Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2562(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0147/2013

Dibattiti :

PV 14/03/2013 - 13.2
CRE 14/03/2013 - 13.2

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 14.2

Testi adottati :

P7_TA(2013)0101

Testi adottati
PDF 221kWORD 25k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
L-Iraq: il-qagħda mwiegħra tal-gruppi ta' minornza, partikolarment it-Turkmen Iraqini
P7_TA(2013)0101RC-B7-0147/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turkomeni Iraqini (2013/2562(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tas-6 ta' April 2006 dwar il-komunità Assirjana(1) u tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-attakki kontra l-komunitajiet Kristjani(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq(3),

–  wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-Kummissjonigħall-Iraq (2011-2013) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE (VP/RGħ) Catherine Ashton tal-25 ta' Jannar 2013 dwar is-sensiela riċenti ta' attakki terroristiċi fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton tal-24 ta' Jannar 2013 dwar il-qtil fil-funeral ta' Tuz Khurmatu,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali mal-Iraq, imniedi mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon u l-Prim Ministru Iraqin Nouri al-Maliki fl-2007, li jwiegħed li “jipproteġi l-foqra u l-gruppi vulnerabbli mill-privazzjoni u mill-ġuħ”,

–  wara li kkunsidra r-“Rapport tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iraq: Jannar sa Ġunju 2012”, ippreżentat b'mod konġunt mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonjiet Uniti fl-Iraq (UNAMI) u l-Kummissjoni fid-19 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa relatata mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), Navi Pillay, li tgħid li n-numru ta' eżekuzzjonijiet sa dak il-punt fl-2012, u l-mod li bih twettqu f'massi, huwa perikoluż immens, ma jistax jiġi ġustifikat u jinvolvi r-riskju li jdgħajjef il-progress parzjali u inċert fir-rigward tal-istat ta' dritt fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon tal-25 ta' Jannar 2013, li tikkundanna b'mod qawwi l-mewġa riċenti ta' attakki terroristiċi fl-Iraq, li qatlu mijiet ta' persuni u ħallew ħafna iktar midrubin,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Iraq għadu qed jaffaċċja sfidi politiċi, tas-sigurtà u soċjoekonomiċi serji, u billi x-xena politika hija frammentata immens u kkaratterizzata mill-vjolenza, għad-detriment serju tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Iraqin għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni ġenwina għad-demokrazija;

B.  billi l-Kostituzzjoni Iraqina tiggarantixxi l-ugwaljanza qudiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż u b'mod partikolari fl-Artikolu 125 “id-drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet, bħat-Turkomeni, il-Kaldewi, l-Assirjani u n-nazzjonalitajiet l-oħra kollha” u billi l-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni tar-Reġjun tal-Kurdistan tal-2009, li ilha fis-seħħ mill-2009, tiggarantixxi “l-awtonomija nazzjonali, kulturali u amministrattiva tat-Turkomeni, tal-Għarab u tal-Assiro-Kaldeo-Sirjaki, tal-Armeni u oħrajn li huma ċittadini tal-Kurdistan kull meta jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni”;

C.  billi fid-9 ta' April 2012 il-parlament Iraqi approva l-Kummisjoni Għolja għad-Drittijiet tal-Bniedem, li, għalkemm għadha mhux qed taħdem għalkollox, hija l-ewwel kummissjoni indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem fl-istorja tal-pajjiż;

D.  billi fid-djalogu politiku mal-kontropartijiet Iraqini tiegħu, il-Parlament iffoka fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq, li għadha kawża ta' tħassib serju meta titqies is-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti għall-gruppi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

E.  billi l-ftehim bejn l-UE u l-Iraq, u b'mod partikolari l-klawsola tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, jenfasizzaw li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iraq għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

F.  billi l-Iraq ilu jospita varjetà ta' gruppi minoritarji etniċi u reliġjużi, inklużi t-Turkomeni, l-Insara, il-Kurdi, ix-Shabak, il-Mandej, l-Armenjani, il-Yezidi, il-Baħai, l-Iraqini Suwed, l-Assirjani, il-Lhud, il-Palestinjani u oħrajn;

