Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza (“stress tests’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati (2012/2830(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012 dwar il-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u s-sikurezza (“stress tests’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati (COM(2012)0571),
– wara li kkunsidra ż-żjarat ta' segwitu għas-sejbien tal-fatti fis-siti organizzati mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) wara li ntemm il-proċess ta' rieżami tal-istress tests bil-għan li jsir skambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-miżuri meħuda, ippjanati jew li qed jiġu kkunsidrati fil-livell tas-sit sabiex titjieb is-sikurezza b'riżultat tal-istress tests u sabiex jiġu identifikati prattiki tajba, suċċessi notevoli, kif ukoll kwalunkwe tagħlima meħuda jew diffikultajiet iffaċċjati waqt l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011, b'mod partikulari l-appell tiegħu lill-awtoritajiet indipendenti nazzjonali fl-UE biex iwettqu valutazzjoni komprensiva u trasparenti tar-riskju u l-valutazzjoni tas-sikurezza tal-impjanti nukleari kollha tal-UE, fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-inċident tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima-Daiichi fil-Ġappun,
– billi l-pjan ta' azzjoni tal-ENSREG ġie approvat fl-1 ta' Awwissu 2012, li jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti li ħarġu mir-rieżami bejn il-pari tal-istress tests se jkunu indirizzati mir-regolaturi nazzjonali u mill-ENSREG b'manjiera konsistenti,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà nukleari tal-istallazzjonijiet nukleari(1) , li tenfasizza li r-responsabilità nazzjonali tal-Istati Membri għas-sikurezza tal-istallazzjonijiet nukleari hija prinċipju fundamentali, u li r-responsabilità primarja għas-superviżjoni tal-istallazzjonijiet nukleari hija tar-regolaturi nazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-ENSREG dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-istress tests adottata mill-ENSREG u mill-Kummissjoni, u dwar l-istqarrija konġunta assoċjata maħruġa mill-ENSREG u mill-Kummissjoni fis-26 ta' April 2012,
– wara li kkunsidra d-diżastru nukleari fl-2011 fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima Daiichi fil-Ġappun,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012, u l-aktar it-talba lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u fiż-żmien opportun tar-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-rapport ippubblikat mill-ENSREG b'segwitu għat-tlestija tal-istress tests dwar is-sikurezza nukleari,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv(2),
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 30 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u s-sikurezza (“stress tests’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati (O-000183/2012 – B7-0108/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament tas-16 ta’ Ottubru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (A7-0327/2012) jitlob li s-sikurezza nukleari fil-pajjiżi terzi tkun tirrifletti l-istandards tas-sikurezza Ewropej;
B. billi 'l-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u s-sikurezza (“stress test’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati' twettqu sabiex tingħata ħarsa lejn it-tħejjija tal-impjanti tal-enerġija nukleari (NPPs) għal għadd ta' kundizzjonijiet estremi;
1. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istress tests u r-riżultat tagħhom, fid-dawl tal-inċident ta’ Fukushima; jilqa’ l-isforzi li saru mill-Kummissjoni, speċjalment permezz tal-ENSREG, u mir-regolaturi nazzjonali li ssoġġettaw 145 reattur fl-UE u 20 reattur barra l-UE għal proċedura ta’ stress test; jenfasizza l-utilità ta’ din il-proċedura u l-karattru tagħha bħala eżerċizzju li qatt ma sar bħalu fuq livell dinji; jistenna li r-riżultati tal-istress tests se jikkontribwixxu biex isaħħu l-kultura tas-sikurezza nukleari fl-Ewropa, biex b’hekk issir eżempju fuq livell internazzjonali; ifaħħar l-isforzi li saru biex l-istress tests ikunu trasparenti kemm jista' jkun;
