Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2868(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0090/2013

Testi mressqa :

B7-0090/2013

Dibattiti :

PV 17/04/2013 - 15
CRE 17/04/2013 - 15

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2013 - 5.10
CRE 18/04/2013 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0186

Testi adottati
PDF 309kWORD 47k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2013 - Strasburgu
Rapport ta' progress 2012 dwar is-Serbja
P7_TA(2013)0186B7-0090/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar is-Serbja (2012/2868(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, approvat mill-Parlament Ewropew fid-19 ta' Jannar 2011 u li jinsab fl-istadju finali ta’ ratifika mill-Istati Membri, il-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2010, u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xi proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-KE u s-Serbja: proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim u l-Ftehim Interim,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u r-revoka tad-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-28 ta' Frar 2012 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 li jistiednu lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2011 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2011 li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2012, kif approvati mill-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 bit-titolu ''Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012' (COM(2011)0666),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni tal-2012 dwar is-Serbja (SWD(2012)0333) tal-10 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2012-2013, tal-10 ta' Ottubru 2012 (COM(2012)0600),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo mad-dritt internazzjonali, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet favorevolment id-disponibilità tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-sitt Laqgħa Interparlamentari UE-Serbja tas-27-28 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' riammissjoni UE-Serbja tat-8 ta' Novembru 2007(3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa(4),

–  wara li kkunsidra t-tielet Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skont il-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2010, ippubblikat fit-28 ta' Awwissu 2012 (COM(2012)0472),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/361/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tad-19 ta' Settembru 2012 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali Limitata tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) li osservat l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali Serbi tas-6 u tal-20 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-1 ta' Awwissu 2012 tal-President tal-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-15 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Marzu 2012 ta lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat tal-UE, li jikkonferma mill-ġdid il-perspettiva Ewropea ċara tiegħu skont l-impenji tal-UE mar-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent;

B.  billi fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu wara l-Kunsill Ewropew ta’ Thessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 ittieħed impenn inekwivoku mal-Istati tal-Balkani tal-Punent kollha li dawn jistgħu jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea ġaladarba jissodisfaw il-kriterji stabbiliti; billi dan l-impenn ittenna fil-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2006 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2010, kif ukoll mil-laqgħa interministerjali UE-Balkani tal-Punent tat-2 ta’ Ġunju 2010;

C.  billi s-Serbja ħadet diversi passi lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, u għamlet sforzi biex tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi u l-kundizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

D.  billi min-naħa tal-UE, Stat Membru wieħed biss għadu ma rratifikax il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja;

E.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jingħaqad mal-UE, għandha tkun iġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha fit-twettiq, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-istess sensiela ta’ kriterji;

F.  billi s-Serbja qegħda f’pożizzjoni li ssir attur importanti għall-iżgurar tas-sigurtà u tal-istabilità fir-reġjun, u għandha żżomm u ttejjeb approċċ kostruttiv lejn il-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin mal-viċinat, għax dan hu essenzjali għall-proċess ta’ integrazzjoni tal-Ewropa;

G.  bill l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu ttrattati kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess ta' adeżjoni, bi spirtu kostruttiv u ta' ġirien tajba, u preferibbilment qabel il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, filwaqt li jitqiesu l-interessi u l-valuri ġenerali tal-UE; billi tali kwistjonijiet m’għandhomx jirrappreżentaw jew jintużaw bħala ostakolu fil-proċess tal-adeżjoni;

H.  billi l-gvern Serb il-ġdid afferma l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem għal integrazzjoni Ewropea; billi f'dan il-kuntest huwa meħtieġ li jinkisbu riżultati solidi fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi;

I.  billi l-Unjoni Ewropea poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

1.  Jilqa' t-talba tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport hekk kif is-Serbja tkun laħqet il-livell meħtieġ ta' konformità mal-kriterji ta’ sħubija u l-prijoritajiet ewlenin, sabiex in-negozjati għall-adeżjoni jinfetħu mingħajr aktar dewmien; jemmen bis-sħiħ li jista' jintlaħaq l-objettiv li n-negozjati ta' adeżjoni mal-UE jibdew f'Ġunju 2013; iħeġġeġ lis-Serbja tkompli bir-riformi demokratiċi, sistemiċi u soċjoekonomiċi li se jippermettulha taffaċċa u timplimenta l-obbligi tas-sħubija b'mod effettiv;

2.  Jilqa' l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parlamentari, lokali u presidenzjali bikrin li saru f’Mejju 2012, li kienu kkaratterizzati - skont l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE - minn rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-gvern jadotta r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fil-proċess elettorali;

3.  Jilqa' pożittivament l-impenn tal-gvern il-ġdid biex ikompli fi triqtu lejn l-integrazzjoni mal-UE u jenfasizza l-bżonn li jitwettqu riformi; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jimpenja ruħu bis-sħiħ fl-adozzjoni ta' riformi, partikolarment r-riformi ewlenin relatati mal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-midja, il-ħarsien tal-minoranzi kollha, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, ir-riformi ekonomiċi strutturali u t-titjib fl-ambjent tan-negozju;

4.  Jenfasizza li l-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja se jkun possibbli appena jiġu rispettati b'mod sodisfaċenti l-prijoritajiet fundamentali, u sakemm il-proċess ta' riforma jitkompla; jenfasizza li dan se juri kemm l-impenn tal-UE favur il-proċess ta’ tkabbir kif ukoll il-perspettiva tal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa’ l-progress kbir li għamlet is-Serbja biex tissodisfa l-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen, kif rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapport ta’ progress tagħha tal-2012, u jfakkar li progress ulterjuri fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea jiddependi fuq it-tkomplija tal-proċess ta’ riforma, u partikolarment il-garanzija tad-demokrazija u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, iż-żamma tal-istat tad-dritt, l-iżgurar ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni ugwali u impenjata tal-minoranzi kollha fis-Serbja skont standards Ewropej, iż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien u l-koperazzjoni reġjonali, inkluża riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjonijiet bilaterali, kif ukoll titjib fil-funzjonament tal-ekonomija tas-suq;

5.  Jenfasizza li l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE hija ta' importanza kruċjali għall-kwalità tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiż;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi taż-żewġ partijiet sal-mument li s-Serbja tissieħeb mal-UE; jinnota li s-Serbja kisbet sensiela ta’ riżultati pożittivi fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha taħt l-FSA u l-Ftehim Interim; jistieden lill-Istat Membru li għadu ma wettaqx għalkollox il-proċess ta’ ratifika tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni biex jagħmel dan b’ħeffa, biex dan il-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ mill-aktar fis ħalli r-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja jitjiebu u jingħataw spinta ulterjuri;

7.  Jilqa' l-progress li għamlet is-Serbja lejn l-issodisfar tal-kriterji politiċi ta' Kopenħagen, kif rikonoxxut fir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012; ifakkar li l-progress ulterjuri fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea jiddependi direttament mill-fatt li s-Serbja ssegwi t-triq irriversibbli tar-riformi u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill; jenfasizza li l-implimentazzjoni hija fundamentali;

