Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0121/2013

Dibattiti :

PV 12/03/2013 - 6
CRE 12/03/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 8.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0090

Testi adottati
PDF 228kWORD 26k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
It-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u r-reati ta' mibegħda
P7_TA(2013)0090RC-B7-0121/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta' mibegħda (2013/2543(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, notevolment il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (UNCERD),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, notevolment l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni, bħal razza, etniċità jew lingwa, reliġjon jew sħubija f’minoranza nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jistipula li l-UE “hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistipula li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-TFUE, li jipprovdi mandat politiku lill-UE biex “tieħu l-azzjoni xierqa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tat-TFUE, li jistipula li l-UE “għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra [...] ir-razziżmu u l-ksenofobija”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 83(2) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(2) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol(3) (id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(4) (id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija),

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija, it-transfobija, id-diskriminazzjoni, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u l-estremiżmu, u r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju 2012 fuq approċċ tal-UE għal-liġi kriminali(5),

–  wara li kkunsidra l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-ħidma tagħha fl-oqsma tan-nondiskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-forom ta’ intolleranza relatati u l-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Presidenza Irlandiża nediet dibattitu fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni informali tas-17 u t-18 ta’ Jannar 2013 dwar l-azzjoni tal-UE biex tindirizza reati ta’ mibegħda, ir-razziżmu, l-anti-Semitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija, u enfasizzat il-ħtieġa għal protezzjoni aħjar u ġbir imtejjeb ta’ data, kif ukoll għal impenn aktar qawwi mill-mexxejja biex “il-valuri Ewropej jiġu rispettati attivament u biex jitrawwem ambjent ta’ rispett reċiproku għall-persuni minn sfondi reliġjużi jew etniċi differenti jew ta’ orjentazzjoni sesswali differenti, u għall-inklużjoni tagħhom”;

B.  billi l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali jiġi mħares kull sena fil-21 ta’ Marzu b’reazzjoni għall-qtil ta’ 69 dimostrant kontra l-apartheid fl-Afrika t’Isfel fl-1960;

C.  billi huwa essenzjali li jiġu mfakkra l-massakri bbażati fuq razziżmu u ksenofobija li seħħew fl-istorja tal-Ewropa u li tinżamm ħajja l-memorja tagħhom;

D.  billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri komuni tar-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u hija appoġġata minn aktar promozzjoni tat-tolleranza;

E.  billi r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija, it-transfobija u l-forom ta’ intolleranza relatati jinvolvu twemmin, preġudizzji u attitudnijiet li jilleġittimizzaw id-diskrimiinazzjoni, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u l-mibegħda fuq il-bażi ta’ ċerti raġunijiet, fosthom karatteristiċi u l-istatus soċjali;

F.  billi, minkejja li l-Istati Membri kollha introduċew il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fis-sistemi legali tagħhom sabiex jippromwovu l-ugwaljanza għal kulħadd, id-diskriminazzjoni u r-reati ta’ mibegħda – jiġifieri l-vjolenza u r-reati li jirriżultaw mir-razziżmu, il-ksenofobija, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-anti-Semitiżmu jew l-intolleranza reliġjuża, jew mill-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, l-identità tal-ġeneru jew is-sħubija fi grupp ta' minoranza, jew abbażi tar-raġunijiet mhux eżawrjenti elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – qegħdin jiżdiedu fl-UE;

G.  billi l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) irrappurtat li kull waħda minn erba’ persuni ta’ grupp ta’ minoranza esperjenzat reat ta’ natura razzjali u li sa 90 % tal-attakki jew it-theddid kollu esperjenzat mill-migranti jew minn membri ta’ gruppi etniċi ta’ minoranza, ma jiġux irrappurtati lill-pulizija; billi erba’ Stati Membri tal-UE biss jiġbru jew jippubblikaw data dwar ir-reati kontra r-Rom u tmienja biss jirreġistraw ir-reati motivati mill-orjentazzjoni sesswali (perċettibbli) tal-vittma;

H.  billi huwa importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu passi biex jiġġieldu r-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta’ prevenzjoni bbażata fuq l-edukazzjoni, il-promozzjoni ta' kultura ta' rispett, aċċettanza u tolleranza u l-iżgurar li r-reati ta' mibegħda jiġu rrappurtati mill-vittmi, investigati mill-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u kkastigati mis-sistema ġudizzjarja;

I.  billi l-kriżi ekonomika attwali hija ta’ sfida għall-prinċipju ta’ solidarjetà, u billi l-Istati Membri għandhom jibqgħu viġilanti fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika biex jipprevjenu t-tentazzjonijiet ta’ intolleranza u l-għoti ta’ ħtija lil min ma ħaqqux, li kulma jmur qed jiżdiedu;

J.  billi l-UE adottat serje ta’ strumenti biex tiġġieled tali atti u diskriminazzjoni, notevolment id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjiegi), id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija), il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom u d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

K.   billi l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta’ trattament ugwali barra mill-impjieg irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza) ma ġietx adottata mill-Kunsill wara 5 snin ta’ dibattiti, minħabba l-oppożizzjoni qawwija ta’ xi Stati Membri;

