Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (2010/2043(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 19(1) u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(1),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE għall-assigurazzjoni, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats)(2),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats)(3),
– wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ Diċembru 2010 bit-titolu “Regoli tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Kif inhuma trasposti fil-liġi nazzjonali?”,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ Lulju 2009 bit-titolu “Id-Diskriminazzjoni Sesswali fl-Aċċess għal u l-Provvista ta’ Merkanzija u Servizzi u t-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE”,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ Ġunju 2011 bl-isem “Il-persuni transsesswali u intersesswali: Diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru , ta’ identità tal-ġeneru u ta’ espressjoni tal-ġeneru’,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Prinċipju ta’ Trattament Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel fir-rigward ta’ l-Aċċess għall-Prodotti u għas-Servizzi u l-Proviżjoni tagħhom(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-valutazzjoni tar-riżultati tal-Pjan Direzzjonali 2006-2010 għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u r-rakkomandazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0044/2013),
A. billi d-direttiva tipprojbixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta bbażata fuq il-ġeneru fl-aċċess għal merkanzija u servizzi disponibbli għall-pubbliku u fil-provvista tagħhom, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat;
B. billi d-direttiva tindirizza aspetti li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru barra mis-suq tax-xogħol;
C. billi t-trattament inqas favorevoli tan-nisa għal raġunijiet ta’ tqala u maternità huwa pprojbit ukoll, kif ukoll il-fastidju u l-fastidju sesswali u l-istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kull fejn jiġu offruti jew fornuti prodotti ta’ merkanzija jew servizzi;
D. billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, se tittieħed azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li tirrikjedi l-unanimità fil-Kunsill u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE);
E. billi skont l-informazzjoni disponibbli, id-direttiva ġiet trasposta fil-maġġoranza tal-Istati Membri jew permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, jew inkella permezz tal-emendar tal-leġiżlazzjoni eżistenti f’dan il-qasam;
F. billi f’xi Stati Membri t-traspożizzjoni kienet inkompleta jew id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ġiet posposta;
G. billi f’xi każijiet il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li tirrikjedi d-direttiva billi tkopri wkoll l-edukazzjoni jew id-diskriminazzjoni fir-rigward tal-midja u r-reklamar;
H. billi l-esklużjoni fakultattiva stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva ħolqot inċertezza ġuridika u sfidi ġuridiċi potenzjali fil-ġejjieni 'l bogħod;
I. billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, li, skont id-direttiva, suppost li ħareġ fl-2010, ġie pospost għal sa mhux aktar tard mill-2014;
J. billi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats) iddikjarat li l-Artikolu 5(2) ta' din id-direttiva li jipprovdi deroga għall-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati jaħdem kontra l-ilħuq tal-objettiv tat-trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u huwa inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
K. billi d-dispożizzjoni kkonċernata konsegwentement titqies li hi invalida hekk kif jiskadi l-perjodu tranżitorju xieraq, f’dan il-każ b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012;
L. billi fit-22 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida mhux vinkolanti mmirati biex jiċċaraw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati;
M. billi, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneri u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-identità tal-ġeneru jistgħu jammontaw għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru(6) fil-politika u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
1. Jiddispjaċih minħabba l-fatt li l-Kummissjoni la ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE u lanqas ippubblikat data aġġornata dwar il-proċessi ta' implimentazzjoni nazzjonali li għaddejjin bħalissa;
2. Jagħraf il-fatt li d-deċiżjoni Test-Achats seta' kellha impatt fuq il-proċessi ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, imma jinnota li din waħedha ma tistax tiġġustifika l-fatt li r-rapport mitlub mid-direttiva naqas milli jiġi ppubblikat fil-ħin;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport tagħha u d-data disponibbli kollha mill-aktar fis possibbli;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti ħalli jispjegaw id-direttiva u l-impatt tagħha, b'eżempji konkreti, biex ikun żgurat li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jagħmlu tagħhom għalkollox id-direttiva u jużawha b’mod xieraq bħala għodda effettiva għas-salvagwardja ta’ jeddijiethom fir-rigward tat-trattament ugwali fl-aċċess għall-beni u għas-servizzi kollha;
5. Jilqa’ d-deċiżjoni Test-Achats, imma jqis li din ħolqot inċertezza li għaddejja kontinwament fis-suq tal-assigurazzjoni; jistenna li l-iżvilupp ta’ kriterji unisex se jirriżulta f’iffissar ta’ prezzijiet ibbażat fuq fatturi tar-riskju multipli li jkun jirrifletti b’mod ġust il-livell ta’ riskju tal-individwi ikun xi jkun il-ġeneru, u jidentifika d-diskriminazzjoni potenzjali bbażata fuq il-ġeneru;