8.  Jinnota b'dispjaċir li d-disà fażi tad-Djalogu ta' livell għoli bejn Belgrad u Pristina intemm mingħajr ftehim komprensiv dwar l-ambitu tal-awtorità tal-komunità tal-muniċipalitajiet Serbi; jistieden liż-żewġ partijiet jissuktaw u jintensifikaw it-taħditiet sabiex isibu soluzzjoni aċċettabbli għat-tnejn li huma u sostenibbli għall-kwistjonijiet pendenti kollha mill-aktar fis; jisħaq fuq il-fatt li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet hija fl-aqwa interess tas-Serbja u l-Kosovo u hija pass ewlieni għall-iżblukkar tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; jappella għall-implimentazzjoni totali tal-ftehimiet milħuqa s'issa miż-żewġ partijiet; jilqa' l-laqgħat bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u l-Kosovo, Ivica Dačić u Hashim Thaçi, bħala passi kruċjali lejn rikonċiljazzjoni ġenwina bejn is-Serbi u l-Kosovari u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo; ifaħħar ir-rwol u t-tmexxija proattivi tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President Catherine Ashton fl-iffaċilitar tad-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo; jistenna bil-ħerqa progress f'oqsma oħra, bħat-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fl-isforzi għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni ta’ persuni nieqsa; jilqa' l-istruzzjoni tal-gvern Serb dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni reġjonali inklussiva, id-deċiżjoni li jinħatar uffiċjal ta' kollegament għall-uffiċċju tal-UE fi Pristina u f’Belgrad, kif ukoll l-iffirmar tal-ftehim ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM) u l-ewwel passi lejn l-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lis-Serbja tkompli tikkoopera mal-EULEX fil-qasam tal-istat tad-dritt, u biex iżżid l-isforzi konġunti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jinkoraġġixxi lis-Serbja biex tikkoopera bis-sħiħ mat-Task Force Investigattiva Speċjali (SITF) tal-EULEX, u biex tassistiha fil-ħidma tagħha;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment tal-parlamenti u s-soċjetajiet ċivili tas-Serbja u l-Kosovo fil-proċess ta' djalogu; jenfasizza li r-riżultati tad-djalogu jeħtieġ li jiġu kkomunikati b'mod trasparenti u koerenti lill-pubbliku Serb u dak Kosovar biex tissaħħaħ il-kredibilità tal-proċess u jiżdied l-appoġġ pubbliku; jitlob li jsiru komunikazzjonijiet konġunti u konsultazzjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi fid-Djalogu fejn huwa xieraq, u li l-ftehimiet kollha milħuqa jiġu ppubblikati mhux biss bl-Ingliż, iżda wkoll bis-Serb u bl-Albaniż;

10.  Itenni li l-kunċetti ta' qsim fir-rigward tal-Kosovo jew kwlaunkwe pajjiż ieħor tal-Balkani tal-Punent imorru kontra l-ispirtu tal-integrazzjoni Ewropea; jitlob li jiġu xolti l-istituzzjonijiet paralleli miżmuma mill-istat tas-Serbja fit-Tramuntana tal-Kosovo, u partikolarment għall-irtirar tas-servizzi tas-sigurtà u organi ġudizzjarji; jenfasi l-importanza li jiġi żgurat l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun; itenni li l-appoġġ ekonomikujeħtieġ ikun trasparenza għalkollox, partikolarment il-finanzjament ta' skejjel u sptarijiet fit-Tramuntana tal-Kosovo; jenfasizza li kemm l-awtoritajiet Serbi kif ukoll dawk Kosovari jeħtieġ li jkomplu jaħdmu sabiex jassiguraw il-protezzjoni tal-minoranzi kollha u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà usa’;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni tas-Serbja mal-ICTY, li rriżultat f’konsenja tal-indagati kollha għal delitti tal-gwerra lit-Tribunal tal-Aja biex jiġu proċessati; jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni mat-Tribunal; jaqbel mal-appelli ripetuti min-naħa tal-Kap Prosekutur tal-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja għal investigazzjoni bir-reqqa u prosekuzzjoni tal-persuni involuti fin-netwerks ta' appoġġ li taw lok li l-latitanti jdumu tant żmien biex jinqabdu, partikolarment fis-servizzi ta' sigurtà militari u ċivili; jinnota li l-prosekuzzjonijiet domestiċi tad-delitti tal-gwerra pproċedew b'mod stabbli, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi trattata b'mod aktar vigoruż il-kwistjoni tal-persuni nieqsa; barra minn hekk jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw il-kredibilità u l-professjonalità tal-Programm tal-Protezzjoni tax-Xhieda (Witness Protection Programme - WPP) u jipprovdulu riżorsi adegwati sabiex il-ġudikatura tkun tista' tkompli b'mod effettiv il-proċedimenti tagħha fir-rigward tad-delitti tal-gwerra; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kien hemm numru ta' eks-uffiċjali tal-pulizija li volontarjament għażlu li jibqgħu barra mill-WPP minħabba n-nuqqasijiet konsiderevoli tiegħu;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet u l-mexxejja politiċi Serbi biex ma jagħmlux dikjarazzjonijiet u azzjonijiet li jimminaw l-awtorità u l-integrità tal-qorti, filwaqt li jistieden lis-Serbja żżomm il-wegħda tagħha u tibqa’ konsistentement impenjata lejn il-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent, minkejja d-diżappunt evidenti tal-opinjoni pubblika Serba dwar il-liberazzjonijiet riċenti fil-każijiet Gotovina, Markac u Haradinaj; jilqa' b’sodisfazzjon l-iffirmar tal-protokoll dwar il-kooperazzjoni fil-prosekuzzjoni ta' min iwettaq delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju bejn is-Serbja u l-Bosnja-Ħerzegovina;

13.  Jisħaq li għandhom isiru aktar sforzi mill-awtoritajiet biex tinkiseb ġustizzja għas-superstiti ta' vjolenza sesswali relatata mal-kunflitt, fis-Serbja u fi bnadi oħra tal-Balkani tal-Punent;

14.  Jilqa' l-impenn tal-gvern lejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, impenn li hu kruċjali għall-proċess ta’ integrazzjoni tas-Serbja fl-UE; jisħaq dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet indipendenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari l-Aġenzija ta’ Kontra l-Korruzzjoni u l-Prosekutur ta’ Kontra l-Korruzzjoni, u t-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-aġenziji; jistieden lill-awtoritajiet jiffinalizzaw l-Istrateġija Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni 2012-2016 u l-Pjan ta' Azzjoni korrispondenti u jiżguraw li l-Aġenzija ta’ Kontra l-Korruzzjoni jkollha rwol importanti fl-implimentazzjoni tagħhom bħala entità indipendenti; jisħaq li r-rieda politika hi kruċjali biex jinkisbu riżultati solidi fl-investigazzjoni u fil-kundanni ta’ ħtija f’każijiet ta' korruzzjoni bi profil għoli, inklużi l-24 każ ta’ privatizzjoni kontroversjali, u jittama li r-rwol speċjali u proattiv tal-Ewwel Deputat Prim Ministru f’dan il-qasam iħalli l-frott;

15.  Jinnota li s-Serbja qed tiżviluppa strateġija ġdida dwar ir-riforma ġudizzjarja, u jappoġġja l-isforzi li qed isiru biex titfassal sistema tal-qorti ġdida għal aktar effiċjenza u indipendenza tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi; jilqa' l-impenn min-naħa tal-gvern li jindirizza n-nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja, partikolarment billi jiggarantixxi li l-qafas legali ma jħallix lok għal influwenza politika indebita u jitratta l-kwistjonijiet tas-setgħa tal-Parlament li jaħtar imħallfin u prosekuturi u l-parteċipazzjoni politika diretta ta’ uffiċjali fix-xogħol tal-Kunsill Ġudizzjarju Għoli u tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Istat; jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni ta' kriterji ta' valutazzjoni ċari u trasparenti għall-imħallfin u l-prosekuturi maħtura, kriterji li se jiggarantixxu l-indipendenza u l-professjonalità tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, li jindirizzaw l-għadd dejjem jikber ta' każijiet li waqgħu lura; jinnota li l-Ministeru tal-Ġustizzja għadu responsabbli għan-nefqa kapitali, u jista’ jillimita aktar l-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-gvern biex jiffoka fuq il-kwalità tar-riforma, aktar milli fuq il-ħeffa, filwaqt li juża l-għarfien espert tekniku disponibbli barra mill-pajjiż; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal taħriġ professjonali inizjali u kontinwu għall-imħallfin u l-prosekuturi, wara l-bidliet estensivi li saru fil-leġiżlazzjoni;

