Riżoluzzjoni tal-Parlamemt Ewropew adottata fit-23 ta’ Mejju 2013 dwar il-Guantánamo: strajk tal-ġuħ tal-priġunieri (2013/2654(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Guantánamo,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(1),
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984, u l-protokolli relevanti tagħhom,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u tal-Istati Uniti tal-Amerika, tal-15 ta' Ġunju 2009, dwar l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay u l-kooperazzjoni futura kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq valuri kondiviżi, il-liġi internazzjonali, u r-rispett lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-5 ta' April 2013 minn Navi Pillay, Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar ir-reġim ta' detenzjoni ta' Guantánamo, fejn iddikjarat li “t-tkomplija tal-inkarċerazzjoni indefinita għal ħafna mid-detenuti hi ekwivalenti għal detenzjoni arbitrarja u tirrappreżenta ksur ċar tad-dritt internazzjonali”,
– wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi ħafna mill-166 prinġunier li għad fadal fi Guantánamo Bay qed jipparteċipaw fi strajk tal-ġuħ bi protesta kontra l-kundizzjonijiet attwali tal-faċilità ta' detenzjoni;
B. billi 86 mill-priġunieri li fadal ġew approvati għar-rilaxx, iżda għadhom qed jinżammu indefinittivament;
C. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika jikkondividu valuri fundamentali ta' libertà, demokrazija, u rispett għad-dritt internazzjonali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;
D. billi minn tal-inqas 10 detenuti li ħadu sehem fl-istrajk tal-ġuħ qed jiġu mitmugħa bil-forza sabiex jinżammu ħajjin; billi l-ftehimiet internazzjonali fost it-tobba jirrikjedu li jintwera rispett għad-deċiżjoni informata u volontarja ta' individwu li jipparteċipa fi strajk tal-ġuħ;
E. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika jikkondividu l-valur komuni tal-libertà ta' reliġjon; billi saru bosta rapporti dwar maniġġjar mhux f’loku ta’ kopji tal-Koran tad-detenuti mill-persunal militari Amerikan tul it-tfittxijiet fiċ-ċelel;
F. billi l-Istqarrija Konġunta tal-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika tal-15 ta' Ġunju 2009 ħadet nota tal-impenn tal-President Obama li jordna l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay sal-22 ta' Jannar 2010, u laqgħet “il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu, inkluż ir-rieżami intensiv tal-politiki ta' detenzjoni, ta' trasferiment ta' proċess u ta' interrogazzjoni, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u ż-żieda fit-trasparenza ta' dawn il-prattiki tal-passat fir-rigward ta' dawn il-politiki”;
G. billi l-Istati Uniti tal-Amerika sejrin iwaqqfu l-unika titjira ċivili lejn Guantánamo, bir-riżultat li t-titjira waħdanija li tibqa’ topera hija waħda militari li dak li jkun jista’ jużaha biss bil-permess tal-Pentagon, u b'hekk ikun hemm aċċess limitat għall-istampa, l-avukati u l-ħaddiema tad-drittijiet tal-bniedem;
1. Jinnota r-relazzjoni trans-Atlantika stretta msejsa fuq valuri ċentrali kondiviżi u r-rispett ta' drittijiet bażiċi, universali u mhux negozjabbli tal-bniedem, bħalma huma d-dritt għal proċess ġust u l-projbizzjoni ta' detenzjoni arbitrarja; jilqa' l-kooperazzjoni trans-Atlantika stretta fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jittrattaw lid-detenuti bir-rispett dovut għad-dinjità inerenti tagħhom u biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom;
3. Jesprimi tħassib dwar il-benesseri tad-detenuti li jinsabu fuq strajk tal-ġuħ u dawk li qed jiġu mitmugħa bil-forza, u jistieden lill-Istati Uniti tal-Amerika biex tirrispetta d-drittijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti tal-Amerika biex terġa’ tikkunsidra l-għeluq tal-unika titjira ċivili lejn Guantánamo Bay, li tillimita l-aċċess tal-istampa u tal-membri tas-soċjetà ċivili;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti tal-Amerika biex tara li l-materjal reliġjuż ikun trattat bil-kura adegwata u bir-rispett, filwaqt li jinżammu l-proċeduri ta' tfittxija obbligatorja;
6. Jenfasizza li l-priġunieri li għadhom detenuti għandhom ikunu intitolati għal rieżami regolari tal-legalità tad-detenzjoni tagħhom bi qbil mal-Artikolu 9 tal-Patt Internazzjonali dwar id-drittijiet Ċivili u Politiċi, li jiddikjara li “kull min jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu permezz tal-arrest jew detenzjoni, għandu jkun intitolat iniedi proċedimenti fil-qorti, sabiex il-qorti tkun tista' tiddeċiedi mingħajr dewmien dwar il-legalità tad-detenzjoni tiegħi u tordna r-rilaxx tiegħu f'każ ta' detenzjoni illegali”;
7. Itenni l-indinjazzjoni u s-sens ta’ offiża tiegħu rigward kull attakk terroristiku tal-massa, is-solidarjetà tiegħu mal-vittmi ta' attakki ta’ dan it-tip u s-simpatija tiegħu għall-uġigħ u t-tbatija tal-familji, il-ħbieb u l-qraba tagħhom; itenni, madankollu, li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax titwettaq b'detriment tal-valuri kondiviżi, bażiċi u stabbiliti, bħalma huwa r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
8. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-impenn meħud mill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika li jagħlaq Guantánamo sa Jannar 2010 għadu ma ġiex implimentat; itenni it-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jeżaminaw mill-ġdid is-sistema ta' kummissjonijiet militari bil-għan li jiġu żgurati proċessi ġusti, jagħlqu Guantánamo, u jipprojbixxu fi kwalunkwe ċirkostanza l-użu tat-tortura, it-trattament ħażin u d-detenzjoni indefinita mingħajr proċess;
9. Josserva b’dispjaċir id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti tas-7 ta' Marzu 2011 li jiffirma l-ordni eżekuttiva dwar id-detenzjoni u r-revoka tal-projbizzjoni dwar it-tribunali militari; huwa konvint li l-proċessi kriminali normali taħt il-ġurisdizzjoni ċivili huma l-aqwa mod biex ikun solvut l-istatus tad-detenuti ta' Guantánamo; jinsisti li d-detenuti li jinsabu fil-kustodja tal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jew jiġu akkużati minnufih u pproċessati skont l-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt jew inkella jiġu rilaxxati; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-istess standards dwar proċessi ġusti għandhom japplikaw għal kulħadd, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Awtorità ta' Konvokazzjoni għall-Kummissjonijiet Militari, lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Kungress u lis-Senat tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tan-NU.