Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2133(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0163/2013

Testi mressqa :

A7-0163/2013

Dibattiti :

PV 10/06/2013 - 21
CRE 10/06/2013 - 21

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2013 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0239

Testi adottati
PDF 357kWORD 42k
It-Tlieta, 11 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur
P7_TA(2013)0239A7-0163/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur (2012/2133(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li l-istess drittijiet jiġu inkorporati magħha permezz tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE), u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Karta li jistipula li l-politiki tal-Unjoni għandhom jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistipula li “s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-TUE, li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità tal-ambjent”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-TFUE, li jistipula li “l-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bil-għan li jinkoraġġixxu żvilupp sostenibbli”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 169 tat-TFUE u l-Protokoll 26 tal-istess trattat dwar is-servizzi ta' interess ġenerali (ekonomiku),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 169(1) tat-TFUE, li jistipula li “sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom”,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/560/KE tal-24 ta' Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-informazzjoni permezz tal-promozzjoni ta' oqfsa nazzjonali mmirati biex jilħqu livell komparabbli u effettiv ta' protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi – COM(2009)0336),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ('id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali')(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007–2013)(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/952/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-ħarsien tal-minorenni u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta' tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bl-isem 'L-Istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007–2013 – Responsabilitajiet akbar għall-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom u l-ħarsien effettiv tagħhom' u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-Istrateġija tal-Politiki favur il-konsumatur tal-UE 2007– 2013(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti(7), li l-objettiv tiegħu hu li joħloq qafas ġenerali ta' standards u prinċipji fil-qasam tal-akkreditament u tas-sorveljanza tas-suq,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli(8),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' direttivi li jolqtu s-suq intern(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330) u r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) No 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (COM(2009)0336),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2009 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (COM(2009)0346) u l-abbozz ta' rakkomandazzoni tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SEC(2009)0949),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bl-isem 'EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva(11), verżjoni kodifikata),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Mario Monti lill-Kumissjoni tad-9 ta' Mejju 2010 dwar ir-rivitalizzazzjoni tas-suq uniku bl-isem 'Strateġija ġdida għas-suq uniku',

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)(14),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2010 bl-isem 'Biex is-swieq jiffunzjonaw għall-konsumaturi' (ir-4 edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur) (SEC(2010)1257),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-27 ta' Ottubru 2010 bl-isem 'Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE' (COM(2010)0603),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2011 bl-isem 'Il-konsumaturi fid-dar fis-suq uniku' (il-5 edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur) (SEC(2011)0299),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2010 tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Kunsumaturi, ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(16),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2011 bl-isem 'Biex is-swieq jiffunzjonaw għall-konsumaturi' (is-6 edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur) (SEC(2011)1271),

–  wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni ta' Krakovja' tal-Ewwel Forum tas-Suq Uniku, li sar fi Krakovja (il-Polonja) fit-3 u l-4 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 October 2012 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport(17) u tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru(19),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi(20),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Novembru 2011 dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020 (COM(2011)0707) u d-dokumenti relatati (SEC(2011)1320 u SEC(2011)1321),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(21),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem 'Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport' (COM(2011)0898),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 bl-isem “Qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali għall-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online' (COM (2011)0942),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2012 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Dejta Ġenerali) (COM(2012)0011),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 bl-isem 'Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv'(22),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2012 bl-isem “Strateġija Ewropea għall-akkwist elettroniku' (COM(2012)0179),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2012 bl-isem “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal' (COM(2012)0196),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern(24),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2012 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem 'Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir' (COM(2012)0225),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2012 bl-isem 'It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – Il-konsumaturi fid-dar fis-suq uniku' (is-7 edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur) (SWD(2012)0165),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 bl-isem 'Biex is-swieq jiffunzjonaw għall-konsumaturi', (it-8 edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur) (SWD(2012)432),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Ġunju 2012 dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (COM(2012)0238),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2012 dwar it-titjib fl-aspetti ta' għarfien tal-bini tal-kapaċitajiet tal-konsumaturi mill-2012 sal-2014 (SWD(2012)0235),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Ottubru 2012 bl-isem 'Is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid“ (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-suq uniku diġitali(25),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem 'Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir' (COM(2012)0225),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0163/2013),