16.  Itenni l-ħtieġa għal taħriġ kontinwu u komprensiv tal-prosekuturi u l-pulizija fir-rigward tat-twettiq ta’ investigazzjonijiet kumplessi, speċjalment dawk ta’ natura finanzjarja; jisħaq li l-muftieħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sistemika hu il-qtugħ tar-rabtiet bejn il-partiti politiċi, l-interessi privati u l-intrapriżi pubbliċi; jiġbed attenzjoni partikolari għall-ħtieġa ta’ trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi, u biex dan ikun miġjub konformi mal-istandards tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti; isostni li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza m'għandu fl-ebda waqt jiġi pperikolat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li l-whistleblowing huwa essenzjali biex jinqabdu każijiet ta’ korruzzjoni; jistieden, għalhekk, lill-gvern sabiex jippromulga u jimplimenta regoli għall-protezzjoni tal-informatur intern u biex jinkoraġġixxi b'mod attiv lin-nies biex jiddenunzjaw il-korruzzjoni fil-livelli kollha; ifakkar li kemm l-awtoritajiet u kemm il-midja għandhom jerfgħu r-responsabbiltà li jinfurmaw lill-pubbliku b'mod kredibbli dwar l-investigazzjonijiet dwar korruzzjoni li jkun għaddejjin, għan dan hu kundizzjoni neċessarja għall-operat b'suċċess u professjonali tal-ġudikatura u l-pulizija;

17.  Jitlob impenn politiku aktar qawwi fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari fl-iżgurar tat-tlestija tal-qafas leġislattiv u l-allinjament sħiħ tiegħu mal-standards internazzjonali;

18.  Jinnota l-isforzi tal-gvern il-ġdid biex jittratta t-tħassib espress mill-Parlament Ewropew dwar it-talba għal reviżjoni immedjata tal-Artikolu 359 tal-Kodiċi Kriminali, iżda jesprimi tħassib li l-istess dispożizzjonijiet ġew inklużi fl-Artikolu 234 tal-istess Kodiċi; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu l-ġdid 234 tal-Kodiċi Kriminali ma jridx jiġi applikat la għas-sidien ta' kumpaniji nazzjonali jew barranin u lanqas lil persuni responsabbli li jokkupaw karigi f’kumpaniji barranin barra s-Serbja, u jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu l-proċeduri kriminali kollha kontra tali persuni; jenfasizza li dan l-approċċ għandu jiġi applikat ukoll fir-riklassifikazzjoni tal-kawżi eżistenti, fuq bażi ta' każ b'każ, u li l-kawżi li jinvolvu assi ffriżati inġustament għandhom jiġu riżolti mill-aktar fis peress li għandhom implikazzjonijiet li jaggravaw is-sitwazzjoni ekonomika Serba;

19.  Jinsab imħasseb dwar l-inċertezza legali u politika dwar l-awtonomija ta’ Vojvodina u t-tensjonijiet politiċi li qed iqumu bejn l-awtoritajiet ċentrali u dawk provinċjali wara l-intenzjoni tal-Assemblea ta' Vojvodina li toħroġ dikjarazzjoni dwar l-awtonomija tal-provinċja; jistieden lill-Gvern Serb jagħti lura l-istatus quo ante u biex jirritratta miżuri ta' ċentralizzazzjoni u biex jibda negozjati immedjati mal-gvern tal-Provinċja Awtonoma sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jirrispettaw il-prinċipji tal-istat tad-dritt u s-sussidjarjetà; ifakkar lill-partijiet li skont il-Kostituzzjoni, il-liġi dwar il-finanzjament tal-Provinċja Awtonoma kellha tkun adottata sa tmiem l-2008; b'hekk iħeġġeġ lill-Gvern biex jabbozza tali liġi u jissottomettiha lill-Parlament mingħajr aktar dewmien, peress li dan huwa indispensabbli għall-funzjonament tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fis-Serbja;

20.  Jerġa’ jitlob rieżami tal-każijiet ta' ffriżar tal-assi mhux ġustifikat u ta’ taxxi miżjuda inadegwatament u applikati b'mod retroattiv fuq individwi u kumpaniji privati; jistieden lill-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Qorti Kostituzzjonali biex iwaqqaf immedjatament l-applikazzjoni selettiva tal-'liġi ta' taxxa ta' darba fuq il-profitt żejjed u l-proprjetà żejda akkwistata bit-teħid ta’ vantaġġ mill-benefiċċji speċjali', kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġijiet fiskali l-oħra li jippermettu li jiġu imposti multi kbar iżżejjed li jwasslu għall-falliment, qabel ma toħroġ id-deċiżjoni finali fil-proċedimenti tat-taxxa; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jagħtu kumpens ġust lill-persuni u l-kumpaniji privati affettwati;

21.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar inizjattivi leġislattivi kontradittorji bħall-bidliet li saru lil-liġi li tirregola l-Bank Nazzjonali introdotta f’Awwissu 2012 li jimminaw l-indipendenza u l-awtonomija ta’ dik l-istituzzjoni fil-konfront ta’ influwenza indebita min-naħa tal-gvern; jissottolinja li l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen jinkludu l-indipendenza tal-istituzjonijiet statali; jilqa' l-emendi sussegwenti adottati f’Novembru 2012 għall-bidliet tal-liġi msemmija hawn fuq, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u bl-għan li tkun żgurata aktar kontinwità tal-Bank Nazzjonali u li jonqos l-impatt tal-bdil tal-gvern fuq il-governanza tal-istess Bank;

22.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jeliminaw l-effetti tas-servizzi sigrieti Komunisti preċedenti, bħala pass għad-demokratizzazzjoni tas-Serbja; ifakkar l-importanza ta’ riforma ulterjuri tas-settur tas-sigurtà, u ta’ żieda fil-monitoraġġ u fl-iskrutinju parlamentari fuq is-servizzi tas-sigurtà, kif ukoll il-ftuħ tal-Arkivji Nazzjonali, u partikolarment li jkun permess l-aċċess għad-dokumenti tas-servizz tal-“intelligence” preċedenti, il-UDBA; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiffaċilitaw l-aċċess għal dawk l-arkivji li jikkonċernaw repubbliki oħra eks-Jugoslavi, u biex jagħtuhom lura lill-gvernijiet rispettivi jekk dawn jitolbu dan;

23.  Jilqa' ż-żieda gradwali fil-kontroll ċivili tas-servizzi tas-sigurtà; jinnota, madankollu, li l-qafas leġislattiv ġenerali mhuwiex koerenti, u għandu jinġieb aktar konformi mal-istandards Ewropej; jinsab imħasseb dwar it-tendenza ta’ aktar sorveljanza mhux awtorizzata; jistieden lill-awtoritajiet biex jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva u moderna bil-għan li jiġu definiti b'mod ċar il-mekkaniżmi ta’ kontroll ċivili tas-servizzi tas-sigurtà, kemm dawk ċivili u kemm militari; jinnota li l-ambigwità attwali fil-qafas legali li jiddefinixxi l-awtorità tas-servizzi tas-sigurtà tħalli lok għal influwenza politika indebita u ddgħajjef l-isforzi ġenerali biex jiġi stabbilit stat tad-dritt ġenwin fil-pajjiż;

24.  Huwa mħasseb dwar allegazzjonijiet ripetuti ta’ brutalità u abbuż tal-kariga min-naħa tal-pulizija, b'mod partikolari fil-bliet ta' Kragujevac, Vranje u Leskovac; ifakkar li l-indipendenza u l-professjonalità tal-istituzzjonijiet tal-istat huma parti mill-kriterji ta' Kopenħagen; f'dan ir-rigward, jitlob lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex terġa’ tinbena l-fiduċja pubblika fil-pulizija u biex jipproċedu kontra l-awturi tal-inċidenti allegati;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sorveljanza u kapaċità indipendenti għal skoperta bikrija ta' mġiba indebita u ta’ kunflitti ta' interess fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, il-ġestjoni ta' intrapriżi pubbliċi, proċeduri ta' privatizzazzjoni u l-infiq pubbliku, li bħalissa huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqasijiet proċedurali fil-ħolqien ta' Kummissjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Offerenti; jenfasizza li għandhom ikunu rikjesti l-ogħla standards ta' integrità għar-regolaturi indipendenti li jittrattaw l-akkwist pubbliku, minħabba li dan ġie identifikat bħala wieħed mis-sorsi ewlenin ta' korruzzjoni fil-pajjiż;

26.  Jilqa’ l-isforzi tas-Serbja fil-ġlieda kontra x-xiri ta’ logħob sportiv, u l-fatt li din il-prattika ġiet kriminalizzata permezz ta’ emenda fil-Kodiċi Ċivili;

27.  Jinnota b’sodisfazzjon li l-għajnuna tal-IPA tiffunzjona tajjeb fis-Serbja; jisħaq fuq l-importanza tal-fondi tal-IPA allokati f'Diċembru 2012 mill-Kummissjoni biex jappoġġaw l-isforzi tas-Serbja fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma tal-UE; jenfasizza l-fatt li dan il-finanzjament għandu jintuża biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-asil, u tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-korruzzjoni; iħeġġeġ kemm lill-gvern kif ukoll lill-UE biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-finanzjament tal-IPA bil-għan li jagħmluh aktar aċċessibbli għal benefiċjarji iżgħar u mhux ċentralizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm livell adegwat ta’ appoġġ ta’ qabel l-adeżjoni fir-rieżami li jmiss tal-qafas finanzjarju tal-UE;

28.  Jirrakkomanda li l-Liġi dwar ir-Restituzzjoni tiġi emendata biex jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment legali fir-rigward tar-restituzzjoni in natura;

29.  Jinnota li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fir-reġjun huma mifruxa, u jitlob li titfassal strateġija reġjonali u li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi sabiex dawn il-kwistjonijiet serji jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv;

30.  Iqis li tnedija bikrija tan-negozjati ta' adeżjoni għall-Kapitoli 23 u 24 ikunu ta’ benefiċċju għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u għall-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiksbu riżultati konkreti fil-qasam tal-ġustizzja flimkien ma’ progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u għal sensiela ta’ riżultati pożittivi f’każijiet ta’ korruzzjoni bi profil għoli;

31.  Ifakkar li midja b'saħħitha, professjonali u indipendenti hija element essenzjali ta' sistema demokratika; jistieden lill-awtoritajiet biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-mezzi ta' komunikazzjoni adottata f'Ottubru tal-2011 u l-pjanijiet ta' azzjoni li jakkumpanjawha; jinsab imħasseb ħafna dwar il-vjolenza u t-theddid kontinwi kontra l-ġurnalisti, partikolarment dawk li jinvestigaw il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li jsolvu l-każijiet tal-ġurnalisti maqtula fis-snin disgħin u elfejn bħala prova tal-impenn tal-gvern il-ġdid biex jiżgura l-istat tad-dritt u l-libertà tal-midja; jinsab imħasseb dwar tentattivi ta’ kontroll u ta’ indħil fis-settur tal-midja, u jappella lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-indipendenza tal-midja minn kwalunkwe pressjoni politika sabiex jipprovdu lill-ġurnalisti b’ambjent bla periklu biex iwettqu xogħolhom b'mod effettiv u mingħajr awtoċensura; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi kontra l-konċentrazzjoni tas-sjieda u n-nuqqas ta' trasparenza fil-midja kif ukoll sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għas-suq tar-reklamar - li s’issa kien iddominat minn għadd żgħir ħafna ta’ atturi ekonomiċi u politiċi - inkluż ir-rilaxx ta' fondi pubbliċi għal skopijiet ta’ reklamar u promozzjoni; jistieden lill-ġurnalisti jirrispettaw il-Kodiċi Deontoloġiku; jinnota li l-livell ta' aċċess għall-internet għadu baxx, jirrikonoxxi l-importanza tal-internet għal-libertà tal-midja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam; jinnota li r-rappurtar bil-mezzi tal-komunikazzjoni ta' matul il-kampanja elettorali ma ġiex analizzat kif xieraq, li jindika l-ħtieġa li tiġi ċċarata l-kwistjoni tas-sjieda tal-midja; jilqa' l-fatt li l-istrateġija tirrispetta d-drittijiet kostituzzjonali rigward il-midja bil-lingwi ta’ minoranzi, u jenfasizza li d-dritt li joperaw radju u televiżjoni pubbliċi reġjonali għandhom japplikaw ukoll fil-provinċja ta’ Vojvodina;

32.  Jilqa' r-rwol tal-korpi regolatorji indipendenti fit-titjib tal-effiċjenza u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jaħdmu biex joħolqu l-ogħla standards possibbli li jiżguraw il-koerenza tas-sistema legali u l-implimentazzjoni imparzjali tad-dispożizzjonijiet legali kollha; ifaħħar b’mod partikolari x-xogħol imwettaq mill-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu lill-Istituzzjoni Statali tal-Awditjar, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju għax-Xiri Pubbliku u l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-offerenti b’kapaċitajiet adegwati finanzjarji, amministrattivi u tal-uffiċċji biex jippermettilhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet isegwu s-sejbiet tal-Kunsill ta' Kontra l-Korruzzjoni, li kienu strumentali fil-kisba ta' attenzjoni pubblika dwar każijiet ta’ korruzzjoni ta' profil għoli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħtu spinta lis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi regolatorji indipendenti u jiżguraw l-indipendenza tal-Aġenzija tax-Xandir tar-Repubblika, kif ukoll in-natura sekulari tagħha; itenni li l-korpi regolatorji indipendenti huma essenzjali għas-suċċess tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sistematika u huma parti ċentrali fil-mekkaniżmu tal-verifika għal sorveljanza effettiv tal-gvern;

33.  Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni li tolqot lill-gruppi vulnerabbli tas-soċjetà, speċjalment il-minoranzi, persuni Roma, in-nisa, persuni LGBT u persuni b'diżabilità; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni b’ħeffa biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mal-acquis, b'mod partikolari fir-rigward tal-eċċezzjonijiet magħmula għall-istituzzjonijiet reliġjużi, l-obbligu li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli għal impjegati b'diżabilità, id-definizzjoni ta' diskriminazzjoni indiretta u r-rwol tal-NGOs fi proċeduri ġudizzjarji; innota b'dispjaċir li għadu ma ġiex stabbilit reġistru tal-proċessi u tal-kundanni definittivi għar-reati relatati mad-diskriminazzjoni; jistieden lill-mexxejja politiċi biex attivament jieħdu sehem f'kampanji li jippromwovu t-tolleranza, speċjalment fir-rigward tar-Rom, in-nisa, il-persuni b'diżabilità u l-popolazzjoni LGBT; jilqa' l-azzjonijiet pożittivi meħuda mill-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Ugwaljanza biex jippromwovu dawn il-valuri fis-soċjetà Serba;