2. Jieħu nota tal-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport ta' bejn il-pari li enfasizza erba’ oqsma ewlenin għat-titjib fl-Ewropa: (1) il-ħruġ ta' gwida mill-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) dwar il-valutazzjoni tal-marġnijiet u l-perikli naturali, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida eżistenti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA); (2) tiġi enfasizzata l-importanza tar-rieżami perjodiku tas-sikurezza; (3) jiġu implimentati l-miżuri rikonoxxuti biex titħares l-integrità tal-konteniment; u (4) jitnaqqsu l-inċidenti li jirriżultaw minn perikli naturali u jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom;
3. Jirrikonoxxi li, wara l-istress tests, il-pajjiżi bdew jimplimentaw jew jippjanaw miżuri li se jtejbu s-sikurezza tal-impjanti tagħhom, partikolarment fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda minn Fukushima; jilqa' l-fatt li ntlaħaq qbil bejn l-ENSREG u l-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet u li l-azzjonijiet kollha meħuda biex titjieb is-sikurezza nukleari se jkunu kondiviżi fil-livell Ewropew; jenfasizza l-fatt li abbażi tar-rieżami bejn il-pari, il-Kummissjoni identifikat miżuri li għandhom jitqiesu fil-livell tal-UE; jistieden lill-atturi kollha involuti jiżguraw segwitu xieraq u immedjat lir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet kollha li jinsabu fih, inklużi l-aħjar prattika identifikata; jirrakkomanda, f'dan is-sens, li jiġi kkonfermat ir-rwol tal-ENSREG fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-pari abbażi ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni; jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni regolari mill-ENSREG dwar il-progress lill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, u li l-Parlament jiġi infurmat u kkonsultat kull sena rigward ir-riżultati, il-miżuri u l-pjanijiet fil-qasam tas-sikurezza nukleari;
4. Ifakkar, madankollu, li l-istress tests mibdija mill-Kummissjoni u l-ENSREG kienu limitati fil-kamp ta' applikazzjoni u mmirati primarjament lejn il-valutazzjoni tas-saħħa u t-tħejjija tal-NPPs fid-dawl ta’ avvenimenti esterni qawwija; iqis, għaldaqstant, li l-istress tests primarjament kienu maħsuba biex jivvalutaw is-saħħa u t-tħejjija tal-NPPs f’każ ta’ avvenimenti esterni qawwija bħal dawn u ma kinux maħsuba u setgħux ikunu maħsuba biex jieħdu post ir-rieżami dettaljat tas-sikurezza ta’ NPPs imwettqa fil-kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri għall-valutazzjoni tas-sikurezza nukleari ta’ NPPs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi r-robustezza ġenerali tal-NPPs (b'mod partikulari fir-rigward ta' xquq li jista' jkun hemm fil-kontenituri tal-pressjoni) bħala kriterju speċifiku fi stress tests fil-ġejjieni;
5. Jenfasizza li l-istress tests mhumiex kompluti u li r-riskji bħal avvenimenti sekondarji, id-deterjorazzjoni tal-materjali, l-iżball tal-bniedem, difetti speċifiċi fil-kontenituri tar-reatturi u ħafna nuqqasijiet oħrajn ma tqiesux; jenfasizza, għalhekk, li anki jekk jirnexxi, stress test ma jiggarantix is-sikurezza ta’ impjant nukleari;
6. Jieħu nota li r-riżultati attwali jirriflettu l-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ pajjiżi mhux tal-UE, għalkemm kultant b’metodoloġiji u skedi ta’ żmien differenti;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-pajjiżi mhux tal-UE b'impjanti tal-enerġija nukleari, b’mod partikolari lill-pajjiżi ġirien, biex japplikaw il-proċedura tal-istress test u jaqsmu r-riżultati tagħhom; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-istandards internazzjonali dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom; iħeġġeġ lill-UE tibqa' tikkoopera f’dan ir-rigward fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IAEA;
