Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0092/2013

Testi mressqa :

B7-0092/2013

Dibattiti :

PV 14/03/2013 - 6
CRE 14/03/2013 - 6

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0099

Testi adottati
PDF 242kWORD 28k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-katina tal-valur globali tal-qoton
P7_TA(2013)0099B7-0092/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sostenibilità fil-katina tal-valur globali tal-qoton (2012/2841(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 206 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll 4 dwar il-Qoton għall-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u l-Aġġustamenti għat-Trattati,

–  wara li kkunsidra konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), inklużi l-Konvenzjonijiet Nru 138 tas-26 ta’ Ġunju 1973 rigward l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg, Nru 182 tas-17 ta' Ġunju 1999 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, Nru 184 tal-21 ta’ Ġunju 2001 rigward is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, Nru 87 tad-9 ta’ Lulju 1948 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, Nru 98 tat-8 ta’ Ġunju 1949 rigward id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, Nru 141 tat-23 ta’ Ġunju 1975 rigward l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema rurali u Nru 155 tat-22 ta’ Ġunju 1981 rigward is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Programm Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal (IPEC) and l-Programm “Understanding Children’s Work” (UCW),

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-UE f’korpi internazzjonali tal-prodotti bażiċi (ICBs),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-71 Laqgħa Plenarja tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC) li saret mis-7 sal-11 ta’ Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-95 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP li saret f’Port Vila (Vanuatu) mill-10 sal-15 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(1) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kummerċ fi prodotti bażiċi, l-aċċess għal materja prima, il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi, is-swieq tad-derivattivi, l-iżvilupp sostenibbli, ir-riżorsi tal-ilma, it-tħaddim tat-tfal u l-isfruttament tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011(4), fejn iddeċieda li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal Protokoll dwar it-Tessuti għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Uzbekistan, minħabba tħassib relatat mal-użu tat-tħaddim furzat tat-tfal fl-għelieqi tal-qoton,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU, l-istrateġija Ewropea għall-materja prima, l-istrateġija tal-UE għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, l-istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar is-sostenibilità tal-katina tal-valur globali tal-qoton,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-qoton huwa fost dawk l-uċuħ tar-raba’ l-aktar sinifikanti f'termini ta’ użu tal-art, u huwa importanti fil-ġenerazzjoni tal-impjiegi u għall-komunitajiet rurali, il-kummerċjanti, l-industrija tessili u l-konsumaturi madwar id-dinja kollha u jikkostitwixxi prodott agrikolu bażiku vitali barra l-ikel;

B.  billi l-qoton huwa l-fibra naturali l-iktar użata u jitkabbar f’iktar minn 100 pajjiż, b’madwar 150 pajjiż involut fil-kummerċ tiegħu;

C.  billi huwa stmat li hemm 100 miljun unità domestika rurali involuti fil-produzzjoni tal-qoton, u billi s-settur tal-qoton huwa sors ewlieni ta’ impjiegi u dħul għal iktar minn 250 miljun ruħ fl-istadji ta’ produzzjoni, ipproċessar, ħżin u trasport ta’ din il-katina tal-valur agrikola;

D.  billi l-produzzjoni tal-qoton hija ddominata miċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti, fejn l-Istati Uniti, l-Indja, l-Awstralja u l-Brażil huma l-akbar esportaturi, u ċ-Ċina, il-Bangladexx u t-Turkija huma l-ikbar importaturi; billi l-Uzbekistan huwa l-ħames l-akbar esportatur fid-dinja u s-sitt l-akbar produttur;

E.  billi parti kbira sew mill-importazzjonijiet tal-qoton tal-Bangladexx tintuża għall-manifattura tat-tessuti u l-ilbies orjentati lejn l-esportazzjoni, u din tammonta għal 80 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-manifattura; billi l-parti l-kbira tat-tessuti u l-ilbies li jipproduċi jiġu esportati lejn pajjiżi żviluppati, b’mod partikolari l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika;

F.  billi fl-UE l-qoton huwa kkultivat f’madwar 370 000 ettaru minn madwar 100 000 produttur primarjament fil-Greċja u Spanja, bi produzzjoni ta’ 340 000 tunnellata ta’ qoton imfesdaq, li jammonta għal 1 % tal-produzzjoni globali ta’ qoton imfesdaq;

G.  billi l-UE saret esportatur nett tal-qoton fl-2009 u għandha kwota tas-suq tal-esportazzjoni ta’ 2,8%, fejn it-Turkija, l-Eġittu u ċ-Ċina huma d-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tagħha;

H.  billi l-valur tal-esportazzjonijiet tal-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-UE fl-2011 kien jammonta għal EUR 39 biljun u l-industrija kienet timpjega 'l fuq minn 1,8 miljun ħaddiem f’146 000 kumpanija madwar l-UE(5);

I.  billi l-impatt ambjentali tal-qoton huwa aċċentwat bl-użu eċċessiv ta’ pestiċidi (li minnhom 7 % jintużaw fil-livell globali) insettiċidi (li minnhom 15 % jintużaw fil-livell globali) u ilma, u dan iwassal għad-degradazzjoni u l-kontaminazzjoni tal-ħamrija u għat-telf tal-bijodiversità;

J.  billi l-parti l-kbira tal-ħsad globali tal-qoton tiġi minn raba’ saqwi, u dan ikompli jitfa’ pressjoni konsiderevoli fuq ir-riżorsi tal-ilma ħelu; billi l-qoton huwa responsabbli għal iktar rilaxx ta’ insettiċidi fil-livell globali minn kwalunkwe prodott tar-raba’ ieħor;

K.  billi l-UE hija l-ikbar fornitur ta’ assistenza għall-żivilupp relatata mal-qoton permezz tas-Sħubija UE-Afrika dwar il-Qoton u programmi oħra(6), u fl-2009 kienet l-importatur ewlieni tad-dinja ta’ ħwejjeġ u tessuti tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs);

L.  billi r-riforma tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) (7) tal-Unjoni se ssaħħaħ l-inċentivi għar-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tax-xogħol u tal-istandards ambjentali u ta’ governanza tajba permezz tal-iskema SPĠ+;

M.  billi huwa diffiċli li tiġi stmata l-manjitudini reali tat-tħaddim tat-tfal fil-katina ta’ valur tal-qoton minħabba informazzjoni mhux kompluta u frammentata;

N.  billi l-ILO tikkalkula li iktar minn 215-il miljun tifel u tifla madwar id-dinja huma tfal li jaħdmu u li 60 % minnhom jaħdmu fis-settur agrikolu(8);

O.  billi, għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, it-tħaddim tat-tfal kif definit mill-ILO bil-Konvenzjonijiet Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg u l-Konvenzjoni Nru 182 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, rispettivament;

P.  billi jseħħu forom differenti ta’ tħaddim ta’ tfal u xogħol furzat f’maġġoranza kbira tal-pajjiżi produtturi ewlenin tal-qoton madwar id-dinja waqt il-kultivazzjoni, il-ħsad tal-lent u ż-żerriegħa u t-tfesdiq tal-qoton(9);

Q.  billi t-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat fis-setturi tat-tessuti u tal-qoton ma jistax jiġi indirizzat b’mod iżolat mill-kawżi ewlenin tiegħu: il-faqar rurali u n-nuqqas ta’ alternattivi għall-ġenerazzjoni tad-dħul, il-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tat-tfal, in-nuqqas ta’ edukazzjoni obbligatorja fis-seħħ għat-tfal kollha, l-istrutturi riġidi tal-komunità u l-attitudnijiet prevalenti;

R.  billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-istandards tas-saħħa u sikurezza, kif ukoll il-livelli tas-salarji, jibqgħu kwistjoni ta’ tħassib kbir fil-produzzjoni tal-qoton u l-manifattura tat-tessuti u l-ilbies, b’mod partikolari fl-LDCs u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi mill-2006, 470 ruħ fil-Bangladexx waħdu nqatlu f’nirien li nfirxu f’kumpaniji tessili;

S.  billi l-ICAC jgħaqqad 41 pajjiż li jipproduċu, jikkunsmaw u jinnegozjaw il-qoton u għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza fis-suq tal-qoton billi jżid is-sensibilizzazzjoni, irawwem kooperazzjoni internazzjonali, jiġbor data statistika u jipprovdi informazzjoni teknika u previżjonijiet dwar is-swieq tat-tessuti u tal-qoton;

T.  billi l-ICAC għadu wieħed mill-ftit ICBs li l-Unjoni għadha mhux membru tagħhom, u billi attwalment hemm seba’ Stati Membri tal-UE li huma membri tal-ICAC;

U.  billi l-qoton huwa kruċjali għall-objettivi agrikoli, kummerċjali u ta’ żvilupp tal-Unjoni;

V.  billi l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mal-qoton, tagħmel l-azzjoni tal-Unjoni aktar konsistenti u żżid l-influwenza tagħha fl-iffissar tal-“aġenda tal-qoton”;

W.  billi s-sħubija fl-ICAC tippermetti li l-Unjoni ssaħħaħ l-aċċess għall-informazzjoni u l-konsulenza analitika u tiffaċilita r-rabtiet u s-sħubiji bejn is-settur tessili, il-produtturi tal-qoton u l-awtoritajiet pubbliċi;

X.  billi l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC;

1.  Jitlob li jkomplu jiġu missielta l-miżuri ta’ tagħwiġ tal-kummerċ u li titjieb it-trasparenza fis-swieq tad-derivattivi ta' komodità;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha fis-settur tal-qoton biex, mingħajr aktar dewmien, jaħdmu flimkien permezz tal-ICAC sabiex jimminimizzaw drastikament id-degradazzjoni ambjentali, inkluż l-impatt fuq l-ilma u l-użu ta’ pestiċidi u l-insettiċidi; jenfasizza li dawn il-metodi mhux sostenibbli ta’ produzzjoni jimminaw il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni futura tal-qoton; iqis l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC bħala strumentali għall-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma komuni tal-ICAC f’din id-direzzjoni;

3.  Jissottolinja l-importanza li jiġu missielta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt tax-xogħol u t-tniġġis ambjentali tul il-katina tal-valur tal-qoton, inkluż fis-setturi tat-tessuti u tal-ħwejjeġ; jissuġġerixxi li l-ICAC jiżviluppa metodu li jiffaċilita l-monitoraġġ indipendenti mill-NGOs ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-katina tal-valur tal-qoton, ladarba hija membru tal-ICAC, sabiex timpenja ruħha f’din il-kwistjoni

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ġusti għal produtturi fuq skala żgħira minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu aċċess għall-katini tal-valur ewlenin li jservu l-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-Unjoni, jitilgħu l-katina tal-valur tal-qoton, tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u jifhmu l-potenzjal tal-qoton organiku u tal-kummerċ ġust; jistieden lill-Kummissjoni tistudja kif il-leġiżlazzjoni fl-UE dwar l-akkwist pubbliku tista’ tagħti spinta lill-introduzzjoni tal-qoton b’kummerċ ġust;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u l-pjanijiet ta’ żvilupp nazzjonali tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, biex issaħħaħ l-isforzi tagħha għall-appoġġ ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali dwar il-qoton fl-LDCs li jipproduċu l-qoton;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tħaddim tat-tfal u t-tħaddim furzat fl-għelieqi tal-qoton;

7.  Huwa tal-fehma li qafas olistiku u kkoordinat li jindirizza l-għeruq tal-kawżi tat-tħaddim tat-tfal u li jiġi implimentat fuq bażi fit-tul biss jista’ jwassal għal katina tal-valur tal-qoton iktar sostenibbli; jitlob, madanakollu, li l-UE tieħu bis-serjetà kull allegazzjoni ta’ skjavitù jew xogħol furzat fil-katina ta’ provvista tal-qoton u biex tirreaġixxi b’sanzjonijiet xierqa;

8.  Jenfasizza li s-sostenibilità tas-settur tal-qoton tiddependi fuq il-produtturi tiegħu, il-kummerċjanti, il-fornituri tal-elementi li jidħlu fil-produzzjoni, il-bejjiegħa bl-imnut, id-ditti, il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u l-konsumaturi; jinnota li l-iskemi ta’ kummerċ ġust jipprovdu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-konsumaturi u l-produtturi, inter alia fis-settur tal-qoton, li l-għarfien espert tagħhom u l-aħjar prattiki tagħhom għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni;

9.  Jistieden lill-pajjiżi produtturi tal-qoton kollha joħolqu ambjent li jippermetti monitoraġġ u rappurtar adegwat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-qoton min-naħa tal-gvern, l-industrija, NGOs indipendenti u l-entitajiet marbuta mat-trade unions, u biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet u t-trade unions tal-bdiewa fl-isforzi tagħhom biex jgħollu l-livelli tal-introjtu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi tal-qoton; jissottolinja l-ħtieġa għal dawk li jaħdmu fil-qalba tal-industrija tal-qoton biex jaqilgħu għajxien deċenti mill-ħidma tagħhom u jaqsmu l-benefiċċji akkumulati mill-pajjiżi li jipproduċu l-qoton;

10.  Jilqa’ l-“Better Cotton Initiative (BTI)”, il-“Cotton Made in Africa”, il-“Global Organic Textile Standard (GOTS)” u inizjattivi oħra magħmula minn diversi partijiet interessati li għandhom l-għan li jżidu s-sostenibilità tal-katina tal-valur tal-qoton u tat-tessuti;

11.  Iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li għad iridu jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjonijiet Nru 138 u 182 tal-ILO jew il-Konvenzjonijiet 87, 98, 141 u 155 sabiex jirratifikawhom u jimplimentawhom bil-ħeffa; huwa tal-fehma li l-gvernijiet għandhom jadottaw il-politiki xierqa kollha sabiex irawmu sensibilizzazzjoni tar-regoli nazzjonali u internazzjonali eżistenti dwar it-tħaddim tat-tfal u konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, matul il-katina tal-produzzjoni tal-qoton kollha kemm hi;

12.  Ifakkar li l-preferenzi mogħtija permezz tal-SPĠ tal-Unjoni, l-istrument ewlieni tal-politika kummerċjali tagħha għall-promozzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bnieden u tax-xogħol u tal-iżvilupp sostenibbli, jistgħu jiġu rtirati temporanjament f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tax-xogħol minquxa fil-konvenzjonijiet bażiċi tan-NU u tal-ILO; jenfasizza r-responsabilità ta’ kumpaniji Ewropej biex ikunu konformi ma’ dawn l-istandards fil-katini ta’ provvista tagħhom;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (GSP+);

14.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja u, jekk xieraq, tressaq quddiem il-Parlament Ewropew proposta leġiżlattiva dwar mekkaniżmu ta' traċċabilità effettiv għall-prodotti manifatturati permezz tat-tħaddim tat-tfal jew tħaddim furzat;

15.  Jistieden lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar il-modalitajiet tas-sħubija fl-ICAC, biex l-Unjoni jkollha aċċess għall-ICAC b’kompetenza esklussiva;

16.  Jistieden lill-parteċipanti tal-katina tal-valur tal-qoton jevitaw miżuri unilaterali bħalma huma l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, biex jirsistu għal trasparenza u koordinazzjoni ikbar sabiex jitnaqqsu l-volatilità tal-prezz u l-possibilità ta’ spekulazzjoni, u jaħdmu biex jiżguraw it-traċċabilità tal-kummerċ tal-fibra tal-qoton fis-suq miftuħ;

17.  Iqis li huwa importanti li l-produzzjoni tal-qoton fl-Unjoni tiġi ssalvagwardjata, filwaqt li jissaħħu l-miżuri tranżitorji ta' ristrutturar għar-reġjuni l-aktar affettwati;

18.  Jistieden lill-ICAC jevalwa regolarment, permezz tal-Panel ta’ Esperti tiegħu dwar il-Prestazzjoni Soċjali, Ambjentali u Ekonomika tal-Qoton (SEEP), l-impatti soċjali u ambjentali tal-produzzjoni tal-qoton u jippubblika r-riżultati;

19.  Jistieden lill-ICAC jikkunsidra l-possibilità li tinħoloq skema globali effettiva tat-tikkettar li tiggarantixxi li l-prodotti jkunu ġew prodotti mingħajr l-użu tat-tħaddim tat-tfal jew xogħol furzat fi kwalunwe stadju tal-katina ta’ provvista u tal-proċess ta’ produzzjoni;

20.  Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-ikbar suq tal-qoton bl-ikbar riżervi ta’ qoton, tikkunsidra li tingħaqad mal-ICAC u tieħu rwol kostruttiv fis-settur tal-qoton; jistieden ukoll lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tikkumbatti l-użu ta’ tħaddim tat-tfal u xogħol furzat fis-settur tal-qoton u tat-tessuti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni:

   i. tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-ħidma u l-attivitajiet tagħha fl-ICBs, inkluż l-ICAC;
   ii. tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tas-sħubija fl-ICAC sabiex tirsisti għal sostenibilità u trasparenza ikbar fil-industirja tal-qoton u l-ħwejjeġ u għas-sostenibilità;
   iii. tirreaġixxi bil-ħeffa għal kwalunkwe restrizzjoni possibbli għall-esportazzjoni tal-qoton u għal azzjonijiet oħra li jwasslu għal volatilità eċċessiva tal-prezzijiet;
   iv. tkompli tiżgura li tinstema’ l-vuċi ta’ dawk li jkabbru, ifesdqu u jinnegozjaw il-qoton u ta’ dawk li jagħmlu riċerki dwaru;
   v. ittejjeb il-koordinazzjoni, il-ġbir ta’ data statistika, il-previżjonijiet, il-qsim tal-informazzjoni u l-monitoraġġ tal-katini tal-valur u l-provvista globali tal-qoton;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-ICAC, lill-ILO, lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), lill-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD), lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), lill-Bank Dinji, lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(1) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(2) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(3) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0586.
(5) “The EU-27 Textile and Clothing Industry in the year 2011’, European Apparel and Textile Organisation (Euratex), 2011.
(6) Il-valur totali ta’ assistenza għall-iżvilupp għall-industrija tal-qoton Afrikana mill-UE u l-Istati Membri tagħha mill-2004 jeċċedi EUR 350 miljun. Ara d-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-assistenza għall-iżvilupp tal-qoton, 31.5.2012.
(7) Testi adottati tat-13 ta’ Gunju 2012, P7_TA(2012)0241.
(8) ILO-IPEC, “Global Child Labour Developments: Measuring Trends from 2004 to 2008’, 2011.
(9) “Literature Review and Research Evaluation relating to Social Impacts of Global Cotton Production for ICAC Expert Panel on the Social, Environmental and Economic Performance of Cotton (SEEP)’, Lulju 2008.

Avviż legali - Politika tal-privatezza