34.  Jirrikonoxxi lin-nisa bħala aġenti importanti tal-bidla fis-soċjetà Serba; jinnota t-titjib fir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Serb wara l-elezzjonijiet tal-2012; jilqa' l-fatt li 84 minn 250 siġġu parlamentari imtlew minn nisa; madankollu, jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi biex jagħmlu aktar sforzi biex jiggarantixxu rappreżentazzjoni ugwali; jenfasizza li n-nisa għadhom qed jaffaċjaw diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u f'setturi oħra tas-soċjetà, u li għadhom mhumiex irrappreżentati bis-sħiħ fil-ħajja politika tal-pajjiż, inkluż f'pożizzjonijiet governattivi; huwa mħasseb li għalkemm ġew stabbiliti l-leġiżlazzjoni u l-korpi ta' implimentazzjoni kemm fir-rigward ta' kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, ma ġie rrappurtat l-ebda progress dwar l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel; jinnota li l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti u t-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva għadhom sfidi ewlenin, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi biex iżidu l-isforzi tagħhom għal dan il-għan;

35.  Jilqa' l-fatt li s-Serbja ffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni rapida u infurzar adegwat tal-konvenzjoni, peress li l-vjolenza kontra n-nisa xorta għadha toħloq tħassib;

36.  Jistieden lill-awtoritajiet jiffokaw fuq politiki biex jonqsu l-qgħad u l-faqar fost persuni b'diżabilità, u d-diskriminazzjoni kontrihom;

37.  Jinsab imħasseb dwar it-theddida għall-istat tad-dritt u s-sigurtà pubblika minn gruppi ta’ hooligans vjolenti fis-Serbja, speċjalment wara li l-gvern ħabbar li mhuwiex kapaċi jikkontrolla dawn il-gruppi meta kkanċella il-manifestazzjoni “Belgrade Pride’ f'Ottubru tal-2012; jistieden lill-Gvern Serb biex b’mod immedjat jieħdu azzjoni bi qbil mal-istituzzjonijiet tal-gvern u tas-sigurtà kollha rilevanti biex jassigura li dawn il-gruppi ma jibqgħux ta' theddida, u li l-membri ta' dawn il-gruppi li jwettqu xi forma ta' vjolenza jew attività kriminali jiġu proċessati;

38.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi biex jiggarantixxu s-sigurtà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għan-nisa (WHRD); jinsab imħasseb li fis-sena 2012 għadu jeżisti diskors ta' mibegħda, theddid u attakki fiżiċi, mhux l-inqas kontra attivisti tad-drittijiet LGBT u attivisti li jenfasizzaw l-importanza li l-imgħoddi jiġi ffaċċat;

39.  Jenfasizza l-importanza li b'mod sistematiku ikun ikkastigat diskors ta' mibegħda u l-ħtieġa li l-gvern jikkundanna d-diskors ta' mibegħda meta dan isir minn uffiċjali pubbliċi;

40.  Jikkundanna d-deċiżjoni tal-gvern li jipprojbixxi l-Parata “Belgrade Pride” li kellha ssir fis-6 ta' Ottubru 2012; jistieden lill-Awtoritajiet Serbi biex ifasslu u jimplimentaw pjan ta' azzjoni biex jiżdiedu l-għarfien u l-fehim tad-drittijiet LBGT, tiġi miġġielda l-omofobija u tittejjeb is-sigurtà, sabiex jiżguraw li fl-2013 u fis-snin ta' wara, il-Parata “Pride” jew inizjattivi oħra tali jkunu jistgħu isiru liberament, b'suċċess u mingħajr periklu; jistieden lill-awtoritajiet biex issaħħu l-impenn tagħhom għal-libertà tal-għaqda, b'mod partikolari billi b’mod effettiv jipprojbixxu organizzazzjonijiet tal-lemin estrem u organizzazzjonijiet informali ta' ammiraturi sportivi b’rabtiet mill-qrib mal-kriminalità organizzata; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jipprojbixxu żewġ organizzazzjonijiet ta’ dan it-tip;

41.  Jilqa' l-fatt li l-qafas leġislattiv fir-rigward tal-minoranzi nazzjonali, etniċi u kulturali fis-Serbja jeżisti; jisħaq, madankollu, li jinħtieġu aktar sforzi biex tiġi assigurata implimentazzjoni effettiva tiegħu fis-Serbja kolha;partikolarment fir-rigward tar-rappreżentazzjoni ġusta tal-minoranzi fl-amministrazzjoni pubblika, il-ġudikatura u l-pulizija; jinsisti li jinħtieġu miżuri aktar konsistenti u f'waqthom sabiex jiġi żgurat aċċess mhux ristrett għal edukazzjoni ta' kwalità bil-lingwi ta' minoranza fil-livell tal-istat u dak provinċjali, għax dan huwa meħtieġ għall-preservazzjoni tal-identità etnika u kulturali, u b’mod partikolari li jiġu provduti l-kotba kollha u l-materjal edukattivi ieħor meħtieġ; jistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-Kunsilli tal-Minorzi jingħataw is-sussudji baġitarji kollha meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja mill-qrib l-isforzi tas-Serbja f'dan il-qasam;

42.  Jinnota b'dispjaċir li mill-2009 sa llum, il-Kunsill Repubblikan għall-Minoranzi Nazzjonali ma kienx attiv; jistieden lill-awtoritajiet biex jiffaċilitaw in bona fede l-formazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali Bożnijaku kif ukoll l-integrazzjoni taż-żewġ Komunitajiet Islamiċi fil-pajjiż; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li Sandžak u n-Nofsinhar u x-Xlokk tas-Serbja, fejn jgħixu numru sinifikanti ta' minoranzi, huma reġjuni ekonomikament sottożviluppati li jeħtieġu aktar sforzi mill-awtoritajiet biex jiġi miġġieled il-livelli għolja ta’ qgħad u esklużjoni soċjali; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni tal-protokoll dwar il-minoranzi nazzjonali ffirmat mill-gvernijiet Rumeni u Serbi fi Brussell fl-1 ta' Marzu 2012; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex itejbu s-sitwazzjoni tal-minoranzi kollha, inklużi minoritajiet tar-Rom, Bożnijaċi, Albaniżi u Bulgari, li huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-kriżi ekonomika, u biex jiżguraw li l-qafas legali dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jiġi applikat b'mod konsistenti fis-Serbja kollha, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-lingwa u tad-drittijiet kulturali; jiddeplora l-inċidenti riċenti f’Vojvodina li jinvolvu attakki fuq minoranzi etniċi;jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet, b'mod partikolari lill-forzi tal-ordni, biex jinvestigaw id-dettalji kollha tal-każijiet ikkonċernati,

