Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) (COM(2010)0521 – C7-0302/2010 – 2010/0275(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0521),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0302/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8 ta' Frar 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0056/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sostanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2013 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 526/2013.)