Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2599(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0166/2013

Dibattiti :

PV 18/04/2013 - 10.1
CRE 18/04/2013 - 10.1

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2013 - 11.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0189

Testi adottati
PDF 218kWORD 24k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2013 - Strasburgu
Il-Vjetnam, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni
P7_TA(2013)0189RC-B7-0166/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2013 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni (2013/2599(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012 u d-djalogu UE-Vjetnam dwar id-drittijiet tal-bniedem li jsir darbtejn fis-sena bejn l-UE u l-gvern tal-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li l-Vjetnam aderixxa miegħu fl-1982,

–  wara li kkunsidra l-Eżitu tar-Rieżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam maħruġ mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni lill-14-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'April 2010,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar l-għoti ta' pieni fir-rigward tal-bloggers fil-Vjetnam tal-24 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 bit-titolu Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi tliet ġurnalisti prominenti – Nguyen Van Hai/Dieu Cay, Ta Phong Tan u Pan Thanh Hai – ingħataw piena ta' priġunerija fl-24 ta' Settembru 2012; billi, wara appell, il-pieni tagħhom ġew ikkonfermati għal 12-il sena, 10 snin u 3 snin rispettivament, segwiti minn bosta snin ta' arrest fid-dar, talli ppubblikaw artikli fuq is-sit tal-internet tal-Klabb Vjetnamiż tal-Ġurnalisti Ħielsa;

B.  billi, skont rapporti reċenti minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, 32 ċiberdissident ingħataw pieni ħorox ta' priġunerija jew qed jistennew proċess fil-qorti fil-Vjetnam; 14-il attivista favur id-demokrazija ngħataw piena ta' aktar minn 100 sena priġunerija talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; grupp ta' 22 attivista paċifiku favur l-ambjent ingħataw pieni li jvarjaw minn 10 snin priġunerija sa għomorhom il-ħabs; ġurnalista li jaħdem għall-istampa mmexxija mill-istat tkeċċa wara li kiteb artiklu fuq il-blogg personali tiegħu fejn ikkritika lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista; u ċiberdissidenti, inklużi Le Cong Cau u Huynh Ngoc Tuan, ta' sikwit jingħataw fastidju u jisfaw attakkati mill-pulizija;

C.  billi bosta priġunieri ta' kuxjenza ngħataw pieni bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet ta' “sigurtà nazzjonali” fformulati b'mod vag li ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn atti ta' vjolenza u l-espressjoni paċifika ta' opinjonijiet jew twemmin dissidenti, bħall-“propaganda kontra r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam” (Artikolu 88 tal-Kodiċi Kriminali), “attivitajiet immirati lejn it-twaqqigħ tal-poter tal-poplu” (Artikolu 79), “it-tiżrigħ ta' diviżjonijiet bejn persuni reliġjużi u persuni mhux reliġjużi” (Artikolu 87) u “abbuż mil-libertajiet demokratiċi bil-għan li jitnaqqru l-interessi tal-istat” (Artikolu 258); billi l-Ordinanza 44 tal-2002 li tawtorizza d-detenzjoni mingħajr proċess fil-qorti qed tintuża dejjem iżjed għad-detenzjoni tad-dissidenti;

D.  billi l-bloggers u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrikorru dejjem iżjed għall-internet biex isemmgħu l-opinjonijet politiċi tagħhom, jesponu l-korruzzjoni u jiġbdu l-attenzjoni għall-ħtif tal-art u għal abbużi uffiċjali oħra tal-poter;

E.  billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi joħonqu sistematikament il-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda paċifika u jippersegwitaw lil dawk li jixħtu dubju fuq il-politiki tal-gvern, li jesponu każijiet ta' korruzzjoni uffiċjali jew li jappellaw għal alternattivi għat-tmexxija minn partit wieħed;

F.  billi l-Vjetnam qed jabbozza d-“Digriet dwar il-Ġestjoni, il-Provvista u l-Użu tas-Servizzi tal-Internet u Kontenut ta' Informazzjoni Onlajn”, digriet ġdid dwar il-ġestjoni tal-internet li jillegalizza l-iffiltrar tal-kontenuti, iċ-ċensura u s-sanzjonijiet mill-gvern kontra “atti projbiti” definiti b'mod vag u li jobbliga lill-kumpaniji u lill-provvedituri tal-internet, inklużi dawk barranin, jikkooperaw mal-gvern fis-sorveljanza u l-intraċċar taċ-ċiberdissidenti; billi l-libertajiet diġitali kulma jmur qed jisfaw mhedda;

G.  billi fl-2009, waqt ir-Rieżami Perjodiku Universali (UPR) tar-rekord tal-Vjetnam fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, imwettaq mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Vjetnam aċċetta għadd ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-libertà tal-espressjoni, inkluża r-rakkomandazzjoni biex “jiġi ggarantit id-dritt li wieħed jirċievi, ifittex jew jagħti informazzjoni u ideat f'konformità mal-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi”; billi l-Vjetnam għadu ma implimentax dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

H.  billi l-konfiska tal-artijiet minn uffiċjali tal-gvern, l-użu ta' forza eċċessiva b'reazzjoni għal protesti pubbliċi dwar tkeċċijiet, l-arresti arbitrarji ta' attivisti u l-pieni ħorox għal dawk li jipprotestaw għadhom għaddejjin, filwaqt li l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-art u l-użu tal-art għadhom mhumiex ċari;

I.  billi l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin hija repressa u l-Knisja Kattolika u reliġjonijiet mhux rikonoxxuti, bħall-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, il-knejjes Protestanti u oħrajn, qed jibqgħu jsofru persekuzzjoni reliġjuża ħarxa;

J.  billi l-Vjetnam beda konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi bil-għan li jabbozza Kostituzzjoni ġdida, iżda dawk li esprimew l-opinjonijiet tagħhom iffaċċjaw sanzjonijiet u pressjoni;

K.  billi l-Vjetnam qed jitlob siġġu fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti għall-mandat 2014-2016;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tħarrik tal-ġurnalisti u l-bloggers fil-Vjetnam u l-għoti ta' pieni ħorox fir-rigward tagħhom; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem – inkużi l-intimidazzjoni politika, il-fastidju, l-attakki, l-arresti arbitrarji, il-pieni ħorox ta' priġunerija u l-proċessi inġusti – fil-Vjetnam, ksur imwettaq kontra attivisti politiċi, ġurnalisti, bloggers, dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kemm onlajn u kemm offlajn, ksur li jmur biċ-ċar kontra l-obbligi internazzjonali tal-Vjetnam fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrilaxxaw minnufih u bla kundizzjonijiet lill-bloggers, lill-ġurnalisti onlajn u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jistieden lill-gvern itemm kull forma ta' repressjoni kontra dawk li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espresssjoni, il-libertà tat-twemmin u l-libertà ta' għaqda f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jistieden lill-gvern Vjetnamiż jemenda jew jirrevoka l-leġiżlazzjoni li tirrestrinġi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa sabiex jinħoloq forum għad-djalogu u għad-dibattitu demokratiku; jistieden ukoll lill-gvern jimmodifika l-abbozz ta' “Digriet dwar il-Ġestjoni, il-Provvista u l-Użu tas-Servizzi tal-Internet u Kontenut ta' Informazzjoni Onlajn” sabiex jiżgura l-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni onlajn;

4.  Iħeġġeġ lill-gvern Vjetnamiż itemm it-tkeċċijiet furzati, jiżgura l-libertà tal-espressjoni għal dawk li jiddenunzjaw l-abbużi relatati ma' kwistjonijiet tal-art, u jiggarantixxi lil dawk li sofrew tkeċċija furzata aċċess għal rimedji legali u kumpens adegwat f'konformità mal-istandards u obbligi internazzjonali fil-qafas tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tal-Vjetnam billi jwaqqfu l-persekuzzjoni reliġjuża u jneħħu x-xkiel legali li jimpedixxi lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti milli jwettqu liberament attivitajiet reliġjużi paċifiċi, pass li jimplika r-rikonoxximent tal-komunitajiet reliġjużi kollha, il-prattika ħielsa tar-reliġjon u r-restituzzjoni tal-assi tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, tal-Knisja Kattolika u ta' kwalunkwe komunità reliġjuża oħra maħtufin b'mod arbitrarju mill-istat;

6.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tal-priġunieri ta' kuxjenza kkawżati minn trattament ħażin u nuqqas ta' kura medika; jitlob li l-awtoritajiet jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom, jiżguraw aċċess bla restrizzjonijiet għal konsulenza legali u joffru assistenza medika xierqa lil dawk li jinsabu fil-bżonn;

7.  Itenni li d-djalogu bejn l-UE u l-Vjetnam dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jwassal għal progress konkret fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokritizzazzjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Unjoni Ewropea biex tqajjem b'mod konsistenti t-tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam fl-ogħla livelli u biex tintensifika l-pressjoni fuq l-awtoritajiet Vjetnamiżi ħalli jneħħu l-kontrolli fuq l-internet u l-ibbloggjar u l-projbizzjonijiet fuq il-midja ta' proprjetà privata, iħallu lill-gruppi u lill-individwi jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u n-nuqqas ta' qbil tagħhom pubblikament, jieħdu passi biex jabolixxu l-piena tal-mewt, jirrevokaw jew jemendaw il-liġijiet ta' sigurtà użati biex jikkriminalizzaw in-nuqqas ta' qbil paċifiku, u jirrilaxxaw il-priġunieri paċifiċi ta' kuxjenza;

8.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) jgħid hekk: “Ir-rispett għad-drittijiet umani u prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-Partijiet u għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, u dan isawwar element essenzjali tal-Ftehim”; jitlob lir-Rappreżentant Għoli tivvaluta l-kompatibbiltà tal-politiki tal-gvern Vjetnamiż mal-kundizzjonjiet inklużi fl-FSK;

9.  Iħeġġeġ lill-Vjetnam jimxi lejn ir-ratifika tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura (CAT); jistieden lill-gvern iwaqqaf kummissjoni nazzjonali indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN biex teżamina s-sitwazzjoni dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam b'enfasi speċjali fuq il-libertà tal-espressjoni, u biex toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż;

11.  Jilqa' l-fatt li l-gvern tal-Vjetnam ħareġ sejħa għal kontribut pubbliku lejn l-ewwel riforma kostituzzjonali tiegħu sa mill-1992 u li l-iskadenza issa ġiet estiża sa Settembru 2013, iżda jiddispjaċih li l-konsultazzjoni pubblika wasslet għal sanzjonijiet u pressjoni kontra dawk li esprimew l-opinonijiet tagħhom b'mod leġittimu; jittama li l-Kostituzzjoni l-ġdida tindirizza l-kwistjonijiet tad-drittijiet ċivili u politiċi u l-libertajiet reliġjużi bħala prijorità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ftuħ ta' djalogu mal-organizzzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tama tiegħu li dan jista' jwassal għal riformi importanti fil-qasam tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem fuq perjodu aktar fit-tul; jirrakkomanda li tintbagħat stedina lir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libertà tal-Espressjoni u tal-Opinjoni biex izur il-pajjiż u li l-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ kwalunkwe rakkomandazzjoni;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern u lill-parlament tal-Vjetnam, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati: P7_TA(2012)0470.

Avviż legali - Politika tal-privatezza