Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2012/2137(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina f’Mejju 1975,
– wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għar-relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-KE u ċ-Ċina(1), iffirmat f'Mejju 1985, li jkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ġdid ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li ilhom għaddejjin mill-2007,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina mnedija fl-2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu politiku strutturat bejn l-UE u ċ-Ċina li ġie stabbilit b’mod formali fl-1994 u d-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli dwar kwistjonijiet strateġiċi u ta’ politika barranija li ġie stabbilit fl-2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2006 bit-titolu “UE-Ċina: Imsieħba iktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet’ (COM(2006)0631),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ politika tal-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija li qed timmatura: interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina’ (COM(2003)0533), approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kunsill dwar il-Politika tal-Lvant tal-Asja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni bl-isem “Sħubija Strateġika UE-Ċina’ tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija tal-Kummissjoni għaċ-Ċina 2007-2013, il-Programm Indikattiv Pluriennali 2011-2013, u r-reviżjoni ta’ nofs it-term 2010 tad-Dokument ta’ Strateġija u r-reviżjoni tal-Programm Indikattiv Pluriennali 2011-2013,
– wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta’ politika li qatt ħareġ miċ-Ċina dwar l-UE, maħruġ fit-13 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-aħħar żewġ laqgħat tad-djalogu, it-30 laqgħa li saret f’Pekin fis-16 ta’ Ġunju 2011 u l-31 laqgħa li saret fi Brussell fid-29 ta’ Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-kważi 60 djalogu settorjali li għaddejjin bħalissa bejn iċ-Ċina u l-Unjoni dwar, fost l-oħrajn, l-ambjent, il-politika reġjonali, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u s-soċjetà ċivili,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta’ Djalogu ta’ Livell Għoli Bejn in-nies tal-UE u ċ-Ċina fi Frar 2012, li ser jakkomoda l-inizjattivi konġunti kollha ta’ bejn l-UE u ċ-Ċina f’dan il-qasam,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-KE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika ffirmat f’Diċembru 1998, li daħal fis-seħħ fis-sena 2000(2) u ġġedded fl-2004 u fl-2009, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2009, u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-KE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija tat-8 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-ftehim maċ-Ċina dwar kooperazzjoni fil-programm tal-UE Galileo li jirrigwardja n-navigazzjoni bis-satellita, iffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina, li sar fi Brussell fl-20 ta’ Settembru 2012, u l-Komunikat tal-Istampa Konġunt maħruġ fi tmiemu,
– wara li kkunsidra s-Sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina dwar it-Tibdil fil-Klima li sar qbil dwarha u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Tibdil fil-Klima maħruġa waqt it-Tmien Samit bejn l-UE u ċ-Ċina f’Settembru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u ċ-Ċina dwar is-Sigurtà tal-Enerġija li saret fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 2012, u l-Ħames Laqgħa tad-Djalogu dwar l-Enerġija bejn il-KE u ċ-Ċina f’Novembru 2011,
– wara li kkunsidra d-diskussjonijiet bejn iċ-Ċina u l-UE madwar Mejda Tonda,
– wara li kkunsidra t-18-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista Ċiniż, li sar bejn it-8 u l-14 ta’ Novembru 2012, u l-bidliet fit-tmexxija tal-Kumitat Permanenti tal-Politburo kif ġie deċiż waqt il-Kungress,
– wara li kkunsidra l-aħħar Laqgħa Interparlamentari tiegħu maċ-Ċina, li saret fi Brussell fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012,
– wara li kkunsidra l-aħħar riżoluzzjonijiet tiegħu dwar iċ-Ċina, b’mod partikolari dawk tat-23 ta’ Mejju 2012 dwar l-UE u Ċina: kummerċ żbilanċjat?(3)’, tat-2 ta’ Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICs u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(4), u tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(6) u tal-5 ta’ Frar 2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-21 ta’ Jannar 2010 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b’mod partikolari l-każ ta’ Liu Xiaobo(8), tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f’Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uighur, iċ-Ċina)(9), tas-7 ta’ April 2011 dwar il-każ ta’ Ai Weiwei(10), tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina(11), tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(12), tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(13),
– wara li kkunsidra l-embargo tal-armi tal-UE introdott wara l-inċidenti ta’ trażżin tal-protesti fi Tiananmen f’Ġunju 1989, kif appoġġjat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Frar 2006 dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa ewlenija tat-tagħlim(16), tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b’mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom b’idejhom(17) u tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar it-Tibet: is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem(18),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0434/2012),
A. billi s-sħubija strateġika UE-Ċina hija ta’ importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u billi din ir-relazzjoni hija kruċjali sabiex jinstabu tweġibiet għal tħassib globali, bħas-sigurtà globali u reġjonali, il-kriżi ekonomika, regolamentazzjoni finanzjarja u tas-suq globali, is-sigurtà fl-enerġija, l-armi ta’ qerda massiva u n-nonproliferazzjoni nukleari, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ ekonomija tas-suq, il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-piraterija, kif ukoll il-ħolqien ta’ qafas biex ikun indirizzat it-tħassib bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina;
B. billi sħubija strateġika teħtieġ impenn qawwi għal responsabbiltà reċiproka u livell tajjeb ta’ fiduċja, u għandha tkun ibbażata fuq valuri universali;
C. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina żviluppaw b’mod konsiderevoli mill-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fl-1985; billi l-Kummissjoni adottat l-istrateġija politika ewlenija tagħha dwar iċ-Ċina fl-2006 u billi, f’dan il-kuntest, din bdiet negozjati f’Jannar 2007 dwar ftehim globali ta’ sħubija u kooperazzjoni sabiex ikomplu jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u ċ-Ċina, b’mod partikolari l-kummerċ u l-investiment;
D. billi ċ-Ċina għaddejja minn proċess ta’ tranżizzjoni soċjoekonomika minn mudell estensiv ibbażat fuq ekonomija kkontrollata mill-Istat għal mudell ibbażat iktar fuq libertajiet ekonomiċi, li, imbagħad, ippermetta lil parti kbira tal-popolazzjoni Ċiniża biex tgħolli l-istandard tal-ħajja tagħha;
E. billi, madankollu, ma sarx progress simili fil-qasam tal-libertajiet politiċi;
F. billi d-drittijiet tal-bniedem huma kumplementari, universali, inaljenabbli, indiviżibbli u interdipendenti; billi ċ-Ċina turi l-preokkupazzjoni tagħha dwar id-drittijiet soċjali u ekonomiċi tal-bniedem (pereżempju l-ikel, il-ħwejjeġ, l-iżvilupp ekonomiku), filwaqt li l-UE għandha approċċ usa’ għad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludi u jagħmel enfasi partikolari fuq id-drittijiet ċivili u politiċi (pereżempju l-libertà tal-kelma, tar-reliġjon u tal-assoċjazzjoni);
G. billi attivisti Ċiniżi tad-drittijiet ċivili rrappurtaw dwar il-privazzjoni tal-libertà tagħhom meta għebu taħt il-kontroll tal-pulizija għal bosta xhur, mingħajr ebda mandat ta’ arrest, akkuża, kuntatt mal-familji tagħhom jew għajnuna legali;
H. billi fl-2007, il-President Hu Jintao diġà ta istruzzjonijiet lill-ogħla livell tal-ġudikatura li l-imħallfin għandhom ikunu ggwidati minn tliet “supremaziji’ – il-partit, il-poplu u l-liġi, f’dan l-ordni – u billi l-Ministeru tal-Ġustizzja Ċiniż iddekreta f’Marzu 2012 li l-avukati kollha għandhom jieħdu ġurament ta’ lealtà lejn il-Partit Komunist Ċiniż (PKĊ) sabiex jiksbu jew iġeddu l-liċenzja tagħhom;
I. billi l-aħbar xokkanti ta’ nofs Ġunju 2012 dwar l-abort sfurzat mill-iktar krudili tat-tifla li kienet għadha fil-ġuf ta’ Feng Jianmei, li kellha seba’ xhur tqala, xprunat id-dibattitu dwar l-abolizzjoni tal-politika uffiċjali ta’ wild wieħed;
J. billi minkejja l-progress tal-Gvern Ċiniż fil-promozzjoni ta’ ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda, il-libertà tal-istampa u d-dritt għas-sħubija fi trejdjunjins qed jiġu repressi b’mod persistenti; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qed ikomplu jirrappurtaw abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Ċiniżi, inkluż l-għoti ta’ sentenzi lil dissidenti ta’ profil għoli bħar-rebbieħ tal-Premju tal-Paċi Liu Xiaobo li jinsab fil-ħabs, restrizzjonijiet estiżi fuq il-libertà tal-midja u l-internet, sorveljanza stretta u fastidju lill-avukati, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kontroll imwessa’ u oppressjoni fuq l-Uighurs, it-Tibetani u l-libertajiet tagħhom, numru dejjem jikber ta’ każijiet ta’ għajbien sfurzat u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż f’faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti u illegali magħrufa bħala “l-ħabsijiet is-suwed”; billi l-politiki repressivi kontra l-libertajiet fundamentali tat-Tibetani qanqlu numru inkwetanti ta’ persuni li jaħarqu lilhom infushom b’idejhom f’dawn l-aħħar snin;
K. billi ċ-Ċina hija Stat firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u hija membru permanenti tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; billi dan l-istatus jinvolvi dmir speċjali għaċ-Ċina li tirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tagħha skont l-ICCPR u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
L. billi Hu Jia, rebbieħ tal-Premju Sakharov 2008, għadu taħt arrest domiċiljari taħt sorveljanza kbira u b’komunikazzjoni ristretta;
M. billi l-Istat Ċiniż jirrikonoxxi biss ħames reliġjonijiet, jiġifieri l-Buddiżmu, id-Daoiżmu, l-Iżlam u l-Kristjaneżmu (kemm il-Kattoliċiżmu kif ukoll il-Protestantiżmu); billi dawn ir-reliġjonijiet kollha għandhom korpi ta’ tmexxija ċentralizzati bi kwartieri ġenerali f’Pekin u l-membri tal-persunal tagħhom huma uffiċjali leali lejn il-PKĊ; billi l-PKĊ; jaħtar il-mexxejja reliġjużi ewlenin u pprojbixxa gruppi reliġjużi mhux approvati bħal Falun Gong sa mill-1999 bil-għan li tinqered din il-prattika; billi b’konsegwenza ta’ din il-projbizzjoni, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw miżuri koersivi ekstralegali, bħal arresti arbitrarji, xogħol sfurzat, u tortura fiżika, li xi drabi jirriżultaw f’mewt;
N. billi r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, żoni Tibetani awtonomi oħra u r-Reġjun Awtonomu tax-Xinjiang Uyghur saru territorji dejjem iktar importanti għall-kunsiderazzjonijiet strateġiċi, reġjonali, militari u ekonomiċi taċ-Ċina u għalhekk huma meqjusa bħala kwistjonijiet ewlenin għall-integrità territorjali mill-Gvern Ċiniż; billi mill-2009, 90 Tibetan ħarqu lilhom infushom b’idejhom fiż-żoni popolati mit-Tibetani tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), inkluż fir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet u ż-żoni awtonomi tat-Tibet fil-provinċji ta’ Gansu, Sichuan u Qinghai;
O. billi, għalkemm il-ftuħ tal-ekonomija Ċiniża wassal għal benefiċċji kbar bħal aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u tnaqqis fil-qgħad rurali, mhux is-setturi kollha tal-popolazzjoni Ċiniża ibbenefikaw bl-istess mod mit-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u qed joħorġu differenzi kbar bejn il-partijiet urbani u rurali tal-pajjiż;
P. billi l-inugwaljanzi bejn il-popolazzjonijiet urbani u rurali f’termini ta’ dħul u aċċess għall-impjieg, il-benesseri soċjali, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni jikkostitwixxu sfida sinifikanti għall-politika ta’ koeżjoni għaċ-Ċina;
Q. billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija hija kwistjoni ta’ interess komuni; billi l-użu tal-internet infirex fiċ-Ċina, b’iktar minn 500 miljun utent li jiffurmaw korp onlajn ta’ opinjoni pubblika; billi, madankollu, l-ambjent tal-internet tal-pajjiż għadu restrittiv ħafna;
R. billi l-UE hija l-iżjed destinazzjoni turistika popolari fid-dinja, billi 100 miljun Ċiniż huma mistennija jivvjaġġaw madwar id-dinja minn issa sal-2020 u billi, għalhekk, jeħtieġ li jiġu appoġġjati l-inizjattivi biex jattiraw dawn il-flussi ġodda ta’ turisti;
S. billi ċ-Ċina hija l-akbar emittent tad-diossidu tal-karbonju fid-dinja u billi l-livelli tal-emissjonijiet għadhom jiżdiedu b’mod mgħaġġel; billi l-emissjonijiet ta’ CO2 per capita fiċ-Ċina laħqu 6,8 tunnellata fl-2010 u huma mistennija jaqbżu l-emissjonijiet per capita tal-Istati Uniti sal-2017;
T. billi ċ-Ċina żiedet l-isforzi tagħha fir-rigward ta’ sistemi bbażati fuq is-suq għan-negozjar ta’ emissjonijiet; billi ċ-Ċina qed twettaq seba’ proġetti pilota f’dan il-qasam bil-għan li tistabbilixxi skema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet fl-2015;
U. billi s-seklu 21 qed jara r-ritorn taċ-Ċina fix-xena dinjija bħala potenza ekonomika u kummerċjali, minħabba s-saħħa ekonomika u l-bini militari opak tagħha li qed jikbru bil-ħeffa;
V. billi l-UE tappoġġja l-politika ta' Ċina waħda fil-kuntest tar-Relazzjonijiet min-naħa għall-oħra tal-Fliegi bejn ir-RPĊ u t-Tajwan;
W. billi r-rwol pożittiv tar-RPĊ fix-Xlokk tal-Asja f’termini ta’ reġjonalizzazzjoni u dinamika ekonomiċi qiegħed jingħata dejjem inqas importanza minħabba tilwim territorjali fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina mal-Vjetnam, il-Malasja, l-Indoneżja, il-Brunej, il-Filippini u t-Tajwan, u fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina mal-Ġappun u t-Tajwan – dawn huma kollha żoni għonja fil-ħut, kif ukoll fir-riservi taż-żejt u l-gass;
X. billi ċ-Ċina żżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Korea ta’ Fuq, li ekonomikament tiddependi ħafna miċ-Ċina, bi dħul ta’ flus u turisti Ċiniżi li huma vitali għas-sopravivenza tar-reġim ta’ Pyongyang fl-istat attwali tiegħu;
Y. billi ċ-Ċina qed tikkoopera mar-Russja, ma’ erba’ pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan u l-Uzbekistan) u erba’ pajjiżi osservaturi (l-Indja, l-Iran, il-Mongolja u l-Pakistan) fl-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO); billi l-investimenti Ċiniżi fl-Asja Ċentrali se jiżdiedu minn USD 20 biljun għal USD 100 biljun dollaru fid-deċennju li jmiss, kif ġie mħabbar fil-Laqgħa Għolja tal-SCO f’Pekin, fis-6 ta’ Ġunju 2012;
Z. billi l-approfondiment tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn Pekin u Washington, flimkien ma’ rabtiet finanzjarji u ekonomiċi b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi, jikkostitwixxi waħda mir-rabtiet bilaterali dinjin l-iktar sinifikanti; billi l-Ewropa hija l-ewwel sieħeb kummerċjali taċ-Ċina;
AA. billi mkien fid-dinja t-tkabbir enormi taċ-Ċina ma huwa iktar viżibbli milli fl-Afrika u fl-Amerika Latina; billi dan jidher b’mod partikolari fiż-żieda impressjonanti tal-volum tal-kummerċ reċiproku fl-Afrika, li żdied bi 80 % bejn l-2009 u l-2011 għal USD 166,3 biljun, skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż; billi l-investiment dirett barrani Ċiniż fl-Afrika żdied bi 58,9 % fl-2011 għal USD 1,7 biljun; billi l-interessi taċ-Ċina fl-Afrika huma evidenti permezz tal-proġetti ta’ żvilupp ewlenin bħall-proġetti ta’ ferroviji, ta’ toroq u ta’ assistenza soċjali;
Kooperazzjoni u Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina
1. Jappoġġja l-impenn pubbliku magħmul mill-UE u ċ-Ċina matul id-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli tagħhom tad-9 u l-10 ta’ Lulju 2012 f’Pekin li jagħtu eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni internazzjonali fis-seklu 21 permezz tas-Sħubija Strateġika tagħhom ibbażata fuq interessi komuni u fehim reċiproku; jappoġġja u jinkoraġġixxi l-kważi 60 djalogu settorjali bejn l-UE u ċ-Ċina bil-konvinzjoni li sħubija msaħħa u mill-iktar żviluppata tkun ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina; jixtieq, madankollu, li jissaħħu dawn id-djalogi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, is-sigurtà, l-enerġija u, b’mod iktar partikolari, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, fir-rigward tal-konsegwenzi tagħha fuq is-saħħa u s-sigurtà pubblika; jinkoraġġixxi l-isforzi biex b’mod attiv jiġu mfittxija sinerġiji bejn it-12-il Pjan ta’ Ħames Snin taċ-Ċina u l-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni pragmatika f’oqsma varji; jemmen, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ sħubija strateġika għandu jiġi definit aħjar; iħeġġeġ sabiex it-tkabbir fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina jkun akkumpanjat minn progressi konsiderevoli fid-djalogu politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
2. Jistenna li l-Istati Membri jagħtu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u speċjalment lid-Delegazzjoni tagħha f’Pekin mandat ċar biex tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina billi jitkellmu b’vuċi waħda mal-gvern Ċiniż, u ma jimplimentawx inizjattivi ta’ politika barranija bilaterali li jistgħu jipperikolaw l-isforzi li qed isiru mis-SEAE; jitlob lill-UE biex timplimenta strateġija fit-tul fir-rigward taċ-Ċina, li tiżgura l-koordinament operattiv kemm bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jistenna mill-awtoritajiet Ċiniżi fil-livelli politiċi kollha li jsaħħu s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina permezz tal-applikazzjoni konsistenti u trasparenti tal-ftehimiet u r-regoli reċiproċi u internazzjonali;
3. Jilqa’ l-ftehim milħuq waqt il-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussell fl-20 ta' Settembru 2012; iħeġġeġ l-operazzjonalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom ta’ malajr, li se jsaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u ċ-Ċina;
4. Jilqa’ wkoll l-impenji li ttieħdu fil-15-il Samit bejn iċ-Ċina u l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar ta’ ftehim dwar l-investiment u l-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet tad-difiża u s-sigurtà;
5. Iqis li r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, kemm fil-livelli ekonomiċi u kummerċjali kif ukoll f’dawk kulturali u soċjali, jistgħu jkunu fatturi ewlenin għall-iżvilupp u t-titjib taż-żewġ soċjetajiet u għalhekk jara din il-kooperazzjoni bħala waħda vitali għall-interessi taż-żewġ naħat;
6. Jilqa’ t-tnedija tad-djalogu interpersonali ta’ livell għoli bejn l-UE u ċ-Ċina u s-suċċess tal-ewwel fażi tiegħu ; jesprimi sodisfazzjon bil-progress u l-kisbiet tas-Sena ta’ Djalogu Interkulturali bejn l-UE u ċ-Ċina u jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq fil-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina dwar sensiela ta’ azzjonijiet ta’ segwitu f’diversi oqsma relatati mal-edukazzjoni, il-kultura, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ;
7. Jistieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-awtoritajiet Ċiniżi kompetenti biex, b’kooperazzjoni mal-Parlament, jiffaċilitaw il-flussi turistiċi miċ-Ċina lejn l-UE, billi jiġu armonizzati u aċċellerati l-proċeduri biex jinħarġu l-viżi għaċ-ċittadini Ċiniżi partikolarment fil-kuntest tat-turiżmu tan-negozju u tal-konferenzi;
8. Jilqa’ s-sejħa li saret miż-żewġ naħat fil-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina għat-tnedija ta’ djalogu komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-mobbiltà u l-migrazzjoni fil-livell xieraq u l-impenn reċiproku tagħhom biex ikomplu jesploraw modi dwar kif jistgħu jiffaċilitaw l-iskambji għaċ-ċittadini Ċiniżi u tal-UE, inkluża l-eżenzjoni reċiproka tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi;
9. Jenfasizza li ċ-Ċina mhix biss it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja u l-akbar esportatur fl-ekonomija globali, iżda wkoll potenza politika dejjem iktar importanti;
Is-sitwazzjoni interna
10. Jenfasizza li ċ-Ċina, fl-aħħar deċennji, kisbet progress soċjali sinifikanti; jenfasizza li dan it-titjib fil-kwalità tal-ħajja għal pajjiż enormi fuq perjodu daqshekk qasir huwa uniku fl-istorja; jinnota li sa mill-1990 it-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina neħħa iktar minn nofs biljun ruħ mill-faqar;
11. Jieħu nota dwar it-12-il Pjan ta’ Ħames Snin (2011-2015), approvat mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu f’Marzu 2012, li hu mistenni jindirizza l-effetti sekondarji negattivi ta’ perjodu mingħajr preċedent ta’ tkabbir ekonomiku għoli sostnut, bħal theddid ambjentali serju, żbilanċi reġjonali, inugwaljanza li qed tikber fil-pagi u protesti kollettivi kontinwi dwar ilmenti ta’ natura soċjali, ekonomika u legali;
12. Jinnota l-importanza li jiġu identifikati raġunijiet komuni bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u t-12-il Pjan ta’ Ħames Snin taċ-Ċina;
13. Jilqa’ l-politika ekonomika ta’ suċċess taċ-Ċina, iżda jaqsam il-kritika ta’ akkademiċi u osservaturi Ċiniżi li ż-żamma ta’ din ix-xejra hija mhedda serjament minn skandli ta’ korruzzjoni, nuqqas ta’ trasparenza u “aristokrazija ħamra’ ta’ membri tal-familja qrib mexxejja tal-passat u tal-preżent tal-partit li jippossjedu kapital kbir minħabba l-konnessjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, sitwazzjoni gravi li dan l-aħħar inkixfet mill-kwistjoni ta’ Bo Xilai;
14. Jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni rapida tal-appelli ripetuti għad-demokratizzazzjoni u r-riformi politiċi fi ħdan il-PKĊ mit-tmexxija l-ġdida tal-partit; jemmen li riformi politiċi effikaċi biss immirati lejn l-iffurmar ta’ istituzzjonijiet inklużivi, demokratiċi u responsabbli li jirriflettu d-diversità etnika, reliġjuża, politika u soċjali taċ-Ċina ser iwittu t-triq lejn l-iżvilupp ta’ tkabbir u stabbiltà sostenibbli u t-trażżin tas-semiindipendenza ta’ kapijiet b’saħħithom provinċjali, distrettwali u lokali tal-partit, li jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni tat-tmexxija nazzjonali taċ-Ċina kemm internament kif ukoll esternament bl-abbużi tagħhom tal-poter, b’referenza partikolari għall-każijiet għaljin ħafna u endemiċi ta’ korruzzjoni; iqis li dawn il-każijiet għandhom jiġu indirizzati permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ responsabbiltà, kif ġie rikonoxxut mill-President Hu Jintao waqt it-18-il Kungress tal-PKĊ f’Novembru 2012;
15. Jaqbel u jappoġġa r-rifjut qawwi minn avukati Ċiniżi ta’ ġurament obbligatorju ta’ lealtà lejn il-PKĊ għar-raġuni li huwa attakk fuq is-sistema legali li b’mod sfaċċat ma jqisx l-istandards legali internazzjonali, għaliex avukat għandu jkun leali lejn il-kostituzzjoni u mhux lejn partit jew organizzazzjoni politika;
16. Jenfasizza li, għalkemm l-aborti sfurzati huma strettament illegali fiċ-Ċina, uffiċjali għall-ippjanar tal-familja jġiegħlu lin-nisa jwettqu prattiki inumani bħal aborti jew sterilizzazzjoni sfurzati b’mod ripetut; jikkundanna l-hekk imsejħa “taxxa ta’ manteniment soċjali’, li hija multa ta’ sikwit eżorbitanti li l-ġenituri jkollhom iħallsu f’każ li jkollhom iktar minn wild wieħed, bħal fil-każ tat-traġedja ta’ Feng Jianmei; jirrimarka li fl-2011 l-istatistika uffiċjali wriet li kien hemm 8 400 ilment minn vittmi dwar l-imġiba ħażina tal-awtoritajiet tal-ippjanar tal-familja; jappoġġja bis-sħiħ il-vuċijiet Ċiniżi li jappellaw għat-tmiem tal-politika ta’ wild wieħed, bil-ħafna lakuni tagħha, partikolarment fid-dawl tax-xejriet demografiċi fiċ-Ċina, filwaqt li jenfasizza l-konsegwenzi severi soċjali u psikoloġiċi negattivi tagħha bħal differenzi soċjali, sitwazzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi li sejra għall-agħar, sentiment negattiv mifrux dwar it-twelid ta’ tifla u l-iżbilanċ bejn trabi subien u bniet li għadu qed jikber u li qed joħloq ”imperaturi żgħar“, ifixkel l-istruttura tal-familja tradizzjonali u, barra minn hekk, inaqqas id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jistieden lit-tmexxija Ċiniża tikkunsidra bħala prijorità ewlenija t-tisjib ta’ soluzzjoni għal din il-problema;
17. Jikkunsidra b’mod serju l-protesti qawwija mill-ħaddiema tal-impjant Foxconn u jitlob li jiġu rispettati d-drittijet tal-ħaddiema; jappoġġja t-tfittxija ta’ paga u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;
18. Jilqa' l-isforzi taċ-Ċina biex tistabbilixxi sistema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet sal-2015, li tista’ fil-futur tiġi integrata ma’ sistemi oħra tan-negozjar tal-karbonju, b’mod partikolari mal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet; jinnota, madankollu, li ċ-Ċina għad m'għandhiex ekonomija tas-suq matura li taħdem kompletament, li hija prerekwiżit ċar għal sistema ta’ negozjar tal-emissjonijiet li taħdem sew;
19. Iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż iżid il-kejl tas-sustanzi li jniġġsu u l-emissjonijiet sabiex jegħleb in-nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-emissjonijiet tal-karbonju, biex iwaqqaf infrastruttura legali aħjar u biex iżid il-bini tal-kapaċità fil-livell amministrattiv; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftehim ta’ finanzjament tal-20 ta' Settembru 2012 bejn l-UE u ċ-Ċina, li jippromwovi l-ambjent, tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fiċ-Ċina;
20. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kap Eżekuttiv ta’ Ħong Kong li ma jimponix l-implimentazzjoni ta’ kurrikulu ta’ “edukazzjoni nazzjonali’ kontroversjali wara li saru dimostrazzjonijiet tal-massa u oppożizzjoni mifruxa; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Pekin biex jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ ”pajjiż wieħed - żewġ sistemi’ f’konformità mal-ftehim iffirmat qabel l-għoti ta’ dik li kienet il-kolonja Ingliża lir-RPĊ; jilqa’ l-parteċipazzjoni għolja fl-elezzjonijiet reċenti tal-Kunsill Leġiżlattiv u jistenna li, mill-iktar fis possibbli, jiġi introdott vot universali għall-elezzjoni tal-membri kollha ta’ din l-assemblea;
Drittijiet tal-bniedem u demokrazija
21. Jammira u jappoġġja l-kuraġġ u l-attiviżmu ta’ dawk iċ-ċittadini Ċiniżi li jaġixxu b’modi soċjalment responsabbli biex jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem li huma universalment rikonoxxuti, u biex jopponu u jikkoreġu perikli soċjali u/jew atti kriminali, bħall-korruzzjoni, l-abbuż mill-kariga, il-ħsara ambjentali, l-infezzjoni bl-AIDS, l-ivvelenar tal-ikel, il-frodi fil-kostruzzjoni relatata mal-iskejjel, u l-esproprjazzjoni illegali tal-art u l-proprjetà, li ta’ spiss jitwettqu mill-awtoritajiet tal-partiti lokali; jikkundanna l-każijiet kollha ta’ ritaljazzjoni uffiċjali kontra dawn iċ-ċittadini Ċiniżi; iħeġġeġ lit-tmexxija Ċiniża tinkoraġġixxi r-responsabbiltà ċivili f’termini ta’ ħarsien tad-drittijiet soċjali tal-bniedem u biex tirriabilita d-difensuri ta’ dawn id-drittijiet ippersegwitati u kkastigati b’mod uffiċjali; ifakkar lit-tmexxija Ċiniża biex tikkonforma strettament mal-liġi nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem;
22. Jappoġġja b’mod qawwi l-kummenti kritiċi ta’ avukati u ġuristi Ċiniżi li d-detenzjoni umiljanti tal-persuni ssuspettati għal iktar minn 15-il ġurnata tmur kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li ċ-Ċina ffirmat f’Ottubru 1998; jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ rieda tal-gvern Ciniż li jirratifika l-ICCPR, sitwazzjoni li għadha pendenti; jiddeplora l-fatt li skont il-Liġi l-ġdida dwar il-Proċeduri Kriminali tal-2013, il-pulizija u l-awtoritajiet tas-sigurtà tal-Istat jistgħu anki jżommu persuna ssuspettata f’detenzjoni għal iktar minn 14-il xahar mingħajr ebda assistenza minn avukat; jappoġġja bis-sħiħ il-kritika tal-ġuristi Ċiniżi li l-pulizija żżomm l-għażla mhux biss li żżomm il-persuni ssuspettati taħt arrest domiċiljari, iżda wkoll li żżommhom taħt “arrest f'post determinat’; jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-ġuristi Ċiniżi bil-ħsieb ta’ riforma ġenwina tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali tar-RPĊ;
23. Jistieden liċ-Ċina tikkonforma ma’ standards soċjali minimi; jenfasizza l-importanza tal-konformità mar-regoli kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-implimentazzjoni rapida tagħhom, inkluż id-dritt li jitwaqqfu liberament unjonijiet sindikalisti indipendenti; jilqa’ l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol u jitlob li l-qafas leġiżlattiv jiġi supplimentat bl-adozzjoni ta’ liġi dwar in-negozjar kollettiv; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet Ċiniżi kif ukoll lill-investituri u lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fiċ-Ċina biex jirrispettaw l-istandards internazzjonali tax-xogħol u biex jiggarantixxu paga u kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; huwa tal-fehma li l-UE m’għandhiex tippermetti aċċess għas-suq ta’ prodotti li ġew prodotti permezz tat-tħaddim tat-tfal jew f’faċilitajiet li serjament jiksru l-istandards internazzjonali tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-kampijiet tal-ħabs;
24. Huwa tal-fehma li l-iżbilanċi kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jirriflettu l-mudelli soċjali, ekonomiċi u demokratiċi differenti tagħhom; huwa tal-fehma li l-livell limitat jew mhux eżistenti ta’ rispett għal ċerti drittijiet fiċ-Ċina huwa fattur li jikkontribwixxi; jisħaq dwar l-importanza li tkun iddeterminata strateġija għad-djalogu maċ-Ċina li jittratta l-ewwel nett il-kwistjoni tas-suq tax-xogħol;
25. Jibża’ li l-għadd ta’ priġunieri li qed jiġu eżegwiti taħt il-leġiżlazzjoni tal-piena tal-mewt taċ-Ċina, kif ukoll l-għaġla tal-proċessi tagħhom u l-eżekuzzjonijiet sussegwenti, imorru kontra l-ispirtu tad-dritt tal-bniedem għal proċess liberu u ġust, minħabba li l-għaġla implimentata mill-awtoritajiet Ċiniżi tfisser li proċessi inadegwati u żbalji oħra jistgħu jkunu qed jiġu injorati, fattur li jwassal għall-eżekuzzjoni ta’ nies innoċenti; iqis li l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fi ħdan sistema ġudizzjarja opaka, li hija nieqsa minn trasparenza sħiħa u fejn id-drittijiet tal-priġunier għadhom mhumiex żviluppati kompletament, hija żball gravi; jistieden lill-awtoritajit Ċiniżi jikkunsidraw mill-ġdid il-politika tagħhom dwar il-piena kapitali;
26. Jenfasizza li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina tinkludi l-libertà tal-midja fuq bażi reċiproka, li timplika l-libertà tal-istampa għall-midja Ċiniża fl-Ewropa kif ukoll il-libertà tal-istampa għall-midja Ewropea fiċ-Ċina; jistenna li l-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw bil-qawwa dan il-prinċipju tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntatti tagħhom mas-sħab Ċiniżi rispettivi tagħhom;
27. Jikkundanna l-kontroll u ċ-ċensura tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq l-internet; jinnota bi tħassib li l-Gvern Ċiniż qiegħed jissikka s-sorveljanza tiegħu tal-internet permezz ta’ liġi ġdida li tipprojbixxi t-tradiment min-nies permezz tal-kxif tas-sigrieti tal-Istat, il-ħsara lill-kburija nazzjonali, it-tqegħid fil-perikolu tal-unità etnika tal-pajjiż jew is-sejħiet għal “protesti illegali’ jew ”laqgħat tal-massa’; jinnota, għalhekk, li m’hemmx iktar limitu għaċ-ċensura jew il-persekuzzjoni; huwa mħasseb bin-nuqqas ta’ salvagwardji provduti mil-liġi l-ġdida, li tagħti l-possibbiltà li tintuża b’mod abbużiv; jenfasizza li t-termini “protesti illegali’ u ”laqgħat tal-massa’ għandhom jintużaw biss f’sitwazzjonijiet fejn teżisti liġi effettiva għal protesti paċifiċi u legali; jinkoraġġixxi lill-Gvern Ċiniż jippermetti l-espressjoni ta’ pluralità ta’ opinjonijiet fuq l-internet, fil-midja u, b’mod iktar ġenerali, fl-isfera pubblika; ifakkar li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni fuq l-internet ġie rikonoxxut dan l-aħħar mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
28. Jinsab imħasseb dwar id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kontroll fuq l-internet li jillegalizzaw l-għeluq tal-blogs kif ukoll jistabbilixxu pieni severi għall-bloggers, il-ġurnalisti u l-avukati li jiddefenduhom;
29. Jenfasizza li f’pajjiż b’iktar minn 500 miljun utent tal-internet, il-libertajiet diġitali huma l-uniku mod għal ċiberspazju żviluppat u li jiffjorixxi; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex kemm jiżguraw kif ukoll jipproteġu l-isfera ċibernetika immensa li ġiet żviluppata f’pajjiżhom u biex jimmiraw l-isforzi tagħhom lejn it-titjib tagħha, u mhux lejn iċ-ċensura u l-kontroll tagħha;
30. Jinnota l-isforzi sinifikanti magħmula mill-Gvern Ċiniż biex jiżviluppa lit-Tibet u lil Xinjiang ekonomikament u l-impatt ta’ dawn l-isforzi fuq il-komunitajiet nomadi u fuq l-għajxien tradizzjonali; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jaġixxi b’mod politikament responsabbli billi jinvolvi b’mod siewi l-popli Tibetani u Uighur fi kwistjonijiet ta’ governanza, inklużi l-ġestjoni tar-riżorsi u prijoritajiet għall-iżvilupp ekonomiku, u jirrispetta iktar milli jdgħajjef l-elementi kulturali bħal-lingwa u r-reliġjon; bil-qawwa jafferma li l-Gvern Ċiniż mhux se jikseb stabbiltà dejjiema fit-Tibet jew Xinjiang jew korteżija fost il-popli Ċiniżi, Tibetani u tal-Uighur permezz ta’ assimilazzjoni bil-forza, qerda kulturali jew metodi repressivi tal-pulizija jew tas-sigurtà, iżda biss billi jindirizza b’mod serju l-ilmenti indiġeni kollha biex tinħoloq responsabbiltà kondiviża ġenwina għall-benesseri taż-żewġ provinċji; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm il-projbizzjoni ta’ żjarat minn osservaturi indipendenti f’dawn ir-reġjuni;
31. Jenfasizza li, minkejja l-politika ħarxa ta’ repressjoni, fiċ-Ċina r-reliġjon qed tqum mill-ġdid kif jidher mill-ftuħ mill-ġdid jew ir-rikostruzzjoni ta’ bosta postijiet ta’ qima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jneħħu politiki u prattiki li jnaqqsu kwalunkwe dritt fundamentali taċ-ċittadin għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin;
32. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrikonoxxu uffiċjalment il-knejjes Protestanti u l-knejjes Kattoliċi moħbija, kif ukoll dawk ta’ reliġjonijiet oħra, ; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tirrikonoxxi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin irrispettivament mill-istatus ta’ reġistrazzjoni, li jfisser li r-reġistrazzjoni m’għandhiex tkun prekundizzjoni mandatorja sabiex wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu; jikkundanna bil-qawwa kull tentattiv mill-awtoritajiet li jiċħdu lil dawn il-knejjes mhux reġistrati d-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà tar-reliġjon, billi jimponu r-rekwiżit li joperaw taħt bordijiet tat-tmexxija kkontrollati mill-gvern, jikkonfiskawlhom il-proprjetà, u anki billi jipprattikaw id-detenzjoni u l-priġunerija bħala sforz biex isikktuhom, u b’hekk jinterferixxu fl-awtonomija reliġjuża tagħhom u jirrestrinġu serjament l-attività tagħhom;
33. Jaqbel mal-kritika tal-ġuristi Ċiniżi li n-nuqqasijiet fundamentali tal-kodiċi ġuridiku taċ-Ċina dwar ir-reliġjon qegħdin fil-kostituzzjoni, minħabba li l-prinċipju ta’ “libertà reliġjuża’ pprovdut fil-klawsoli 1 u 2 tal-Artikolu 36 huwa f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ”restrizzjonijiet fuq ir-reliġjon’ pprovdut fil-klawsoli 3 u 4, bl-ebda kjarifika dwar liema għandu jieħu preċedenza; jingħaqad mat-talba tal-ġuristi Ċiniżi sabiex tiġi stabbilita l-libertà reliġjuża bħala l-prinċipju ta’ preċedenza fil-kostituzzjoni;
34. Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula fil-qasam tal-kontroll u l-attenzjoni fl-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fiċ-Ċina, iżda jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-gvern Ċiniż għadu jsostni l-politika tiegħu li ma jirrilaxxax dettalji dwar l-għadd ta’ priġunieri eżegwiti kull sena, fejn iżomm l-informazzjoni dwar il-piena tal-mewt bħala sigriet statali; iħeġġeġ iktar lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwaqqfu l-użu politiċizzat tal-piena tal-mewt u biex jiżguraw salvagwardji proċedurali fis-sistema legali tal-pajjiż li jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dawk ikkundannati għall-mewt, inkluż id-dritt għal proċess ġust f’konformità mal-istandards internazzjonali;
35. Jiddispjaċih dwar id-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minħabba n-nuqqas kontinwu ta’ progress sustanzjali u n-nuqqas ta’ riżultati konkreti u viżibbli; ifakkar li, waqt l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE wiegħdu f'Ġunju 2012 li l-UE issa se “tqajjem kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-qawwi f’kull forma xierqa ta’ djalogu bilaterali, inkluż fl-ogħla livell’; jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem li nħatar reċentement, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jagħtu spinta ġdida lil dan il-proċess u biex dan id-djalogu jsir iktar effettiv u orjentat lejn ir-riżultati, inkluż permezz ta’ laqgħat preparatorji ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs internazzjonali u lokali fil-preżenza tal-awtoritajiet taż-żewġ naħat; huwa tal-fehma li djalogu bħal dan għandu jkun inkluż fil-kuntatti kollha ma’ uffiċjali mis-sħab strateġiċi bħaċ-Ċina; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati bir-reqqa l-problemi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiċ-Ċina u fl-UE; huwa tal-fehma li s-samits u taħdidiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom jinkludu sett ta’ kwistjonijiet trasparenti li għandhom jiġu diskussi u punti ta’ riferiment konkreti; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Soċjali tal-UE, Catherine Ashton, biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u biex tirreferi pubblikament għall-każijiet u kwistjonijiet konkreti diskussi mal-uffiċjali Ċiniżi fil-laqgħat kollha; jinkoraġġixxi lill-uffiċjali tal-Istati Membri jsegwu l-istess linji b’mod koerenti u koordinat; jistieden lill-kumpaniji tal-UE li joperaw fiċ-Ċina biex jikkonformaw mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jissorveljaw din il-konformità mill-qrib;
Relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u t-Tajwan
36. Itenni l-politika tal-UE favur Ċina waħda; jilqa’ l-kuntatti li qed jiżdiedu bejn ir-RPĊ u t-Tajwan; jenfasizza t-titjib fir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan, minkejja li għadhom mhedda serjament mill-missili Ċiniżi mmirati lejn it-Tajwan u mill-iżolament internazzjonali tat-Tajwan min-naħa taċ-Ċina; jappoġġja l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet internazzjonali, kif appoġġjat fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill 9486/09 tat-8 ta’ Mejju 2009;
37. Jinsab kuntent bl-interess kbir li miljuni ta’ ċittadini Ċiniżi wrew fl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari fit-Tajwan fl-14 ta’ Jannar 2012, li setgħu jiġu segwiti f’ħin reali għall-ewwel darba fuq l-internet;
38. Jilqa’ r-rabtiet ekonomiċi sodi u prosperi bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, kif ukoll il-ftuħ tat-Tajwan għat-turisti Ċiniżi u l-kooperazzjoni kulturali; iqis li l-internazzjonalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment huma l-ikbar garanzija tal-istabbiltà tat-Tajwan; iħeġġeġ, għalhekk, lill-gvern tat-Tajwan jakkumpanja l-investiment tiegħu fir-RPĊ b’investimenti f’postijiet oħrajn;
Sitwazzjoni esterna
39. Iħeġġeġ lir-RPĊ tuża l-pożizzjoni globali tagħha b’mod iktar responsabbli, partikolarment fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) fejn għandha siġġu permanenti u dritt ta’ veto; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li ċ-Ċina tabbanduna l-pożizzjoni tal-veto tagħha għal kull riżoluzzjoni tal-KSNU li tippermetti intervent fis-Sirja biex titwaqqaf il-gwerra ċivili u li tħalli lill-poplu Sirjan jieħu f’idejh il-futur ta’ pajjiżu, bi proċess demokratiku u ħieles; jenfasizza li ċ-Ċina għandha taġixxi wkoll b’mod responsabbli li hu proporzjonat mal-kontribut globali tagħha, u biex fil-livell tal-G20 tindirizza l-kriżi finanzjarja dinjija, billi tallinja ruħha mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u billi tirrispetta l-konvenzjonijiet u trattati internazzjonali kollha li hi parti minnhom;
40. Iħeġġeġ lir-RPĊ biex mingħajr l-ebda ambigwità timpenja ruħha għar-rispett tal-Karta tan-NU u l-liġi internazzjonali fl-insegwiment tal-għanijiet tagħha barra mill-pajjiż;
41. Japprezza li ċ-Ċina hija l-akbar kontributur ta’ truppi għaż-żamma tal-paċi fost il-membri permanenti tal-KSNU, l-iktar permezz tal-forza navali li qed timmodernizza b’rata mgħaġġla; jilqa’, f’dan ir-rigward, iż-żieda fil-kooperazzjoni mal-UE fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-Golf ta’ Aden; jistieden liċ-Ċina, bħala membru permanenti tal-KSNU, biex tikkoopera b’mod responsabbli mal-komunità internazzjonali dwar kwistjonijiet importanti ta’ tħassib marbuta mas-sigurtà globali, bħas-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iran;
42. Jirrikonoxxi r-responsabbiltà taċ-Ċina kemm fil-provvista ta’ sigurtà liċ-ċittadini tagħha kif ukoll għar-rwol tagħha bħala promotur ta’ paċi u tal-istabbiltà fid-dinja, u jilqa’ ż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħha fin-NU; jitlob, madankollu, li ċ-Ċina turi iktar kooperazzjoni u trasparenza iktar mill-qrib mal-UE u n-NU dwar dawn il-kwistjonijiet, u li tevita l-iżolament fl-iżvilupp tal-politika barranija tagħha;
43. Jistieden liċ-Ċina tirrevedi l-politika tagħha ta’ “l-ebda interferenza fir-rigward tal-affarijiet interni tal-pajjiżi’ f’każijiet ta’ ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali;
44. Jilqa’ d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina li beda f’Lulju 2012 dwar il-Politika tad-Difiża u tas-Sigurtà; jipproponi li dan id-djalogu jiġi estiż għar-reġjun kollu tal-Asja u tal-Paċifiku;
45. Jitlob liċ-Ċina tneħħi t-tħassib internazzjonali li qed jikber dwar il-baġit militari mhux trasparenti tagħha;
46. Jenfasizza l-importanza globali tal-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, li minnu jgħaddi terz tal-kummerċ dinji; jinsab allarmat fir-rigward tat-tensjoni li qed tiżdied b’mod konsiderevoli u għalhekk jappella b’urġenza lill-partijiet involuti kollha biex jevitaw azzjonijiet militari u politiċi unilaterali, itaffu l-istqarrijiet u jsolvu t-tilwim territorjali tagħhom fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina permezz tal-arbitraġġ internazzjonali b’konformità mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, sabiex tkun żgurata stabbiltà reġjonali;
47. Jinsab inkwetat serjament dwar it-tensjonijiet li qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli bejn iċ-Ċina u l-Ġappun; jappella b’mod qawwi liċ-Ċina u l-Ġappun biex jiġġieldu kontra l-perċezzjonijiet ta’ għedewwa reċiproċi li għandhom ta’ xulxin u jiddispjaċih li mhux qed jieħdu l-opportunità mill-erbgħin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom biex jagħmlu negozjati kostruttivi;
48. Jistieden, fid-dawl tal-interessi sinifikanti tal-Unjoni Ewropea fis-sigurtà u l-istabbiltà tal-Asja tal-Lvant, lill-partijiet kollha kkonċernati (iċ-Ċina, il-Ġappun u t-Tajwan) sabiex juru trażżin u sabiex jieħdu passi ħalli jikkalmaw is-sitwazzjoni dwar il-gżejjer soġġetti għal tilwim; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex isolvu t-tilwim b’mod paċifiku fi spìrtu ta’ kooperazzjoni u f’konformità mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, u jaqblu dwar il-miżuri li jrażżnu s-sitwazzjoni f’każ ta’ inċidenti imprevisti;
49.Jinnota l-inizjattiva tat-Tajwan għal kunsens dwar kodiċi ta’ kondotta tal-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu li jippermetti lin-naħat kollha jikkooperaw fl-isfruttar konġunt tar-riżorsi naturali tar-reġjun, inkluża l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli;
50. Jinnota li r-rwol taċ-Ċina fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tal-Peniżola Koreana huwa vitali u jistieden lir-RPĊ biex b’mod iktar attiv tfittex kooperazzjoni msaħħa bejn il-parti ta’ fuq u l-parti ta’ isfel;
51. Jinnota u jiddispjaċih li s-sopravivenza tar-reġim dittatorjali u repressiv tal-Korea ta’ Fuq jiddependi essenzjalment miċ-Ċina; jilqa’ l-imġiba responsabbli taċ-Ċina permezz tal-votazzjoni tagħha favur il-kundanna qawwija tal-KSNU tal-15 ta' April 2012 għall-ingaġġar li ma rnexxiex ta’ rokit mill-Korea ta’ Fuq, li hija meqjusa b’mod ġenerali bħala tentattiv ta’ test ta’ missila ballistika; jistenna bil-ħerqa li ċ-Ċina tkompli tieħu r-responsabbiltà għall-istabbiltà fuq il-Peniżola Koreana, li jitkomplew mingħajr dewmien it-taħditiet bejn sitt partijiet dwar it-theddida nukleari tal-Korea ta’ Fuq, u, fuq kollox, titjib drastiku fil-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Korea ta’ Fuq miġjub permezz ta’ inċentivi Ċiniżi;
52. Jinnota r-rwol li qed jikber taċ-Ċina fir-reġjun Asjatiku Ċentrali, permezz ta’ proġetti kummerċjali, ekonomiċi u tal-enerġija; iqis li ċ-Ċina jista’ jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u jitlob lir-RPĊ tippromwovi relazzjonijiet aħjar bejn l-Istati f’din iż-żona bħala pass kruċjali lejn kooperazzjoni reġjonali; jirrimarka li l-objettivi ewlenin taċ-Ċina fi ħdan l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai huma li tinkiseb paċi u stabbiltà fl-Asja Ċentrali permezz ta’ ġlieda kollettiva kontra t-“tliet elementi ta’ ħażen’: l-estremiżmu, is-separatiżmu u t-terroriżmu; jinnota l-interess strateġiku u ekonomiku kbir taċ-Ċina fir-reġjun permezz tal-isfruttament tar-riservi vasti ta’ żejt u ta’ gass u bil-konnessjoni tal-Asja Ċentrali mal-kosta taċ-Ċina permezz tal-ferroviji u l-awtostradi;
53. Jilqa' r-rabtiet li qed jiżviluppaw bejn iċ-Ċina u l-Afganistan, b’taħdidiet li għall-ewwel darba fl-istorja qed isiru fil-livell għoli tat-tmexxija; iqis li ċ-Ċina jista’ jkollha rwol kruċjali fl-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan permezz ta’ approċċ ta’ potenzi bbażati fuq il-persważjoni u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċina dwar din il-kwistjoni;
54. Josserva li l-istrateġija Amerikana ġdida ta’ attenzjoni mġedda fuq l-Asja hija pperċepita bħala tentattiv mill-Istati Uniti biex trażżan il-qawmien ekonomiku u politiku rapidu taċ-Ċina; jinkoraġġixxi liċ-Ċina u lill-Istati Uniti jevitaw tensjonijiet u tellieqa tal-armamenti fil-Paċifiku; iħeġġeġ liċ-Ċina tiżgura l-libertà ta’ ċirkolazzjoni fl-ibħra;
55. Jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja ħafna lill-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investiment dejjem jiżdied miċ-Ċina fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp;
56. Jinnota li l-preżenza Ċiniża dejjem akbar fl-Afrika kkontribwiet għall-iżvilupp ekonomiku, b’attenzjoni partikolari fuq proġetti ta’ infrastruttura; japprezza r-rikonoxximent mit-tmexxija Ċiniża tal-kritika serja kontra l-politika Afrikana żbilanċjata tagħha, iċċentrata fuq il-materja prima, waqt il-Forum ta’ Kooperazzjoni Ċiniża-Afrikana (FOCAC), li sar fl-20 ta’ Lulju 2012 f’Pekin, kif jidher mill-promozzjoni attwali miftuħa tagħha ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha fil-kontinent Afrikan; jilqa’ l-impenn tal-mexxej tal-Istat u l-Partit Hu Jintao f’din il-laqgħa tal-FOCAC dwar il-kreditu rekord ta’ USD 20 biljun lill-pajjiżi Afrikani fit-tliet snin li ġejjin għall-iżvilupp tal-infrastruttura, l-agrikultura, il-manifattura u l-SMEs; jilqa’ l-appoġġ espress miċ-Ċina għall-Inizjattiva ta’ Trasparenza fl-Industriji Estrattivi (EITI) u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jsegwu t-tendenza globali lejn iktar trasparenza u jżidu l-impenji konkreti tagħhom f’dan il-qasam; jistieden lill-UE tibqa’ attenta dwar l-impatt politiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investimenti dejjem jikbru taċ-Ċina fl-Afrika;
57. Huwa mħasseb li l-preżenza Ċiniża li qed tiżdied fl-Afrika wasslet għal tensjonijiet soċjali serji, iżda jilqa’ l-fatt li kumpaniji Ċiniżi esprimew ir-rieda tagħhom li jagħmlu enfasi akbar fuq ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-attivitajiet Afrikani tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex isejsu l-politiki tagħhom fl-Afrika fuq il-prinċipji u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem;
58. Jinnota l-preżenza dejjem tikber taċ-Ċina fl-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-Amerika Latina, fejn l-esportazzjoni ta’ riżorsi naturali lejn iċ-Ċina żdiedet b’iżjed minn 50 %;
59. Iħeġġeġ liċ-Ċina, l-ikbar emittent ta’ diossidu tal-karbonju fid-dinja, biex ittejjeb ir-rwol proattiv u kostruttiv tagħha għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fi ħdan il-komunità globali sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni ta’ White Paper f’Novembru 2011 mill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-politiki u l-azzjoni adottati biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jistenna l-implimentazzjoni rapida tagħhom;
60. Jinnota li l-kuntatti interpersonali jista' jkollhom rwol kruċjali lejn fehim reċiproku aħjar bejn iċ-Ċina u l-UE u bejn iċ-Ċina u xi wħud mis-sħab l-oħrajn tagħha bħall-Istati Uniti; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-programmi maħsuba biex jiffaċilitaw il-mobbiltà bejn iċ-Ċina u l-UE;
61. Iħeġġeġ liċ-Ċina tagħti prijorità assoluta lit-titjib tas-sigurtà legali għall-intrapriżi barranin abbażi tal-prinċipji tal-ugwaljanza, ir-reċiproċità u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-EEAS, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u dawk kandidati għas-sħubija, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, lill-Gvern Tajwaniż u lill-Yuan Leġiżlattiv Tajwaniż.