A.  billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi u d-drittijiet tagħhom huma valuri fundamentali tal-Unjoni;

B.  billi jqis ir-rwol essenzjali li għandhom il-konsumaturi fl-ekonomija peress li l-konsum huwa wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir fl-Unjoni;

C.  billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom rwol kruċjali fil-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u r-rwol tal-konsumaturi għandu, għaldaqstant, ikun rikonoxxut bħala parti mill-politika ekonomika tal-UE;

D.  billi l-Unjoni għandha l-objettivi li tikseb livell għoli ta' sensibilizzazzjoni, bini tal-kapaċitajiet u protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll li ssib il-bilanċ xieraq fir-rigward tal-kompetittività tan-negozji u l-ekonomiji tal-Unjoni, partikolarment billi tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll billi tippromwovi d-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni;

E.  billi l-konsumaturi ma jiffurmawx grupp omoġenju uniku u billi d-differenzi li jirriżultaw jeħtieġ li jiġu indirizzati fl-Aġenda għall-Konsumatur Ewropew, peress li hemm differenzi konsiderevoli fost il-konsumaturi f'termini ta' ħiliet tal-konsumaturi, sensibilizzazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni, assertività u rieda biex ifittxu rimedju; billi jeħtieġ li jitqiesu n-nondiskriminazzjoni u l-aċċessibilità fl-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Konsumatur Ewropew;

F.  billi jeħtieġ li jiġu promossi l-fiduċja tal-konsumaturi, is-sigurtà tagħhom fis-suq u l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, b'attenzjoni speċjali għall-konsumaturi vulnerabbli bħat-tfal, il-persuni anzjani u konsumaturi oħra f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabilità; billi f'dan ir-rigward hu essenzjali li l-konsumaturi fl-Unjoni jiġu offruti protezzjoni aħjar f'dan li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jistgħu jipperikolawlhom is-saħħa jew is-sikurezza tagħhom;

G.  billi 'informazzjoni pertinenti u adegwata' tfisser informazzjoni li tkun aċċessibbli faċilment, trasparenti, mhux qarrieqa u kumparabbli;

H.  billi l-kisba ta' suq intern li jiffunzjona tajjeb hija konsistenti mal-għanijiet tal-Istrateġija ta' Lisbona li jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi għas-servizz tal-500 miljun konsumatur tal-UE;

I.  billi l-kummerċ elettroniku huwa estremament utli għall-konsumaturi kollha, peress li għandu potenzjal transkonfinali enormi li jippermetti li l-konsumaturi jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku; billi l-kummerċ elettroniku huwa wkoll, bħala mezz ta' inklużjoni, estremament utli għall-konsumaturi b'diżabilitajiet jew b'mobiltà mnaqqsa u dawk li jgħixu f'żoni rurali bi żvantaġġi ġeografiċi;

J.  billi l-inċertezza dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward tax-xiri transkonfinali qed iddgħajjef il-benefiċċji tal-integrazzjoni tas-suq;

K.  billi l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku qed ibatti minħabba d-distakk diġitali li għadu jeżisti fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' persuni iktar anzjani; billi l-parti l-kbira tal-websajts pubbliċi u privati għadhom inaċċessibbli għall-persuni b'diżabilità jew b'kompetenza diġitali ta' livell iktar baxx;

L.  billi l-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali tipperikola d-drittijiet tal-konsumaturi; billi xi websajt mhumiex adegwati għax-xerrejja u l-konsumaturi transkonfinali; billi d-Direttiva riveduta dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR) se jidħlu fis-seħħ dalwaqt u se jipprovdu għodda utli għall-konsumaturi, b'mod partikolari għat-tranżazzjonijiet transkonfinali; billi l-mekkaniżmi xierqa biex ikun hemm azzjonijiet kollettivi effettivi jixirqilhom iktar kunsiderazzjoni;