6. Iqis li l-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni – fl-assenza ta' effett vinkolanti jew leġiżlattiv – ma neħħewx din l-inċertezza għalkollox;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi prattiċi biex tindirizza l-problema billi tipproponi test leġiżlattiv ġdid li jkun konformi għalkollox mal-linji gwida;
8. Jinnota li l-industrija tal-assigurazzjoni għandha tibqa’ tagħmel sforz ħalli tirranġa mill-ġdid il-premjums skont kriterji unisex billi tapplika kalkoli attwarji fuq il-bażi ta’ fatturi oħra;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-metodoloġija li se tuża biex tkejjel l-effetti tad-deċiżjoni Test-Achats dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu mill-qrib l-iżviluppi fis-suq tal-assigurazzjoni, u jekk ikun hemm xi sinjali ta’ diskriminazzjoni indiretta de facto, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jindirizzaw il-problema u biex tiġi evitata ż-żieda mhix ġustifikata fil-prezzijiet;
13. Jenfasizza li din id-direttiva mhijiex limitata biss għall-qasam tal-assigurazzjoni u li l-ambitu u l-potenzjal usa' tagħha għall-progress fir-rigward tal-aċċess għall-beni u s-servizzi kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata jeħtieġ li jiġu spjegati fid-dettall bil-għan li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu kapaċi jifhmu għalkollox sa fejn tkopri u x’inhu l-fini tagħha, u konsegwentement ikunu jistgħu jagħmlu użu xieraq tal-karatteristiċi u l-possibilitajiet tagħha;
14. Jinnota li d-dispożizzjoni relatata mat-tibdil fl-oneru tal-provi ġiet implimentata fil-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-Istati Membri kollha;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-każijiet ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tat-tqala, l-ippjanar tal-maternità, u l-maternità fir-rigward, pereżempju, tas-settur tad-djar (kiri) jew diffikultajiet biex dik li tkun tikseb self, kif ukoll l-aċċess għall-beni u s-servizzi mediċi, b’mod partikolari l-aċċess għal kura tas-saħħa riproduttiva u għal trattament ta’ riassenjament tal-ġeneru li jkunu disponibbli legalment;
16. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja partikolarment mill-qrib kwalunkwe diskriminazzjoni relatata mat-treddigħ inkluża l-possibbli diskriminazzjoni fl-aċċess għall-beni u s-servizzi fl-ispazji u ż-żoni pubbliċi;
17. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva fir-rigward tan-nisa tqal li jkunu qed ifittxu l-asil u li jkunu qed jistennew l-eżitu tat-talba ta' asil tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat li dawn in-nisa jkunu koperti bil-kuntratti u l-prodotti ikkonċernati;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tinkludi bis-sħiħ id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni futuri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
19. Jinnota b’diżappunt li f’xi Stati Membri l-imprendituri nisa, b’mod partikolari l-ommijiet waħedhom, ta' spiss issir diskriminazzjoni kontra tagħhom meta jippruvaw jiksbu self jew kreditu għan-negozji tagħhom u ta' spiss għadhom ukoll iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel imsejjes fuq stereotipi tal-ġeneru;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor l-aħjar prattiki u tagħmilhom disponibbli għall-Istati Membri bil-għan li tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex tiġi appoġġjata l-azzjoni pożittiva u tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet rispettivi fil-livell nazzjonali;
21. Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ effettività ta’ xi korpi tal-ugwaljanza minħabba li għandhom nuqqas ta’ ħila proprja li jieħdu azzjoni, nuqqas ta’ persunal u nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji adegwati;
22. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kif suppost u b’mod eżatt is-sitwazzjoni tal-“korpi tal-ugwaljanza’ stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, u tara jekk ikunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jagħmel enfasi partikolari fuq il-fatt li l-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa ma tistax tintuża biex tiġġustifika n-nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament xieraq tal-korpi tal-ugwaljanza;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata data u li jkun hemm aktar trasparenza mill-Kummissjoni dwar il-proċeduri u l-azzjonijiet ta’ ksur li għaddejjin bħalissa;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ta’ data pubblika tal-leġiżlazzjoni u tal-każistika li jirrelataw mad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitjieb il-ħarsien għall-vittmi tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru;
25. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jkun hemm appoġġ finanzjarju għal taħriġ ulterjuri għall-ġuristi li jkunu attivi fil-qasam tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, kif ukoll li jsir koordinament mill-UE ta’ dan it-taħriġ, filwaqt li jitqies ir-rwol li jitwettaq mill-qrati nazzjonali;
26. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li d-direttiva tiġi trasposta b'mod li jkun f'waqtu fl-Istati Membri kollha;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Kawża C-13/94 (P. v S. and Cornwall County Council); Kawża C-117/01 (K.B. v National Health Service Pensions Agency and Secretary of State for Health); Kawża C-423/04 (Sarah Margaret Richards v Secretary of State for Work and Pensions)