Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni FEG/2011/010 AT/Austria Tabak mill-Awstrija) (COM(2013)0119 – C7-0059/2013 – 2013/2048(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0119 – C7-0059/2013),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), (IIA tal-17 ta’ Mejju 2006) u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (r-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 28 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0134/2013),
A. billi l-Unjoni Ewropea bil-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) tagħha stabbiliet strument leġiżlattiv u baġitarju biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna ħalli jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 sal-30 ta’ Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;
D. billi l-Awstrija ressqet l-applikazzjoni FEG/2011/010 AT/Austria Tabak għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għat-320 sensja fil-kumpanija Austria Tabak GmbH u 14-il fornitur u produttur downstream flimkien ma' 270 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-20 ta' Awwissu 2011 sad-19 ta' Diċembru 2011,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, l-Awstrija għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota b'dispjaċir li l-awtoritajiet Awstrijaċi ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fl-20 ta' Diċembru 2011, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta' Marzu 2013; jiddispjaċih dwar il-perjodu ta’ valutazzjoni twil ta’ 15-il xahar; jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi l-fażi ta' evalwazzjoni u fl-aħħar tippreżenta l-proposti għal deċiżjonijiet fir-rigward tal-erba' każi li għad fadal minn dawk imressqa fl-2011;
3. Jinnota li s-sensji kienu kkawżati mill-għeluq tal-aħħar impjant ta' produzzjoni li kien fadal ta' Austria Tabak f'Hainburg fid-distrett ta' Bruck an der Leitha (Niederösterreich) wara deċiżjoni li ttieħdet f'Mejju 2011 mis-sidien tagħhom, Japan Tobacco International (JTI)(3); jinnota li din il-fabbrika tas-sigaretti ngħalqet f’fażijiet mit-tieni semestru tal-2011 sa nofs l-2012 li rriżulta f'total ta' 320 ħaddiema li ngħataw is-sensja;
4. Jenfasizza l-fatt li l-għeluq ta' Austria Tabak, li kienet it-tieni l-akbar impjegatur fid-distrett ta' Bruck an der Leitha, b'ħafna impriżi żgħar marbuta mal-kumpanija, qiegħed lid-distrett f'sitwazzjoni partikolarment diffiċli; jinnota li f'Settembru 2011, in-numru ta' offerti ta' xogħol kien naqas kważi b'nofs (-47 %) meta mqabbel mal-istess xhar fis-sena ta' qabel, filwaqt li għal Niederösterreich (livell NUTS II) u fil-livell nazzjonali, dan it-tnaqqis kien ħafna iżjed baxx (-4 % u -7 %, rispettivament); barra minn hekk, jirreferi għal data statistika li turi li diġà mill-2006 sal-2010, dan ir-reġjun kellu l-ogħla ċifri ta' qgħad fost is-seba' reġjuni ta' NUTS III ta' Niederösterreich(4), għalhekk, għall-ħaddiema ssensjati, mhijiex għażla faċli li jmorru f'żoni oħra, u l-fatt li ħafna minnhom kellhom xogħlijiet li relattivament iħallsu ftit ifisser li bidu ġdid ikun aktar diffiċli;
5. Ifakkar li fil-livell NUTS II, il-Land ta' Niederösterreich ukoll intlaqaqt minn sensji tal-massa li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet FEG lill-Kummissjoni: 704 sensji fis-settur tal-metall fl-2009(5) u 1 274 sensja relatata mas-settur tat-trasport stradali fl-2010(6);
6. Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Awstrijaċi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri personalizzati fil-15 ta' Novembru 2011, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;
7. Jikkonstata li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għall-finanzjament jinkludi r-reintegrazzjoni ta' 270 impjegat f'impjieg bħal parir dwar il-karriera, assistenza għat-tiftix għal impjieg, konsulenza dwar l-impjieg, tipi varji ta' miżuri ta' taħriġ u kwalifiki, inkluż taħriġ fi skejjel tekniċi jew vokazzjonali ogħla, apprendistat/internships f'impriżi, taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol, appoġġ intensiv għal ħaddiema b'età 'l fuq minn 50 sena kif ukoll konċessjonijet għas-sussistenza waqt it-taħriġ u waqt it-tiftix attiv għal impjieg;
8. Jilqa' pożittivament il-fatt li s-sħab soċjali ġew ikkonsultati fuq it-tfassil tal-miżuri tal-pakkett koordinat tal-FEG u li ġiet applikata, u ser tiġi applikata, politika ta' parità bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni matul id-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;
9. Jilqa' l-fatt li l-miżuri appoġġati mill-FEG se jkunu pprovduti lill-ħaddiema permezz ta' fondazzjoni tax-xogħol stabbilita bħala parti minn pjan soċjali li sar qbil dwaru mas-sħab soċjali; ifakkar li l-fondazzjonijiet tax-xogħol huma istituzzjonijiet stabbiliti minn imsieħba soċjali settorjali bil-ħsieb li jakkumpanjaw ħaddiema f'tibdil industrijali b'miżuri ta' taħriġ sabiex itejbu l-impjegabilità tagħhom; ifakkar, barra minn hekk, li dan il-mudell dwar kif jiġu pprovduti miżuri tas-suq tax-xogħol attivi kellu suċċess kbir fil-passat fir-rigward tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u l-użu tal-fondi FEG għal dan l-iskop;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Awstrijaċi jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-appoġġ mill-FEG u jinkoraġġixxu lill-ammont massimu ta' ħaddiema jieħdu sehem fil-miżuri;
11. Jilqa' l-pakkett ikkoordinat propost ta' servizzi personalizzati u d-deskrizzjonijiet dettaljati tal-miżuri ppreżentati fil-proposta tal-Kummissjoni; jilqa' l-fatt li t-taħriġ offrut huwa kkombinat mal-prospetti ekonomiċi futuri u mal-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa għal ġejjieni fir-reġjun;
12. Ifakkar fl-importanza tat-titjib fl-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karrieri professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għal-livell u għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;
13. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kumpens għas-sussistenza għall-ħaddiema għat-taħriġ u t-tiftix ta' impjieg li jingħad li jammonta għal EUR 1 000 fix-xahar għal kull ħaddiem (ikkalkolat għal 13-il xahar, il-benefiċċju għall-qgħad se jitwaqqaf matul dak il-perjodu) li se jkun ikkombinat ma' konċessjoni għat-taħriġ ta' EUR 200 fix-xahar għal kull ħaddiem ; ifakkar li l-FEG fil-futur għandu jkun allokat primarjament għat-tħariġ u għat-tiftix ta' impjieg kif ukoll għall-programmi ta' orjentament professjonali u l-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu għall-allowances għandha dejjem tkun ta' natura addizzjonali u parallela għal dik disponibbli għall-ħaddiema ssensjati bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;
14. Jiddispjaċih li EUR 4 266 000 tal-ispiża totali tal-pakkett li jammonta għal EUR 5 864 615 hu ddedikat għal konċessjonijiet finanzjarji varji, proporzjon simili għal każijiet preċedenti; jirrakkomanda li jiġi ddedikat ammont proporzjonat għall-miżuri relatati mat-taħriġ fil-mobilizzazzjonijiet tal-futur;
15. Jikkonstata li l-informazzjoni mogħtija dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għall-finanzjament mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jiġi integrat aktar titjib proċedurali fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni il-ġdid (2014-2020) u li jinkisbu effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà akbar tal-FEG;
17. Ifakkar fl-impenn min-naħa tal-istituzzjonijiet biex jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien, orjentat lejn l-għajnuna favur il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jiżvolġi l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;
18. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jenfasizza, barra minn hekk, li l-assistenza tal-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi għas-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma l-kompetenza tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi l-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
19. Jilqa' l-fatt li wara talbiet mill-Parlament, il-baġit 2013 juri approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 50 000 000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li, għalhekk, jistħoqqlu allokazzjoni speċifika, li tevita kemm jista' jkun trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi politiċi tal-FEG;
20. Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jimblokka l-proroga tad-“deroga marbuta mal-kriżi”, li tippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat tal-kriżi ekonomika attwali, flimkien ma' dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fl-andament kummerċjali globali u li tippermetti żieda fir-rata tal-kofinanzjament tal-Unjoni ta' 65 % tal-ispejjeż tal-programm għall-applikazzjonijiet imressqa wara l-iskadenza tal-30 ta' Diċembru 2011; jitlob lill-Kunsill jerġa' jintroduċi din il-miżura mingħajr dewmien;
21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
JTI b'sede f'Ġinevra tappartjeni għal Japan Tobacco Inc., il-Ġappun hu wieħed mill-akbar korporazzjonijiet tat-tabakk (fl-2007: 10,8 % tas-suq dinji), wara l-Korporazzjoni Nazzjonali tat-Tabakk taċ-Ċina (fl-2007: 32 %), Philip Morris International (fl-2007: 18,7 %), u British American Tobacco (fl-2007: 17,1 %). Attwalment JTI topera f'120 pajjiż filwaqt li timpjega 25 000 persuna.
FEG/2011/001 AT/Niederösterreich-Oberösterreich, (ĠU L 317, 30.11.2011, p. 28).
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2011/010 AT/Austria Tabak mill-Awstrija)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2013/276/UE.)