Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2013 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx (2013/2638(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b’mod partikolari dawk tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar persuni midruba f’nirien f’fabbriki tat-tessuti, partikolarment fil-Bangladexx(1), u tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx(2) u s-sostenibilità fil-katina tal-valur tal-qoton mondjali(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-30 ta’ April 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton u Kummissarju tal-Kummerċ Karel De Gucht wara l-waqgħa tal-bini reċenti fil-Bangladexx,
– wara li kkunsidra l-Qbil dwar is-Sikurezza tal-Bini u kontra n-Nar fil-Bangladexx,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, il-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(4) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(5),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp(6),
– wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (1981, C-155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx hu firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 “Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli”(7) u “Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv”(8),
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Kampanja Ħwejjeġ Nodfa,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta’ livell għoli li saret mill-ILO fil-Bangladexx bejn l-1 u l-4 ta’ Mejju 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, nhar l-24 ta' April 2013, aktar minn 1,100 ruħ mietu u madwar 2,500 ndarbu meta waqgħet il-fabbrika tal-ħwejjeġ fil-bini Rana Plaza f’Daka fil-Bangladexx, biex din saret l-agħar traġedja fl-istorja tal-industrija mondjali tal-ħwejjeġ;
B. billi mill-inqas 112-il persuna mietu fin-nirien tal-fabbrika ta’ Tazreen, fid-distrett ta’ Ashulia ta’ Daka fl-24 ta’ Novembru 2012; billi tmien persuni mietu f'nirien f'fabbrika f'Daka fit-8 ta' Mejju 2013; u billi huwa stamat li madwar 600 ħaddiem ta’ fabbriki tal-ħwejjeġ kienu mietu f’nirien fil-fabbriki fil-Bangladexx biss mill-2005 ’l hawn, qabel it-traġedja ta’ Rana Plaza;
C. billi sid il-bini Rana Plaza u tmien persuni oħra ġew arrestati u ttieħdu passi kriminali kontriehom abbażi tal-fatt li l-bini kien inbena illegalment u kien żviluppa problemi strutturali massivi, imma l-ħaddiema ġew imġiegħla jkomplu jaħdmu minkejja l-biża’ tagħhom rigward is-sikurezza;
D. billi l-kundizzjonijiet fil-fabbriki tat-tessuti ta’ dan it-tip sikwit ikunu ħżiena, bi ftit jew xejn kunsiderazzjoni għal drittijiet tax-xogħol bħal dawk rikonoxxuti mill-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, u spiss bi ftit jew xejn attenzjoni għas-sikurezza; billi s-sidien tal-fabbriki ta’ dan it-tip f’ħafna każijiet ma ġewx ikkastigati u għaldaqstant ftit jew xejn għamlu biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;
E. billi fil-każ tal-fabbrika ta’ Tazreen, għalkemm kumitat ta’ inkjesta governattiv iffurmat mill-Ministeru tal-Intern u l-Kumitat Parlamentari Permanenti fil-Ministeru tax-Xogħol wasal għall-konklużjoni li sid il-fabbrika ta’ Tarzeen għandu jiġi akkużat f’qorti kriminali b'negliġenza li ma tistax tinħafer, dan għadu ma ġiex arrestat;
F. billi s-suq Ewropew huwa l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjoni ta’ lbies u prodotti tat-tessuti mill-Bangladexx, filwaqt li kumpaniji prominenti tal-Punent ammettew li kellhom kuntratti ma’ fabbriki f’Rana Plaza għall-forniment ta’ ħwejjeġ;
G. billi l-Bangladexx sar it-tieni l-akbar esportatur fid-dinja ta’ ħwejjeġ lesti, biċ-Ċina biss akbar minnu, u billi issa għandu ’l fuq minn 5 000 fabbrika tat-tessuti li jimpjegaw madwar 4 miljun ruħ, u billi l-ħwejjeġ issa jikkostitwixxu 75 % tal-esportazzjonijiet tiegħu;
H. billi l-industrija tat-tessuti hija meqjusa bħala wieħed mill-aktar setturi industrijali niġġiesa; billi l-għażil tas-suf, l-insiġ u l-produzzjoni ta’ fibri industrijali jnaqqsu l-kwalità tal-arja u jirrilaxxaw aġenti volatili numerużi fl-atmosfera li huma partikolarment ta’ ħsara għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent;
I. billi huwa rrappurtat li dawk li kienu jaħdmu fil-bini Rana Plaza kienu jitħallsu biss EUR 29 fix-xahar; billi, skont il-Kampanja Ħwejjeġ Nodfa l-kostijiet tax-xogħol f’dan is-settur jirrappreżentaw biss minn 1 % sa 3 % tal-prezz finali ta' prodott, u billi l-pressjoni fuq l-ipprezzar qed tiżdied;
J. billi diversi ditti ewlenin tal-Punent issa aderixxew ma’ qbil legalment vinkolanti li ġie miftiehem mill-organizzazzjonijiet tax-xogħol lokali u li hu mmirat sabiex jiżgura l-istandards bażiċi ta’ sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-fabbriki tal-ħwejjeġ fil-Bangladexx, b’segwitu għall-kritika mifruxa tad-ditti internazzjonali li jaħdmu mal-produtturi lokali ta’ ħwejjeġ;
1. Jesprimi n-niket tiegħu dwar it-telf traġiku ta’ 1,127 ħajja u l-korrimenti li sofrew eluf aktar bħala riżultat tal-waqgħa tal-bini Rana Plaza; jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lil dawk li ndarbu, u jikkundanna lil dawk responsabbli talli naqsu għal darb’oħrta milli jevitaw telf kbir ta' ħajjiet bħal dan;
2. Jenfasizza li tali inċidenti jissottolinjaw traġikament in-nuqqas ta’ standards ta’ sikurezza fis-siti ta' produzzjoni u jiddimostraw li hija meħtieġa azzjoni urġenti biex titjieb l-implimentazzjoni tal-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO u tiżdied l-osservanza tal-prinċipji ta' responsabilità soċjali korporattiva (CSR) min-naħa tal-kumpaniji multinazzjonali tal-bejgħ tat-tessuti;
3. Jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema fil-Bangladexx li jiffurmaw, jirreġistraw u jissieħbu ma' trade unions indipendenti mingħajr biża' li jingħataw fastidju; iqis li l-eżistenza ta' strutturi trejdjunjonistiċi demokratiċi hija strument indispensabbli fil-ġlieda għal standards tas-saħħa u tas-sikurezza u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, inkluż pagi aktar għoljin; jitlob lill-gvern tal-Bangladexx jiggarantixxi dawn id-drittijiet fundamentali;
4. Jilqa’ l-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Bini u Kontra n-Nar tal-Bangladexx bejn it-trade unions, l-NGOs u madwar 40 bejjiegħ bl-imnut multinazzjonali tat-tessuti, finalizzat fil-15 ta' Mejju 2013 u li għandu l-għan li jtejjeb l-istandards tas-sikurezza fil-postijiet tal-produzzjoni (u li jkopri l-arranġamenti għall-ħlas għal dawn il-miżuri), b’mod partikolari billi titwaqqaf sistema indipendenti ta’ spezzjoni, inklużi rapporti pubbliċi u tiswijiet u rinnovamenti obbligatorji, u billi jiġi appoġġjat b’mod attiv il-ħolqien ta’ “kumitati tas-saħħa u s-sikurezza” bl-involviment ta’ entitajiet ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema f’kull fabbrika; jistieden lid-ditti tat-tessuti kollha rilevanti jappoġġjaw dan l-isforz, inklużi l-bejjiegħa bl-imnut tat-tessuti Walmart, Gap, Metro, NKD u Ernstings, li qed ikomplu jirrifjutaw kwalunkwe ftehim vinkolanti;
5. Jinnota l-Pjan ta' Azzjoni adottat mill-gvern, minn dawk li jimpjegaw lill-ħaddiema, mill-ħaddiema u l-ILO fl-4 ta’ Mejju 2013, li jobbliga lill-partijiet jirriformaw il-liġijiet tax-xogħol u b’hekk jippermettu lill-ħaddiema jiffurmaw trade unions mingħajr ħtieġa ta’ permess minn qabel mis-sidien tal-fabbriki u biex jidħlu f’negozjar kollettiv, li jevalwaw is-sikurezza tal-fabbriki tal-ħwejjeġ lesti fil-Bangladexx li huma orjentati lejn l-esportazzjoni sa tmiem l-2013, u li jċaqalqu minn posthom il-fabbriki fi stat perikoluż u jirreklutaw mijiet ta' spetturi addizzjonali;
6. Jittama li l-Ftehim u l-Pjan ta' Azzjoni jiġu implimentati fi żmien xieraq u bis-sħiħ; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-approvazzjoni mill-Kabinett tal-Bangladexx fit-13 ta’ Mejju 2013 tal-Att (ta’ emenda) dwar ix-Xogħol 2013 tal-Bangladexx li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni ta’ gruppi u s-servizzi tas-saħħa fil-fabbriki; iħeġġeġ lill-Parlament tal-Bangladexx jadotta din l-emenda mingħajr dewmien fis-sessjoni li jmiss tiegħu; jilqa’ wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Bangladexx li fil-ġimgħat li ġejjin jgħolli l-paga minima, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx iħarrek kumpaniji li jagħtu pagi inqas minn din;