M.  billi l-kriżi finanzjarja riċenti ssottolinjat il-ħtieġa kbira li l-konsumaturi jkunu protetti u infurmati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u bankarji, peress li tali prodotti jista' jkollhom impatt dirett fuq il-benesseri globali tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa għal pariri iktar imparzjali għall-konsumaturi;

N.  billi l-Aġenda għall-Konsumatur Ewropew tistabbilixxi miżuri ta' integrazzjoni għall-politika tal-konsumatur tal-Unjoni mfassla biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

O.  billi l-kriżi ekonomika kurrenti tolqot ukoll serjament il-poter tal-akkwist tal-konsumaturi fis-suq uniku, b'mod partikolari dak tal-konsumaturi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi soċjali jew finanzjarji tagħhom; billi, konsegwentement, id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu rikonoxxuti sal-grad meħtieġ;

P.  billi s-suq uniku jipprovdi aċċess lill-konsumaturi tal-Unjoni għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi; billi l-produzzjoni ta' prodotti u l-provvista ta' servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jinkoraġġixxu l-konsum responsabbli, u b'hekk jistimulaw l-iżvilupp sostenibbli, l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku; billi l-Kummissjoni għandha tindirizza u tistudja forom ġodda ta' konsum bħalma hu l-konsum kollaborattiv;

Q.  billi se jkollhom jiġu introdotti aġġustamenti neċessarji bħall-avvanz tal-għarfien tekniku u xjentifiku, fir-rigward tas-sigurtà kemm tal-ikel kif ukoll ta' prodotti bażiċi oħra għall-konsumatur;

R.  billi jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fl-oqsma kollha billi jiġu adottati l-miżuri legali u ekonomiċi neċessarji, u li dawn jiġu appoġġati fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom; billi l-assoċċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom rwol uniku fil-garanzija tal-fiduċja fis-suq uniku u l-iżvilupp tiegħu;

S.  billi l-passiġġieri mhumiex infurmati b'mod suffiċjenti dwar id-drittijiet tagħhom u l-kwalità ta' servizz li huma intitolati jistennew, u l-ilmenti legali mill-passiġġieri spiss ikunu diffiċli li jitressqu u jiġu infurzati; billi huma meħtieġa linji gwida biex tiġi ffaċilitata u titjieb il-applikazzjoni tar-regolamenti differenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha ta' trasport; bilil, fir-reviżjoni tagħha li jmiss tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina b'mod sħiħ l-impatt tal-kummerċ elettroniku u s-swieq diġitali fuq l-imġiba tal-konsumatur fi ħdan l-industrija Ewropea tat-turiżmu;

T.  billi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE toffri protezzjoni bażika tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport, imma għal uħud minn dawn id-drittijiet tal-passiġġieri, l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar mhumiex żgurati b'mod xieraq fil-mezzi kollha u fil-partijiet kollha tal-Unjoni, fatt li jimpedixxi l-moviment liberu fis-suq uniku, minħabba li jaffettwa l-fiduċja taċ-ċittadini meta jkunu qed jivvjaġġaw u jdgħajjef il-kompetizzjoni ġusta fost it-trasportaturi;

U.  billi jeħtieġ li l-passiġġieri jkunu jistgħu jagħmlu differenza ċara bejn l-ispejjeż operattivi mhux fakultattivi inklużi fin-nollijiet u l-elementi fakultattivi li jistgħu jiġu bbukkjati fil-kuntest tas-sistemi ta' riżervazzjoni kompjuterizzata rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni)(26) peress li dan se jżid it-trasparenza tal-prezz għall-konsumaturi li jibbukkjaw il-biljetti fuq l-Internet;

