0049/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-preparazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp) (2012/2222(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000(1) bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa, u l-Komunità Ewropea (KE) u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija (OAD) tas-27 ta' Novembru 2001(2) li tassoċja lill-UE (li qabel kienet il-KE) ma’ diversi pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija’) (COM(2012)0362), li ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Lulju 2012 u bħalissa qed tiġi nnegozjata fil-Kunsill.

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 bit-titolu “Preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji ekstra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp)’ (COM(2011)0837),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ġunju 2001 bit-titolu “Programm ta' Azzjoni għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Komunità” (COM(2001)0295),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2012 bit-titolu “L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni’ (COM(2012)0492),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu “Baġit għall-Ewropa 2020’ (COM(2011)0500),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-iżvilupp tal-20 ta’ Diċembru 2005 kif ukoll il-pjan direzzjonali Ewropew għall-iżvilupp u l-linji gwida li jirriżultaw minnu,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tat-18 ta’ Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2012 u tal-15 ta’ Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, irratifikata mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (AKP-UE/100.954/11),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta’ Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0049/2013),

A.  billi l-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-10 FEŻ se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013, u billi l-Kummissjoni inkludiet abbozz tal-Ftehim Intern (COM(2011)0837) fil-komunikazzjoni tagħha biex jissostitwixxi l-Ftehim eżistenti sa mill-1 ta’ Jannar 2014;

B.  billi l-abbozz ta’ Ftehim Intern għall-perjodu 2014-2020 attwalment qed jiġi nnegozjat fil-Kunsill mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament; billi, madankollu, m’hemm xejn x’jipprevjeni lill-Parlament milli jħejji rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-11-il FEŻ fuq il-bażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-abbozz tal-Ftehim Intern;

C.  billi l-Kummissjoni mhix tipprevedi l-“ibbaġitjar” tal-FEŻ fl-2014 iżda biss mill-2021 ’il quddiem, fatt li huwa tassew diżappuntanti; billi madankollu huwa utli li dan jitħejja minn issa sabiex ma jwassalx għal tnaqqis fil-fondi allokati għas-sħubija AKP-UE u għall-għajnuna għall-iżvilupp inġenerali;

D.  billi l-11-il FEŻ jeħtieġ li jkollu biżżejjed finanzjament sabiex ikun żgurat li l-Unjoni tirrispetta l-impenji magħmula fil-livell internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp u tiddedika 0,7 % tal-PDG tagħha għall-għajnuna għall-iżvilupp, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs);

E.  billi r-rapporti dwar il-progress tal-MDGs juru progress varjat, u billi l-MDGs dwar is-saħħa materna u infantili b’mod speċjali mhux se jintlaħqu sal-2015 fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi AKP;

F.  billi l-proposti finanzjarji għall-perjodu 2014-2020, li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Kunsill, huma preokkupanti għall-futur tal-politika Ewropea għall-iżvilupp iżda wkoll għall-assoċjazzjoni li torbot il-PTEE u l-UE;

G.  billi, minkejja li għad fadal ħafna progress xi jsir, l-għajnuna tal-UE qed issir dejjem aktar effettiva u billi l-miżuri Komunitarji li jippromwovu s-solidarjetà internazzjonali huma appoġġati minn iktar minn tliet kwarti taċ-ċittadini Ewropej;

H.  billi l-finanzjamenti innovattivi huma indispensabbli biex tiżdied l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp peress li jwasslu sabiex id-dinja ekonomika u finanzjarja tikkontribwixxi b'mod aktar ġust;

I.  billi d-donaturi għandhom jieqfu jappoġġaw il-prinċipju tas-sjieda mill-pajjiżi sħab u fl-istess ħin ma jipprovdulhomx il-mezzi finanzjarji meħtieġa għal konsolidament tal-istituzzjonijiet tagħhom u tas-servizzi għall-popolazzjoni;

J.  billi huwa urġenti li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom sistema ta’ taxxi bbażata fuq il-kapaċità ta’ ħlas taċ-ċittadini tagħhom;

K.  billi, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Aġenda għall-Bidla, il-Kummissjoni talbet li l-prinċipju ta' differenzazzjoni jiġi applikat għall-allokazzjoni tal-fondi tal-politika Ewropea għall-iżvilupp, li l-11-il FEŻ huwa parti minnhom, u introduċiet il-prinċipji tal-konċentrazzjoni settorjali, l-għaqda ta’ għotjiet/self u l-appoġġ għas-settur privat;

L.  billi l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u l-Ftehim ta' Cotonou jirrikonoxxu r-rwol primarju tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs) fl-isforzi tal-ġlieda kontra l-faqar u tal-promozzjoni tal-governanza tajba;

M.  billi l-proposta għal OAD tikkunsidra l-isfidi speċifiċi tal-PTEE, li huma differenti minn dawk tal-Istati AKP; billi l-PTEE għalhekk m’għandhomx jibqgħu koperti mill-FEŻ, iżda minn strument finanzjarju ad hoc li jiddaħħal fil-baġit tal-UE;

N.  billi l-Ftehim ta' Sħubija 2000/483/KE bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, jipprevedi li “s-sitwazzjoni tan-nisa u l-kwistjonijiet tal-ġeneru għandhom jitqiesu b'mod sistematiku fl-oqsma kollha: politiċi, ekonomiċi u soċjali’;

O.  billi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-importanza tal-involviment tan-nisa u ta' perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab tagħha u biex jintlaħqu l-MDGs; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni tal-UE skont l-“Aġenda għall-Bidla’;

L-objettivi tal-11-il FEŻ

1.  Jinnota li l-objettivi prinċipali, kemm fir-rigward tal-politika Ewropea għall-Iżvilupp (skont l-Artikolu 208 tat-TFUE) kif ukoll tal-Ftehim ta' Cotonou u tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, huma t-tnaqqis u, fl-aħħar mill-aħħar, l-eliminazzjoni tal-faqar; għalhekk jinsisti li mill-inqas 90 % tal-fondi allokati taħt il-11-il FEŻ għall-Istati AKP għandhom jissodisfaw il-kriterji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, kif stabbiliti mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD;

2.  Iqis li, sabiex jinkiseb dan l-objettiv, jeħtieġ li jiġu rduppjati l-isforzi għall-MDGs li fir-rigward tagħhom qed isir l-inqas progress, speċjalment dawk relatati mas-setturi soċjali bażiċi u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif stipulat mill-Artikoli 22, 25 u 31 tal-Ftehim ta' Cotonou; itenni l-appoġġ tiegħu favur l-inizjattiva u l-kuntratti tal-MDGs, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, bi qbil mal-Istati AKP jallokaw 20 % tal-baġit tal-11-il FEŻ għall-provvediment ta' servizzi soċjali bażiċi, partikolarment il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni bażika, sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-MDGs 2,3,4 5 u 6 kif ukoll obbligi oħra rigward l-iżvilupp stabbiliti fil-livell internazzjonali; għalhekk, jitlob li l-indikaturi tal-prestazzjoni relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi proposti fil-Programm ta’ Azzjoni għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni jiġu applikati għall-11-il FEŻ u għall-programmazzjoni tiegħu biex ikun żgurat li l-azzjonijiet f’waqthom u l-promozzjoni ta’ din l-ugwaljanza fil-programmi kollha jiġu implimentati b’mod xieraq u kkontrollat;

3.  Iħeġġeġ b’mod urġenti lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi sħab biex jagħtu prijorità lill-għajnuna għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa sabiex ikun żgurat l-aċċess bażiku għall-kura tas-saħħa materna, riproduttiva u tat-tfal, b’enfasi partikolari fuq l-ifqar gruppi tal-popolazzjoni u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, filwaqt li tenna li dawn l-objettivi huma Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju li fir-rigward tagħhom il-progress kien diżappuntanti f’ħafna pajjiżi AKP;

4.  Iqis li, sabiex jinkiseb l-objettiv fuq imsemmi, huwa essenzjali li jiġu inklużi l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà, bħal, iżda mhux biss, nisa, tfal, u persuni b’diżabilità, fil-proġetti kollha mmirati lejn il-qerda tal-faqar, kemm fil-fażijiet tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni kif ukoll fil-fażi ta’ valutazzjoni;

5.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġixxi b’mod aktar ikkoordinat u strateġiku fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jitlob għall-iżvilupp, fi sħubija mal-pajjiżi AKP, ta’ politiki integrati ta’ protezzjoni soċjali li jikkunsidraw ukoll l-appoġġ għal mekkaniżmi bażiċi bħall-ħolqien ta’ livelli bażiċi ta’ protezzjoni soċjali fil-qafas tal-11-il FEŻ;

Il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-PTEE

6.  Ifakkar li l-FEŻ jiffinanzja mhux biss is-sħubija AKP/UE, iżda wkoll il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni PTEE/UE, li jkopru 26 PTEE;

7.  Jilqa' l-fatt li l-proposta għal OAD tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi żviluppata sħubija ġdida u fit-tul mal-PTEE, li tkun tiffoka fuq erba’ objettivi ġodda :

   l-għoti ta’ spinta lill-kompetittività tal-PTEE,
   it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ adattament tagħhom;
   it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tagħhom,
   il-promozzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom ma’ sħab oħrajn;

8.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ strument finanzjarju ddedikat għall-PTEE li jista’ jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni biex jippermetti kontroll demokratiku u trasparenti tal-fondi allokati permezz tiegħu;

9.  Jitlob għal kooperazzjoni aħjar bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-Istati AKP u l-pajjiżi terzi fil-viċin tal-PTEE, għal użu kkombinat ta’ strumenti finanzjarji differenti applikabbli għal dawn ir-reġjuni, l-Istati u l-pajjiżi, kif ukoll għal aċċess aħjar għall-PTEE u għar-reġjuni l-aktar imbiegħda għas-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE, bħala osservaturi, soġġett għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea.

L-ibbaġitjar u l-allokazzjoni finanzjarja

10.  Jitlob għal darb’oħra għall-ibbaġitjar tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u awtomatikament mill-2021, bit-trasferiment sħiħ tat-Taqsima 4 tal-Istrateġija tal-Politika u Koordinament (“L-Unjoni Ewropea fid-dinja’), peress li dan jikkontribwixxi għall-promozzjoni aktar effikaċi tal-prijoritajiet tal-Unjoni u l-appoġġ tematiku u jsaħħaħ il-viżibbiltà, kif ukoll il-konsistenza, tal-azzjonijiet tal-UE bħala l-akbar donatur dinji tal-għajnuna għall-iżvilupp;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tħejji l-ibbaġitjar tal-FEŻ taħt l-aħjar kundizzjonijiet billi tinforma lill-Parlament Ewropew regolarment u billi tikkonsulta mill-qrib mal-Istati AKP, sabiex tiggarantixxi l-involviment futur tagħhom fl-implimentazzjoni tal-FEŻ;

12.  Jilqa' l-fatt li l-kriterji ta' kontribuzzjoni tal-Istati Membri għall-11-il FEŻ huma simili għal dawk tal-baġit tal-Unjoni u l-fatt li l-perjodu ta' programmazzjoni tal-11-il FEŻ ġie allinjat mal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-QFP;

13.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li talloka ammont globali ta' EUR 30 319 000 000 (prezzijiet tal-2011) għall-11-il FEŻ, u jixtieq li l-ammonti previsti għall-11-il FEŻ u għall-istrumenti l-oħra ta' kooperazzjoni, inkluż l-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), jippermettu li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-Unjoni tinżamm fil-livell attwali tagħha, jew saħansitra li tiżdied biex b'hekk tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettiv komuni tal-Istati Membri tal-Unjoni li 0,7 % tal-PDG tagħhom jiġi allokat għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa, minħabba li ċerti pajjiżi AKP jinsabu f’riskju kbir ta’ diżastri, ta’ investiment sostanzjali fit-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri fil-programmi ta’ żvilupp iffinanzjati mill-FEŻ; jisħaq fuq il-fatt li dan l-investiment huwa essenzjali biex inaqqas il-bżonnijiet wara sitwazzjoni ta’ emerġenza u jżid ir-reżiljenza tal-pajjiżi AKP;