43.  Jinnota li l-ċensiment tal-2011 kien ippubblikat b'dewmien konsiderevoli, jinnota wkoll li l-enumerazzjoni ġiet fil-parti l-kbira bbojkottjata mill-popolazzjoni tan-Nofsinhar tas-Serbja li titkellem bl-Albaniż, u jistieden lill-awtoritajiet Serbi, partikolarment fil-livell lokali, biex ma jużawx il-bojkott imsemmi bħala pretest għal diskriminazzjoni kontra dawk li jitkellmu bl-Albaniż;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-pożizzjoni tal-popolazzjoni Rom; jirrikonoxxi li sar xi progress, bħaż-żieda fir-rata ta’ reġistrazzjoni tat-tfal Rom fis-sistema edukattiva, kif ukoll il-miżuri meħuda biex tiżdied l-inklużjoni soċjali tagħhom, bħall-appoġġ għar-reġistrazzjoni ta' persuni “legalment inviżibbli’; jisħaq, madankollu, li hemm ħtieġa ta' sforzi aktar konċentrati u mmirati biex itejbu l-istatus soċjoekonomiku tar-Rom, fosthom permezz tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom; jesprimi tħassib dwar il-fenomini kontinwi tad-diskriminazzjoni severa, l-esklużjoni soċjali, evizzjonijiet furzati u livell ogħli ta' qgħad, li jolqtu b’mod partikolari n-nisa Rom; barra minn hekk jinnota l-ħtieġa li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni tiġi armonizzata mal-politika tal-UE;

45.  Jilqa' l-passi importanti meħuda biex tiġi implimentata edukazzjoni inklussiva li twassal għal żieda fil-proporzjon ta’ tfal Rom rreġistrati fl-iskola primarja: illum il-ġurnata, tnejn minn kull tlett itfal Rom issa qed ilestu l-iskola, filwaqt li ftit snin ilu ftit aktar minn wieħed minn kull erbgħa kienu jagħmlu dan; jibqa' mħasseb dwar il-fatt li l-proporzjon ta’ tfal Rom li jattendu l-iskola sekondarja għadu baxx, u l-fatt li 70 fil-mija tat-tfal Rom mhux qed jattendu l-ebda skola; jistieden lill-gvern Serb biex jassigura li t-tfal u ż-żgħażagħ Rom kollha jingħataw opportunità indaqs jew ċans ieħor ħalli jirritornaw l-iskola; jenfasizza li aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità fit-tfulija bikrija huwa ta' importanza partikolari għal tfal li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u huwa importanti ħafna sabiex jinqered iċ-ċiklu interġenerazzjonali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota bi tħassib li t-tfal żgħar huma milquta b'mod sproporzjonat mill-kriżi ekonomika, kif rifless fiż-żieda drammatika fil-proporzjon tat-tfal li jgħixu fil-faqar assolut bejn l-2008 u l-2010; ifakkar li l-faqar fit-tfulija huwa assoċjat mill-qrib u konsistentement ma' stat ta’ saħħa fiżika inferjuri, indeboliment fl-iżvilupp konjittiv, nuqqas ta' progress fl-iskola u riskji soċjali li jissarrfu fi spejjeż akbar għas-sistema legali u s-sistema tal-protezzjoni ġudizzjarja; jistieden lill-gvern Serb jieħu azzjoni biex jindirizza l-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali;

46.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Serbi biex jittieħdu passi ulterjuri għall-kooperazzjoni transkonfinali mal-Istati tal-UE tal-viċinat jiġifieri l-Bulgarija, l-Ungerija u r-Rumanija, fosthom fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, sabiex jiġi ffaċilitat, fost oħrajn, l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni konfinali u żoni ppopolati mill-minoranzi; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tal-ftuħ ta' terminal għat-trakkijiet kummerċjali u l-merkanzija fil-punt tal-qsim tal-fruntiera Ribarci-Oltomantsi;

47.  Jilqa' l-progress li sar fir-riformi tas-sistema tal-kura tat-tfal u l-implimentazzjoni kontinwa tal-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali tal-2011; jinsab imħasseb dwar l-għadd li kulma jmur qed jiżdied ta' tfal fdati f’idejn is-servizzi ta' assistenza, u partikolarment dwar il-fatt li l-għadd ta' tfal b'diżabilità fl-istituzzjonijiet u ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali qed jonqos bil-mod wisq; barra minn hekk jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li qed jiżdiedu l-vjolenza tal-minorenni u l-vjolenza kontra t-tfal, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw protezzjoni sħiħa tad-drittijiet ta' tfal vulnerabbli, inklużi tfal Rom, tfal tat-triq u tfal foqra;

48.  Itenni l-importanza ċentrali tal-kooperazzjoni reġjonali għas-suċċess tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, minħabba li din turi r-rieda u l-ħila tal-istati kandidati li jissodisfaw l-obbligi ta’ Stat Membru tal-UE u li jipparteċipaw b’mod kostruttiv fl-iżvilupp ulterjuri tal-integrazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-istituzzjonijiet tal-UE; jilqa' l-ħidma li saret għar-rikonċiljazzjoni, u jemmen li s-Serbja għandha tkompli tiżvolġi rwol attiv u kostruttiv fir-reġjun u tkompli tfittex modi biex tirrikonoxxi s-sofferenza u tirrispetta d-dritt għall-verità u l-ġustizzja tal-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra, fosthom permezz ta’ appoġġ għat-twaqqif ta' RECOM (Kummissjoni Reġjonali għat-Tfittxija tal-Verità dwar id-Delitti tal-Gwerra u Ksur Serju Ieħor tad-Drittijiet tal-Bniedem f'dik li kienet il-Jugoslavja); ifakkar li r-rikonċiljazzjoni vera bejn in-nazzjonijiet u l-popli, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-relazzjonijiet tal-viċinat tajba bejn il-pajjiżi Ewropej huma essenzjali għall-paċi u l-istabbiltà sostenibbli, u jikkontribwixxu sostanzjalment għal proċess awtentiku ta' integrazzjoni Ewropea; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi biex jaħdmu mill-qrib mal-pajjiżi tal-eks-Jugoslavja favur ir-riżoluzzjoni tal-problemi pendenti kollha ta' suċċessjoni legali;

49.  Jiddeplora d-dikjarazzjonijiet tal-President Nikolic f’Lulju 2012 li fihom ċaħad li seħħ il-ġenoċidju ta' Srebrenica, u jħeġġu jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni u r-retorika tiegħu, sabiex tkun possibbli rikonċiljazzjoni awtentika u dejjiema; itenni li ma jistgħux jiġu miċħuda d-delitti tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew waqt il-kunflitti tad-disgħinijiet fl-eks Jugoslavja, u dan jinkludi l-ġenoċidju ta' Srebrenica, li ġie rikonoxxut fis-sejbiet u d-deċiżjonijiet tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja u tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

50.  Itenni l-appoġġ sod tiegħu għal-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jistieden lis-Serbja u lill-Istati Membri l-aktar milquta tal-UE biex jindirizzaw flimkien il-kwistjoni tal-applikanti għal asil foloz; ifakkar li din il-liberalizzazzjoni tirrappreżenta l-aktar kisba viżibbli u konkreta tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea fir-reġjun, jistedinhom jagħmlu kulma jistgħu biex jimplimentaw b’mod strett il-kriterji u l-miżuri kollha meħtieġa għal vjaġġar mingħajr viża lejn il-pajjiżi tax-Schengen; jisħaq li l-iffriżar tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jkun pass lura sinifikanti għall-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jibbenefikaw minnu; jinnota li s-Serbja għandha timpenja ruħha aktar mal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE fit-trattament ta' applikanti foloz għall-asil, anke permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranzi li l-membri tagħhom f’ħafna każijiet abbużaw mis-sistemi ta’ vjaġġar mingħajr viża u mill-politiki tal-asil ta’ xi stati membri; jistieden lill-Istati Membri li huma l-aktar milquta mill-influss ta' applikanti foloz għal asil sabiex jadottaw mekkaniżmi xierqa biex jittrattaw dawn il-każijiet, fuq kollox billi jikklassifikaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala “pajjiżi ta' oriġini sikuri”; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri sabiex jgħinu lis-Serbja fl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata b'rabta mat-traffikar ta' applikanti foloz għal asil; jinnota, barra minn hekk, li s-Serbja qed issir dejjem iżjed pajjiż li jilqa’ persuni li jfittxu asil, u għalhekk teħtieġ ġestjoni aktar effiċjenti tar-rikjesti ta’ asil; jenfasizza li huwa neċessarju li ċ-ċittadini jiġu infurmati debitament dwar il-limitazzjonijiet tar-reġim mingħajr viża sabiex jevitaw kwalunkwe tip ta' abbuż mill-libertà tal-ivvjaġġar u mill-politika tal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jinnota li din il-liberalizzazzjoni hija waħda mill-akbar kisbiet fil-progress reċenti tas-Serbja lejn l-UE, u li kwalunkwe sospensjoni ċertament iġġib magħha implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi negattivi;

51.  Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) attivi u indipendenti u tal-Parlament Serb għat-tisħiħ u l-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi fil-pajjiż; jenfasizza l-importanza tad-djalogu mas-CSOs, u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali mtejba;

52.  Jilqa' l-kooperazzjoni eqreb tal-gvern mal-NGOs, iżda jitlob li dawn jiġu kkonsultati b’mod usa' fit-tfassil tal-politiki, inkluż it-tfassil tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni u fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet; jistieden lill-Gvern Serb biex jinvolvi ruħu mas-CSOs, atturi mhux statali u msieħba soċjali fl-istadji kollha tal-proċess ta’ adeżjoni u biex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fil-pajjiż bħala prova tal-impenn tiegħu lejn il-prinċipju tal-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika, għax dan huwa essenzjali biex ikunu żgurati r-responsabbilizzazzjoni u t-trasparenza tal-proċess;

53.  Jifraħ lill-Gvern Serb dwar l-insegwiment tal-programm għall-qerda tal-armi; jinnota li s-suċċess ta' dan il-programm huwa fattur rilevanti biex jingħeleb il-wirt ta' vjolenza fis-soċjetà Serba li ntiret mill-belliġerenza tas-snin disgħin;

54.  Jilqa' ż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Ivica Dačić fil-Bosnja-Ħerzegovina u l-appoġġ uffiċjali favur l-integrità territorjali u s-sovranità ta’ dan il-pajjiż; huwa tal-fehma li r-relazzjonijiet diretti tas-Serbja mal-awtoritajiet tar-Republika Srpska għandhom ikunu konformi ma' dan l-appoġġ iddikjarat u m'għandhomx jimminaw l-integrità, is-sovranità, il-kompetenzi u l-funzjonament effettiv tal-istituzzjonijiet tal-istat tal-Bosnja-Ħerzegovina; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi biex jappoġġjaw b'mod attiv il-bidliet kostituzzjonali kollha meħtieġa li jippermettu lill-istituzzjonijiet statali tal-Bosnja li jwettqu riformi diffiċli bħala parti mill-proċess tall-integrazzjoni Ewropea;

55.  Jilqa' l-idea li jingħata bidu għal negozjati għall-iffirmar ta' trattat ta' relazzjonijiet tajba tal-viċinat mal-Bulgarija, u jittama li dan iwassal għal żvilupp aktar pożittiv fil-kuntest reġjonali;

56.  Jinkoraġġixxi lill-mexxejja politiċi tal-Kroazja u s-Serbja sabiex jagħmlu sforzi biex itejbu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom; f'dan ir-rigward, jappoġġja l-inizjattivi kollha li jwasslu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u r-rikonċiljazzjoni bejn il-pajjiżi; jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet tajbin mal-viċinat fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi biex ikomplu jagħmlu sforzi biex jirriżolvu l-kwistjoni tal-persuni nieqsa; jistieden liż-żewġ gvernijiet biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti dwar fruntieri u biex jappoġġjaw b'mod attiv ir-ritorn tar-refuġjati;

57.  Jilqa' pożittivament it-titjib fir-relazzjonijiet bejn il-Montenegro u s-Serbja; jappella għal koordinament aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet rispettivi fir-riformi relatati mal-UE, partikolarment meta jindirizzaw sfidi komuni għall-Istat tad-Dritt; jinkoraġġixxi liż-żewġ gvernijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu soluzzjoni għall-kwistjonijiet li fadal dwar il-fruntieri;

58.  Jilqa' pożittivament il-ftehim milħuq bejn is-Serbja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini flimkien mal-ftehimiet li s-Serbja diġà ffirmat; jieħu nota, u jilqa’, l-offerta tal-President Nikolic biex jimmedja soluzzjoni għat-tilwima li ilha għaddejja bejn il-knejjes Ortodossi fiż-żewġ pajjiżi, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ separazzjoni bejn il-knisja u l-istat; jitlob liż-żewġ gvernijiet biex jiftħu aktar punti ta' kontroll biex jiffaċilitaw il-qsim rapidu bejn il-fruntieri għall-popolazzjoni lokali fir-reġjuni tal-fruntiera;

59.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-process ta' Sarajevo, u l-involviment attiv tas-Serbja fih; jilqa' l-eżitu tal-konferenza internazzjonali tad-donaturi li saret f'Sarajevo f'April 2012, fejn il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja qablu li jissieħbu fi Programm Reġjonali tad-Djar konġunt; jappoġġja bis-sħiħ dan il-programm, u jħeġġeġ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fis-sejba ta' soluzzjonijiet għar-refuġjati u l-persuni spostati fir-reġjun; jistieden lill-partijiet kollha biex jimplimentaw il-programm mingħajr dewmien żejjed;

60.  Iħeġġeġ lis-Serbja sabiex tirrispetta l-integrità territorjali tal-Kosovo u biex permezz tad-djalogu ma’ Pristina ssib soluzzjoni għall-kwistjonijiet bilaterali kollha, fi spirtu pożittiv Ewropew ta' viċinat u ta’ komprensjoni reċiproka;

61.  Jinnota l-isfidi iebsin ta' politika ekonomika li jridu jiġu indirizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-ambjent tan-negozju bħala tweġiba għal-livell għoli ta’ qgħad għoli u l-qawmien mill-ġdid tal-inflazzjoni; jinnota li waħidhom, miżuri ta' awsterità ġodda ma jistgħux ikunu effettivi, u jridu jkunu marbuta ma' politika għat-tkabbir;

62.  Iħeġġeġ lis-Serbja biex tagħti attenzjoni addizzjonali biex tkompli ttejjeb l-ambjent tan-negozju, b'mod partikolari dwar proċeduri ta' privatizzazzjoni u tal-akkwist pubbliku;

63.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Enerġija Rinnovabbli, li għandu l-għan li joħloq miżuri konkreti li permezz tagħhom is-Serbja qed tittama li twettaq l-impenn tagħha magħmul fil-qafas tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija biex sal-2020, is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli mill-konsum globali tal-enerġija sal-2020 jkun ta' 27 %;

64.  Itenni l-importanza ta’ rikonċiljazzjoni storika fir-rigward tal-massakri tal-1941-1948, u jenfasizza l-importanza tal-impenn tal-President Ungeriż u tal-President Serb biex ifakkru dan kif jixraq;

65.  Iqis il-funzjonament ta' sentejn tal-Kumitat Konġunt ta’ Storiċi Serbi-Ungeriżi bħala pass pożittiv fil-proċess ta' komprensjoni u rikonċiljazzjoni reċiproċi fil-kuntest tat-trawmi storiċi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jikkunsidraw li jestendu l-mudell għall-ġirien kollha tas-Serbja;

