Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress 2012 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina (2012/2865(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu “L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nimxu lejn l-integrazzjoni Ewropea”,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda u l-Bosnja-Ħerzegovina min-naħa l-oħra, iffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Bosnja-Ħerzegovina,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/211/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/55/KE(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/426/CFSP tat-18 ta’ Lulju 2011(2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bosnja-Ħerzegovina tal-21 ta’ Marzu 2011, l-10 ta’ Ottubru 2011, il-5 ta’ Diċembru 2011, il-25 ta’ Ġunju 2012 u l-11 ta’ Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013’ (COM(2012)0600) u r-Rapport ta' Progress 2012 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina, adottat fl-10 ta’ Ottubru 2012 (SWD(2012)0335),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-14-il laqgħa Interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Bosnja-Ħerzegovina, li saret f’Sarajevo fid-29 u t-30 ta’ Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar ir-Rapport ta’ Progress dwar il-Bosjna-Ħerzegovina(3) u r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2012 dwar it-Tkabbir: politiki, kriterji u l-interessi strateġiċi tal-UE(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE affermat kemm-il darba l-impenn tagħha favur is-sħubija fl-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, inkluża l-Bosnja-Ħerzegovina (BĦ); billi l-UE tibqa’ impenjata fis-sod għal Bosnja-Ħerzegovina sovrana u magħquda bil-prospett ta' sħubija fl-UE u billi dan il-prospett huwa wieħed mill-aktar fatturi unifikanti fost il-poplu tal-pajjiż;
B. billi, sabiex jitħaffef il-progress tal-pajjiż lejn is-sħubija fl-UE u jinkisbu riżultati tanġibbli li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini kollha, huma meħtieġa istituzzjonijiet funzjonali u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ċari fil-livelli kollha kif ukoll impenn sod u konsistenti mill-mexxejja politiċi tal-pajjiż;
C. billi r-riforma kostituzzjonali tibqa' r-riforma ewlenija għat-trasformazzjoni tal-BĦ f’demokrazija effikaċi u li tiffunzjona tajjeb; billi huwa meħtieġ progress tanġibbli f’oqsma ewlenin tal-bini tal-istat, inkluż fil-governanza, il-ġudikatura, l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fl-approssimazzjoni mal-istandards tal-UE;
D. billi l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni effikaċi huwa meħtieġ b’urġenza biex ikun hemm involviment aħjar mal-UE;
E. billi n-nuqqas ta’ prospetti ta’ impjieg, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, qed jissokta jdgħajjef serjament l-iżvilupp soċjoekonomiku u politiku tal-pajjiż;
F. billi l-korruzzjoni għadha qed ixxekkel serjament l-iżvilupp soċjoekonomiku u politiku fil-pajjiż;
G. billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien huma elementi ewlenin tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni u għandhom rwol deċiżiv fil-proċess tat-trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent f’żona ta’ stabbiltà fit-tul u ta' żvilupp sostenibbli; billi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn tar-reġjun fi spirtu ta’ relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien hija prerekwiżit għal-koeżistenza paċifika u r-rikonċiljazzjoni fil-BĦ u l-Balkani tal-Punent;
H. billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha;
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Itenni bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni Ewropea tal-BĦ għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-pajjiż;
2. Jinsab imħasseb minħabba n-nuqqas kontinwu ta’ viżjoni kondiviża għad-direzzjoni ġenerali tal-pajjiż mill-elite tal-politika, li b’hekk iqiegħed lill-BĦ fil-periklu li tkompli taqa' lura meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn tar-reġjun;
