Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/0817(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0174/2013

Testi mressqa :

A7-0174/2013

Dibattiti :

PV 20/05/2013 - 19
CRE 20/05/2013 - 19

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2013 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0209

Testi adottati
PDF 215kWORD 23k
L-Erbgħa, 22 ta' Mejju 2013 - Strasburgu
Abbozz ta' protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka (konsultazzjoni) *
P7_TA(2013)0209A7-0174/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar l-abbozz ta’ protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka (Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) (00091/2011 – C7-0385/2011 – 2011/0817(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-Gvern Ċek lill-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2011 dwar abbozz ta’ protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta’) għar-Repubblika Ċeka,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kunsill Ewropew indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011 rigward abbozz ta’ Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

–  wara li kkunsidra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0385/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6(1) TUE u l-Karta,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tad-29-30 ta' Ottubru 2009 tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Karta, annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, iffirmati nhar it-13 ta’ Diċembru 2007, b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni Nru 1 mill-Istati Membri kollha, id-Dikjarazzjoni Nru 53 mir-Repubblika Ċeka u d-Dikjarazzjonijiet Nri 61 u 62 mir-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 330 adottata matul it-12-il Seduta, tas-Senat Ċek tas-6 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0174/2013),

Billi:

A.  Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, waqt laqgħa fi ħdan il-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta’ Ottubru 2009 qablu li, fiż-żmien tal-konklużjoni tat-trattat ta' adeżjoni li jmiss u skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, kienu se jehmżu mat-Trattati Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

B.  Fil-5 ta' Settembru 2011, il-Gvern Ċek, f'ittra mir-Rappreżentant Permanenti tiegħu, ippreżenta proposta lill-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 48(2) TUE, għall-emendar tat-Trattati dwar iż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

C.  Fil-11 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill ippreżenta proposta lill-Kunsill Ewropew, konformement mal-Artikolu 48(2) TUE, għall-emendar tat-Trattati dwar iż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,

D.  Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta l-Parlament dwar jekk l-emendi proposti għandhomx ikunu analizzati,

E.  Skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet libertajiet u prinċipji ddelineati fil-Karta bħala li għandhom l-istess valur ġuridiku u forza vinkolanti tat-Trattati,

F.  Il-Protokolli jifformaw parti integrali mit-Trattati li magħhom huma mehmuża, u għalhekk Protokoll addizzjonali li jistabbilixxi regoli speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni ta' partijiet mid-Dritt tal-Unjoni għal Stat Membru jeħtieġ reviżjoni tat-Trattati,

G.  Skont it-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, it-tieni subparagrafu, il-Karta ma testendi bl-ebda mod il-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti fit-Trattati.

H.  Skont l-Artikolu 51 tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-istess Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni. Dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tal-Karta skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati. Kif ġie kkonfermat mill-Istati Membri permezz tad-Dikjarazzjoni Nru 1, Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti mit-Trattati.

I.  Il-paragrafu 2 tad-Dikjarazzjoni Nru 53 magħmula mir-Repubblika Ċeka jipprevedi li l-Karta “ma tnaqqasx il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u ma tirrestrinġi l-ebda kompetenza attwali tal-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam”, u b’hekk tistabbilixxi li l-integrità tal-ordni ġuridiku tar-Repubblika Ċeka huwa ggarantit mingħajr rikors għal strument addizzjonali.

J.  Fuq il-bażi tal-evidenza akkademika u l-ġurisprudenza, il-Protokoll Nru 30 ma jeżentax lill-Polonja u lir-Renju Unit mid-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-Karta, mhuwiex “opt-out’, ma jemendax il-Karta u lanqas ma jimmodifika l-pożizzjoni ġuridika li tkun torbot li kieku ma jkunx jeżisti(1). L-uniku effett huwa li joħloq l-inċertezza ġuridika mhux biss fil-Polonja u fir-Renju Unit imma wkoll fl-Istati Membri l-oħra,

K.  Funzjoni importanti tal-Karta hija li żżid il-prominenza tad-drittijiet fundamentali u tagħmilhom aktar viżibbli, imma l-Protokoll Nru 30 iwassal għall-inċertezza legali u l-konfużjoni politika, u b'hekk ikun qed jimmina l-isforzi tal-Unjoni li jilħaq u jżomm livell uniformement għoli u ekwu ta' ħarsien tad-drittijiet.

L.  Jekk il-Protokoll Nru 30 ikun qatt interpretat bħala li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni jew il-forza tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, l-effett ikun li tonqos il-protezzjoni tal-drittijiet fundamentali mogħtija lin-nies fil-Polonja, fir-Renju Unit, u, dalwaqt, fir-Repubblika Ċeka,

M.  Il-Parlament Ċek irratifika t-Trattat ta’ Lisbona preċiżament kif kien ġie ffirmat, mingħajr ebda riżerva jew kwalifika dwar l-ottemperanza sħiħa min-naħa tar-Repubblika Ċeka għall-Karta(2),

N.  Is-Senat Ċek, fir-Riżoluzzjoni 330 tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2011, oppona l-applikazzjoni għar-Repubblika Ċeka tal-Protokoll Nru 30 fuq il-bażi li jnaqqas l-istandards ta’ ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Ċeki. Is-Senat Ċek qanqal ukoll dubji dwar iċ-ċikostanzi kostituzzjonali ambigwi, li fihom il-kwestjoni tqanqlet l-ewwel mill-President tar-Repubblika wara r-ratifika parlamentari tat-Trattat ta’ Lisbona kienet ġiet ikkompletata,

O.  Il-Qorti Kostituzzjonali Ċeka ma laqgħetx żewġ petizzjonijiet fl-2008 u fl-2009, filwaqt li sabet li t-Trattat ta' Lisbona huwa konformi għalkollox mad-dritt kostituzzjonali Ċek, iżda ma tistax tiġi eskluża l-possibilità li titressaq petizzjoni fl-istess Qorti kontra l-emenda proposta tat-Trattati,

P.  Il-Parlament, fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera, għandu dmir jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew fuq il-bidliet kollha proposti għat-Trattat, irrispettivament mis-sinifikat tagħhom, imma ma hu marbut b’ebda mod li jkollu jaqbel mal-Kunsill Ewropew,

Q.  Għad jeżistu dubji dwar ir-rieda tal-Parlament Ċek li jikkompleta r-ratifika tal-protokoll il-ġdid bl-għan li jestendi l-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 30 għar-Repubblika Ċeka; fil-każ li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jeżamina l-emenda proposta, Stat Membri oħra jistgħu ma jkunux iridu jibdew il-proċeduri ta' ratifika tagħhom sakemm ir-Repubblika Ċeka tkun ikkompletat tagħha,

1.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li ma jeżaminax l-emenda proposta tat-Trattati;;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni bħala l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Kroazja u lill-Parlamenti tal-Istati Membri l-oħra.

(1) Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawżi Konġunti C-411/10 u C-493/10, l-aktar il-paragrafu 120.
(2) It-Trattat ta’ Lisbona ġie ratifikat mill-Kamra tad-Deputati Ċeka fit-18 ta’ Frar 2009 u mis-Senat Ċek fid-9 ta’ Mejju 2009.

Avviż legali - Politika tal-privatezza