66.  Jilqa' l-ftehim milħuq bejn il-Ministeri għall-Affarijiet Barranin tas-Serbja u tal-Kroazja dwar it-twaqqif ta' kummissjoni mħallta konġunta maħsuba biex tindirizza l-kwistjonijiet pendenti bejn iż-żewġ pajjiżi, inklużi l-akkużi ta' ġenoċidju li ż-żewġ pajjiżi ressqu kontra xulxin; iqis li dan huwa pass importanti 'l quddiem, għar-reġjun kollu, lejn it-triq li twassal għall-integrazzjoni fl-UE; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jintensifika u jsaħħaħ il-proġetti transkonfinali konġunti b'fondi mill-UE bil-għan li jkomplu jiġu żviluppati relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali;

67.  Jistieden lill-gvern Serb, li se jieħu f'idejh il-presidenza tal-Komunità tal-Enerġija f'Jannar 2013, biex jieħu l-passi kollha meħtieġa biex l-Istrateġija dwar l-Enerġija adottata mill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija f'Budva fit-18 ta' Ottubru 2012 tkun konformi mal-istandards ambjentali tal-UE u l-miri dwar il-klima filwaqt li jiżgura li l-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ikunu inklużi fil-proċess ta' konsultazzjoni;

68.  Jitlob lill-Kummissjoni testendi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 sabiex jinkludi fih il-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija, peress li dawn il-pajjiżi, bħall-UE, qed jistinkaw biex joħolqu suq intern kompletament integrat għall-elettriku u l-gass, u qed japplikaw l-acquis tal-UE dwar l-enerġija;

69.  Jitlob li jiġu promossi l-politiki ekonomiċi li jiżguraw it-tkabbir sostenibbli, il-ħarsien ambjentali u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob għal sforzi ulterjuri biex ikunu faċilitati l-operazzjonijiet tal-SMEs, kemm bħala mezz biex jiżdied id-dħul kif ukoll biex jitbaxxew ir-rati għolja attwali tal-qgħad, partikolarment fost iż-żgħażagħ, kif ukoll biex jiżdied l-aċċess għall-finanzi; ifakkar li l-eżistenza ta' monopolji statali u privati xxekkel serjament it-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq miftuħa, u jistieden lill-gvern jieħu miżuri għall-abolizzjoni tagħhom;

70.  Jiġbed l-attenzjoni dwar iż-żieda konsiderevoli fid-dejn pubbliku u r-rata għolja ta’ qgħad; iħeġġeġ lill-gvern jipproċedi b’miżuri mmirati biex jitnaqqas id-defiċit baġitarju u biex titfassal strateġija għall-impjiegi li tiffoka fuq il-kategoriji soċjali l-aktar milquta u fuq iż-żgħażagħ;

71.  Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja globali għandha effetti negattivi fuq is-soċjetà, u speċjalment fuq il-gruppi vulnerabbli; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet biex jagħmlu kull sforz biex jimminimizzaw l-effetti negattivi: il-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali, u biex jindirizzaw u jiġġieldu l-għeruq tagħhom;

72.  Jenfasizza li s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea riveduta; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins għadhom limitati, minkejja l-garanziji kostituzzjonali, u jistieden lis-Serbja tkompli ssaħħaħ dawn id-drittijiet; jinsab imħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali hija irregolari; jappella li jittieħdu passi ulterjuri biex jissaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex dan ikun jista' jkollu rwol attiv fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u rwol konsultattiv aktar attiv fit-tfassil tal-liġijiet;

73.  Jinnota b'dispjaċir in-nuqqas ta' progress fir-rigward tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins; jistieden lill-awtoritajiet biex jipproċedu malajr bil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal djalogu soċjali awtentiku li s’issa għadu ma sarx, biex jissimplifikaw il-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' trejdjunjin, u biex jippromwovu r-rikonoxximent ta' junjins li huma diġà rreġistrati; jiġbed l-attenzjoni fuq in-nuqqasijiet fil-Liġi dwar ix-Xogħol, li ma ġietx allinjata mal-acquis, u dawk tal-Liġi dwar l-istrajks, li mhix konformi mal-istandards tal-UE u tal-ILO; jirrimarka, barra minn hekk, li l-favoritiżmu u nepotiżmu jibqgħu problemi sinifikanti fis-Serbja; jenfasizza l-importanza ta' reklutaġġ u promozzjonijiet ibbażati fuq il-mertu, speċjalment fis-settur pubbliku, u jenfasizza li t-tkeċċija tal-impjegati abbażi tal-opinjoni jew l-affiljazzjoni politika tagħhom mhix aċċettabbli;

74.  Jilqa' favorevolment il-ħidma li saret s'issa mill-Aġenzija għar-Restituzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-aġenzija tingħata r-riżorsi amministrattivi u finanzjarji kollha li teħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq ix-xogħol tagħha b’mod indipendenti; jinkoraġġixxi r-restituzzjoni in natura kull meta din tkun meqjusa possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat l-akkwist sistemiku ta' proprjetà pubblika minn interessi privati billi ssir lista kompluta ta' proprjetà pubblika u tal-istat, u billi l-liġi dwar l-art u l-kostruzzjoni tinġieb f’konformità mal-istandards Ewropej; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-art urbana ġiet partikolarment suġġetta għal akkwist permezz ta' proċeduri legali inadegwati u li ġiet użata għall-ħasil tal-flus mill-kriminalità organizzata u minn interessi privati;

75.  Jilqa' l-adozzjoni tar-regolament il-ġdid dwar il-proġett ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura, li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati tal-UE fil-perjodu 2020-2030; jappoġġja l-inizjattiva tal-awtoritajiet tal-belt ta' Belgrad li jniedu kampanja biex Belgrad tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2020, u jinkoraġġixxi proġetti relatati bl-għan li Belgrad u s-Serbja kulturalment jitqarrbu aktar lejn l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-koeżistenza interetnika, il-komprensjoni multikulturali u d-djalogu interreliġjuż;

76.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tat-trasport pubbliku fir-rigward, b'mod partikolari, tal-modernizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji eżistenti fil-qafas ta' sistema ta' trasport sostenibbli u l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda; jiddispjaċih dwar il-fatt li ftit li xejn sar progress f'dan il-qasam u fil-qasam tat-trasport ikkombinat;

77.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi, b’mod partikolari, biex jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri amministrattivi għall-ħruġ ta' permessi tal-kostruzzjoni, il-liċenzjar u l-ħolqien ta’ konnessjonijiet tan-netwerk għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli;

78.  Jindika li huma meħtieġa sforzi sinifikanti fil-qasam tal-ambjent, u b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma, il-protezzjoni tan-natura u l-kwalità tal-arja; jenfasizza li ma jistax jinkiseb progress sostanzjali mingħajr tisħiħ adegwat fil-kapaċità amministrattiva, u jistieden lill-Gvern Serb biex jieħu l-miżuri meħtieġa f'dan ir-rigward;

79.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Gvern Serb li jgħolli l-livell massimu permess ta' aflatossina fil-ħalib minn 0,05 għal 0,5 mikrogrammi għal kull kilogramma bil-għan li jindirizza l-kriżi reċenti tal-ħalib; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi biex jittrattaw, fi żmien xieraq, il-kawżi fundamentali li wasslu għal din iż-żieda fil-livell tal-aflatossina fil-ħalib u sussegwentement biex ibaxxu l-livell massimu permess f'konformità mal-istandards tal-UE;

80.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) A/RES/64/298.
(3) ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.
(4) ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.
(5) ĠU L 163, 23.6.2011, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza