Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Małgorzata Handzlik (2012/2238(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Małgorzata Handzlik, imressqa fit-3 ta’ Lulju 2012 mill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka b’rabta mal-investigazzjoni VI DS 312/10 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Varsavja u mħabbra fis-seduta plenarja fl-10 ta’ Settembru 2012,
– wara li sema' lil Małgorzata Handzlik skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li sema' wkoll lil Giovanni Kessler, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, u lil Roger Vanhaeren, Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, il-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, id-19 ta’ Marzu 2010 u s-6 ta’ Settembru 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0195/2013),
A. billi l-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, Małgorzata Handzlik, b’rabta ma' investigazzjoni u azzjoni legali possibbli rigward reat allegat;
B. billi skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament ta’ dak l-Istat;
C. billi l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Pollakka tipprevedi li l-Membri tal-Parlament jistgħu jiġu proċessati biss bil-kunsens tal-Parlament;
D. billi t-talba tal-Prosekutur Pubbliku tirrelata ma’ proċedimenti li jirrigwardaw allegat reat taħt l-Kodiċi Kriminali Pollakka tas-6 ta’ Ġunju 1997;
E. billi l-allegazzjoni sustantiva hi relatata mal-attentat ta’ ksur tal-Artikoli 270(1) u 286(1) ta’ dak il-kodiċi, li tirrigwarda l-frodi u l-użu ta’ dokumenti foloz rispettivament;
F. billi Małgorzata Handzlik fil-fatt qed tiġi akkużata li ppruvat twettaq frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi allegatament ippreżentat dokumenti falsifikati bl-għan li tikseb rimborż għall-ispejjeż tal-attendenza ta’ kors tal-lingwa meta fil-fatt ma attendietx l-imsemmi kors;
G. billi l-azzjonijiet allegati ma jikkostitwixxux opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fit-twettiq tad-dmirijiet tal-Membru tal-Parlament Ewropew fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
H. billi, madankollu, minħabba ċ-ċirkustanzi li fihom ġie trattat il-każ kontra Małgorzata Handzlik mid-diversi awtoritajiet konċernati u l-istatus u l-provenjenza inċerta tal-evidenza, jeżistu dubji serji dwar din il-proċedura;
I. billi donnu li dan hu każ fejn wieħed jista’ jassumi fumus persecutionis;
J. billi għaldaqstant l-immunità tas-Sa Małgorzata Handzlik m’għandhiex titneħħa;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Małgorzata Handzlik;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Pollakka u lil Małgorzata Handzlik.
Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195; sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391; sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-345/05 Mote v Parlament [2008] ECR II-2849; sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T-42/06 Gollnisch v Parlament, [2010] ECR II-1135, sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C-163/10 Patriciello (pubblikazzjoni pendenti fl-ECR).