3. Ifaħħar il-fatt li l-elezzjonijiet ġenerali saru b’mod paċifiku, liberu u ġust; jieħu nota tat-tilwima ta’ wara l-elezzjonijiet fi Srebenica; jirrikonoxxi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-BĦ f’din il-kwistjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li Mostar kienet l-unika belt fejn ma sarux l-elezzjonijiet muniċipali; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jaqblu mal-bidliet fl-Istatut tal-Belt ta’ Mostar skont deċiżjoni relevanti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-BĦ;
4. Jilqa’ s-sospensjoni tas-superviżjoni internazzjonali fid-Distrett ta’ Brcko; jistieden lill-awtoritajiet biex jissodisfaw l-objettivi u l-kundizzjonijiet li għad fadal għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli, sabiex ikunu permessi aktar sjieda u responsabbiltà lokali;
5. Jisħaq fuq l-importanza li l-BĦ titkellem b’vuċi waħda fil-proċess ta’ integrazzjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u lill-uffiċjali eletti jaħdmu flimkien u jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali bħala parti mid-Djalogu ta’ Livell Għoli mal-Kummissjoni biex ikunu kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex fl-aħħar jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni kredibbli għas-sħubija; jistieden lill-mexxejja politiċi u lill-awtoritajiet kollha jaħdmu flimkien f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-proċess tal-adeżjoni;
6. Ifakkar lill-Kummissjoni li t-tkabbir tal-UE jmur lil hinn minn sempliċi trasferiment tal-acquis tal-UE u għandu jkun ibbażat fuq impenn reali u komprensiv favur il-valuri Ewropej; jinnota b’xi tħassib li l-forza ta’ trasformazzjoni tal-'poter ta’ persważjoni' tal-UE jista’ jkun li tnaqqset minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti; madankollu jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil pajjiżi oħrajn tal-Balkani tal-Punent jeżaminaw metodi innovattivi biex irawmu kultura u ambjent ta’ rikonċiljazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina u fir-reġjun;
7. Jiddispjaċih li t-Tielet Laqgħa tad-Djalogu ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Bosnja-Ħerzegovina dwar il-Proċess ta’ Adeżjoni, li kienet ppjanata għall-11 ta’ April 2013, ġiet ikkanċellata minħabba n-nuqqas ta’ progress fil-każ Sejdić-Finci;
8. Jinnota l-kontribut sinifikanti tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE li ngħalqet fit-30 ta’ Ġunju 2012 u jilqa’ l-preżenza msaħħa tal-UE fil-qasam tal-istat tad-dritt; jilqa’ t-tiġdid tal-mandat tal-Operazzjoni tal-Forza tal-Unjoni Ewropea (EUFOR Althea) u l-enfasi mill-ġdid tagħha fuq il-bini tal-kapaċità u t-taħriġ;
Kundizzjonijiet politiċi
9. Ifakkar fl-importanza ta’ Istituzzjonijiet li jiffunzjonaw fil-livelli kollha għall-progress tal-pajjiż fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea; jilqa’ r-ritorn għad-djalogu u l-elezzjoni ta’ ministri ġodda għall-Kunsill tal-Ministri f’Novembru 2012 wara l-kollass tal-koalizzjoni u ħames xhur ta' mblokk; jinsab preokkupat dwar l-ibblukkar li jirriżulta mill-inċertezza rigward l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-gvern fil-Federazzjoni tal-BĦ; madankollu jilqa’ l-progress fin-nomina ta' kandidati għall-postijiet vakanti fil-Qorti Kostituzzjonali tal-Federazzjoni;
10. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti kollha jiżviluppaw strateġija/programm għall-integrazzjoni mal-UE, li jkun jiżgura t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ikkoordinati u armonizzati tal-liġi u l-istandards tal-UE fil-pajjiż kollu, u b’hekk juru viżjoni kondiviża tad-direzzjoni ġenerali tal-pajjiż u rieda li jiżguraw il-prosperità ġenerali għaċ-ċittadini tiegħu;
11. Jitlob għal bidliet fir-regoli ta’ proċedura tal-Kamra tal-Popli u tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex jiġi introdott mekkaniżmu mgħaġġel għal-leġiżlazzjoni tal-UE;
12. Jilqa’ l-progress li nkiseb fl-ewwel nofs tal-2012 u minn Ottubru, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ liġijiet importanti dwar iċ-ċensiment u l-għajnuna mill-Istat, il-Baġit Statali tal-2011, l-2012 u l-2013, il-pakkett fitosanitarju, il-progress fir-rigward tal-Kunsill tal-Għajnuna mill-Istat u l-Aġenzija ta’ Kontra l-Korruzzjoni, kif ukoll l-ilħuq ta’ ftehim politiku dwar il-proprjetà tal-istat u d-difiża; jitlob għall-implementazzjoni effettiva tagħhom u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex flimkien mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE, twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-implementazzjoni billi tikkunsidra bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-BĦ tat-13 ta’ Lulju 2012; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jibnu u jsaħħu l-kapaċitajiet tal-korpi relevanti bħall-Kunsill għall-Għajnuna mill-Istat u l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, speċjalment fir-rigward ta’ livelli suffiċjenti ta’ persunal;
13. Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fil-għemil taċ-ċensiment; jissottolinja l-importanza li jsir ċensiment tal-popolazzjoni f’Ottubru 2013 u jilqa’ l-isforzi li jkun żgurat li dan iseħħ f’Ottubru skont l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti kollha jneħħu l-ostakli kollha u ma jippolitiċċawx ċensiment li l-iskopijiet tiegħu jkunu li tinġabar dejta soċjo-ekonomika oġġettiva; jitlob li jkun hemm ir-rispett lejn jeddijiet il-minoranzi f’dan ir-rigward;
14. Jistieden lill-awtoritajiet statali tal-BĦ jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-ħtieġa li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni dwar in-numri tal-identità taċ-ċittadini; jinnota li wara t-12 ta’ Frar 2013, minħabba diversi xhur ta’ inattività min-naħa tal-awtoritajiet konċernati, it-trabi li kien għadhom kemm twieldu ma setgħux jinħarġulhom numri tal-identità, u lanqas, għaldaqstant, dokumenti bażiċi bħal passaporti jew karti tal-assigurazzjoni medika; jitlob li jittieħdu miżuri b’urġenza biex din is-sitwazzjoni tiġi riżolta;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jeżegwixxu s-sentenza ta’ Sejdić u Finci, bħala l-ewwel pass fir-riforma kostituzzjonali komprensiva li hija meħtieġa sabiex il-pajjiż jersaq lejn demokrazija moderna u funzjonali li fiha kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni tiġi eliminata u li fiha kull ċittadin, tkun xi tkun l-affiljazzjoni etnika tiegħu, igawdi mill-istess drittijiet u libertajiet; jilqa’ l-fatt li l-Assemblea tal-Kanton ta’ Sarajevo, l-ewwel li għamlet dan fil-BĦ, ġa emendat b’mod unanimi l-kostituzzjoni tagħha ħalli lil dawk li huma etnikament mhux dikjarati u lill-minoranzi etniċi tagħtihom il-possibilità jifformaw il-caucus tagħhom fl-Assemblea, skont id-deċiżjoni meħuda skont il-Konvenzjoni Ewoprea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Sejdić-Finci;
16. Jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat li jikkanċella t-Tielet Laqgħa tad-Djalogu ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-BĦ dwar il-Proċess ta’ Adeżjoni, minħabba n-nuqqas ta’ ftehim politiku dwar l-implimentazzjoni tas-sentenza Sejdić-Finci; jinsab imħasseb dwar il-fatt li s’issa ma ntlaħaqx ftehim, għax jemmen jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-proċess ta’ adeżjoni kollu kemm hu, u jistieden lill-mexxejja politiċi jsibu soluzzjoni;
17. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE u lill-Kap tad-Delegazzjoni (RSUE/Kap tad-Delegazzjoni) biex ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiffaċilita ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni Sejdić u Finci;
18. Jinnota l-ħtieġa urġenti għal riformi kostituzzjonali sostanzjali, kemm f’livell ta’ stat kemm ta’ entità, ħalli l-istrutturi istituzzjonali fil-livelli kollha jsiru aktar effiċjenti, funzjonali u trasparenti; itenni l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni tal-istruttura tal-Federazzjonit al-BĦ; jistieden lill-SEAE u lill-Kummissjoni jibdew konsultazzjonijiet wesgħin u aperti kif ukoll diskussjonijiet pubbliċi mal-istakeholders kollha fil-pajjiż dwar il-bidla kostituzzjonali; jisħaq li l-partijiet u lill-komunitajiet kollha għandhom ikunu involuti kompletament f’dan il-proċess, li għandu jwassal għal riżultati konkreti;
19. Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti kollha jiżguraw l-istabbiliment ta' sistema legali indipendenti, imparzjali u effettiva appoġġata minn servizz ta’ pulizija imparzjali u indipendenti u jimplimentaw b'mod effettiv l-Istrateġija għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja u l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Delitti tal-Gwerra; iħeġġeġ l-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza fi kwistjonijiet kriminali u ċivili bejn is-sistemi differenti ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tad-Djalogu Strutturat UE-BĦ dwar il-Ġustizzja;
20. Jitlob lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jiksbu progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha tal-gvern li jittrattaw kwistjonijiet tal-UE; jinsab imħasseb dwar is-sostenibbiltà finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika u n-nuqqas ta' appoġġ politiku għar-riforma tagħha; jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm konċentrazzjoni fuq il-bini, bl-assistenza tal-UE, ta’ mekkaniżmu ta’ kordinament effiċjenti u t-titjib tal-kwalifiki u l-kompetenza tas-servizz ċivili, bħala element importanti għall-iżgurar ta’ koperazzjoni effiċjenti u produttiva mal-UE;
21. Jesprimi tħassib dwar il-livell għoli ta’ korruzzjoni fil-pajjiż, ir-rabta tiegħu mal-partiti politiċi u l-preżenza tal-korruzzjoni fil-livelli kollha tal-ħajja pubblika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha jipproponu u jimplementaw strateġiji u pjanijiet għal kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli juru rieda politika biex jittrattaw il-kwestjoni u joffru mezzi sabiex l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni ssir kompletament operattiva, biex jinbena rekord ta’ investigazzjonijiet u kundanni u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BĦ jallinjaw il-leġiżlazzjoni relevanti dwar il-korruzzjoni mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi miġġieled b’mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin permezz tal-prosekuzzjoni tal-awturi tal-ksur u l-provvediment ta' protezzjoni u kumpens lill-vittmi;
22. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jaċċelleraw l-isforzi biex jimplimentaw il-pjan direzzjonali għal Ftehim Operazzjonali mal-EUROPOL, b’mod partikolari l-allinjament tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri relevanti dwar il-protezzjoni tad-data;
23. Jitlob b’urġenza lill-awtoritajiet tal-BĦ jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-midja indipendenti u varjata li hija ħielsa mill-interferenza politika, il-frammentazzjoni etnika u l-polarizzazzjoni; jenfasizza r-rwol speċjali tal-midja tas-servizz pubbliku fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-koeżjoni soċjali, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw is-sostenibbiltà finanzjarja, l-indipendenza u l-konformità tagħha mal-istandards Ewropej; jiddispjaċih għall-pressjoni politika kontinwa kif ukoll għat-theddid kontra tagħhom; jesprimi tħassib dwar it-tentattivi biex tiddgħajjef l-indipendenza tal-Aġenzija Regolatorja tal-Komunikazzjoni u tax-xandara tas-servizz pubbliku; ifakkar li l-midja ħielsa tirrappreżenta element essenzjali ta’ demokrazija stabbli;
24. Iħeġġeġ lill-partijiet politiċi kollha jaħdmu proattivament għal soċjetà inklussiva u tolleranti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw il-liġijiet u l-politiki dwar l-antidiskriminazzjoni u jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-liġi u fil-prattika, inklużi dawk relatati ma’ persuni b’diżabbiltà; jinsab imħasseb dwar id-diskors ta’ mibegħda, it-theddid u l-fastidju fir-rigward ta’ persuni LGBT; jistieden lill-awtoritajiet jimplementaw fis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Roma, jippromwovu attivament l-inklużjoni effikaċi tar-Roma u tal-minoranzi l-oħrajn kollha, jikkundannaw pubblikament l-inċidenti istigati mill-mibegħda, u jiżguraw investigazzjoni xierqa mill-pulizija u prosekuzzjoni ġudizzjarja; jistieden lill-awtoritajiet jappoġġaw b’mod attiv l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili f’dan il-qasam, b’appoġġ finanzjarju u prattiku kif ukoll b’impenn politiku;
25. Iħeġġeġ il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili fil-BĦ, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi ta’ finanzjament li jagħtu lok lil organizzazzjonijiet fil-livell tal-komunitajiet lokali wkoll li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-IPA;
26. Jitlob li jkun hemm l-għoti ta’ setgħa lin-nisa bil-promozzjoni, protezzjoni u tisħiħ ta’ jeddijiethom, bit-titjib tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom, b’żieda tal-preżenza tagħhom fis-suq tax-xogħol, bl-iżgurar tar-rappreżentanza ġusta tan-nisa fi proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi u t-tħeġġiġ tal-imprenditorija tan-nisa; Jinnota li n-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-parlamenti, fil-gvernijiet u fl-amministrazzjoni pubblika u li d-drittijiet tax-xogħol tagħhom spiss jiġu injorati; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerżegovina jallinjaw id-drittijiet ta' sigurtà soċjali għal dawn bil-liv tal-maternità, tal-paternità jew liv tal-ġenituri madwar il-pajjiż sabiex jintlaħaq livell għoli, u tinħoloq sitwazzjoni uniformi għaċ-ċittadini kollha u l-evitar tad-diskriminazzjoni;
27. Jesprimi tħassib dwar il-livell għoli ta’ vjolenza domestika li ma tiġix rapportata u dwar il-fatt li ma jsirux biżżejjed prosekuzzjonijiet tagħha; jitlob lill-awtoritajiet jadottaw u jimplementaw miżuri biex jiksbu l-protezzjoni reali tan-nisa; jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-korpi tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu indirizzati b’suċċess kwistjonijiet bħall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni furzata u t-traffikar tan-nisa; jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal kontra l-vjolenza, it-traffikar u kull tip ieħor ta’ abbuż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa’ teżamina metodi biex tappoġġa l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika;
28. Jilqa’ l-abbozz ta’ Programm għall-Vittmi ta’ Stupru, Abbuż Sesswali u Tortura Matul il-Gwerra fil-BĦ; iħeġġeġ l-għoti ta’ riżorsi biżżejjed għar-riabilitazzjoni ta’ vittmi ta’ vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti b’mod sistematiku inklużi kumpensi irrispettivament mill-istatus soċjali tagħhom, kura medika u psikoloġika kif ukoll servizzi soċjali xierqa; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti kollha biex iżidu l-għarfien pubbliku dwar l-istatus tal-vittmi;
29. Jistieden lill-Federazzjoni tintroduċi regolamentazzjoni dwar ir-reati ta’ mibegħda fil-Kodiċi Kriminali kif diġà ġie stabbilit fir-Repubblika Srpska u fid-Distrett ta’ Brcko fl-2009;
30. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fi tmiem l-2011 kien għad hemm madwar 113,000 persuna spustata f'pajjiżha fil-BĦ, inklużi madwar 8,000 li kienu joqogħdu f'ċentri kollettivi u 7,000 refuġjat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-livelli kollha, anke abbażi tal-impenn mill-komunità tad-donaturi internazzjonali imġedded fil-konferenza tad-donaturi internazzjonali ta’ Sarajevo f’April 2012,biex jiffaċilitaw ir-ritorn sostenibbli ta’ refuġjati u persuni spustati f’pajjiżhom billi jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-impjieg; iħeġġiġhom jiffaċilitaw dan il-proċess billi jipprovdu għajnuna finanzjarja lir-refuġjati kollha li jirritornaw b’mod ġust u adegwat, inkluż ir-ritorn ta’ refuġjati Kroati lejn il-Posavina;
31. Jinnota bi tħassib in-numru għoli ta’ persuni fil-BĦ li jsofru minn disturbi ta’ stress postrawmatiku (PTSD) minħabba l-gwerra; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw in-nuqqas ta’ kura soċjali u psikoloġika għal persuni li jsofru mis-sindromu tal-PTSD;
32. Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija għall-Azzjoni kontra l-Mini kif ukoll għall-adozzjoni tal-liġi dwar l-azzjonijiet kontra l-mini sabiex jiġu evitati aktar diżgrazzji minħabba aċċidenti b'mini tal-art;
33. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tentattiv, fil-BĦ jew x’imkien ieħor fid-dinja, li titnaqqas is-serjetà rigward il-ġenoċidju li seħħ fi Srebrenica jew li dan jiġi miċħud;
Kwistjonijiet soċjoekonomiċi
34. Iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-livelli kollha biex jappoġġaw politiki fiskali b’saħħithom; jinsab imħasseb dwar id-daqs tal-ekonomija informali u dwar ir-rata ta’ qgħad għolja, partikolarment tan-nisa u ż-żgħażagħ; jesprimi tħassib dwar l-impatt li jikkawżaw l-instabilità politika u l-istat tad-dritt dgħajjef u l-ispazju ekonomiku frammentat fuq it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti kif ukoll fuq l-ambjent tan-negozju kollu kemm hu; jistieden lill-gvern biex joħloq spazju ekonomiku uniku fil-pajjiż, sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet favorevoli għall-proliferazzjoni tan-negozji, speċjalment l-impriżi żgħar u medji, sabiex jissaħħu s-sorsi domestiċi ta' tkabbir filwaqt li titnaqqas id-dominanza tal-gvern fl-ekonomija u l-ishma tal-monopolji, sabiex jiġi promoss l-infiq orjentat lejn it-tkabbir, u tingħata spinta lill-kompetittività;
35. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-UE li tagħti Għajnuna Makrofinanzjarja li tammonta għal EUR 100 miljun lill-BĦ, bħala sinjal ċar tal-impenn tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiż u l-benessri tal-poplu tiegħu;
36. Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ, speċjalment lill-awtoritajiet fl-entitajiet li jirreġistraw l-aktar kumpaniji tal-BĦ, biex jirrevedu u jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar ix-xogħol, u jsaħħu d-djalogu soċjali u l-ispezzjoni tax-xogħol;
37. Jilqa’ l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-BĦ u l-UE dwar l-adeżjoni tal-BĦ mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); iħeġġeġ lill-awtoritajiet fil-BĦ jżidu n-negozjati ma’ msieħba oħrajn bl-għan li jsiru membru tad-WTO fil-futur qrib;
38. Jinnota li sar ċertu progress fit-titjib tal-qafas ġenerali għall-edukazzjoni, jistieden b’mod ripetut lill-Kunsill tal-Ministri, inter alia, biex itejjeb il-koordinazzjoni fost it-12-il ministeru tal-edukazzjoni u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni fid-distrett ta’ Brcko u biex inaqqas il-frammentazzjoni tas-sistema edukattiva;
39. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni b'mod li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol intern u barrani; jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ jindirizzaw in-nuqqasijiet ta' taħriġ vokazzjonali sabiex jattiraw investiment dirett barrani kif ukoll jiżguraw, ukoll minħabba n-neċessità ekonomika, li tibda l-akkreditazzjoni ta' istituzzjonijiet edukattivi u li l-aġenziji li jittrattaw ir-rikonoxximent ta' lawrji u diplomi jsiru kompletament operattivi; jilqa’ l-miżuri meħudin għall-iżvilupp u t-trawwim tal-korsijiet ta' taħriġ u programmi għaż-żgħażagħ ħalli tkun ifaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, u jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi f'dan is-sens;
40. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti kollha jtemmu s-segregazzjoni etnika tat-tfal (“żewġ skejjel taħt saqaf wieħed’) li għadha teżisti f’xi kantoni tal-Federazzjoni; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm il-promozzjoni tal-inklużjoni effikaċi tat-tfal Roma b'mod partikolari fl-edukazzjoni, inter alia permezz tal-programmi għat-tħejjija għall-iskola; jistieden lill-awtoritajiet jikkollaboraw mal-NGOs relevanti sabiex iħeġġu lill-familji Rom jappoġġaw l-aċċess tat-tfal tagħhom għall-edukazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jarmonizzaw ir-regolamenti fi ħdan il-BĦ sabiex jiżguraw li t-tfal kollha jiġu trattati b’mod ugwali; jitlob, b’mod ġenerali, għal aktar sforzi biex tiġi evitata s-separazzjoni fil-familja u għal aktar servizzi ta' appoġġ għal familji fir-riskju; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk assistenza mmirata tal-UE tistax tgħin biex tintemm is-sistema segregata tal-edukazzjoni;
41. Jilqa’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni li titlob li jkun hemm laqgħa ta’ livell għola dwar l-edukazzjoni bit-tir li jkun promoss id-djalogu fuq diversi suġġetti, inkluża s-segregazzjoni etnika tat-tfal fl-iskejjel u t-tlaqqigħ tar-rappreżentanti tal-organizzazzjoni internazzjonali relevanti u l-awtoritajiet tal-BĦ responsabbli mill-edukazzjoni;
42. Jistieden lill-awtoritajiet jallinjaw il-leġiżlazzjoni mal-acquis dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-UE;
43. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha neċessarji ħalli jippreżervaw il-wirt nazzjonali u jindirizzaw l-qafas ġuridiku rispettiv; jitlob, barra minn hekk, lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-livelli kollha li jiżguraw li jkun hemm proċeduri ċari għall-finanzjament tal-istituzzjonijiet kulturali ħalli jkun prevenut l-għeluq;
44. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jimplimentaw miżuri adegwati sabiex jipprevjenu aktar abbuż tar-reġim tal-ivvjaġġar mingħajr viża u biex jindirizzaw b'mod effettiv l-abbuż organizzat tal-proċeduri tal-asil fl-Istati Membri tal-UE;
Kooperazzjoni reġjonali u kwistjonijiet bilaterali
45. Ifaħħar lill-BĦ għar-rwol kostruttiv tagħha fil-kooperazzjoni reġjonali u jistieden lill-pajjiż jaħdem fuq id-delimitazzjoni tal-fruntieri b’kooperazzjoni mal-ġirien kollha;
46. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet fil-BĦ biex iħaffu t-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE billi jallinjaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-BĦ dwar is-sikurezza tal-ikel mal-acquis tal-UE; jinsab imħasseb minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tal-BĦ u li dan jista’ potenzjalment iwassal għal telf fis-swieq tal-esportazzjoni tal-BĦ; jilqa’ l-progress li sar s’issa, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti ħalli b’ħeffa jibnu l-infrastruttura neċessarja fil-postazzjonijiet ta' kontroll tal-fruntieri tal-UE (BIPs); jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssib soluzzjonijiet fil-laqgħat trilaterali tagħha mal-Kroazja u l-BĦ dwar l-aħħar kwestjoni li għadhom pendenti dwar il-ġestjoni tal-fruntieri fid-dawl ta' dħul il-Kroazja fl-UE, inkluża l-ftehima ta' Neum/Ploče; jitlob li jkun hemm aktar sforzi kostruttivi f’dan is-sens, li jippermettu aktar BIPs jekk ikun neċessarju; ifaħħar lill-BĦ għall-kontribut tagħha għall-progress li sar dwar ir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti inkluża t-tlestija tal-Ftehim dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera, li għandu jissemplifika t-traffiku taċ-ċittadini f’żoni ħdejn il-fruntiera; iqis li huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni sabiex tinżamm l-istess sistema ta’ karti tal-identità bejn il-pajjiżi wara Lulju 2013 sabiex iċ-ċittadini tal-BĦ jkunu jistgħu jkomplu jivvjaġġaw lejn il-Kroazja;
47. Itenni t-talba tiegħu li jingħata permess għad-dħul taċ-ċittadini tal-Kosovo peress li l-BĦ għadha l-uniku pajjiż tar-reġjun li ma jħallihomx jidħlu; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-BĦ jaċċettaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa ta' ċittadini tal-Kosovo biex jidħlu fil-pajjiż, kif sar mis-Serbja u minn pajjiżi oħra;
48. Itenni l-ħtieġa għal implementazzjoni kontinwata aktar stretta tal-kriterji neċessarji u l-miżuri marbutin mal-ivvjaġġar ħieles mill-viża lejn il-pajjiżi Schengen, għall-implementazzjoni tal-istrateġiji fit-tul, u għar-regolazzjoni tal-politika fuq il-minoranzi; jikkunsidra neċessarju li ċ-ċittadini jiġu informati dwar il-limitazzjonijiet ta’ reġim mingħajr viża sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ abbuż tal-libertà tal-ivvjaġġar u tal-politika ta’ liberalizzazzjoni tal-viża; jinnota ċ-ċifri kostantement baxxi ta' dawk li jfittxu l-asil li joriġinaw mill-BĦ fl-Istati Membri tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-BĦ;
o o o
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Presidenza tal-Bosnja-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bosnja-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bosnja-Ħerzegovina u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u r-Repubblika Srpska.