Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2131(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0040/2013

Testi mressqa :

A7-0040/2013

Dibattiti :

PV 12/03/2013 - 20
CRE 12/03/2013 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 8.5
CRE 14/03/2013 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0092

Testi adottati
PDF 307kWORD 46k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
L-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali
P7_TA(2013)0092A7-0040/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (2012/2131(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 15, 18, 20, 21, 34 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2012 bl-isem “Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE” (COM(2012)0153),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011 bl-isem “L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità” (COM(2011)0743),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2011 bl-isem “Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi” (COM(2011)0455),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bl-isem “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Frar 2012 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi” (SOC/427),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-16 ta’ Frar 2012 dwar “L-Aġenda Ewropea rinnovata għall-Integrazzjoni”,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2012 dwar “Il-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE”(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Eurofound tal-2011 bl-isem “Promoting ethnic entrepreneurship in the European cities”,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-20 ta’ Frar 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu 2007-2009 (COM(2011)0847),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ sinteżi: Is-Sitt Laqgħa tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni: l-involviment tal-pajjiżi tal-oriġini fil-proċess tal-integrazzjoni (Brussell, id-9 u l-10 ta’ Novembru 2011),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar l-integrazzjoni tal-migranti u l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol (il-Parlament Ewropew, 2011),

–  wara li kkunsidra l-istudju: Rapport ta’ Sintesi EMN: is-sodisfar tad-domanda għax-xogħol permezz tal-migrazzjoni (il-Parlament Ewropew, 2011),

–  wara li kkunsidra l-istudju “Gallup World Poll: the many faces of global migration’ (IOM u Gallup, 2011),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet tal-Eurofound “Quality of Life in Ethnically Diverse Neighbourhoods” (2011), “Working conditions of Nationals with a Foreign Background” (2011) u “Employment and Working Conditions of Migrant Workers” (2007),

–  wara li kkunsidra r-riċerka tan-Netwerk Ewropew ta' Bliet għall-Politiki ta' Integrazzjoni Lokali għall-Migranti (CLIP) stabbilita bil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Belt ta' Stuttgart u l-Eurofound,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-4 ta' Mejju 2010 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar l-integrazzjoni bħala mutur tal-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2010 dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti (SOC/364),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Frar 2010 dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti (SOC/362),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma “Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” adottat mill-Kunsill Ewropew (10 u 11 ta' Diċembru 2009),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja,(2)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul,(3)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru(4)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (Direttiva tal-Karta l-Blu),(6)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2007 dwar l-emigrazzjoni ċirkulari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (COM(2007)0248),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar strateġiji u mezzi għall-integrazzjoni ta’ immigranti fl-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Settembru 2005 bl-isem “Aġenda komuni għall-integrazzjoni – Qafas għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea” (COM(2005)0389),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2005 bl-isem “Il-Programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin – Il-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja” (COM(2005)0184),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tad-19 ta’ Novembru 2004 dwar l-istabbiliment ta' prinċipji bażiċi komuni għall-politika ta' integrazzjoni tal-immigranti fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(12),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(13),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom(14),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2012 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (COM(2012)0156), COM(2012)0157, COM(2012)0158 u COM(2012)0152),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawżi C-214/94, C-112/75, C-110/73, C-247/96, C-300/84, C-237/83, C-60/93 u C-485/07,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48, 78, 79 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġusizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0040/2013),

A.  billi l-popolazzjoni Ewropea fl-etajiet tax-xogħol se tonqos mill-2012 'il quddiem u, fl-assenza tal-migrazzjoni, se tinżel b’aktar minn 14-il miljun ruħ fl-10 snin li ġejjin; billi l-figuri rilevanti jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor;

B.  billi fl-2011, 48.9 miljun ruħ residenti fis-27 Stat Membru kienu imwielda barra (9.7 % tat-total tal-popolazzjoni tal-UE), 16.5 miljun ġejjin minn Stat Membru ieħor tal-UE (3.3 %) u 32.4 miljun minn pajjiż barra mill-UE (6.4 %);

C.  billi minkejja rata ta’ qgħad fl-UE ta’ madwar 10 % (jiġifieri 23.8 miljun ruħ qiegħda), din il-kriżi fir-riżorsi umani diġà hija evidenti se tkompli tikber fis-snin li ġejjin: pereżempju fl-2015, bejn 380 000 u 700 000 post tax-xogħol fl-IT li se jibqgħu battala; billi fost il-miżuri previsti sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta' ħaddiema speċjalizzati għandu jkun hemm edukazzjoni aħjar, taħriġ, politiki min-naħa tal-Istati Membri u tan-negozji għall-iżvilupp tal-ħiliet u għall-progress tal-karrieri, l-identifikazzjoni ta' gruppi mmirati ġodda u aċċess aħjar u ugwali għall-edukazzjoni ogħla għaċ-ċittadini tal-UE;

D.  billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri li 70 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-immigranti huma meħtieġa għall-ekonomija Ewropea; billi n-numru ta' ċittadini li twieldu barra u ġejjin minn pajjiżi barra l-UE huwa stmat għal 32 miljun, li jikkorrispondi għal 6.5 % tal-popolazzjoni totali;

E.  billi r-rata ta' qgħad taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'età bejn 20 u 64 sena fil-medja hija 10 % anqas mir-rata korrispondenti għaċ-ċittadini madwar l-UE, u barra minn hekk bosta migranti qed jaħdmu f’impjiegi li jirrikjedu inqas kwalifiki mil-livell li għandhom jew qegħdin f'sitwazzjonijiet prekarji, fenomenu li jista' jiġi miġġieled billi jitwessa' l-ambitu ta' ftehimiet kollettivi dwar ix-xogħol li jistgħu jiġu applikabbli universalment, fejn dawn jeżistu; billi d-domanda għal ħaddiema kwalifikati qiegħda tikber u se tikber b'rata ogħla minn dik għal ħaddiema b'anqas kwalifiki, iżda l-livell edukattiv medju ta' ċittadini minn pajjiżi terzi huwa anqas minn dak taċ-ċittadini tal-UE u ż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni huma f'periklu akbar li jispiċċaw is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jkunu kisbu kwalifika ta' livell ta' edukazzjoni sekondarja ogħla;