8. Jieħu nota li l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari hija strument legali bl-għan partikolari li jippromwovi livell għoli ta' sikurezza nukleari fuq livell globali, li jobbliga lill-Partijiet Kontraenti (inkluża l-EURATOM) iressqu rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-dmirijiet tagħhom għal rieżami bejn il-pari fil-laqgħat regolari tal-Partijiet Kontraenti li jsiru taħt l-awspiċi tal-IAEA; iħeġġeġ l-użu tal-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC) biex tiġi promossa, abbażi tal-esperjenza Ewropea, l-implimentazzjoni tal-istress tests fuq skala internazzjonali;
9. Ifakkar li l-perikli tal-iskart radjuattiv ġew enfasizzati għal darb’oħra mill-inċident nukleari ta’ Fukushima; jieħu nota li diżastri naturali bħal terremoti u tsunami jistgħu jaffettwaw is-sikurezza ta’ istallazzjonijiet nukleari eżistenti, jew dawk li qed jinbnew, kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi ġirien tagħha b’riskju kbir ta’ terremot jew tsunami, bħal fil-każ ta’ Akkuyu fit-Turkija; jemmen li, minbarra l-miżuri li se jiġu implimentati għall-NPPs, għandha tittieħed l-azzjoni xierqa kollha fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru biex jiġi żgurat li r-rimi ta' skart radjuattiv ma jsirx f'żoni identifikati b’riskju għoli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-identifikazzjoni miftuħa u imparzjali tal-aħjar faċilitajiet ta' ħażna bl-ikbar sikurezza possibbli; iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien u dawk kandidati għall-adeżjoni jingħaqdu mal-Ftehim tal-Komunità Ewropea dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni f’każ ta’ Urġenza Radjoloġika (Ecurie);
10. Jistieden lill-Istati Membri u lir-regolaturi nazzjonali sabiex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tar-rapport tar-rieżami bejn il-pari, inkluż l-aħjar prattika identifikata, u fejn ikun xieraq, jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-inċident ta' Fukushima-Daiichi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar id-definizzjoni tal-prinċipji tar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari fir-rigward tal-impjanti tal-enerġija nukleari li qed joperaw, qed jiġu dikummissjonati jew li diġà ġew dikummissjonati fl-UE;
12. Jappella sabiex l-indipendenza u t-trasparenza tal-awtoritajiet superviżorji jingħataw l-akbar prijorità sakemm jibqgħu joperaw l-impjanti tal-enerġija nukleari;
13. Iqis li hemm approċċi nazzjonali differenti biex ikunu vvalutati l-effetti fuq is-sikurezza tal-NPPs f’każijiet ta’ tiġrif ta’ inġenji tal-ajru; jieħu nota li “t-tiġrif tal-inġenji tal-ajru ma ġiex meqjus espliċitament bħala avveniment inizjattiv fil-valutazzjoni tas-sikurezza” u li l-effetti tagħhom biss ġew spjegati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-istress test; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li erba’ Stati Membri biss inkludew dawn il-valutazzjonijiet fir-rapporti tal-istress test tagħhom; jinnota, madankollu, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-istress tests jiddikjaraw li “l-valutazzjoni tal-konsegwenzi tat-telf tal-funzjonijiet tas-sikurezza huma relevanti wkoll jekk is-sitwazzjoni tkun ipprovokata minn ġrajjiet inizjattivi indiretti, pereżempju t-tiġrif ta' inġenju tal-ajru”; jinnota wkoll li, billi dan ir-riskju jidħol l-aktar fil-qasam tat-tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u, għalhekk, tas-sovranità, twaqqaf Grupp Ad Hoc dwar Is-Sigurtà Nukleari (AHGNS) bil-kompitu li jeżamina l-kwistjoni fid-dettall u jippubblika l-konklużjonijiet tiegħu; hu konxju li huma ppjanati aktar skambji bejn l-Istati Membri dwar dak is-suġġett fi ħdan fora adegwati bħall-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Ewropej tas-Sigurtà Nukleari (ENSRA); jitlob lill-partijiet kollha interessati, inklużi l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-ENSREG, l-ENSRA u l-operaturi tal-NPPs, jaħdmu flimkien sabiex jiġi antiċipat u jkun miftiehem approċċ komuni li jindirizza r-riskju ta' tiġrif ta' inġenji tal-ajru, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dan ir-riskju jaqa' fl-ambitu tat-tħassib tas-sikurezza nazzjonali u s-sovranità tal-Istati Membri;
14. Jenfasizza li fl-UE, 47 impjant tal-enerġija nukleari, b’111-il reattur b’kollox, għandhom aktar minn 100 000 persuna jgħixu f’distanza ta’ 30 kilometru; jiddispjaċih li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istress tests ma kienx estiż għat-tħejjija ta’ emerġenza lil hinn mis-sit innifsu, minkejja l-importanza ta’ dan il-fattur biex jillimitaw l-impatt ta’ inċidenti nukleari potenzjali fuq il-popolazzjoni; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-ENSREG, tat-tnedija ta’ studju li jiffoka fuq reġjuni transkonfinali fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni, bħala parti mid-direttiva tas-sikurezza nukleari li jmiss, biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar miżuri preventivi ta’ emerġenza lil hinn mis-sit transkonfinali u fil-pajjiż; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jiġi żgurat l-involviment tal-awtoritajiet transkonfinali kompete fil-livell nazzjonali u reġjonali, f’termini tal-pjanijiet ta' azzjoni ta' sikurezza tagħhom u l-esperjenzi fil-proċessi ta' informazzjoni u komunikazzjoni meta l-NPPs ikunu jinsabu direttament fuq il-fruntiera nazzjonali;
15. Jistieden liċ-ċittadini tal-UE jkunu informati u kkonsultati għall-aħħar dwar is-sikurezza nukleari fl-Unjoni;
16. Jenfasizza li d-disponibilità ta’ forza tax-xogħol b'ħiliet u b’esperjenza hija fundamentali għal kultura qawwija ta' sikurezza nukleari; jinsisti għalhekk li l-miżuri kollha meħtieġa jiġu implimentati fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru biex jippromwovu u jmantnu livelli għoljin ta’ ħiliet marbuta mas-sikurezza nukleari, il-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u t-tħejjija ta' emerġenza; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ skambji transkonfinali ta’ esperti u tal-aqwa prattika, u jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, partikolarment fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol, sabiex ma tiġix ipperikolata s-sikurezza nukleari;
17. Jirrakkomanda li l-UE tappoġġa sforzi internazzjonali biex tiżviluppa l-ogħla standards ta’ sikurezza possibbli, li jridu jiġu applikati b'mod rigoruż u li għandhom jiġu żviluppati b'mod parallel mal-progress xjentifiku u għandhom jirriflettu t-tħassib leġittimu taċ-ċittadini; jenfasizza, f’dan il-kuntest, ir-rwol tal-UE fil-Politika tal-Viċinat bħala strument għall-kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jerfgħu responsabilità konġunta għat-tisħiħ tal-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari u l-implimentazzjoni adegwata tagħhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-IAEA, is-segretarjat tal-Konvenzjoni tal-Espoo u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-pjan ta' azzjoni post-Fukushima tal-IAEA u tressaq pjan ta' azzjoni inklussiv, b'arranġamenti konkreti għall-implimentazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-IAEA, biex jaħdmu b'mod kostruttiv ma' pajjiżi li ma rnexxilhomx japplikaw l-istress tests trasparenti għas-sikurezza nukleari, bħall-Bjelorussja, ir-Russja u t-Turkija, u jħeġġuhom jaderixxu mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali u jikkooperaw mal-esperti internazzjonali matul l-istadji kollha tat-tħejjija, kostruzzjoni, tħaddim u dikummissjonar tal-NPPs; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-għarfien espert offrut mill-organizzazzjonijiet u mill-korpi internazzjonali;
18. Hu tal-fehma li l-UE għandha tfittex kooperazzjoni mill-qrib, f'konformità mat-Trattat Euratom, mal-IAEA fir-rigward tas-sikurezza nukleari; jenfasizza li r-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari għandu jirriżulta f’għajnuna, fost l-oħrajn, lill-Ġappun fl-istabbilizzazzjoni u r-restawr tas-sit nukleari ta' Fukushima-Daiichi u fl-oqsma tal-protezzjoni radjoloġika u s-sikurezza fuq livell nazzjonali;
19. Jieħu nota li abbażi tal-istress tests, ir-regolaturi nazzjonali kkonkludew li ma hemm ebda raġunijiet tekniċi li jeħtieġu l-għeluq ta' NPPs fl-UE; jenfasizza, madankollu, li l-istress tests fil-verità urew li prattikament l-NPPs kollha jridu jimplimentaw titjib tas-sikurezza speċifiku għas-sit, peress li għadd sinifikanti ta’ miżuri ta' aġġornament tekniku ġew identifikati, u li l-implimentazzjoni ta' miżuri preċedenti għad trid titlesta; jitlob għall-implimentazzjoni urġenti tal-miżuri ta’ aġġornament meħtieġa, u jindika li l-miżuri relatati mas-sigurtà u s-sikurezza nukleari m'għandhomx jintlaqtu mill-miżuri ta' awsterità imposti mill-Istati Membri;
20. Jitlob, fl-interessi tat-tfassil tal-politiki effiċjenti u dibattitu pubbliku trasparenti, li l-ispejjeż totali stmati inizjali tal-miżuri neċessarji tat-titjib tas-sikurezza rakkomandati wara l-istress tests għal 132 reattur li qed joperaw fl-UE (EUR 10 sa 25 biljun matul is-snin li ġejjin) jiġu sostanzjati iktar b'analiżi tal-ispejjeż aktar dettaljata, li għandha titwettaq mir-regolaturi nazzjonali f'kooperazzjoni mal-operaturi nukleari u, jekk ikun possibbli, marbuta mal-għażla tar-rakkomandazzjonijiet identifikati; iqis li jkunu xi jkunu l-ispejjeż ta' tali titjib, huma jridu jitħallsu kollha mill-operaturi nukleari u mhux mill-persuni li jħallsu t-taxxa; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja din il-kwistjoni mill-qrib, inkluż fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha fil-politika tal-kompetizzjoni;
21. Jenfasizza li politika globali tas-sikurezza u sigurtà nukleari għandha tiġbor fiha s-siti nukleari kollha, is-sikurezza tal-fjuwil u tar-reatturi, l-immaniġġjar u d-dikummissjonar tal-iskart, is-sikurezza operattiva, biżżejjed riżorsi umani, titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tas-sikurezza għall-ħaddiema f'dan is-settur, u tħejjija ta’ emerġenza, inklużi pjanijiet ta’ emerġenza transkonfinali barra mis-sit, u għandha tiggarantixxi wkoll l-eżistenza ta’ regolaturi indipendenti u b'saħħithom;
22. Iqis li sakemm l-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti jibqgħu joperaw filwaqt li oħrajn ikunu qed jinbnew, il-livell ta' sikurezza nukleari fl-UE, kif ukoll f'pajjiżi terzi ġirien, għandu jirrifletti bħala prijorità ewlenija l-ogħla prattiki u standards tas-sigurtà u tas-sikurezza li jeżistu fid-dinja; jinsisti fuq il-bżonn li jiġi żgurat li dak it-tħassib ikun rifless matul iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-NPPs, u b'hekk jiġi inkluż id-dikummissjonar eventwali tagħhom; jenfasizza fuq kollox li fil-valutazzjoni tal-kriterji ta’ sikurezza, għandhom jitqiesu l-ispejjeż mġarrba waqt iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (għażla tal-post, disinn, bini, attivazzjoni, operazzjoni u dikummissjonar); ifakkar li l-analiżi tal-ispejjeż u tar-riskji għandha rwol ewlieni għat-tkomplija tat-tħaddim tal-impjanti;
23. Iqis li l-ġestjoni tal-perikli esterni kollha għandha ssegwi proċess ta’ valutazzjoni f’konformità mal-linji gwida tal-IAEA, bħala rekwiżit minimu, u ma tridx tissottovaluta aspetti mhux tekniċi;
24. Jieħu nota li d-differenzi bejn l-Istati Membri jistgħu jirriżultaw f’approċċi diverġenti fir-rigward tar-regolament dwar is-sikurezza nukleari, iżda li huma kollha Partijiet kontraenti għall-istandards tas-sikurezza nukleari tal-IAEA u li huma kollha taħt obbligu li jirrispettaw u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza nukleari tal-UE;
25. Jirrikonoxxi li, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-rapport ta’ rieżami bejn il-pari tal-ENSREG, l-eżerċizzju tal-istress test wera l-kontribuzzjoni pożittiva tar-rieżami perjodiku tas-sikurezza bħala strument effettiv biex imantni u jtejjeb is-sikurezza u s-saħħa tal-NPPs; jieħu nota, pereżempju, tal-perspettiva tal-ENSREG li l-valutazzjoni mill-ġdid ta’ riskji marbuta ma’ perikli naturali u provvedimenti rilevanti tal-impjanti għandhom jiġu ripetuti tal-anqas kull 5 jew 10 snin; jirrakkomanda li r-rieżamijiet perjodiċi għandhom ikunu bbażati fuq standards komuni tas-sikurezza u li r-rieżami tal-qafas legali dwar is-sikurezza nukleari għandu jinkludi dispożizzjonijiet korrispondenti;
26. . Jilqa’ r-rieżami li ġej tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, li għandu jkollu natura ambizzjuża u għandu jirriżulta fl-opportunità li jiddaħħal titjib prinċipali f'oqsma bħall-proċeduri u l-oqsfa ta' sikurezza – b'mod partikolari permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sikurezza nukleari vinnkolanti li jirriflettu prattiki l-aktar avvanzati fl-UE fl-ambitu tekniku, regolatorju u operattiv – kif ukoll ir-rwol u r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji nukleari u, b’mod partikolari, għandu jagħti spinta lill-indipendenza, lill-ftuħ u lit-trasparenza ta’ dawn l-awtoritajiet, filwaqt li jsaħħaħ il-monitoraġġ u r-rieżami bejn il-pari; jenfasizza li r-reviżjoni tal-qafas legali tas-sikurezza nukleari għandha tqis ix-xogħol internazzjonali għaddej bħalissa, eż fil-livell tal-IAEA;
27. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiggarantixxi l-indipendenza funzjonali effettiva assoluta ta’ awtoritajiet regolatorji nukleari nazzjonali minn kwalunkwe korp jew istituzzjoni li jippromwovu jew iħaddmu l-enerġija nukleari;
28. Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tas-sikurezza nukleari, filwaqt li jiġi vvalutat kemm għandu jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami perjodiku tas-sikurezza; itenni l-bżonn għal kooperazzjoni transkonfinali mill-qrib u skambju tal-aħjar prattika dwar dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll dwar il-koordinament tal-iskambju tal-informazzjoni; jemmen li, fl-istess waqt, għandu jiġi żgurat li jkun hemm garanziji ta’ sikurezza u superviżjoni transkonfinali; iqis li, f'dan ir-rigward, jeħtieġ li jitqiesu l-persuni li jgħixu f'distanza ta' 50 km minn NPP, u li f'każ li maġġoranza tal-abitanti fi Stat Membru ġar ikunu milquta, l-awtorità responsabbli ta’ dak l-Istat Membru wkoll għandha tinvolvi ruħha fid-deċiżjonijiet kollha;
29. Iqis li l-Istati Membri għandhom, bil-parteċipazzjoni tal-Komunità, jippromwovu informazzjoni adegwata u kampanja ta’ tqajjim tal-kuxjenza sabiex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-ħtieġa u l-benefiċċji tal-istress tests;
30. Jilqa’, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi strumenti leġiżlattivi u non-leġiżlattivi fil-qasam tal-assigurazzjoni u r-responsabbiltà nukleari; ifakkar li r-responsabilità ċivili nukleari hija diġà suġġetta għal konvenzjonijiet internazzjonali (ta' Pariġi u ta' Vjenna); jemmen, madankollu, li l-operaturi nukleari u d-detenturi tal-liċenzji għall-ġestjoni tal-iskart għandhom ikunu mitluba li jkollhom il-mezzi finanzjarji kollha stabbiliti, permezz tal-assigurazzjoni u strumenti finanzjarji oħrajn, biex ikunu jistgħu jkopru kompletament l-ispejjeż kollha li huma responsabbli għalihom fir-rigward tal-ħsara kkawżata lill-persuni u lill-ambjent fil-każ ta' inċident; jistaqsi lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tressaq proposti dwar il-kwistjoni sa tmiem l-2013;
31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jittrattaw l-enerġija nukleari bl-istess mod li jittrattaw kwalunkwe sors ieħor tal-enerġija skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fl-interessi tad-demokrazija, l-involviment tal-Parlament Ewropew, it-trasparenza u l-aċċess pubbliku sħiħ għall-informazzjoni;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.