Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2641(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0243/2013

Dibattiti :

PV 23/05/2013 - 21.2
CRE 23/05/2013 - 21.2

Votazzjonijiet :

PV 23/05/2013 - 22.3
CRE 23/05/2013 - 22.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0233

Testi adottati
PDF 222kWORD 25k
Il-Ħamis, 23 ta' Mejju 2013 - Strasburgu
Rwanda: il-każ ta' Victoire Ingabire
P7_TA(2013)0233RC-B7-0243/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rwanda: il-każ ta’ Victoire Ingabire (2013/2641(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li r-Rwanda rratifikatu fl-1975,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, b’mod partikolari l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tar-RGħ/VP Catherine Ashton tal-4 ta’ Frar 2013 għall-Mistoqsija bil-Miktub E-010366/2012 dwar Victoire Ingabire,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, u b’mod partikolari l-Anness VII tiegħu, li jitlob il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u governanza trasparenti u responsabbli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International bl-isem “Justice in jeopardy: The first instance trial of Victoire Ingabire” (Ġustizzja fil-periklu: il-proċess ta’ prim istanza ta’ Victoire Ingabire) tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2010, wara 16-il sena eżiljata fil-Pajjiżi l-Baxxi, Victoire Ingabire, President tal-Forzi Demokratiċi Magħquda (UDF(1)), koalizzjoni ta’ partiti tal-oppożizzjoni Rwandiżi, reġgħet lura fir-Rwanda biex tkun kandidat fl-elezzjoni presidenzjali;

B.  billi Victoire Ingabire, li fl-aħħar mill-aħħar ma tħallietx tkun kandidat fl-elezzjoni, ġie arrestata fl-14 ta' Ottubru 2010; billi l-elezzjoni rebaħha, bi 93 % tal-voti, Paul Kagame, li kien għadu kemm temm mandat bħala President u li huwa l-mexxej tal-Front Patrijottiku Rwandiż (RPF); billi l-UDF ma kienx irnexxielu jirreġistra bħala partit politiku qabel l-elezzjoni tal-2010; billi partiti oħra tal-oppożizzjoni ġew soġġetti għall-istess trattament;

C.  billi l-attivitajiet politiċi tas-Sinjura Ingabire ffukaw, fost kwistjonijiet oħra, fuq l-istat tad-dritt, il-libertà tal-assoċjazzjonijiet politiċi u l-abilitazzjoni tan-nisa fir-Rwanda;

D.  billi l-RPF għadu l-partit politiku dominanti fir-Rwanda taħt il-President Kagame, u jikkontrolla l-ħajja pubblika skont sistema ta’ partit waħdieni, li fiha min jikkritika lill-awtoritajiet Rwandiżi jsofri fastidju, intimidazzjoni u ħabs;

E.  billi fit-30 ta' Ottubru 2012 Victoire Ingabire ngħatat sentenza ta’ tmien snin ħabs; billi nstabet ħatja fuq żewġ akkużi aġġornati u nħelset minn erbgħa oħra; billi nstabet ħatja ta’ konġura kontra l-awtoritajiet permezz ta’ terroriżmu, u li mminimizzat il-ġenoċidju tal-1994, abbażi tar-relazzjonijiet preżunti tagħha mal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR), grupp ta’ ribelli Hutu; billi l-Prosekutur Pubbliku talab li tingħata sentenza ta’ ħajjitha l-ħabs;

F.  billi fil-25 ta’ Marzu 2013 Victoire Ingabire telgħet tixhed fil-proċess ta’ appell tagħha, u talbet li l-evidenza tiġi rieżaminata;

G.  billi l-prosekuzzjoni ta’ Victoire Ingabire għal “ideoloġija ġenoċidali” u “diviżjoniżmu” turi n-nuqqas ta' tolleranza tal-pluraliżmu politiku min-naħa tal-Gvern Rwandiż;

H.  billi f’April 2013, fl-appell tagħha quddiem il-Qorti Suprema, filwaqt li nħelset mis-sitt akkużi li kienu sarulha mill-prosekuzzjoni, ingħatat sentenza fuq akkużi ġodda li ma kinux ibbażati fuq dokumenti legali u li, skont l-avukat difensur tagħha, ma kinux ġew ippreżentati fil-proċess; billi ż-żewġ akkużi ġodda jinkludu negazzjoniżmu/reviżjoniżmu u tradiment;

I.  billi f’Mejju 2013, wara li fl-2012 kienu xehdu kontra Victoire Ingabire quddiem il-Qorti Suprema tar-Rwanda, erba’ xhieda tal-prosekuzzjoni u koakkużat qalu lill-Qorti Suprema li x-xhieda tagħhom kienet iffalsifikata; billi organizzazzjoni prominenti tad-drittijiet tal-bniedem esprimiet tħassib dwar “id-detenzjoni tagħhom f’iżolazzjoni fit-tul” u “l-użu tat-tortura biex jammettu l-ħtija”;

J.  billi ħafna osservaturi jqisu li l-proċess, li beda fl-2011, huwa motivat b’raġunijiet politiċi; billi d-dritt nazzjonali u l-ġudikatura tar-Rwanda jiksru konvenzjonijiet internazzjonali li fihom ir-Rwanda hija parti kontraenti, b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Gvern Rwandiż iffirmahom fis-16 ta' Lulju 1997, speċifikament id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-ħsieb;

K.  billi mis-16 ta' April 2012 is-Sa Ingabire kienet qed tibbojkottja l-proċess tagħha bi protesta kontra l-intimidazzjoni u l-proċeduri illegali ta’ interrogazzjoni użati kontra wħud mill-koakkużati tagħha, jiġifieri l-ex membri tal-FLDR il-Logutenent Kurunell Tharcisse Nditurende, il-Logutenent Kurunell Noël Habiyaremye, il-Kaptan Jean Marie Vianney Karuta u l-Maġġur Vital Uwumuremyi, kif ukoll kontra d-deċiżjoni tal-Qorti li tqassar is-smigħ ta’ xhud tad-difiża, is-Sa Michel Habimana, li takkuża lill-awtoritajiet Rwandiżi li ffabrikaw l-evidenza; billi l-awtoritajiet Rwandiżi ma kkonfermawx dawn iċ-ċirkustanzi;

L.  billi Bernard Ntaganda, il-fundatur tal-partit PS-Imberakuri, ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs fuq akkużi li pperikola s-sigurta nazzjonali, “diviżjoniżmu” u attentat li jorganizza dimostrazzjoni bla awtorizzazzjoni;

M.  billi fit-13 ta' Settembru 2012 Victoire Ingabire – flimkien ma’ żewġ protagonisti politiċi Rwandiżi oħra, Bernard Ntaganda u Deogratias Mushyayidi, ilkoll attwalment miżmuma fil-ħabs ta’ Kigali – ġiet nominata għall-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb;

N.  billi r-Rwanda hija firmatarja tal-Ftehim ta’ Cotonou, li jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali tal-kooperazzjoni UE-AKP;

O.  billi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni, huwa serjament ristrett fir-Rwanda, b’tali mod li l-partiti tal-oppożizzjoni jsibuha diffiċli li joperaw u l-ġurnalisti qajla jistgħu jesprimu fehmiet kritiċi;

P.  billi l-konsolidament tad-demokrazija – li jinkludi l-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni – huwa kruċjali, partikolarment fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2013 u l-elezzjoni presidenzjali li għandha ssir fl-2017;

Q.   billi l-ġenoċidju u l-gwerra ċivili tal-1994 fir-Rwanda għad għandhom impatt negattiv fuq l-istabbiltà tar-reġjun;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-proċess inizjali ta’ Victoire Ingabire, li ma kienx jissodisfa l-istandards internazzjonali, mhux l-anqas rigward id-dritt tagħha li tkun preżunta innoċenti, u li kien ibbażat fuq evidenza fabbrikata u ammissjonijiet minn koakkużati li kienu nżammu f’detenzjoni militari f’Camp Kami, fejn allegatament kienu torturati biex jammettu l-ħtija;

2.  Jikkundanna bil-qawwa n-natura tal-proċess motivat b’raġunijiet politiċi, il-prosekuzzjoni ta’ oppożituri politiċi u l-preġudizzju tal-eżitu tal-proċess; jistieden lill-ġudikatura Rwandiża biex tiżgura appell pront u ġust għas-Sa Victoire Ingabire, li jissodisfa l-istandards stabbiliti bid-dritt Rwandiż u b’dak internazzjonali;

3.  Jitlob li l-prinċipju ta’ ugwaljanza jkun rispettat permezz ta’ miżuri li jiżguraw li kull parti – il-prosekuzzjoni u d-difiża – tingħata l-istess mezzi proċedurali u l-istess opportunità għall-iżvelar tal-evidenza materjali disponibbli tul il-proċess, u opportunità ndaqs li tippreżenta l-argument tagħha; jinkoraġġixxi eżami mtejjeb tal-evidenza, inklużi mezzi li jiżguraw li din ma tkunx inkisbet permezz tat-tortura;

