Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma jlaqqax Konvenzjoni għaż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (00091/2011 – C7-0386/2011 – 2011/0818(NLE))
(Kunsens)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Gvern Ċek lill-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2011 dwar l-abbozz ta' protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) għar-Repubblika Ċeka,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-President tal-Kunsill Ewropew lill-President tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011, li tikkonċerna abbozz ta' protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,
– wara li kkunsidra t-talba għal kunsens li ma titlaqqax Konvenzjoni, ippreżentata mill-Kunsill Ewropew bi qbil mal-Artikolu 48(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (C7-0386/2011),
– wara li kkunsidra Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l Karta,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009 tal-Kapijiet tal-Istati jew tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 74a u 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0282/2012),
Billi:
A. Il-Karta tfasslet minn Konvenzjoni li saret mis-17 ta' Diċembru 1999 sat-2 ta' Ottubru 2000, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Parlament, tal-Istati Membri, tal-parlamenti nazzjonali u tal-Kummissjoni; il-Karta kienet ipproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 u t-test tagħha kien addottat fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2007;
B. It-tieni Konvenzjoni saret mit-22 ta' Frar 2002 sat-18 ta' Lulju 2003 biex tabbozza t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li l-parti l-kbira tas-sustanza tiegħu ġiet inkorporata fit-Trattat ta’ Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009;
C. Dawn iż-żewġ Konvenzjonijiet tlaqqgħu biex jittrattaw suġġetti ewlenin marbuta mal-ordni kostituzzjonali tal-Unjoni, inkluża l-adozzjoni ta' test vinkolanti li jistipula d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni;
D. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, mhuwiex neċessarju li tissejjaħ Konvenzjoni sabiex teżamina l-proposta li l-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit jiġi estiż għar-Repubblika Ċeka, billi l-effett ta' dik il-proposta, jekk hemm, ikun limitat;
1. Japprova l-proposta tal-Kunsill Ewropew li ma titlaqqax Konvenzjoni.
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.