Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2563(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0154/2013

Dibattiti :

PV 14/03/2013 - 13.3
CRE 14/03/2013 - 13.3

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 14.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0102

Testi adottati
PDF 221kWORD 23k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Il-każ ta' Arafat Jaradat u l-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani
P7_TA(2013)0102RC-B7-0154/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-każ ta’ Arafat Jaradat u s-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani (2013/2563(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tat-4 ta Settembru 2008 dwar il-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani(1) u tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Ġerusalemm tal-Lvant(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Frar 2013 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar il-kundizzjoni tal-persuni li kienu fuq strajk tal-ġuħ fl-Iżrael;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE tat-8 ta’ Mejju 2012 dwar il-priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael), u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tad-19 ta’ Frar 2013 fejn esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ fl-Iżrael, mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tat-13 ta’ Frar 2013 dwar id-detenuti Palestinjani, u mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-Territorji Palestinjani Okkupati, Richard Falk, tas-27 ta’ Frar 2013 dwar il-mewt tal-priġunier Arafat Jaradat,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF ta’ Frar 2013 bit-titolu “Children in Israeli Military Detention: Observations and Recommendations’ (Tfal f’Detenzjoni Militari Iżraeljana: Osservazzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet),

–  wara li kkunsidra r-Regoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-18 ta’ Frar 2013 Arafat Jaradat ġie arrestat fuq suspetti li tefa’ ġebel lejn miri Iżraeljani, u billi hu miet fit-23 ta’ Frar 2013 fil-ħabs Megiddo; billi l-kawża tal-mewta tiegħu hija kkontestata; billi l-awtoritajiet Izraeljani jsostni li hu miet attakk ta' qalb, u billi l-emorraġiji u l-kustilji mkisra misjuba matul l-awtopsja huma karatteristiċi ta’ attentati biex jinġieb lura li twettqu mill-personal tal-ħabs; billi, fuq il-bażi ta’ din l-awtopsja, l-awtoritajiet Palestinjani jsostnu li huwa miet minħabba t-tortura li huwa rċieva;

B.  billi kważi kollha mill-4 5000 priġunier Palestinjan miżmuma fl-Iżrael ħadu sehem fl-istrajk tal-ġuħ, irrifjutaw l-ikel bi protesta kontra l-mewta tas-Sur Jaradat; billi kien hemm kunflitti fit-toroq tax-Xatt tal-Punent dawn l-aħħar ġranet hekk kif il-Palestinjani ddenunzjaw il-kundizzjonijiet tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani;

C.  billi l-kwistjoni tal-prinġunieri u d-detenuti Palestinjani għandha implikazzjonijiet politiċi, soċjali u umanitarji ta’ portata kbira; billi l-priġunieri politiċi u ex-detenuti Palestinjani għandhom rwol prominenti fis-soċjetà Palestinjana; billi aktar minn 4 800 priġunier u detenut Palestinjan, inklużi ħafna nisa u tfal, aktar minn 400 priġunier ta’ qabel il-ftehimiet ta' Oslo u 15-il membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, qed jinżammu mill-Iżrael; billi 178 minnhom qed jinżammu f’detenzjoni amministrattiva, inklużi 9 membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan; billi, skont dikjarazzjoni magħmula mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Palestinjani u Iżraeljani f’Marzu 2013, tal-anqas 71 priġunier Palestinjan mietu minħabba tortura fiċ-ċentri ta’ detenzjoni Iżraeljani mill-1967;

D.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Punent u minn Gaża qed jinżammu f'ħabsijiet li jinsabu f'territorju Iżraeljan, billi għall-maġġoranza l-kbira tagħhom huwa ta’ spiss impossibbli jew diffiċli ħafna li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirċievu zjarat mill-familjari tagħhom;

E.  billi l-ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva min-naħa tal-awtoritajiet militari jippermettu d-detenzjoni mingħajr akkuża jew proċess fuq il-bażi ta’ evidenza li mhijiex aċċessibbli għad-detenuti u għall-avukati tagħhom, u billi tali ordnijiet jistgħu jkunu sa 6 xhur u jistgħu jiġu mġedda b'mod indefinit; billi l-Qorti Suprema tal-Iżrael riċentement ikkritikat il-qrati militari u l-korp tal-armata tal-avukat ġenerali militari għall-azzjonijiet tagħhom fir-rigward l-estensjoni tal-ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva;

F.  billi l-priġunieri politiċi Palestinjani marru fuq diversi strajks tal-ġuħ li involvew mijiet ta’ priġunieri għal kull darba; billi diversi detenuti Palestinjani għadhom fuq strajk tal-ġuħ estiż;

G.  billi l-priġunieri nisa huma grupp partikolarment vulnerabbli ta’ detenuti Palestinjani;

H.  billi huwa stmat li 700 tifel/tifla Palestinjani huma arrestati mill-forzi ta’ sigurtà Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent kull sena; billi, skont ir-reviżjoni tal-prattiki tal-UNICEF ta’ Frar 2013 fir-rigward tat-tfal Palestinjani li ġew f’kuntatt mas-sistema ta’ detenzjoni militari Iżraeljana, it-trattament ħażin ta’ dawn it-tfal jidher li huwa diffuż u sistematiku;

I.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael, skont l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni, huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji demokratiċi li jikkostitwixxu element essenzjali ta' dak il-ftehim; billi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi umanitarja internazzjonali huma fost il-valuri komuni għall-partijiet,

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu fir-rigward tal-mewt tal-priġunier Palestinjan Arafat Jaradat fit-23 ta’ Frar 2013 meta kien fil-kustodja Iżralejana, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu;

2.  Jinsab imħasseb sew dwar it-tensjonijiet il-ġodda fix-Xatt tal-Punent wara l-mewt tas-Sur Jaradat fil-ħabs Megiddo f’ċirkustanzi kkontestati; jappella lill-partijiet kollha jeżerċitaw il-moderazzjoni massima u jżommu ruħhom milli jwettqu azzjonijiet provokattivi sabiex tiġi evitata aktar vjolenza, u jieħdu passi pożittivi sabiex tiġi stabbilita l-verità u jitnaqqsu t-tensjonijiet;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jniedu mingħajr dewmien investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali u trasparenti fuq iċ-ċirkustanzi tal-mewta tas-Sur Jaradat u fuq l-allegazzjonijiet ta’ tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degrandanti tal-priġunieri Palestinjani

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tħassib leġittimu ta’ sigurtà tal-Iżrael; jemmen, madankollu, li l-istat tad-dritt irid ikun irrispettat bis-sħiħ fit-trattament tal-priġunieri kollha, peress li dan huwa pass kruċjali għall-pajjiż demokratiku; jistieden, għalhekk, lill-Gvern Iżraeljan jirrispetta d-drittijiet tal-priġunieri Palestinjani u jipproteġi saħħithom u ħajjithom;

5.  Jinsab imħasseb dwar id-detenuti Palestinjani miżmuma f’detenzjoni amministrattiva mingħajr akkuża; jenfasizza li dawn id-detenuti għandhom jiġu akkużati u pproċessati, bil-garanziji ġudizzjarji skont l-istandards internazzjonali, jew inkella dawn għandhom jinħelsu;

6.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni immedjata tad-drittijiet tal-priġunieri għal żjarat mill-familjari tagħhom u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex dan id-dritt jiġi eżerċitat;

7.  Jesprimi t-tħassib profond dwar is-sitwazzjoni u l-kundizzjoni ta’ saħħa tad-detenuti Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ estiż; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar biex isalvaw il-ħajja tal-priġunieri/detenuti li huma f’kundizzjoni kritika u jħeġġeġ lill-Iżrael jipprovdi dawk kollha fuq strajk tal-ġuħ b’aċċess mhux ristrett għal kura medika adegwata;

8.  Jappella għal darb’oħra għar-rilaxx immedjat tal-priġunieri li huma membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, inkluż Marwan Barghouti;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jiżguraw li l-priġunieri u d-detenuti li huma nisa u tfal Palestinjani jirċievu l-protezzjoni u t-trattament adegwati b’mod konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li għalihom l-Iżrael huwa kontraenti;

10.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib se jsir minnhom il-priġunieri u d-detenturi Palestinjani, inklużi n-nisa u t-tfal, u biex din il-kwistjoni titqajjem fil-livelli kollha ta’ djalogu politiku mal-Iżrael; jinsisti li din il-kwistjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport ta’ progress tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li ġej dwar l-Iżrael;

11.  Jappella għal missjoni ta' tiftix tal-fatti mill-Parlament sabiex jiġi evalwata s-sitwazzjoni kurrenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-priġunieri Palestinjani, inklużi n-nisa u t-tfal, u l-użu tad-detenzjoni amministrattiva;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin, lill-Kunsill, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.

(1) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 47.
(2) Testi adottati P7_TA(2012)0298.

Avviż legali - Politika tal-privatezza