15.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-ftehim konkluż mill-Istati Membri fit-8 ta’ Frar 2013, li jipprovdi għal tnaqqis ta’ 11 % fil-baġit propost għall-11-il FEŻ f’Lulju 2012 mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-kontradizzjoni evidenti bejn il-wegħdiet ripetuti tal-Kunsill li jintlaħqu l-miri tal-għajnuna għall-iżvilupp sal-2015 u t-tnaqqis sostanzjali li sar fl-approprjazzjonijiet għall-iżvilupp internazzjonali kemm fil-baġits nazzjonali, kif ukoll fil-baġit tal-Unjoni;

16.  Huwa tal-fehma li jekk jipproċedu b'dan it-tnaqqis baġitarju, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, bħala l-fornituri prinċipali tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, se jinżammu primarjament responsabbli jekk ma jintlaħaqx l-objettiv li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs il-faqar globali fid-dinja;

17.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm baġit tal-Unjoni fil-livell tal-isfidi li jridu jingħelbu, speċjalment fi żmien ta' kriżi, għaliex dan jipprovdi finanzjament li ma jistax ikun disponibbli fil-livell nazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-finanzjament għall-iżvilupp; f’dan ir-rigward, u sabiex il-baġit tal-Unjoni ma jibqax soġġett biss għall-kwistjoni tal-livell ta’ approprjazzjonijiet għal pagamenti, jitlob b’insistenza għall-ħolqien ta' riżorsi proprji, bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

18.  Jitlob biex, ikunu liema jkunu l-iskali ta' kontribuzzjoni u l-livelli ta' approprjazzjonijiet stabbiliti għall-11-il FEŻ, il-proporzjon fil-baġit tal-FEŻ riservat għall-PTEE ikun identiku għal dak propost mill-Kummissjoni;

19.  Jixtieq li fil-11-il FEŻ, il-proporzjon tar-riżorsi ddedikati għall-programm intra-AKP u għall-programmi reġjonali jkun identiku għal dak eżistenti tal-10 FEŻ, filwaqt li jiġi żgurat pakkett ta’ fondi mhux allokat u flessibbli u tiġi żgurata komplementarjetà massima mal-programm futur pan-Afrikan previst fil-qafas tad-DCI futur, minħabba li dan il-pakkett se jiffinanzja parzjalment il-mezz ġdid li jtaffi x-xokkijiet esterni b’dimensjoni internazzjonali (b’mod partikolari kriżi finanzjarja, umanitarja jew tal-ikel) li jistgħu jolqtu lil pajjiż AKP, kif ukoll għajnuna umanitarja ta’ emerġenza; jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-programmi, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ preparazzjoni tal-pajjiżi AKP f’każ ta’ xokk, ir-reżiljenza tagħhom u l-koordinament bejn l-azzjonijiet ta’ emerġenza, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp;

20.  Huwa tal-fehma li madwar 5 % tal-approprjazzjonijiet tal-11-il FEŻ għandhom jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tal-appoġġ tal-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata ġestjoni effikaċi tal-istrument;

Ir-riforma tal-politika Ewropea għall-iżvilupp u tal-11-il FEŻ

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Ftehim ta’ Cotonou għandu jibqa’ l-qafas prinċipali ta’ referenza għall-11-il FEŻ;

22.  Huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' differenzazzjoni fl-aċċess għall-fondi tal-11-il FEŻ se tkun ta’ benefiċċju biss jekk dan l-impatt jiġi kkumpensat minn indiċi ta' vulnerabbiltà li jkun jissupplimenta l-kriterju tal-PDG, jinkorpora indiċi nazzjonali tal-faqar u tal-inugwaljanza, u jikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS), skont l-aħħar inċiż tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Cotonou; jinnota li djalogu politiku kontinwu mill-qrib huwa essenzjali sabiex sħabna tal-AKP jaċċettaw il-prinċipju;

23.  Jirrikonoxxi, madankollu, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ differenzazzjoni huwa għodda politika indispensabbli li tista’ tintuża biex tħeġġeġ lill-pajjiżi AKP bi dħul medju jew ogħla jistabbilixxu stat assistenzjali u jfasslu politiki nazzjonali għat-tqassim mill-ġdid tal-ġid u jindirizzaw il-faqar u l-inugwaljanza;

24.  Jinsisti fuq l-importanza li l-baġits nazzjonali kollha taħt il-11-il FEŻ jinżammu fil-livelli attwali tagħhom, minħabba l-fatt li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp għad jista' jkollha impatt deċiżiv f'ċerti pajjiżi AKP bi dħul medju u dħul ogħla, sabiex jiġu appoġġati riformi mmirati biex inaqqsu l-inugwaljanza;

25.  Huwa tal-fehma li d-differenzazzjoni għandha tikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni speċifika fi stati fraġli, minħabba li l-konsegwenzi fuq il-bniedem meta stat ifalli huma devastanti u jikkanċellaw il-progress li jkun sar f’termini ta’ żvilupp; jindika li l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt fi stat fallut huwa proċess ħafna aktar ta' piż u li jieħu ħafna aktar fit-tul mill-provvediment ta' appoġġ addizzjonali lil stati identifikati bħala fraġli, u għalhekk jitlob li jkun hemm fokus speċjali fuq ir-reġjun Saħel u l-Qarn tal-Afrika fil-programmazzjoni tal-11-il FEŻ;

26.  Iqis li l-Aġenda għall-Bidla tinkludi diversi proposti ġodda, b’mod partikolari l-għaqda ta’ self u ta’ għotjiet u l-appoġġ għas-settur privat; jiddikjara li l-użu ta' dawn il-mekkaniżmi ġodda għandu l-ewwel nett ikollu l-għan li jgħin liċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex joħorġu mill-faqar u ma jibqgħux jiddependu fuq l-għajnuna, u li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-settur privat fil-pajjiżi AKP, għaliex jekk dan ma jsirx jista’ jwassal għal żvilupp u tkabbir żbilanċjati; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tal-istudju li hi ordnat dan l-aħħar dwar il-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-iżvilupp u l-estensjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-għaqda ta’ għotjiet u self tal-Unjoni;

27.  Jagħraf li l-arranġamenti ġodda ta’ finanzjament, bħall-għaqda ta’ għotjiet u self għandhom vantaġġi ċari fil-kuntest tat-tnaqqis tar-riżorsi pubbliċi; jitlob madankollu lill-Kummissjoni u l-BEI biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati u indipendenti sabiex ikejlu l-impatt ta’ dawn l-arranġamenti ġodda ta’ finanzjament fuq it-tnaqqis tal-faqar, l-ambjent, eċċ. ; għalhekk, jilqa’ t-twaqqif reċenti tar-“Results Measurement Framework” (REM), indiċi li jippermetti lill-BEI ikejjel l-impatt f’termini ta’ żvilupp tal-operazzjonijiet kollha tiegħu mwettqa barra l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida u kriterji preċiżi li jiċċaraw il-prinċipji li għandhom jiggwidaw l-għażla tal-proġetti fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ dawn it-tipi ġodda ta’ għodod; jitlob fl-aħħar nett għal tisħiħ tas-sinerġiji u l-komplementaritajiet bejn l-attivitajiet tal-Kummissjoni, tal-BEI u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji bilaterali Ewropej oħrajn, bħall-banek tal-iżvilupp;

28.  Jagħraf barra minn hekk l-importanza tal-appoġġ tas-settur privat, b’mod partikolari l-mikroimpriżi u l-SMEs fil-pajjiżi AKP, għall-promozzjoni tal-ħolqien tal-ġid u l-implimentazzjoni ta’ ambjenti favur l-impriżi sabiex ikun possibbli tkabbir aktar inklużiv u sostenibbli li jkollu impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar;

29.  Jinnota t-twaqqif tal-“Pjattaforma tal-UE għall-Kooperazzjoni Esterna u l-Iżvilupp’, li fiha l-Parlament huwa osservatur, u li hija maħsuba biex tipprovdi gwida għall-mekkaniżmi konġunti li jinvolvu għaqdiet ta’ għotjiet u self eżistenti; jemmen li la s-soċjetà ċivili u lanqas il-BEI mhuma involuti b’mod adegwat f’din l-istruttura ġdida; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lis-soċjetà ċivili direttament fil-ħidma tal-pjattaforma u tirrikonoxxi r-rwol uniku tal-BEI bħala istituzzjoni finanzjarja tal-UE fil-governanza tal-pjattaforma;

30.  Jinnota l-konċentrazzjoni settorjali proposta mill-Kummissjoni fl-Aġenda għall-Bidla tagħha; jinsisti li l-konċentrazzjoni settorjali m’għandhiex tippreġudika s-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti pajjiżi; jindika li s-sjieda demokratika hija s-soluzzjoni biex ikun żgurat li l-għajnuna tkun effettiva, u jinsisti li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-setturi li għandhom ikunu fil-mira taħt il-programmi indikattivi nazzjonali għalhekk għandhom isiru fuq bażi flessibbli u permezz ta’ djalogu mal-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-iżvilupp, inkluża s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali;

31.  Jitlob mingħajr dewmien għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment tal-Artikoli 19, 20, 21 u 22 tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-11-il FEŻ ikun inklużiv u aċċessibbli għal kulħadd;

32.  Jilqa’ l-fatt li l-inizjattiva tan-NU, “Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd” tgawdi minn appoġġ qawwi mill-UE li jammonta għal EUR 500 miljun taħt l-10 FEŻ, u jitlob li dan il-livell ta' finanzjament jitkompla taħt il-11-il FEŻ;

33.  Jilqa’ l-fatt li l-agrikoltura, b’mod partikolari l-appoġġ għall-impriżi agrikoli tal-familja, tagħmel parti mill-prijoritajiet tematiċi tal-futur tal-politika Ewropea għall-iżvilupp; ifakkar fl-impenn, li ftit ġie segwit, li l-Istati AKP ħadu fid-Dikjarazzjoni ta’ Maputo li jallokaw 10 % mid-dħul baġitarju nazzjonali tagħhom għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

34.  Jinsisti fuq il-fatt li l-konċentrazzjoni tematika ma għandhiex tipperikola l-appoġġ baġitarju ġenerali, li għandu jippermetti t-tisħiħ tal-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi tal-benefiċjarji; jittama li din l-għodda żżomm post importanti fil-11-il FEŻ, filwaqt li jissaħħaħ id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn il-Kummissjoni u l-Istati AKP;

L-iskrutinju demokratiku

35.  Jinnota l-impenn volontarju tal-Kummissjoni li tinforma lill-Parlament Ewropew bid-dokumenti ta’ strateġija għall-11-il FEŻ, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ setgħa konkreta tal-Parlament fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni; ifakkar madankollu li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tista' tiżvolġi rwol daqstant ċentrali fil-kontroll demokratiku tad-dokumenti ta’ strateġija kollha tal-FEŻ, b’konformità mal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Cotonou, b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu;

36.  Ifakkar fl-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju ta' “sjieda demokratika”, kif definit fil-programm għall-effikaċja tal-għajnuna; għal dan l-għan, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati AKP, kif ukoll l-informazzjoni tas-soċjetà ċivili, u jistieden lill-Istati AKP jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw li l-ħlas tal-fondi previsti fid-dokumenti ta' strateġija għal kull pajjiż ikun soġġett għal skrutinju parlamentari a posteriori; f'dan ir-rigward, ifaħħar il-ħidma ta' valur kbir ipprovduta mill-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari; bl-istess mod, jirrakkomanda li l-ministeri nazzjonali kollha jipparteċipaw fid-diskussjonijiet bejn l-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali u d-delegazzjoni tal-Unjoni kkonċernata sabiex jiġi żgurat li d-dokumenti ta' strateġija joffru valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet ta' żvilupp tal-pajjiż;

37.  Jemmen li t-trasparenza u l-obbiligu li jingħata rendikont huma fundamentali meta jiġu allokati l-fondi tal-FEŻ u fil-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati, inkluża l-għajnuna diretta lill-baġits nazzjonali;

38.  Jinsisti fuq il-kontribuzzjoni indispensabbli tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (ALR) fir-rigward tal-provvediment ta' servizzi bażiċi, l-iskrutinju demokratiku, l-appoġġ għall-gruppi marġinalizzati u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi AKP biex jikkonsultaw lill-OSĊ u l-ALR fil-programmazzjoni, u biex jikkollaboraw mill-qrib magħhom għall-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-11-il FEŻ, skont l-Artikoli 2, 6 u 70 tal-Ftehim ta’ Cotonou; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fir-rapporti ta' progress previsti għas-segwitu tal-11-il FEŻ, taqsima li tispjega l-istadju milħuq fil-konsultazzjonijiet mal-OSĊ u l-ALR immexxija mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-livell nazzjonali;

L-effikaċja tal-iżvilupp

39.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-programmazzjoni konġunta tal-għajnuna bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minħabba li żżid il-viżibbiltà, l-impatt u l-effikaċja tal-politika Ewropea għall-iżvilupp, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-ħela; madankollu jenfasizza l-ħtieġa li jiġu approfonditi u kkjarifikati r-regoli stipulati fil-qafas komuni għall-programmazzjoni pluriennali; jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li jista’ jkollhom id-delegazzjonijiet tal-UE li għandhom iġibu aktar trasparenza f’dan il-proċess, b’mod partikolari bl-involviment mhux biss tal-amministrazzjonijiet, iżda wkoll tal-atturi mhux statali tal-pajjiżi benefiċjarji kkonċernati;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b’mod skrupluż l-Artikolu 19C(1) tal-Anness IV tal-Ftehim ta’ Cotonou, li jistabbilixxi r-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali bħala kundizzjoni għall-ksib ta’ kuntratti ta' akkwist pubbliku ffinanzjati mill-11-il FEŻ fil-pajjiżi AKP, sabiex jiġu promossi l-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli u responsabilità soċjali korporattiva;

41.  Jinsisti li s-suċċess tal-isforzi biex jiġi affrontat il-faqar u tiġi żgurata l-effikaċja tal-għajnuna jiddependu b'mod speċjali fuq il-kapaċità li jiżdied id-dħul fil-livell nazzjonali, u li għalhekk jeħtieġ li s-sħubija AKP-UE tagħti prijorità lill-promozzjoni ta’ sistemi tal-ġbir tat-taxxa effikaċi u ġusti sabiex ittejjeb il-ġbir tat-taxxi u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa u l-użu ta’ rifuġji fiskali;

42.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi'; jisħaq fuq l-importanza tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, li jipprovdi li l-għajnuna lil stat tiġi sospiża jekk jikser il-prinċipji tal-Ftehim;

43.  Itenni li l-appoġġ baġitarju għandu għadd kbir ta’ vantaġġi, bħar-responsabbilizzazzjoni, evalwazzjoni aktar preċiża tar-riżultati, aktar koerenza tal-politiki mmexxija, aktar prevedibilità u użu massimu tal-mezzi għall-vantaġġ dirett tal-popolazzjonijiet;

44.  Jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jitqiesu mhux biss bħala kategorija vulnerabbli tal-popolazzjoni, iżda wkoll bħala faċilitaturi attivi tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rwol tan-nisa huwa fundamentali fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-sigurtà tal-ikel, mhux l-inqas minħabba l-fatt li huma responsabbli minn 80 % tal-biedja fl-Afrika, minkejja li għadhom kważi qatt ma jistgħu jkunu sidien tal-artijiet li jikkultivaw; jenfasizza wkoll li ġie pruvat li n-nisa huma kompetenti fl-ambitu tar-riżoluzzjoni tal-problemi u tal-konflitti, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi AKP biex isaħħu r-rwol tan-nisa fil-gruppi ta' azzjoni u fil-gruppi ta' ħidma;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp:

o
o   o

   46. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament rapport dwar il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp;
   47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u jekk ikun xieraq lill-Istati AKP u lill-PTEE.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim rivedut f’Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4) u f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(2) ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Deċiżjoni emendata mid-Direttiva 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).

Avviż legali - Politika tal-privatezza