4.  Jitlob li l-UE tibgħat osservaturi biex isegwu l-proċess ta’ appell ta’ Victoire Ingabire;

5.  Jisħaq fuq ir-rispett għall-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja fir-Rwanda, imma jfakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li l-UE, fil-kuntest tad-djalogu politiku uffiċjali mar-Rwanda skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, qajmet it-tħassib tagħha rigward ir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għal proċess ġust;

6.  Ifakkar li l-libertajiet ta’ għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni huma kompnenti essenzjali fi kwalunkwe demokrazija, u jqis li dawn il-prinċipji huma soġġetti għal restrizzjonjiet serji fir-Rwanda;

7.  Jikkundanna kull forma ta’ ripressjoni, intimidazzjoni u detenzjoni ta’ attivisti politiċi, ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi biex jeħilsu minnufih l-individwi u l-attivisti kollha miżmuma jew li nstabu ħatja biss għaliex eżerċitaw drittijiethom tal-liberta tal-espressjoni, assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi, f’dan ir-rigward, biex jaġġustaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali ħalli jiggarantixxu l-libertà ta’ espressjoni;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Rwandiż biex jottempera ruħu mad-dritt internazzjonali u jirrispetta d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli;

9.  Ifakkar li stqarrijiet miksuba bl-użu tat-tortura jew ta’ forom oħra ta’ maltrattament m’huma ammissibbli fl-ebda proċediment;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex jinvestigaw b’mod effikaċi l-allegazzjonijiet ta’ tortura u ta’ abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, u jressqu lil dawk ħatja ta’ dawn ir-reati quddiem il-ġustizzja, għaliex l-impunità ma tistax tiġi ttollerata;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li, 19-il sena wara li l-RPF ħa l-poter, u sentejn wara r-rielezzjoni tal-President Kagame, ir-Rwanda għad m’għandha l-ebda partit politiku tal-oppożizzjoni funzjonanti;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat amministrattivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, u b’mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura, u jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-partitit tal-oppożizzjoni, f'kuntest ta' rispett reċiproku u djalogu inklużiv, bħala parti mill-proċess demokratiku;

13.  Huwa tal-fehma li l-liġi dwar l-ideoloġija tal-ġenoċidju tal-2008, li ntużat fl-akkuża kontra Victoire Ingabire, serviet ta’ għodda politika biex tagħlaq ħalq min jikkriktika l-gvern;

14.  Jistieden lill-Gvern Rwandiż biex jirrevedi l-liġi dwar l-“ideoloġija tal-ġenoċidju” ħalli jallinjaha mal-obbligi tar-Rwanda skont id-dritt internazzjonali, u jibdel il-liġi li tistitwixxi pieni għal reati ta’ diskriminiazzjoni u settarjaniżmu biex jallinjaha mal-obbligi tar-Rwanda skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

15.  Jenfasizza li l-proċess kriminali ta’ Victoire Ingabire, wieħed mill-itwal fl-istorja tar-Rwanda, huwa importanti, sew mil-lat politiku kif ukoll minn dak legali, bħala eżami tal-kapaċità tal-ġudikatura Rwandiża li tittratta kawżi politiċi prominenti b’mod ġust u indipendenti;

16.  Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li d-demokrazija tissejjes fuq gvern pluralista, oppożizzjoni funzjonanti, midja u ġudikatura indipendenti, rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u rispett tad-drittijiet tal-espressjoni u tal-għaqda; jistieden lir-Rwanda, f’dan ir-rigward, biex tissodisfa dawn l-istandards u ttejjeb ir-rekord tagħha rigward id-drittijiet tal-bniedem;

17.  Jenfasizza li, fil-kuntest tal-ħidma internazzjonali għall-iżvilupp fir-Rwanda, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u governanza trasparenti u reattiva għandhom jingħataw wisq aktar prijorità; jitlob li l-UE, f’kollaborazzjoni ma’ donaturi internazzjonali oħra, tissokta tagħmel pressjoni biex tinkoraġġixxi riforma tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-difensuri ta’ Victoire Ingabire u lill-President tar-Rwanda.

(1) bil-Franċiż: Forces Démocratiques Unifiées (FDU-Inkingi).

Avviż legali - Politika tal-privatezza