Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2010(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0043/2013

Testi mressqa :

A7-0043/2013

Dibattiti :

PV 12/03/2013 - 15
CRE 12/03/2013 - 15

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2013 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0081

Testi adottati
PDF 315kWORD 30k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Linji gwida għall-baġit 2014 - Taqsima III
P7_TA(2013)0081A7-0043/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (2013/2010(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 312, 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Interistituzzjonali”)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta’ baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(3),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(4) u t-tliet dikjarazzjonijiet konġunti relatati maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 7, tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2012 u tad-19 ta' Ottubru 2012 dwar il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi;

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0043/2013),

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona jagħti prerogattivi ġodda sinifikanti lill-Unjoni Ewropea f'oqsma bħall-azzjoni esterna, l-isport, l-ispazju, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-turiżmu u l-protezzjoni ċivili;

B.  billi skont l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-qafas finanzjarju pluriennali huwa mnaqqax fit-Trattat u għandu jkun hemm qbil dwaru fil-forma ta' regolament tal-Kunsill, adottat mill-Kunsill b'mod unanimu wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew b'maġġoranza tal-membri kollha tiegħu;

C.  billi l-qafas finanzjarju pluriennali attwali jispiċċa fl-aħħar tal-2013 u billi l-2014 għandha tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

D.  billi l-2013 se tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni;

Il-kuntest ġenerali

1.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss; jinsisti li jekk il-Parlament Ewropew għadu ma tax l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP il-ġdid, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-ewwel tfassal l-Abbozz tal-Baġit għall-2014 abbażi tal-proposti tagħha stess dwar il-QFP 2014-2020, u mbagħad jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar QFP ġdid, għandha taġġusta l-proposta tagħha skont l-Artikolu 312(4) tat-Trattat u l-Artikolu 30 tal-Ftehim Interistituzzjonali attwali dwar id-dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda;

2.  Ifakkar li fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar ir-Regolament QFP li jmiss sal-aħħar ta’ din is-sena, jiġu applikati l-Artikolu 312(2), li jgħid li r-regolament tal-QFP jiġi adottat mill-Kunsill biss wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-approvazzjoni tiegħu, l-Artikolu 312(4) li jipprevedi l-applikazzjoni tal-limiti massimi tal-aħħar sena tal-QFP attwali f'każ li ma jintlaħaqx qbil dwar il-QFP li jmiss fiż-żmien opportun, u l-Artikolu 30 tal-ftehim interistituzzjonali attwali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, li jfisser estensjoni tal-limiti massimi tal-2013, aġġustati b'fattur ta' deflazzjoni fiss ta' 2 % fis-sena, sakemm jiġi adottat regolament għal QFP ġdid; itenni, f’din l-eventwalità, li huwa lest li jilħaq ftehim rapidu mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar l-iżgurar li jkun hemm fis-seħħ bażijiet legali għall-implimentazzjoni tal-programmi u l-politiki tal-UE fl-2014;

3.  Jirrikonoxxi d-diffikultà fid-definizzjoni ta’ linji gwida ġenerali għall-baġit 2014 waqt li hemm ħafna inċertezza dwar il-livell massimu tal-impenji għall-2014; jenfasizza li dan jista’ jvarja minn EUR 142,540 biljun fi prezzijiet tal-2014 – jekk il-QFP 2014-2020 jiġi maqbul abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 – sa EUR 155,5 biljun fi prezzijiet tal-2014 fil-każ tal-estensjoni tal-livell massimu tal-2013;

4.  Jinnota li l-kriżi ekonomika u finanzjarja ħolqot kunsens fost il-mexxejja politiċi Ewropej favur integrazzjoni ekonomika, fiskali, finanzjarja u bankarja akbar kif ukoll governanza aħjar, u wriet il-ħtieġa li jiġi stimolat it-tkabbir biex il-finanzi pubbliċi jitreġġgħu lura għal li kienu; jenfasizza li baġit Ewropew imnaqqas jikkontradixxi dawn l-għanijiet politiċi;

Livell realistiku u suffiċjenti ta' pagamenti

5.  Huwa tal-opinjoni li l-ibbaġitjar ta' livell realistiku u suffiċjenti ta' pagamenti fil-bidu taċ-ċiklu baġitarju jevita kumplikazzjonijiet mhux meħtieġa matul l-implimentazzjoni tal-baġit, kif seta' jiġi osservat b'mod partikolari fil-baġit 2012;

6.  Ifakkar li, minħabba l-pożizzjoni intransiġenti tal-Kunsill fin-negozjati, il-livell globali tal-pagamenti stabbilit fil-baġit 2013 huwa EUR 5 biljun inqas mill-estimi tal-Kummissjoni għall-ħtiġijiet ta' pagamenti fl-abbozz tal-baġit; jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq reviżjoni ’l isfel tat-tbassir tal-2013 provdut mill-Istati Membri nfushom u abbażi tas-suppożizzjoni li t-talbiet kollha ta' pagament li għandhom jaslu fl-2012 jitħallsu mill-baġit tal-2012; għalhekk huwa imħasseb ħafna dwar il-livell ta' pagamenti fil-baġit 2013 u jirrimarka li dan il-livell ta' approprjazzjonijiet mhux se jkun biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet reali ta' pagamenti fl-2013 peress li l-marġni ta' pagamenti li jibqa' taħt il-limitu massimu għall-pagamenti tal-QFP fil-baġit 2013 jammonta għal EUR 11,2 biljun filwaqt li r-riport ta' ħtiġijiet ta' pagamenti addizzjonali mill-2012, waħdu, huwa ta' 'l fuq minn EUR 16 biljun; iwissi li l-posponiment kontinwu u eċċessiv ta’ pagamenti fuq bażi annwali se joħloq problemi sinifikanti għas-snin li ġejjin;

7.  Jagħti l-akbar importanza politika lid-dikjarazzjonijiet konġunti ffirmati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-ogħla livell politiku tagħhom f'Diċembru 2012, li huma parti integrali tal-ftehim bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fir-rigward tal-baġit 2013 u li jgħidu li l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali għandhom jiġu pprovduti lill-baġit tal-UE fl-2013 biex l-Unjoni tkun tista' tħallas il-kontijiet tagħha u tippreserva l-kredibbiltà politika u s-solvenza tagħha;

8.  Ifakkar li, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-pagamenti tal-2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta fi stadju bikri fl-2013 abbozz ta' baġit emendatorju ddedikat għall-uniku skop li jkunu koperti t-talbiet sospiżi mill-2012, li jammontaw għal EUR 2,9 biljun, u obbligi legali pendenti oħra, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni xierqa tal-baġit 2013; ifakkar li f'Novembru u Diċembru 2012, saru talbiet addizzjonali għal pagamenti taħt ġestjoni kondiviża għal ammont globali ta' madwar EUR 16-il biljun lill-Kummissjoni, li se jkollhom jitħallsu fl-2013; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta dan l-abbozz ta' baġit emendatorju mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu 2013, biex tevita interferenza mal-proċedura baġitarja 2014;

9.  Jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaħdmu b’mod kostruttiv, flimkien mal-Parlament, sabiex tiġi evitata ripetizzjoni ta’ din is-sitwazzjoni f’ċikli baġitarji futuri billi tittejjeb l-eżattezza tat-tbassir u billi jintlaħaq ftehim dwar estimi baġitarji realistiċi u suffiċjenti li għandhom jinkludu informazzjoni ċara u dettaljata dwar in-natura tal-estimi tal-pagamenti kollha;

10.  F'dan ir-rigward, jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tipprovdi rapporti ta' kull xahar lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tat-talbiet ta' pagament mill-Istati Membri mill-fondi strutturali, mill-fond ta' koeżjoni u mill-fondi għall-iżvilupp rurali u għas-sajd (analiżi skont l-Istat Membru u skont il-fond); l-informazzjoni pprovduta permezz ta' dawn ir-rapporti ta' kull xahar għandha tkun il-bażi għall-monitoraġġ tal-issodisfar tal-impenji maqbula bejn l-istituzzjonijiet;

11.  Jippromwovi wkoll li jiġi stabbilit malajr kemm jista' jkun grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-pagamenti, li jibni fuq l-esperjenza tal-laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti li ġew organizzati fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2013; jemmen bil-qawwa li dawn il-laqgħat fil-livell politiku huma strumentali biex tiġi evitata kwalunkwe possibilità ta' inkomprensjoni dwar il-preċiżjoni taċ-ċifri u l-estimi rigward il-ħtiġijiet tal-pagamenti; jemmen b’mod partikolari li dan il-grupp ta’ ħidma għandu jagħti prijorità lill-kwistjoni tad-differenza bejn it-tbassir provdut mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għal nefqiet ta’ ġestjoni kondiviża u l-livell ta’ approprjazzjonijiet ta' pagament li l-Kunsill qiegħed kollettivament jimponi tul in-negozjati baġitarji; jitlob li l-ewwel laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti ssir fl-ewwel semestru tal-2013;

12.  Huwa mħasseb profondament li, minkejja li l-livell ta' implimentazzjoni tal-pagamenti kien ta' 99 % fl-aħħar tal-2012, l-ammont ta' impenji pendenti (RAL, jew restes à liquider) żdied b'EUR 10 biljun tul l-aħħar sena, biex issa laħaq il-livell mingħajr preċedent ta' EUR 217,3 biljun; jistenna li l-livell ta' RAL jista’ jkun anke ogħla sal-aħħar tal-2013; iwissi kontra l-applikazzjoni wisq rigoruża tar-regola tad-diżimpenjar awtomatiku bħala mod kif tiġi solvuta l-problema tar-RAL, peress li din tmur kontra l-Patt għal Tkabbir u Impjiegi maqbul mill-Kunsill Ewropew fl-2012; iqis li din is-sena l-laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti għandhom jeżaminaw mill-qrib id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, jistabbilixxu djalogu mal-Kummissjoni biex tiġi ċċarata għalkollox il-kompożizzjoni tar-RAL u jivvalutaw jekk il-fatt li attwalment ir-RAL laħqu l-quċċata tagħhom huwiex primarjament dovut għall-kriżi ekonomika jew jekk jindikax problemi strutturali usa’; fil-każ li l-konklużjoni tkun din tal-aħħar, jitlob lill-istituzzjonijiet biex jaħdmu flimkien u jadottaw pjan ta’ azzjoni xieraq sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-livell mingħajr preċedent ta' RAL matul il-QFP li jmiss; jinsisti li l-Kunsill għandu jastjeni milli jiddeċiedi minn qabel il-livell ta’ pagamenti mingħajr ma jqis il-bżonnijiet reali u l-obbligi legali; jinnota wkoll li l-akkumulazzjoni ta' RAL fil-fatt iddgħajjef l-intenzjoni li l-baġit tal-UE jkun wieħed trasparenti fejn ir-relazzjoni bejn l-impenji u l-pagamenti f'sena baġitarja speċifika tkun tidher b'mod ċar;

13.  Ifakkar li l-2014 hija sena ta' tranżizzjoni bejn żewġ oqfsa finanzjarji pluriennali u jistenna li mal-ipprogrammar finanzjarju tagħha għall-2014 il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni komprensiva u realistika tal-livell ta' approprjazzjonijiet, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha li anke jekk il-qafas finanzjarju pluriennali idum iktar biex jiġi implimentat fl-ewwel sena milli lejn l-aħħar u li, konsegwentament, il-livell ta' ħtiġijiet ta' pagamenti s-soltu jkun inqas fil-bidu ta' perjodu finanzjarju pluriennali milli fl-aħħar, il-kwistjoni tar-RAL fl-aħħar tal-2013 se jkollha tiġi indirizzata b'urġenza;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta tadotta l-abbozz tal-baġit tagħha għall-2014, biex tipprovdi provi ċari u fattwali dwar il-konnessjoni bejn il-livell ta’ approprjazzjonijiet li tipproponi u l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Tkabbir u Impjiegi adottat mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012; jitlob lill-istituzzjonijiet biex itejbu d-dispożizzjonijiet eżistenti għal ċerti Stati Membri li b’mod partikolari qegħdin ibatu mill-kriżi finanzjarja, sabiex tkompli tittejjeb il-kapaċità tagħhom li jassorbu fondi strutturali u ta’ koeżjoni u jipprevjenu d-diżimpenji kbar antiċipati;

15.  Jinsisti li n-negozjati baġitarji tal-2013 urew għal darba oħra li s-sistema ta' finanzjament tal-baġit tal-UE – b'kontribuzzjonijiet nazzjonali li jammontaw għal iktar minn 75 % tad-dħul tal-UE – tmur kontra l-ispirtu u l-kelma tat-Trattat, u qed tqiegħed il-baġit tal-UE f'pożizzjoni ta' dipendenza totali fuq it-teżori nazzjonali, ħaġa li tista' tkun partikolarment ta' detriment fi żmien ta' restrizzjonijiet baġitarji nazzjonali; jippromwovi r-riforma tal-istruttura tad-dħul tal-Unjoni biex tinkludi l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda u ġenwini, bħat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-VAT il-ġdida tal-UE; ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji;

Ir-rwol tal-baġit tal-UE fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 u fil-ħolqien ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi

16.  Ifakkar li l-2014 hija skedata li tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-QFP l-ġdid u għalhekk hi importanti għall-bidu b'suċċess tal-perjodu ta' programmar il-ġdid; huwa tal-opinjoni li l-prijorità tal-baġit Ewropew fl-2014 għandha tkun li jiġu sostnuti t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, tingħata spinta lill-impjiegi u jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

17.  Ifakkar fin-natura partikolari tal-baġit tal-UE, li jammonta biss għal 1 % tal-PDG tal-UE u li huwa baġit ta’ investiment b’effett qawwi ta’ stimolu; jenfasizza li 94 % minnu jmur lura għand l-Istati Membri u ċ-ċittadini Ewropej permezz tal-politiki u l-programmi tiegħu, u għalhekk m'għandux jitqies bħala piż addizzjonali iżda bħala għodda biex tingħata spinta lill-investiment, lit-tkabbir u lill-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza li, għar-reġjuni u l-Istati Membri, l-investiment pubbliku jkollu jiġi mminimizzat jew isir impossibbli mingħajr il-kontribut tal-baġit tal-UE; jemmen li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-UE inevitabbilment iżid l-iżbilanċi u jxekkel it-tkabbir u s-saħħa kompetittiva tal-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi, kif ukoll il-koeżjoni tagħha, u jdgħajjef il-prinċipju tas-solidarjetà bħala valur fil-qalba tal-UE; huwa tal-opinjoni li d-domanda għal “iżjed Ewropa” ma tfisser xejn meta tkun akkumpanjata bi proposti għat-tnaqqis drastiku tal-fondi tal-UE;

18.  Jirrikonoxxi r-restrizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji persistenti fil-livell nazzjonali, u l-isforzi ta' konsolidament fiskali mwettqa mill-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li l-baġit tal-UE huwa għodda effikaċi għall-investiment u s-solidarjetà b'valur miżjud li ngħatat prova tiegħu kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali; huwa konvint li l-kapaċità tal-baġit li jistimola t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi hija saħansitra aktar importanti fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika, peress li se joħloq il-kundizzjonijiet għas-suċċess ta' dawn l-isforzi ta’ konsolidament, u li l-baġit tal-UE għandu jitqies bħala strument għall-ħruġ mill-kriżi;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-appoġġ finanzjarju u l-attivitajiet fir-rigward tal-introduzzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni ta' kwalità li jħalltu t-taħriġ prattiku mal-edukazzjoni vokazzjonali; jitlob appoġġ aktar qawwi għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali sabiex jiġi miġġieled b’mod effikaċi l-qgħad fost iż-żgħażagħ; ifakkar, f’dan ir-rigward, il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija taż-Żgħażagħ(5);

20.  Ifakkar li l-miżuri makroekonomiċi kollha ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja li ttieħdu mill-2008 s'issa għadhom ma ġabux fi tmiemha l-kriżi ekonomika u finanzjarja; jemmen, għalhekk, li sabiex jerġgħu lura għat-tkabbir u jiġġeneraw l-impjiegi fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jirrilaxxaw il-potenzjal tagħhom għal tkabbir sostenibbli u inklużiv, pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-edukazzjoni, tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-mobbiltà; baġit tal-UE mmirat tajjeb, sod u suffiċjenti għandu jkun parti mis-soluzzjoni u huwa meħtieġ biex tingħata iktar għajnuna għall-koordinament u t-tisħiħ tal-isforzi nazzjonali;

21.  Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jikkunsidraw sinerġiji bejn l-isforz ta' konsolidament nazzjonali u l-valur miżjud ta' baġit tal-UE pprijoritizzat tajjeb, li jkunu jippermettu l-implimentazzjoni tal-impenji politiċi li diġà ttieħdu fl-ogħla livell; ifakkar li l-implimentazzjoni tal-impenji u tal-prijoritajiet politiċi hija ħafna aktar effikaċi meta jkun hemm sinerġija bejn il-baġits nazzjonali u dak tal-UE u jenfasizza l-importanza ta' dibattiti interparlamentari dwar l-orjentamenti ekonomiċi u baġitarji komuni tal-Istati Membri u tal-Unjoni, fil-qafas tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tippreżenta l-Abbozz tal-Baġit tagħha għall-2014, tindirizza b’mod xieraq ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jitlob b’mod partikolari lill-Kummissjoni tipprovdi data fattwali u konkreta dwar kif l-abbozz tal-baġit tal-UE li qed tipproponi jista’ effettivament jiżvolġi rwol stimolanti, katalitiku, sinerġetiku u komplementari għall-investimenti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu implimentati l-prijoritajiet maqbula fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

23.Jikkunsidra li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, in-nefqa tal-UE għandha l-potenzjal li toħloq ekonomiji ta’ skala u għandha awtomatikament twassal għal evalwazzjoni ta' ffrankar possibbli fil-livell nazzjonali, li kieku jtaffi b’mod sinifikanti l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri;

24.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu sfruttati l-għodod u l-azzjonijiet kollha disponibbli għall-Unjoni Ewropea biex l-Istati Membri jiġu megħjuna joħorġu mill-kriżi u biex jiġu evitati kriżijiet futuri; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom it-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej biex jagħmluha possibbli li jitwettqu b'mod komprensiv l-aġenda ta' regolamentazzjoni finanzjarja u l-istrutturi superviżorji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi finanzjament suffiċjenti għal dawn it-tliet aġenziji fl-abbozz tal-baġit tagħha għall-2014 u tipprevedi, meta tħejji l-valutazzjoni u reviżjoni tar-regolamenti f'Jannar 2014, mudell ta' finanzjament rivedut għal dawn l-aġenziji li jżid l-indipendenza tagħhom, filwaqt li jħares l-unità tal-baġit tal-UE;

25.  Jenfasizza l-effett strateġiku tal-għażla tal-prijoritajiet għall-2014, bħala l-ewwel sena tal-QFP li jmiss; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-UE trawwem it-tkabbir u l-kompetittività, bl-objettiv li jinħolqu l-impjiegi u l-opportunitajiet, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ;

26.  Ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-istrateġija UE 2020 għandha tkun fil-qalba tal-QFP li jmiss (2014-2020) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza u turi b’mod ċar l-investimenti kollha relatati fil-baġit tal-2014, filwaqt li tagħmel enfasi fuq l-investimenti fl-oqsma tat-triangolu tal-għarfien (edukazzjoni, riċerka, innovazzjoni), l-infrastrutturi, l-SMEs, l-enerġija rinnovabbli, l-iżvilupp sostenibbli, l-intraprenditorjat, l-impjiegi – b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ – u l-ħiliet, kif ukoll it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

27.  Jikkundanna t-tnaqqis orizzontali tas-soltu li sar mill-Kunsill u jwissih kontra t-tentazzjoni li għal darba oħra juża tnaqqis artifiċjali bħal dan; se jagħti attenzjoni partikolari biex jiżgura livell suffiċjenti ta' pagamenti għall-politiki u l-programmi li jrawmu t-tkabbir u l-kompetittività;

28.  Biħsiebu jkompli eżami mill-qrib tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas il-livell tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-UE u jfakkar li dan għandu jitqies bħala objettiv ġenerali; jieħu nota tal-impatt negattiv li dawn il-miżuri jista’ jkollhom fuq l-implimentazzjoni rapida, regolari u effikaċi tal-azzjonijiet u l-programmi tal-UE; huwa tal-fehma li l-effiċjenza tal-amministrazzjoni għandha tkun żgurata u saħansitra msaħħa; iqis li kull reviżjoni tal-persunal fuq żmien qasir u fit-tul għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt minn qabel u għandha tikkunsidra għalkollox, inter alia, l-obbligi legali tal-Unjoni kif ukoll il-kompetenzi l-ġodda u ż-żieda fil-kompiti tal-istituzzjonijiet li joħorġu mit-Trattati; ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-aġenziji deċentralizzati, b’mod partikolari l-approċċ komuni anness u l-istipulazzjonijiet tagħha dwar l-għoti ta' kompiti ġodda lill-aġenziji;

o
o   o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0486.
(4) ĠU L 66, 8.3.2013.
(5) COM(2012)0729.

Avviż legali - Politika tal-privatezza