V.  billi l-erba' objettivi prinċipali stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda għall-Konsumatur Ewropew huma: 1) it-tisħiħ tas-sikurezza tal-konsumaturi; 2) it-tisħiħ tal-għarfien; 3) it-tisħiħ tal-infurzar u l-iżgurar ta' rimedju; u 4) l-allinjament tad-drittijiet u l-politiki ewlenin mat-tibdil fis-soċjeta u fl-ekonomija; billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom jiffaċilitaw it-traspożizzjoni rapida u effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi;

W.  billi l-Unjoni stabbiliet miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-2020 u jiġi żgurat li l-parti kbira tal-provvista tal-enerġija tinkiseb minn enerġija rinnovabbli sal-2050;

X.  billi jeħtieġ li l-proposti li jitfasslu jkunu konsistenti mal-erba' objettivi stabbiliti;

It-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni, it-tisħiħ tal-għarfien, is-sikurezza u d-drittijiet tal-konsumatur

1.  Jilqa' l-approċċ olistiku tal-Aġenda għall-Konsumatur Ewropew, u b'mod partikolari l-fatt li din tkopri kważi l-oqsma politiki importanti kollha għall-konsumaturi u b'hekk tibgħat sinjal qawwi dwar it-tisħiħ tar-rwol u l-importanza tas-sikurezza u d-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq uniku; jenfasizza, madankollu, li dan għandu jkun rifless ukoll fil-proposti leġiżlattivi u fi proposti oħra mill-Kummissjoni;

2.  Jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tikkoopera mal-kummerċjanti u l-intermedjarji biex tippromwovi inizjattivi ta' responsabilità soċjali korporattiva, li jippromwovu s-sigurtà tal-konsumatur; jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun fi djalogu kontinwu mas-settur privat sabiex l-inizjattivi jiġu aċċettati u applikati fir-realtà;

3.  Jitlob li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod faċli u effettiv fi prodotti bażiċi, fosthom l-ikel, is-saħħa, l-enerġija, is-servizzi finanzjarji u diġitali, l-aċċess għall-broadband, il-protezzjoni tad-data, it-trasport, u t-telekomunikazzjonijiet;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali fl-introduzzjoni tal-kampanja mal-Unjoni kollha biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet u l-interessi tal-konsumatur; jenfasizza li huwa importanti, għas-suċċess tal-kampanja, li mhux is-settur pubbliku u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur biss jiddaħħlu fil-proċess, iżda wkoll is-settur privat;

5.  Jemmen li huwa neċessarju li jiġu promossi pjattaformi elettroniċi bħan-Netwerk Ewropew ta' Appoġġ għall-Intrapriżi u l-websajt l-Ewropa Tiegħek, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Ewropew u jipprovdu informazzjoni importanti għall-konsumaturi u l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar kif jista' jitjieb l-għarfien taċ-ċittadini dwar is-settur finanzjarju, sabiex il-persuni jkollhom l-informazzjoni neċessarja qabel ma jiddeċiedu li jissellfu; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa u fir-rigward tal-edukazzjoni tas-soċjetà dwar is-self ta' kreditu fuq perjodu qasir;

7.  Jenfasizza li l-formazzjoni tal-konsumaturi tnaqqas ir-riskji tagħhom fir-rigward tal-prodotti ffalsifikati, il-prodotti finanzjarji spekulattivi u r-reklamar qarrieqi; hu tal-fehma li l-edukazzjoni (inkluża l-edukazzjoni finanzjarja) u l-bini tal-kapaċitajiet tal-konsumaturi jeħtieġu jkunu matul il-ħajja kollha, u għandhom jibdew mill-iskola; jenfasizza l-bżonn li jkun evitat li tingħata wisq informazzjoni, u jenfasizza minflok il-bżonn li jitnaqqsu d-defiċits ta' għarfien u li titjieb is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur permezz ta' informazzjoni affidabbli, ċara, kumparabbli u mmirata;