F.  billi l-UE, filwaqt li tista’ tistenna li tirċievi fluss sostnut ta’ migranti, jeħtiġilha tikkompeti mal-bqija tad-dinja biex tattira u żżomm it-talent; billi t-tibdil demografiku u l-kompetizzjoni globali dejjem tikber ifissru li l-UE jeħtiġilha tindirizza l-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta' deterrent għal tali migrazzjoni, kif ukoll tippromwovi l-innovazzjoni soċjali;

G.  billi hemm possibilità akbar li soċjetajiet varjati, miftuħa u tolleranti jattiraw ħaddiema kwalifikati li għandhom il-kapital uman u kreattiv meħtieġ sabiex isostnu l-ekomomiji bbażati fuq l-għarfien, u l-għalhekk l-attrazzjoni tal-Ewropa tiddependi wkoll minn approċċ attiv għall-impjiegi, l-għoti ta' aċċess ugwali għall-impjiegi, il-prospett ta' integrazzjoni reali, aċċess ugwali għall-impjiegi u l-edukazzjoni u n-nondiskriminazzjoni fil-konfront tagħhom, kif ukoll ugwaljanza u suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni fil-kuntest ta' ''kultura li tilqgħek'' kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli amministrattivi;

H.  billi l-isterjotipi tal-ġeneru għandhom għeruq aktar fondi fil-komunitajiet tal-immigranti u l-migranti nisa huma vittmi iktar ta’ spiss tat-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa, b’mod partikolari ż-żwiġijiet furzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-hekk imsejħa 'delitti tal-unur', it-trattament ħażin f'relazzjonijiet mill-qrib, il-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll it-traffikar u l-isfruttament sesswali;

I.  billi ċ-ċifri tal-Gallup World Poll 2011 juru li madwar id-dinja l-għadd ta’ migranti potenzjali li jippreferu jaħdmu f'pajjiż barrani għal żmien limitat huwa d-doppju tal-għadd ta’ dawk li jgħidu li jippreferu jemigraw għal dejjem;

J.  billi x-xogħol huwa l-element determinanti għall-integrazzjoni b'suċċess, u l-Prinċipji tal-UE fil-qasam tal-Integrazzjoni jenfasizzaw li impjieg jew impjieg indipendenti ta' kwalità, sostenibbli u bi qligħ huwa parti ewlenija mill-proċess ta' integrazzjoni billi jaqdi rwol ċentrali għall-parteċipazzjoni tal-immigranti, għall-kontribut li l-immigranti jagħtu lis-soċjetà ospitanti u għall-viżibbiltà ta' tali kontributi;

K.  billi huwa stmat li fl-UE hawn jgħixu u jaħdmu f'sitwazzjoni irregolari bejn 1.9 miljun u 3.8 miljun immigrant;

L.  billi, mill-2000 'l hawn, madwar kwart tal-postijiet tax-xogħol ġodda li nħolqu kienu possibbli permezz tal-kontribuzzjoni ta’ migranti; billi l-migranti kulma jmur qed jagħżlu dejjem aktar li jaħdmu għal rashom sabiex isibu mod kif jidħlu fis-suq tax-xogħol, imma b'hekk qegħdin ukoll jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji aktar ta' sikwit; billi l-imprendituri migranti u n-negozji etniċi għandhom rwol importanti fil-ħolqien tax-xogħol u jistgħu jaqdu funzjoni ta' mexxejja tal-komunità jew iservu ta' punti ta' kollegament għas-swieq globali u b'hekk jikkontribwixxu lejn integrazzjoni b'aktar suċċess; billi għaldaqstant, l-Istati Membri jeħtieġ li jqajmu kuxjenza fost dawn il-gruppi u jipprovdulhom aktar informazzjoni, pereżempju billi joħolqu websajt li sservi bħala punt ta' kuntatt waħdieni (one-stop-shop) għal imprendituri aspiranti li tipprovdi informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi, is-sussidji Ewropej u nazzjonali, u dwar l-organizzazzjonijiet u l-korpi li jipprovdu għajnuna fil-qasam tal-impjieg indipendenti;

M.  billi l-istudenti minn sfond ta’ migrazzjoni għadhom żvantaġġati fis-sistema edukattiva u huma aktar fiċ-ċans li joħorġu mis-sistema mingħajr ma jkunu lestew l-istudji tagħhom;

N.  billi l-burokrazija, in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki u n-nuqqas ta' opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet ifissru l-iżbilanċ bejn il-ħiliet u t-telf tal-imħuħ assoċjat huma ogħla fost l-immigranti milli fost iċ-ċittadini tal-pajjiż;

O.  billi l-globalizzazzjoni ekonomika timxi id f’id mal-globalizzazzjoni soċjali u billi dan għandu konsegwenzi sinifikanti għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali esterna għaċ-ċittadini tal-UE u ta’ pajjiżi terzi;

P.  billi l-politiki tal-impjiegi u l-politika tal-viċinat imorru id f'id biex id-domanda tax-xogħol fis-swieq tax-xogħol Ewropej tiġi koperta aħjar;

Q.  billi mhux se jkun possibbli li l-Istati Membri individwali jikkonkludu ftehimiet bilaterali u reċiproċi ma’ kull pajjiż terz dwar is-sigurtà soċjali, li kieku dan isir tirriżulta sistema frammentata bi trattament mhux ugwali bejn ċittadini tal-UE; billi, għaldaqstant, hija neċessarja azzjoni fil-livell Ewropew;

R.  billi r-responsabbiltà fil-livell tal-UE għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol kif ukoll għall-integrazzjoni ġenerali huma kompitu fil-livell tal-UE li jaqsmuh bejniethom diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

S.  billi jista' jkun hemm approċċ frammentat bl-istess mod fil-livell nazzjonali bejn dipartimenti u livelli ta' gvern differenti u aġenziji differenti, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' strateġiji għall-integrazzjoni fil-livell ta’ bażi;

T.  billi l-migranti nisa jintlaqtu aktar ta' sikwit mill-qgħad, impjiegi b'pagi baxxi u l-iżbilanċ bejn il-ħiliet:

U.  billi n-nisa migranti huma aktar spiss impjegati f’oqsma, bħal fis-settur tal-kura informali, li mhumiex rikonoxxuti minn uħud mis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, u billi konsegwentament m’għandhomx aċċess għal skema tal-pensjonijiet meta jirtiraw u għalhekk huma esposti għall-faqar meta jkunu anzjani;

V.  billi proporzjon kbir tal-istudenti minn pajjiżi terzi fl-UE ma jaħdmux fl-UE wara li jtemmu l-istudji tagħhom;

W.  billi dawk minn sfond ta’ migrazzjoni spiss ibatu minn prestazzjoni ta' livell baxx fl-iskola, esklużjoni soċjali, inklużi problemi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol, razziżmu, ksenofobija u diskriminazzjoni, li kollha jikkostitwixxu fatturi li jimpedixxu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

1.  Jenfasizza li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà teħtieġ impenn miż-żewġ naħat; min-naħa, b'mod partikolari, fir-rigward tat-tagħlim tal-lingwa, il-familjarità ma' sistemi legali, politiċi u soċjali u r-rispett fil-konfront tagħhom, id-drawwiet u l-użanzi, u t-tendenzi tal-interazzjoni soċjali fil-pajjiż ospitanti, u min-naħa l-oħra permezz tal-bini ta' soċjetà inklużiva, l-għoti ta' aċċess għas-suq tax-xogħol, l-istituzzjonijiet, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, aċċess għal prodotti u servizzi u akkomodazzjoni, u d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku; jenfasizza, kif xieraq, li l-istituzzjonijiet edukattivi, reliġjużi, soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-komunità u tal-migranti u l-assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali, il-forzi armati, is-sħab soċjali, b'mod partikolari t-trade unions, in-negozji u l-aġenziji ta' reklutaġġ għandhom responsabilità sinifikanti f'dan il-kuntest, filwaqt li jfakkar li kull attur għandu potenzjal differenti fil-proċess ta' integrazzjoni;

2.  Jemmen li l-impenn reċiproku għall-integrazzjoni jista’ jakkwista biss l-aktar appoġġ mifrux possibbli fi ħdan is-soċjetà jekk ikun jista’ jiġi integrat b’suċċess u jekk l-Istati Membri jiddiskutu l-kwistjoni mal-pubbliku b’mod attiv u miftuħ u joffru modi kredibbli kif jiġu sodisfatti l-isfidi ppreżentati minnha fil-preżent;

3.  Jirrimarka li l-integrazzjoni hija proċess kontinwu minn żewġ naħat li jeħtieġ l-involviment kemm ta’ ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u s-soċjetà ospitanti; jilqa’ d-diversi eżempji ta’ prattika tajba madwar l-UE tal-integrazzjoni tal-migranti, tal-persuni li jfittxu asil u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li spiss ġew attwati permezz ta’ proġetti li twettqu minn awtoritajiet lokali, li għandhom rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi ta’ integrazzjoni;

4.  Jinnota li l-integrazzjoni tibda bl-aktar mod effikaċi f'komunitajiet lokali; jitlob għalhekk l-appoġġ tal-UE għall-ħolqien ta’ netwerk għall-integrazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinvolvi l-korpi kollha tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-livell lokali, f’konformità mal-prinċipju ta’ approċċ “minn isfel għal fuq’ u possibilment fuq l-eżempju tal-proġetti CLIP(15), ERLAIM(16), ROUTES, City2City u EUROCITIES; jenfasizza li l-bliet żgħar u kbar għandhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward u jixirqilhom appoġġ partikolari;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu bis-sħiħ kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward ta' ċittadini minn pajjiżi terzi u ċittadini oħra tal-UE, b'mod partikolari d-diskriminazzjoni formali u informali fit-tiftix tax-xogħol u fuq il-post tax-xogħol; huwa tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni soda biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u r-razzismu fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-figuri ogħla ta' qgħad li ġabet magħha; jenfasizza li min iħaddem huwa obbligat bil-liġi li jittratta lill-impjegati kollha ndaqs u li ma jwettaqx diskriminazzjoni bejniethom għal raġunijiet ta' reliġjon, ġeneru, etniċità jew nazzjonalità, biex b'hekk jiġu promossi d-drittijiet fundamentali, filwaqt li n-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs huma parti kruċjali tal-proċess ta' integrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta' rimunerazzjoni u d-drittijiet fil-qafas ta' ftehimiet kollettivi jitħarsu fil-pajjiżi ospitanti fil-każ tal-migranti wkoll; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw konformità effikaċi sabiex jiġi miġġieled id-dumping soċjali u fil-pagi, jadotttaw linji gwida komuni dwar l-indirizzar tad-diskriminazzjoni relatata max-xogħol u miżuri sabiex jittaffa l-impatt negattiv li s-sistema leġiżlattiva jista' jkollha fuq il-ħajja tal-migranti, u biex jingħata appoġġ lil politiki ta' attivazzjoni li jistgħu jwasslu għal tkabbir aktar mgħaġġel u jnaqqsu l-inugwaljanzi u d-differenzi fil-pagi;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar il-politiki tal-migrazzjoni fir-rigward tax-xogħol sabiex jindirizzaw l-iskarsezzi fil-qasam tax-xogħol u bil-ħsieb li jistimolaw il-produzzjoni nazzjonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar, permezz tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u monitoraġġ aktar mill-qrib tal-progress li jkun sar, l-isforzi tal-pajjiżi tat-tkabbir sabiex itejbu l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom, filwaqt li tingħata aktar attenzjoni għas-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfajliet Rom;

8.  Huwa tal-fehma li l-politiki u miżuri tal-integrazzjoni tal-Istati Membri jeħtieġ li jkunu aktar differenzjati, imfassla apposta u ta’ kwalità aħjar u, l-aktar importanti, li jeħtiġilhom jagħmlu distinzjonijiet pereżempju bejn il-ħtiġijiet ta' dawk bi kwalifiki tajbin u dawk bi kwalifiki baxxi, bejn ċittadini tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi u bejn migranti b’offerti ta’ impjieg, b'ħiliet lingwistiċi jew b'rabtiet familjari fil-pajjiż ospitanti u oħrajn mingħajr offerti ta’ impjieg, ħiliet lingwistiċi jew rabtiet familjari fil-pajjiż ospitanti, biex b'hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-migranti kollha; ifakkar li l-parteċipazzjoni tiddependi fuq id-disponibilità u l-aċċessibilità finanzjarja ta' tali miżuri, kif ukoll fuq id-dritt sabiex wieħed ikun akkumpanjat mill-familja l-aktar stretta u d-dritt għax-xogħol għal partners fissi;

9.  Ifakkar li madwar nofs il-migranti tal-UE huma nisa, u li status migratorju indipendenti għan-nisa u d-dritt għax-xogħol għall-konjuġi huma elementi kruċjali sabiex tiġi żgurata integrazzjoni effikaċi;

10.  Jitlob, għalhekk, li fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew jiġi adottat approċċ olistiku li jixbah dak tal-integrazzjoni tal-ġeneru; jitlob li jiġi introdott il-prinċipju tal-“integration mainstreaming”, fejn jittieħed kont tal-kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni fil-miżuri politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji kollha, u għal dan il-għan jistieden lill-Istati Membri sabiex jitolbu lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni sabiex jirrapurtaw il-progress li jsir f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni barra minn hekk, twaqqaf grupp ta' integrazzjoni trasversali bejn dipartimenti differenti li jittratta kwistjonijiet tal-integrazzjoni, il-migrazzjoni (għax-xogħol) u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u li f’dan jinkludi d-direttorati ġenerali kollha rilevanti, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-partijiet interessati rilevanti;

11.  Jilqa’ l-ħolqien ta’ Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni li jipprovdi pjattaforma għas-soċjetà ċivili biex tiddiskuti l-isfidi u l-prijoritajiet fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ integrazzjoni ta’ migranti; jilqa’ l-possibilità ta’ konnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn il-Forum u l-proċess politiku u leġiżlattiv li għaddej fil-livell tal-UE;

12.  Iqis li integrazzjoni b'suċċess tinvolvi wkoll parteċipazzjoni fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u li, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-migranti fis-soċjetà għandha tiġi promossa; jappoġġa, għalhekk, żieda fil-possibilitajiet ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà u ta’ parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi għall-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, kif ukoll jinkoraġġihom japproffitaw minn tali opportunitajiet;

13.  Ifakkar fl-importanza tad-drittijiet tal-vot, partikolarment fil-livell lokali għall-migranti, bħala għodda importanti għall-integrazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanza politika tal-minoritajiet fil-livelli kollha tal-governanza, inkluż fil-livell tal-Istati Membri u fil-Parlament Ewropew;

14.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġi rikonoxxut li identitajiet kulturali qawwija m'għandhomx għalfejn inaqqsu mis-saħħa ta' identità nazzjonali u li l-identità nazzjonali trid tkun miftuħa u flessibbli biżżejjed biex tinkorpora u takkomoda l-karatteristiċi speċifiċi tal-oriġini u l-isfondi kulturali differenti taċ-ċittadini li jiffurmaw stat pluralistiku;

15.  Jissottolinja r-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-oriġini rigward il-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol billi joffru korsijiet tat-tagħlim tal-lingwa u ta’ tħejjija li jkunu aċċessibbli finanzjarjament, jiżguraw il-forniment ta' informazzjoni, jimmonitorjaw aġenziji ta' reklutaġġ sabiex jiżguraw imġiba responsabbli min-naħa tagħhom, u jżommu kuntatti mad-diaspora jew mad-dipartimenti rilevanti fl-ambaxxati tagħhom fil-pajjiżi ospitanti; iħeġġeġ lill-pajjiżi ta' oriġini sabiex kif xieraq jiżviluppaw ulterjorment programmi f'dan ir-rigward;

16.  Jappella sabiex il-programmi lingwistiċi u ta' integrazzjoni fil-pajjiżi ospitanti, irrispettivament mill-isfond kulturali, il-ħiliet jew il-qasam ta' għarfien professjonali espert tal-immigrant, ikunu jkopru l-istorja, il-kultura, il-valuri u l-prinċipji tad-demokrazija Ewropea, l-istat ta' dritt u l-memorja Ewropea, filwaqt li jiġu enfasizzati d-drittijiet u l-prinċipji l-oħra li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru b'għeruq profondi ħafna;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol speċjali li l-migranti nisa jaqdu fl-integrazzjoni, billi mhux biss sempliċement joffru potenzjal kbir għas-suq tax-xogħol u ħafna drabi jaqdu rwol importanti fl-edukazzjoni tat-tfal u fit-trażmissjoni tal-istandards u l-valuri, iżda wkoll għax huma dawk li jintlaqtu l-aktar ta' sikwit mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jikkonsolidaw b'mod sinifikanti l-pożizzjoni ġuridika u soċjali tan-nisa, bil-ħsieb li ssir prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fil-firxa sħiħa ta' oqsma tal-politika u jiġi utilizzat il-kontribut potenzjali tan-nisa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod partikolari;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ edukazzjoni u komunikazzjoni sabiex in-nisa migranti jkunu infurmati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, u biex jistabbilixxu servizzi ta’ konsulenza b’diversi lingwi għan-nisa;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw mill-qrib ma’ netwerks u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati man-nisa migranti, sabiex jiżviluppaw politiki sensittivi għall-ġeneru u jintegraw il-kunċett ta' ugwaljanza bejn il-ġeneru għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa migranti, jipprovdu opportunitajiet ugwali fil-qasam tal-impjiegi u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, filwaqt li jiżguraw drittijiet indaqs, u biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-tipi kollha ta' vjolenza, l-isfruttament fil-qasam tax-xogħol u sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-prattiki inġusti, il-ħtif, l-iskavitù, iż-żwieġ furzat u t-traffikar tan-nisa;

20.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' forza tax-xogħol kwalifikata tista' tiġi indirizzata wkoll permezz ta' edukazzjoni mmirata u taħriġ vokazzjonali u tul il-ħajja fl-Istati Membri, anke fi ħdan in-negozji; jipproponi għal dan il-għan l-espansjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-programm tal-UE għall-edukazzjoni tul il-ħajja u l-mobbiltà; jenfasizza, barra minn hekk, li riżultati ħżiena u rati għolja ta' tluq bikri mill-edukazzjoni li jaffettwaw it-tfal ta' ħaddiema migranti għandhom jiġu indirizzati billi jiġu żgurati d-dritt għall-edukazzjoni ta' persuni taħt l-età, miżuri, inklużi l-finanzjament, għotjiet għal skopijiet ta' studju, opportunitajiet ta' tagħlim vokazzjonali u l-għoti ta' informazzjoni dwar is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri u d-drittijiet u l-obbligi assoċjati f'numru kemm jista' jkun kbir ta' lingwi; ifakkar fis-suċċess tas-sistema edukattiva doppja / sistema ta' taħriġ doppja li tintuża f'uħud mill-Istati Membri sabiex tgħin lil migranti żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ; iqis neċessarju li l-persunal edukattiv jitħarreġ fil-qasam tal-ġestjoni tad-diversità u jiġu kkunsidrati mezzi kif jiġu ingaġġati migranti għal postijiet ta' xogħol fis-settur pubbliku, partikolarment bħala għalliema; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu imprendituri etniċi u jirrikonoxxi r-rwol importanti tagħhom fl-integrazzjoni, il-ħolqien tax-xogħol u t-tmexxija tal-komunità;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-istudenti barranin dwar opportunitajiet ta' xogħol wara li jiggradwaw u biex jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom, filwaqt li jfakkar li dawn ladarba jkunu għexu u studjaw f'pajjiż u jkollhom għarfien tal-lingwa tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati li diġà integraw; jirrimarka, barra minn hekk, li ma jagħmel l-ebda sens ekonomiku għall-UE li r-riżorsi investiti fi gradwati universitarji jinħlew minħabba li dawn ma jkunux jistgħu jsibu xogħol fl-Unjoni; jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri jtejbu l-valutazzjoni tagħhom tad-domanda għax-xogħol u joħolqu opportunitajiet ġusti għall-kompetizzjoni tax-xogħol għall-ħaddiema migranti li jkunu temmew l-istudji tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE;

22.  Ifakkar li l-pajjiżi ġirien tal-UE huma fost l-atturi prinċipali li jipprovdu persuni li jfittxu impjieg fis-swieq tax-xogħol Ewropej u jikkostitwixxu riżors reali għall-iżvilupp ta' dawn tal-aħħar, u li x-xebh rigward il-programmi edukattivi, l-isfond storiku u l-lingwi jirrappreżenta riżors validu għall-integrazzjoni tagħhom;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibilità li tfassal u tintroduċi sistema ta' dħul komuni Ewropea u bbażata fuq kriterji, mibnija fuq kriterji trasparenti u konformi mal-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta' krediti, li tkun miftuħa għall-Istati Membri fuq bażi volontarja; jafferma li għandu jkun possibbli li sistema ta’ dan it-tip tiġi aġġustata għall-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol b’tali mod li ħaddiema li jkunu meħtieġa b’urġenza jiġu attirati b’aktar faċilità;

24.  Jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ndaqs u kundizzjonijiet tax-xogħol indaqs għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol irid japplika għall-ħaddiema kkwalifikati li jkunu ġejjin kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta mas-sistema ta’ punti msemmija hawn fuq, tikkunsidra li tiżviluppa pjattaforma internazzjonali fuq EURES għal profili standardizzati ta’ impjiegi u ħiliet, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta' krediti, biex b'hekk jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ migranti li jkunu qed ifittxu x-xogħol u l-komparabbiltà tal-kapaċitajiet, il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom;

26.  Jissottolinja li l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema ta' dħul ibbażata fuq l-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta' krediti, isiru aktar attraenti għal ċittadini kwalifikati ta’ pajjiżi terzi, li għalihom is-sistema tikkostitwixxi simplifikazzjoni;

27.  Jenfasizza l-importanza ta’ migrazzjoni kwalifikata u orjentata lejn il-ħtiġijiet flimkien ma' miżuri ta' integrazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom, jintroduċu sistema konġunta ta’ koordinament fil-livell Ewropew biex jidentifikaw ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol u jidderieġu l-migrazzjoni għax-xogħol b’aktar effikaċja; jilqa' għaldaqstant il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjattaforma Ewropea għad-djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni għax-xogħol kif ukoll valutazzjoni sistematika u regolari tal-provvista u d-domanda fuq perjodu twil fis-swieq tax-xogħol tal-UE sal-2020, skont is-setturi, it-tip ta' impjiegi, il-livelli ta' kwalifiki u l-Istati Membri; jenfasizza li pjan bħal dan għandu jidentifika wkoll b'mod ċar l-iskarsezzi tal-forza tax-xogħol fl-UE fuq perjodu qasir u medju;

28.  Jirrakkomanda li sistema bħal din għandha tal-anqas tinkludi lista ta’ impjiegi li jinsabu bin-nieqes u analiżi tal-ħtiġijiet abbażi tad-data pprovduta minn min iħaddem;

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-klawżola preferenzjali tal-Komunità u minħabba n-nuqqas kostanti ta’ ħaddiema kwalifikati u minkejja dan, jippromwovu l-mobbiltà fi ħdan l-UE biex b’hekk jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ, ir-reklutaġġ innifsu u l-integrazzjoni ta’ ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod u strumenti sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol permezz tal-mobbiltà fi ħdan l-UE u jinvestu fis-servizzi għar-riintegrazzjoni tal-migranti tal-UE li ma kellhomx suċċess huma u jfittxu x-xogħol u għalhekk irritornaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

30.  Jenfasizza li mhuwiex xieraq li jiġi sfruttat is-suġġett tal-migrazzjoni tax-xogħol għal skopijiet ta' biża' fost il-pubbliku; jinnota li ideat iffurmati minn qabel bbażati fuq preġudizzju u riżentiment jimminaw is-solidarjetà li tifforma l-bażi tas-soċjetà, u li l-isfruttament populista tas-suġġett għalhekk għandu jiġi miċħud bil-qawwa;

31.  Ifakkar fir-rwol importanti tal-midja fit-tiswir tal-opinjoni pubblika dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni, u jitlob li jkun hawn ġurnaliżmu responsabbli biex il-bnedmin jirrispettaw aktar lil xulxin u jifhmu aħjar is-similaritajiet u d-differenzi ta’ xulxin;

32.  Jemmen li l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu asil għandhom jingħataw aċċess aktar faċli għas-suq tax-xogħol mingħajr ma jkollhom diffikultà jiksbu aċċess, u li għandhom ikunu jistgħu jserrħu rashom li l-valutazzjoni, u fejn xieraq, ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tad-diplomi, il-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom miksuba kemm permezz ta' tagħlim formali, mhux formali u informali se jsiru bil-ħeffa u bi ftit flus; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant, tressaq proposti konkreti dwar kif jista' jiġi stabbilit mekkaniżmu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u d-diplomi għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, inkluża evalwazzjoni effikaċi tal-ħiliet f'każ ta' nuqqas ta' dokumenti; ifakkar li għal dan il-għan huwa importanti li tiġi appoġġata t-trasparenza fir-rigward tal-kompetenzi, il-kwalifiki u l-ħiliet fil-pajjiżi sħab;

33.  Jinnota li immigrazzjoni orjentata lejn is-suq tax-xogħol jista' jkollha effetti pożittivi fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li tiżgura forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin u ttejjeb il-vantaġġ kompetittiv bis-saħħa tad-diversità kulturali (għarfien tal-lingwi, esperjenzi barra l-pajjiż, mobbiltà, eċċ);

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-pajjiżi sħab biex jenfasizzaw aktar il-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, bil-għan li jinħolqu impjiegi deċenti għall-adulti, u t-tfal ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni xierqa;

35.  Jappoġġa l-implimentazzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni għat-trade unions u d-dritt għan-negozjar kollettiv bla eċċezzjoni sabiex jiġu infurzati, mtejba u difiżi l-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;

36.  Jistieden lill-migranti jitħejjew kemm jista' jkun malajr għas-suq tax-xogħol intern; jindika, f’dan il-kuntest, il-prattiki tajba fil-qasam tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, pereżempju mentoring għall-migranti, inizjattivi pilota għall-integrazzjoni u 'migranti għall-migranti', korsijiet tal-lingwa fuq bażi vokazzjonali kif ukoll l-għoti ta' għajnuna u inkoraġġiment lit-tfal tal-migranti li għandhom l-età li jmorru l-iskola u ta' appoġġ għal negozji li jkunu għadhom kemm fetħu minn persuni kkwalifikati bi sfond ta' migrazzjoni;

37.  Jenfasizza li t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti jifforma l-pedament għas-suċċess fis-suq tax-xogħol Ewropew li hu orjentat lejn is-servizzi; ikompli jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li jkunu disponibbli biżżejjed opportunitajiet għat-tagħlim tal-lingwi, sabiex l-ostakoli lingwistiċi fid-dinja tax-xogħol ma jibqgħux ikunu ta' xkiel, u jilqa' l-inizjattivi proprji tan-negozji f'dan il-qasam;

38.  Jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri sabiex lill-migranti jagħtuhom informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet u l-isfidi, dwar is-sussidji Ewropej u nazzjonali, u dwar organizzazzjonijiet u korpi li jagħtu l-għajnuna, fil-qasam tal-impjieg indipendenti;

39.  Jipproponi lill-Kummissjoni li tiddikjara l-2016 bħala s-Sena Ewropea għall-Integrazzjoni, filwaqt li jħeġġiġha tiffoka b'mod partikolari fuq “L-integrazzjoni permezz tax-xogħol”; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-Sena għall-Integrazzjoni tkun tinvolvi testi leġiżlattivi konkreti u punti ta' riferiment għall-Istati Membri;

40.  Jipproponi li l-Istati Membri jiskambjaw u jkomplu jiżviluppaw il-prattiki tajba rigward il-promozzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol, eż. coaching, sostenn għal negozji li jkunu qed jibdew, programmi ta’ integrazzjoni, xogħol sussidjat, gruppi fil-mira, pjanijiet ta’ diversifikazzjoni, pariri individwali, tagħlim tal-lingwi u taħriġ tal-ħiliet u kampanji kontra d-diskriminazzjoni;

41.  Huwa tal-fehma li, f’bosta Stati Membri, ma jsirux sforzi suffiċjenti biex il-migranti jiġu integrati u għalhekk għad jeħtieġ li jsiru sforzi mmirati min-naħa tal-awtoritajiet; jemmen li dan għandu jiġi attribwit ukoll lil approċċ żbaljat fejn il-migranti huma prinċipalment deskritti bħala riskju għas-sigurtà, u għall-fatt li hemm perċezzjoni insuffiċjenti tal-opportuntajiet pożittivi; iqis li f’bosta każijiet, għalhekk, il-kwalifiki miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini ma jiġux rikonoxxuti b’mod xieraq;

42.  Jirrikonoxxi l-potenzjal li għandha l-migrazzjoni (għax-xogħol) ċirkulari biex tiġġenera “triple-win situation” li jgawdu minnha l-migrant, il-pajjiżi ospitanti kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini, u jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jiftħu l-bibien tagħhom għal dan it-tip ta’ immigrazzjoni u emigrazzjoni;

43.  Jisħaq fuq l-importanza fil-migrazzjoni ċirkulari, li ssir enfasi fuq l-individwu u fuq il-fatt li jiġu żgurati l-għarfien u l-ħiliet li jkun kiseb ikun jista' jużahom mill-ġdid meta jirritorna;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi rigward il-migrazzjoni ċirkulari u biex jinkluduha fin-negozjati u t-trattati, b’mod partikolari l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, u d-Djalogi assoċjati dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà u s-sħubijiet tal-mobbiltà;

45.  Jaċċetta, bħala qafas alternattiv, jekk waħda mill-partijiet ma tkunx lesta tassumi t-totalità tal-obbligi li jirriżultaw minn Sħubija ta’ Mobbiltà, il-konklużjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi ta’ Aġendi Komuni għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, filwaqt li jenfasizza li din għandha tikkostitwixxi biss fażi tranżitorja;

46.  Jilqa' b'mod partikolari f'dan ir-rigward il-pjanijiet biex jiġu introdotti Ċentri ta' Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (MMRCs) fil-pajjiżi sħab fil-qafas tas-Sħubija għall-Mobbiltà kif ukoll tal-Aġendi Komuni, u jirrakkomanda li l-kunċett ta' tali ċentri jiġi propost ukoll lil pajjiżi terzi;

47.  Jitlob li tittieħed azzjoni li tippromwovi strateġiji intelliġenti dwar il-migrazzjoni ċirkulari li jkollhom ir-riżorsi, il-garanziji legali u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinħolqu impjiegi siguri u jimpedixxu l-immigrazzjoni irregolari;

48.  Josserva li kooperazzjoni ta’ suċċess ta’ dan it-tip teħtieġ impenn fit-tul u li l-UE hija f’pożizzjoni ideali sabiex tieħu tali impenn permezz tal-istrumenti finanzjarji tagħha, pereżempju billi tappoġġa l-programmi ta’ ritorn u integrazzjoni li jkun fihom element ta’ migrazzjoni ċirkulari;

49.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-programmi ta' migrazzjoni ċirkulari jsiru aktar flessibbli u li jiġu kkunsidrati l-Artikolu 8 tal-KEDB u d-Direttivi 2003/109/KE u 2003/86/KE;

50.  Jissottolinja li t-tagħlim tal-lingwa u t-taħriġ tal-ħiliet qabel il-wasla tal-persuna fil-pajjiż ospitanti, kif ukoll it-tħejjija għar-ritorn, huma miżuri siewja f’dan ir-rigward, u jinnota l-possibbiltà li jitwaqqfu uffiċċji ta’ qabel it-tluq sew fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll fil-pajjiż ospitanti;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-politika dwar il-migrazzjoni u tax-xogħol għandhom jimxu id f’id, sabiex issaħħaħ u tagħti prijorità lir-rabtiet bejn id-domanda tas-suq tax-xogħol, il-migrazzjoni ċirkulari, l-iżvilupp u l-politika estera u tal-viċinat; jilqa' l-appoġġ finanzjarju li offriet l-UE sa issa fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni f'pajjiżi terzi, pereżempju Migration EU expertise II (MIEUX II) u jappella sabiex fil-finanzjament ta' proġetti Ewropej jiġu żviluppati l-akbar sinerġiji possibbli bejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil;

52.  Jilqa' l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-formulazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni, bħal pereżempju n-netwerk ta’ Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt dwar l-Integrazzjoni, il-websajt dwar l-integrazzjoni Ewropea, il-Manwal Ewropew dwar l-Integrazzjoni, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-moduli Ewropej għall-integrazzjoni;

53.  Ifakkar fil-Prinċipji Bażiċi Komuni tal-UE dwar l-Integrazzjoni tal-Immigranti (CBPs); jiddispjaċih li l-Istati Membri attwalment mhumiex jużaw il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni fil-potenzjal kollu tiegħu, u jfakkar li l-għan tal-fond huwa li jappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw is-CBPs;

54.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu identifikati, kondiviżi u promossi l-iskambji tal-aħjar prattiki f'dawk l-Istati Membri u pajjiżi mhux membri fl-UE bl-aktar politiki tal-immigrazzjoni li huma ekwi fir-rigward tal-ġeneru;

55.  Jenfasizza l-bżonn li jsir użu ottimali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 bil-ħsieb li ssir enfasi fuq il-mobbiltà libera u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa migranti fis-soċjetà Ewropea;

56.  Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji maħsuba għall-migranti sabiex jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru li għandhom għeruq profondi fil-komunitajiet konċernati, jittejbu l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-migranti nisa fis-soċjetà, fl-ekonomija, fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

57.  Jirrimarka li bosta migranti potenzjali jħabbtu wiċċhom ma’ żmien twil ta’ stennija fil-konsolati tal-Istati Membri ġewwa l-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, u li għaldaqstant huwa diffiċli ħafna li jitqiegħdu f’relazzjoni ta’ impjieg ċirkulari b’mod rapidu, affidabbli u bla intoppi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw aktar l-iżvilupp ta’ servizz konsulari komuni Ewropew fid-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri;

58.  Jinkoraġġixxi t-taħriġ tal-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b’mod partikolari ta’ membri tal-persunal li jaħdmu fid-Delegazzjonijiet tal-UE, fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effikaċi tal-politika tal-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni fl-azzjonijiet esterni tagħha.

59.  Jinkoraġġixxi bis-sħiħ lis-SEAE jwettaq rwol ta’ koordinament aktar attiv fid-dimensjoni esterna tal-proċess tal-politika tal-migrazzjoni;

60.  ifakkar fl-importanza ta' ġestjoni għaqlija tal-fruntieri min-naħa tal-UE, kif ukoll il-possibilità ta' monitoraġġ permezz ta' identifikaturi biometriċi;

61.  Iqis li d-dħul u r-residenza għandhom jiġu regolati minn regoli ċari, ġusti u nondiskriminatorji li għandhom ikunu konformi mal-istandards tal-istat tad-dritt fil-livelli nazzjonali u tal-UE; jenfasizza li l-kriterji tad-dħul għandhom ikunu jinftiehmu faċilment u jkunu validi għal tul ta’ żmien; jinnota li d-dritt tar-residenza fuq perjodu ta’ żmien twil fil-futur qrib huwa prospett ewlieni fir-rigward tal-integrazzjoni; jenfasizza li l-kompetenza lingwistika hija importanti u għandha tiġi mħeġġa u appoġġata iżda m’għandhiex tintuża bħala kriterju ta’ għażla jew ta’ sanzjoni;

62.  Jinnota, b’referenza għad-Direttivi 2008/115/KE u 2009/52/KE, li l-migrazzjoni illegali għal skopijiet ta' xogħol tista’ titnaqqas mhux biss permezz ta’ kontrolli effikaċi iżda wkoll billi l-opportunitajiet għall-immigrazzjoni legali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod aktar effikaċi;

63.  Jiddispjaċih dwar tibdil li sar reċentement fil-leġiżlazzjoni dwar id-“dritt għan-nazzjonalità mat-twelid” f’uħud mill-Istati Membri, li qed iżidu l-każijiet ta’ persuni mingħajr stat fl-UE;

64.  Jenfasizza li kemm l-immigrazzjoni legali kif ukoll dik illegali huwa fenomeni attwali u li jeħtieġ qafas legali komuni dwar il-politiki ta' migrazzjoni sabiex il-migranti u l-vittmi potenzjali jiġu protetti, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, li huma vulnerabbli għal bosta forom ta' kriminalità organizzata fil-kuntest tal-migrazzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza wkoll li l-migrazzjoni illegali tista’ titnaqqas permezz ta’ qafas legali komuni;

65.  Jikkundanna l-fatt li ħafna migranti nisa jiġu ingannati fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom bil-wegħda ta’ kuntratti ta’ xogħol f'pajjiżi żviluppati, u li wħud saħansitra jinħatfu minn mafji u netwerks tat-traffikar tal-bnedmin biex jiġu sfruttati sesswalment; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda din il-prattika abużiva u diżumana;

66.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali li jiggarantixxi d-dritt lin-nisa immigranti li jkollhom il-passaport u l-permess tar-residenza tagħhom stess biex b'hekk ikun possibbli li persuna tinżamm kriminalment responsabbli jekk teħdilhom dawn id-dokumenti;

67.  Jenfasizza li irrispettivament mill-esperjenza edukattiva u professjonali tagħhom, is-setturi prinċipali tax-xogħol tal-migranti nisa huma s-servizzi domestiċi u tal-kura personali; jikkundanna l-fatt li l-maġġoranza kbira jaħdmu mingħajr kuntratt b’pagi baxxi ħafna u mingħajr ebda drittijet soċjali ta' kwalunkwe tip;

68.  Jilqa' l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 dwar il-ħaddiema domestiċi li se tidħol fis-seħħ fl-2013 u jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikawha mingħajr dewmien;

69.  Jilqa’ d-deċiżjonijiet eżistenti tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali li ntlaħqu mal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżrael, il-Montenegro, San Marino, l-Albanija u t-Turkija; jistieden lill-Kumissjoni tieħu azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-koordinament tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, speċjalment il-preservazzjoni tad-drittijiet mat-tluq jew id-dħul mill-ġdid ġewwa l-UE u biex takkumpanja l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni b'miżuri adegwati li jindirizzaw id-drittijiet li l-migranti jkunu kisbu fil-qasam tas-sigurtà soċjali;

70.  Jilqa’ f’dan ir-rigward il-Konvenzjoni Ibero-Amerikana dwar is-Sigurtà Soċjali u jipproponi li Stati Membri oħra jingħataw il-possibbiltà jissieħbu f’din il-Konvenzjoni, flimkien mal-Portugall u Spanja, bħala pjattaforma għall-koordinament Ewropew; jenfasizza li filwaqt li l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi jistgħu jipprevedu protezzjoni aħjar fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jagħmluha aktar diffiċli għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jiċċaqalqu minn pajjiż tal-UE għall-ieħor biex isiru konxji mid-drittijiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali; jilqa' għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-UE għall-iskambju tal-aħjar prattika u tal-informazzjoni dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali, u jipproponi li l-ġbir, l-ipproċessar u d-disponibilità tal-ftehimiet nazzjonali bilaterali eżistenti jsiru b'mod trasparenti mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida għall-Istati Membri li jidħlu fi kwalunkwe ftehim bilaterali, sabiex tkun żgurata applikazzjoni aktar uniformi madwar l-UE, abbażi tar-rispett kemm tal-Konvenzjoni tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali u kemm tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-sigurtà soċjali;

71.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwessgħu l-ambitu prattiku tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE kemm ma' pajjiżi terzi u kemm ma' reġjuni usa' fir-rigward tas-sigurtà soċjali; jappella għalhekk sabiex id-dimensjoni esterna tal-koordinament tas-sigurtà soċjali tal-UE tiġi inkluża bħala punt importanti fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fin-negozjati tagħha ma' pajjiżi terzi;

72.  Jirrimarka li, minkejja li l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 ppermettiet li d-drittijiet previsti bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 jiġu estiżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ attività transkonfinali fi ħdan l-UE, li jfisser li l-parti l-kbira taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma esklużi; jistenna li l-miżuri marbuta mal-aċċess għas-sigurtà soċjali diġà inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, jiġu implimentati għalkollox;

73.  Jilqa' f’dan ir-rigward il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tar-regoli għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi inklużi fid-Direttiva 2009/50/KE (id-Direttiva dwar il-Karta Blu) u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u l-impatt tagħha fuq is-suq tax-xogħol;

74.  Jenfasizza li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE jeħtieġ li jkunu protetti barra mill-UE wkoll, kif ukoll f’każijiet meta jaħdmu jew ikunu ħadmu f’pajjiżi terzi;

75.  Jitlob għalhekk li jiġi adottat approċċ uniformi u reċiproku tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, li jkopri ċ-ċittadini kollha tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li joriġinaw minn ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u li ġew żviluppati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

76.  Jipproponi, f’dan ir-rigward, li jiġi kkunsidrat ukoll l-hekk imsejjaħ “28 reġim” fakultattiv, volontarju u kumplessiv għal immigranti u ċittadini tal-UE fi Stati Membri oħra tal-Unjoni;

77.  Jilqa' l-ħolqien tal-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea u jħeġġeġ sabiex l-użu tagħha jkompli jiġi estiż u ssemplifikat;

78.  Jenfasizza li l-attrazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew jiddependi wkoll fuq jekk il-jeddijiet tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti u jibqgħux validi jekk dak li jkun jerġa’ lura;

79.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku li tippermetti t-trasferiment tal-pensjonijiet għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u l-persuni li jħallu warajhom f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 883/2004; jistieden lill-presidenzi attwali u futuri tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, sabiex iniedu mill-ġdid in-negozjati dwar il-proposta għal direttiva dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni supplementari;

80.  Jenfasizza li l-UE taqdi rwol pijunier fid-dimensjoni esterna tal-koordinament tas-sigurtà soċjali u tinsab f'pożizzjoni li tistabbilixxi standards globali;

81.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu żviluppati sistemi ta' informazzjoni xierqa għall-migranti, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal programmi u servizzi rilevanti, li jippermettu lill-migranti potenzjali jivvalutaw tajjeb l-ispejjeż u l-benefiċċji involuti fil-migrazzjoni u li jgħinuhom jiddeċiedu jemigrawx jew le; jipproponi li mal-wasla tagħhom, l-immigranti għandhom jingħataw minnufih informazzjoni dwar il-pożizzjoni legali tagħhom meta jirritornaw; jitlob sabiex is-sistema MISSOC (is-sistema ta' informazzjoni reċiproka dwar il-protezzjoni soċjali tal-UE) tintuża għal dan il-għan;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni fil-livell Ewropew u dak nazzjonali bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa migranti fil-ħajja demokratika, u biex jorganizzaw u jappoġġjaw pjattaformi ta’ skambju għan-nisa migranti;

83.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) KESE 638/2012 - SOC/449.
(2) ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.
(3) ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.
(4) ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1.
(5) ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
(6) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.
(7) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.
(8) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 48.
(9) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 845.
(10) ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.
(11) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(12) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(13) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(14) ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1.
(15) In-netwerk Ewropew ta' bliet għall-politiki ta' integrazzjoni lokali għall-migranti.
(16) L-Awtoritajiet Ewropej Reġjonali u Lokali għall-integrazzjoni tal-migranti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza