Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju (COM(2011)0453 – C7-0210/2011 – 2011/0203(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0453),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0210/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mill-Kamra tad-Deputati Rumena u mill-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta' Jannar 2012(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Marzu 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0170/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni tal-Parlament mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2013 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Direttiva 2013/36/UE.)
ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Parlament
B'dan qed ikun iddikjarat li l-qbil milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar id-Direttiva ġdida dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital li jkun qed jagħti drittijiet lill-Kummissjoni, fuq talba mill-ABE bil-ħsieb tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 jew fuq inizjattiva tagħha stess, li l-Istati Membri jintalbu jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhhom u din id-Direttiva, ma għandux jikkostitwixxi preċedent għal negozjati dwar atti leġislattivi f'oqsma oħra ta' politika.
Din is-soluzzjoni speċifika hi meħtieġa minħabba ċirkostanzi partikolari marbuta mal-Arkitettura Superviżorja Ewropea. Il-ħruġ ta' dokumenti ta' spjegazzjoni għandu, bħala regola ġenerali, ikompli jsir f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.