7. Ifakkar li l-Bangladexx jibbenefika minn aċċess mingħajr dazji u mingħajr kwoti għas-suq tal-UE taħt l-iskema “Kollox ħlief Armi” (EBA) tas-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (GSP), u li dawn il-preferenzi jistgħu jiġu rtirati skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament GSP f'każ ta' ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet imniżżla fil-Parti A, Anness III abbażi tal-konklużjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-konformità tal-Bangladexx ma’ dawn il-konvenzjonijiet u jistenna li titqies investigazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament GSP jekk jinstab li l-Bangladexx qed jikser serjament u sistematikament il-prinċipji stabbiliti fihom;
9. Iqis li huwa ta’ dispjaċir profond li l-Gvern tal-Bangladexx naqas milli jinforza r-regolamenti nazzjonali dwar il-bini; jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet ġudizzjarji relevanti jinvestigaw l-allegazzjonijit li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ dawk ir-regolamenti kien dovut għal kollużjoni bejn uffiċjali korrotti u s-sidien tal-art li pprovaw inaqqsu l-ispejjeż tagħhom;
10. Jistenna li min hu responsabbli għal negliġenza kriminali jew min għandu responsabilità kriminali mod ieħor fir-rigward tat-waqgħa tal-bini Rana Plaza, in-nirien fil-fabbrika ta’ Tazreen u n-nirien l-oħra kollha jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jistenna li l-awtoritajiet lokali u d-diriġenzi tal-fabbriki jikkooperaw sabiex jiggarantixxu aċċess sħiħ għas-sistema ġudizzjarja għall-vittmi kollha, b'mod li jippermettilhom jitolbu kumpens; jistenna li l-bejjiegħa multinazzjonali ta’ tessuti li kienu qed jipproduċu f’dawn il-fabbriki jiġu involuti fil-ħolqien ta’ pjan ta’ kumpens finanzjarju; Jilqa’ l-passi li diġà ttieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx bħala appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom;
11. Jistieden lin-negozji kollha, b’mod partikolari d-ditti tal-ħwejjeġ, li jikkuntrattaw jew jissottokuntrattaw lil fabbriki fil-Bangladexx u pajjiżi oħra biex jikkonformaw bis-sħiħ ma’ prattiki ta’ CSR rikonoxxuti internazzjonalment, partikolarment il-Linji Gwida OECD aġġornati reċentement, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-NU, l-Istandard ta’ Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji fir-Rigward tal-Impriżi Multinazzjonali u l-Politka Soċjali tal-ILO, u l-Prinċipji ta’ Gwida fir-rigward tal-Impriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u biex jinvestigaw b’mod kritiku l-katini ta’ provvista tagħhom sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati esklużivament f’fabbriki li jirrispettaw bis-sħiħ standards tas-sikurezza u d-drittijiet tal-ħaddiema;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivament imġiba kummerċjali responsabbli fost il-kumpaniji tal-UE li joperaw barra, b’enfasi speċjali biex tiġi żgurata ottemperanza stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom, b'mod partikolari mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent;
13. Jistieden lill-bejjiegħa, lill-NGOs u l-atturi l-oħra kollha involuti, inkluż, fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni, jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw standard ta’ tikkettar soċjali volontarju li jiċċertifika li prodott ikun ġie manifatturat f’konformità mal-istandards tax-xogħol ċentrali tal-ILO madwar il-katina tal-provvista kollha kemm hi; jistieden lill-kumpaniji li jużaw is-CSR bħala għodda għall-kummerċjalizzazzjoni biex jiżguraw li kwalunkwe talba li ssir tkun preċiża;
14. Jilqa’ l-appoġġ li qed jingħata mill-Kummissjoni lill-Ministeru tax-Xogħol u l-Impjiegi tal-Bangladexx u l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi u l-Esportaturi tal-Ħwejjeġ tal-Bangladexx; jitlob li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ u tiġi estiża biex tinkludi pajjiżi oħra fir-reġjun, skont kif ikun xieraq;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.