Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2561(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0133/2013

Dibattiti :

PV 14/03/2013 - 13.1
CRE 14/03/2013 - 13.1

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 14.1
CRE 14/03/2013 - 14.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0100

Testi adottati
PDF 220kWORD 23k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Il-qagħda fil-Bangladexx
P7_TA(2013)0100RC-B7-0133/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx (2013/2561(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-17 ta’ Jannar 2013(1), tas-6 ta’ Settembru 2007(2) u tal-10 ta’ Lulju 2008(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp(4),

–  wara li kkunsidra l-Att dwar it-Tribunal Kriminali Internazzjonali (ICT) mgħoddi mill-parlament tal-Bangladexx fl-1973 biex jipprovdi għad-detenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-pieni ta' persuni għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u delitti oħrajn taħt il-liġi internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-22 ta’ Jannar 2013 dwar is-sentenza tal-mewt mogħtija mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Bangladexx, u tat-2 ta’ Marzu 2013 dwar il-vjolenza fil-Bangladexx,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati tas-7 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni ta' Vjenna tal-1993 u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen tal-1995 u l-Programm ta’ Azzjoni dwar l-Iżvilupp Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,

B.  billi biex iżomm ma' wegħda ċentrali tal-kampanja elettorali tiegħu, il-Gvern tal-Lega Awami taħt it-tmexxija ta' Sheik Hasina waqqaf tribunal għad-delitti tal-gwerra biex jindirizza l-massakri li twettqu matul il-gwerra ta' disa' xhur li wasslet għall-firda bejn dawk li dari kienu l-Pakistan tal-Lvant u tal-Punent fl-1971, li fiha nqatlu bejn 300 000 u 3 miljun persuna u ġew stuprati madwar 200 000 mara;

C.  billi t-trawma ta’ wieħed mill-aktar każijiet gravi ta' qtil tal-massa fl-istorja għadha qed taffettwa l-ħajja ta' ħafna ċittadini tal-Bangladexx 40 sena wara li seħħ, li għalihom il-proċedimenti tal-qorti huma maħsuba biex joffru mument ta' rikonoxximent u ta' kumpens importanti għal dak kollu li ġarrbu;

D.  billi fil-21 ta’ Jannar 2013, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali (ICT) ħabbar il-verdett tiegħu kontra Abdul Kalam Azad għal delitti kontra l-umanità li twettqu matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971 u tah sentenza ta' mewt wara l-proċess in absentia tiegħu;

E.  billi fil-5 ta’ Frar 2013, l-ICT ta sentenza ta’ priġunerija għall-għomor għal Abdul Qader Mollah, u dan irriżulta fi protesti qawwija iżda fil-biċċa l-kbira paċifiċi l-iktar miż-żgħażagħ fid-distrett ta' Shahbagh ġewwa Daka; billi l-hekk imsejjaħ “Moviment ta’ Shahbagh’ kien qed jappella għall-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-verdett kif ukoll għal soċjetà u politika ħielsa mill-estremiżmu reliġjuż;

F.  billi matul dawn il-protesti, il-gvern emenda l-Att dwar l-ICT tal-1973 biex jintroduċi dispożizzjoni li tippermetti lill-atturi jappellaw kontra verdett li jingħata mit-Tribunal; billi d-deċiżjoni tal-qorti kontra Abdul Qader Mollah għalhekk tista’ tinbidel sabiex tiffavorixxi sentenza tal-mewt; billi din l-għamla ta’ leġiżlazzjoni retroattiva tikser l-istandards ta’ proċess ġust, tissottovaluta l-leġittimità tax-xogħol tal-ICT u tikser il-projbizzjoni ta’ proċessi doppji (“ne bis in idem’) fil-liġi internazzjonali, li hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 14(7) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Bangladexx huwa parti fih;

G.  billi diversi mexxejja tal-partit tal-Lega Awami li qed jiggverna, inkluż il-Ministru għall-Intern, appoġġaw it-talbiet tal-Moviment Shabagh, u ssuġġerew li l-partit għandu jiġi pprojbit u li l-istazzjonijiet tal-midja relatati mal-partit għandhom jingħalqu;

H.  billi fit-28 ta’ Frar 2013, l-ICT ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti sentenza ta' mewt lil Delwar Hossain Sayeedi, Viċi President tal-partit Jamaat-e-Islami, abbażi ta’ akkużi li jinkludu l-persekuzzjoni tal-minoranza Ħindu;

I.  billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara dan l-aħħar verdett, hekk kif saru protesti kontrih mis-segwaċi tal-Partit Jamaat li wasslu sabiex mietu aktar minn 60 persuna; billi, skont l-informazzjoni pprovduta mill-NGOs, ir-reazzjoni tal-pulizija għall-attakki mill-membri u l-partitarji ta’ Jamaat kienet tinkludi l-użu ta’ munizzjon letali;

J.  billi jeżistu rapporti ta’ attakki reċenti minn attivisti ta’ Jamaat u xi partitarji tal-Partit Nazzjonalista tal-Bangladexx fuq aktar minn 40 tempju, dar u ħanut tal-Ħindu mifruxa mal-Bangladexx, li ħallew mijiet ta’ persuni mingħajr dar; billi l-poplu Ħindu u minoranzi oħrajn tal-Bangladexx (bħall-komunità Ahmadiyya) kellhom isofru b’mod ripetut minn perjodi ta’ vjolenza u persekuzzjoni, speċjalment matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971 u wara l-elezzjonijiet tal-2001, u billi, konsegwentement, madwar 900 000 Ħindu telqu mill-Bangladexx bejn l-2001 u l-2011;

K.  billi l-proċedimenti legali f’diversi każijiet oħra jinsabu għaddejjin fl-ICT u hemm riskju serju li l-imputati jinstabu ħatja u jingħataw sentenza ta’ mewt;

L.  billi r-Rapporteur Speċjali tal-UE dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji u arbitrarji u r-Rapporteur Speċjali tal-UE dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, kif ukoll organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, esprimew tħassib dwar l-allegati nuqqasijiet tat-tribunal fir-rigward tal-proċessi ġusti u dovuti, speċjalment dwar il-fatt li wieħed mill-proċessi sar in absentia;

1.  Jinsab tassew imħasseb dwar it-tfaqqigħ reċenti tal-vjolenza fil-Bangladexx wara l-verdetti tal-ICT u jesprimi dispjaċir fir-rigward tal-vittmi reċenti;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-membri tal-familja u l-ħbieb ta’ dawk li nqatlu jew sofrew ġrieħi minħabba l-vjolenza;

3.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni, ġustizzja u l-obbligu ta' rendikont għad-delitti mwettqa matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971; jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-ICT fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

4.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f’kull ċirkostanza;

5.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jikkomutaw il-kundanni għal mewt kollha, jibnu fuq l-iżvilupp pożittiv li ma kien hemm l-ebda eżekuzzjoni fl-2012, u jintroduċu moratorja uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

6.  Jikkundanna l-irregolaritajiet irrappurtati fil-funzjonament tal-ICT, bħall-intimidazzjoni, il-fastidju u l-għajbien sfurzat tax-xhieda allegati, kif ukoll l-evidenza ta’ kooperazzjoni illegali bejn l-imħallfin, il-prosekuturi u l-gvern; jinsisti, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom itejbu l-miżuri biex jiggarantixxu l-protezzjoni effikaċi tax-xhieda;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiżgura li l-ICT jikkonforma strettament mal-istandards legali nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-garanzija ta’ proċess ħieles, ġust u trasparenti kif ukoll id-dritt tal-vittmi għall-protezzjoni, il-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jintensifika l-isforzi tiegħu biex jinforza l-istat tad-dritt u l-ordni; itenni l-obbligu tal-gvern li jonora l-impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza tal-partitarji u ta’ Jamaat-e-Islami u l-partiti affiljati kontra l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, kontra dawk li jappoġġaw il-verdetti tal-ICT, u kontra minoranzi reliġjużi u etniċi; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza indiskriminata mmirata lejn iċ-ċittadini ordinarji;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta’ vittmi minħabba l-ġlied; jappella lill-gvern biex jagħti istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà tiegħu biex josservaw strettament l-obbligu tagħhom li jeżerċitaw trażżin massimu u jevitaw il-forza letali u biex jinvestigaw bir-reqqa l-imwiet ta’ dawk kollha li nqatlu matul il-protesti;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jiżguraw li l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin jiġu investigati b’mod imparzjali, u li dawk li jinstabu responsabbli jitressqu quddiem il-qorti;

12.  Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha fil-pajjiż biex inaqqsu t-tensjonijiet politiċi sabiex jevitaw aktar vjolenza, biex jagħtu istruzzjonijiet lill-partitarji tagħhom sabiex ma jipparteċipaw fl-ebda att ta’ vjolenza; jappella lill-partiti politiċi kollha fil-Bangladexx biex jidħlu fi djalogu ma’ xulxin;

13.  Jappella lill-istampa biex toqgħod lura mill-inċitament għall-vjolenza armata; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-ġurnalisti u l-edituri jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod paċifiku mingħajr ma jiġu ffastidjati, intimidati, jinżammu jew jiġu ttorturati;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0027.
(2) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 240.
(3) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 77.
(4) ĠU L 118, 27.4.2001, p. 48.

Avviż legali - Politika tal-privatezza