8.  Jenfasizza l-fatt li sabiex il-konsumaturi jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom, m'għandhomx jintesew ir-rwol u l-edukazzjoni tal-intrapriżi; jemmen li huwa essenzjali għarfien tajjeb tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-intrapriżi bil-għan li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Memrbi jieħdu l-miżuri neċessarji għal dak l-għan, filwaqt li jiffukaw fuq l-intrapriżi żgħar u medji;

9.  Jenfasizza li, skont ir-riżultati ta' stħarriġ differenti, il-konsumaturi huma mħassba fuq bażi fit-tul dwar id-differenzi possibbli fil-kwalità ta' prodotti bl-istess ditta u l-istess imballaġġ imqassma fis-suq uniku; iqis li l-konsumaturi fi Stati Membri differenti ma jgawdux minn aċċess għall-istess livell ta' kwalità meta jixtru prodotti tal-istess ditta u imballaġġ fis-suq uniku; jenfasizza li l-ebda forma ta' diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi mhi aċċettibbli;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni sinifikanti f'din il-kwistjoni li tagħmilha possibbli li jiġi vvalutat jekk hemmx il-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi aġġustata; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-konsumaturi dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi standards aġġornati u armonizzati li jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentiċità tal-prodotti; huwa fiduċjuż, fi kwalunkwe każ, li l-proposta li temenda d-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti se tiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur;

12.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tintroduċi qafas legali għas-sigurtà tal-prodotti; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' sorveljanza tas-suq effikaċi peress li għad hemm prodotti mhux sikuri, inklużi prodotti bil-marka CE, fis-suq uniku Ewropew;

13.  Jitlob li l-konsumaturi jibbenefikaw b'mod sikur mill-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni, pariri imparzjali u l-istrumenti meħtieġa għal rimedju ġust u effettiv;

14.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu inizjattivi li jkollhom l-għan li jittraduċu r-riżultati tal-avvanzi xjentifiċi, l-iżviluppi teknoloġiċi u innovazzjonijiet oħrajn f'benefiċċji għall-konsumaturi, bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti;

15.  Jitlob protezzjoni adegwata tal-konsumatur u sigurtà tal-prodott fis-swieq għal prodotti tal-konsum magħmula bin-nanoteknoloġija u organiżmi ġenetikament modifikati;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti l-indipendenza u t-trasparenza tal-għarfien espert xjentifiku u l-opinjoni regolatorja, b'mod partikolari fil-qasam tal-politiki tas-saħħa, tal-ambjent u tal-ikel, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u fiduċja fosthom;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm protezzjoni aħjar tad-drittijiet għall-gruppi tal-konsumatur vulnerabbli, bħat-tfal u l-persuni iktar anzjani jew konsumaturi oħra f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabilità, partikolarment fir-rigward tat-trasport, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali biex ikunu provduti garanziji adegwati għall-protezzjoni ta' dawk il-konsumaturi;

18.  Jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu konsum responsabbli u sostenibbli, b'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li s-swieq isiru aċċessibbli bis-sħiħ għall-konsumaturi mill-perspettiva ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, f'Unjoni bbażata fuq is-solidarjetà; iqisha ħaġa neċessarja li tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel, li l-prodotti tal-konsumatur isiru iktar durabbli, li jiġu promossi r-riċiklaġġ u l-konsum ta' prodotti użati, u li tkompli titjieb l-effiċjenza tal-enerġija tal-prodotti disponibbli fis-suq intern;

It-titjib tal-implimentazzjoni, it-tisħiħ tal-infurzar u l-iżgurar ta' rimedju

19.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja b'attenzjoni l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tappoġġa l-iżvilupp tas-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni legali neċessarja kontra l-Istati Membri li jiksru jew li ma jimplimentawx jew ma jinfurzawx il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku, b'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jilqa' inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri maħsuba biex joħolqu suq uniku kompletament integrat sabiex jiżdiedu l-kompetizzjoni u l-effiċjenza, u tiġi provduta għażla ikbar għall-konsumaturi fl-Unjoni;

21.  Jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni f'waqtha u konsistenti tal-acquis tal-Unjoni dwar il-konsumaturi, b'mod partikolari d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur(27), id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(28), u d-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv(29); jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu monitoraġġ dwar l-effikaċità tal-acquis tal-konsumatur; jenfasizza l-evidenza li tissuġġerixxi li ċ-ċittadini għadhom mhux konxji mid-drittijiet tagħhom fis-suq uniku u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu d-disponibilità ta' informazzjoni ċara u komprensiva għall-konsumaturi bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar għodda ta' rimedju disponibbli għall-konsumaturi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi iktar attivi biex tevalwa l-grad sa liema ċ-ċittadini fl-Istati Membri għandhom aċċess għal kontijiet bankarji; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif qed tiġi indirizzata din il-problema u tippreżenta rapport lill-Parlament dwar din il-kwistjoni sa tmiem l-ewwel kwart tal-2014;

23.  Jirrkkomanda li jsir użu aħjar mill-informazzjoni disponibbli dwar l-imġiba tal-konsumaturi, u jikkunsidra b'mod partikolari li hemm ambitu biex ir-riżultati tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur jintużaw b'mod iktar effikaċi; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jwettaq ħidma ta' monitoraġġ u analiżi, fil-forma ta' proġett ta' riċerka ffinanzjat bil-għan li jiġu identifikati l-oqsma ta' prijorità għaċ-ċittadini f'dak li għandu x'jaqsam mat-titjib tad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi fis-suq uniku, u konsegwentement jiġu adattati l-kontenut u l-format, kif ukoll il-ħidma tal-organizzazzjonijiet li jqassmu l-informazzjoni mal-konsumaturi;

24.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-istituzzjonijiet pubbliċi fl-oqsma kollha, u b'hekk jiżguraw l-iffaċilitar tal-aċċess għar-riżorsi finanzjarji meħtieġa, kif ukoll irawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-għarfien fost l-assoċjazzjonijiet; jemmen li għandu jinħoloq reġistru ta' assoċjazzjonijiet Ewropej biex wieħed jgħin il-ħolqien ta' tali assoċjazzjonijiet;

L-allinjament tad-drittijiet u l-politiki ewlenin mat-tibdil ekonomiku u tas-soċjetà

25.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tiffoka mhux biss fuq ix-xiri ta' kontenut diġitali, iżda wkoll fuq il-promozzjoni tal-bejgħ ta' prodotti u servizzi fl-ambjent diġitali u għandha tippromwovi l-fiduċja tal-konsumatur, sabiex il-konsumaturi jkunu jafu kif jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jagħmlu lment għas-soluzzjoni għat-tilwim jekk ikunu xtraw prodott jew servizz ta' kwalità baxxa;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tas-self fuq terminu ta' żmien qasir, peress li huma l-persuni l-iktar vulnerabbli fi żminijiet ta' kriżi li jużaw dawn il-prodotti finanzjarji mingħajr ma jkunux konxji bis-sħiħ mill-obbligi u r-riskji tagħhom bħala dawk li jissellfu;

27.  Ifakkar li l-informazzjoni adegwata u pertinenti għall-konsumaturi għandha tmur id f'id ma' miżuri ta' bini tal-kapaċitajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet li jeżistu fis-suq intern;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Parlament u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex itejjeb l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi dwar kif jiġġestixxu aħjar il-konsum tal-enerġija ta' unità domestika;

29.  Jemmen li huwa neċessarju li jiġu realizzati l-proġetti tal-enerġija transkonfinali, inkluż fil-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, peress li dawn se jippromwovu l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-elettriku u tal-gass u se jżidu l-awtonomija tas-settur tal-enerġija fl-Istati Membri;

30.  Jitlob it-tisħiħ tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur tingħata post ċentrali f'dan il-proċess; iqis li dan l-allinjament mill-ġdid huwa ta' importanza partikolari għall-iżvilupp ta' suq uniku diġitali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tal-websajts tat-tqabbil tal-prezzijiet, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda, b'kunsiderazzjoni barra minn hekk tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014–2020, u biex jagħmlu evalwazzjonijiet sistematiċi tal-impatt tagħha;

Il-kummerċ elettroniku

32.  Jenfasizza li l-iżvilupp dejjem iktar rapidu ta' kummerċ elettroniku huwa ta' importanza kbira f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsumaturi, peress li joffri għażla usa', speċjalment għal dawk li jgħixu f'żoni inqas aċċessibbli, imbiegħda jew periferiċi, li inkella ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesgħa ta' prodotti;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri kontra t-trattament mhux ugwali tal-konsumaturi fis-suq uniku li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet attwali ta' bejgħ mill-bogħod applikati minn kumpaniji involuti fil-bejgħ transkonfinali mill-bogħod;

34.  Jenfasizza li mhux il-konsumaturi kollha għandhom l-opportunità li jużaw l-internet jew il-ħiliet neċessarji, u li l-konsumaturi, għalhekk, għandhom jiġu offruti servizzi permezz ta' modi differenti;

35.  Jenfasizza l-fatt li l-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali għall-kummerċ elettroniku, kemm dak domestiku kif ukoll dak transkonfinali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-kwalità, is-sigurtà, it-traċċabilità u l-awtentiċità tal-prodotti, jiġu evitati prattiki kriminali jew inġusti, u jiġu osservati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li jkun garantit li, meta jkun xieraq, ikun ingħata kunsens infurmat u espliċitu mill-konsumatur għall-użu tad-data personali;

36.  Jenfasizza li l-protezzjoni tad-data personali hija prerekwiżit essenzjali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u għall-funzjonament u t-tkabbir tas-suq uniku diġitali;

37.  Jenfasizza l-fatt li l-konsumaturi jistennew servizzi ta' kunsinna rapidi, affidabbli u kompetittivi għall-kummerċ elettroniku, u li servizzi ta' kunsinna li jiffunzjonaw sew huma neċessarji biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi;

Is-servizzi finanzjarji, il-prodotti ta' investiment u l-kriżi ekonomika

38.  Jilqa' l-miżuri previsti mill-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas legali komprensiv li jiggarantixxi konsulenza indipendenti lill-konsumaturi, speċjalment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; jenfasizza l-fatt li l-informazzjoni dwar is-suq għandha tkun affidabbli, ċara u komparabbli, u aċċessibbli elettronikament u f'forom oħra; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni legali kontra l-prattiki kummerċjali inġusti jew termini kuntrattwali żleali abbużivi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-konsumaturi li jisfaw 'maqbudin' minn prodott finanzjarju;

39.  Jieħu nota tal-proposta l-ġdida għal Regolament (COM(2013)0130) tat-13 ta' Marzu 2013 li temenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabilità tat-trasportatur tal-ajru fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru; jitlob li l-lista tad-drittijiet komuni għall-mezzi kollha tat-trasport tiġi ċċirkulata b'mod wiesa', f'forma konċiża u bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat id-dritt għall-aċċess għal kont ta' pagament bażiku għall-konsumaturi u li dawn jiġu provduti b'informazzjoni ċara u relevanti dwar il-prodotti ta' investiment, kif hu previst inter alia, fil-proposta għal regolament dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewliemi għall-prodotti ta' investiment (COM(2012)0352); jenfasizza li jinħtieġu regoli stretti għar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji; jenfasizza l-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjara attwali qed iddgħajjef il-pożizzjoni ta' numru kbir ta' konsumaturi, billi qed tagħmilhom dejjem iktar vulnerabbli, u li ż-żieda fl-insigurtà tax-xogħol u fir-rati tal-qgħad u t-telf tal-poter tal-akkwist qed iżidu l-inugwaljanzi; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn l-iżviluppi l-ġodda meta tabbozza l-politiki;

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur

41.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u dawk lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u jiġu implimentati l-miżuri pjanati fl-Aġenda;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni li s-sistema ta' twissija RAPEX (Sistema ta' Twissija Rapida għall-Prodotti Mhux tal-Ikel) tkun iktar trasparenti u effettiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati in-netwerk taċ-Ċentri għall-Konsumatur Ewropew u dak tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-twaqqif ta' sistema tat-tip RAPEX għas-servizzi;

Is-soluzzjoni għat-tilwim u r-rimedju

43.  Jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' tiswija, bħas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) jew is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR) għandhom ikunu mgħaġġla, aċċessibbli u effettivi; jenfasizza li l-aċċess effettiv għall-ġustizzja f'tilwim transkonfinali m'għandux jiġi ostakolat bid-diffikutajiet li jirriżultaw min-natura transkonfinali ta' tilwima, min-nuqqas ta' riżorsi jew min-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-aċċessabilità tal-għajnuna legali; jitlob, għalhekk, li tiġi implimentata aħjar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 u, meta jkun neċessarju, li din tiġi reveduta sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tagħha;

44.  Jenfasizza li l-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u tas-soluzzjoni online għat-tilwim ma jistgħux jissostitwixxu mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tesplora miżuri li jwasslu għall-ħolqien ta' mekkaniżmu koerenti ta' rimedju kollettiv mifrux mal-Unjoni kollha fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, li jkun applikabbli għal każijiet transkonfinali; jenfasizza li l-invizjattivi mhux koordinati fl-Unjoni jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tar-rimedju kollettiv u sabiex jiġu evitati abbużi potenzjali, l-approċċ tal-Unjoni lejn ir-rimedju kollettiv għandu jinkludi biss azzjoni rappreżentattiva fil-każ ta' entitajiet rikonoxxuti kif suppost fil-livell nazzjonali (awtoritajiet pubbliċi bħall-ombudsmen jew l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur); jinsisti fuq il-ħtieġa li jinbena approċċ tal-Unjoni għar-rimedju kollettiv bil-prinċipju li min irid jaderixxi għalih jista' jagħmel dan;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-prodotti u s-servizzi fl-Unjoni, filwaqt li jiġu koperti oqsma bħalma huma l-ambjent mibni, it-trasport u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi Att ta' Aċċessibilità għall-Unjoni li jkun ambizzju fil-firxa tiegħu;

46.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Qafas Finanazjajru Pluriennali li jmiss għall-2014–2020 għandu jippermetti li l-Aġenda għall-Konsumatur Ewropew tibbenefika minn finanzjament ambizzjuż b'mod suffiċjenti;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 270, 7.10.1998, p. 48.
(2) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(3) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39.
(4) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72.
(5) ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.
(6) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 17.
(7) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.
(8) ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.
(9) ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47.
(10) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 1.
(11) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(12) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 84.
(13) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.
(14) ĠU C 70 E 8.3. 2012,p. 19.
(15) ĠU C 390 E 18.12.2012, p. 145.
(16) ĠU C 33 E 5.2.2013, p. 9.
(17) Testi adottati, P7_TA(2012)0371
(18) ĠU C 131 E 8.5.2013, p. 9.
(19) Testi adottati, P7_TA(2012)0099
(20) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(21) Testi adottati, P7_TA(2011)0491.
(22) Testi adottati, P7_TA(2012)0021
(23) Testi adottati, P7_TA(2012)0209.
(24) Testi adottati, P7_TA(2012)0211.
(25) Testi adottati, P7_TA(2012)0468
(26) ĠU L 293, 31.10.2008, p.3
(27) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64-88
(28) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22-39
(29) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21-27

Avviż legali - Politika tal-privatezza