L.  billi l-Parlament b'mod ripetut talab lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex isaħħu l-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni li jirriżultaw mill-preġudizzju, bħalma huma r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija u t-transfobija;

M.  billi l-Kummissjoni reċentement wissiet dwar diskors politiku razzist, estremist u populista, li jista' jwassal sabiex persuni li joperaw waħedhom iwettqu qtil indiskriminat hekk kif it-theddida ta' estremiżmu vjolenti qed tinfirex;

N.  billi l-istati kollha li jipparteċipaw fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), inklużi l-Istati Membri kollha, irrikonoxxew li r-reati ta’ mibegħda, definiti bħala reati kriminali li jirriżultaw mill-preġudizzju, għandhom jiġi indirizzati permezz ta' leġiżlazzjoni kriminali u politiki mfassla speċifikament;

1.  Jenfasizza li l-intolleranza u d-diskriminazzjoni ta’ kull tip m’għandhom qatt jiġu aċċettati fl-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-ġlieda tagħhom kontra r-reati ta’ mibegħda u l-attitudnijiet u l-imġiba diskriminatorji;

3.  Jappella għal strateġija komprensiva għall-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u d-diskriminazzjoni;

4.  Jenfasizza l-importanza li kulħadd ikun konxju tad-drittijiet tiegħu f'termini ta' protezzjoni kontra r-reati ta' mibegħda, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex iħeġġu r-rappurtar ta' reati ta' mibegħda u ta' kull reat razzist u ksenofobiku, u jiżguraw protezzjoni adegwata għall-persuni li jirrappurtaw reati u għall-vittmi tal-kriminalità razzista u ksenofobika;

5.  Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI, b’mod partikolari fir-rigward tal-espressjonijiet u l-atti ta’ anti-Semitiżmu, intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija u t-transfobija;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri japprovaw mingħajr iżjed dewmien id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza, li tirrappreżenta waħda mill-istrumenti ewlenin tal-UE għall-promozzjoni u l-garanzija tal-ugwaljanza ġenwina fl-UE u l-ġlieda kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni;

7.  Jappella għal miżuri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ reviżjonijiet, monitoraġġ u appoġġ perjodiċi li jippermettu li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiżviluppaw u jimplimentaw politiki, programmi u azzjoni effettivi konformi mad-drittijiet tal-bniedem għall-inklużjoni tar-Rom, bl-użu ta’ fondi disponibbli, inklużi fondi tal-UE, filwaqt li jwettqu monitoraġġ strett tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament ;

8.  Jappella għall-implimentazzjoni tat-talba ripetuta tal-Parlament għal pjan direzzjonali għall-ugwaljanza għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

9.  Jitlob lill-UE tiffirma l-UNCERD, ladarba l-Istati Membri kollha diġà rratifikawha;

10.  Jappella għal miżuri li jiżguraw li l-istrumenti kollha rilevanti tal-liġi kriminali tal-UE, inkluża d-Deċiżjoni Qafas, jinkorporaw spettru usa’ ta’ sanzjonijiet iggradati, inklużi, fejn xieraq, pieni alternattivi bħal servizz komunitarju, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-kelma;

11.  Jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà għall-promozzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u l-instigazzjoni ta’ reati ta’ mibegħda;

12.  Jappella għal appoġġ għall-programmi ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, u għal aġenziji tal-UE xierqa, fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-prattiki diskriminatorji u r-reati ta' mibegħda;

13.  Jitlob li tinġabar data usa’ u affidabbli dwar ir-reati ta’ mibegħda, jiġifieri li jiġu rreġistrati, tal-anqas, in-numru ta’ inċidenti rrappurtati mill-pubbliku u rreġistrati mill-awtoritajiet, l-għadd ta’ kundanni, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom dawn ir-reati nstabu li kienu diskriminatorji u l-pieni imposti, kif ukoll l-istħarriġ tal-vittimizzazzjoni tar-reati fir-rigward tan-natura u l-estent tar-reati mhux irrappurtati, l-esperjenzi tal-vittmi ta’ reat mal-infurzar tal-liġi, ir-raġunijiet li għalihom ma jkunx sar rapport u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fost il-vittmi tar-reati ta’ mibegħda;

14.  Jitlob li jiġu implimentati mekkaniżmi bl-għan li r-reati ta’ mibegħda jsiru viżibbli fl-UE, ikun żgurat li r-reati li jirriżultaw mill-preġudizzju jkunu punibbli, u bħala tali jiġu rreġistrati kif xieraq u investigati b’mod effettiv, li l-awturi tal-ksur ikunu soġġetti għal prosekuzzjoni u kkastigati u li l-vittmi jiġu offruti assistenza, protezzjoni u kumpens adegwati, biex b'hekk il-vittmi tar-reati ta' mibegħda u x-xhieda jiġu inkoraġġiti jirrappurtaw l-inċidenti;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(2) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(3) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(4) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0208.
(6) Pereżempju: “Making hate crime visible in the European Union: acknowledging victims’ rights’, http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra-2012_hate-crime.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza