Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (2012/2065(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 9, 151, 153, 156 u 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 6, 31, 35 u 37 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-ILO tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-asbestos,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tas-16 ta' Ġunju 1989 dwar is-Sikurezza fl-Użu tal-Asbestos,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-WHO dwar l-asbestos,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema li ħarġet mill-Konferenza ta' Dresden dwar l-Asbestos (2003),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1978 dwar programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (id-Direttiva Qafas)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f'postijiet ta' kostruzzjoni temporanji jew mobbli(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol(4),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 90/326/KEE tat-22 ta’ Mejju 1990 lill-Istati Membri dwar l-adozzjoni ta’ lista Ewropea ta’ mard relatat max-xogħol(5),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol (COM(2007)0062),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2011 intitolat “L-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol” (SEC(2011)0547),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiki (REACH)), fir-rigward tal-Anness XVII(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(8),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC) dwar il-Kampanja Ewropea dwar l-Asbestos (2006),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO bit-titolu “Preventing Disease Through Healthy Environments: Action is needed on Chemicals of Major Public Health Concern”(9),
– wara li kkunsidra l-Monografija 100C tal-Aġenzija Internazzjonali tar-Riċerka dwar il-Kankru (IARC) bit-titolu “Arsenic, Metals, Fibres, and Dusts: A Review of Human Carcinogens’ (2012)(10),
– wara li kkunsidra l-istqarrija “Global Asbestos Ban and the Elimination of Asbestos-related Diseases’ mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Fuq il-Post tax-Xogħol (ICOH)(11),
– wara li kkunsidra l-“Information Notices on Occupational Diseases - Guide to Diagnosis (2009)” (Noti Informattivi dwar il-Mard relatat max-Xogħol - Gwida għad-Dijanjożi) tal-Kummissjoni(12),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Inkjesta 24/E tal-Eurogip (April 2006) bit-titolu “Asbestos-related Occupational Diseases in Europe: Recognition - Figures - Specific systems’(13),
– wara li kkunsidra r-Rapport 08-E tal-Eurogip (Awwissu 2004) bit-titolu “Costs and funding of occupational diseases in Europe’(14),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0025/2013),
A. billi t-tipi kollha ta' asbestos huma perikolużi u l-impatt perikoluż tiegħu ġie ddokumentat u rregolat; billi l-biċċa l-kbira tal-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-fibri tal-asbestos li jidħlu man-nifs jidhru għexieren ta' snin wara l-esponiment;
B. billi sa mill-1977 grupp ta’ esperti kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li: “M’hemm l-ebda evidenza teoretika li jeżisti limitu minimu ta’ esponiment li taħtu ma jiġix ikkawżat il-kanċer. Livell ta’ esponiment sikur għall-asbestos għadu ma ġiex stabbilit’, billi din l-opinjoni ġiet affermata matul is-snin mill-korpi konsultattivi rilevanti xjentifiċi kollha, billi huwa ġeneralment aċċettat mill-qrati li m’hemm l-ebda limitu minimu ta’ esponiment magħruf għall-asbestos li taħtu ma jkun hemm l-ebda riskju,
C. billi d-Direttiva 1999/77/KE tiddikjara li “ebda livell ta' espożizzjoni għadu ma ġie identifikat li taħtu l-asbestos tal-krisotil ma jimponix riskji karċinoġeniċi” u li “mod effettiv għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa li jiġi projbit l-użu tal-fibri krisotili tal-asbestos u tal-prodotti li jikkontjenuhom”;
D. billi ġiet osservata żieda fir-riskji tal-kankru f'popolazzjonijiet esposti għal livelli ferm baxxi ta' fibri tal-asbestos, inklużi l-fibri krisotili;
E. billi r-rimi tal-iskart tal-asbestos fil-landfill ma jidhirx li huwa l-mod l-aktar sikur biex jitħassar b'mod permanenti r-rilaxx tal-fibri tal-asbestos fl-ambjent (partikolarment fl-arja u fl-ilma ta' taħt l-art) u li għalhekk is-sistemi għad-ditossifikazzjoni tal-asbestos ikunu ferm ippreferuti;
F. billi l-ħolqien ta' landfills tal-iskart tal-asbestos huwa biss soluzzjoni temporanja għall-problema, li, b'dan il-mod, qed titħalla f'idejn il-ġenerazzjonijiet futuri, peress li meta jgħaddi ż-żmien ikun virtwalment impossibbli li jinqerdu l-fibri tal-asbestos;
G. billi, minkejja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-asbestos, xorta waħda għadu jinsab f'ħafna vapuri, ferroviji, makkinarju, bunkers, mini, pajpijiet taħt l-art ta' netwerks tal-ilma kemm pubbliċi kif ukoll privati u speċjalment f'binjiet, inklużi ħafna binjiet pubbliċi u privati;
H. billi minkejja l-projbizzjoni, is-sorveljanza eżistenti tas-suq ma tistax tiżgura li l-asbestos ma jiġix impurtat fis-swieq Ewropej;
I. billi ħafna Stati Membri pprovdew korsjijiet ta' taħriġ għall-ħaddiema involuti fit-twaqqigħ, bini u manutenzjoni tal-binjiet u għal oħrajn li jaħdmu fit-tneħħija ta' materjali li fihom l-asbestos (ACMs);
J. billi ħafna ħaddiema huma esposti għall-asbestos fix-xogħol tagħhom, b’mod partikolari fis-setturi tal-manutenzjoni u tad-dekontaminazzjoni;
K. billi l-għan għandu jkun il-ħolqien tal-impjiegi u l-għoti ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa u l-benesseri tal-individwi u, b’estensjoni, il-progress soċjali bħala riżultat tax-xogħol tagħhom;
L. billi, flimkien mad-dimensjoni umana ta’ saħħa u sigurtà inadegwati fuq il-post tax-xogħol, din il-problema hija wkoll ta’ detriment għall-ekonomija; b’mod aktar speċifiku, il-problemi relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma ostakolu għat-tkabbir u l-kompetittività, filwaqt li fl-istess ħin jikkawżaw żieda sproporzjonata fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali;
M. billi l-ħaddiema aktar żgħażagħ u l-ħaddiema tal-bini ma jagħrfux l-asbestos fil-binjiet meta jkunu qed iwettqu xogħol ta' tiġdid jew ta' twaqqigħ, speċjalment f'ħafna Stati Membri li għandhom projbizzjonijiet fuq l-asbestos li ilhom ħafna fis-seħħ;
N. billi ħafna ACMs diġà tneħħew, ġew issiġillati jew inkapsulati u ħafna kumpaniji u sidien ta' binjiet għandhom dokumenti li jagħtu dettalji preċiżi dwar siti tat-tneħħija tal-asbestos;
O. billi t-tneħħija tal-ACMs mill-bini, speċjalment fi Stati Membri ekonomikament inqas żviluppati u f’żoni rurali, timponi piż finanzjarju fuq is-sidien tal-bini u għalhekk, għandha tkompli tirċievi appoġġ attiv fil-livell nazzjonali u tal-UE;
P. billi l-ACMs għandhom ċiklu ta' ħajja tipiku ta' bejn 30 u 50 sena; billi dan iwassal għal żieda fil-proġetti ta' tiġdid u ta' kostruzzjoni u, għaldaqstant, żieda fl-għadd ta' ħaddiema li jkunu esposti;
Q. billi s-suċċess tar-regolamenti dwar l-asbestos fl-Istati Membri huwa limitat minn nuqqas ta' għarfien dwar l-eżistenza ta' ACMs u r-riskji assoċjati, kif ukoll nuqqas ta’ taħriġ vokazzjonali u kwalifiki tal-ħaddiema tal-bini u tal-manutenzjoni, inklużi ħaddiema tal-kostruzzjoni li jaħdmu b’mod inċidentali bl-asbestos;
R. billi l-komunitajiet lokali m’għandhomx għarfien espert u għandhom nuqqasijiet serji fit-twettiq ta’ kompiti tal-prevenzjoni, tas-sorveljanza u tal-infurzar, li spiss huma wisq frammentati;
S. billi l-ACMs sikwit ikunu moħbija u/jew fejn ikunu jinsabu ma jkunx magħruf, u t-tagħrif dwar dan qiegħed jonqos drastikament maż-żmien;
T. billi awditu obbligatorju dwar l-asbestos f’binjiet, vapuri, ferroviji, makkinarju, bunkers, mini, u pajpijiet taħt l-art ta' netwerks tal-ilma kemm pubbliċi kif ukoll privati u miżbliet jipprovdi bażi soda u infurmata għall-programmi tat-tneħħija tal-asbestos fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;
U. billi l-UE żviluppat politika ambizzjuża għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija hija mistennija li tistabbilixxi strateġija għat-tiġdid tal-binjiet, fuq żmien fit-tul u f'kull Stat Membru, iżda din il-politika mhijiex marbuta ma' strateġija għat-tneħħija tal-asbestos;
V. billi d-dubju dwar jekk l-asbestos huwiex preżenti jew ġiex inkapsulat jew imneħħi minn binjiet speċifiċi jista' jwassal għal kunflitti bejn il-ħaddiema u min iħaddimhom, u billi informazzjoni minn qabel dwar il-preżenza tal-asbestos tagħti lok għal kundizzjonijiet tax-xogħol ferm aktar sikuri, partikolarment waqt xogħol ta' tiġdid;
W. billi, b’konformità mad-Direttiva 92/57/KEE(15), f’sitwazzjonijiet perikolużi għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex il-ħwejjeġ tax-xogħol jinżammu f’post separat mill-ħwejjeġ u l-effetti personali tal-ħaddiema stess
X. billi l-inkapsulazzjoni jew l-issiġillar tal-ACMs għandhom jitħallew isiru biss meta l-materjali jkollhom tikketti adegwati bit-twissijiet;
Y. billi tliet Stati Membri għadhom jippermettu l-fibri tal-asbestos fiċ-ċelloli tal-elettroliżi filwaqt li alternattivi tekniċi jeżistu u ġew implimentati b'suċċess f'pajjiżi oħrajn;
Z. billi għad hemm differenzi kbar u inaċċettabbli bejn l-iskedi tal-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-mard li jiġi mix-xogħol relatat mal-asbestos;
AA. billi wieħed mill-akbar ostakoli għat-trattament tal-vittmi huwa n-nuqqas ta' rrappurtar tal-mard relatat mal-asbestos;
AB. billi l-programmi nazzjonali tas-sorveljanza tas-saħħa għall-ħaddiema esposti għall-asbestos ivarjaw ħafna madwar l-UE, speċjalment fir-rigward tal-kontrolli mediċi wara s-snin tal-impjieg;
AC. billi l-esponiment għall-asbestos huwa theddida għall-pubbliku inġenerali u jikkostitwixxi kawża rikonoxxuta ta' mard(16);
AD. billi, skont l-istimi tad-WHO, l-għadd ta' każijiet ta' mard relatat mal-asbestos fl-UE huwa bejn 20 000 u 30 000 fis-sena u dan l-għadd għadu qed jiżdied;
AE. billi, minħabba l-perjodu twil ta' kemm idum mistur u minħabba n-nuqqas ta' għarfien fost l-istaff mediku, il-vittmi sikwit ma jirċevux l-appoġġ xieraq u f’waqtu mingħand dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa;
AF. billi l-Polonja hija l-uniku Stat Membru li adotta pjan ta' azzjoni għal pajjiż ħieles mill-asbestos;
AG. billi f'ħafna Stati Membri l-ispezzjonijiet qed jonqsu u billi t-tendenza lejn deregulazzjoni akbar tintensifika r-riskji relatati mal-asbestos;
AH. billi ħafna ħaddiema fil-bini u utenti tal-binjiet għadhom mhux protetti minn livelli għoljin ta' esponiment għall-asbestos;
AI. billi anki kieku jkun hemm projbizzjoni, fil-binjiet għad hemm miljuni ta' tunnellati ta' asbestos, u m'hemm l-ebda reġistru li jżomm kont ta' fejn jinsab u kemm asbestos jeħtieġ li jitneħħa;
AJ. billi kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida għandha tqis il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell nazzjonali u Ewropew u għandha tkun preċeduta b’valutazzjoni dettaljata tal-impatt possibbli tagħha kif ukoll b’analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tagħha;
L-iskrinjar u r-reġistrazzjoni tal-asbestos
1. Jistieden lill-UE tiżviluppa, timplimenta u tappoġġja mudell għall-iskrinjar u r-reġistrazzjoni tal-asbestos b'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/148/KE u titlob lis-sidien ta’ binjiet pubbliċi jew kummerċjali biex:
a. jiskrinjaw binjiet għall-preżenza ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos;
b. jippreparaw pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskji li dawn jippreżentaw;
c. jiżguraw li informazzjoni bħal din tkun disponibbli għall-ħaddiema li jistgħu jiddisturbaw materjali bħal dawn;
d. fil-każ ta' Stati Membri li diġà jimplimentaw skemi obbligatorji ta' skrinjar, iżidu l-effiċjenza ta' dawn l-iskemi;
2.
Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa mudelli għall-monitoraġġ tal-asbestos eżistenti fil-binjiet privati u pubbliċi inklużi l-akkomodazzjoni residenzjali u mhux residenzjali, l-art, l-infrastruttura, il-loġistika u s-sistemi ta’ pajpijiet;
3.
Jistieden lill-UE tiżviluppa mudelli għall-monitoraġġ tal-fibri tal-asbestos fl-arja preżenti fil-post tax-xogħol, fiż-żoni mibnija, fil-miżbliet, u l-fibri li jinsabu fl-ilma għax-xorb imwassla permezz ta' pajpijiet tas-siment bl-asbestos;
4.
Iħeġġeġ lill-UE twettaq valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-kost-benefiċċji tal-possibilità li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni għat-tneħħija sikura tal-asbestos mill-bini pubbliku u minn bini li jipprovdu servizzi li jirrikjedu l-aċċess pubbliku sal-2028, u sabiex tipprovdi informazzjoni u linji gwida biex tinkuraġġixxi lis-sidien tad-djar privati sabiex iwettqu awditu u jivvalutaw ir-riskju b’mod effettiv tal-ACMs fi djarhom, billi jiġi segwit l-eżempju tal-Polonja; fil-każ tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' rtirar, il-ministri kompetenti tal-gvernijiet għandhom jikkoordinaw l-azzjoni filwaqt li l-awtoritajiet responsabbli tal-Istat Membru għandhom jikkontrollaw il-konformità tal-pjanijiet ta’ rtirar lokali;
5.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-asbestos f'politiki oħrajn, bħall-politika tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dik dwar l-iskart;
6.
Jipproponi li tiġi kkombinata strateġija għat-tiġdid tal-binjiet biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'mod parallel mat-tneħħija gradwali tal-asbestos kollu;
7.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri pubbliċi tal-asbestos li jservu biex tingħata informazzjoni relevanti dwar ir-riskji tal-asbestos għall-ħaddiema u lil min iħaddem qabel ma jitwettqu xogħlijiet ta’ restawr, u li jikkumplimentaw il-protezzjonijiet eżistenti tas-saħħa u tas-sigurtà meħtieġa skont il-liġi tal-UE;
8.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tiżgura implimentazzjoni effettiva u bla xkiel ta’ leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-asbestos u biex iżżid l-ispezzjonijiet uffiċjali;
9.
Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni għall-min iħaddem u għall-persunal dwar l-asbestos, biex tikkoopera mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi li jipprovdu pariri u informazzjoni kontinwa;
10.
Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, biex tipprovdi l-appoġġ neċessarju biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema kollha tal-UE, minħabba li l-intrapriżi żgħar u medji, li jimpjegaw ħafna mill-ħaddiema Ewropej, huma esposti b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà;
11.
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett u jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/148/KE u jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri jkunu infurmati debitament dwar il-pjanijiet maħsuba dwar xogħol b'ACMs;
12.
Jistieden lis-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu reġistru komplut – li għandu jkun miftuħ għall-pubbliku – tal-ACMs fil-binjiet tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jistabbilixxu reġistri pubbliċi tal-asbestos;
13.
Iħeġġeġ lill-UE tagħmel obbligatorju d-differenzazzjoni bejn asbestos li jitfarrak u dak li ma jitfarrakx;
14.
Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-twaqqif, madwar l-UE kollha, ta' ċentri ta' trattament u ditossifikazzjoni tal-iskart li jkun fih l-asbestos, flimkien mat-tmiem gradwali ta’ kull rimi f’miżbla ta’ dan it-tip ta’ skart;
Il-garanzija ta' kwalifiki u taħriġ
15. Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' ħidma, flimkien mal-Istati Membri, biex tiżviluppa kwalifiki minimi speċifiċi għall-asbestos għall-inġinieri ċivili, arkitetti u impjegati ta’ kumpaniji reġistrati li jneħħu l-asbestos u tipprovdi kwalifiki speċifiċi għall-asbestos għat-taħriġ ta’ ħaddiema oħrajn li aktarx ikunu esposti għall-asbestos bħal impjegati tal-industrija tat-tarzna u l-bdiewa, b’attenzjoni speċjali fuq dawk in-nies li huma responsabbli għat-tneħħija tal-asbestos minn fuq il-post, billi jissaħħaħ it-taħriġ tagħhom, it-tagħmir protettiv tagħhom u l-kontroll tal-attivitajiet tagħhom mill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri;
16. Jistieden lill-UE biex, flimkien mas-sħab soċjali u ma' partijiet interessati oħrajn, tfassal programmi u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-asbestos u l-ħtieġa ta' taħriġ adegwat għall-persunal li aktarx li jkun affettwat mill-ACMs, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/148/KE, u biex ittejjeb l-informazzjoni dwar leġiżlazzjoni eżistenti tal-asbestos u tipprovdi gwidi prattiċi ta’ konformità magħha;
17. Jenfasizza li t-taħriġ għal kull min hu involut (min iħaddem, is-superviżuri u l-ħaddiema) fix-xogħol li jista’ jinvolvi (jew li fil-fatt jinvolvi) l-asbestos, għandu jkopri: il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġistiku tat-tipjip; it-tipi ta’ materjali jew prodotti li jista’ jkun fihom l-asbestos u fejn x’aktarx li jinstabu; kif il-kundizzjoni tal-materjal jew tal-prodotti taffettwa l-faċilità ta’ rilaxx tal-fibri u x’għandu jsir f’każ li wieħed jiltaqa’ ma’ materjali li hemm suspett li fihom l-asbestos;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipproponi direttiva speċifika b'rekwiżiti minimi għat-taħriġ vokazzjonali tal-ħaddiema tal-bini u tal-manutenzjoni, inklużi maniġers u ħaddiema professjonali fil-kostruzzjoni li jaħdmu b'mod inċidentali bl-asbestos, kif ukoll l-impjegati fil-landfills għar-rimi tal-iskart li jkun fih l-asbestos jew f'ċentri speċjalizzati għat-trattament, it-tneħħija sikura, u r-rimi tal-iskart tal-asbestos, kif ukoll biex taħdem mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, u tappoġġjahom, biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2009/148/KE permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa għal taħriġ xieraq u biex tiżviluppa informazzjoni u materjali biex dan jiġi pprovdut; dan it-taħriġ għandu jkun ipprovdut f’intervalli regolari u bla ebda spiża għall-ħaddiema;
19. Jistieden lill-UE, permezz tal-SLIC u l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, tiżgura li l-ispetturi tax-xogħol jirċievu taħriġ dwar l-ACMs, u li l-ispetturi tax-xogħol f’dan il-qasam jirċievu tagħmir ta’ protezzjoni xieraq;
20. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tobba tax-xogħol jitħarrġu sew sabiex ikun żgurat li huma jafu dwar l-asbestos u għalhekk, ikunu kapaċi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-ħaddiema taħt is-superviżjoni tagħhom;
L-iżvilupp ta' programmi ta' tneħħija
21. Iħeġġeġ lill-UE taħdem flimkien mas-sħab soċjali u ma' partijiet oħra interessati fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali biex jiżviluppaw u jikkondividu pjanijiet ta' azzjoni għat-tneħħija u l-ġestjoni tal-asbestos. Dawn il-pjanijiet għandhom jinkludu: proposti għal leġiżlazzjoni; l-edukazzjoni u l-informazzjoni; it-taħriġ għall-impjegati pubbliċi; it-taħriġ nazzjonali u internazzjonali; il-programmi li jiffinanzjaw it-tneħħija tal-asbestos; l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni relatati mat-tneħħija tal-asbestos u ta' prodotti li fihom l-asbestos (inkluż waqt it-tneħħija minn binjiet), installazzjonijiet pubbliċi u siti fejn kien hemm fabbriki tal-asbestos; it-tindif ta' binjiet u l-bini ta' installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-asbestos u tad-debris li fih l-asbestos; il-monitoraġġ tal-effikaċja tar-rekwiżiti legali eżistenti; il-valutazzjonijiet ta’ esponiment tal-persunal fir-riskju; u l-protezzjoni tas-saħħa;
22. Jistieden lill-Istati Membri jimxu ’l quddiem bit-tneħħija gradwali tal-asbestos fl-iqsar żmien possibbli;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċeduri ta’ xogħol sikur, inkluż l-użu korrett ta’ tagħmir protettiv personali, għall-ħaddiema li jistgħu jaħdmu ħdejn materjali li fihom l-asbestos;
24. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka biex tirrevedi l-valur limitu eżistenti għall-fibri tal-asbestos, u l-ħtieġa li jitbaxxa l-valur, kif ukoll il-valur iffissat, għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda;
25. Iħeġġeġ lill-UE tissostitwixxi l-metodu tal-phase-contrast optical microscopy (PCOM) permezz tal-Eżattezza tal-Mikroskopija Elettronika bit-Trażmissjoni (ATEM) li huwa metodu aktar preċiż u jipprovdi għall-iskoperta aħjar ta’ partiċelli rqaq;
26. Jistieden lill-UE tistabbilixxi pjan direzzjonali għal postijiet tax-xogħol li jkunu ħielsa mill-asbestos, ibbażat fuq il-prinċipji stipulati mid-WHO(17);
27. Jistieden lill-UE, permezz tal-SLIC u tal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, tiggarantixxi l-infurzar sħiħ tar-regolamenti tal-UE u nazzjonali dwar l-asbestos;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi strateġija kkoordinata dwar l-asbestos fl-Istrateġija Komunitarja 2014-2020 għas-Saħħa u s-Siġurtà li jmiss u tforni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol b’għodda effettiva biex ittejjeb il-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika fl-Istati Membri u tiffaċilita l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-progress dwar l-iżvilupp ta’ dijaframmi ħielsa mill-krisotilu użati f’installazzjonijiet tal-elettroliżi, skont l-Anness XVII, Parti 6 tar-REACH u biex jiżguraw li s-sostituzzjoni ssir qabel ma jispiċċa l-perjodu ta' eżenzjoni ta’ għaxar snin mogħtija fl-2009;
30. Jistieden lill-UE ssaħħaħ evalwazzjonijiet ex ante ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni għall-asbestos;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet ta’ riċerka u rimedju mmirati biex jevitaw is-sospensjoni mill-ġdid ta’ fibri individwali, u/jew biex jeqirdu l-istruttura kristallina simili għall-fibri tal-asbestos;
32. Jinnota li, fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart tal-asbestos, iridu jittieħdu wkoll miżuri – bil-kunsens tal-popolazzjonijiet ikkonċernati – biex titħeġġeġ u tiġi appoġġata r-riċerka għall-alternattivi ekokompatibbli u t-teknoloġija li tużahom u biex jiġu żgurati proċeduri, bħan-newtralizzazzjoni tal-iskart li fih l-asbestos, biex jiġu deattivati l-fibri tal-asbestos attivi u jinqalbu f'materjali li ma joħolqux riskji għas-saħħa pubblika;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli bżonnjużi sabiex il-partijiet interessati kkonċernati kollha jkunu obbligati, b'mod partikolari dawk involuti fit-trattament tal-iskart tal-asbestos fil-miżbliet, jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tas-saħħa kollha stipulati fid-Direttiva 2009/148/KE, u jiżguraw li l-iskart kollu li fih l-asbestos, irrispettivament mill-kontenut tal-fibri tiegħu, jiġi klassifikat bħala skart perikoluż skont id-Deċiżjoni 2000/532/KE aġġornata; Jenfasizza li tali skart irid jintrema biss f'miżbliet dedikati għall-iskart perikoluż, kif previst fid-Direttiva 1999/31/KE, jew fejn jingħata l-permess, jiġi proċessat f'impjanti dedikati, ittestjati u sikuri għat-trattament u n-newtralizzazzjoni, li dwarhom il-popolazzjoni ikkonċernata għandha tkun infurmata.
Rikonoxximent tal-Mard relatat mal-Asbestos
34. Jirrikonoxxi li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet dwar il-mard relatat max-xogħol ma wasslu għall-ebda standards u proċeduri nazzjonali armonizzati fir-rigward tal-identifikazzjoni, in-notifika, l-għarfien u l-kumpens għall-mard relatat mal-asbestos, u li, għaldaqstant, għad hemm differenzi kbar ħafna bejn is-sistemi nazzjonali;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni temenda r-Rakkomandazzjoni 2003/670/KE sabiex tirrifletti l-progress miksub mir-riċerka medika u tinkludi l-kankru tal-larinġi u l-kankru tal-ovarji bħala relatati mal-asbestos;
36. Jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni minn bosta Stati Membri li jimpedixxi tbassir affidabbli tal-mortalità marbuta mal-mesoteljoma fl-Ewropa meta, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), kull sena jiġu rreġistrati bejn 20 000 u 30 000 każ ta’ mard relatat mal-asbestos fl-UE biss, u li fl-UE aktar minn 300 000 ċittadin huwa mistenni li jmut mill-mesoteljoma sal-2030; f’dan il-kuntest jagħti importanza kbira liċ-ċittadini biex jiġu informati u mħarrġa u jkun hemm skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri għad-dijanjożi tal-mard relatat mal-asbestos;
37. Jenfasizza li t-tipi kollha ta' mard relatati mal-asbestos bħall-kanser tal-pulmun u l-mesoteljoma plewrali – ikkawżati minn fibri tal-asbestos f’sospensjoni li jittieħdu bin-nifs, li tant huma rqaq li jilħqu l-alveoli u li huma twal biżżejjed biex jiżbqu d-daqs tal-makrofaġi, kif ukoll tipi differenti ta' kanser ikkawżati mhux biss mill-fibri fl-arja li jittieħdu bin-nifs iżda wkoll bl-inġestjoni ta’ ilma li jkun fih il-fibri li jkunu ġejjin mill-pajpijiet tal-asbestos – ġew rikonoxxuti bħala periklu tas-saħħa u jistgħu jieħdu ħafna deċennji, u f'ċerti każijiet aktar minn 40 sena, biex isiru evidenti;
38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' asbestosi, mesoteljoma u mard relatat jiġu rreġistrati permezz ta' ġbir sistematiku ta' data dwar il-mard okkupazjonali u mhux okkupazzjonali marbut mal-asbestos, biex jikkategorizzaw u uffiċjalment jirreġistraw il-plakki plewrali bħala mard relatat mal-asbestos, u biex jipprovdu, bl-għajnuna ta' osservatorji dedikati, mappa affidabbli tal-preżenza tal-asbestos; jenfasizza li tali reġistru u mappa fil-livell tal-UE għandhom jinkludu l-post eżatti fejn jinsabu s-siti pubbliċi u privati li fihom l-asbestos, kif ukoll jipprovdu dettalji ċari ta' dawk il-miżbliet li fihom l-iskart tal-asbestos, sabiex jiġi evitat li xi ħadd li ma jkunx jaf bis-sitwazzjoni jiddisturba l-art fejn jinsab midfun tali materjal, u biex jikkontribwixxu għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u rimedju;
39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu azzjoni ta’ riċerka fir-rigward tal-iskala u l-gravità tal-impatti psikoloġiċi klinikament miżurabbli fil-komunitajiet madwar l-UE tal-mard attribwibbli unikament għall-espożizzjoni għall-asbestos(18);
40. Jistieden lill-entitajiet tal-assikurazzjoni u tal-kumpens jadottaw approċċ komuni għar-rikonoxximent u l-kumpens għall-mard relatat max-xogħol marbut mal-asbestos;
41. Jappella biex il-proċeduri ta' rikonoxximent jiġu simplifikati u ffaċilitati;
42. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tressaq proposta sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq ix-xogħol, biex jiġi żgurat li s-saħħa tal-ħaddiema f’riskju li jkunu esposti għal karċinoġeni tkun protetta u salvagwardjata permezz tal-promozzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u d-dijanjożi;
43. Jistieden lill-UE tiżgura li l-mard kollu relatat mal-asbestos, inklużi plakek plewriċi, ikun rikonoxxut bħala mard relatat max-xogħol;
44. Jirrikonoxxi li, minħabba l-perjodi twal ta' kemm idum mistur, il-vittmi tal-asbestos sikwit ma jkunux jistgħu jissostanzjaw il-kawżalità tal-esponiment tagħhom għall-asbestos fuq ix-xogħol;
45. Jistieden lill-Istati Membri ma jitfgħux il-piż tal-provi fuq il-vittmi tal-asbestos iżda jistabilixxu drittijiet usa' għat-talbiet għal kumpens, kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/670/KE(19);
46. Jistieden lill-UE tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' mard relatat max-xogħol marbut mal-asbestos ikunu identifikati, irrappurtati lill-awtorità kompetenti u eżaminati minn esperti;
47. Jitlob li tiġi mfittxija u sanzjonata r-responsabbiltà kriminali tad-delinkwenti, jitlob f’dan ir-rigward li l-ostakoli għall-din l-azzjoni, li possibbilment jinsabu fil-liġijiet kriminali nazzjonali, jiġu identifikati u eliminati;
48. Jistieden lill-Kummissjoni xxerred l-aħjar prattiki fir-rigward ta’ linji gwida u prattiki nazzjonali għall-proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent tal-mard relatat mal-asbestos;
50. Jistieden lill-aġenziji rilevanti tal-UE - bil-għajnuna ta’ esperti mediċi u tekniċi - sabiex jiddelinjaw il-provi xjentifiċi meħtieġa li juru li ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol wasslu għal mard relatat mal-asbestos;
Appoġġ għall-Gruppi tal-Vittmi tal-Asbestos
51. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja konferenzi li jipprovdu lill-gruppi tal-vittmi tal-asbestos pariri professjonali, u li jipprovdu appoġġ għall-membri tagħhom;
53. Jenfasizza li indipendentement mis-sors tal-espożizzjoni jew l-istatus ta' impjieg tal-persuna esposta, il-vittmi kollha tal-asbestos fl-UE u l-qraba tagħhom jistħoqqilhom id-dritt li jirċievu kura medika rapida u xierqa u appoġġ finanzjarju adegwat mill-iskemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom;
54. Jistieden lill-UE taħdem flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex toħloq strumenti li jittimbraw is-suq tal-asbestos bħala suq tossiku;
55. Jitlob, b'mod aktar ġenerali, biex il-kunċett tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiem b’paga jiġi kkunsidrat mil-liġijiet nazzjonali u jikkostitwixxi obbligu li jintlaħaq riżultat għal min iħaddem, b'referenza għad-Direttiva Qafas 89/391/KEE;
56. Jistieden lill-UE tqis bħala prijorità li l-krisotilu jitniżżel fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam;
57. Jistieden lill-UE tindirizza d-dumping inaċċettabbli tal-asbestos fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw waqt fora fejn il-ftehimiet ta' kummerċ ikun qed jiġu diskussi, b’mod partikolari fid-WTO, u sabiex tagħmel pressjoni diplomatika u finanzjarja fuq il-pajjiżi li jesportaw l-asbestos sabiex jagħlqu l-industriji tal-minjieri tal-asbestos u jwaqqfu l-prattika illegali u mhux etika li jesportaw vapuri li jkunu waslu fit-tmiem tal-użu tagħhom u li jkun fihom l-asbestos;
58. Jistieden lill-UE, f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, pajjiżi terzi u korpi internazzjonali oħra, tippromwovi livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar id-dinja kollha, pereżempju billi tidentifika problemi relatati mal-asbestos u tippromwovi soluzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa;
59. Jistieden lill-UE tiżviluppa u tappoġġja l-esportazzjoni ta' teknoloġiji mingħajr l-użu tal-asbestos, u tal-għarfien dwar l-asbestos, lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
60. Jikkundanna l-investiment finanzjarju Ewropew fl-industriji tal-asbestos globali;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li bastimenti li jġorru l-asbestos bħala merkanzija fi tranżitu la jistgħu jittrakkaw u lanqas jużaw il-faċilitajiet tal-port jew il-ħażna temporanja fl-UE;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
“Tiġi żviluppata azzjoni preventiva u protettiva għal sustanzi rikonoxxuti bħala karċinoġeniċi, billi jiġu stabbiliti limiti ta’ esponiment, ir-rekwiżiti dwar kampjuni u l-metodi tal-kejl, u l-kundizzjonijiet sodisfaċenti ta’ iġene fuq il-post tax-xogħol, u billi jiġu speċifikati projbizzjonijiet fejn meħtieġ.”
Id-Direttiva 92/57/KEE: ĦTIĠIET MINIMI TA' SIGURTÀ U SAĦĦA GĦALL-POSTIJIET TA' KOSTRUZZJONI 14.1.2 Jekk iċ-ċirkustanzi jeħtieġu hekk (pereżempju sustanzi perikolużi, umdità, ħmieġ), għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex il-ħwejjeġ tax-xogħol ikunu jistgħu jinżammu f’post separat mill-ħwejjeġ u l-oġġetti personali tal-ħaddiema stess.
Fl-1978, wara perjodu ta’ 18-il xahar ta’ investigazzjoni, kumitat parlamentari kkonkluda li l-asbestos ippreżenta “periklu kemm għall-ħaddiema fl-industrija tal-asbestos kif ukoll għal dawk esposti f’sitwazzjonijiet oħrajn’ (Parlament Ewropew 1978)
WHO - “Global Health Risks: Mortality and burden of disease attributable to selected major risks’ - http://www.who.int/healthinfo/global_burden_disease/GlobalHealthRisks_report_full.pdf and http://www.who.int/ipcs/assessment/public_health/asbestos/en/
Il-mesoteljoma tqiegħed kemm lill-vittmi kif ukoll lill-familji tagħhom f’sitwazzjoni estremament diffiċli biex ilaħħqu magħha, anke mil-lat psikoloġiku. Minn riċerka li twettqet f’Casale Monferrato mill-Università ta’ Turin (Professur A. Granieri) irri¿ulta li dawk li jbatu bil-mesoteljoma u l-familji tagħhom juru sintomi psikoloġiċi varji li jaqgħu fid-definizzjoni xjentifikament aċċettata ta’ disturbi ta’ stress post trawmatiku (PTSD).