G.  billi l-minoranzi fl-Iraq sfaw fil-mira ta' miżuri ta' assimilazzjoni u huma sottorappreżentati fil-Gvern Iraqi u f'korpi assoċjati; billi konsegwenza ta' dan, il-popolazzjonijiet rispettivi tal-gruppi minoritarji fl-Iraq naqsu b'mod drastiku fl-aħħar snin, peress li ħafna ħarbu mill-pajjiż, filwaqt li oħrajn ġew imġiegħla jirrilokaw banda oħra fl-Iraq;

H.  billi t-Turkomeni allegatament huma t-tielet l-akbar grupp etniku fl-Iraq; billi hemm tilwima li għadha għaddejja bejn it-Turkomeni u l-Kurdi dwar Kirkuk, reġjun li hu għani fir-riżorsi taż-żejt u riżorsi naturali oħra, u t-Turkomeni ġew suġġetti għal attakki u ħtif kemm minn forzi Kurdi kif ukoll minn gruppi estremisti Għarab; u billi kemm it-Turkomeni Sunni kif ukoll dawk Xiti sfaw fil-mira għal raġunijiet settarji;

I.  billi t-tilwima kontinwa bejn il-gvern ċentrali tal-Iraq u l-gvern reġjonali tal-Kurdistan dan l-aħħar ħraxet, u dan jaffettwa b'mod negattiv is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun u jipperikola l-koeżistenza paċifika tad-diversi gruppi etniċi, b'mod partikolari l-Kurdi, l-Għarab u t-Turkomeni;

J.  billi, minbarra dawn it-tensjonijiet territorjali, it-Tramuntana tal-Iraq ukoll jinsab fil-mira ta' attakki li jidhru li huma settarji u li fihom il-popolazzjoni Xita ta' spiss tkun fil-mira minn gruppi Sunni; billi fil-31 ta' Diċembru 2012, 39 pellegrin inqatlu matul il-festival Xita ta' Arba'een; billi fit-23 ta' Jannar 2013, attakk fuq moskea Xita f'Tuz Khurmatu – belt fil-Provinċja ta' Nineveh fit-Tramuntana tal-Iraq, li hija territorju kkontestat bejn il-gvern tal-Iraq u l-gvern reġjonali tal-Kurdistan u li għandha popolazzjoni Turkomena sinifikanti – ħalla tal-anqas 42 mejjet u 117-il persuna midruba;

K.  billi, minkejja titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tas-sigurtà, il-livell tal-vjolenza li taffaċċja l-popolazzjoni Iraqina għadu għoli żżejjed, b'attakki bil-bombi u sparaturi rrappurtati kuljum; u billi t-tensjoni u l-vjolenza kontinwi jwasslu sabiex il-parti l-kbira tal-Iraqini jkunu inċerti dwar il-futur tagħhom u jagħmluha impossibbli li tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni Iraqina kollha kemm hi;

1.  Huwa mħasseb serjament rigward l-atti ta' vjolenza li kulma jmur qed jiżdiedu, u li qed tbati minnhom il-popolazzjoni ċivili fl-Iraq, b'mod partikolari bejn is-Sunni u x-Xiti iżda wkoll f'attakki kontra gruppi partikolarment vulnerabbli, bħall-minoranzi reliġjużi, etniċi u kulturali, u jistieden lill-awtoritajiet Iraqini jtejbu s-sigurtà u l-ordni pubbliku u jiġġieldu t-terroriżmu u l-vjolenza settarja fil-pajjiż kollu;

2.  Jikkundanna l-attakki tat-23 ta' Jannar 2013 kontra l-funeral Turkomen f'Tuz Khurmatu ta' uffiċjal pubbliku assassinat il-jum ta' qabel, li ħalla tal-anqas 42 persuna mejta u 117 oħra midruba, tat-3 ta' Frar 2013 li fih bomba suwiċida barra għassa tal-pulizija f'Kirkuk qatlet 30 persuna u darbet 70, u tas-16 ta' Diċembru 2012 li fih żewġ għalliema Turkomeni nħatfu, ġew ittorturati u nħarqu ħajjin;

3.  Jikkundanna b'mod qawwi l-attakki terroristiċi kollha u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb ta' dawk maqtula u midruba;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-fatt li ż-żieda riċenti fl-instabbiltà u fil-vjolenza settarja fl-Iraq tista' tipperikola l-elezzjonijiet provinċjali li jmiss tal-20 ta' April 2013, li t-tħassir tagħhom jista' jipperikola ċ-ċansijiet għal struttura ta' governanza aktar demokratika u inklużiva;

5.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, minkejja r-referenza fil-Kostituzzjoni għad-drittijiet tat-Turkomeni u ta' minoranzi oħra, dawn il-minoranzi għadhom ibatu minn vjolenza u diskriminazzjoni etnika u settarja;

6.  Jistieden kemm lill-gvern tal-Iraq kif ukoll lill-gvern reġjonali tal-Kurdistan jikkundannaw l-attakki u jwettqu investigazzjoni sħiħa u rapida tal-attakki terroristiċi riċenti fir-reġjun, inkluż l-aktar attakk bil-bombi fatali riċenti fuq moskea Xita f'Tuz Khurmatu, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

7.  Jistieden lill-gvern tal-Iraq u lill-gvern reġjonali tal-Kurdistan jieħdu passi immedjati biex jikkalmaw it-tilwima territorjali fil-pjanura ta' Nineveh, jirrikonoxxu d-diversità multikulturali, multietnika u multireliġjuża tal-provinċja u jippermettu liċ-ċittadini tagħha jagħżlu liberament l-identità tagħhom, inklużi l-lingwa, ir-reliġjon u l-kultura;

8.  Jistieden lill-qawwiet politiċi rappreżentati fil-Kunsill Iraqi tar-Rappreżentanti jinvolvu ruħhom fi djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv bl-għan li jiżguraw governanza demokratika effikaċi tal-Iraq u r-rispett tad-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini Iraqini kollha; iħeġġeġ lill-gvern Iraqi jwettaq ċensiment nazzjonali li ġie pospost b'mod indefinittiv, biex jaċċerta d-daqs tal-popolazzjoni tat-Turkomeni u popolazzjonijiet minoritarji oħrajn;

9.  Jistieden lill-gvern Iraqi u lill-mexxejja politiċi kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni liċ-ċittadini Iraqini kollha b'mod ġenerali u lil membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi vulnerabbli b'mod partikolari; jistieden lill-gvern jagħti istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà biex juru sens ta' trażżin fiż-żamma tal-liġi u tal-ordni, f'konformità mal-istat ta' dritt u mal-istandards internazzjonali;

10.  Jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija riċenti ta' programm ta' riorganizzazzjoni u riabilitazzjoni għaċ-ċentri ta' detenzjoni u l-ħabsijiet li jinsabu taħt l-awtorità tal-Ministeru Iraqi għall-Ġustizzja, u jittama li dan se jgħin biex jieqaf l-użu endemiku tat-tortura u l-impunità mifruxa fl-Iraq, ikkundannata mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jiddispjaċih ħafna dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet fl-Iraq, fejn il-kundanni għall-mewt ta' spiss jiġu imposti wara proċessi mhux ġusti u abbażi ta' konfessjonijiet miksuba b'forza; jappella b'mod urġenti lill-gvern Iraqi jiddikjara moratorja fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-ħsieb li jneħħi l-piena tal-mewt fil-futur qarib;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-azzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet Iraqini u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-għajnuna tittieħed bil-ħsieb li jiġu megħjuna gruppi vulnerabbli u jinħolqu kundizzjonijiet adegwati biex jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku fost il-komunitajiet reliġjużi u etniċi kollha fl-Iraq;

13.  Jenfasizza l-importanza li tingħata biżżejjed prominenza fl-inizjattivi EUJUST LEX – fejn possibbli – lid-drittijiet tat-Turkomeni u lid-drittijiet tal-minoranzi b'mod ġenerali, u jfaħħar is-suċċessi miksuba mill-missjoni EUJUST LEX u l-implimentazzjoni tagħha fl-Iraq;

14.  Jinsisti li l-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq jista' jintuża bħala kanal biex jiġi mgħoddi t-tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fil-pajjiż lin-naħa Iraqina;

15.  Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-UE jappoġġaw lill-gvern Iraqi fl-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet reġjonali paċifiċi, ħielsa u ġusti f'April 2013;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 293 E , 2.12.2006, p. 322.
(2) ĠU C 99 E , 3.4.2012, p. 115.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza