Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 7 ta' Frar 2013 - Strasburgu
Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT *
 Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013
 Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013
 Il-governanza tas-Suq Uniku
 It-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti
 Taħriġ ġudizzjarju - koordinaturi tal-qrati
 Il-Bank Ewropew tal-Investiment - Rapport Annwali 2011
 Il-Laos: il-każ ta' Sombath Somphone
 Id-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe
 Attakki riċenti fuq il-ħaddiema tal-għajnuna medika fil-Pakistan

Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT *
PDF 481kWORD 30k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT (COM(2012)0428 – C7-0260/2012 – 2012/0205(CNS))
P7_TA(2013)0051A7-0014/2013

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2012)0428),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C7-0260/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0014/2013),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa -1 (ġdida)
(-1)  Il-ġlieda msaħħa kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa hija importanti ħafna biex jerġgħu jiġu stabbiliti u jinżammu l-istabilità u s-saħħa tal-finanzi pubbliċi madwar l-Unjoni.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u tolqot il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għaldaqstant taffettwa l-operat tas-suq intern. Dan l-aħħar, speċjalment permezz tal-użu ta' mezzi elettroniċi li jiffaċilitaw kummerċ illeġittimu rapidu fuq skala kbira, żviluppaw forom speċifiċi ta' frodi tat-taxxa massivi u li jseħħu għall-għarrieda.
(1)  Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tirriżulta f'telf konsiderevoli għall-finanzi pubbliċi u tolqot b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għaldaqstant taffettwa l-operat ġust u effiċjenti tas-suq intern. Telf bħal dan għandu jiġi limitat, b'mod partikolari matul żminijiet ta' awsterità fiskali. Dan l-aħħar żviluppaw forom speċifiċi ta’ frodi tat-taxxa massivi u li jseħħu għall-għarrieda, speċjalment permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi li jiffaċilitaw kummerċ illeġittimu rapidu fuq skala kbira u li ta’ spiss jestendi lil hinn mill-fruntieri ta' Stat Membru partikolari.
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jipprevjenu ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa. L-awtorizzazzjoni ta' tali deroga tirrikjedi proposta min-naħa tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill. Esperjenza reċenti wriet li l-proċess għall-għoti ta' derogi mhux dejjem ikun flessibbli biżżejjed biex jiżgura reazzjoni xierqa u f'waqtha għal talbiet li jagħmlu l-Istati Membri.
(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jipprevjenu ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa. L-awtorizzazzjoni ta' tali deroga tirrikjedi proposta min-naħa tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill. Esperjenza reċenti wriet li l-proċess għall-għoti ta’ derogi mhux dejjem ikun rapidu jew flessibbli biżżejjed biex jiżgura reazzjoni xierqa u f’waqtha għal talbiet li jagħmlu l-Istati Membri.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 7
(7)  In-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT (reverse charge) hija miżura effettiva biex jitwaqqfu mal-ewwel l-aktar tipi ta' evażjoni tat-taxxa magħrufa f'ċerti setturi. Madankollu, billi hemm mnejn li s-sitwazzjoni tevolvi maż-żmien, jista' jkun neċessarju wkoll li jiġi permess li jittieħdu miżuri oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill għandu, fejn xieraq u fuq talba tal-Kummissjoni, jqis kwalunkwe miżura oħra bħala li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida. It-tip ta' miżuri li jistgħu jiġu awtorizzati għandhom jiġu stabbiliti bil-għan li jiġi mminimizzat l-ammont ta' żmien meħtieġ għall-awtorizzazzjoni tad-derogi mill-Kummissjoni.
(7)  In-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT (“mekkaniżmu tar-reverse charge”) hija miżura effettiva biex jitwaqqfu mill-ewwel l-aktar tipi ta' evażjoni tat-taxxa magħrufa f'ċerti setturi (“frodi karużell”). Madankollu, billi hemm dgħufijiet eżistenti fis-sistema tal-VAT u skont kif is-sitwazzjoni tista' tevolvi maż-żmien, jista’ jkun neċessarju wkoll li jiġi permess li jittieħdu miżuri oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tipproponi kwalunkwe miżura oħra bħala li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida. Dik il-miżura għandha tiġi approvata b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. It-tip ta’ miżuri li jistgħu jiġu awtorizzati għandhom jiġu stabbiliti b’mod sħiħ u trasparenti bil-għan li jiġi mminimizzat l-ammont ta' żmien meħtieġ għall-awtorizzazzjoni tad-derogi mill-Kummissjoni.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 9a (ġdida)
(9a)  Sabiex ittejjeb u tiżviluppa l-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida fuq bażi kontinwa, il-Kummissjoni għandha tirraporta b’mod regolari lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tiegħu, waqt li teżamina, fost l-oħrajn, miżuri oħra li għandhom jiżdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu u modi ġodda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas ġenerali tal-mekkaniżmu.
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 9b (ġdida)
(9b)  Sabiex il-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida jopera b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha dejjem tkun kapaċi taġixxi malajr u b’mod preċiż fuq dawn il-kwistjonijiet. Ir-riżorsi umani u r-riżorsi l-oħra tal-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida għandhom għalhekk ikunu adegwati, u proċedura interna aċċellerata tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tiġi stabbilita u miżmuma.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 9c (ġdida)
(9c)  Peress li l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali fi Stat Membru wieħed jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq is-sistemi tal-VAT tal-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni għandha, sabiex iżomm it-trasparenza, tinforma lill-Istati Membri kollha dwar it-talbiet kollha li qed isiru u dwar id-deċiżjonijiet kollha li qed jittieħdu fir-rigward ta’ dawk it-talbiet.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 9d (ġdida)
(9d)  Fil-ħidma tagħha dwar it-titjib u l-irfinar tal-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b’mod estensiv l-impriżi fis-setturi suxxettibbli għall-frodi u partijiet interessati rilevanti oħra.
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 10
(10)  Billi l-objettiv tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri li jiġu indirizzati fenomeni ta' frodi massivi u li jseħħu għall-għarrieda fil-qasam tal-VAT li ħafna drabi jkollhom dimensjoni internazzjonali, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li huma mhumiex f'pożizzjoni biex jiġġieldu individwalment kontra ċ-ċirkwiti tal-frodi relatati ma' forom ġodda ta' kummerċ li jinvolvu diversi pajjiżi fl-istess waqt, u għaldaqstant jista' jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni li tiżgura rispons aktar mgħaġġel u b'konsegwenza ta' dan, rispons iktar xieraq u effettiv għal dawn il-fenomeni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, hekk kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
(10)  Billi l-objettiv tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri li jiġu indirizzati fenomeni ta’ frodi massivi u li jseħħu għall-għarrieda fil-qasam tal-VAT li ħafna drabi jkollhom dimensjoni internazzjonali, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li huma mhumiex f’pożizzjoni biex jiġġieldu individwalment kontra ċ-ċirkwiti tal-frodi relatati ma’ forom ġodda ta’ kummerċ li jinvolvu diversi pajjiżi fl-istess waqt, u għaldaqstant jista’ jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni li tiżgura rispons aktar mgħaġġel u b’konsegwenza ta’ dan, rispons iktar xieraq u effettiv għal dawn il-fenomeni, l-Unjoni għandha tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, hekk kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – punt a
(a) in-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT fuq fornituri speċifiċi ta' prodotti u servizzi b'deroga mill-Artikolu 193, wara li ssir it-talba msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal tali miżura;
(a) in-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT fuq fornituri speċifiċi ta' prodotti u servizzi b'deroga mill-Artikolu 193 (“mekkaniżmu tar-reverse charge”), wara li ssir it-talba msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal tali miżura;
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – punt b
(b) kwalunkwe miżura oħra stabbilita mill-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni.
(b) kwalunkwe miżura oħra proposta mill-Kummissjoni, u approvata b'mod unanimu mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – subparagrafu 2
Għall-finijiet tal-punt (a), il-miżura speċjali tkun soġġetta għal miżuri xierqa ta' kontroll mill-Istati Membri, fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b), kwalunkwe miżura speċjali użata għandha tkun soġġetta għal miżuri xierqa ta’ kontroll mill-Istati Membri, fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura.

Emenda 13
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – subparagrafu 4a (ġdid)
Il-proċedura stabbilita f’dan il-paragrafu għandha titlesta fi żmien tliet xhur.

Emenda 14
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 2 – subparagrafu 1
2.  Stat Membru li jkun jixtieq jintroduċi miżura kif previst fil-paragrafu 1, għandu jibgħat l-applikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni. L-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-fatturi tal-frodi, in-natura massiva tiegħu u l-fatt li jkun seħħ għall-għarrieda u l-konsegwenzi tiegħu f'dak li jirrigwarda t-telf finanzjarju konsiderevoli u rrimedjabbli. Jekk il-Kummisjoni tqis li m'għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hi tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien xahar minn meta tirċievi l-applikazzjoni u tispeċifika x'informazzjoni addizzjonali jkollha bżonn.
2.  Stat Membru li jkun jixtieq jintroduċi miżura kif previst fil-paragrafu 1, għandu jibgħat l-applikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, il-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri l-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-fatturi tal-frodi, in-natura massiva tiegħu u l-fatt li jkun seħħ għall-għarrieda u l-konsegwenzi tiegħu f’dak li jirrigwarda t-telf finanzjarju konsiderevoli u rrimedjabbli. Jekk il-Kummisjoni tqis li m’għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hi tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni u tispeċifika x’informazzjoni addizzjonali jkollha bżonn. Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkonsulta lis-settur kummerċjali rilevanti, fejn xieraq u meta jkun possibbli.
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Ladarba l-Kummisjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tqis bħala meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba, fi żmien xahar, hija tawtorizza l-miżura speċjali jew, f'każ li l-Kummissjoni toġġezzjona għall-miżura mitluba, tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar dan.

Ladarba l-Kummisjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tqis bħala meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba għandha:

(a) tinnotifika l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba kif xieraq,
(b) tittrasmetti t-talba, fil-lingwa oriġinali tagħha, lill-Istati Membri l-oħra,
(c) fi żmien xahar, jew tawtorizza l-miżura speċjali jew, jekk il-Kummissjoni toġġezzjona għaliha, tinforma biha lill-Istat Membru kkonċernat, lill-Istati Membri l-oħra, lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew, u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma' ġustifikazzjoni dettaljata.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Artikolu 1
Direttiva 2006/112/KE
Taqsima 1a – Artikolu 395c (ġdid)
Artikolu 395c

Kull tliet snin, u għall-ewwel darba sal-1 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida stabbilit taħt din it-Taqsima. Ir-rapport għandu jeżamina, fost l-oħrajn, miżuri speċjali oħra li għandhom jiżdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu u modi ġodda biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas ġenerali tal-mekkaniżmu.

Emenda 17
Proposta għal direttiva
Artikolu 1a (ġdid)
Artikolu 1a

Sal-1 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar kif il-proċedura ta’ deroga regolari stabbilita fl-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tista’ ssir aktar rapida. L-għan tar-rapport għandu jkun li jidentifika bidliet fl-istrutturi u r-rutini eżistenti li jiżguraw li l-Kummissjoni dejjem tlesti l-proċedura fi żmien ħames xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni minn Stat Membru. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi, jekk ikun xieraq.

Emenda 18
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 2
2.  L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Artikolu 3
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi kkonsolidata mad-Direttiva 2006/112/KE sa ...*.

* Tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013
PDF 253kWORD 33k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (2012/2256(INI))
P7_TA(2013)0052A7-0032/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 9 u 151 u l-Artikolu 153(1)(e) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 fir-rigward tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0032/2013),

A.  billi ż-żona kollha tal-Euro qiegħda tesperjenza riċessjoni doppja kkaġunata minn dejn eċessiv u mill-kriżi finanzjarja;

B.  billi l-kriżi kellha konsegwenzi devastanti għall-ħajja ta' miljuni ta' Ewropej, kif iddokumentat mill-istatistika uffiċjali dwar l-impjiegi: fl-UE, aktar minn 8 miljun persuna diġà tilfu l-impjieg tagħhom mill-2008; aktar minn 25 miljun Ewropew huma attwalment bla xogħol, li minnhom kważi 11-il miljun ilhom qiegħda għal aktar minn sena; attwalment il-qgħad qed jaffettwa kważi 10 miljun żagħżugħ u żagħżugħa; fis-sena li għaddiet biss, 2 miljun ruħ tilfu l-impjieg tagħhom;

C.  billi r-riġidità tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol f'bosta Stati Membri tonqsilha dik il-flessibilità biex tassorbi b'mod effikaċi xokkijiet bħall-kriżi attwali; billi l-leġiżlazzjoni attwali fil-qasam tas-suq tax-xogħol tippproteġi sproporzjonatament “l-insders” (ħaddiema relattivament protetti) u tolqot negattivament l-inklużjoni ta' żgħażagħ fil-forza tax-xogħol;

D.  billi d-disparità fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri żdiedet drastikament;

E.  billi għandu jiġi mfakkar li, fl-2007, fil-bidu tal-kriżi, l-iżbilanċ pubbliku fil-medja għaż-żona tal-euro kien ta' 0,7 % biss;

F.  billi għandu jiġi mfakkar li, fl-2007, fil-bidu tal-kriżi, xi pajjiżi li llum qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet l-aktar iebsin, kienu akkumulaw defiċits eċċessivi fil-kont kurrenti;

G.  billi d-defiċit pubbliku medju għaż-żona tal-euro laħaq il-quċċata fl-2009 b'6,3 % u minn dak iż-żmien l-andament biddel il-kors tiegħu billi d-defiċits pubbliċi medji fl-2010 kienu 6,2 %, fl-2011 4,1 % u bi tnaqqis ulterjuri fl-ewwel żewġ trimestri tal-2012;

H.  billi impenji kredibbli għal miżuri ta' konsolidament favur it-tkabbir huma prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tad-dejn eċċessiv u s-sitwazzjoni ta' defiċit tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

I.  billi l-kriżi tenfasizza l-bżonn kruċjali li jitniedu jew jitlestew riformi strutturali sostenibbli, ibbilanċjati, differenzjati li jkattru t-tkabbir;

J.  billi s-suq uniku jirrappreżenta mutur fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi fl-Ewropa u billi implimentazzjoni aktar ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi waħedha tista' tforni diġà madwar 1,8 % addizzjonali tal-PDG; billi fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali, partikolarment, l-Unjoni ma tistax ma tisfruttax tali potenzjali ta' tkabbir; billi traspożizzjoni, implimentazzjoni, applikazzjoni u eżekuzzjoni rigorużi tad-dispożizzjonijiet tas-suq uniku huma għalhekk indispensabbli biex jinsilet vantaġġ minn dawk il-potenzjali immedjati li għadhom ma ntużawx;

K.  billi l-livelli ta' dejn mhux sostenibbli għandhom effetti detrimentali fuq is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali; u billi d-dixxiplina fiskali u makroekonomika kif ukoll il-koordinament għandu jkunu sostnuti u msaħħa enerġikament sabiex jiġu evitati defiċits u livelli ta' dejn ġenerali tat-tip li rajna fl-Ewropa matul dawn l-aħħar għaxar snin, peress li dawn kellhom effett devastanti fir-rigward tat-tkabbir sostenibblu u l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll fuq l-impjieg f'għadd ta' Stati Membri;

L.  billi din l-istrateġija tal-issikkar fiskali timmira li żżomm it-tkabbir tal-infiq pubbliku taħt ir-rata ta' tkabbir tal-PDG tal-andament fit-terminu medju;

M.  billi l-prosperità ekonomika futura tal-Ewropa tiddependi b'mod kruċjali fuq il-kapaċità tagħha li tuża bis-sħiħ ir-riżorsi tax-xogħol tagħha, anki billi żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa u taz-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

N.  billi l-konsolidament fiskali gradwali u bla xkiel huwa ppreferut minn strateġija biex jitnaqqsu l-iżbilanċi fil-finanzi pubbliċi wisq malajr u f'daqqa iżda l-qagħda tal-ekonomija ta' ċerti Stati Membri ma tħallix alternattiva biex jerġa' jinkiseb aċċess għas-suq u jerġa' lura l-investiment;

O.  billi r-rati tal-pajjiżi fqar b'ħafna dejn (HIPC) juru differenzi konsiderevoli fl-UEM kollha;

P.  billi l-miżuri ta' konsolidament adottati minn diversi Stati Membri laħqu dimensjoni bla preċedent;

Q.  billi, minkejja l-isforzi ta' riforma u konsolidament tal-Istati Membri, is-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro għadhom f'sitwazzjoni problematika kif inhu rifless fid-differenzi kbar u f'volatilità tar-rati ta' mgħax; billi fattur li qajjem u kaġun primarju tad-diverġenzi mingħajr preċedent kien it-tħassib min-naħa tas-swieq finanzjarji dwar is-solidità tal-finanzi pubbliċi u privati f'diversi Stati Membri;

R.  billi d-distakk fil-kompetittività fi ħdan ż-żona tal-euro għandu impatt fuq id-diverġenzi fir-rati ta' mgħax sovrani;

S.  billi r-rati ta' mgħax sovrani f'ċerti Stati Membri taż-żona tal-euro huma dovuti parzjalment għal nuqqas perċeput ta' kredibbiltà tal-kapaċità tagħhom li jmexxu riformi strutturali;

T.  billi ż-żona tal-euro ma rnexxilhiex tuża t-tnaqqis ġenerali tar-rati ta' mgħax sovrani fl-ewwel għaxar snin tal-euro biex tneħħi d-distakk ta' kompetittività, li fost affarijiet oħra kien rifless fid-defiċits persistentement kbar tal-kontijiet kurrenti u fil-kostijiet ta' unità lavorattiva li qed jiżdiedu b'ritmu mgħaġġel f'xi Stati Membri;

U.  billi l-aġġustament attwali f'ċerti pajjiżi jkun anqas diffiċli mil-lat politiku, ekonomiku u soċjali kieku l-klima ekonomika pożittiva fl-ewwel għaxar snin tal-euro intużat għall-aġġustament;

V.  billi s-self lis-settur privat, li huwa detrimentali għall-finanzjament tal-ekonomija reali, jibqa' dgħajjef u l-flussi tal-kreditu privat ​​jinsabu mrażżna f'diversi Stati Membri, minkejja d-diversi programmi ta' likwidità stabbiliti mill-BĊE;

W.  billi l-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) jikkostitwixxu l-mutur tal-ekonomija Ewropea u l-Istati Membri għandhom isostnuhom billi jnaqqsu l-piż amministrattiv li qegħdin iġorru;

X.  billi l-aġġustament għandu jiġi perċeput bħala kredibbli jekk irridu li l-flussi ta' investiment jiġu lura;

Y.  billi l-kapaċità ta' kontribuzzjoni tal-kontribwenti tinsab taħt pressjoni severa f'diversi Stati Membri; billi l-ekonomija moħbija Ewropea hija stmata li tirrappreżenta 22,1 % tal-attività ekonomika totali u t-telf ta' taxxa li jirriżulta huwa madwar EUR triljun fis-sena; billi sistemi fiskali sempliċi, prevedibbili u baxxi jtejbu l-konformità fiskali;

Z.  billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (AGS 2013) ifittex li jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi għas-sena 2013;

AA.  billi l-pilastru tal-konsolidazzjoni fiskali favur it-tkabbir għandu jiġi żviluppat id f'id mar-riformi strutturali għat-tkattir tat-tkabbir u l-pilastri tas-solidarjetà u tad-demokrazija f'kull Stat Membru;

AB.  billi s-suq uniku jikkostitwixxi l-mutur fundamentali tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' ekonomiji ta' skala u kompetizzjoni akbar iżda l-Istati Membri juru kompjaċenza fl-implimentazzjoni interna tal-leġiżlazzjoni dwar is-swieq, partikolarment id-Direttiva dwar is-Servizzi;

AC.  billi jeħtieġ li kull Stat Membru jsib l-unità nazzjonali rigward strateġija ta' riforma bil-għan li din tkun tista' tiġi mifhuma u rispettata mill-poplu u mid-diversi atturi ekonomiċi, b'hekk ikunu evitati firdiet, reżistenza u azzjonijiet ibbażati fuq interessi proprji għat-terminu qasir, li jheddu r-realizzazzjoni tal-objettivi stabbiliti;

AD.  billi l-politika tal-kompetizzjoni msejsa fuq il-prinċipji tas-swieq miftuħa u parità ta' kundizzjonijiet fis-setturi kollha hija pedament tal-funzjonament mhux ristrett tas-suq intern;

1.  Jilqa' favorevolment l-ispirtu tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) 2013, kif ippreżentat mill-Kummissjoni; jemmen li huwa segwitu adegwat għas-Semestru Ewropew 2012 inġenerali u b'mod partikolari għall-AGS 2012; jilqa' b'mod partikolari ż-żieda fiċ-ċarezza tal-istrateġiji speċifiċi għal kull pajjiżi li l-Kummissjoni introduċiet permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-progress fil-pajjiżi taż-żona tal-euro kif ukoll il-progress li sar f'termini strutturali aktar milli nominali;

2.  Jilqa' r-rikonoxximent fil-AGS 2013 li setturi u attivitajiet li jkattru t-tkabbir b'mod sostenibbli u dawk rikki b'impjiegi ħodor huma meħtieġa sabiex noħorġu mill-kriżi, jenfasizza li s-soluzzjonijiet immirati b'mod speċifiku lejn il-kriżi attwali sovrana u finanzjarja, jiġifieri r-riformi strutturali xierqa, għandhom jimxi id f'id ma' miżuri li jagħtu spinta lill-kompetittività u lit-tkabbir fit-tul tal-ekonomija Ewropea u għandhom ikattru mill-ġdid il-fiduċja;

3.  Jaqbel mal-Kummissjoni li konsolidazzjoni fiskali favur it-tkabbir hija meħtieġa biex noħorġu mill-kriżi; ifakkar li l-element ewlieni fir-relazzjoni bejn it-tkabbir u l-konsolidazzjoni huwa l-kompożizzjoni tal-konsolidazzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li taħlita xierqa ta' miżuri mil-lat tal-infiq u tad-dħul tiddependi mill-kuntest, madankollu l-konsolidazzjonijiet ibbażati fuq it-tnaqqis tal-infiq aktar milli fuq iż-żieda fid-dħul għandhom tendenza li jservu aktar u jkattru aktar it-tkabbir fuq perjodu medju ta' żmien, iżda jkunu aktar riċessivi fuq perjodu qasir;

4.  Jilqa' d-dispożizzjoni miftiehma dwar “it-two pack” dwar sorveljanza u valutazzjoni aktar kwalitattivi tal-finanzi pubbliċi kif ukoll valutazzjoni tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi;

5.  Jilqa' l-abbozz tad-dispożizzjonijiet “fit-two pack” li jsaħħew id-djalogu ekonomiku u l-iskrutinju ġenerali fuq il-proċess tas-Semestru tal-Parlamenti Nazzjonali u tal-Parlament Ewropew;

6.  Jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri, ta' politiki u azzjonijiet miftiehma fl-livell tal-UE, li qed iżommu lura l-miżuri miftiehma milli jagħtu l-potenzjal kollu tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tibqa' viġilanti dwar il-pożizzjoni tal-politika tagħha u taġġustaha skont valutazzjoni ġenerali tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji tat-taħlita tal-politika implimentata fl-Unjoni kollha, u tirrevedi, jekk ikun xieraq u tiċċara aktar ir-rakkomandazzjonijiet politiċi tagħha għas-sena d-dieħla, kif imniżżlin fl-AGS tagħha;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoreġu defiċit eċċessiv sal-iskadenzi stabbiliti mill-Kunsill, ifakkar li livell ta' flessibilità huwa previst fis-6-pack;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-oqfsa fiskali nazzjonali tagħhom bil-għan li jippromwovu politiki fiskali effiċjenti u sostenibbli;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom iħaddmu strateġiji differenzjati skont il-qagħda baġitarja tagħhom u jinsisti li l-Istati Membri għandhom iżommu n-nefqa pubblika taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG fuq żmien medju;

11.  Jilqa' pożittivament ir-rikonoxximent tar-rwol tas-suq uniku u l-bżonn li l-ostakli li għadhom jeżistu fis-settur tas-servizzi jiġu indirizzati; ifakkar li għad hemm ħafna xi jsir biex jinkiseb suq Ewropew tassew uniku;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni l-Istati Membri qegħdin jaffrontaw fid-dawl tat-tnaqqis ekonomiku gravi kif stabbilit fl-SGP rivedut;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibbilanċjaw il-ħtiġijiet produttivi ta' investiment pubbliku ma' objettivi tad-dixxiplina fiskali billi jikkunsidraw investiment li jżid it-tkabbir fil-valutazzjoni tagħhom tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza, filwaqt li josservaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li konsolidament li jiffavorixxi t-tkabbir jista' simultanjament ipoġġi l-finanzi pubbliċi fi triq sostenibbli u jerġa' jikseb il-fiduċja tal-investituri;

14.  Jistenna bil-ħerqa, f'dan ir-rigward, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku u r-reviżjoni tal-ambitu għal azzjoni possibbli fi ħdan il-limiti tal-qafas tal-UE dwar il-kwalifika ta' programmi ta' investiment;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tiżviluppa b'urġenza modi biex jiġi żgurat li l-elementi ta' dixxiplina fiskali sostenibbli huma paralleli u ssegwi bi proposti konkreti għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u għat-tħeġġiġ tal-investimenti privati ​​li joħolqu elementi ta' tkabbir, is-solidarjetà fost l-Istati Membri u l-leġittimità demokratika, u r-riformi strutturali meħtieġa, jiġifieri li jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ inkluż billi jitqabblu aħjar il-kwalifiki taż-żgħażagħ mad-domanda tax-xogħol, il-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, li titjieb is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet, tiżdied l-effiċjenza tas-sistemi ta' tassazzjoni, tissaħħaħ il-kompetizzjoni fl-oqsma relevanti tas-settur tas-servizzi, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu, titnaqqas il-burokrazija, jitneħħew saffi żejda tal-gvern u titkompla l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; jilqa' l-leġittimità demokratika mtejba fi ħdan is-Semestru Ewropew; ifakkar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġittimità demokratika fi ħdan is-Semestru Ewropew;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu biex jirfinaw u itejbu kontinwament il-kwalità, l-ispeċifiċità nazzjonali u l-adegwatezza tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż;

17.  Itenni li, sabiex tiġi ppreservata l-kredibilità tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tal-proċess tas-Semestru kollu, il-Kunsill jeħtieġlu jiġġustifika r-raġunijiet tiegħu jekk jirrifjuta li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jilqa’ l-prinċipju “konformità jew spjegazzjoni’ introdott ”mis-six pack’ dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, li skontu l-Kunsill huwa pubblikament responsabbli għal kwalunkwe bidla li jintroduċi għall-proposti tal-Kummissjoni, u jqis li dan il-prinċipju għandu jissaħħaħ fil-prattika;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jiġu intensifikati u integrati u li r-riżultati jiġu trasformati malajr mis-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa f'vantaġġ kompetittiv u produttività miżjuda;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintensifikaw l-isforzi biex inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-materji primi sabiex joħolqu Ewropa iktar sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jaqblu b'urġenza dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), biex jiżguraw li r-rwol tiegħu jissaħħaħ bħala sors ta' investiment tant meħtieġ fuq perjodu twil f'setturi u attivitajiet li jtejbu t-tkabbir sostenibbli u li jinvolvu attivitajiet u setturi li jiġġeneraw ħafna impjiegi; jenfasizza l-importanza tal-istruttura tal-baġits tal-UE, li għandhom irawmu l-investiment f'oqsma ta' valur miżjud;

21.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tressaq approċċ olistiku li jindirizza t-tkabbir sostenibbli lejn l-lħuq tal-objettivi EU2020, li għandu jinkludi t-tlestija tas-suq intern, żieda fil-kompetizzjoni, politika industrijali Ewropea ġenwina, politika ta' koeżjoni soda u mmirata b'mod adegwat u l-garanzija li l-Ewropa se tuża l-qawwa u l-influwenza kollha tagħha fir-relazzjonijiet kummerċjali esterni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ is-sorsi ta' tkabbir ġejjin mill-attrazzjoni tal-IDB [investiment dirett barrani] u l-kummerċ ma' pajjiżi terzi jiġifieri permezz tal-approfondament u l-espansjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi Transatlantiċi; tali aġenda għandha tħaddan il-miri relatati mat-tiġdid u l-ftuħ tas-suq Transatlantiku, it-tisħiħ tar-regoli bażiċi tal-ordni tal-ekonomija internazzjonali, u l-estensjoni tas-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli biex din tinkludi membri ġodda u oqsma ġodda ta' opportunitajiet ekonomiċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tħaffef il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles li għaddejjin;

22.  Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol tas-Suq Uniku u l-bżonn li l-ostakli li għadhom jeżistu fis-settur tas-servizzi jiġu indirizzati; ifakkar li għad hemm ħafna xi jsir biex jinkiseb suq Ewropew tassew uniku; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-infurzar tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern, partikolarment id-Direttiva dwar is-Servizzi;

23.  Jilqa' l-ewwel rapport dwar l-Istat tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku tal-2013 li jakkumpanja u jikkumplimenta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jenfasizza li s-suq uniku għandu rwol prinċipali biex jerġa' jġib il-kompetittività tal-Unjoni għal li kienet u, b'hekk, jingrana t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod adegwat in-nuqqasijiet relatati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u jsaħħu l-valutazzjoni kontinwa u regolari tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku għal tkabbir ekonomiku mtejjeb;

24.  Jinsab mħasseb dwar il-fatt li ħafna Stati Membri qed jaqgħu lura f'termini ta' produttività; jinsisti dwar ir-rwol tar-riformi strutturali biex tiġi indirizzata din il-problema; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jmiss dwar il-monitoraġġ tal-kapital u l-iżviluppi fil-produttività tar-riżorsi;

25.  Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni tal-UE bbażata fuq il-prinċipji ta' swieq miftuħa u parità tal-kundizzjonijiet fis-setturi kollha hija l-pedament ta' suq intern ta' suċċess u prekundizzjoni għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien;

26.  Jenfasizza li sforzi determinati mill-Istati Membri biex isostnu l-finanzi pubbliċi, b'pass adegwat, jistgħu jirnexxu biss jekk jitnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi; jinnotaw li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss f'daqqa permezz ta' tkabbir fiż-żona tal-euro kollha kemm hi;

27.  Jieħu nota taż-żieda ta' indikatur ġdid fit-tabella għall-iżbilanċi makroekonomiċi dwar is-settur finanzjarju; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-proċedura prevista fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 li skontha: “il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fit-tfassil tat-tabella ta' valutazzjoni u s-sett ta' indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji għall-Istati Membri” u b'mod iktar speċifiku li skontha: “Il-Kummissjoni għandha tippreżenta suġġerimenti għal kummenti lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjanijiet biex jiġu stabbiliti u aġġustati l-indikaturi u l-livelli ta' limitu”;

28.  Ifakkar lill-Kummissjoni li sabiex tinbena l-fiduċja interistituzzjonali u djalogu ekonomiku ta' kwalità huwa ta' importanza kbira li tirrispetta l-proċedura prevista fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 b'mod iktar fidil fil-futur;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaġixxu malajr sabiex jagħtu sustanza reali u effettività lill-Patt għal Tkabbir u Impjiegi kif maqbul fil-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012;

30.  Jitlob għall-adozzjoni rapida tal-hekk imsejjaħ “2-pack”;

31.  Jieħu nota tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (Patt Fiskali); iqis li l-Patt Fiskali għandu jiġi traspost fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sekondarja mill-aktar fis possibbli fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tagħha u skont il-TUE u t-TFUE;

32.  Jilqa' “l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa”, ir-rakkomandazzjonijiet dwar “miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa” u “l-ippjanar fiskali aggressiv” adottati mill-Kummissjoni fis-6 ta' Diċembru 2012; jappoġġja l-pożizzjoni proattiva meħuda mill-Kummissjoni u b'mod partikolari mill-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, Kontra l-Frodi, l-Awditjar u l-Istatistiki; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, jieħdu azzjoni immedjata u koordinata kontra r-rifuġji fiskali u l-ippjanar fiskali aggressiv u b'hekk jiggarantixxu distribuzzjoni aktar ġusta tal-isforz fiskali u introjtu miżjud tal-Istati Membri;

33.  Iqisha ħaġa pożittiva li finalment “l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-importanza tat-teħid ta' passi effettivi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, anki fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji u ta' kriżi ekonomika” kif dikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Monetarju tat-13 ta' Novembru 2012;

34.  Ifakkar li l-iskop ta' leġiżlazzjoni komuni dwar l-oqfsa fiskali tal-Istati Membri huwa li jkun żgurat li l-Istati Membri jibqgħu marbuta mar-regoli komuni li sar ftehim dwarhom u mhux li jiġu speċifikati l-għażliet politiki tal-Istat Membru;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tersaq quddiem il-kumitati kompetenti tal-Parlament biex tippreżenta l-AGS kull sena fil-bidu ta' Novembru, li jibda mill-4-5 ta’ Novembru 2013, ħalli jkun hemm biżżejjed żmien biex il-Parlament jkun jista' jressaq il-fehmiet tiegħu f’Semestri Ewropej sussegwenti;

36.  Jiddispjaċih li, fil-Komunikazzjoni tagħha “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0750), il-Kummissjoni ma indirizzatx b’mod xieraq ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jiddispjaċih, b’mod partikolari, li l-KE, fil-waqt li pproponiet prijoritajiet ewlenin, naqset milli tipprovdi data fattwali u konkreta dwar kif il-baġit tal-UE jista’ attwalment ikollu rwol multiplikatur, katalitiku, sinerġetiku u kumplementari fir-rigward tal-politiki lokali, reġjonali u nazzjonali u tal-investimenti mnedija biex jiġu implimentati dawn il-prijoritajiet;

37.  Jinsab konvint li l-finanzjament fil-livell tal-UE jista’ jiġġenera tfaddil għall-baġits tal-Istati Membri kollha u li dan għandu jiġi enfasizzat; iqis li l-baġit tal-UE għandu rwol vitali li jistimula t-tkabbir, it-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis b’suċċess tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Unjoni, u bażikament jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija “UE-2020”; jiddispjaċih mill-ġdid li l-Kummissjoni qed tonqos milli tindirizza din il-kwistjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-AGS ;

38.  Jirrikonoxxi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-livelli ta’ dejn akkumulat minn atturi pubbliċi u privati jirrestrinġu l-ambitu ta' attivitajiet u investimenti ġodda fl-Istati Membri; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri, biex la jqisu l-kontribuzzjoni nazzjonali tagħhom tal-ING għall-baġit tal-UE bħala varjant ta’aġġustament fl-isforzi tagħhom ta’ konsolidazzjoni, u lanqas ifittxu li jnaqqsu b’mod artifiċjali l-volum tal-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir tal-baġit tal-UE, għall-kuntrarju għall-impenji politiċi li għamlu fl-ogħla livell; madankollu, huwa konxju tat-tensjoni ekonomika bejn il-ħtieġa li jkun hemm konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi fi żmien qasir, u kwalunkwe żieda potenzjali għal xi Stati Membri fil-kontribuzzjoni tagħhom ibbażata fuq l-ING ikkaġunata minn żieda fil-livell tal-pagamenti fil-baġit tal-UE; għaldaqstant, itenni mill-ġdid l-appelli qawwija tiegħu għar-riforma fl-arranġamenti finanzjarji għall-baġit tal-UE – permezz ta' qbil fil-qafas tan-negozjati tal-QFP 2014-2020 – billi jitnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq l-ING għall-baġit tal-UE għal 40 % sal-2020, u b’hekk dan jikkontribwixxi għall-isforzi tagħhom ta’ konsolidazzjoni(1);

39.  Ifakkar li l-baġit Ewropew huwa primarjament baġit ta’ investiment, b’94 % tat-total tiegħu jiġi investit mill-ġdid fl-Istati Membri;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-isforzi attwali tal-Istati Membri biex jiġi pprogrammat mill-ġdid u aċċellerat l-użu tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali, l-aktar għall-SMEs, u għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

41.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0245.


Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013
PDF 543kWORD 60k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (2012/2257(INI))
P7_TA(2013)0053A7-0024/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali ta’ Tkabbir 2013 (COM(2012)0750), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (AGS) (COM(2011)0815), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2012(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: Parti II tal-Linji gwida Integrati Ewropa 2020(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bl-isem “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000120/2012 lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 bl-isem “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi’ (COM(2010)0682)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bl-isem “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali’ (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali(8),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (COM(2011)0933),

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali B7-0113/2012 lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2010 bl-isem “Żgħażagħ Mobbli: Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taz-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea’ (COM(2010)0477),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar Żgħażagħ Mobbli: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-perjodu ta’ taħriġ,(12)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(14),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali – bħala reazzjoni għall-kriżi(15),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP(16),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0024/2013),

A.  billi l-impjiegi u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi huma approfonditi, u issa qed jiġu aggravati mill-impatt tal-konsolidazzjoni fiskali introdotta f’ċerti pajjiżi bi tweġiba għall-kriżi tad-dejn sovran u politika monetarja kostretta fiż-żona tal-euro, li tmur kontra dak implimentat minn reġjuni ekonomiċi prinċipali oħra u ma tistax tagħti tweġiba effettiva għall-kriżi tad-dejn sovran u tippromwovi t-tkabbir; billi l-kriżi qed ikollha effetti negattivi fuq il-kwalità u l-kwantità tal-investimenti soċjali fl-Ewropa; billi ż-żona tal-euro hija f’reċessjoni u attwalment l-UE hija l-uniku reġjun prinċipali fid-dinja fejn għadu qed jiżdied il-qgħad;

B.  billi fl-2012, is-sitwazzjoni tal-impjiegi marret għall-agħar u l-prospetti għall-2013 huma pessimisti; billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol kompliet tiżdied, il-qgħad fit-tul laħaq livelli allarmanti, il-faqar fost il-persuni b’impjieg għadu problema maġġuri, dħul medju tal-familji naqas f’ħafna Stati Membri u l-indikaturi juru xerja ta’ livelli ogħla u forom aktar profondi ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’żieda fil-faqar fost il-persuni b’impjieg u fil-polarizzazzjoni soċjali f’ħafna Stati Membri.

C.  billi l-qgħad żdied b’mod sinifikanti mill-2008 u laħaq livell ta’ 25 miljun persuna qiegħda fl-UE, li jikkorrispondi għal 10.5% tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol; billi, matul dawn l-aħħar tnax-il xahar biss, in-numru ta’ persuni qiegħda żdied b’2 miljuni; billi t-tnaqqis fl-impjiegi kien aktar intens f’dawk il-pajjiżi li qed iwettqu aktar konsolidazzjoni fiskali sostanzjali;

D.  billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ, minkejja l-livell tagħhom ta' edukazzjoni, li ħafna drabi jispiċċaw b’kuntratti ta’ impjieg prekarji u f’apprendistati mhux imħallsa; billi s-sitwazzjoni diffiċli taż-żgħażagħ hija parzjalment minħabba f’diskrepanzi bejn ħiliet akkwistati u d-domanda fis-suq tax-xogħol, mobilità ġeografika limitata, tluq bikri mill-iskola mingħajr kwalifiki, nuqqas ta’ ħiliet u esperjenza ta’ xogħol rilevanti, kundizzjonijiet prekarji ta’ impjiegi, opportunitajiet ta’ taħriġ illimitati, u politiki tas-suq tax-xogħol attivi u ineffiċjenti;

E.  billi fl-UE kollha aktar minn żagħżugħ wieħed minn ħamsa huma qiegħda (22.8 %), b’qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 50 % f’ċerti Stati Membri; billi aktar minn 7 miljun Ewropew taħt l-età ta’ 25 sena mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET); billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu u hemm riskju ta’ ġenerazzjoni mitlufa; billi l-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni fir-rigward tan-NEETs huwa stmat li jilħaq il-EUR 153 biljun madwar l-UE kollha;

F.  billi wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012, bħala parti mill-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattivi komprensivi għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ħiliet taż-żgħażagħ, u biex jiżviluppaw pjanijiet għal impjiegi għaż-żgħażagħ fi ħdan il-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom; billi, madankollu, tali inizjattivi għadhom iridu jitressqu fil-parti l-kbira tal-Istati Membri;

G.  billi l-persuni li se jilħqu l-età tal-pensjoni, ħaddiema qiegħda fit-tul, ħaddiema mhux tal-UE u ħaddiema b’ħiliet baxxi huma wkoll fost dawk li l-aktar intlaqtu mill-kriżi;

H.  billi r-riformi meħtieġa għandhom jitwettqu biex tiġi ggarantita s-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjoni; billi, f'dan ir-rigward, huwa possibbli li l-età attwali tal-irtirar titgħolla mingħajr ma titgħolla l-età mandatorja tal-irtirar, billi jitnaqqas il-għadd ta’ nies li jitilqu kmieni mis-suq tax-xogħol; billi, biex jiżdiedu b’suċċess l-etajiet attwali tal-irtirar, ir-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn politiki li jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjiegi għall-aċċess ta’ ħaddiema akbar fl-età għat-tagħlim tul il-ħajja, idaħħlu politiki ta’ benefiċċji tat-taxxa li jagħtu inċentivi biex dak li jkun jibqa’ jaħdem għal aktar żmien, u jappoġġjaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

I.  billi l-qgħad fit-tul laħaq livelli allarmanti fit-tieni kwart tas-sena tal-2012, meta ċ-ċifri wrew li 11,1 miljun Ewropew li jinsabu qiegħda ilhom qiegħda għal aktar minn 12-il xahar, li jammonta għal 4,6% tal-popolazzjoni attiva; billi l-probabbiltà li persuni qiegħda jsibu impjieg naqas fil-maġġoranza tal-Istati Membri, speċjalment dawk soġġetti għal miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali sinifikanti;

J.  billi madwar 120 miljun persuna jinsabu mhedda mill-esklużjoni soċjali fl-UE-27 peress li jinsabu f'riskju gravi tal-faqar, ibatu minn deprivazzjoni materjali gravi jew jgħixu f’familji b’parteċipazzjoni ta’ xogħol baxxa ħafna;

K.  billi n-nefqa fuq il-ħarsien soċjali naqset fi kważi l-Istati Membri kollha u billi l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (SPC) qed iwissi dwar in-numri li qed jiżdiedu ta’ persuni li jinsabu f'riskju ta’ faqar fl-introjtu tagħhom, faqar tat-tfal, deprivazzjoni materjali gravi u esklużjoni soċjali minħabba l-impatt tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali;

L.  billi l-kisba tat-tkabbir u livell għoli ta’ impjieg huma meħtieġa għall-irkupru tal-ekonomija, għall-konsolidazzjoni fiskali u għas-sostenibbiltà tal-qagħda soċjali u l-finanzi pubbliċi fit-tul;

M.  billi l-investimenti soċjali mmirati għandhom jiffurmaw parti ewlenija tar-reazzjoni tal-Istati Membri għall-kriżi peress li huma deċiżivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-impjiegi, l-objettivi soċjali u dawk edukattivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

N.  billi l-Kunsill Ewropew iddikjara fit-30 ta’ Jannar 2012 li “it-tkabbir u l-impjiegi ser jerġgħu jibdew biss jekk insegwu approċċ konsistenti u fuq bażi wiesgħa, li jgħaqqad konsolidazzjoni fiskali intelliġenti li tippreserva l-investiment fit-tkabbir futur, politiki makroekonomiċi sodi u strateġija attiva dwar l-impjiegi li tippreserva l-koeżjoni soċjali’.

O.  billi l-konsolidazzjoni fiskali għandu jkompli minħabba l-livelli għolja ta’ dejn u l-isfidi fit-tul li hemm għall-finanzi pubbliċi, imma filwaqt li jitqies kif dovut il-fatt li għandu jkun objettiv għall-futur medju u fit-tul; billi l-konsolidazzjoni fiskali jista’ jkollha effetti negattivi ta’ tkabbir u tal-impjiegi fuq perjodu ta’ żmien qasir, speċjalment f’pajjiżi f’reċessjoni jew b’rati ta’ tkabbir marġinali, li jikkompromettu l-potenzjal futur tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; billi l-konsolidazzjoni fiskali għandu għalhekk jiġi ġestit b’mod li jkun jiffavorixxi t-tkabbir ħalli ma jagħmilx ħsara lill-potenzjal tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija jew tat-tessut soċjali tagħha;

P.  billi t-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji għadhom għolja u l-iżbilanċi fl-aċċess għall-iffinanzjar huma prevalenti bejn l-Istati membri; billi r-riskji tal-premiums għoljin iżidu l-oneri tad-dejn sovran bla bżonn, billi jeħtieġu konsolidazzjoni fiskali aktar qawwija u jaggravaw il-kriżi u konsegwentement ixekklu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

Q.  billi, minkejja l-urġenza tas-sitwazzjoni, l-Unjoni Ewropea qed tfalli milli tilħaq kważi l-miri kollha tal-Ewropa 2020 u l-progress fl-Istati Membri fit-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020 kien diżappuntanti; billi l-impenji stabbiliti fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2012 mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE;

R.  billi l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fir-riċerka u l-innovazzjoni – oqsma ewlenin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi – għadu aktar baxx fl-UE milli fl-imsieħba u l-kompetituri ekonomiċi ewlenin tagħha f’partijiet oħra tad-dinja; billi l-investiment produttiv f’dawn l-oqsma huwa essenzjali biex noħorġu b’mod sostenibbli mill-kriżi imma wkoll biex l-ekonomija tal-UE tiġi kkonsolidata fuq it-triq tal-kompetittività u l-produttività;

S.  billi d-dimensjoni tal-ġeneru hija kruċjali biex jinkisbu l-miri ewlenin tal-UE 2020, peress li n-nisa jiffurmaw l-akbar riżerva ta’ forza tax-xogħol li s’issa mhijiex qed tintuża; billi n-nisa jiffurmaw il-maġġoranza ta’ dawk li jgħixu fil-faqar fl-UE; billi t-tnaqqis għal servizzi pubbliċi bħalma hi l-kura tat-tfal u l-kura ta’ persuni dipendenti oħra se jkollu impatt negattiv fuq in-nisa u konsegwentement fuq l-abilità tagħhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol; billi għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika kemm fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll fir-rigward tal-politiki mmirati lejn in-nisa tul il-proċess kollu tas-Semestru Ewropew; billi l-età statutorja tal-irtirar tan-nisa jeħtieġ li tiġi allinjata ma’ dik tal-irġiel;

T.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata interazzjoni akbar bejn il-politika tal-impjiegi, dik soċjali u dik ekonomika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif spjegat fl-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE;

U.  billi huwa essenzjali li titrawwem ir-responsabbiltà, is-sjieda u l-leġittimità demokratika tal-atturi kollha involuti fis-Semestru Ewropew; billi parti essenzjali ta' dan hija l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew;

V.  billi l-parlamenti nazzjonali huma r-rappreżentanti u l-garanti tad-drittijiet akkwistati u ddelegati miċ-ċittadini; billi l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew għandha tirrispetta għal kollox il-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali;

Messaġġi ewlenin bil-perspettiva tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

1.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-messaġġi li ġejjin jiffurmaw parti mill-gwida politika tiegħu għas-Semestru Ewropew 2013, u jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi din il-pożizzjoni matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-14-15 ta' Marzu 2013; jirreferi, b’mod partikolari, għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu adottati mill-Kunsill Ewropew fil-gwida politika tiegħu, annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jikkundanna l-fatt li l-prijoritajiet identifikati matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tas-sena l-oħra, b’mod partikolari dawk relatati mal-ħolqien tal-impjiegi, il-kwalità tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali ma tawx ir-riżultati mistennija;

3.  Jindika li s-sitwazzjoni ekonomika u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ddeterjoraw aktar matul l-aħħar sena u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-intensifikar tal-impenn tal-Istati Membri li jwegwu l-gwida politika tal-2013, b’mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali;

I.  Objettivi tal-Ewropa 2020

4.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-gwida politika ta’ kull sena stabbilita fuq il-bażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tkun iffokata bis-sħiħ biex tissodisfa l-objettivi kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv; jiddispjaċih li l-ebda rapport ta’ progress dwar Ewropa 2020 ma ġie inkluż fl-AGS 2013, u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ dan ir-rapport fil-ħin qabel il-laqgħa tar-Rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew;

5.  Jikkundanna l-fatt li l-gwida politika tal-2012 u l-implimentazzjoni tagħha ma kinux effettivi biżżejjed fir-rigward tal-kisba tal-miri politiċi minquxa fl-istrateġija Ewropa 2020; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed jitbiegħdu aktar mill-miri tal-2020;

6.  Jikkundanna l-fatt li l-impenji stabbiliti fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2012 mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-miri nazzjonali attwali mhumiex biżżejjed biex jiksbu l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar;

7.  Jitlob lill-Istati Membri jadottaw l-impenji meħtieġa fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2013 lejn it-twettiq tal-objettivi Ewropa 2020;

8.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura, fil-linji gwida politiċi tiegħu, li livell suffiċjenti ta’ fondi tal-UE jiġu ddedikati għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri jassenjaw fondi b’mod aktar effettiv għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

II.  Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ riformi strutturali u investimenti mmirati lejn it-tkabbir

9.  Jikkunsidra li huwa ta’ dispjaċir li s-sena l-oħra l-maġġoranza tal-Istati Membri ma rrispettawx l-impenn tagħhom li jissottomettu Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi (PNI) bħala parti mill-PRN tal-2012 tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw dan l-impenn fl-2013; jenfasizza li PNI għandhom jinkludu miżuri komprensivi għall-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ impjiegi ekoloġiċi, rabta bejn il-politiki dwar l-impjiegi u l-istrumenti finanzjarji, riformi tas-swieq tax-xogħol, skeda ta’ żmien ċara għall-introduzzjoni tal-aġenda pluriennali tar-riformi tul it-12-il xahar li ġejjin u indikazzjoni kemm tal-oqsma kif ukoll tar-reġjuni li qegħdin jesperjenzaw skarsezzi u eċċessi ta’ speċjalizzazzjonijiet;

10.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m’għamlitx il-PNI rekwiżit obbligatorju u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja t-tħejjija tagħhom matul kull ċiklu tas-Semestru Ewropew ta’ kull sena;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi bħar-riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol li jinkoraġġixxu l-impjiegi, jippromwovu u jappoġġjaw impjieg indipendenti ġenwin u volontarju u l-bidu ta’ negozju, itejbu l-qafas biex isir negozju u jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs, jittrasformaw xogħol informali u mhux iddikjarat f’impjieg regolari, jirriformaw swieq tax-xogħol, jekk ikun meħtieġ, biex isiru aktar adattabbli, dinamiċi, kompetittivi u inklussivi filwaqt li jiżguraw sigurtà adegwata għall-impjegati, jipprovdu lill-impjegaturi u lill-impjegati l-ħiliet u l-istrumenti li jippermettulhom jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq li qed jinbidlu, jimmodernizzaw is-sistemi tal-iffissar tal-pagi – fil-qafas ta’ djalogu soċjali bil-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tal-mudelli nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali – sabiex il-pagi jiġu allinjati max-xejriet tal-produttività fil-limiti ta’ pagi għal għajxien diċenti u jisfruttaw il-potenzjal għoli ta’ impjegar ta’ setturi bħalma huma l-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali, u s-settur tal-ICT biex jinħolqu impjiegi sostenibbi u ta’ kwalità;

III.  Impjiegi għaż-żgħażagħ

12.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel il-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità fil-gwida politika tal-2013;

13.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri deċiżivi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, inklużi miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol immirati u attivi, miżuri li jindirizzaw diskrepanzi f'ħiliet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jevitaw it-tluq bikri mill-iskola jew minn skemi ta’ perjodi ta’ taħriġ u jiżguraw li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ jipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet rilevanti b’mod effiċjenti, u jippromwovu l-intraprenditorija u l-appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju effettiv għaż-żgħażagħ u oqfsa li jiżguraw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol;

14.  Jappoġġja bis-saħħa l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob li tiġi implimentata malajr u li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti għaliha; iqis li l-FSE għandu jwettaq rwol ewlieni fil-finanzjament tal-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ u li għandu jinstab bilanċ xieraq bejn il-finanzjament mill-UE u dak mill-Istati Membri;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET); iħeġġiġhom ukoll biex, huma u jiżviluppaw dawn l-istrateġiji, juru solidarjetà finanzjarja ma’ dawk l-Istati Membri li għandhom spazju fiskali limitat;

IV.  Swieq tax-xogħol aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi u impjiegi ta’ kwalità aħjar

16.  Jiddispjaċih li l-AGS tal-2013 ma jindirizzax il-kwalità tal-impjiegi u li tingħata ftit wisq attenzjoni biex jiġu stabbiliti l-prekundizzjonijiet meħtieġa biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari dik tan-nisa, ħaddiema ta’ 45 sena u aktar, persuni b’diżabbiltajiet u dawk l-aktar fil-bżonn;

17.  Ifakkar li l-isbilanċi interni ta’ bejn l-Istati Membri, speċjalment fl-impjiegi u fl-indikaturi soċjali, qed jikbru; jindika li l-Istati Membri bi swieq tax-xogħol relattivament mhux segmentati, sistemi b’saħħithom tas-sigurtà soċjali u abilità li temporanjament jaġġustaw is-sigħat tax-xogħol, il-ħin tax-xogħol u arranġamenti oħra flessibbli tax-xogħol (flessibbiltà interna) u mudelli effiċjenti ta’ negozjar kollettiv urew li huma aktar reżiljenti quddiem il-konsegwenzi tal-kriżi li jolqtu l-qasam tal-impjiegi u dak soċjali;

18.  Jitlob li s-swieq tax-xogħol ikunu aktar adattabbli u dinamiċi, ikunu jistgħu jaġġustaw għal tfixkil fis-sitwazzjoni ekonomika mingħajr ma jiġu kkawżati sensji, u jkunu aktar inklussivi, jiffavorixxi parteċipazzjoni miżjuda tax-xogħol, speċjalment għal dawk in-nies vulnerabbli u żvantaġġjati;

19.  Iwissi li l-miżuri tal-awsterità m’għandhomx jikkompromettu l-kwalità tal-impjieg, lanqas il-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-identifikazzjoni ta’ kumpaniji u SMEs li jkunu qed jagħmlu sforz biex aktar juru kuxjenza soċjali milli sempliċement jissodisfaw l-obbligi legali minimi tagħhom;

V.  Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

20.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

21.  Jenfasizza kemm hu importanti li titnaqqas ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola bil-għan li jitnaqqsu n-numri fil-grupp NEET;

22.  Jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jsegwu konsolidazzjoni fiskali sostenibbli, li tirrispetta t-tkabbir u li tkun iddivrenzjata, jiżguraw investiment effiċjenti u suffiċjenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja bil-għan li jiġu ssodisfati l-impenji kollha miftiehma fl-Istrateġija Europa 2020;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw il-programmi ta’ skambju Ewropej għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fil-miżuri meħuda fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

VI.  Il-garanzija tal-kwalità ta’ servizzi pubbliċi u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

24.  Huwa ppreokkupat ħafna dwar iż-żieda fil-faqar u fil-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha mill-aħħar ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2012;

25.  Jilqa’ l-fatt li l-AGS tal-2013 tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll tindirizza l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza dawn il-miżuri fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u, b'mod partikolari, li tindirizza l-faqar fost il-persuni b’impjieg, il-faqar fost persuni b’rabtiet illimitati jew l-ebda rabta mas-suq tax-xogħol u l-faqar fost l-anzjani; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex japprova din il-gwida bħala prijorità.

26.  Jitlob li l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati dwar l-inklużjoni attiva għandha tkun element ċentrali tal-aġendi tal-politika soċjali fil-livell nazzjonali u dak tal-UE.

VII.  Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi

27.  Jagħraf il-ħtieġa li tiġi implimentata konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u ddivrenzjata li tkun tirrispetta t-tkabbir biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi għall-futur qrib, fuq żmien medju u għall-futur il-bogħod filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jenfasizza l-fatt li l-impatt tal-programmi ta’ konsolidazzjoni fiskali għandu jiġi vvalutat abbażi tal-effetti tagħhom għall-futur qrib fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, speċjalment fil-pajjiżi li jinsabu f’reċessjoni jew b’rati marġinali ta’ tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex fi żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jagħmlu użu tal-flessibilità li jipprovdu għaliha ir-Regolamenti (UE) Nru 1175/2011 u (UE) Nru 1177/2011;

28.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis aktar it-tendenzi lokali, reġjonali u nazzjonali speċifiċi, kif ukoll l-iżbalji potenzjali fil-previżjoni tagħha, li tirrappreżenta l-bażi tas-SAT;

29.  Jikkunsidra li l-konsolidazzjoni fiskali għandha tiġi implimentata b’mod proporzjonat u li jiffavorixxi t-tkabbir u li r-ritmu tal-konsolidazzjoni għandu jiġi ddivrenzjat fil-pajjiżi kollha skont l-ispazju fiskali tagħhom u dak tal-ekonomija Ewropea usa’, sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkalibra mill-ġdid il-mudelli tagħha dwar l-impatt tal-effett multiplikatur fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi li jirriżulta mit-tnaqqis fiskali fuq il-baġits tal-Istati Membri f’konformità mar-reviżjonijiet reċenti mill-FMI;

31.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura l-koerenza bejn il-prijoritajiet differenti fil-gwida politika tiegħu, sabiex ma jiġix kompromess il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli u tal-ħolqien tal-impjiegi, ma jiżdidux il-faqar u l-esklużjoni soċjali, jew jiġi pprevenut l-aċċess universali għall-provvediment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità; jemmen li l-prijorità ewlenija trid tkun li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri integrati ta’ riforma u investimenti li jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi filwaqt illi tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi;

32.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew, biex jekk japprova l-ewwel prijorità tal-AGS, “konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir”, jispjega b’mod speċifiku kif dan jista’ jiġi implimentat f’konformità sħiħa mal-għan li tiżdied il-koeżjoni soċjali u li jiġi miġġieled il-faqar, kif hemm delineat fir-raba’ prijorità tiegħu, “jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi”;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb koerenza sħiħa bejn il-konsolidazzjoni baġitarja u l-miżuri ekonomiċ min-naħa l-waħda u l-politika soċjali, it-tkabbir u l-miżuri tal-impjiegi min-naħa l-oħra;

34.  Jindika li, fi żmien ta’ restrizzjonijiet fiskali qawwija u ta’ tnaqqis fil-kapaċità tas-self fis-settur privat, il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, permezz tad-daqs finanzjarju tagħhom u l-objettivi segwiti, jirrappreżentaw xprun essenzjali, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, biex tiġi stimulata l-ekonomija u biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tat-tkabbir u tal-impjiegi li hemm minquxa fl-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li fid-dawl tar-rwol ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew, din il-politika għandha tikkostitwixxi element essenzjali tal-SAT u għandha tikkontribwixxi għad-dibattitu annwali dwar it-tkabbir u l-impjiegi fl-UE;

VIII.  Il-leġittimità demokratika u l-involviment tas-soċjetà ċivili

35.  Jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili għadhom iwettqu rwol limitat fis-Semestru Ewropew; jenfasizza l-fatt li l-gwida politika fl-AGS mibdija mill-Kummissjoni, u li trid tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew, hija nieqsa mill-involviment parlamentari u ċivili u għalhekk mill-leġittimità demokratika;

36.  Iqis li l-Parlament Ewropew għandu rwol essenzjali fil-ħolqien tal-leġittimità demokratika meħtieġa; iqis li, fin-nuqqas ta’ bażi legali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja applikabbli għall-AGS, il-Kunsill Ewropew għandu jqis il-kummenti parlamentari meta japprova l-gwida politika sabiex jiggarantixxi leġittimità demokratika;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiggarantixxu trasparenza massima fl-elaborazzjoni tal-PRN kif ukoll involviment wiesa’ tal-parlamenti nazzjonali u tas-sħab soċjali f’dan il-proċess;

Sforzi addizzjonali li għandhom jiġu segwiti fil-qasam tal-impjiegi u soċjali
Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ riformi strutturali u investimenti mmirati lejn it-tkabbir

38.  Ifakkar li t-tisħiħ tat-tkabbir li jġib miegħu abbundanza ta’ impjiegi jitlob politiki dwar l-impjiegi li jiġġeneraw kundizzjonijiet favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi, jiffaċilitaw tranżizzjonijiet pożittivi minn impjieg għal impjieg u minn qgħad għal impjieg, iżidu il-provvista tax-xogħol u jtejbu t-tqabbil ġeografiku u tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru riformi fis-suq tax-xogħol biex tiżdied il-produttività u l-effiċjenza tax-xogħol sabiex tittejjeb il-kompetittività ekonomika tal-UE u jkunu jistgħu jseħħu t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli filwaqt li jiġu rispettati b’mod strett kemm il-forma u kemm is-sustanza tal-Aquis Soċjali Ewropew u l-prinċipji tiegħu; jemmen li r-riformi fis-swieq tax-xogħol għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jippromwovu l-kwalità tal-impjiegi;

40.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jnaqqsu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol meta l-kundizzjonijiet fiskali jippermettu dan, b’mod speċjali fir-rigward ta’ ħaddiema b’pagi baxxi u b’ħiliet baxxi u gruppi vulnerabbli; jikkunsidra li tnaqqis temporanju mmirat sew fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew skemi tas-sussidji tal-impjiegi għal rekluti ġodda, speċjalment għal persuni qiegħda b’ħiliet baxxi u li ilhom ħafna bla xogħol, huma inċentivi effettivi ħafna biex jiġi promoss il-ħolqien tal-impjiegi;

41.  Jinnota li t-tibdil demografiku għandu impatt ċar fuq il-provvediment tal-infrastruttura soċjali, u jippreżenta sfida serja għall-ġenerazzjonijiet kollha fl-UE kollha kemm hi; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rwol tal-politiki ta’ koeżjoni fl-indirizzar determinat tal-isfidi demografiċi għandu jiġi kkunsidrat aktar fl-istħarriġ tal-Kummissjoni.

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu r-riformi meħtieġa sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet; jemmen li l-età tal-irtirar tista' tiġi vvalutata abbażi tal-evoluzzjoni tal-istennija tal-għomor b’saħħtu, iżda jfakkar li huwa possibbli li l-età attwali tal-irtirar tiżdied mingħajr ma tiżdied l-età mandatorja tal-irtirar billi jitnaqqas il-għadd tan-nies li jitilqu bikri mis-suq tax-xogħol; jemmen li biex l-etajiet effettivi tal-irtirar jiżdiedu b’suċċess, ir-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn politiki li jillimitaw l-aċċess għall-iskemi tal-irtirar bikri u toroq oħra ta’ ħruġ bikri, jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjiegi għall-ħaddiema aktar kbar fl-età, jiggarantixxu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, jintroduċu politiki ta’ benefiċċji tat-taxxa li jagħtu inċentivi biex dak li jkun jibqa’ jaħdem għal aktar żmien, u jappoġġjaw it-tixjiħ b’saħħtu attiv;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-programmi ta’ awsterità ma jxekklux il-miżuri tal-ħolqien tal-impjiegi u l-politiki tal-promozzjoni tat-tkabbir, u li ma jikkompromettux il-protezzjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir bħalma huma l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-effiċjenza enerġetika, u fl-istess ħin jiżguraw l-effiċjenza ta’ dan l-infiq;

44.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-istrumenti finanzjarji innovattivi tal-UE jistgħu jservu bħala katalisti għall-investiment immirat, jilħqu effett multiplikatur fuq il-baġit tal-UE u jżidu l-potenzjal tat-tkabbir tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi informazzjoni dettaljata, aktar għajnuna u gwida lill-Istati Membri u lir-reġjuni rigward titjib fl-applikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni fl-2013 u tal-perjodu ta’ programmar futur (2014-2020); jistieden lill-Istati Membri jimxu fil-passi tal-Kummissjoni u jindikaw ukoll b’mod ċar fil-programmi ta’ riforma nazzjonali rispettivi tagħhom kif bi ħsiebhom jużaw l-allokazzjonijiet tal-Fond Strutturali biex jippromwovu l-prijoritajiet ta’ titjib tat-tkabbir u tal-impjiegi bl-użu ta’ strumenti finanzjarji;

45.  Jilqa’ l-attenzjoni mogħtija lill-isfruttament tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ setturi ewlenin bħalma huma l-industriji innovattivi, is-servizzi, l-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa u dik soċjali (hekk imsejjaħ “is-settur l-abjad”), u s-settur tal-ICT fil-prijoritajiet tal-AGS għall-2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ dawn is-setturi b’potenzjal għoli ta’ impjiegi;

46.  Ifakkar li l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ dawn is-setturi l-ġodda se jitlob adattament, speċjalment tal-ħaddiema b’ħiliet baxxi u ta’ dawk aktar kbar fl-età, u ħiliet ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa f’dawn is-setturi u jiggarantixxu l-investimenti meħtieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġu pprovduti dawk il-ħiliet;

47.  Jiddispjaċih li assolutament mhumiex qed jissemmew il-passi biex tiġi implimentata l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013; jikkunsidra li ż-żieda sinifikanti fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija kruċjali għall-kisba tal-mira ewlenija Ewropa 2020 għar-rata tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi rati ogħla ta’ impjiegi fost in-nisa, bħall-kura affordabbli u l-kura tat-tfal, skemi adegwati ta' maternità, paternità u liv tal-ġenituri u flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol u postijiet tax-xogħol;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ambjent għan-negozji speċjalment għall-SMEs, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jintensifikaw l-isforzi sabiex jittejjeb is-Suq Uniku, tittejjeb l-ekonomija diġitali u biex jiffokaw fuq regolamentazzjoni intelliġenti sabiex titnaqqas il-burokrazija mhux meħtieġa. jilqa’ l-Att dwar is-Suq Uniku II u jitlob implimentazzjoni mgħaġġla u sħiħa tiegħu;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex il-governanza tas-Suq Uniku tagħmilha prijorità ewlenija, peress li tagħti kontribut sostanzjali biex jintlaħqu l-miri tas-Semestru Ewropew, jiġifieri għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-impjiegi; huwa tal-fehma li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, fl-istess waqt, joffru lill-Istati Membri aktar soluzzjonijiet prattiċi biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku, ħalli jinħolqu appoġġ pubbliku u impenn politiku aktar b’saħħithom biex jitħeġġeġ l-ikkompletar għalkollox tas-Suq Uniku;

50.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-importanza tal-aċċess għall-finanzjamenti għall-SMEs, li jikkostitwixxu l-pedament tal-impjiegi u tal-ħolqien tagħhom fl-UE u għandhom potenzjal konsiderevoli biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u d-disparitajiet bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aċċess għall-finanzjamenti għall-SMEs prijorità assoluta fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom tat-tkabbir; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu aċċess faċli għall-Fondi Ewropej dedikati għal dan l-iskop;

51.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-kapaċità tal-kapital ta’ self ikbar tal-BEI u jirrakkomanda li din tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-UE li huma ffokati sabiex jeliminaw id-disparitajiet reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw parti mill-allokazzjonijiet tal-Fondi Strutturali tagħhom sabiex jinqasmu r-riskji tas-self tal-BEI u tkun pprovduta garanzija għas-self lill-SMEs u l-mikroimpriżi, b’hekk tintlaħaq iż-żieda tal-attività ekomomika fis-setturi u r-reġjuni kollha, u jkunu garantiti iktar opportunitajiet ta’ impjiegi u jingħeleb in-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu li qed ixekkel lill-SMEs bħalissa;

52.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw l-intraprenditorija, inkluż l-intraprenditorija soċjali, u l-bidu ta’ negozji, partikolarment permezz tal-programmi tal-iżvilupp tan-negozji u l-aċċess għall-finanzjament;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-intraprenditorija soċjali tirċievi appoġġ qawwi skont il-Qafas Pluriennali 2014-2020, peress li dan il-qasam għandu potenzjal għoli evidenti għal impjiegi ġodda u għal tkabbir innovattiv;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmobilizza għal kollox strumenti u appoġġ finanzjarju tal-UE biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fondi Strutturali sabiex tittejjeb l-impjegabilità u jiġi miġġieled il-qgħad strutturali, fit-tul u taż-żgħażagħ b’mod effikaċi;

55.  Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni, bħala għodda ewlenija ta’ investiment tal-UE li twettaq rwol importanti fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li hija mmirata preċiżament għall-ħtiġijiet lokali, reġjonali u nazzjonali fir-rigward tal-investmenti, tikkontribwixxi mhux biss għat-tnaqqis tad-disparitajiet ta’ bejn ir-reġjuni, iżda wkoll għall-irkupru ekonomiku tal-Istati Membri u biex iseħħu b’mod effikaċi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri u fl-Unjoni in ġenerali; jinnota li dan jagħmel il-politika ta’ koeżjoni waħda mill-aħjar stumenti disponibbli sabiex l-irkupru jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, kif tipprevedi l-Kummissjoni fl-SAT 2013; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollu konsegwenzi negattivi għall-miri tal-Ewropa 2020 u jinsisti, għalhekk, li fil-perjodu ta’ programmar il-ġdid jiġi allokat livell adegwat ta’riżorsi lill-politika ta’ koeżjoni, tal-inqas f’livell bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmar attwali 2007-2013, u li jibqgħu jkunu koperti r-reġjuni kollha tal-UE;

56.  Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni fl-SAT 2013 li l-kapaċitajiet amministrattivi għandhom jiżdiedu sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar malajr tar-riżorsi tal-Fond Strutturali li għadhom ma ntefqux; jirrimarka li tali sforzi għandhom ikunu ffokati fuq l-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li żborżament aktar mgħaġġel ta’ riżorsi ta’ Fondi Strutturali li għadhom ma ntefqux jista’ jsaħħaħ il-likwidità tas-suq;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politika reġjonali tibqa’ twettaq rwol importanti fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali fl-ambitu tas-Semestru Ewropew u li tirrappreżenta għodda ewlenija biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti, fir-rigward tal-politiki soċjali u l-impjiegi, fuq perjodu ta’ żmien medju sa żmien fit-tul;

58.  Iqis li huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi biex jitnaqqsu d-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali permezz tal-possibiltà li tadatta ruħha għall-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi li jiġu identifikati fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex ikunu riprogrammati, fejn hu possibbli, ir-riżorsi li għadhom ma ntefqux tal-Fond Strutturali favur l-effiċjenza enerġetika, l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-SMEs; jitlob li huwa jibqa’ jinżamm infurmat debitament dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva fil-livell nazzjonali;

Impjiegi għaż-żgħażagħ

59.  Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol; jindika, f’dan ir-rigward, is-suċċess ta’ “taħriġ vokazzjonali doppju’ f’ċerti Stati Membri, li pprovda l-ogħla rata ta’ impjiegi fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

60.  Iqis li huwa kruċjali li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiksbu ħiliet b’mod aktar effettiv, ħaġa li teħtieġ kooperazzjoni u komunikazzjoni akbar bejn il-kumpaniji, il-gvernijiet u dawk li jipprovdu l-edukattivi;

61.  Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta pakkett għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jitlob lill-Istati Membri jippromwovu u jiżviluppaw, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Garanzija għaż-Żgħażagħ, bil-għan li kull persuna żagħżugħa fl-UE tiġi offruta xogħol, perjodu ta’ taħriġ, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur qgħad; iqis li l-finanzjament mill-Unjoni, speċjalment il-FSE, għandu jwettaq rwol ewlieni fil-kofinanzjament tal-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni assistenza teknika biex jimplimentaw tali skemi u jagħmlu użu tajjeb mill-FSE sabiex jiġu żviluppati l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jenfasizza li s-sħab settorjali nazzjonali f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iwettqu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

62.  Jinnota li l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu akkumpanjati minn qafas ta’ kwalità sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta’ dawn l-iskemi u jiġi żgurat li t-taħriġ, il-perjodi ta' taħriġ u l-impjiegi offruti jkunu jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u jkunu konformi ma’ standards tas-saħħa u tas-sikurezza; iqis li, f’dan il-qafas, iż-żgħażagħ kollha għandhom jirċievu valutazzjoni personalizzata tal-ħtiġijiet tagħhom, u jiġu pprovduti servizzi mfassla speċifikament għalihom u personalizzati;

63.  Jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita sorveljanza multilaterali tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-“Kumitat tal-Impjiegi” u biex il-Parlament jiġi assoċjat;

64.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi proposta Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob lill-Istati Membri u r-reġjuni jippromwovu intraprenditorija u impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ u jimplimentaw programmi ta’ appoġġ ta’ żvilupp tal-intraprenditorija speċifiċi u mmirati għaż-żgħażagħ;

65.  Jenfasizza li, f’Jannar 2012, il-Kunsill Ewropew ressaq azzjoni pilota biex jgħin it-tmien Stati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ sabiex jallokaw mill-ġdid parti mill-allokazzjonijiet tal-fond strutturali tagħhom tal-UE biex jindirizzaw b’mod deċiżiv il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jiddispjaċih li f’Mejju 2012 il-Kummissjoni baxxiet b’mod sinifikanti l-istimi dwar il-fondi disponibbli għar-riallokazzjoni minn EUR 82 biljun għal EUR 29 800 miljun u b’hekk naqqset l-ambitu tal-azzjonijiet pilota; jiddeplora l-fatt li huwa biss porzjon żgħir minn dawn il-fondi li sa issa ġie dirett mill-ġdid biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu impjieg;

66.  Jilqa’ l-proposta biex isir aktar użu mill-Fond Soċjali Ewropew għall-miżuri tal-impjieg taż-żgħażagħ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; jitlob l-użu ta’ fondi tal-FSE biex miżuri relatati maż-żgħażagħ jiġu ffokati b’mod speċjali fuq perjodi ta’ taħriġ/apprendistati u intraprenditorija; jilqa’ r-ridistribuzzjoni ta’ flejjes tal-Fond Strutturali li ma jkunux intefqu mill-perjodu finanzjarju tal-UE tal-2007-13 għall-għan li tiġi indirizzata r-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-promozzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

67.  Jenfasizza l-importanza li jittejbu l-ħiliet ta’ monitoraġġ f’setturi u/jew reġjuni speċifiċi u li jiġu rimedjati dawn id-diskrepanzi fil-ħiliet malajr kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoperaw fl-elaborazzjoni tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE sabiex tiġi provduta deskrizzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE;

68.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ minn naħa u l-intrapriżi min-naħa l-oħra biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u jadattaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol bl-objettiv li l-forza tax-xogħol tiġi pprovduta l-ħiliet meħtieġa, abbażi tal-ambjenti tax-xogħol li jinbidlu u l-bżonnijiet individwali ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ, u li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol;

69.  Jitlob lill-Istati Membri jipprovdu, bħala prijorità, għal investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ, il-promozzjoni ta’ ħiliet intraprenditorjali u t-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha, mhux biss permezz ta’ tagħlim formali iżda anke permezz tal-iżvilupp ta’ tagħlim mhux formali u informali; iwissi dwar l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fit-tul li jirriżultaw mit-tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ peress li dan it-tnaqqis ixekkel il-possibilità li dak li jkun joħroġ mill-kriżi u jnaqqas il-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

70.  Jenfasizza l-fatt li l-użu ta’ opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim u li jsir l-aħjar użu ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi akkwistati barra mill-edukazzjoni formali jista’ jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà; jissottolinja l-importanza ta’ validazzjoni mhux formali u informali; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ validazzjoni sal-2015, marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, inkluża l-possibbiltà li tinkiseb kwalifika sħiħa jew parzjali abbażi tat-tagħlim mhux formali jew informali;

71.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tal-Qafas ta’ Kwalifiki Nazzjonali bħala għodda li tippromwovi l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u tiġi promossa l-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema;

72.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità, il-kompetenza u l-istatus tal-għalliema bħala kundizzjoni indispensabbli (sine qua non) għal sistema Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ bi prestazzjoni għolja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddedikaw l-isforzi u r-riżorsi meħtieġa għal dan l-għan;

Swieq tax-xogħol aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi u impjieg ta’ kwalità aħjar

73.  Jemmen li r-riformi tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu mmirati lejn iż-żieda fil-produttività u l-kompetittività u, fl-istess ħin, is-salvagwardjar tal-kwalità tal-impjiegi; jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħti attenzjoni għall-kwalità tal-impjiegi fil-gwida politika tal-2013 tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-ħaddiema għal sett ewlieni ta’ drittijiet tax-xogħol, kif minquxa fit-Trattati, u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri;

74.  Jemmen li r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu flessibbiltà interna biex jiġu sostnuti l-impjiegi fi żminijiet ta’ tfixkil ekonomiku, u biex tiġi żgurata l-kwalità tal-impjiegi, is-sigurtà fit-tranżizzjonijiet tal-impjiegi, l-iskemi tal-benefiċċji tal-qgħad ibbażati fuq ir-rekwiżiti ta’ attivazzjoni u konnessi ma’ politiki ta’ integrazzjoni mill-ġdid li jsostnu inċentivi tax-xogħol filwaqt illi jiġi żgurat introjtu suffiċjenti, arranġamenti kuntrattwali għall-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-antiċipazzjoni ta’ ristrutturar ekonomiku, u jiġi żgurat l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja;

75.  Jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-eżistenza u l-proliferazzjoni ta’ kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u impjieg indipendenti falz u biex jiġi żgurat li persuni b’kuntratti temporanji jew part-time jew li huma impjegati għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali u aċċess għat-taħriġ adegwat;

76.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi fejn meħtieġ u bil-ħsieb li jippromwovu relazzjonijiet stabbli relatati mal-impjieg, jappoġġjaw u jiżviluppaw kundizzjonijiet biex jiġu offruti arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli flimkien ma’ livelli adegwati ta’ sigurtà soċjali, speċjalment għall-ħaddiema aktar kbar fl-età u ħaddiema aktar żgħażagħ, u jippromwovu l-mobilità volontarja tal-ħaddiema permezz ta’ skemi ta’ appoġġ għall-mobilità;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-livell baxx ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-gruppi żvantaġġjati, inklużi persuni li jappartjenu għal minoranzi (eż. Roma) u persuni b’diżabbiltà, u jirrispettaw pagi għal għajxien deċenti fil-mumenti kollha;

78.  Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, li jkunu appoġġati b’mod reċiproku minn inċentivi ta’ attivazzjoni, bħal pereżempju programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, u sistemi ta’ benefiċċji adegwati sabiex tinżamm l-impjegabilità, jappoġġaw lill-persuni biex imorru lura għax-xogħol u jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti;

79.  Jitlob lill-Istati Membri jantiċipaw proċessi ta' ristrutturar bil-għan li jiġu salvati l-impjiegi, titrawwem il-mobilità interna u esterna u jiġu minimizzati l-effetti negattivi possibbli tal-proċessi tar-ristrutturar; jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod effettiv il-liġi nazzjonali u direttivi eżistenti tal-UE, bħad-Direttiva dwar is-Sensji Kollettivi, id-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi u d-Direttiva Qafas dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni, filwaqt illi jitqies kif mistħoqq il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jikkunsidra li l-fondi tal-UE għandu jkollhom rwol importanti biex jiġu evitati, minimizzati jew jittaffew effetti negattivi possibbli ta’ proċessi ta’ ristrutturar;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li japprofondixxu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Ewropew, jieħdu passi sabiex itejbu l-mobilità fi ħdan u fost is-swieq tax-xogħol billi jneħħu ostakli legali u amministrattivi għall-moviment liberu ta’ ħaddiema fi ħdan l-UE bħar-restrizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mir-Rumanija u l-Bulgarija u billi jtejbu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema li jagħmlu użu miid-dritt tagħhom għall-moviment liberu; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-użu tagħhom tal-EURES sabiex jittejjeb it-tqabbil tal- impjiegi u dawk li jfittxu l-impjiegi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri;

82.  Jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda li seħħet fil-faqar u l-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, sabiex jadottaw impenji ġodda biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-faqar fost il-persuni b’impjieg, il-faqar fost il-persuni b’rabtiet limitati jew l-ebda rabta mas-suq tax-xogħol, inklużi l-ħaddiema akbar fl-età li ilhom żmien twil qiegħda u l-faqar fost persuni akbar fl-età;

83.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li effetti negattivi ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza tas-sessi, l-impjiegi tan-nisa u l-faqar fost in-nisa jinqalbu bl-adozzjoni ta’ approċċ ta’ integrazzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fil-baġits nazzjonali, bl-indirizzar ta’ rakkomandazzjonijiet aktar b’saħħithom fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma speċifiċi għas-sessi lill-Istati Membri, u bid-diżaggregazzjoni tal-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 u l-miri nazzjonali korrispondenti skont is-sessi;

Il-garanzija tal-kwalità ta’ servizzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

84.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jiżguraw li jkomplu jaġġixxu bħala protetturi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota, fl-istess ħin, li l-Mudell Soċjali Ewropew jeħtieġ modernizzazzjoni fid-direzzjoni ta’ “attivazzjoni tal-welfare states”, li jinvestu fin-nies u jipprovdu strumenti u inċentivi bil-ħsieb li joħolqu impjiegi sostenibbli u tkabbir kif ukoll jipprevjenu d-distorsjonijiet soċjali;

85.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji attivi ta' inklużjoni u servizzi ta’ kwalità għolja adegwati u affordabbli u approċċi direzzjonali għal impjiegi ta’ kwalità bil-għan li jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni ta' gruppi b’introjtu baxx u vulnerabbli;

86.  Jitlob lill-Istati Membri jispeċifikaw fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jappoġġaw il-kisba tal-miri nazzjonali fir-rigward tal-faqar u miri oħra soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni biex jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

87.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe riforma fis-sistema tas-saħħa tkun iffokata fuq it-titjib tal-kwalità u fuq l-iżgurar tal-adegwatezza, l-affordabilità u l-aċċess universali u l-garanzija tas-sostenibbiltà;

88.  Jemmen li sussidji mmirati għall-proċess tat-tfittix tal-ħaddiema fost gruppi żvantaġġjati huma mod effettiv kif jiżdiedu l-livelli tal-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħol;

89.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-konsolidazzjoni fiskali tkun kompatibbli mad-dimensjoni tal-impjiegi u dik soċjali ta’ Ewropa 2020;

90.  Huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali tal-kriżi fuq il-faqar fost in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti tal-konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjiegi tan-nisa;

91.  Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri biex jitnaqqas il-faqar fost il-persuni b’impjieg, bħat-trawwim ta’ livelli suffiċjenti ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ġo familji u l-iffaċilitar ta’ tranżizzjonijiet 'il fuq għal dawk f’impjiegi bi ħlas baxx jew prekarji; jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu l-faqar fost il-persuni b’impjiegi billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu;

92.  Jistieden lill-Kummissjoni tersaq quddiem il-kumitati kompetenti tal-Parlament biex tippreżenta l-AGS kull sena fil-bidu ta' Novembru, ibda mill-4 sal-5 ta’ Novembru 2013, ħalli jkun hemm biżżejjed żmien biex il-Parlament iressaq il-fehmiet tiegħu f’Semestri Ewropej sussegwenti;

Sforzi addizzjonali meħtieġa biex itejbu l-governanza, l-impenn u l-leġittimità demokratika

93.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jiżguraw li parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta’ governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda;

94.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jintegraw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-għanijiet tal-impjiegi, dawk soċjali u dawk edukattivi tal-istrateġija Ewropa 2020 b’mod aktar effikaċi fis-Semestru Ewropew 2013;

95.  Itenni l-appell tiegħu biex tiżdied il-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jikkunsidra t-tħassib u l-proposti espressi mill-Parlament Ewropew meta jadotta l-gwida politika tal-2013 tiegħu;

96.  Jistieden lill-Parlament biex jinvolvi ruħu b’mod xieraq fis-Simestru Ewropew bl-għan li jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini u anke biex iżid il-leġittimità fir-rigward tal-politiki soċjali li għandhom jitwettqu mill-istati Membri;

97.  Jixtieq jara r-rwol tal-parlamenti nazzjonali msaħħaħ fir-rigward tal-involviment tagħhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika ekonomika u soċjali fil-qafas tas-Semestru Ewropew, sabiex tiżdied il-leġittimità tad-deċiżjonijiet meħuda;

98.  Jitlob għall-involviment tas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili bil-għan li tiżdied l-adegwatezza u l-effikaċja tal-politiki soċjali;

o
o   o

99.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI GĦANDHOM JIĠU ADOTTATI MILL-KUNSILL EWROPEW FIL-GWIDA POLITIKA TIEGĦU

Objettivi tal-Ewropa 2020

Ir-Rakkomandazzjoni 1: It-Twettiq tal-Objettivi tal-Ewropa 2020

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Twettaq l-objettivi kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

L-impenji stabbiliti fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2013 iridu jkunu biżżejjed sabiex jilħqu l-objettivi Ewropa 2020.

L-Istati Membri għandhom jassenjaw b’mod aktar effettiv l-użu tal-baġits nazzjonali tagħhom għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Jiġi garantit li livell suffiċjenti tal-fondi tal-UE huwa ddedikat għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020

Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ riformi strutturali u investimenti mmirati lejn it-tkabbir

Rakkomandazzjoni 2.1 dwar Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

L-Istati Membri għandhom jissottomettu Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi (PNI) bħala parti mill-PRN tal-2013 tagħhom.

PNI iridu jinkludu:

   miżuri komprensivi għall-ħolqien tal-impjiegi u l-impjiegi ekoloġiċi, speċjalment is-setturi li għandhom potenzjal qawwi li joħolqu l-impjiegi,
   rabta bejn il-politiki dwar l-impjiegi u l-istrumenti finanzjarji,
   ir-riformi tas-swieq tax-xogħol, jekk ikunu meħtieġa,
   politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn iż-żgħażagħ qiegħda, il-persuni qiegħda fit-tul, il-persuni qiegħda ta’ età avvanzata u gruppi kollettivi vulnerabbli oħra,
   skeda ta' żmien preċiża għall-introduzzjoni tal-aġenda pluriennali tar-riformi tul it-12-il xahar li ġejjin u indikazzjoni kemm tal-oqsma kif ukoll tar-reġjuni li qegħdin jesperjenzaw skarsezzi u eċċessi ta’ speċjalizzazzjonijiet;

Rakkomandazzjoni 2.2 dwar riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

L-Istati Membri għandhom jadottaw riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol li jagħtu inċentivi għall-impjiegi.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jnaqqsu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol, speċjalment tnaqqis temporanju mmirat sew fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew skemi ta' sussidji tal-impjiegi għal rekluti ġodda, speċjalment fuq ħaddiema b'pagi baxxi u b'ħiliet baxxi, gruppi ta' persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi vulnerabbli oħra, filwaqt li jiżguraw is-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjoni pubbliċi għal żmien fit-tul.

Ir-Rakkomandazzjoni 2.3: il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Ttittrasforma x-xogħol informali u mhux iddikjarat f'impjieg regolari anki billi tiżdied il-kapaċità tal-ispezzjonijiet tax-xogħol.

Ir-Rakkomandazzjoni 2.4: dwar sistemi tal-iffissar tal-pagi

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Timmodernizza s-sistemi tal-iffissar tal-pagi - fi ħdan qafas ta’ djalogu soċjali u bil-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali, filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-mudelli nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali - sabiex il-pagi jiġu allinjati max-xejriet tal-produttività fil-limiti ta’ pagi għal għajxien diċenti,

Ir-Rakkomandazzjoni 2.5: Riformi biex tiġi garantita s-sostenibbiltà ta’ sistemi ta’ pensjonijiet

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jitwettqu r-riformi meħtieġa biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet abbażi ta’ dan li ġej:

-  L-età tal-irtirar tista’ tiġi vvalutata b’kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-istennija tal-għomor b’saħħtu,

-  L-età effettiva tal-irtirar tiżdied billi jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jitnaqqas il-ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol (pereżempju billi jiġu introdotti politiki dwar il-benefiċċji tat-taxxa li jagħtu inċentivi biex dak li jkun jibqa' għal aktar żmien fix-xogħol) u l-ħaddiema jiġu megħjuna jagħmlu tranżizzjonijiet flessibbli mix-xogħol għall-irtirar,

-  Il-politiki biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjiegi għall-ħaddiema li huma akbar fl-età, aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, u appoġġ għat-tixjiħ b'saħħtu attiv jeħtieġu jkunu fil-qalba tar-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet biex jiġu pprevenuti perjodi itwal ta' qgħad għall-ħaddiema li huma akbar fl-età;

Recommendation 2.6 investimenti mmirati lejn it-tkabbir

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Programmi ta' awsterità m'għandhomx ixekklu l-miżuri tal-ħolqien tal-impjiegi u l-politiki dwar il-promozzjoni tat-tkabbir, u lanqas ma għandhom jikkompromettu l-protezzjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-investimenti li jiffavorixxu t-tkabbir fl-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll l-effiċjenza enerġetika.

Ir-Rakkomandazzjoni 2.7: l-isfruttar tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tas-setturi ewlenin bħall-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa u soċjali, u l-ICT

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw inizjattivi u investimenti li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' setturi li għandhom potenzjal għoli ta' impjiegi bħalma huma l-industriji innovattivi, l-ekonomija ekoloġika, is-servizzi, il-kura tas-saħħa u dik soċjali, u l-ICT.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet f’dawn is-setturi u l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jipprovdu dawn il-ħiliet u biex jiffavorixxu l-adattament ta’ ħaddiema, speċjalment ħaddiema b’ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani.

Ir-Rakkomandazzjoni 2.8: Riformi strutturali għall-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi fost in-nisa

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Tiġi applikata l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-gwida politika li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew

Jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi rati ogħla ta’ impjiegi fost in-nisa, bħall-kura affordabbli u l-kura tat-tfal, skemi adegwati ta' maternità, paternità u liv tal-ġenituri u flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol u l-postijiet tax-xogħol;

Ir-Rakkomandazzjoni 2.9: jitwettaq għal kollox is-Suq Uniku

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew għandhom isaħħu l-isforzi biex jitjieb is-Suq Uniku, biex tiżdied l-ekonomija diġitali u biex tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward ta’ regolamentazzjoni intelliġenti sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda; L-Att dwar is-Suq Uniku II għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, fl-istess waqt, joffru lill-Istati Membri aktar soluzzjonijiet prattiċi biex itejbu l-funzjonament tas-suq uniku, ħalli jinħolqu appoġġ pubbliku u impenn politiku aktar b’saħħithom biex jitħeġġeġ l-ikkompletar għalkollox tas-suq uniku;

Ir-Rakkomandazzjoni 2.10: Jittejjeb l-embjent għan-negozji, speċjalment għall-SMEs

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

L-Istati Membri għandhom iwettqu l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa biex jittejjeb il-qafas għan-negozju, speċjalment għall-SMEs.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jadottaw aċċess għall-finanzjament għal SMEs bħala prijorità assoluta fl-aġenda tal-politika tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġjaw l-intraprenditorija, inkluż l-intraprenditorija soċjali, u l-bidu ta’ negozji, speċjalment permezz tal-programmi tal-iżvilupp tan-negozji u l-aċċess għall-finanzjament;

Ir-Rakkomandazzjoni 2.11: jiġu mobilizzati għalkollox fondi tal-UE

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ tal-Fondi Strutturali sabiex tiżdied l-impjegabilità u jiġi missielet b’mod effikaċi l-qgħad fost iż-żgħażagħ, dak strutturali u dak fit-tul u jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020;

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex iżżid ir-rata tal-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali fil-każ ta' dawk l-Istati Membri bl-ogħla rati ta' qgħad, sabiex dawn jiġu megħjuna jagħmlu tajjeb għal-limitazzjonijiet fl-ispazju għall-immanuvrar tal-politiki nazzjonali tagħhom, u jiġu megħjuna fil-finanzjament ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra tfittex fondi ulterjuri għal dan il-għan minn sorsi oħra ta' finanzjament.

Jitlob li tal-anqas 25% tal-Fondi ta’ Koeżjoni jiġu allokati lill-FSE għall-ipprogrammar tal-2014 - 2020.

Impjiegi għaż-żgħażagħ

Ir-Rakkomandazzjoni 3.1: Impjiegi għaż-żgħażagħ bħala prijorità

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Il-Kunsill Ewropew għandu jagħmel l-impjiegi għaż-żgħażagħ prijorità fil-gwida tal-politika tiegħu tal-2013. Il-Pjanijiet dwar l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ iridu jiġu ppreżentati mill-Istati Membri fi ħdan il-Programmi Nazzjonali dwar l-Impjiegi u l-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-miri tal-politiki li jkun fihom.

Il-Miżuri biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jinkludu:

   - Miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol attivi u b’miri speċifiċi,

-  L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jimplimentaw, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li kull persuna ta’ taħt l-età ta’ 25 sena fl-UE tirċievi offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, perjodu ta' prattika jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta tkun ġiet qiegħda jew tkun telqet mill-edukazzjoni formali; Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jwettaq rwol ewlieni, speċjalment il-FSE, fil-finanzjament ta’ dawn l-iskemi.

   - Miżuri li jindirizzaw b’mod deċiżiv id-diskrepanzi tal-ħiliet li hemm fis-suq tax-xogħol, speċjalment permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola jew minn skemi ta’ perjodi ta’ prattika u permezz tal-iżgurar li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jipprovdu liż-żgħażagħ ħiliet rilevanti b’mod effikaċi,
   - Oqfsa li jiżguraw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol,
   - Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ negozji għaż-żgħażagħ li jkunu speċifiċi u mmirati.

Ir-Rakkomandazzjoni 3.2: dwar iż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET)

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

L-Istati Membri, bis-sostenn tal-Istituzzjonijiet tal-UE, għandhom jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET);

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jippromwovu u jiżviluppaw, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Garanzija għaż-Żgħażagħ, bil-għan li kull persuna taħt l-età tal-25 sena fl-UE tiġi offruta xogħol, perjodu ta’ taħriġ, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur qgħad;

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri u r-reġjuni b’assistenza teknika biex jagħmlu użu tajjeb mill-FSE sabiex jiġu żviluppati skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

Ir-Rakkomandazzjoni 3.3: Aktar użu tal-fondi tal-UE fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Isir użu akbar tal-Fond Soċjali Ewropew għall-miżuri għall-impjiegi għaż-żgħażagħ għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

Issir enfasi fuq l-użu ta’ fondi tal-FSE għal miżuri relatati maż-żgħażagħ b’mod speċjali fuq il-perjodi ta’ prattika/apprendistati u l-intraprenditorija.

Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Ir-Rakkomandazzjoni 4.1: L-indirizzar tad-diskrepanzi bejn il-ħiliet

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jitwettaq monitoraġġ aħjar ta' ħtiġijiet ta’ ħiliet f’setturi u/jew reġjuni speċifiċi u r-rimedju mgħaġġel ta’ dawn id-diskrepanzi bejn il-ħiliet.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fl-elaborazzjoni tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE sabiex tiġi provduta deskrizzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE.

Jitrawmu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-intrapriżi biex jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u jkunu adattati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, bil-għan li l-forza tax-xogħol tiġi provduta bil-ħiliet meħtieġa u biex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol;

Jiġi promoss l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha, mhux biss permezz ta’ tagħlim formali iżda anke permezz tal-iżvilupp tat-tagħlim mhux formali u informali.

Tiġi stabbilita sistema ta’ validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali sal-2015 marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

Jiġi implimentat b’mod effettiv il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki u l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà.

Ir-Rakkomandazzjoni 4.2: Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jiġi żgurat investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ filwaqt illi tiġi segwita l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi.

Jiġu adottati miżuri u riżorsi biex jittejbu l-kwalità, il-kompetenza u l-istatus tal-għalliema.

Swieq aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi u impjiegi ta’ kwalità aħjar

Rakkomandazzjoni 5.1 dwar riformi tas-suq tax-xogħol

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jiġu promossi riformi strutturali fis-suq tax-xogħol biex jiżdiedu l-produttività u l-effiċjenza tax-xogħol sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u jiġu garantiti t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.

Ir-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu bbażati fuq:

   - L-introduzzjoni ta' flessibbiltà interna flimkien ma' livell adegwat ta' sigurtà soċjali, bl-objettiv li l-impjieg jiġi sostnut fi żminijiet ta' ċirkostanzi ekonomiċi ta’ kriżi,
   - L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-kombinazzjoni tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-għoti ta’ kura,
   - L-iffaċilitar ta' tranżizzjonijiet pożittivi u sikuri minn impjieg għal impjieg u mill-qgħad għall-impjieg,
   - Skemi ta' benefiċċji għall-qgħad ibbażati fuq ir-rekwiżiti ta’ attivazzjoni u marbuta mal-politiki tax-xogħol effikaċi u attivi u li jsostnu inċentivi għax-xogħol filwaqt illi jiżguraw introjtu suffiċjenti,
   - Ir-rispett strett tad-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema,
   - Il-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u kontra x-xogħol prekarju,
   - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tad-Djalogu Soċjali fil-livell tal-UE.
   - L-antiċipazzjoni tar-ristrutturar ekonomiku,
   - Il-garanzija tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja,
   - L-indirizzar tal-parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol tal-gruppi żvantaġġjati, inklużi persuni li jappartjenu għall-minoranzi (eż. Roma) u l-persuni b’diżabbiltà;
   - Iż-żieda fil-provvista ta’ ħaddiema billi jittejjeb it-tqabbil ġeografiku u tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol,
   - Iż-żieda tal-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, li jkunu appoġġati b'mod reċiproku minn politiki tas-suq tax-xogħol attivi, bħal pereżempju programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali għas-suq tax-xogħol, u sistemi ta' benefiċċji adegwati sabiex tinżamm l-impjegabilità, jiġu appoġġjati l-persuni biex imorru lura għax-xogħol u jkunu salvagwardjati l-kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti;
   - It-titjib tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u l-appoġġ u l-iżvilupp ta' kundizzjonijiet għal arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, speċjalment għall-ħaddiema aktar kbar fl-età u dawk aktar żgħażagħ.

Ir-Rakkomandazzjoni 5.2: Il-promozzjoni tal-mobilità ta’ ħaddiema

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jiġu adottati politiki u miżuri biex tiġi promossa l-mobilità fi ħdan u fost is-swieq tax-xogħol, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ appoġġ tal-mobilità.

Jitneħħew ostakoli legali u amministrattivi u jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' xogħol u s-sigurtà soċjali għas-sostenn tal-moviment liberu ta' ħaddiema fi ħdan l-UE sabiex tiġi approfondita l-integrazzjoni Ewropea fis-suq tax-xogħol.

L-Istati Membri għandhom iżidu l-użu tagħhom ta’ EURES sabiex jittejjeb it-tqabbil ta’ impjiegi u dawk li jfittxu l-impjiegi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri;

Rakkomandazzjoni 5.3 dwar il-kwalità tal-impjiegi

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Il-Kunsill Ewropew għandu jagħti attenzjoni għall-kwalità tal-impjiegi fil-gwida politika tal-2013 tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-ħaddiema għal sett ewlieni ta’ drittijiet tax-xogħol, kif minquxa fit-Trattati, u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

Jiġi ggarantit li riformi fis-swieq tax-xogħol jiġu implimentati b’tali mod li jippromwovu l-kwalità tal-impjiegi;

Jiġu miġġielda l-eżistenza u l-proliferazzjoni ta’ kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u impjieg indipendenti falz u jiġi żgurat li persuni b’kuntratti temporanji jew part-time jew li huma impjegati għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali u aċċess għat-taħriġ adegwat;

Jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

Il-garanzija tal-kwalità ta’ servizzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

Ir-Rakkomandazzjoni 6.1: Il-garanzija tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jiġi żgurat li l-konsolidazzjoni fiskali tkun kompatibbli mad-dimensjoni tal-impjiegi u dik soċjali tal-Ewropa 2020 u ma tfixkilx il-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja.

Ir-riformi tas-sistema tas-saħħa għandhom jiffokaw fuq it-titjib fil-kwalità u l-iżgurar tal-adegwatezza, affordabbiltà u aċċess universali, u l-garanzija tas-sostenibbiltà.

Ir-Rakkomandazzjoni 6.2: Il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Il-Kunsill Ewropew għandhu jagħmel prijorità fil-gwida politika tiegħu l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha, speċjalment fil-faqar fost il-persuni b'impjiegi, il-faqar fost persuni b'rabtiet limitati jew bl-ebda rabta mas-suq tax-xogħol u l-faqar fost l-anzjani;

Tittejjeb l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jiġi żgurat li dawn ikomplu jaġixxu bħala protetturi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

Jiġu implimentati strateġiji ta’ inklużjoni attiva u servizzi ta’ kwalità għolja adegwati u affordabbli u approċċi direzzjonali għal impjiegi ta’ kwalità bil-għan li tiġi prevenuta l-marġinalizzazzjoni ta’ gruppi b’introjtu baxx u vulnerabbli;

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effetti tal-konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjieg u l-faqar fost in-nisa.

Jiġi żgurat li l-effetti negattivi tal-konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza tas-sessi, l-impjieg u l-faqar tan-nisa jinqalbu billi jiġu indirizzati lill-Istati Membri rakkomandazzjonijiet aktar b’saħħithom speċifiċi għas-sessi, u billi jiġu diżaggregati l-miri ewlenin tal-istrateġija UE 2020 u l-miri nazzjonali korrispondenti skont il-ġeneru.

Jiġu żviluppati politiki u miżuri biex jitnaqqas il-faqar fost il-persuni b’impjieg, bħat-trawwim ta’ livelli suffiċjenti ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ġo familji u l-iffaċilitar ta’ tranżizzjonijiet 'il fuq għal dawk maqbuda f’impjiegi bi ħlas baxx jew prekarji.

L-Istati Membri għandhom jiġġieldu kontra l-faqar fost il-persuni b’impjieg billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ sussidji mmirati għall-proċess tat-tfittix tal-ħaddiema fost gruppi żvantaġġjati.

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jappoġġaw il-miri nazzjonali fir-rigward tal-faqar u miri oħra soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni, u jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi

Ir-Rakkomandazzjoni 7: Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Timplimenta programmi ta' konsolidazzjoni fiskali, sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b'mod proporzjonat u ddivrenzjat li jiffavorixxi t-tkabbir li jippermetti li l-investimenti jilħqu l-istrateġija UE 2020 u tiġi użata sal-massimu l-flessibbiltà prevista mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Jiġu riveduti l-multiplikaturi fiskali biex tiġi evitata sottovalutazzjoni sistematika tal-effett tal-konsolidazzjoni fiskali fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi f'kuntest ta' reċessjoni;

Issir reviżjoni tar-ritmu tal-konsolidazzjoni sabiex isir iddivrenzjar fil-pajjiżi kollha skont l-ispazju fiskali tagħhom biex jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali fuq it-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tad-dejn;

Tiġi żgurata l-koerenza bejn il-prijoritajiet differenti fil-gwida politika tiegħu, sabiex il-konsolidazzjoni fiskali ma jikkompromettix il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli u tal-ħolqien tal-impjiegi, ma żżidx il-faqar u l-esklużjoni soċjali, jew tevita l-provvista tas-servizzi pubbliċi ta' kwalità.

Tinkiseb koerenza totali bejn il-konsolidazzjoni baġitarja u l-miżuri ta' riforma ekonomika proposti min-naħa l-waħda u t-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda tar-rati ta' impjieg min-naħa l-oħra;

Sforzi addizzjonali meħtieġa biex itejbu l-governanza, l-impenn u l-leġittimità demokratika

Ir-Rakkomandazzjoni 8: Tiżdied il-leġittimità demokratika għas-Semestru Ewropew

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

Jiġi żgurat li parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti profondament fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta’ governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda.

Il-Parlament Ewropew għandu jiġu involut b’mod xieraq fis-Semestru Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew għandu jikkunsidra t-tħassib u l-proposti espressi mill-Parlament Ewropew meta jadotta l-gwida politika tal-2013 tiegħu.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0408.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0542.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 116.
(4) ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0260.
(6) Ara l-verżjoni tar-rettifika tas-26 ta’ Novembru 2010.
(7) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0495.
(9) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11
(10) Testi adottati, P7_TA(2012)0224.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0230.
(12) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(13) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.
(14) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(15) Testi adottati, P7_TA(2012)0419.
(16) ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
(17) ĠU L 14, 20.01.1998, p. 9.


Il-governanza tas-Suq Uniku
PDF 487kWORD 51k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Eniku (2012/2260(INL))
P7_TA(2013)0054A7-0019/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26(3) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Gunju 2012 bit-titolu “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku’ (COM(2012)0259),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0750) u r-Rapport tal-Kummissjoni bit-titolu ”L-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0752),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar Governanza Aħjar tas-Suq Uniku, bħala kontribut għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, imwettaq mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament Ewropew u trasmess lill-Kumitat tiegħu dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur fis-7 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “Ewropa 2020 − Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna − 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku − Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja − ”Flimkien għal tkabbir ġdid“’ (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II − Flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi − Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015’ (COM(2012)0261),

–  wara li kkunsidra r-rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea minn Mario Monti tad-9 ta’ Mejju 2010 bit-titolu “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku − Li Taqdi l-Ħtiġijiet tal-Ekonomija u tas-Soċjetà tal-Ewropa’,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’ (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina’, ir-rapport interim tat-12 ta’ Ottubru 2012 u r-rapport finali tal-5 ta' Diċembru 2012 dwaru,

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 23 (Settembru 2011) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 Mejju 2012(1) dwarha,

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 25 (Ottubru 2012),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll annwali fuq il-governanza 2011’ (SWD(2012)0025),

–  wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2012 dwar is-Suq Uniku Digitali u l-Governanza tas-Suq Uniku,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tal-10 u l-11 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

–  wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Gunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni u l-konklużjonijiet tat-tmienja u erbgħin Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) mill-14sas-16 ta’ Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar governanza u sħubija fis-suq uniku(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku − Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir’(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Harsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat ghall-Impjiegi u l-Affarijiet Socjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0019/2013),

A.  billi Suq Uniku effettiv u li jiffunzjona tajjeb, ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel sabiex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u biex jinħolqu l-impjiegi sabiex l-ekonomija tal-Ewropea terġa' tieħu r-ruħ; billi s-Suq Uniku għandu jaħdem għal dak l-objettiv billi jipprovdi rispons konkret għall-kriżi filwaqt li jiżgura s-sikurezza tal-konsumaturi u jħeġġeġ il-koeżjoni soċjali;

B.  billi s-Suq Uniku għandu rwol indispensabbli fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

C.  billi, 20 sena wara l-ħolqien uffiċjali tiegħu, is-Suq Uniku għadu ma tlestiex għalkollox, prinċipalment minħabba li l-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx jew għadhom ma implimentawx bis-sħiħ madwar 1500 direttiva u madwar 1000 regolament;

D.  billi hemm ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku u li jittejbu t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli li jirregolawh;

E.  billi s-Suq Uniku għandu jitlesta bl-ikbar determinazzjoni u kemm jista' jkun malajr, filwaqt li jinżamm bilanċ meħtieg bejn id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tiegħu;

F.  billi s-Suq Uniku m’għandux jiġi maqtugħ minn politiki orizzontali oħra, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, id-drittijiet soċjali, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

G.  billi t-tlestija tas-Suq Uniku Ewropew tifforma l-bażi għat-tlestija tal-proċess ta’ integrazzjoni politika u ekonomika tal-Unjoni Ewropea u tipprovdi r-rabta meħtieġa bejn l-Istati Membri kollha, kemm dawk membri taż-żona tal-euro kif ukoll dawk li mhumiex;

H.  billi governanza tajba tas-Suq Uniku u aktar żvilupp tar-reġjuni jikkumplimentaw lil xulxin, jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-prospetti għal tkabbir lokali u reġjonali u joħolqu b'mod konġunt Ewropa b'saħħitha li l-karatteristiċi tagħha jkunu l-koezjoni u l-kompetittività; billi, b’mod partikolari, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija bbażata fuq kunċetti simili għas-Suq Uniku f'termini tal-promozzjoni ta' interazzjonijiet transkonfinali u benefiċċju reċiproku minn infrastrutturi, investimenti u swieq reġjonali u lokali; billi s-Suq Uniku jista' jissaħħaħ aktar billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-swieq, tiġi kkonsolidata l-kooperazzjoni territorjali transkonfinali u billi jiġu ffaċilitati l-attivitajiet u l-finanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qafas tal-ftehimiet territorjali;

I.  billi, minkejja l-impenji politiċi li ngħataw fl-ogħla livell u l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, id-defiċit medju tat-traspożizzjoni żdied minn 0,7 % fl-2009 għal 1,2 % fi Frar 2012 u, wara xi progress f'dawn l-aħħar xhur, issa laħaq 0,9 %; billi jeħtieġ li jsiru aktar sforzi peress li dak id-defiċit iwassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-Unjoni inġenerali u fis-Suq Uniku b'mod partikolari;

J.  billi s-Suq Uniku bħala s-sinsla tal-Unjoni, u l-funzjonament tajjeb tiegħu bħala l-bażi u l-qafas għal irkupru ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, huma ta’ importanza kbira; billi f'dak il-kuntest ir-rispett għad-drittijiet soċjali, f'konformità mal-liġi nazzjonali u l-prassi li jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni, huwa indispensabbli;

K.  billi, kif indikat fit-Tabelli ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur u l-eżami tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku għall-erba’ libertajiet, żieda fil-kompetizzjoni li tirriżulta mill-proċess ta’ integrazzjoni sservi ta’ inċentiv qawwi biex tiġi offruta varjetà aktar mifruxa ta’ prodotti irħas u ta’ kwalità aktar għolja għall-konsumaturi Ewropej;

L.  billi l-kisbiet ekonomiċi potenzjali minn implimentazzjoni sħiħa u kif suppost tad-Direttiva 2006/123/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(6) jammontaw għal potenzjal ta’ tkabbir ta’ bejn 0,8 % u 2,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG), li jimmaterjalizza bejn ħames u għaxar snin wara l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva;

M.  billi l-Kummissjoni tistma li l-Unjoni tista’ tikseb 4 % addizzjonali tal-PDG fuq l-għaxar snin li jmiss billi tistimula l-iżvilupp rapidu tas-Suq Uniku;

N.  billi l-istrateġija tas-Suq Uniku għandha tiġi kkoordinata u bbażata fuq ftehim pragmatiku, komprensiv u mifrux appoġġjat mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej kollha; billi għadha tinħtieġ tmexxija b’saħħitha min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha u sjieda politika ċara min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ id-direttivi u r-regolamenti relatati mas-Suq Uniku, u biex tiżdied il-kredibbiltà tas-Suq Uniku u l-fiduċja fih;

O.  billi l-President tal-Kunsill Ewropew enfasizza, fir-rapport tiegħu msemmi hawn fuq tas-26 ta’ Ġunju 2012, l-importanza ta’ kompatibilità sħiħa mas-Suq Uniku kif ukoll ta' ftuħ u trasparenza fil-proċess lejn unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda; billi, fir-rapport finali tal-5 ta' Diċembru 2012, il-President tal-Kunsill Ewropew enfasizza aktar l-importanza, fuq perjodu qasir, li jitlesta s-Suq Uniku peress li jservi ta' strument b'saħħtu għall-promozzjoni tat-tkabbir;

P.  billi azzjonijiet konkreti, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, għadhom meħtieġa sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ il-libertà tal-moviment ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital fl-Unjoni Ewropea; billi l-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda tan-negozju għall-kumapniji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), anke permezz ta' applikazzjoni rigoruża tat-test tal-SMEs fi ħdan il-valutazzjonijiet tal-impatt kif imwettqa mill-Kummissjoni u l-Parlament, il-progress rapidu fir-rigward tal-aġenda ta' regolamentazzjoni intelliġenti u leġiżlazzjoni adattata apposta għal tipi differenti ta' kumpaniji, fejn xieraq, u mingħajr ma jiddgħajfu l-objettivi ġenerali bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jista' jigħin ukoll biex l-ekonomiji tal-Ewropa jerġgħu jieħdu r-ruħ;

Q.  billi, fil-kuntest tas-Suq Uniku, għandu jiġi rikonoxxut ir-rwol siewi ta' punti uniċi ta' servizz, fosthom dawk elettroniċi u fiżiċi, li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' tranżazzjoni, itejbu l-effiċjenza, jiftħu s-suq, itejbu t-trasparenza u l-kompetizzjoni, u jwasslu għal inqas infiq pubbliku u għal aktar opportunitajiet biex in-negozji, inklużi SMEs u mikroimpriżi, ikollhom aċċess għas-swieq u jżommu u joħolqu impjiegi ġodda;

Legiżlazzjoni aħjar

R.  billi l-Kummissjoni għandha timmira għal koordinazzjoni u koerenza aktar orizzontali fit-tħejjija ta’ proposti legiżlattivi li huma relevanti għas-Suq Uniku; billi l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fil-fond, li jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt fuq it-territorji, fejn tistabbilixxi argumenti konvinċenti għall-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku qabel ma tadotta proposti leġiżlattivi;

S.  billi l-Kummissjoni għandha, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u kull fejn ikun xieraq, u prinċipalment fejn ma jkun hemm l-ebda ħtieġa għal aktar diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tagħżel regolamenti aktar milli direttivi bħala l-istrument legali ppreferut għar-regolamentazzjoni tas-Suq Uniku;

T.  billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jintroduċu “test tas-Suq Uniku’ fil-livell nazzjonali bil-għan li jiġi vvalutat jekk kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida adottata fil-livell nazzjonali jistax ikollha impatt negattiv fuq il-funzjonament effettiv tas-Suq Uniku; billi l-Kummissjoni għandha tqis il-vijabbiltà ta' sistema ta' notifika għal abbozzi ta' liġijiet nazzjonali li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku, biex b'hekk tissupplimenta l-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE għall-ħolqien ta' strument orizzontali, biex tissaħħaħ in-natura preventiva tagħha meta l-Kummissjoni tressaq opinjoni dettaljata dwar abbozz ta' liġi biex tiżgura l-applikazzjoni tagħha sabiex tirrimedja l-applikazzjoni mhux sodisfaċenti ta' leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell lokali;

U.  billi huwa essenzjali li kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri titwettaq b’mod effiċjenti, effikaċi u kosteffikaċi, kif inhu l-każ bis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI); billi l-IMI għandha tintuża dejjem, anki f’oqsma oħra, sabiex tissaħħaħ il-funzjonalità tagħha u titnaqqas il-burokrazija, biex tiżdied it-trasparenza u biex l-atturi kollha fis-Suq Uniku jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji li tipprovdi;

Traspozizzjoni, implimentazzjoni u applikazzjoni aħjar

V.  billi kull Stat Membru għandu jittrasponi kull direttiva b'mod konsistenti u jadotta l-miżuri ta' traspożizzjoni kollha relatati ma' att sħiħ leġiżlattiv tal-Unjoni b'mod konġunt u f'daqqa, sabiex jiġi żgurat li t-traspożizzjoni nazzjonali ta' dak l-att tirrifletti l-kompromess li ntlaħaq fl-livell tal-Unjoni, peress li traspożizzjoni ħażina u tard tfixkel kompetizzjoni fis-Suq Uniku u tostakola liċ-ċittadini u lin-negozji milli jieħdu vantaġġ bis-sħiħ mis-Suq Uniku;

W.  billi jeħtieġ li tinkiseb aktar trasparenza fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-ligi tal-Unjoni fl-Istati Membri; billi tabelli ta’ korrelazzjoni se jservu ta' strument dejjem aktar utli f’Suq Uniku integrat sabiex tigi riflessa t-traspozizzjoni nazzjonali tar-regoli tal-Unjoni u billi l-Kummissjoni għandha għalhekk titlob dawn it-tabelli aktar ta' spiss;

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

X.  billi l-iskambju ta’ esperjenza u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri huwa kruċjali sabiex wieħed jifhem il-mekkaniżmi nazzjonali għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u l-bqija tal-ostakoli għas-Suq Uniku; billi l-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju tal-informazzjoni bejniethom u mal-Kummissjoni qabel it-traspożizzjoni sabiex jiżguraw traspożizzjoni korretta u jipprevjenu l-frammentazzjoni; billi l-monitoragg tal-implimentazzjoni tal-ligijiet tal-Unjoni huwa waħda mill-kompetenzi ewlenin tal-Kummissjoni u tal-ħaddiema tac-civil tagħha; billi, sabiex tissodisfa l-impenji tagħha biex tgħin lill-Istati Membri bit-trażpożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tibda u tikkoordina netwerk ta’ ħaddiema taċ-ċivil inkarigati mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida kollha tal-Unjoni lil hinn minn SOLVIT, u b’hekk tipprovdi pjattaforma għall-iskambju u l-analiżi bejn il-pari għal kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tittejjeb il-kwalità globali tal-implimentazzjoni u jiġu solvuti problemi li jikkonċernawl-implimentazzjoni mill-Istati Membri; billi għandu jiġi promoss skambju ta’ ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni bejn l-Istati Membri, sabiex jitħeġġeġ fluss aħjar ta’ informazzjoni u tal-aħjar prassi;

Y.  billi statistici purament kwantitattivi dwar l-implimentazzjoni ta’ legizlazzjoni dwar is-Suq Uniku ma jippermettux kejl tal-kwalità tal-implimentazzjoni u l-impatt partikolari fuq is-Suq Uniku ta’ strumenti ewlenin specifici; billi evalwazzjoni politika u kwalitattiva tal-implimentazzjoni u l-progress tas-Suq Uniku hija għalhekk meħtieġa, partikolarment fir-rigward tar-rilevanza ekonomika tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-Suq Uniku u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

Z.  billi din l-evalwazzjoni għandha tiddifferenzja bejn in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, li huwa nuqqas identifikabbli b’mod ċar mill-Istat Membru, u l-possibbiltà ta’ nonkonformità li jista’ jkun ibbażat fuq interpretazzjoni u fehim differenti tal-liġi tal-Unjoni; billi t-Trattati jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss tista’, fl-aħħar mill-aħħar u pubblikament tistabbilixxi n-nonkonformità tal-liġi nazzjonali mal-liġi tal-Unjoni; billi, għalhekk, l-ebda istituzzjoni oħra ma tista’ tiddikjara nonkonformità ta’ dan it-tip; billi l-Parlament għandu jiġi pprovdut kull sena b’lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux trasposta jew mhux trasposta b’mod korrett fl-Istati Membri kkonċernati;

AA.  billi forom ta' kundizzjonalità fil-Fondi Strutturali relatati mat-traspożizzjoni ta' direttivi dwar is-Suq Uniku fl-Istati Membri għadhom qed jiġu negozjati fil-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni ta' Regolamenti ġodda; billi tali miżuri għandhom jintużaw biss meta ma jkunx fadal għażla oħra, u billi l-użu tal-lieva tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jipprovdi inċentivi għat-traspożizzjoni f'waqtha ta' regoli dwar is-Suq Uniku għandu jiġi bbilanċjat sew;

Infurzar aħjar

AB.  billi, sabiex titjieb il-governanza tas-Suq Uniku, għandu jkun hemm politika ta’ “tolleranza żero fir-rigward tal-Istati Membri li ma jimplimentawx ir-regoli tas-Suq Uniku b’mod xieraq;

AC.  billi proċedimenti ta’ ksur, kif stabbiliti fl-Artikolu 258 tat-TFUE, u kif implimentati mill-Kummissjoni, ma jippermettux nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku fl-Istati Membri li jridu jiġu indirizzati u kkoreġuti malajr;

AD.  billi l-proċeduri ta’ ksur spiss urew serje ta’ limitazzjonijiet konnessi mal-adegwatezza fl-issodisfar tal-aspettattivi tal-konsumaturi individwali u tan-negozji, u billi jeħtieġ li jiġi stabbilit strument ta’ rikors uniku fil-livell tal-Unjoni li jkun rapidu u ekonomikament aċċessibbli;

AE.  billi l-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew għandhom għalhekk ikomplu jiżviluppaw aktar il-proċedimenti ta' ksur fil-qafas ta’ reviżjonijiet futuri tat-TFUE; billi fl-istess ħin għandu jsir kull sforz lejn użu aktar strinġenti tal-proċedimenti ta' ksur għal każijiet ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku; billi f'dak il-kuntest proċeduri aktar mgħaġġla fi ħdan il-Kummissjoni u, fejn xieraq, rikors għal proċedimenti interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f'konformità mal-Artikolu 279 tat-TFUE, għandhom jiġu applikati b'mod aktar attiv; billi xi atti legali tal-Unjoni jipprevedu miżuri provviżorji li jistgħu jittieħdu mill-qrati nazzjonali biex jipprevjenu ksur imminenti, bħal inġunzjonijiet; billi dan jista' jservi bħala mudell għal proċeduri aktar effiċjenti u billi l-użu ta' tali miżuri provviżorji għandu għalhekk jitqies fl-oqsma kollha relevanti;

AF.  billi l-użu tal-EU Pilot kellu riżultati pożittivi fl-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni u qed jipprovdi soluzzjonijiet aktar rapidi għal problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tippromwovi l-użu tal-EU Pilot u ttejjeb aktar l-effettività tiegħu, sabiex tidentifika u tikkoreġi aħjar il-ksur tar-regoli tas-Suq Uniku mingħajr il-ħtieġa li tuża proċeduri ta' ksur li jieħdu ż-żmien;

AG.  billi SOLVIT għandu rwol importanti bħala strument għas-soluzzjoni tal-problemi ewlenin fil-livell nazzjonali u għalhekk biex jiżgura konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni marbuta mas-Suq Uniku, iżda l-potenzjal tas-SOLVIT għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ; billi għandhom jitħeġġew azzjonijiet konkreti li jtejbu l-viżibbiltà ta' SOLVIT u aktar komunikazzjoni intensiva liċ-ċittadini Ewropej dwar SOLVIT, sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tiegħu, mingħajr ma jinqabeż il-baġit kurrenti; billi għandhom isiru aktar sforzi biex SOLVIT jiġi integrat aħjar fil-firxa ta' servizzi ta' għajnuna u strumenti ta' infurzar disponibbli fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni; billi, fl-istess sens, titjib rigward l-użu faċli u ċ-ċarezza tal-informazzjoni tal-Punti ta' Kuntatt Uniku fl-Istati Membri huwa meħtieġ;

AH.  billi l-Kummissjoni għandha tirrinforza l-azzjonijiet tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni kif suppost u l-infurzar tar-regoli kollha adottati fl-Istati Membri, filwaqt illi tirreaġixxi b’mod aktar mgħaġġel għal avviżi u lmenti dwar l-implimentazzjoni mhux korretta tal-liġi tal-Unjoni u tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitneħħew inkonsistenzi eżistenti;

AI.  billi jeħtieġ li l-Kummissjoni − wara evalwazzjoni politika − tagħmel użu sod mis-setgħat kollha tagħha u tisfrutta għalkollox il-mekkaniżi kollha ta’ sanzjonar għad-dispożizzjoni tagħha;

AJ.  billi s-sweeps tal-UE, li huma azzjonijiet ta’ monitoraġġ ikkoordinati mill-Kummissjoni u eżegwiti fl-istess ħin fl-Istati Membri minn awtoritajiet nazzjonali rilevanti, taw prova li huma għodda utli sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmonitorjaw b'azzjonijiet konġunti l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-Suq Uniku fl-Istati Membri; billi sweeps riċenti żvelaw konformità fqira mar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fis-settur bankarju fl-Unjoni kollha; billi, għalhekk, il-Kummissjoni għandha toffri użu aktar estensiv ta’ sweeps tal-UE lill-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza b’mod partikolari minn awtoritajiet nazzjonali inqas attrezzati u anqas imħejjija; billi l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet sweep tal-UE f'oqsma oħra għandhom jiġu kkunsidrati u billi sweeps tal-UE għandhom jiġu estiżi wkoll għal prodotti u servizzi offlajn;

Atti dwar is-Suq Uniku

AK.  billi l-Atti dwar is-Suq Uniku jagħmlu parti mill-isforzi għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku permezz ta’ titjib u koordinazzjoni aħjar b’mod partikolari tal-fażi preleġiżlattiva;

AL.  billi l-metodu ċikliku tal-preżentazzjoni ta’ Atti dwar is-Suq Uniku għandu jitqies b’mod pożittiv, minħabba li jippermetti l-identifikazzjoni u d-diskussjoni tal-prijoritajiet għall-iżvilupp tas-Suq Uniku fuq bażi regolari;

AM.  billi l-Att dwar is-Suq Uniku kkostitwixxa strateġija trażversali importanti għar-rimedju ta’ nuqqasijiet kbar li fadal tas-Suq Uniku; billi din l-istrateġija ddeterminat b'mod orizzontali miżuri konkreti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jistgħu jirrilaxxaw potenzjali ta' tkabbir mhux użati u jneħħu ostakli għas-Suq Uniku; billi jidher li f'dan ir-rigward sar xi progress fil-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni, iżda għadhom jinħtieġu aktar sforzi f'termini ta’ prospettiva fit-tul; billi l-Kummissjoni għandha ssegwi, bħala prijorità, il-proposti li diġà jinsabu fl-Att dwar is-Suq Uniku, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-istrument orizzontali għas-sorveljanza tas-suq u t-trasparenza tal-imposti bankarji u informazzjoni mhux finanzjarja minn negozji;

AN.  billi l-Att dwar is-Suq Uniku II ikompli b'dan l-approċċ billi jidentifika netwerks integrati, il-mobilità taċ-ċittadini u n-negozji, l-ekonomija diġitali u l-intraprenditorija soċjali flimkien mal-fiduċja tal-konsumatur bħala l-erba’ assi għal tkabbir fil-ġejjieni; billi proposti leġiżlattivi li jiżguraw id-dritt ta' aċċess għal kont bankarju bażiku, ir-reviżjoni tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern(7)u l-iffaċilitar ta' investiment fit-tul fl-ekonomija reali jistgħu jagħmlu kontribut importanti f'dan ir-rigward; billi l-Kummissjoni, meta tipproponi l-miżuri, u l-Parlament u l-Kunsill, meta jiddiskutuhom, għandhom jevalwaw bir-reqqa kull waħda mill-miżuri maħsuba u l-potenzjali tagħhom sabiex tinkiseb ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ferm u għandhom jaħdmu għal adozzjoni rapida;

AO.  billi l-Att dwar is-Suq Uniku għandu jindirizza l-problemi soċjoekonomiċi tal-Unjoni u jiffavorixxi suq li jkun għas-servizz taċ-ċittadini;

AP.  billi l-għan tal-approċċi orizzontali tal-ġejjieni għandu jkun it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-soluzzjonijiet diġitali u biex tiġi żgurata l-kompetittività tan-negozji fl-Unjoni;

Oqsma prinċipali

AQ.  billi l-Kummissjoni tipproponi li timmira l-attivitajiet tagħha lejn oqsma principali u strumenti specifici; billi, madankollu, tinħtieġ enfasi aktar qawwija fuq numru limitat ta’ strumenti u azzjonijiet sabiex jinkiseb titjib tanġibbli fl-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku; billi s-Suq Uniku Diġitali, is-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, l-akkwist pubbliku, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur u l-mobbiltà akbar taċ-ċittadini, b'mod partikolari il-ħaddiema u l-professjonisti, huma fost l-oqsma ewlenin l-aktar importanti għat-tkabbir;

AR.  billi dawn l-oqsma u l-istrumenti ewlenin jistgħu jiġu riveduti fuq bażi annwali sabiex l-iżviluppi attwali fl-Istati Membri, u b'mod partikolari fl-oqsma li huma ekonomikament l-aktar relevanti għas-Suq Uniku, kif turi valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza, ikunu riflessi u meqjusa kif xieraq fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; billi l-metodoloġija għad-definizzjoni tal-oqsma ewlenin għat-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku għandha tiġi riveduta regolarment, filwaqt li jitqiesu l-miri tat-tkabbir u l-prospetti ta' tkabbir;

AS.  billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiffukaw fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida ta' miżuri leġiżlattivi marbuta mal-oqsma ewlenin, li huma essenzjali għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, kif enfasizzat fil-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

AT.  billi għandhom jittieħdu iktar passi lejn regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji li tipprovdi informazzjoni adegwata u protezzjoni għall-konsumaturi, tippermetti evalwazzjoni trasparenti ta’ prodotti finanzjarji, b’mod partikolari dawk riskjużi, u li tippermetti l-possibilità ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u mezzi li jiggarantixxu li l-konsumaturi jiġu kkumpensati u rimborżati kif xieraq;

AU.  billi Suq Uniku kkompletat bis-sħiħ li jiffunzjona kif suppost ma jistax ikun effettiv mingħajr sistema tat-trasport Ewropea unika, interkonnessa u effiċjenti li hija kruċjali għall-moviment bla xkiel ta’ oġġetti, persuni u servizzi: il-libertajiet essenzjali u sottostanti għal Suq Uniku;

AV.  billi Żona Unika Ewropea tat-Trasport għandha tiffaċilita l-movimenti ta’ ċittadini u merkanzija, tnaqqas l-ispejjeż u ttejjeb is-sostenibbiltà tat-trasport Ewropew, permezz tat-tlestija ta’ netwerks tat-trasport trans-Ewropej interoperabbli u sostenibbli, u billi telimina l-ostakoli kollha residwi bejn modi u sistemi nazzjonali filwaqt li tiffaċilita l-emerġenza ta’ operaturi multinazzjonali u multimodali; billi, għat-tlestija taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, is-servizzi ferrovjarji, it-trasport marittimu, it-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll l-Ajru Uniku Ewropew u l-interpretazzjoni uniformi tad-drittijiet tal-passiġġieri għandhom rwol ċentrali;

Suq Uniku għall-atturi kollha

AW.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni u, b’mod partikolari l-istudenti, il-professjonisti u l-imprendituri, kif ukoll l-SMEs, fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu mistiedna jagħmlu suġġerimenti dwar kif l-aħjar li jinkiseb twettiq sħiħ tas-Suq Uniku, u billi l-istituzzjonijiet kollha għandhom jiġu inkoraġġuti jistabbilixxu konsultazzjoni pubblika u djalogu mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tan-negozji jiġu kkunsidrati kif xieraq u li l-politika proposta tipprovdi valur miżjud għall-atturi kollha; billi jinħtieġu strumenti xierqa għall-komunikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni liċ-ċittadini;

AX.  billi s-Suq Uniku għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-partijiet interessati kollha; billi involviment aktar b'saħħtu u aktar kmieni tas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra kollha fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir u d-drittijiet taċ-ċittadini fis-Suq Uniku, ibbażat ukoll fuq forom ta' parteċipazzjoni onlajn u demokrazija elettronika, huwa essenzjali biex tiġi restawrata l-fiduċja fis-Suq Uniku;

AY.  billi, permezz ta' awtoġovernanza lokali u reġjonali, atturi lokali u reġjonali jwettqu bosta dmirijiet li huma previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-Suq Uniku, speċjalment fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-istat, is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-konċessjonijiet; billi dawk il-politiki għandhom jiġu implimentati b'mod xieraq, inter alia sabiex jitnaqqsu r-rati ta' żbalji fil-politika ta' koeżjoni; billi l-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja għall-persuni li jgħixu f'kull reġjun tal-Unjoni huwa prerekwiżit għal Suq Uniku dinamiku u qawwi, u billi l-governanza effettiva tas-Suq Uniku għandha għalhekk tqis l-interessi tal-partijiet interessati lokali u reġjonali;

AZ.  billi l-istrateġija tas-Suq Uniku għandha ssaħħaħ il-benesseri soċjali, il-konverġenza u d-drittijiet tal-ħaddiema, tipprevjeni d-dumping soċjali u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi għall-Ewropej kollha;

BA.  billi hemm bżonn ta' servizz għall-għoti tal-ewwel għajnuna faċilment aċċessibbli, fil-livell nazzjonali li n-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jirrikorru għalih meta jiltaqgħu ma’ problemi x'ħin jippruvaw jagħmlu użu mid-drittijiet u l-opportunitajiet li joffrilhom is-Suq Uniku; billi għandha tingħata attenzjoni biex jitnaqqsu l-ostakli għall-aċċessibbiltà fl-ambjent urban u jingħataw servizzi sabiex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-Suq Uniku;

Semestru Ewropew

BB.  billi s-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għall-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u jqis is-sitwazzjoni baġitarja u ekonomika fl-Istati Membri iżda ma jqisx l-istat tas-Suq Uniku minkejja l-importanza fundamentali tiegħu għal ekonomiji madwar l-Istati Membri kollha;

BC.  billi s-Suq Uniku jista' jkollu rwol importanti fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fl-Unjoni; billi t-titjib tal-qafas tal-governanza ekonomika għandu jkun ibbażat fuq sett ta’politiki interkonnessi u reċiprokament konsistenti li jistimulaw it-tkabbir u l-impjieg, u billi l-iżvilupp sħiħ tas-Suq Uniku huwa prerekwiżit biex dan iseħħ;

BD.  billi l-Kummissjoni għandha tissorvelja t-tlestija tas-Suq Uniku u l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri relevanti fi ħdan l-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew, filwaqt li tikkunsidra l-kontroll annwali tal-governanza u tal-mekkaniżmi ta’ rapportar tat-Tabella ta' valutazzjoni; billi, barra minn hekk, il-kontroll annwali għandu jevalwa x’vantaggi joffri s-Suq Uniku lill-konsumaturi u lin-negozji u jirraporta dwar l-ostakli li jfixklu l-funzjonament tiegħu;

BE.  billi kull sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew għandha tkun dedikata wkoll lill-evalwazzjoni tal-qagħda tas-Suq Uniku, appoġġjata minn proċess ta’ monitoraġġ;

BF.  billi huwa xieraq li wieħed iħares b’mod individwali lejn kull Stat Membru, filwaqt li jiżviluppa kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali, sabiex jiġu identifikati defiċits fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni u sabiex dawn jiġu indirizzati f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

BG.   billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 nieda t-tielet ċiklu tas-Semestru Ewropew u issa jinkludi għall-ewwel darba rapport annwali dwar l-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku; billi dan l-iffokar aktar qawwi fuq is-Suq Uniku fil-kuntest tas-Semestru Ewropew huwa neċessarju sabiex jiġi sfruttat aħjar it-tkabbir tiegħu u l-potenzjali tax-xogħol fl-Ewropa u sabiex jippermetti liċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw bis-sħiħ minnu;

BH.  billi r-rapport imsemmi hawn fuq dwar l-Istat tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 ma jipprovdix, madankollu, xi għarfien ġdid dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri u lanqas ma jasal għal konklużjonijiet elaborati biżżejjed fir-rigward ta’ potenzjal konkreti ta’ tkabbir iġġenerat mis-Suq Uniku; billi l-għażla ta’ oqsma ta’ prijorità fir-rapport ta’ integrazzjoni għandu jkun appoġġjat minn data komprensiva;

BI.  billi rapporti futuri dwar l-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku għandhom għalhekk ikunu aktar ċari dwar nuqqasijiet kurrenti fis-Suq Uniku, u jipprovdu gwida aktar konkreta dwar rimedji possibbli u l-benefiċċji mistennija, sabiex jippermettu reazzjonijiet sinifikanti mill-Istati Membri;

BJ.  billi r-rapport dwar l-Istat tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 jenfasizza b'mod partikolari s-settur tas-servizzi u jitlob, inter alia, għal konformità sħiħa mad-Direttiva 2006/123/KE; billi din hija sejħa valida iżda mhux ta’ interess kbir, jekk ma tkunx akkumpanjata minn miżuri kemm ta’ sostenn kif ukoll strinġenti dwar it-traspożizzjoni u l-interpretazzjoni korretti ta’ dik id-Direttiva;

BK.  billi r-rapport jelenka numru ta’ prijoritajiet għas-swieq tal-enerġija u t-trasport, u billi ħafna minn dawk il-prijoritajiet jindikaw in-nuqqas ta’ investiment u kompetizzjoni nazzjonali u Ewropej f’xi oqsma; billi jintħieġu aktar riċerka u informazzjoni bbażata fuq l-evidenza għal dawn is-swieq sabiex isir każ b’saħħtu għal azzjonijiet speċifiċi u għal sejħiet lill-Istati Membri; billi infrastruttura tat-trasport Ewropea integrata, interoperabbli u aċċessibbli, l-istabbiliment ta' suq intern tal-enerġija filwaqt li tiġi żgurata l-kompetizzjoni soda u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u politika industrijali Ewropea ambizzjuża huma vitali biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku;

BL.  billi l-ekonomija diġitali hija wkoll meqjusa bħala qasam ta’ prijorità; billi s-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ mekkaniżmi ta' trasparenza u għall-protezzjoni tal-konsumatur, aġġornati u prattikabbli; billi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni f'waqthom u korretti tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur(8) huma għalhekk wieħed mill-fatturi essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija diġitali;

BM.   billi ċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom ma bbenefikawx bis-sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku f’ħafna oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni u tal-ħaddiema; billi l-mobbiltà tal-ħaddiema madwar l-Ewropa għadha baxxa wisq u jinħtieġu miżuri aktar b'saħħithom sabiex jitneħħew l-ostakli li fadal u jiġi ggarantit il-prinċipju ta' trattament ugwali tal-ħaddiema fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati u f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali;

BN.   billi d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali(9) hija strument fundamentali biex jitnaqqas id-dejn enormi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi lejn bosta kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u billi t-traspożizzjoni tagħha għandha sseħħ malajr u kif xieraq sabiex jitnaqqsu n-numri ta' sitwazzjonijiet ta' insolvenza;

BO.   billi huma meħtieġa azzjonijiet aktar innovattivi sabiex jappoġġaw is-Suq Uniku bbażat fuq l-ekonomija soċjali tas-suq; billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 ressaq proposta interessanti dwar l-introduzzjoni ta’ reġim ta’ insolvenza tal-konsumatur, u billi din il-proposta għandha tiġi mistħarrġa aktar, minħabba li dan it-tip ta’ miżura jista’ jkollha rwol fundamentali kemm għall-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ riskji sistemiċi possibbli għas-settur finanzjarju;

BP.  billi huwa importanti li titfassal aġenda ambizzjuża għall-konsumaturi, li tinkludi miżuri leġiżlattivi u ta' programmar, bl-għan li l-konsumatur normali jitħeġġeġ biex ikun responsabbli u biex tiżdied il-protezzjoni għall-konsumaturi vulnerabbli;

BQ.   billi t-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għandu jkun l-għan tas-Semestru Ewropew, jiddependi mill-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal tas-Suq Uniku, mill-impenn kollettiv tal-Unjoni Ewropea u mill-parteċipazzjoni effettiva tal-Istati Membri;

BR.  billi s-Semestru Ewropew għandu jiġi konness b’mod aktar sistematiku mal-inizjattivi attwali tal-Unjoni u għandu jieħu kont tal-finalizzazzjoni tas-Suq Uniku biex jiżgura l-koerenza tal-politika ekonomika tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiżgura l-konverġenza meħtieġa bejn pajjiżi li huma parti miż-żona tal-euro u dawk li mhumiex;

BS.  billi l-kwalità tal-programmi nazzjonali ta’ riforma fi ħdan is-Semestru Ewropew tvarja ħafna fil-konkretezza, it-trasparenza, il-vijabilità u l-kompletezza u dawk il-programmi għandhom jiġu eżaminati aktar fil-fond, għandhom jittejbu u għandhom ikunu ambizzjużi biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-integrazzjoni ekonomika u tal-finalizzazzjoni tas-Suq Uniku;

BT.  billi l-Istati Membri għandhom jagħtu informazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata anki rigward l-arranġamenti għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli fl-oqsma ewlenin tas-Suq Uniku;

BU.  billi jeħtieġ li tiġi applika metodoloġija ġdida għas-Semestru Ewropew, li tikkonsisti fid-diskussjoni tal-prijoritajiet tas-Suq Uniku flimkien ma’ dawk ekonomiċi u baġitarji, li tgħaqqadhom, flimkien ma' prijoritajiet tal-impjieg u soċjali, f’qafas uniku integrat ta’ koordinament;

BV.  billi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għandhom jikkunsidraw il-progress li sar u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-leġżilazzjoni tas-Suq Uniku, b’referenza partikolari għall-oqsma ewlenin u għall-prijoritajiet identifikati fuq bażi annwali;

BW.  billi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, fl-istess ħin, joffru lill-Istati Membri soluzzjonijiet aktar prattiċi biex itejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku, sabiex jiġi ġġenerat sostenn pubbliku u impenn politiku aktar qawwija biex titħeġġeġ it-tlestija tas-Suq Uniku;

BX.  billi l-evalwazzjoni tal-istat tas-Suq Uniku għandha ssir parti integrali tas-Semestru Ewropew, fejn pilastru tal-Governanza tas-Suq Uniku jitqiegħed maġenb il-pilastru tal-Governanza Ekonomika; billi l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jitħejja rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jikkontribwixxi għall-bażi tal-evidenza li fuqha huma bbażati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, tista’ tqiegħed il-pedament għal ċiklu tas-Suq Uniku annwali fil-ġejjieni fi ħdan is-Semestru Ewropew;

BY.  billi l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew għandha sseħħ bl-involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali u għandha sseħħ mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li tqis bħala l-bażi legali possibbli d-dispożizzjonijiet relevanti kollha tat-TFUE relatati mas-suq intern, inkluż l-Artikolu 26(3) tat-TFUE, proposta għal att li l-għan tiegħu jkun it-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jinsabu fl-Anness;

2.  Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-principju ta’ sussisdjarjetà;

3.  Hu tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba jridu jkunu koperti mill-allokazzjonijiet baġitarji eżistenti;

o
o   o

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kunsill Ewropew u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1: Li jiġi stabbilit qafas koerenti għall-governanza tas-Suq Uniku.

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha tiġi sottomessa għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Proposta għal att leġiżlattiv immirat lejn it-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku għandha titressaq bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-funzjonament tas-Suq Uniku tal-Unjoni u biex tippromwovi t-tkabbir ekonomiku inklussiv fl-Ewropa. Il-proposta għandha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet relevanti tat-TFUE relatati mas-suq intern. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll it-tressiq ta' proposta bbażata fuq l-Artikolu 26(3) tat-TFUE.

  Il-proċedura għandha tipprevedi involviment xieraq tal-Parlament Ewropew fl-istabbiliment ta' qafas ta' governanza tas-Suq Uniku. Għandha tipprevedi wkoll l-adozzjoni, min-naħa tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ta' miżuri oħra meħtieġa għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, b'mod partikolari miżuri li jindirizzaw l-oqsma fejn il-qafas regolatorju tal-Unjoni jkun ġie stabbilit skont l-Artikolu 294 tat-TFUE.

–  L-att għandu jkun mingħajr pregġudizzju għall-qafas regolatorju tas-Suq Uniku digà fis-seħħ jew ir-regoli li jridu jiddaħħlu fis-seħħ f’setturi differenti. Għandu jkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-Trattati, b’mod partikolari l-Kummissjoni, jew għall-obbligi tal-Istati Membri bbażati fuq it-Trattati jew li joħorgu mill-acquis tas-Suq Uniku.

–  L-att għandu jikkumplimenta l-qafas regolatorju tas-Suq Uniku u jiffaċilita t-traspozizzjoni, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli u l-libertajiet tas-Suq Uniku.

–  L-att għandu jipprevedi l-adozzjoni tal-linji gwida tal-Unjoni dwar is-Suq Uniku. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu objettivi li jridu jintlaħqu, prijoritajiet għall-azzjoni u kondizzjonijiet li jridu jiġu żgurati, u għandhom jiġu akkumpanjati minn metodi ta’ ħidma u proċeduri li jridu jiġu stabbiliti bil-għan li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku.

–  Il-proċeduri għas-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u għad-determinazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mas-Suq Uniku għandhom jiġu fformulati.

–  Għandhom jiġu definiti miżuri kumplimentari meħtieġa sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku.

–  Ir-rabta bejn iċ-ċiklu tal-governanza tas-Suq Uniku u ċ-ċiklu tal-politika annwali tas-Semestru Ewropew għandha tiġi ċċarata.

Rakkomandazzjoni 2: Jiġu ddeterminati l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Unjoni bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha tiġi sottomessa għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Sabiex ikun żgurat li s-Suq Uniku jwassal b’mod effettiv it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u jkattar il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji, għandhom jiġu stabbiliti linji gwida tal-Unjoni bl-għan tat-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu:

   (a) objettivi u prijoritajiet għal azzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri;
   (b) kondizzjonijiet li jridu jiddaħħlu fis-seħħ sabiex tittejjeb aktar il-governanza tas-Suq Uniku.

–  Għandu jiġi determinat sett limitat ta’ objettivi u prijoritajiet għall-azzjoni f’oqsma fejn Suq Uniku li jiffunzjona aħjar x’aktarx iġib l-aktar kisbiet sinifikanti fit-tkabbir u fl-impjiegi fl-Unjoni kollha.

–  L-għażla ta’ objettivi u prijoritajiet għal azzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li gejjin:

   (a) Paragun tal-produzzjoni permezz ta’ għażla ta’ indikaturi kwantitattivi li jkopru l-kontributi fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, biex jiġu identifikati setturi li fihom jidher l-ogħla potenzjal mhux sfruttat biex jiġi ġġenerat it-tkabbir;
   (b) Importanza ekonomika, li tanalizza jekk is-settur huwiex sinifikanti biżżejjed f’termini ta’ skala tal-ekonomija tant li jħalli impatt mhux negliġibbli fuq it-tkabbir li kieku jiġu indirizzati r-raġunijiet għall-isfruttament insuffiċjenti tal-potenzjal;
   (c) Fatturi dinamiċi li janalizzaw jekk is-settur ikunx jidher li diġà qiegħed jindirizza l-potenzjal mhux sfruttat tiegħu, abbażi ta’ fatturi bħalma huma l-kapaċità tas-settur li joħloq it-tkabbir tal-impjiegi, u l-possibbiltà tiegħu li jilħaq il-livelli ta’ riferiment għall-produttività tax-xogħol;
   (d) Fatturi tas-Suq Uniku li janalizzaw jekk hemmx evidenza li t-titjib tas-Suq Uniku jista’ jwassal għall-użu ta’ potenzjal mhux sfruttat;
   (e) Fatturi rigward elementi addizzjonali għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-konsumaturi, il-ħaddiema u ċ-ċittadini.

Rakkomandazzjoni 3: Jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu żgurati biex titjieb il-governanza tas-Suq Uniku

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Il-kondizzjonijiet li jridu jiddaħħlu fis-seħħ sabiex tittejjeb aktar il-governanza tas-Suq Uniku għandhom jinkudu:

   (a) L-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti fejn ir-regoli tas-Suq Uniku isiru u jiġu implimentati sabiex jiżguraw li dawk ir-regoli jsiru, jiġu trasposti u implimentati b’tali mod li jaħdmu b’mod effettiv għal dawk li huma maħsuba għalihom;
   (b) Tnaqqis fil-livell ta’ piżijiet amministrattivi, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sal-livell minimu;
   (c) In-negozji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu, fejn jinħtieġu li jikkonformaw mal-proċeduri, jagħmlu dan b’mod mgħaġġel permezz ta’ mezzi elettroniċi;
   (d) L-iżgurar li n-negozji u ċ-ċittadini jsibu informazzjoni u jgħinu u jkollhom access għal rimedji mgħaġġla, effettivi u ekonomikament aċċessibbli fejn ikunu meħtieġa;
   (e) Użu aktar intelliġenti ta’ teknoloġija tal-informazzjoni sabiex jiġu infurmati negozji u ċittadini, u jkunu jistgħu jagħmlu użu mid-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, u jgħaqqdu aħjar l-inizjattivi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni;
   (f) Użu mtejjeb ta’ għodda onlajn, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), f’kooperazzjoni transkonfinali bejn amministrazzjonijiet;
   (g) Aktar żvilupp tal-Punti ta’ Kuntatt Uniku;
   (h) Użu effettiv ta’ mekkaniżmi rapidi u effettivi għas-soluzzjoni ta’ problemi, anke permezz tal-istabbiliment ta’ servizz għall-għoti tal-ewwel għajnuna faċilment aċċessibbli fil-livell nazzjonali li n-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jirrikorru għalih meta jiltaqgħu ma’ problemi x’ħin jippruvaw jużaw id-drittijiet u l-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku;

Rakkomandazzjoni 4: Jiġu ddefiniti miżuri supplimentari meħtieġa sabiex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Sabiex tittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha:

   (a) Ittejjeb l-għajnuna tat-traspożizzjoni tagħha lill-Istati Membri għal direttivi li għad iridu jiġu trasposti;
   (b) Twettaq kontrolli ta’ konformità sistematiċi u tieħu miżuri ta’ appoġġ sabiex ir-regoli jaħdmu fil-prattika fl-Istati Membri kollha;
   (c) Għal leġiżlazzjoni li ġiet trasposta u implimentata, twettaq reviżjonijiet fil-fond biex tivvaluta kif ir-regoli jiġu implimentati u kif jaħdmu fil-prattika, f’termini prattiċi kif ukoll ekonomiċi;
   (d) Ittejjeb ir-rappurtar tal-implimentazzjoni ex-post filwaqt illi tiffoka fuq il-konformità mill-Istati Membri u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni tagħha filwaqt illi tiffoka fuq l-effiċjenza ta’ miżuri tal-politika adottati;
   (e) Torganizza eżercizzji ta’ rieżami bejn il-pari mal-Istati Membri.

–  Sabiex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku, l-Istati Membri għandhom:

   (a) Jissottomettu lill-Kummissjoni abbozz tal-miżuri tat-traspożizzjoni, fejn l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jqisu li huwa xieraq, sabiex tiġi żgurata wkoll evalwazzjoni ex-ante ta’ traspożizzjoni tajba u jiġu żgurati l-konformità u l-implimentazzjoni mgħaġġla;
   (b) Jikkonsultaw regolarment mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, inklużi l-konsumturi, in-negozji u l-awtoritajiet reġjonali u lokali matul il-proċess tat-traspożizzjoni u matul l-implimentazzjoni;
   (c) Jipprovdu spjegazzjoni onlajn ta’ kif ittrasponew ir-regoli u kif dawk ir-regoli jaħdmu fil-prattika;

Rakkomandazzjoni 5: Jiġu previsti s-sottomissjoni, l-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  L-Istati Membri għandhom ifasslu u jressqu lill-Kummissjoni pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali immirati lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Unjoni għal azzjoni bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jinkludu lista ta’ miżuri ddettaljati li jridu jitwettqu u pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom.

–  Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għandhom jitfasslu f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u soċjali, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi.

–  Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern, għandha tivvaluta l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

–  Il-valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għandha tqis it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u r-Rapport dwar il-Governanza tas-Suq Uniku.

–  Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar.

–  It-tressiq u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għandhom jitqiesu bħala azzjonijiet koordinati li jagħmlu parti, fi ħdan qafas integrat, ta’ ċiklu annwali għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet politiċi għat-tlestija sħiħa tas-Suq Uniku, filwaqt li titqies id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali.

Rakkomandazzjoni 6: Tiġi prevista l-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet distinti speċifiċi għall-pajjiż u relatati mas-Suq Uniku

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Abbażi tal-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u bl-użu ta' għodda oħra relevanti tas-Suq Uniku, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jifformula, kif xieraq, u abbażi tal-prijoritajiet politiċi għal azzjoni fl-oqsma meqjusa bħala ewlenin, rakkomandazzjonijiet relatati mas-Suq Uniku lill-Istati Membri bil-għan li jittejbu t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku.

–  Meta jindirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, il-Kunsill għandu jagħmel użu sħiħ mill-istrumenti previsti fit-TFUE.

–  Fejn issir rakkomandazzjoni relatata mas-Suq Uniku, il-Kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew għandu jkollu l-possibbiltà li jistieden rappreżentanti tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju tal-opinjonijiet, u rappreżentanti tal-Kummissjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jiġu mistiedna biex jiskambjaw l-opinjonijiet tagħhom mal-parlament ta’ dak l-Istat Membru.

Rakkomandazzjoni 7: Jiġi definit pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jwassal riżultati konkreti għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema u n-negozji, iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew għandu jintuża bħala pjattaforma għall-gwida politika, ir-rappurtar, il-monitoraġġ tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri u l-Unjoni fl-ilħuq tal-objettivi tas-Suq Uniku u d-definizzjoni ta’ azzjoni ta' rimedju.

–  Għandu jiġi definit pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew.

–  Il-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew għandu jinkludi.

   (a) It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, inklużi rapporti ddettaljati speċifiċi għall-pajjiż fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku;
   (b) L-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku, kif iċċarati mill-Istati Membri, b’referenza partikolari għall-oqsma ewlenin u għall-prijoritajiet politiċi identifikati fuq bażi annwali;
   (c) Il-proposti mill-Kummissjoni għal prijoritajiet politiċi għas-sena li ġejja, fl-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, ippreżentati fi ħdan l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u r-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku. Ir-rapport annwali għandu jipprovdi wkoll valutazzjoni ta’ kif is-Suq Uniku jiffunzjona fil-prattika. Dawk il-proposti dwar prijoritajiet politiċi għandhom jiġu bbażati fuq is-sejbiet tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u strumenti oħra ta’ monitoraġġ tas-Suq Uniku, sabiex tiġi evitata sovrappożizzjoni u jiġu prodotti rakkomandazzjonijiet effiċjenti u ċari u tiġi żgurata l-koerenza tal-politika ekonomika Ewropea;
   (d) Il-formulazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi biex tittieħed azzjoni u jintlaħqu l-miri biex jingħelbu l-ostakoli li jibqgħu fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali fil-forma ta’ linji gwida tas-Suq Uniku;
   (e) Is-sottomissjoni mill-Istati Membri ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bl-għan tal-implimentazzjoni tal-linji gwida tas-Suq Uniku;
   (f) Il-valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern, u filwaqt illi jitqiesu t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u r-Rapport Annwali dwar il-Governanza tas-Suq Uniku;
   (g) L-adozzjoni mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew ta’ rakkomandazzjonijiet distinti relatati mas-Suq Uniku lill-Istati Membri, abbazi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni 8: Tigi mizjuda l-kontabilità demokratika u r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali

Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

–  Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut fl-istabbiliment tal-qafas ta' governanza tas-Suq Uniku skont it-Trattati. Għandu jiġi involut ukoll, u mill-inqas kkonsultat mill-Kunsill, fl-adozzjoni ta' miżuri oħra meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku, anke fir-rigward ta' objettivi, prijoritajiet u azzjonijiet ta' politika ppjanati tal-Unjoni.

–  Qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u jivvota dwar l-emendi relatati mar-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jrid jiġi sottomess lill-Kunsill Ewropew.

–  Il-President tal-Parlament Ewropew għandu, fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, jippreżenta l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku.

–  Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu preżenti f’laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali meta tiġi diskussa l-integrazzjoni tas-Suq Uniku.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0211.
(2) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 84.
(3) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 51Texts
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0258.
(5) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 9.
(6) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(7) ĠU L319, 5.12.2007, p. 1.
(8) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(9) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.


It-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti
PDF 352kWORD 38k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-7 ta' Frar 2013 dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (2013/2533(RSP))
P7_TA(2013)0055RC-B7-0055/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwarha,

–  wara li kkunsira l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), inklużi l-prijoritajiet tal-Parlament f'dan il-kuntest; wara li kkunsidra, b'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il sessjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tagħha lid-19-il sessjoni tal-UNHRC, u dak tad-delegazzjoni konġunta mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża, li attendew is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sessjonijiet li jmiss tal-UNHRC fl-2013, b'mod partikolari t-22 sessjoni regolari li se ssir mill-25 ta' Frar sat-22 ta' Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti tal-għadqa u tal-integrità Ewropej(5);

B.  billi l-implimentazzjoni b'suċċess tar-rieżami reċenti tal-UE tal-istrateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem għandha ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE fil-UNHRC billi żżid il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha;

C.  billi l-UE għandha tagħmel ħilitha biex issemma' leħinha kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pożizzjonijiet komuni u uniti sabiex tikseb l-aħjar riżultati possibbli u, f'dan il-kuntest, għandha tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u ttejjeb l-arranġamenti organizzattivi u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;

D.  billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu, bl-għan li jikseb politika tal-UE aktar effikaċi, viżibbli u konsistenti f'dan il-qasam;

E.  billi fil-25 ta' Lulju 2012 inħatar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li r-rwol tiegħu hu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

F.  billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem se tmur Ġinevra matul it-22 sessjoni tal-UNHRC, kif diġà seħħ għas-sessjonijiet tal-UNHRC ta' snin preċedenti;

1.  Jieħu nota tal-proċess kontinwu biex jiġu kkonfermati l-prijoritajiet tal-UE għat-22 sessjoni tal-UNHRC; jilqa' l-attenzjoni mogħtija mill-UE lis-sitwazzjoni fis-Sirja, f'Burma/Mjanmar, fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) u f'Mali, kif ukoll l-appoġġ tagħha għall-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; japprova wkoll l-enfasi fuq kwistjonijiet tematiċi bħal-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon u tat-twemmin, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet kummerċjali u tal-bniedem, il-vjolenza fuq in-nisa u d-drittijiet tal-LGBTI;

2.  Jilqa' l-fatt li l-aġenda għat-22 sessjoni regolari tinkludi diskussjonijiet minn panels dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u tal-korruzzjoni fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-kommemorazzjoni tal-20 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni, dibattiti interattivi, inter alia dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltajiet, u laqgħat estensivi dwar diversi kwistjonijiet, bħad-dritt tat-tfal li jgawdu l-ogħla standards tas-saħħa li jistgħu jinkisbu; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu attivament għal dawn id-dibattiti u biex jiddikjaraw b'mod ċar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli u interdipendenti;

3.  Jilqa' r-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati mir-Rapporteurs Speċjali dwar, inter alia, is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, f'Burma/Mjanmar u fit-territorji Palestinjani okkupati sa mill-1967, flimkien mar-rapport bil-miktub li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissarju Għoli dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Mali, partikolarment fit-Tramuntana tal-pajjiż, kif ukoll dwar il-housing bħala komponent tad-dritt għal standard ta' għajxien xieraq, dwar id-dritt għan-nondiskriminazzjoni f'dan il-kuntest, dwar il-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon jew tat-twemmin u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu;

Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

4.  Jinnota li ġew eletti 18-il membru ġdid tal-UNHRC f'Settembru 2012 u li dawn issieħbu fl-1 ta' Jannar 2013, jiġifieri l-Arġentina, il-Brażil, il-Côte d’Ivoire, l-Estonja, l-Etjopja, il-Gabon, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Kazakistan, il-Kenja, il-Montenegro, il-Pakistan, ir-Repubblika tal-Korea, Sjerra Leone, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, u r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; u jinnota li issa disa' Stati Membri tal-UE huma membri tal-UNHRC;

5.  Jinnota l-elezzjoni ta' President ġdid tal-UNHRC, Remigiusz A. Henzcel, mill-Polonja, u ta' erba' Viċi Presidenti għall-2013, Cheikh Ahmed Ould Zahaf (il-Mawritanja), Iruthisham Adam (il-Maldive), Luis Gallegos Chiriboga (l-Ekwador) u Alexandre Fasel (l-Isvizzera);

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-elezzjonijiet għall-UNHRC jeħtieġ li jkunu kompetittivi, u jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet mhux ikkontestati minn gruppi reġjonali; itenni l-importanza ta' standards għas-sħubija fil-UNHRC fir-rigward tal-impenn u l-prestazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li membri tal-UNHRC jeħtieġ li jżommu l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-importanza ta' kriterji sodi u trasparenti għar-reintegrazzjoni ta' membri sospiżi;

7.  Jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Kazakistan, li huwa membru li għadu kif ġie elett tal-UNHRC, sal-lum irrifjutaw li jippermettu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti f'Zhanaozen, minkejja t-talbiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Parlament;

8.  Jibqa' preokkupat dwar il-fenomenu tal-'bloc politics' u l-effett tiegħu fuq il-kredibbiltà tal-UNHRC u l-effettività tal-ħidma tiegħu;

9.  Jilqa' l-ħatra mill-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Navanethem Pillay għat-tieni mandat bħala Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u għall-indipendenza u l-integrità tiegħu;

10.  Ifaħħar lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-isforzi tagħha fil-proċess ta' tisħiħ tal-korpi stabbiliti bit-Trattat u jilqa' r-rapport tagħha dwar din il-kwistjoni li ġie ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2012; jafferma mill-ġdid in-natura b'diversi partijiet interessati tal-korpi stabbiliti bit-Ttrattat u jenfasizza li jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tkun inkluża kontinwament f'dawn il-proċessi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi satbbiliti bit-Trattat iridu jitħarsu u jissaħħu; jisħaq li jeħtieġ li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament sabiex ikopri l-ammont ta' xogħol li qed jiżdied għall-korpi stabbiliti bit-Trattat; jitlob lill-UE tadotta rwol ta' tmexxija fl-iżgurar tal-funzjonament effikaċi tas-sistema tal-korpi stabbiliti bit-Trattat, anke fir-rigward ta' finanzjament xieraq;

Il-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija

11.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li kulma jmur qed tiżdied u mingħajr distinzjoni użata mir-reġim ta' Assad kontra l-popolazzjoni Sirjana, inklużi l-użu ta' artillerija peżanti u bumbardamenti fuq żoni populati, l-eżekuzzjonijiet sommarji u l-għajbien sfurzat; jikkundanna b'mod inekwivokabbli l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim, li jista' jitqies bħala delitt kontra l-umanità; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora kontinwament għall-popolazzjoni ċivili; jikkundanna, barra minn hekk, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-gruppi u l-forzi tal-oppożizzjoni; jistieden lill-atturi armati kollha biex itemmu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; u jtenni t-talba tiegħu biex ir-reġim ta' Assad jirriżenja minnufih u biex jibda proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw aċċess transkonfinali sħiħ u sikur għall-isforzi internazzjonali ta' għajnuna umanitarja;

12.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-effetti tal-kriżi Sirjana fuq is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna lill-pajjiżi fir-reġjun fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu għajnuna umanitarja lir-rifuġjati mis-Sirja;

13.  Jilqa' l-attenzjoni kontinwa mogħtija mill-UNHRC lis-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem orribbli fis-Sirja, kif intwera mir-riżoluzzjonijiet dwar is-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż li ġew adottati fid-19, fl-20 u fil-21 sessjoni tal-UNHRC u fis-Sessjoni Speċjali tiegħu dwar is-Sirja li saret fl-1 ta' Ġunju 2012; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sitwazzjoni fis-Sirja tibqa' tiġi ttrattata bl-ogħla prijorità fil-qafas tan-NU, partikolarment fil-UNHRC; itenni l-importanza tal-iżgurar tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettaq matul il-kunflitt;

14.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja u għall-estensjoni mill-UNHRC tal-mandat tiegħu; jisħaq fuq l-importanza tal-ammissibbiltà tal-evidenza diġitali ta' delitti, vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-ħatra ta' Carla del Ponte u Vitit Muntarbhorn bħala membri ġodda, u l-ħatra ta' Paolo Pinheiro bħala Rapporteur Speċjali dwar is-Sirja, li se jibda l-ħidma tiegħu ladarba jispiċċa l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni li jiżvela l-atroċitajiet li twettqu fis-Sirja;

15.  Jiddispjaċih li għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u, b'mod partikolari, li dan qed jostakola l-kapaċità li tiġi eżerċitata pressjoni effikaċi bl-għan li tintemm il-vjolenza fil-pajjiż; jistieden lill-membri tal-KSNU biex jiftakru r-responsabbiltà tagħhom fil-konfront tal-poplu Sirjan; ifaħħar l-isforzi diplomatiċi tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri tal-UE biex jinvolvu liċ-Ċina u lir-Russja f'din il-kwistjoni; jistedinhom ikomplu b'dawn l-isforzi; ifakkar ukoll lill-Istati Membri kollha tan-NU dwar il-prinċipju tar-“responsabbiltà li tipproteġi” mħaddan mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; jistieden lill-istati kollha jaħdmu biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u jilqa' l-inizjattiva mmexxija mill-Isvizzera ta' ittra konġunta f'isem 58 pajjiż, inklużi 26 Stat Membru tal-UE, f'din id-direzzjoni; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jinvolvi ruħu personalment fil-bini ta' koalizzjoni kbira u inklużiva biex tappoġġa dan it-tressiq'

16.  Jilqa' r-rapport bil-miktub finali mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta (COI) dwar il-Libja, li ġie ppreżentat matul id-19-il sessjoni tal-UNHRC, li enfasizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż; iħeġġeġ lill-UNHRC jesprimi tħassib dwar il-ksur kontinwu, ikompli jimmonitorja s-sitwazzjoni u jitlob lill-Kummissarju Għoli tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja;

17.  Jistieden lill-Emirati Għarab Magħquda, bħala membru ġdid elett tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u wieħed mill-14-il stat li kellhom ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom eżaminati mis-sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Eżami Perjodiku Universali, biex itemm ir-ripressjoni attwali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti politiċi paċifiċi u biex jonora l-impenji tiegħu li jżomm l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-Baħrejn; itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri jaħdmu favur l-adozzjoni waqt it-22 sessjoni tal-UNHRC ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, li tinkludi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu internazzjonali sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, fosthom dawk rigward id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

19.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottat mill-UNHRC f'Ottubru 2012 dwar l-għajnuna teknika u l-bini ta' kapaċità għall-Jemen fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiliment ta' Uffiċċju għall-Pajjiż tal-OHCHR fil-Jemen; iħeġġeġ lill-UNHRC jkompli jimmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż;

20.  Jesprimi tħassib kbir dwar in-nuqqas kontinwu ta' stabbiltà politika u dwar il-fatt li reġgħet feġġet il-vjolenza fl-Eġittu; jappoġġa bis-sħiħ tranżizzjoni għal soċjetà demokratika, ibbażata fuq l-istat tad-dritt u qafas kostituzzjonali, li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tan-nisa u r-rispett għall-minoranzi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jibdew investigazzjoni trasparenti dwar l-użu ta' vjolenza mill-forzi tas-sigurtà u mill-pulizija kontra dimostranti u jiżguraw responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-pożizzjoni tal-UE kontra l-piena tal-mewt u jitlob, f'dan ir-rigward, għal moratorju fuq l-eżekuzzjoni tal-pieni tal-mewt fl-Eġittu, inkluż il-każ tal-21 ruħ li reċentement ingħataw il-piena tal-mewt għad-diżastru tas-sena li għaddiet fl-istadium tal-futbol ta' Port Said;

21.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jitlob li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal protesti; jitlob għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi Saħrawi kollha; jilqa' t-twaqqif ta' Mibgħut Speċjali għas-Saħel u jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ internazzjonali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jappoġġa soluzzjoni ġusta u dewwiema tal-kunflitt abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Saħrawi, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti;

Kwistjonijiet oħra

22.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC li jinħatar Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jieħu nota tal-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li tistabbilixxi dan il-mandat, li turi li s-sitwazzjoni terribbli tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż qed tiġi rikonoxxuta minn stati madwar id-dinja kollha;

23.  Jilqa' l-estensjoni tal-mandati tal-esperti indipendenti dwar il-Côte d’Ivoire, Ħaiti u s-Somalja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi jikkooperaw bis-sħiħ mad-detenturi tal-mandati;

24.  Jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;

25.  Jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) għal sena oħra; jilqa' l-fatt li r-riżoluzzjoni dwar ir-RDPK ġiet adottata b'kunsens, li juri l-livell qawwi ta' appoġġ għall-mandat; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK biex jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur u jiffaċilita ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-UNHRC jaġixxi fuq it-talba tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tiġi stabbilita kummissjoni internazzjonali ta' inkjesta dwar delitti serji li ilhom iseħħu fir-RDPK għal għexieren ta' snin;

26.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-UNHRC dwar Burma/Mjanmar u jitlob l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż; jinnota l-passi meħuda mill-Gvern ta' Burma mill-bidu tal-2011 biex jerġa' jdaħħal il-libertajiet ċivili fil-pajjiż; madankollu, jesprimi preokkupazzjoni kbira ferm dwar l-għadd kbir ta' ċivili midruba jew maqtula minħabba l-operazzjonijiet militari fl-Istat ta' Kashin kif ukoll iż-żieda f'daqqa fil-vjolenza komunali fl-Istat ta' Rakhine u li b'konsegwenza tagħha mietu u ndarbu n-nies, inqerdet il-proprjetà u ġew spostati popolazzjonijiet lokali; jemmen li l-kawża sottostanti tas-sitwazzjoni hija l-politiki diskriminatorji li ilhom jeżistu kontra l-popolazzjonijiet tar-Rohingya u tal-Kashin; jisħaq li jinħtieġu sforzi akbar biex tiġi riżolta l-kawża li minnha toriġina l-problema; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mjanmar biex jaċċellera l-implimentazzjoni tal-impenn tiegħu li jwaqqaf Uffiċċju għall-Pajjiż tal-OHCHR fil-Mjanmar u jenfasizza li rappurtar u monitoraġġ kontinwi mir-Rapporteur Speċjali għandhom jinżammu fil-kuntest attwali;

27.  Jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni dwar is-Sri Lanka li tenfasizza r-rikonċiljazzjoni u r-responsabbiltà f'dak il-pajjiż; itenni l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Panel ta' Esperti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sri Lanka, inkluż ir-rispett sħiħ għall-indipendenza tal-ġudikatura bl-għan, inter alia, tal-prosekuzzjoni effikaċi tad-delitti tal-gwerra fl-imgħoddi;

28.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata fl-20 sessjoni tal-UNHRC li tistabbilixxi Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; jinnota li din hija l-ewwel darba li l-UNHRC indirizza din il-kwistjoni u jfaħħar is-sens ta' tmexxija muri mill-pajjiżi Afrikani rigward din il-kwistjoni;

29.  Jilqa' l-fatt li s-sitwazzjoni f'Mali qed tinżamm taħt skrutinju strett mill-UNHRC u jfaħħar is-sens ta' tmexxija muri mill-istati Afrikani li ġabu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UNHRC biex jappoġġa l-introduzzjoni rapida ta' kapaċitajiet ta' monitoraġġ f'Mali u biex jitlob li l-OHCHR ikompli jirrapporta dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

30.  Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), iżda jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż, b'mod partikolari fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana fil-Lvant tal-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-forzi ribelli fil-Lvant tal-pajjiż, b'mod partikolari mill-moviment M23, fuq il-popolazzjoni ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-istupru bħala arma tal-gwerra; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar użu kontinwu tat-tfal bħala suldati u jitlob li jitneħħewlhom l-armi, u jiġu riabilitati u reintegrati; jilqa' l-isforzi li qed isiru biex tinstab soluzzjoni politika paċifika għall-kriżi mill-Istati Membri tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, l-Unjoni Afrikana u n-NU; jerġa' jitlob l-istabbiliment mill-ġdid ta' Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK sabiex jipprovdi mekkaniżmu affidabbli li jiffoka fuq it-tijib tas-sitwazzjoni rigward il-preokkupazzjonijiet serji u li ilhom jeżistu rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

31.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn gruppi armati attakkaw u okkupaw diversi bliet fil-Grigal tal-pajjiż; jilqa' l-ftehimiet iffirmati f'Libreville fil-11 ta’ Jannar 2013, inklużi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u l-ftehim politiku dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-pajjiż; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni rapida ta' dawn il-ftehimiet; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tal-UE tal-11 ta' Jannar 2013, li titlob li l-firmatarji kollha jonoraw dawn il-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqajmu din il-kwistjoni fil-UNHRC sabiex jagħtu prijorità lill-kwistjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-aġenda internazzjonali;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Iżrael u f'Gaża wara ż-żieda fil-kunflitt fl-aħħar tal-2012 u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza; itenni t-talba tiegħu biex jitneħħa l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża filwaqt li jitqiesu l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-Iżrael rigward is-sigurtà, u jitlob li jittieħdu passi lejn ir-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku tal-Istrixxa ta' Gaża; jilqa' l-missjoni internazzjonali għall-ġbir tal-informazzjoni dwar insedjamenti Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati stabbilita matul id-19-il sessjoni tal-UNHRC, u jistenna bil-ħerqa r-rendikont tagħha matul it-22 sessjoni tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dar il-fatt li l-Iżrael issospenda l-kooperazzjoni tiegħu mal-UNHRC u l-Eżami Perjodiku Universali; jinkuraġġixxi bil-qawwa l-isforzi kollha favur soluzzjoni ta' żewġ stati;

33.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Novembru 2012 tar-riżoluzzjoni li tagħmel lill-Palestina stat osservatur mhux membru tan-NU; itenni l-appoġġ tiegħu għal dan l-isforz; jinnota l-appoġġ espress mill-UE biex il-Palestina ssir membru sħiħ tan-NU bħala parti minn soluzzjoni politika għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jafferma mill-ġdid li l-UE mhi se tirrikonoxxi l-ebda bidla fil-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftiehma mill-partijiet;

34.  Jilqa' l-enfasi li saret mill-UNHRC fuq id-dritt għall-housing u jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għal housing adegwat bħala dritt fundamentali;

35.  Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet tal-massa reċenti li twettqu fl-Iran; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni soda tiegħu kontra l-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha;

36.  Jiddeplora l-eżekuzzjonijiet imwettqa fil-Ġappun fl-2012 wara l-moratorju fuq din il-prattika matul l-2011, is-sitt eżekuzzjonijiet imwettqa fit-Tajwan f'Diċembru 2012 u l-użu kontinwu tal-piena kapitali fl-Arabja Sawdija matul l-2012; iqis tassew ta' dispjaċir il-ksur tal-moratorju de facto fuq il-piena tal-mewt osservat mill-Indja mill-2004, permezz tal-eżekuzzjoni ta' priġunier f'Novembru 2012, li jmur ukoll kontra t-tendenza globali lejn l-abolizzjoni; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha li għadhom japplikaw il-piena tal-mewt biex ineħħuha kompletament jew tal-anqas jimplimentaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet;

37.  Ifakkar fl-importanza kritika mogħtija mill-UE lill-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru l-impenn komuni tagħhom biex jiġi eradikat il-kastig tat-tortura u biex jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

38.  Jinnota b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jisħaq fuq l-enfasi li l-UE tagħmel fuq din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri jkompli jaħdmu fuq il-kwistjoni, u jistenna bil-ħerqa l-Linji gwida ġodda tal-UE li għandhom jitlestew fil-bidu ta' din is-sena; ifaħħar l-ħidma mwettqa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jenfasizza l-importanza tat-tiġdid ta' dan il-mandat matul it-22 sessjoni tal-UNHRC; jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li tiġi indirizzata b'mod sħiħ il-problema tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi madwar id-dinja; itenni li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li wieħed jibdel jew jabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, hija dritt fundamentali tal-bniedem;

39.  Jilqa' l-proċess li għaddej ta' segwitu għar-rapport tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-liġijiet u l-prassi diskriminatorji u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkuraġġixxi segwitu ulterjuri, anke permezz ta' laqgħat reġjonali, u l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri tal-UE, tal-Kunsill u tas-SEAE; f'dan ir-rigward, assolutament jikkundanna l-għoti tal-piena tal-mewt, ta' sentenzi ta' priġunerija jew ta' kundanni kriminali abbażi tal-orjentament sesswali f'xi pajjiżi, u jitlob li dan jieqaf immedjatament; jilqa' t-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem rigward din il-kwistjoni, kemm fil-UNHRC kif ukoll barra; jiddispjaċih rigward it-tentattivi li għaddejjin biex jikkompromettu l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment permezz ta' riżoluzzjoni dwar il-“valuri tradizzjonali”;

40.  Jinnota l-ewwel Forum annwali dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li sar f’Ġinevra mill-4 sas-6 ta' Diċembru 2012, li laqqa' flimkien firxa wiesgħa ta' partijiet interessati biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU f'dan il-qasam; jappoġġa l-konsultazzjonijiet inizjali tal-Forum dwar kif il-gvernijiet u n-negozji jistgħu jiġu mġiegħla jadottaw oqfsa regolatorji, politiċi u ta' implimentazzjoni biex jiġġieldu kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-kummerċ;

41.  Jilqa' x-xogħol tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar il-kumpaniji privati fil-qasam militari u tas-sigurtà (PMSCs), li għandu mandat biex jikkunsidra l-possibbiltà ta' qafas regolatorju internazzjonali; jirrikonoxxi l-attenzjoni dettaljata mogħtija lill-possibbiltà li jiġi elaborat strument legalment vinkolanti dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-PMScs u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal tali qafas regolatorju legalment vinkolanti; jinsisti fuq komponent qawwi ta' responsbbiltà u jistieden lill-PMSCs li għadhom ma ffirmawx il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Fornituri Privati ta' Servizzi tas-Sigurtà (ICoC) biex jaderixxu miegħu; jistenna bil-ħerqa l-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' ħidma; jitlob li jiġġedded il-mandat ta' dan il-grupp ta' ħidma;

42.  Jenfasizza s-sinifikat tan-natura universali tal-eżerċizzju tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jafferma mill-ġdid l-importanza tal-EPU bl-għan li jinkiseb fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-post fl-Istati Membri kollha tan-NU;

43.  Jilqa' l-bidu tat-tieni ċiklu tal-EPU u l-adozzjoni tal-ewwel riżultati tiegħu; itenni l-importanza li t-tieni ċiklu jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

44.  Jemmen li l-implimentazzjoni hija aspett ewlieni fit-twettiq tal-potenzjal tal-proċess tal-EPU; itenni, għalhekk, l-importanza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu għajnuna teknika sabiex jgħinu lill-istati soġġetti għall-eżami jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; jinkuraġġixxi lill-istati, barra minn hekk, biex jippreżentaw aġġornamenti ta' nofs il-perjodu sabiex jgħinu biex tittejjeb l-implimentazzjoni;

45.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE li qed jipparteċipaw fid-djalogi interattivi tal-EPU biex iressqu rakkomandazzjonijiet li jkunu speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, sabiex itejbu l-kwalità tas-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati;

46.  Jirrakkomanda l-inklużjoni sistematika tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u fl-istrateġiji għall-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi żgurat is-segwitu għar-riżultati tal-EPU; jirrakkomanda, bl-istess mod, li l-Parlament jirreferi għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet matul iż-żjarat tad-delegazzjonijiet tiegħu stess f'pajjiżi terzi;

47.  Jilqa' passi li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fil-proċess tal-EPU ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bidliet fil-lista tal-kelliema, li jagħtu lill-istati kollha li jixtiequ jitkellmu matul il-proċess tal-EPU l-possibbiltà li jagħmlu dan; itenni l-apprezzament tiegħu tar-rwol aktar b'saħħtu miksub mill-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-Prinċipji ta' Pariġi; jilqa' l-parteċipazzjoni msaħħa mill-post bis-sħħa tal-użu akbar tal-vidjokonferenzi;

48.  Jemmen li jista' jsir iżjed biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-proċess tal-EPU, anke fl-implimentazzjoni tar-riżultati tiegħu, u b'mod aktar ġenerali fil-ħidma tal-UNHRC;

Il-Proċeduri Speċjali

49.  Jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-Proċeduri Speċjali fil-kredibbiltà u l-effikaċja tal-ħidma tal-UNHRC u l-pożizzjoni ewlenija tagħhom fil-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u jenfasizza l-importanza fundamentali tal-indipendenza ta' dawn il-mandati;

50.  Iħeġġeġ lill-istati jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali, anke billi jilqgħu lid-detenturi tal-mandati għal żjarat fil-pajjiż mingħajr dewmien, iwieġbu għall-azzjonijiet urġenti tagħhom u l-allegazzjonijiet ta' ksur u jiżguraw segwitu xieraq għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-detenturi tal-mandati; iħeġġeġ lill-membri tal-UNHRC jmexxu billi jagħtu l-eżempju fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

51.  Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-UE biex tiġi estiża b'mod konġunt stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tmexxi billi tagħti l-eżempju fir-rigward ta' din il-kwistjoni; jinkuraġġixxi lil stati membri oħra tan-NU biex jagħmlu l-istess;

52.  Jikkundanna l-forom kollha ta' ritaljazzjoni kontra persuni li jikkooperaw mal-proċess tal-EPU u l-Proċeduri Speċjali; jenfasizza li azzjoni bħal din tikkomprometti s-sistema sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE; iħeġġeġ lill-istati kollha jipprovdu protezzjoni adegwata kontra atti ta' intimidazzjoni bħal dawn;

L-involviment tal-UE

53.  Itenni bl-aktar mod qawwi l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-mekkaniżmi tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-UNHRC; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu dan billi jikkosponsorjaw riżoluzzjonijiet, billi jipparteċipaw attivament f'dibattiti u fi djalogi interattivi, u billi joħorġu stqarrijiet; jappoġġa bil-qawwa r-rikors li qed jiżdied min-naħa tal-UE għal inizjattivi transreġjonali;

54.  Jenfasizza l-importanza li l-ħidma li qed issir f'Ġinevra fil-kuntest tal-UNHRC tiġi integrata fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE, fosthom f'dawk tal-Parlament;

55.  Jissottolinja l-importanza tal-istabbiliment tal-pożizzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE); jinkuraġġixxi lill-RSUE jsaħħaħ l-effikaċja, il-koerenza u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC u jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali;

56.  Jinkuraġġixxi lill-VP/RGħ tal-UE u lir-RSUE jkunu preżenti fis-Segment ta' Livell Għoli tal-UNHRC;

57.  Itenni l-effikaċja potenzjai tal-azzjoni tal-UE meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jużaw il-piż kollettiv tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward sabiex tintlaħaq pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jitlob għal azzjoni aktar soda u ambizzjuża u impenji konkreti minflok ma jiġi aċċettat id-denominatur komuni l-aktar baxx; jinkuraġġixxi, f'dan il-kuntest, lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE f'Ġinevra u fi New York, biex iżid il-koerenza tiegħu permezz ta' konsultazzjoni sostantiva u f'waqtha;

58.  Jisħaq fuq is-sinifikat tar-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltajiet, l-ewwel okkażjoni li fiha l-UE rratifikat konvenzjoni tan-NU bħala entità ġuridika; u jistieden lill-UE tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

59.  Itenni għal darb'oħra l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex jiġu ssodisfati l-indiviżibbiltà u l-universalità tad-drittijeit tal-bniedem u biex jappoġġaw ix-xogħol tal-UNHRC f'dan ir-rigward, b'mod particolari billi jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jkun stabbilixxa dan il-korp; itenni d-dispjaċir tiegħu li l-ebda Stat Membru tal-UE ma rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom; itenni wkoll, id-dispjaċir tiegħu li diversi Stati Membri għadhom ma adottawx u/jew għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat jew il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħrajn u li żewġ Stati Membri biss irratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli, u jħeġġiġhom jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv reċenti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar proċedura ta' komunikazzjoni, li nfetħet għall-iffirmar f'Ġinevra, l-Isvizzera, fit-28 ta' Frar 2012; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jippreżentaw ir-rapporti perjodiċi tagħhom lill-korpi ta' monitoraġġ tan-NU fil-ħin;

60.  Itenni kemm huwa importanti li l-UE tiddefendi l-indipendenza tal-OHCHRu li tiżgura li jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod imparzjali; u jfakkar fl-importanza li jiġi żgurat li jingħata biżżejjed finanzjament biex l-uffiċċji reġjonali tal-OHCHR jibqgħu miftuħin;

61.  Jinnota li l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija prijorità ewlenija tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-ritaljazzjoni u l-intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDD) li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU jheddu li jdgħajfu din is-sistema; japprezza, għalhekk, l-appoġġ prattiku u finanzjarju allokat għall-protezzjoni urġenti u l-appoġġ tad-DDB taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

62.  Jilqa' l-istabbiliment fl-2012 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) ibbażat fi Brussell; jirrikonoxxi l-isforzi tal-COHOM biex itejjeb it-tħejjija u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC, inkluża l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-COHOM f'Ġinevra; itenni l-aspettattivi tiegħu li l-COHOM se jkun strumentali fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-konsistenza bejn il-politika interna u esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

63.  Jistenna li l-iżvilupp tal-istrateġiji għall-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi kkorrdinat kif xieraq mal-azzjoni tal-UE fil-fora tan-NU; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-istrateġiji għall-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu ikkomunikati lill-Parlament Ewropew u jsiru pubbliċi meta dan ikun possibbli sabiex jagħtu viżibbiltà lill-impenn tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi u sabiex dawk li qed jissieltu għad-drittijiet tal-bniedem isibu appoġġ f'dawn id-dokumenti;

64.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi enfasizzata fil-UNHRC l-kwistjoni inkwetanti tal-ispazju dejjem jonqos għall-NGOs f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja; jinkuraġġixxi lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti biex iqajmu din il-kwistjoni;

65.  Jerġa' jistieden, fid-dawl ta' rapporti ġodda li kumpaniji tal-UE qed ikunu kompliċi f'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, lill-VP/RGħ biex jiġbed l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika aktar ambizzjuża dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effikaċi biex tkun żgurata r-responsabbiltà tal-kumpanniji għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-politiki interni u esterni jsritu aktar konsistenti u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni sabiex jiġu evitati standards doppji;

66.  Jagħti mandat lid-delegazzjoni tiegħu għat-22 sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib u l-fehmiet espressi f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-żjara tagħha; iqis li huwa indispensabbli li tissokta l-prattika li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament għal sessjonijiet relevanti tal-UNHRC u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-67 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0250.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0058.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0504.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0503.
(5) Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.


Taħriġ ġudizzjarju - koordinaturi tal-qrati
PDF 296kWORD 27k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar it-taħriġ ġudizzjarju – koordinaturi tal-qrati (2012/2864(RSP))
P7_TA(2013)0056B7-0053/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu l-adozzjoni permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ta' miżuri li jkollhom l-għan li jiżguraw “appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 1991 dwar l-istabbiliment ta' Akkademja tal-Liġi Ewropea(1), il-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2002 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea(3), u r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-20 ta’ April 2010 dwar Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma(COM(2010)0171)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill - Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadinidwar il-Programm ta' Stokkolma(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, “Inkattru l-Fiduċja f'Ġustizzja Ewropea - Dimensjoni Ġdida Għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew”(COM(2011)0551)

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota dwar it-taħriġ ġudizzjarju propost mill-Parlament fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-istudju kumparattiv dwar it-taħriġ ġudizzjarju fl-Istati Membri mill-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ALE) f'kollaborazzjoni man-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ (NETĠ) Ġudizzjarju, ikkummissjonat mill-Parlament(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010(7) u tal-14 ta' Marzu 2012(8) dwar it-taħriġ ġudizzjarju,

–  wara li kkunsidra l-esperjenza fil-Pajjiżi l-Baxxi b'Eurinfra u n-netwerk tagħha ta' koordinaturi tal-qrati għad-dritt Ewropew, kif qed tibda tkun imitata fi Stati Membri oħra, b'mod partikolari l-Italja bil-proġett Ewropew tagħha Gaius, id-Danimarka, ir-Rumanija u l-Bulgarija, imfassla madwar it-tliet pilastri (a) tat-titjib tal-aċċessibbiltà tar-riżorsi ta' informazzjoni dwar id-dritt Ewropew bl-użu tat-teknoloġija tal-web, (b) tat-titjib tal-għarfien tad-dritt Ewropew fost il-ġudikatura u (c) tat-twaqqif u ż-żamma ta' netwerk ta' koordinaturi tal-qrati għad-dritt Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-passi kbar 'il quddiem li qed tieħu t-teknoloġija tal-informazzjoni, li permezz tagħha, pereżempju, it-tagħlim elettroniku jista' jintuża dejjem aktar bħala għodda flessibbli biex jintlaħqu aktar utenti finali, indipendentament mill-ħin u mill-post, filwaqt li t-teknoloġija avvanzata - b'mod partikolari magni ta' tiftix sofistikati - jistgħu jintużaw biex jiġbru informazzjoni biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tad-dritt,

–  wara li kkunsidra il-mistoqsija tal-Kummissjoni dwar taħriġ ġudizzjarju – koordinaturi tal-qrati (O-000186/2012 – B7-0112/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-oriġini tas-sistemi ġudizzjarji tagħna huma kumplessi b'tali mod li, skont studju akkademiku riċenti(9), id-dritt Ruman għandu jitqies aktar bħala proġett multikulturali aktar milli evoluzzjoni speċifika ta' kultura waħda, u l-common law (filwaqt li tiġi injorata l-oħt pretorjana tagħha, l-ekwità, u l-influenza tad-dritt kanoniku) tista' tkun magħrufa aħjar bħala d-dritt “Anglo-Normann”; billi l-istat ta' dritt huwa ħaġa waħda li nikkondividu u wieħed mill-valuri li d-dritt Ewropew ta lid-dinja; billi dak li hu meħtieġ huwa approċċ olistiku min-naħa kemm tal-prattikanti kif ukoll tal-ġudikatura;

B.  billi m'hemmx skuża għal nuqqas ta' għarfien tad-dritt Ewropew min-naħa tal-imħallfin nazzjonali, li huma u għandhom ikunu mħallfin Ewropej, li huma mitluba jiżvolġu rwol fundamentali f'sitwazzjoni li fiha se jkun meħtieġ rwol akbar għall-Ewropa; billi dan ma jipprekludix it-trawwim ta' kultura ġudizzjarja Ewropea fejn id-diversità tkun iċċelebrata bħala ġid komuni;

C.  billi kull qorti nazzjonali hija qorti tad-dritt Ewropew;

D.  billi ż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri u l-piż li qed jiżdied fuq il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jfissru li l-qrati nazzjonali għandhom jużaw kull mezz għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw aċċess effikaċi u rapidu għall-ġustizzja;

E.  billi dak li hu meħtieġ huwa mezzi kosteffikaċi kif jittejjeb it-taħriġ tal-imħallfin u l-aċċess tagħhom għad-dritt;

F.  billi jkun siewi ħafna li tiġi promossa l-idea ta' koordinaturi tal-qrati nazzjonali għad-dritt Ewropew u l-interkonnessjoni tagħhom fil-livell Ewropew; billi l-funzjoni ewlenija ta' netwerk interkonnessa ta' koordinaturi tal-qrati tkun li tippermetti lill-imħallfin jikkonsultaw faċilment fil-ħidma tagħhom ta' kuljum mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn fuq kwistjonijiet bħall-interpretazzjoni ta' kliem partikolari fil-liġi Ewropea applikabbli (direttiva jew regolament) f'ambjent diġitali sikur (permezz ta' medium soċjali maħluq apposta jew permezz tal-portal e-justice); billi dawn iċ-“ċirki ta' koerenza” iwasslu għal uniformità akbar fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE filwaqt li jnaqqsu l-għadd ta' rinviji għal deċiżjonijiet preliminari, mingħajr ma jnaqqsu mir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja;

G.  billi, kif il-Parlament iddetermina diġà, mod wieħed kif jiġu solvuti l-problemi (spejjeż, taħriġ lingwistiku, kosteffikaċja) ikun li tintuża t-teknoloġija moderna u jiġi ffinanzjat il-ħolqien ta' “Apps” (applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kompjuters għal użu fuq il-PCs, it-telefons mobbli, it-tablets, eċċ.);

H.  billi wieħed jista' jibda bil-parti ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-ġestjoni elettronika tal-għarfien tippermetti aċċes dettaljat għall-aktar informazzjoni aġġornata;

I.  billi sitwazzjoni li fiha kull Stat Membru jibda jiżviluppa t-teknoloġija u l-istrutturi diġitali tiegħu stess biex jippermetti l-provvista ta' għodda diġitali tkun ħela ta' enerġija u riżorsi finanzjarji, speċjalment f'dawn iż-żminijiet ta' trażżin ekonomiku;

J.  billi l-isforzi doppji għandhom ikunu evitati u l-użu mill-ġdid ta' proġetti ta' taħriġ ta' kwalità għandu jiġi promoss; billi dan jitlob interkonnessjoni akbar bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tal-għarfien tad-dritt tal-UE;

K.  billi b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' magni tat-tiftix għat-tiftix tas-sentenzi, tal-opinjonijiet u tad-dritt tal-UE b'mod ġenerali, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk din it-teknoloġija tistax tkun ta' benefiċċju għall-ġudikatura fi Stati Membri oħrajn ukoll, f'liema każ it-teknoloġija tista' tinġabar, tiġi kkoordinata u żviluppata b'mod komuni;

L.  billi għandna tiġi mnedija skema għall-użu mill-ġdid tal-prodotti tat-taħriġ, permezz pereżempju tar-reġistrazzjoni u t-traduzzjoni/l-iddoppjar/ l-issottotitolar ta' lekċers fuq bażi ta' kofinanzjament;

M.  billi dan kollu għandu jinġabar flimkien fi pjan ewlieni għall-ġestjoni tal-għarfien għall-ġudikatura, bl-użu tal-portal e-justice skont kif ikun xieraq;

N.  Billi d-Dritt Komuni Ewropew tal-Bejgħ, meta jiġi adottat, se jipprovdi spazju ta' sperimentazzjoni għan-netwerk ta' koordinaturi tal-qrati tad-dritt Ewropew billi jipprovdi opportunità biex tinkiseb koerenza orizzontali bejn l-imħallfin nazzjonali f'oqsma fejn teżisti ftit jew xejn ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, mingħajr, ovvjament, ma jiġu rduppjati n-netwerks speċjalizzati f'dan il-qasam;

O.  billi l-kurżità dwar is-sistemi l-oħra, il-mentalitajiet miftuħa - anke għall-użu ta' teknoloġiji u metodi ġodda - u d-djalogu għandhom ikunu kliem muftieħ f'Ewropa - u f'dinja - fejn id-dritt u l-prattikanti tiegħu se jkollhom ikunu aktar innovattivi fl-approċċ tagħhom għall-ġestjoni tal-għarfien;

P.  billi dan jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-perċezzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni Ewropea - iktar ma jkun hemm disponibbli informazzjoni bbażata fuq il-fatti, inqas jitwemmnu l-miti u l-qerq dwar l-Unjoni nnifisha, dwar id-dritt tagħha u dwar il-mod kif taħdem, u aktar ikun hemm spazju għal dibattitu u diskussjoni politiċi onesti(10);

Q.  billi dan huwa aspett ieħor tal-bini ta' kultura ġudizzjarja Ewropea, iżda mhuwiex l-istorja kollha; billi jeħtieġ li jiġu estiżi għall-universitajiet u għall-iskejjel tad-dritt metodi ġodda ta' taħriġ u curricula ġodda li jenfasizzaw it-tagħlim tal-lingwi u li jippromwovu l-istudju tad-dritt kumparattiv u tad-dritt internazzjonali - Erasmus (għall-istudenti tad-dritt u għall-imħallfin) kien biss bidu;

R.  billi wasal iż-żmien li wieħed imur lil hinn qabel kollox b'diskussjoni mingħajr kundizzjonijiet tat-taħriġ legali - għall-imħallfin u għall-prattikanti - u tal-edukazzjoni legali f'forum li jinvolvi l-parteċipazzjoni ta' membri tal-ġudikatura, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti inklużi l-kunsilli tal-ġudikatura u l-iskejjel tat-taħriġ ġudizzjarju u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea, in-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura u l-Istitut tad-Dritt Ewropew;

1.  Itenni u jerġa' jafferma r-riżoluzzjonijiet tiegħu hawn fuq msemmija tas-17 ta' Ġunju 2010 u tal-14 ta' Marzu 2012 dwar it-taħriġ ġudizzjarju;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-aġġudikazzjoni tal-appalti tal-proġett pilota;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem u tisponsorja l-koordinaturi tal-qrati nazzjonali tad-dritt Ewropew u l-interkonnessjoni li qed titfaċċa bejn in-netwerks nazzjonali tal-koordinaturi tal-qrati, filwaqt li tinkoraġġixxi u tippromwovi l-ideat stabbiliti fil-premessi ta' din ir-riżoluzzjoni u fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-17 ta' Ġunju 2010 u tal-14 ta' Marzu 2012;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċji pożittivi potenzjali għall-ekonomija, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, tal-iżvilupp u l-isfruttament tat-tagħlim elettroniku u t-teknoloġiji l-ġodda, speċjalment il-magni tat-tiftix;

5.  Iqis li l-iżvilupp professjonali tal-avukati għandu jenfasizza l-ħtieġa ta' standards komuni ta' etika professjonali, il-ħtieġa li l-ġudikatura tkun indipendenti u imparzjali u approċċ għar-regolamentazzjoni Ewropea li jkun jirrispetta d-diversità, peress li huwa biss b'dan il-mod li tkun tista' tinkiseb fiduċja reċiproka ġenwina;

6.  Jinnota li s-sistema legali tal-Istati Membri, minkejja d-diversità tagħhom, huma bbażati fuq prinċipji komuni u għandhom l-istess oriġini komuni; ifakkar li, sa ftit sekli ilu, il-professjonijiet legali fl-Ewropa kienu meqjusa li huma korp unifikat ta' prattikanti, li huma kapaċi jagħtu pariri, jħejju dokumenti legali u jittrattaw quddiem il-qrati fi kwalunkwe parti tal-Ewropa; iqis li l-politika ta' taħriġ legali tal-Unjoni Ewropea għandha tkun ispirata minn dan il-fatt, li juri li l-mobbiltà sħiħa tal-prattikanti legali hija fattibbli;

7.  Jipproponi, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni torganizza forum fis-sajf tal-2013 - “Kungress ta' Messina għall-bini ta' kultura ġudizzjarja Ewropea” - fejn imħallfin tal-livelli kollha ta' anzjanità jkunu jistgħu jiltaqgħu u jkollhom diskussjonijiet dwar qasam jew oqsma riċenti ta' kontroversja jew diffikultà legali, biex tkun inkoraġġita d-diskussjoni, jinbnew il-kuntatti, jinħolqu kanali ta' komunikazzjoni u tinbena l-fiduċja u l-fehim reċiproċi; forum ta' dan it-tip jista' jkun ukoll opportunità storika għall-awtoritajiet kompetenti u għall-esperti, inklużi l-universitajiet u l-korpi professjonali, biex jiddiskutu l-politika tat-taħriġ ġudizzjarju u l-ġejjieni tal-edukazzjoni legali fl-Ewropa;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 267, 14.10.1991, p. 33.
(2) GU C 273 E, 14.11.2003, p. 99.
(3) GU C 294 E, 3.12.2009, p. 27.
(4) GU C 212 E, 5.8.2010, p. 116.
(5) GU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.
(6)http://www.europarl.europa.eu/delegations/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=60091
(7) GU C 236 E, 12.8.2011, p. 130.
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0079.
(9) P.G. Monateri, Black Gaius. A Quest for the Multicultural Origins of the Western Legal Tradition, fi 51 Hastings Law Journal, 2000, 479 et seq.; http/.jus.unitn.it/cardozo/users/pigi/blackgaius/bge.pdf>.
(10) Ara, pereżempju, fir-rigward tal-miti dwar l-involviment tal-UE fid-dritt kriminali, ix-xogħol eċċellenti, Opting out of EUR Criminal law: What is actually involved?, ta' Hinarejos, Spencer and Peers, CELS Working Paper, New Series, No 1, http://www.cels.law.cam.ac.uk/publications/working_papers.php


Il-Bank Ewropew tal-Investiment - Rapport Annwali 2011
PDF 247kWORD 31k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (2012/2286(INI))
P7_TA(2013)0057A7-0016/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2011 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012, li, b’mod partikolari, jipprevedu żieda fil-kapital tal-BEI ta’ EUR 10 biljun,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit Ewropew tad-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2012, “Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina”,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar “Strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji” (fajl ta' kodeċiżjoni adottat is-sena li għaddiet), u b’mod partikolari l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra ż-żieda kapitali tal-BERŻ, speċjalment fir-rigward tal-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-BEI u l-BERŻ u t-trikkib possibbli,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-ambitu tal-BERŻ għaż-żona tal-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (COM(2011)0659), li tintroduċi l-fażi pilota għall-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (COM(2012)0511), u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (COM(2012)0512), li għandu l-għan li jistabbilixxi Unjoni Bankarja Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0016/2013),

A.  billi l-kombinazzjoni ta’ baġits pubbliċi stretti, dejn sovran eċċessiv u l-miżuri korrettivi relatati li ta’ sikwit jippenalizzaw id-domanda aggregata, b’istituzzjonijiet finanzjarji rregolati b'mod mhux adegwat li f’xi każijiet qed toħloq garigor ekonomiku dejjem nieżel 'l isfel fil-livell tal-UE, filwaqt li qed jippressaw ’l isfel fuq l-investiment, speċjalment għall-SMEs, u qed ikollhom impatt negattiv fuq it-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni;

B.  billi l-BEI twaqqaf bit-Trattat ta’ Ruma u għandu r-rwol tal-“bank tal-Unjoni Ewropea”, li l-għan tiegħu huwa li jgħin biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-Unjoni permezz tal-għażla ta’ proġetti ekonomikament sodi għal investiment mill-UE; billi bħala bank mingħajr skop ta' qligħ jikkomplementa wkoll il-banek kummerċjali u l-qafas finanzjarja globali billi jindirizza l-fallimenti tas-suq;

C.  billi d-dejn u l-kriżi ekonomika u fiskali attwali affettwaw serjament l-iżvilupp ekonomiku ta’ ħafna Stati Membri u aggravaw il-kundizzjonijiet soċjali, filwaqt li ħeġġew lill-Istati Membri jirreaġixxu b’mod adegwat b’miżuri maħsuba biex jirrestawraw ekonomiji b’saħħithom u jħejju pedament sod għal impjiegi u tkabbir futuri; billi l-BEI għandu l-kapaċità, permezz ta' self miżjud u parteċipazzjoni fi proġetti ta’ investiment ekonomikament affidabbli, minħabba wkoll l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi, li jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku ta' dawk l-Istati Membri li qed jesperjenzaw problemi finanzjarji;

D.  billi l-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE jitwettqu bħala appoġġ għal proġetti ekonomikament vijabbli li jkunu f'konformità mal-politiki ta’ azzjoni esterni tal-Unjoni;

E.  billi l-BEI jissokta l-isforzi tiegħu f’ambjent ikkaratterizzat b’ġurisdizzjonijiet irregolati b’mod dgħajjef, mhux trasparenti jew mhux kooperattivi, inkluż permezz ta’ i): skrinjar tal-kapaċità tal-AML-CFT (l-anti-money laundering u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu) tal-intermedjarji użati għas-self intermedjat tiegħu, sabiex jidentifikaw kif dovut il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-BEI b’konformità mad-direttivi tal-UE dwar l-AML-CFT jew l-istandards tal-FATF (Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja), skont kif ikun applikabbli; u ii): monitoraġġ tal-iżborżament tal-BEI permezz ta’ tali ġurisdizzjonijiet;

F.  billi ġie introdott sett ġdid ta’ regoli għas-sorveljanza u d-dixxiplina ekonomika, fiskali u baġitarja fl-UE, u speċjalment fiż-żona tal-euro, sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità tad-dejn pubbliku;

G.  billi dan is-sett ta’ regoli jeħtieġ li jkun appoġġat urġentement b’miżuri mfassla biex jagħtu spinta lill-ekonomija, l-industrija, it-tkabbir, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi, li jirrikjedu l-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-UE u tal-kapaċità ta’ self u l-kompetenza tal-BEI;

H.  billi hemm ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tiegħu, sabiex iżomm l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali madwar id-dinja b’kundizzjonijiet ta’ finanzjament attraenti li jistgħu jiġu ttrasferiti lill-promoturi tal-proġett finali; billi jeħtieġ ukoll li l-investimenti tiegħu ikunu konformi mal-politiki tal-UE, b’attenzjoni partikolari fir-rigward tat-tkabbir u l-impjiegi;

I.  billi s-self tal-BEI niżel minn EUR 72 biljun fl-2010 għal EUR 61 biljun fl-2011 minħabba li ż-żieda kbira pprovduta fl-2009 u fl-2010 b’reazzjoni għall-ewwel mewġa tal-kriżi rriżultat fl-eżawriment tal-bażi kapitali tiegħu;

1.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvernaturi tal-BEI rigward iż-żieda kapitali ta’ EUR 10 biljun għall-Bank, li għandha tippermettilu jżid is-self b’massimu ta’ EUR 60 biljun matul il-perjodu 2013-2015, u jkollu effett ta’ lieva ta’ madwar EUR 180 biljun ta’ investimenti totali; jinnota, madankollu, li dawn l-investimenti, anki jekk permezz tal-effett ta’ lieva bħal hawn fuq, jammontaw annwalment għal 0,5 % tal-PGD tal-UE; jemmen, għalhekk, li żieda ulterjuri f'dan il-kapital tkun ta' benefiċċju kbir għall-Unjoni fil-kuntest tal-bżonn tagħha ta’ tkabbir ekonomiku;

2.  Jistieden lill-BEI jagħmel valutazzjoni tal-effettività u s-sostenibilità tal-miżuri tal-kriżi tal-2009 u l-2010, li s-sejbiet tagħha għandhom iservu ta’ bażi għad-deċiżjonijiet futuri dwar il-prijoritajiet għal pjanijiet ta' investiment għal żieda kapitali;

3.  Jirrakkomanda li l-kapaċità ta’ self ġdida tkun allinjata mal-prijoritajiet tal-UE għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi u li tkun iffokata b’mod partikolari fuq erba’ oqsma (l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Aċċess tal-SMEs għall-Finanzi; l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Innovazzjoni u l-Ħiliet; l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi; u l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Infrastruttura Strateġika), filwaqt li tkopri lill-Istati Membri kollha iżda tkun iffokata fuq ir-reġjuni inqas żviluppati filwaqt li jinżamm portafoll ta’ investiment diversifikat;

4.  Iħeġġeġ l-użu ta' rimborżi ta' kapital ta’ riskju u strumenti finanzjarji għal investimenti ġodda f'konformità mal-mandat ta' self tal-BEI;

5.  Ifakkar li l-kooperazzjoni organizzata bejn entitajiet tal-UE (il-Kummissjoni u l-BEI), li ġġib flimkien istituzzjonijiet oħra, x’aktarx tkun iktar effiċjenti minn kompetizzjoni fl-istess livell;

6.  Jitlob orjentazzjoni strateġika tar-riżorsi tal-BEI lejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru fi ħdan il-qafas tal-mandat tiegħu;

7.  Jenfasizza l-bżonn li jsir użu akbar mill-inizjattivi konġunti eżistenti tal-Kummissjoni u tal-Grupp FEI/BEI bħal JEREMIE li jiffinanzjaw intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) flimkien mal-Fondi Strutturali (kif ukoll ELENA jew EPEC), sabiex jiġu offruti servizzi ta’ konsulenza teknika u finanzjarja, kif ukoll strumenti bħalma huma PROGRESS u JASMINE għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ mikrofinanzjament, speċjalment f'dawk ir-reġjuni tal-UE fejn dawk qiegħda għaddejjin minn diffikultà estrema biex isibu xogħol; b’mod parallel, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel riżorsi baġitarji adegwati disponibbli għall-BEI/FEI għal dan l-iskop, sabiex jiżdied l-għadd ta’ proġetti ffinanzjati b’dawn il-programmi,

8.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li l-BEI jikkonforma b'mod volontarju mar-rekwiżiti kapitali attwali ta' Basel II, u jissuġġerixxi li jissodisfa l-obbligi futuri ta' Basel III filwaqt li jżomm f’moħħu n-natura speċifika tal-attivitajiet tiegħu;

9.  Jemmen li l-BEI, bħala bank li għandu bżonn iżomm il-klassifikazzjoni tiegħu ta’ “AAA”, m’għandux ikun espost għal interventi finanzjarji li normalment jaqgħu fis-sezzjoni ta’ investiment ta’ baġit pubbliku, ħaġa li hija nieqsa fil-baġit tal-UE;

10.  Ifakkar fl-insistenza tiegħu, li ġiet imtennija matul diversi snin, dwar in-neċessità ta’ superviżjoni bankarja prudenzjali tal-BEI;

11.  Jipproponi li din is-superviżjoni bankarja prudenzjali għandha tkun:

   (i) eżerċitata mill-BĊE abbażi tal-Artikolu 127(6) TFUE; jew
   (ii) eżerċitata fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja futura prevista fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2012(3); jew
   (iii) fin-nuqqas ta’ dan, u abbażi ta’ approċċ volontarju mill-BEI, imwettaq mill-Awtorità Bankarja Ewropea, bil-parteċipazzjoni ta’ wieħed jew diversi superviżuri nazzjonali jew mingħajrha, jew inkella minn awditur indipendenti;
  

jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda azzjoni f’dan ir-rigward, minkejja t-talbiet tal-Parlament, li jmorru lura għall-2007;

12.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi assigurazzjoni lill-Parlament li l-attivitajiet tal-BEI jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra;

13.  Itenni l-proposta tiegħu li l-Unjoni Ewropea ssir membru tal-BEI;

14.  Jikkunsidra li, matul il-perjodu attwali u sakemm ir-rati tal-interessi għan-negozji jkunu jvarjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-azzjonijiet tal-BEI huma ta' importanza dejjem ikbar fil-qafas tal-isforzi tal-UE biex tindirizza din il-problema;

15.  Jikkunsidra li, sabiex jiġu żviluppati strumenti finanzjarji konġunti tal-BEI/UE, għandu jitwaqqaf qafas xieraq f’waqtu għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-BEI u sabiex tiżdied ir-responsabilità demokratika permezz tal-involviment tal-Parlament u l-Kunsill; dan il-qafas għandu jippermetti li l-BEI jkompli jivvaluta l-proġetti skont il-mertu tagħhom stess, sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli u fit-tul tar-riżorsi kapitali tal-BEI, u għandu jindirizza l-ħtieġa li jiġu evitati piżijiet amministrattivi eċċessivi għall-entitajiet ta’ ġestjoni, l-intermedjarji finanzjarji u l-benefiċjarji finali;

16.  Jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-BEI/UE għandha tkun ibbażata fuq kriterji u objettivi ta’ politika ex ante, flimkien ma' sistema trasparenti u effiċjenti ta' rappurtar ex post li żżomm l-indipendenza tal-BEI fir-rigward tal-għażla tal-proġetti u d-diliġenza dovuta;

17.  Jilqa’ l-inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti UE 2020, u jitlob titjib iktar rapidu tal-fażi pilota u valutazzjoni fil-pront tal-kisbiet tagħha, bl-għan li tibda t-tieni fażi tal-bonds li jiffinanzjaw il-proġetti; jemmen li din l-inizjattiva għandha tikkontribwixxi għal żvilupp ibbilanċjat tal-industriji u l-infrastrutturi fl-Istat Membri kollha u m'għandhiex tispiċċa tkabbar id-differenzi bejn is-swieq tal-PPP u s-swieq tal-Iffinanzjar tal-Proġetti tal-UE aktar avvanzati u dawk anqas avvanzati;

18.  Jemmen li l-BEI għandu jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ trasparenza fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi mhux membri tal-UE fejn jopera, b’mod partikolari billi jiġbor informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari fir-rigward tal-aċċessibilità tal-SMEs għas-self u r-rabtiet tagħhom mal-ekonomija lokali, u filwaqt li jippubblika informazzjoni dwar l-ammonti aggregati żborżati, l-għadd u l-ismijiet tar-riċevituri tal-fondi kkonċernati, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll ir-reġjuni u s-setturi li lilhom ġew allokati; jistieden, barra minn hekk, lill-BEI jaġixxi skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat UE, li, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Diċembru 2011 fis-sentenza ATAA tagħha, jirrikjedi li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari tal-Karta tan-NU;

19.  Iħeġġeġ lill-BEI biex ikompli bl-isforzi tiegħu sabiex jiġi evitat li jsir rikors għal ċentri finanzjarji offshore jew ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fi ħdan l-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu; f’dan il-kuntest, jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kriterji li għandhom jintużaw biex jiġu identifikati pajjiżi terzi li ma jissodisfawx l-istandards ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali; jemmen li l-Kummissjoni għandha tidħol f’dibattitu mal-BEI sabiex jiġi żgurat li dawn il-kriterji jiġu applikati kif dovut fl-għażla tal-proġetti, il-benefiċjarji u l-intermedjarji; jistieden lill-BEI, wara każ riċenti fis-settur tal-minjieri, jindika liema proċeduri u standards jistgħu jiġu adottati fi kwalunkwe każ futur ta’ dan it-tip;

20.  Ifakkar li n-nuqqas ta’ finanzjament huwa biss wieħed mill-ostakli potenzjali għall-investiment, u li ta’ sikwit kapaċità amministrattiva u ta’ ġestjoni tal-proġetti dgħajfa tista’ twassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-investimenti; iħeġġeġ lill-BEI, għalhekk, biex jespandi iktar il-provvediment tiegħu ta’ konsulenza teknika u finanzjarja, iħeġġeġ lis-sħab bankarji u lil intermedjarji finanzjarji oħra jiżviluppaw servizzi ta’ konsulenza teknika u finanjarja huma stess u jikkunsidra li joħroġ b'sett ta' linji gwida bbażati fuq l-aħjar prattika;

21.  Ifakkar li n-nuqqas ta' finanzjament, speċjalment għall-SMEs, huwa l-problema ewlenija f'ħafna Stati Membri; jitlob it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-BEI biex jappoġġaw il-finanzjament tal-SMEs, l-intraprenditorjat u l-esportazzjonijiet, peress li huma kruċjali għall-irkupru ekonomiku; jikkunsidra li kwalunkwe miżura mfassla biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' finanzjament għall-SMEs għandha tinkludi t-tliet karatteristiċi ewlenin li ġejjin: i) kapillarità tan-netwerk suffiċjenti; ii) massimizzazzjoni tat-trasferiment tal-ispejjeż ta' finanzjament preferenzjali tal-BEI għall-SMEs, iii) allinjament mal-bżonnijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-objettivi ta’ politika tal-UE;

22.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jiżviluppa strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, sabiex tiġi ottimizzata l-kapaċità ta’ riskju tal-UE u l-kapaċità ta’ self tal-BEI;

23.  Jikkunsidra li l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi nazzjonali għandhom il-kapaċità li jiżguraw it-trasferiment tal-ispejjeż ta' finanzjament preferenzjali tal-BEI lill-SMEs; jissuġġerixx, għalhekk, li l-BEI għandu jkompli jimplimenta strumenti finanzjarji għall-SMEs permezz tal-istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali meta dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ self tiegħu; jilqa’ l-attivitajiet tal-Klabb tal-Investituri fit-Tul immirati biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali ewlenin;

24.  Iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-BEI jiżviluppaw “tieqa” ta’ self tal-BEI għall-SMEs, għas-servizz ta’ tali sħab, sabiex is-self tal-BEI għall-SMEs jiġi estiż għal tali intermedjarji iżgħar (u SMEs iżgħar), li attwalment mhumiex moqdija sew speċjalment minħabba l-profil ta’ kreditu limitat tagħhom;

25.  Bl-għan li jinżammu l-livelli attwali ta’ assistenza soċjali waqt li l-Istati Membri qed jirristrutturaw il-finanzjament pubbliku, iħeġġeġ lill-grupp tal-BEI u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw is-settur tal-ekonomija soċjali u lill-intraprendituri żgħażagħ permezz ta’ inizjattivi differenti bħal pereżempju skemi ta’ garanzija u self imfassla apposta: jilqa’, b’mod partikolari, it-tnedija tal-pjattaforma ta’ investiment innovattiv li tipprovdi aċċess għal finanzjament lill-intrapriżi soċjali li huma attivi fl-indirizzar tal-kwistjonijiet soċjali attwali permezz tal-mudell ta’ negozju tagħhom, u jħeġġeġ lill-BEI jaħdem fil-qrib mal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tas-settur fil-qafas tal-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali;

26.  Jistieden lill-BEI jappoġġa, inter alia, lil dawk l-Istati Membri li ġew affettwati l-aktar mill-kriżi, billi jiffinanzja attivitajiet vijabbli mfassla biex jippromwovu l-impjiegi u jagħtu spinta lill-ekonomija fit-triq tat-tkabbir; ifakkar li l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-Fondi Strutturali fl-Istati Membri f'diffikultà hija neċessarja sabiex jiġu implimentati investimenti pubbliċi u privati affidabbli u produttivi, u proġetti infrastrutturali;

27.  Jilqa’ l-qafas ta’ self strutturali għall-programmi tal-BEI, li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kofinanzjament mill-baġits nazzjonali fil-kuntest tal-Fondi Strutturali tal-UE; iħeġġeġ lill-Bank iwessa’ dan l-appoġġ sabiex jiġġenera l-investimenti meħtieġa f’dawk l-Istati Membri affettwati serjament mill-kriżi ekonomika; jinnota, madankollu, li din il-miżura għandha tibqa’ separata mill-programmi tal-Fondi Strutturali u għandha titneħħa gradwalment ma’ tmiem il-kriżi;

28.  Jilqa’ r-rwol tal-BEI biex jgħin fit-tfassil ta’ faċilità finanzjarja ddedikata għas-settur kulturali, edukattiv u kreattiv, u jikkunsidra li għandu jkompli jiżviluppa inizjattivi li jappoġġaw azzjonijiet kulturali u edukattivi;

29.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli, fil-kuntest ta’ riżorsi pubbliċi skarsi, l-appoġġ finanzjarju tiegħu għas-settur tas-saħħa, u jassisti, b’mod partikolari, il-bini, is-sostituzzjoni u l-immodernizzar tal-infrastrutturi tal-isptarijiet;

30.  Jappoġġa l-isforzi tal-BEI favur l-investiment ulterjuri fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskju u mill-perspettiva tal-programm Orizzont 2020, b’attenzjoni partikolari fuq il-ħruġ fis-suq ta’ teknoloġiji ġodda, filwaqt li jitqiesu wkoll it-teknoloġiji ekoloġiċi; jistieden lill-BEI jsegwi azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tad-differenza fir-riċerka u l-innovazzjoni fost l-ekonomiji tal-UE, peress li din tfixkel il-funzjonament xieraq u fit-tul tas-suq uniku;

31.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli bl-isforzi tiegħu, flimkien mal-Kummissjoni, favur l-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, bl-għan li jkun hemm effett ta’ ingranaġġ fuq ir-riżorsi baġitarji limitati tal-UE bl-aktar mod effiċjenti, jiġu mmobilizzati sorsi ta’ finanzjament privat u jiġu promossi strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju għall-finanzjament ta’ investimenti ewlenin għall-UE, filwaqt li jitqiesu, inter alia, oqsma bħall-agrikoltura, l-azzjoni klimatika, l-effiċjenza tal-enerġija u r-riżorsi, l-enerġija rinnovabbli, il-mezzi tat-trasport sostenibbli, l-innovazzjoni, in-netwerks trans-Ewropej, l-edukazzjoni u r-riċerka, u b’hekk tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal tkabbir immexxi mill-għarfien u l-iżvilupp sostenibbli għal Unjoni msejsa fuq kompetittività sostenibbli;

32.  B'attenzjoni speċifika fuq l-effiċjenza fl-enerġija, jilqa' l-attività ikbar tal-BEI fis-settur matul l-aħħar ftit snin, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI jaħdmu flimkien fl-isfruttament tas-sinerġiji u t-tnedija ta' inizjattivi konġunti ġodda, b'mod partikolari fid-dawl tal-opportunitajiet u l-bżonnijiet ta’ investiment maħluqa mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika adottata reċentament; jistieden lill-BEI jikkunsidra, fost l-oħrajn, ir-rwol speċifiku tal-ESCOs fid-definizzjoni tal-inizjattiva konġunta l-ġdida dwar l-effiċjenza enerġetika;

33.  Jilqa’ r-rieżami tal-mandat tal-BEI għall-operazzjonijiet barra mill-Unjoni; jappoġġa l-attenzjoni partikolari tal-BEI rigward l-investiment fil-prosperità u l-istabilità fit-tul tal-viċinat tal-UE, b’mod partikolari ż-żona tal-Mediterran u fil-pajjiżi li qed iħejju ruħhom għas-sħubija mal-UE, permezz ta’ finanzjament ta’ appoġġ fl-oqsma ta’ interkonnessjoni, tkabbir, tibdil fil-klima, IDB Ewropew u SMEs;

34.  Jirrakkomanda azzjoni biex jiġi żgurat aċċess aħjar tal-Bank tal-UE għall-għotjiet tal-Unjoni u biex jiżdiedu s-sinerġiji mal-istrumenti tal-UE fil-qafas tal-mandat il-ġdid, u jħeġġeġ il-promozzjoni ta’ użu akbar tal-għodod finanzjarji innovattivi barra mill-UE, inklużi l-istrumenti ta’ kondiviżjoni tar-riskju u ekwità għall-SMEs, u l-forniment ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament tal-mikrokreditu;

35.  Jilqa l-inizjattivi reġjonali tal-Bank, speċjalment fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju, immirati biex itejbu s-sostenibilità u l-kompetitività ġenerali tar-reġjuni kkonċernati; jikkunsidra dawn l-inizjattivi bħala l-aqwa prattika fir-rigward tal-possibilità li jiġi estiż l-appoġġ għal reġjuni oħra tal-UE;

36.  Jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Bank fl-Inizjattiva “Vjenna” tal-Koordinazzjoni tal-Banek Ewropej (EBCI), immirata biex tipprevjeni l-irtirar fuq skala kbira u mhux ikkoordinat tal-gruppi bankarji transkonfinali mir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u tal-Baltiku, kif ukoll fil- Pjan ta’ Azzjoni Konġunt li jmiss tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali għall-Irkupru u t-Tkabbir għall-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati tal-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk;

37.  Iħeġġeġ lill-BEI biex ikompli jtejjeb l-isforzi tiegħu biex iwettaq operazzjonijiet ta’ self barra mill-UE u biex iżid il-kooperazzjoni tiegħu ma’ banek oħra ta’ żvilupp globali u reġjonali, kif ukoll ma’ aġenziji ta’ finanzjament għall-iżvilupp tal-Istati Membri, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u jinkiseb użu aktar effiċjenti tar-riżorsi;

38.  Jikkunsidra, fil-qafas tal-Pjattaforma futura tal-UE għall-Kooperazzjoni Esterna u l-Iżvilupp li mistennija tiġi proposta mill-Kummissjoni, li l-BEI għandu jkollu rwol speċjali bħala l-“Bank tal-UE” u sieħeb naturali tal-KE/SEAE, fl-appoġġ tal-objettivi ta’ politika esterna tal-UE fil-kuntest tal-Pjattaforma u fil-provvediment tal-kompetenza teknika u finanzjarja tiegħu;

39.  Ifakkar li huwa importanti fil-kuntest tal-faċilitajiet ta' taħlit li jiġi mmassimizzat l-ippuljar tar-riżorsi baġitarji skarsi, mhux biss mill-baġit tal-UE imma wkoll minn sorsi oħrajn, u li tiġi żgurata l-konformità mal-politiki u l-istandards tal-UE;

40.  Iħeġġeġ lill-BEI biex, fejn ikun possibbli, jagħmel użu sħiħ mis-sinerġiji potenzjali permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-BERŻ;

41.  Jilqa’, filwaqt li jqis il-l-kriżi tal-kapital attwali fir-rigward tal-ekonomija ekoloġika, l-attivitajiet tal-BEI maħsuba biex jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-Ewropa għal ekonomija iktar intelliġenti, iktar ekoloġika u iktar sostenibbli;

42.  Jistieden lill-BEI jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus u r-Regolamenti (KE) Nru 1367/2006 u (KE) Nru 1049/2001 billi jwaqqaf reġistru pubbliku ta' dokumenti, peress li dan huwa neċessarju biex jiġi garantit id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, inkluż fir-rigward tal-benefiċjarji finali tas-self globali tal-BEI;

43.  Ifakkar li hija r-responsabilità tal-BEI li jissalvagwardja, inter alia, l-acquis Ewropew li jikkonċerna d-drittijiet ambjentali, tax-xogħol u soċjali, it-trasparenza, l-akkwist pubbliku u d-drittijiet tal-bniedem;

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0119.
(2) ĠU L 280, 27.10.2011, p.1.
(3) COM(2012)0510.


Il-Laos: il-każ ta' Sombath Somphone
PDF 209kWORD 21k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-Laos: il-każ ta’ Sombath Somphone (2013/2535(RSP))
P7_TA(2013)0058RC-B7-0054/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Laos,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2012 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Laos,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2012 mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-għajbien ta’ Sombath Somphone fil-Laos,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Jannar 2013 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Hillary Clinton, dwar l-għajbien tal-mexxej tas-soċjetà ċivili tal-Laos Sombath Somphone,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Laos u dik tal-4 ta’ Jannar 2013 mill-Ambaxxatur tal-Laos għan-NU,

–  wara li kkunsidra l-ittri mingħand bosta Membri tal-Parlament Ewropew u minn membri parlamentari nazzjonali u l-Ittra Miftuħa Konġunta tas-17 ta' Jannar 2013 minn 65 NGO lill-Prim Ministru tal-Laos, dwar l-għajbien ta' Sombath Somphone,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta’ Jannar 2013 mill-Forum Asjatiku għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp lill-President tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għajbien Sfurzat (ICCPED), li l-Laos huwa firmatarju tagħha, u d-Dikjarazzjoni tan-NU tat-18 ta’ Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, irratifikat mil-Laos fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tal-UNHRC li jikkonċerna l-Laos fil-21 ta’ Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos tal-1 ta’ Diċembru 1997,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Sombath Somphone, figura prominenti fl-iżvilupp soċjali u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, għeb fil-15 ta’ Diċembru 2012 fil-kapitali ta’ Laos, Vientiane; billi l-filmat fuq is-CCTV miksub mill-familja tiegħu juri li Sombath Somphone deher għall-aħħar darba mal-pulizija lokali fl-għassa tal-pulizija ta’ Thadeau għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, fid-data tal-għajbien tiegħu, u ttieħed band’ oħra b’karozza minn irġiel lebsin ħwejjeġ pajżana;

B.  billi f’dikjarazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, il-Gvern tal-Laos ikkonferma l-inċident kif irreġistrat bil-kamera tas-sigurtà; billi l-awtoritajiet jisħqu li huwa kien vittma ta’ ħtif motivat minn kunflitti personali jew kummerċjali;

C.  billi n-NU u 65 organizzazzjoni internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem esprimew il-biżgħat tagħhom li Sombath Somphone seta’ kien soġġett għal għajbien sfurzat, possibbilment relatat ma’ xogħlu, kif ukoll it-tħassib serju tagħhom dwar is-sikurezza tiegħu u n-nuqqas ta’ progress u informazzjoni fl-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-Laos dwar il-fatti tal-għajbien tiegħu;

D.  billi l-familja ta’ Sombath Somphone ma kinitx kapaċi ssib fejn jinsab minn dakinhar, minkejja l-appelli ripetuti lill-awtoritajiet lokali u tiftix fiż-żona tal-madwar;

E.  billi Sombath Somphone huwa apprezzat b'mod wiesa' u huwa magħruf sewwa minħabba x-xogħol estensiv li wettaq fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u ġust, speċjalment permezz tat-twaqqif tal-PADETC, iċ-Ċentru ta' Taħriġ għall-Iżvilupp Parteċipattiv, fl-1996; billi fl-2005 ngħata l-Premju Ramon Magsaysay għat-Tmexxija tal-Komunità;

F.  billi f’Ottubru tal-2012 Sombath Somphone, bħala membru tal-Kumitat Nazzjonali Organizzattiv tal-Laos, kien wieħed minn dawk li organizzaw id-9 Forum tal-Popli Asja-Ewropa li sar fi Vientiane qabel l-ASEM 9, u kien ukoll wieħed mill-kelliema ewlenin;

G.  billi grupp ta’ parlamentari tal-ASEAN għamlu żjara fil-Laos fil-ġimgħa tal-14 sat-18 ta’ Jannar 2013 biex jinvestigaw dwar Sombath Somphone;

H.  billi jeżisti ksur ta’ libertajiet fundamentali, partikolarment tal-libertà tal-istampa u l-midja, il-libertà tar-reliġjon, il-libertà ta’ għaqda, il-libertà akkademika u d-drittijiet tal-minoranzi, li qed iseħħ fil-Laos;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għajbien, is-sikurezza u l-benessri ta’ Sombath Somphone;

2.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien u n-nuqqas ta’ trasparenza tal-investigazzjonijiet dwar l-għajbien ta’ Sombath Somphone; jistieden lill-awtoritajiet tal-Laos biex iwettqu investigazzjonijiet fil-pront, trasparenti u bir-reqqa, skont l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw ir-ritorn immedjat u sigur ta' Sombath Somphone għand il-familja tiegħu;

3.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tissorvelja mill-qrib l-investigazzjonijiet tal-Gvern tal-Laos dwar l-għajbien ta’ Sombath Somphone;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Laos biex jerġgħu jaffermaw pubblikament il-legalità u l-leġittimità tax-xogħol li qed isir favur l-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja soċjali, sabiex tiġi miġġielda l-intimidazzjoni provokata mill-għajbien, bħal dak ta' Sombath Somphone;

5.  Jilqa’ ż-żjara tal-grupp ta’ parlamentari tal-ASEAN ġewwa l-Laos f’Jannar tal-2013 biex jiġbor informazzjoni dwar Sombath Somphone, u jistieden lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN twaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga l-ġrajjiet relatati mal-għajbien sfurzat ta' Sombath Somphone;

6.  Jistieden lill-UE tinkludi lil-Laos fil-prijoritajiet għat-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

7.  Jisħaq li l-awtoritajiet tal-Laos għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex itemmu l-prattika ta’ arresti arbitrarji u tad-detenzjoni sigrieta; jistedinhom jagħmlu l-għajbien sfurzat reat kriminali u jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat; jisħaq li l-għajbien sfurzat huwa ksur ċar tad-drittijiet bażiċi u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Laos jirrispetta d-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni u ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi, u biex iħares id-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, filwaqt li jtemm ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif rakkomandat fl-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-21 ta' Settembru 2010;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat tal-ASEAN, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Laos.


Id-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe
PDF 224kWORD 27k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar id-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe (2013/2536(RSP))
P7_TA(2013)0059RC-B7-0057/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe u dik l-aktar reċenti tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Lulju 2012 dwar iż-Żimbabwe u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar iż-Żimbabwe mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, fil-15 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika taż-Żimbabwe tas-17 ta' Awwissu 2012 u tat-12 ta' Novembru 2012 dwar inċidenti reċenti ta' fastidju fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (HCHR) tal-24 ta' Mejju 2012 u tad-29 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tat-18 ta' Jannar 2013 dwar l-attakki reċenti fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qabel l-elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifika,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza ta' Jannar 2007, li ż-Żimbabwe rratifika,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kien hemm żieda sinifikanti fl-intimidazzjoni, l-arresti arbitrarji, il-fastidju ġudizzjarju u l-għajben ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' avversarji politiċi tal-partit Zanu-PF ta' Robert Mugabe f'perjodu li issa jitqies bħala dak ta' qabel l-elezzjonijiet, b'ħafna membri tal-MDC, diversi deputati tal-MDC, u membri ewlenin tat-tmexxija tal-MDC, bħall-Ministru tal-Enerġija Elton Mangoma, il-Koministru tal-Intern Theresa Makone u l-iSpeaker imkeċċi tal-Parlament taż-Żimbabwe Lovemore Moyo, ikunu fil-mira;

B.  billi Okay Machisa, Direttur Eżekuttiv Nazzjonali tal-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe (ZimRights) u President tal-Koalizzjoni “Kriżi fiż-Żimbabwe”, ġie arrestat fl-14 ta' Jannar 2013;

C.  billi Okay Machisa ġie akkużat b'“pubblikazzjoni ta' informazzjoni falza”, “falsifikazzjoni” u “frodi”, u għalhekk ikkontraviena t-Taqsimiet 31, 136 u 137 tal-Att dwar id-Dritt Kriminali (Kodifikazzjoni u Riforma) u allegatament ipprova jiffroda l-Uffiċċju tar-Reġistratur Ġenerali billi ffalsifika u mmanifattura kopji foloz ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-votanti;

D.  billi Okay Machisa baqa' detenut fl-għases tal-pulizija f'Ħarare u f'Rhodesville; billi ngħata l-ħelsien taħt garanzija mill-Qorti Suprema soġġetta għal kundizzjonijiet eċċessivi;

E.  billi membri oħra ta' ZimRights – Leo Chamahwinya, l-Uffiċjal għall-Programmi Edukattivi, u Dorcas Shereni, il-President tat-taqsima lokali ta' Highfield – qed jaffaċċjaw ukoll detenzjoni arbitrarja u fastidju ġudizzjarju u qed jiġu detenuti sal-4 ta'Frar 2013 skont deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Maġistrati fil-21 ta' Jannar 2013;

F.  billi l-arrest u d-detenzjoni ta' Machisa, Chamahwinya u Shereni seħħew wara rejd tal-pulizija fuq l-uffiċċji ta' ZimRights fit-13 ta' Diċembru 2012;

G.  billi dawn l-arresti seħħew biss ftit ġimgħat wara li ZimRights iddenunzjat it-tendenza ta' żieda fil-brutalità min-naħa tal-pulizija fiż-Żimbabwe kollu u talbet li tittieħed azzjoni b'urġenza mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġi indirizzat dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi r-rejd tal-5 ta' Novembru 2012 mill-pulizija fl-uffiċċju tal-Unità għas-Servizzi ta' Counselling (CSU) taż-Żimbabwe, klinika medika reġistrata li tipprovdi servizzi mediċi u ta' counselling lil vittmi tal-vjolenza organizzata u tat-tortura, u d-detenzjoni ta' tliet membri tal-persunal mingħajr akkużi formali, huma allarmanti;

I.  billi l-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni huma komponenti essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, partikolarment fil-kuntest tal-konklużjoni tal-proċess ta' tfassil tal-kostituzzjoni u tat-tħejjija għal elezzjonijiet demokratiċi;

J.  billi l-NGOs taż-Żimbabwe li ġew irrejdjati mill-pulizija fl-2012 jinkludu l-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe (ZimRights), l-Unità għas-Servizzi ta' Counselling (CSU) ,il-Forum tal-NGOs taż-Żimbabwe għad-Drittijiet tal-Bniedem, iċ-Ċentru ta' Riżorsi Elettorali (ERC), u l-Assoċjazzjoni ta' Gays u Leżbjani taż-Żimbabwe (GALZ);

K.  billi fl-2009 kien iffurmat gvern ta' koalizzjoni wara ftehim ta' qsim tal-poteri li ntlaħaq f'Settembru bejn il-partiti ZANU-PF u MDC biex jintemmu l-impass politiku u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali fl-2008;

L.  billi l-Gvern ta' Unità Nazzjonali (GNU) impenja ruħu, fil-Ftehim Politiku Globali tiegħu (GPA), li joħloq kostituzzjoni ġdida, jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-attività politika u li jagħti spinta lill-ekonomija; billi minkejja li talab li jitneħħew il-miżuri restrittivi tal-UE, naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-GPA, tħabat biex iġib l-istabbiltà fil-pajjiż u naqas milli jwitti t-triq għal tranżizzjoni demokratika permezz ta' elezzjonijiet kredibbli, minħabba ostakli deliberati mill-partit Zanu-PF;

M.  billi Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem effikaċi tkun pass importanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali u tal-pjan direzzjonali miftiehem għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli;

N.  billi d-dispożizzjonijiet rigward il-governanza tajba, it-trasparenza fil-karigi politiċi u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati skont l-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou;

O.  billi l-irkupru ekonomiku tal-pajjiż għadu fraġli u ċerti politiki tal-Istat huma theddida għal relazzjonijiet ekonomiċi futuri bejn l-Unjoni u ż-Żimbabwe;

1.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-intimidazzjoni politika, il-fastidju u l-arrest arbitrarju ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jeħilsu lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li ġew detenuti talli eżerċitaw attivitajiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqfu l-fastidju ġudizzjarju u jinvestigaw bis-sħiħ l-abbużi li jaffaċċjaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jeħilsu lis-Sa Dorcas Shereni u lis-Sur Leo Chamahwinya minnufih u bla kundizzjonijiet;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jiggarantixxu f'kull ċirkustanza l-integrità fiżika u psikoloġika tas-Sinjuri Okay Machisa u Leo Chamahwinya, tas-Sa Dorcas Shereni u tas-Sa Faith Mamutse;

5.  Jistieden liż-Żimbabwe jirrispetta d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha, li jiddikjara li “kulħadd għandu d-dritt, individwalment u b'assoċjazzjoni ma' oħrajn, li jippromwovi u jiġġieled għall-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali”;

6.  Ifakkar li skont il-Ftehim Politiku Globali (GPA) iż-Żimbabwe impenja ruħu li jiżgura li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-proċeduri u l-prassi tiegħu jkunu konformi mal-prinċipji u l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jistieden lill-GNU jdaħħal bidliet fil-liġijiet ripressivi bħalma huma l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza, l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà Pubblika, u l-Att dwar id-Dritt Kriminali (Kodifikazzjoni u Riforma) qabel ma jsejjaħ l-elezzjoni ġenerali, peress li dawn il-liġijiet intużaw biex jillimitaw severament id-drittijiet fundamentali;

8.  Huwa preokkupat dwar il-fatt li sal-lum ma saret ebda bidla fis-sistema tal-ġustizzja taż-Żimbabwe li hija kkunsidrata b'mod ġenerali bħala waħda estremament favorevoli għal Zanu-PF;

9.  Jappoġġa, kif mitlub fl-Emenda tal-Att Elettorali reċentement ippubblikata fil-gazzetta uffiċjali u f'dan il-kuntest elettorali, il-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha tittratta b'mod indipendenti u trasparenti l-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u hija mistennija tinvestiga lmenti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, tagħti pariri dwar leġiżlazzjoni favur id-drittijiet tal-bniedem, u tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem inġenerali;

10.  Jirrikonoxxi l-istabbiliment tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe, iżda huwa preokkupat li ma ngħatat ebda kapaċità sinifikanti li biha taġixxi b'mod indipendenti u tilħaq l-objettivi tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-pajjiż qed jaffaċċja;

11.  Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe jieħu l-passi meħtieġa, inklużi r-restituzzjoni tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari, jorganizza referendum kostituzzjonali paċifiku u kredibbli u tħejjijiet elettorali li jissodisfaw l-istandards internazzjonali rikonoxxuti, ħalli l-miżuri mmirati jkunu jistgħu jiġu sospiżi;

12.  Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, parteċipazzjoni aktar attiva mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC); iqis li din l-organizzazzjoni reġjonali għandha rwol importanti bħala garanti tal-GPA, u jinsisti, inter alia, fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim u b'mod partikolari tal-Artikolu 13 tiegħu biex tkun żgurata azzjoni mhux partiġana mill-pulizija u minn forzi oħra tas-sigurtà;

13.  Jistieden lis-SADC tivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-Prinċipji u l-Linji gwida tas-SADC li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi qabel l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet li jmiss fiż-Żimbabwe;

14.  Iħeġġeġ il-fatt li jintbagħtu osservaturi internazzjonali, b'mod partikolari mis-SADC u l-Parlament Pan-Afrikan, fi stadju bikri u f'ammont suffiċjenti, u li jibqgħu fil-post qabel u wara l-elezzjonijiet biex jevitaw il-vjolenza u l-intimidazzjoni u, f'dan il-kuntest, biex jikkooperaw mal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem;

15.  Jappoġġa l-miżuri mmirati tal-UE li attwalment qegħdin fis-seħħ, li huma reazzjoni għas-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe, b'deċiżjonijiet annwali li jippermettu lill-UE żżomm lil uffiċjali għoljin fil-Gvern taż-Żimbabwe taħt sorveljanza kostanti; iħeġġeġ lill-GNU jieħu l-passi meħtieġa li jippermettu li dawk il-miżuri jiġu sospiżi fi żmien debitu;

16.  Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE f'Ħarare tibqa' toffri l-għajnuna tagħha lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali taż-Żimbabwe sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bl-għan li jsiru elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli skont l-istandards li l-UE tistenna minn kwalunkwe wieħed mis-sħab kummerċjali tagħha;

17.  Jiddeplora n-nuqqas ta' klawżola b'saħħitha dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim interim ta' Sħubija Ekonomika konkluż ma' erba' Stati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika (ESA), inkluż iż-Żimbabwe; itenni t-talba tiegħu biex ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE ikun fihom klawżoli vinkolanti u mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lil din il-kwistjoni fin-negozjati kontinwi għal FSE sħiħ mal-Istati ESA;

18.  Jenfasizza li s-sospensjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE (skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou) għandha tinżamm, fiċ-ċirkustanzi attwali, iżda l-UE għandha żżomm l-impenn tagħha ta' appoġġ lill-popolazzjoni lokali;

19.  Jistieden lill-Bank Dinji u liż-Żimbabwe jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-qrati internazjzonali;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-SEAE, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-Gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Bank Dinji, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0024.


Attakki riċenti fuq il-ħaddiema tal-għajnuna medika fil-Pakistan
PDF 221kWORD 26k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar l-attakki riċenti fuq il-ħaddiema ta' assistenza medika fil-Pakistan (2013/2537(RSP))
P7_TA(2013)0060RC-B7-0056/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (Unicef) fit-18 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” (COM(2008)0055),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(1),

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' involviment fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan ta' Marzu 2012, li jistipula prijoritajiet bħall-governanza tajba, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-għoti tas-setgħa lin-nisa u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan tal-25 ta' Ġunju 2012, li jtennu l-aspettattivi tal-UE rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett ta' dawn id-drittijiet,

–  wara li kkunsidra l-programm nazzjonali għall-qerda tal-poljo, mibdi mill-Pakistan fl-1994,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Globali tal-WHO għall-Qerda tal-Poljo (GPEI) u l-Pjan Strateġiku l-ġdid tagħha għall-Qerda tal-Poljo u l-Aħħar Battalja Kontrih (2013-2018),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Pakistan, skont il-WHO, huwa wieħed mil-aħħar tliet pajjiżi fejn il-poljo għadu endemiku, b'198 infezzjoni fl-2011; billi, skont il-WHO, nuqqas li jitwaqqaf il-poljo jfisser riskji serji għas-saħħa għar-reġjun u lil hinn minnu, peress li l-poljo huwa marda infettiva ħafna;

B.  billi fl-1 ta' Jannar 2013 sitt ħaddiema ta' assistenza medika u tabib inqatlu b'tiri ta' arma tan-nar fi triqthom lura d-dar miċ-ċentru komunitarju fejn kienu impjegati minn organizzazzjoni mhux governattiva fir-reġjun Swabi fil-Majjistral, madwar 75 kilometru (45 mil) fil-Majjistral tal-kapitali, Islamabad;

C.  billi mis-17 sad-19 ta' Diċembru 2012, disa' ħaddiema tas-saħħa involuti fil-kampanja tal-Pakistan għall-qerda tal-poljo, sitta minnhom nisa, inqatlu b'tiri ta' arma tan-nar f'Karachi u f'Peshawar;

D.  billi fid-29 ta' Jannar 2013, pulizija li kien qed jipprovdi sigurtà għal tim ta' tilqim kontra l-poljo protett min-NU nqatel viċin ta' Swabi, u billi fil-31 ta' Jannar 2013 żewġ ħaddiema tat-tilqim kontra l-poljo nqatlu fi splużjoni ta' mina fil-Majjistral tal-Pakistan, għalkemm mhuwiex ċar jekk dan kienx attakk immirat;

E.  billi f'attakk ieħor f'Lulju 2012, tabib Ganjan tal-WHO u x-xufier tiegħu, li kienu qed jgħinu fil-ġlieda kontra l-poljo f'Karachi, indarbu;

F.  billi huwa ssuspettat li dawn l-attakki kollha kienu marbuta ma' kampanji biex it-tfal Pakistani jitlaqqmu kontra l-poljo;

G.  billi l-aħħar serje ta' qtil wasslu lill-WHO u lill-Unicef biex jissospendu l-kampanji tal-poljo fil-pajjiż; billil l-Gvern tal-Pakistan u l-provinċji ta' Sindh u Khyber ukoll issospendew temporanjament il-kampanji ta' tilqim minħabba tħassib rigward is-sikurezza tal-ħaddiema tas-saħħa;

H.  billi l-Gvern tal-Pakistan iddikjara l-poljo bħala emerġenza nazzjonali u bħalissa qiegħed iwettaq kampanja ta' tilqim kontra l-poljo fi sforz biex jeqred il-marda fit-territorju tiegħu; billi din il-kampanja hija appoġġata internazzjonalment mill-WHO, mill-Unicef u minn oħrajn u hija parti mill-Inizjattiva Globali għall-Qerda tal-Poljo; billi l-kampanja qed tiffoka fuq 33 miljun tifel u tifla għat-tilqim, b'bosta mijiet ta' eluf ta' ħaddiema tas-saħħa, ħafna minnhom nisa, iwettqu tilqim fil-pajjiż kollu;

I.  billi l-infiq fuq is-settur tas-saħħa fil-Pakistan jirċievi inqas minn 0,3  % tal-baġit annwali, kemm fil-livell federali kif ukoll fil-livelli provinċjali;

J.  billi l-parti l-kbira tal-attakki fuq il-ħaddiema tas-saħħa seħħew f'żoni tal-Majjistral viċin ta' fortizzi militanti, u huma allegatament konnessi mat-Taliban;

K.  billi attakki bħal dawn iċaħħdu lit-tfal fil-Pakistan mid-dritt tagħhom għal interventi tas-saħħa bażiċi li jsalvaw il-ħajja, u jqiegħduhom f'riskju ta' mard li jikkawża diżabbiltà tul il-ħajja kollha;

L.  billi r-raġuni għall-attakki riċenti jidher li hi l-oppożizzjoni għall-kampanji ta' tilqim fost il-gruppi estremisti Iżlamiċi, li jallegaw li t-tilqima hija maħsuba biex it-tfal Musulmani tagħmilhom sterili;

M.  billi, biex jiġġustifikaw l-atti kriminali tagħhom, it-Taliban użaw l-iskuża li fil-passat aġenziji barranin tas-servizzi sigrieti użaw timijiet lokali tat-tilqim fil-Pakistan għall-iskop li jiġbru l-informazzjoni;

N.  billi l-edukaturi u l-ħaddiema tas-saħħa qegħdin dejjem aktar ikunu fil-mira ta' gruppi Iżlamiċi militanti bħal Tehreek-e-Taliban (TTP) u Jundullah, li jopponu l-isforzi ta' kontra l-poljo fil-Pakistan, peress li jqisuhom mezz kif tiġi promossa aġenda barranija u liberali;

O.  billi l-attakki fatali jirriflettu n-nuqqas ta' sigurtà li qed jikber u li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema umanitarji fil-Pakistan; billi, skont ir-rapport tal-2012 tal-Bażi ta' Dejta tas-Sigurtà tal-Ħaddiema Umanitarji, il-Pakistan huwa fost il-ħames l-aktar pajjiżi perikolużi għall-ħaddiema umanitarji;

P.  billi l-NGOs u l-ħaddiema umanitarji għandhom rwol vitali f'ħafna żoni u provinċji tal-Pakistan, b'mod partikolari f'żoni tribali, fejn il-gvern ma kienx kapaċi jipprovdi servizzi bħal kliniki mediċi jew skejjel;

Q.  billi l-parti l-kbira tal-vittmi tal-attakki fuq il-ħaddiema mediċi kienu nisa, fatt li jikkoinċidi mal-prattiki tas-soltu tal-militanti tat-Taliban li jattakkaw il-ħaddiema u l-attivisti nisa biex jibgħatu l-messaġġ li n-nisa ma jistgħux jaħdmu barra d-dar;

1.  Jikkundanna b'mod qawwi d-diversi każijiet ta' qtil ta' ħaddiema mediċi u tal-forzi tas-sigurtà assenjati biex jipproteġuhom, kif ukoll l-attakki fuqhom, li seħħew f'xhur riċenti; jenfasizza li dawn l-attakki jċaħħdu lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli tal-Pakistan, speċjalment it-tfal, minn interventi tas-saħħa bażiċi li jsalvaw il-ħajja;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;

3.  Jilqa' l-kundanna ġenerali tal-attakki mill-Gvern tal-Pakistan u mis-soċjetà ċivili tal-pajjiż;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan iressaq lil dawk responsabbli għall-attakki fix-xhur riċenti quddiem il-ġustizzja;

5.  Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu għall-kuraġġ u d-determinazzjoni ta' dawk il-ħaddiema tas-saħħa, ħafna minnhom nisa, li minkejja li jaffaċċjaw periklu kbir, jaħdmu b'altruiżmu biex jeqirdu l-poljo u jipprovdu servizzi oħra tas-saħħa lit-tfal fil-Pakistan;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu joperaw f'ambjent sikur; għadu mħasseb serjament li l-ħaddiema umanitarji internazzjonali qegħdin dejjem aktar jiġu konnessi mill-militanti ma' aġenti tas-servizzi sigrieti u forzi militari tal-Punent;

7.  Jenfasizza li l-interruzzjoni tal-programm tat-tilqim kontra l-poljo fil-Pakistan jagħti daqqa ta' ħarta serja lill-isforzi dinjija biex tinqered il-poljo darba għal dejjem fil-futur qarib;

8.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ta' Emerġenza tal-Gvern Pakistani għall-Qerda tal-Poljo fl-2012 u jenfasizza l-importanza li jitkompla b'suċċess biex tiġi evitata żieda fl-għadd ta' infezzjonijiet; jinnota li mill-bidu tal-aħħar kampanja ta' tilqim, l-għadd ta' infezzjonijiet laħaq livelli baxxi storiċi;

9.  Jilqa' l-impenn espress mill-WHO u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex ikomplu jappoġġaw lill-Gvern tal-Pakistan u lill-poplu tal-Pakistan fl-isforzi tagħhom biex jeħilsu lill-pajjiż mill-poljo u minn mard ieħor;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkunsidraw li jaħdmu mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-appoġġ għall-Programm “Lady Health Worker”, li għandu l-għan li jżid l-aċċess għal servizzi bażiċi tas-saħħa preventiva, b'mod partikolari f'żoni rurali;

11.  Jilqa' l-isforzi li diġà saru mill-Gvern tal-Pakistan biex jiżgura s-sikurezza waqt kampanji mediċi u biex jiżviluppa strateġija ġdida biex jipproteġi l-ħaddiema umanitarji; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan, madankollu, iżid b'mod sinifikanti l-miżuri ta' sigurtà għall-organizzazzjonijiet umanitarji u għall-ħaddiema tagħhom;

12.  Jistieden lil-gvernijiet madwar id-dinja jissalvagwardjaw in-newtralità tal-ħidma umanitarja, peress li n-nuqqas li jsir dan iwassal sabiex għexieren ta' eluf ta' persuni jkunu vulnerabbli għall-mard u jipperikola dawk li jipprovdu servizzi tas-saħħa leġittimi u essenzjali;

13.  Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-Pakistan, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet li jsiru attivi fis-soċjetà u li ġew mhedda mit-Taliban u minn gruppi estremisti oħrajn;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Pakistan jimplimenta kampanja ta' informazzjoni komprensiva biex jibni aktar appoġġ u sjieda fis-soċjetà Pakistana u jsaħħaħ il-livell tal-fiduċja rigward kampanji ta' tilqim; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Gvern Pakistani jidħol fi djalogu mal-mexxejja komunitarji biex jindirizza l-kawżi li minnhom toriġina l-problema;

15.  Jemmen li kemm il-midja kif ukoll is-soċjetà ċivili fil-Pakistan, f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs involuti fl-azzjoni umanitarja, għandhom obbligu li jgħinu biex jiżdied l-għarfien tar-rwol importanti u indipendenti li għandhom il-ħaddiema ta' assistenza medika fl-għoti ta' assistenza lill-popolazzjoni;

16.  Itenni r-rieda tal-UE li tipprovdi assistenza għall-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt fil-Pakistan, li se jkunu kruċjali għall-futur demokratiku tiegħu u għall-istabbiltà fir-reġjun; jinnota li l-UE għadha ma rċevitx ittra ta' stedina formali mill-awtoritajiet Pakistani biex tagħmel dan;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lil UN Women, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Unicef, lill-WHO u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0126.

Avviż legali - Politika tal-privatezza