Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2309(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0041/2013

Testi mressqa :

A7-0041/2013

Dibattiti :

PV 12/03/2013 - 17
CRE 12/03/2013 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2013 - 8.5
CRE 13/03/2013 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0082

Testi adottati
PDF 483kWORD 28k
L-Erbgħa, 13 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014
P7_TA(2013)0082A7-0041/2013
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014 (2012/2309(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji,

–  wara li kkunsidra t-Trattat rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 41, 48 u 74f tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0041/2013),

A.  billi l-Artikolu 2(1) u (2) tal-Protokoll Nru 36 se jiskadi fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014,

B.  billi r-Repubblika tal-Kroazja hi mistennija taderixxi mal-Unjoni qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li huma mistennija li jsiru fir-rebbiegħa tal-2014, u billi l-Artikolu 19(1) tal-Att rigward il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika se jiskadi fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014,

C.  billi l-bidliet demografiċi li seħħew sa mill-aħħar elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jiġu kkunsidrati,

D.  billi t-twaqqif ta' sistema sostenibbli għat-tqassim ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandu jiġi kkunsidrat flimkien ma' reviżjoni tas-sistema ta' votazzjoni fil-Kunsill bħala parti minn riforma ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandha tiġi definita f'Konvenzjoni, konvokata skont l-Artikolu 48(3) TUE, u billi tali riforma għandha tirrikonoxxi li, skont it-Trattati, il-bażi għad-demokrazija tal-Unjoni hi r-rappreżentanza kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-Istati Membri,

E.   billi t-tqassim ta' siġġijiet għal-leġislatura li jmiss ma għandux ikun arbitrarju iżda minflok għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi li għandhom jiġu applikati b'mod prammatiku u billi tali tqassim għandu jikkumpensa għal gwadann fin-numru ta' siġġijiet permezz ta' telf b'tali mod li t-telf ikun limitat għal massimu ta' siġġu wieħed għal kull Stat Membru;

1.  Iressaq lill-Kunsill Ewropew il-proposta għal deċiżjoni annessa tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2014-2019, abbażi tad-dritt ta' inizjattiva tiegħu stabbilit fl-Artikolu 14(2) tat-TUE;

2.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li dik id-deċiżjoni tiġi adottata, li jirrikjedi l-approvazzjoni tiegħu, hekk kif it-Trattat rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea jidħol fis-seħħ, biex ikun possibbli li l-Istati Membri japprovaw, fi żmien utli, il-miżuri interni meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għal-leġislatura 20014-2019;

3.  Jimpenja ruħu li fi żmien qasir iressaq proposta bl-għan li ttejjeb l-arranġamenti prattiċi biex isiru l-elezzjonijiet fl-2014;

4.  Jintrabat li jressaq, qabel l-aħħar tas-sena 2015, proposta għal deċiżjoni ġdida tal-Kunsill Ewropew bl-għan li tiġi stabbilita, kemm jista' jkun qabel il-bidu tal-leġislatura 2019-2024, sistema sostenibbli u trasparenti li fil-futur, qabel kull elezzjoni ġdida għall-Parlament Ewropew, tippermetti li s-siġġijiet jitqassmu bejn l-Istati Membri b'mod oġġettiv, abbażi tal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva kif stabbilit fl-Artikolu 1 tal-proposta għal deċiżjoni annessa, b'kunsiderazzjoni xierqa ta' kwalunkwe tibdil fin-numru tagħhom u tal-andamenti demografiċi fil-popolazzjonijiet tagħhom, u mingħajr ma tiġi eskluża l-possibilità li jiġu riservati numru ta' siġġijiet għall-membri eletti fuq listi transnazzjonali;

5.  Josserva li s-sistema l-ġdida tat-tqassim ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tiġi stabbilita flimkien ma' reviżjoni tas-sistema tal-votazzjoni fil-Kunsill bħala parti mir-reviżjoni neċessarja tat-Trattati; jiddetermina li jagħmel proposti għal dan il-għan fil-Konvenzjoni li jmiss li għandha tiġi konvokata skont l-Artikolu 48(3) tat-TUE;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew fl-anness mehmuż, flimkien mar-rapport imsemmi tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika tal-Kroazja, u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 132 (Rapport Lamassoure-Severin).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

IL-KUNSILL EWROPEW,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji,

wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)  L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji se jiskadu fl-aħħar leġislatura 2009-2014,

(2)  L-Artikolu 19(1) tal-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika se jiskadi fl-aħħar tal-leġislatura 2009-2014.

(3)  Huwa neċessarju li jkun hemm konformità mingħajr dewmien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 36 u għalhekk li tiġi adottata d-deċiżjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw il-miżuri interni neċessarji fi żmien xieraq biex ikunu organiżżati l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2009-2014;

(4)  Din id-Deċiżjoni hi konformi mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, partikolarment li n-numru tar-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea ma jisboqx is-seba' mija u ħamsin, apparti l-President, liema rappreżentanza għandha tkun proporzjonalment digressiva, b'limitu ta' sitt membri għal kull Stat Membru, u l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi allokat iktar minn sitta u disgħin siġġu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

   l-allokazzjoni ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tuża b'mod sħiħ in-numru minimu u massimu stabbilit mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex jirrifletti kemm jista' jkun possibbli d-daqs tal-popolazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri;
   il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta' siġġijiet ta' kull Stat Membru qabel ma n-numru deċimali jitqarreb lejn numru sħiħ għandu jvarja skont il-popolazzjoni rispettiva tagħhom b'tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b'popolazzjoni akbar jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru ta' Stat Membru b'popolazzjoni iżgħar u, bil-maqlub, ikbar ma tkun il-popolazzjoni ta' Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal għadd akbar ta' siġġijiet,

Artikolu 2

Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri għandha tiġi kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, skont il-metodu stabbilit permezz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 3

Skont l-Artikolu 1, in-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru għaldaqstant huwa stabbilit kif ġej, b'effett mill-bidu tal-leġisatura 2014-2019:

Belġju

21

Bulgarija

17

Repubblika Ċeka

21

Danimarka

13

Ġermanja

96

Estonja

6

Irlanda

11

Ġreċja

21

Spanja

54

Franza

74

Kroazja

11

Italja

73

Ċipru

6

Latvja

8

Litwanja

11

Lussemburgu

6

Ungerija

21

Malta

6

Pajjiżi Baxxi

26

Awstrija

18

Polonja

51

Portugall

21

Rumanija

32

Slovenja

8

Slovakkja

13

Finlandja

13

Svezja

20

Renju Unit

73

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni għandha tkun riveduta fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-leġislatura 2019-2024 bil-għan li tiġi stabbilita sistema li fil-ġejjieni tagħmilha possibbli, qabel kull elezzjoni ġdida tal-Parlament Ewropew, li jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri b'mod oġġettiv, ġust, dejjiemi u trasparenti, abbażi tal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva kif stabbilit fl-Artikolu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa ta' kwalunkwe bidla fl-għadd tagħhom u tal-andamenti demografiċi fil-popolazzjoni tagħhom, kif stabbilit b'mod xieraq, kif ukoll b'kunisderazzjoni tas-sistema ta' votazzjoni fil-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi ...

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

Avviż legali - Politika tal-privatezza