Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (2012/2293(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 14, 148, 151, 153 u 160 tiegħu u l-Protokoll 26 anness miegħu, dwar servizzi ta' interess ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 34 u 36 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Protokoll 26 tat-TFUE dwar servizzi ta' interess ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b'mod partikolari l-Artikoli 30 (dwar id-dritt għall-protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali), 31 (dwar id-dritt għall-akkomodazzjoni) u 16 (dwar id-dritt tal-familja għall-protezzjoni soċjali, legali u ekonomika) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(6),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 intitolata “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” (COM(2012)0173),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010)0758) u l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011(7), dwar is-suġġett,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999(9),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999(10),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011)0615),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (COM(2011)0614),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 intitolata “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(11), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(12),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud(13),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2011 intitolata “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali” (COM(2011)0146) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar is-suġġett(14),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0573),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020” (COM(2011)0173),
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2012 dwar l-aħjar prattika sabiex jiġi limitat, mitigat jew ikkumpensat l-issiġillar tal-ħamrija (SWD(2012)0101),
– wara li kkunsidra l-Analiżi tal-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa tal-2012 tal-Kummissjoni tat-8 ta' Jannar 2013(15),
– wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investimenti Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Istatistika tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) u l-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat tat-8 ta' Frar 2012(16),
– wara li kkunsidra l-Istatistika Ewropea ppreżentata fit-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja, b'mod partikolari l-Kapitolu 6 tiegħu(17),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar Servizzi ta' konsulenza dwar id-dejn tal-familji fl-Unjoni Ewropea(18),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar Il-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Roma: Livell baxx ta' saħħa u akkomodazzjoni(19),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(20),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta' Marzu 2013 fil-Kawża C–415/11 (Mohamed Aziz) li tipproteġi lill-konsumaturi ta' self ipotekarju mill-banek f'każ ta' kundizzjonijiet kuntrattwali abbużivi(21),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)(22),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2010 intitolata “Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: naħdmu flimkien biex niġġieldu l-faqar fl-2010 u lil hinn minnha”(23),
– wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Frar 2011 tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) intitolat “Assessment of the social dimension of the Europe 2020 Strategy”(24),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2010 intitolat “Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali” (SEC(2010)0098),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-SPC tal-15 ta' Frar 2010 intitolat “Joint Report on Social Protection and Social Inclusion 2010”(25),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi tad-definizzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali”(26),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Lejn Aġenda Ewropea għad-Djar Soċjali”(27),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali bħala reazzjoni għall-kriżi(28),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(29),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona u tal-UE 2020(30),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020(31),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(32),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tas-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali(33),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2007 dwar il-qasam tad-djar u l-politika reġjonali(34),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar(35),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet bil-miktub tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni bla dar li jgħixu fit-toroq(36) u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni bla dar(37),
– wara li kkunsidra t-Tielet Stħarriġ Ewropew tal-Eurofound dwar Il-Kwalità tal-Ħajja – Il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa: L-impatt tal-kriżi(38),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Konferenza Ewropea ta' Kunsens dwar il-Persuni Bla Dar tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0155/2013),
A. billi l-aċċess għall-akkomodazzjoni jirriżulta minn dritt fundamentali li jista' jitqies prekundizzjoni għall-eżerċizzju ta', u l-aċċess għal, drittijiet fundamentali oħra u għal ħajja f'kundizzjonijiet ta' dinjità umana; u billi l-garanzija tal-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u adegwata tirriżulta minn obbligu internazzjonali tal-Istati Membri li l-Unjoni għandha tikkunsidra, peress li d-dritt għall-aċċess għall-akkomodazzjoni u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa rikonoxxut fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta u adottata mill-Kunsill tal-Ewropa u l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll f'ħafna kostituzzjonijiet tal-Istati Membri;
B. billi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri għandhom id-dritt, kif ukoll id-dmir, li jiddefinixxu il-politika tal-akkomodazzjoni tagħhom stess u li jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li dan id-dritt fundamentali jitħares fis-swieq tal-akkomodazzjoni rispettivi tagħhom, skont il-ħtiġijiet tal-abitanti tagħhom, bl-għan li jipprovdu aċċess universali għal akkomodazzjoni diċenti u affordjabbli;
C. billi l-akkomodazzjoni affordjabbli, adegwata u sikura hija għodda xierqa biex jinkisbu l-ġustizzja u l-koeżjoni soċjali, u l-investiment fl-akkomodazzjoni affordjabbli huwa prekundizzjoni għal mobilità akbar tal-ħaddiema u għal aktar opportunitajiet ta' impjieg, filwaqt li l-bini u r-ristrutturazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-issodisfar tad-domanda għall-akkomodazzjoni, tiġi pprovduta akkomodazzjoni affordjabbli għal livelli wesgħin tal-popolazzjoni, tingħata spinta lill-ekonomiji, jiġu kkontrollati l-bżieżaq immobiljari, jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku u jiġi żgurat l-introjtu tal-Istati Membri;
D. billi l-Istati Membri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom rwol essenzjali x'jiżvolġu, u diskrezzjoni wiesgħa fil-forniment, l-ikkummissjonar u l-organizzazzjoni tal-provvediment ta' akkomodazzjoni soċjali parallelament ma', u addizzjonalment, għall-provvista ta' akkomodazzjoni abbażi tas-suq; billi l-provvediment ta' akkomodazzjoni soċjali għandu jissodisfa livell għoli ta' kwalità, sikurerzza u affordjabbiltà, u għandu jippromwovi t-trattament ugwali u d-drittijiet tal-utenti;
E. billi hemm nuqqas ta' faċilitajiet tal-akkomodazzjoni soċjali, u ħtieġa akbar għal akkomodazzjoni affordjabbli, fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri tal-UE; billi l-profil soċjali u tal-familji tal-persuni li jużaw l-akkomodazzjoni soċjali nbidel; billi dawn il-fatturi soċjali ġodda għandhom jiġu identifikati sabiex l-Istati Membri, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali rispettivi tagħhom, ikunu jistgħu jiddefinixxu firxa ta' strateġiji tal-akkomodazzjoni li jirriflettu ċ-ċirkustanzi attwali;
F. billi l-politika tal-akkomodazzjoni soċjali hija parti integrali mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni, jiffaċilitaw l-aċċess għall-proprjetà, jippromwovu l-kwalità tal-ispazju tal-għajxien, itejbu l-ispazju tal-għajxien eżistenti u jadattaw l-ispiża tal-akkomodazzjoni għas-sitwazzjoni familjari u r-riżorsi tal-okkupanti, filwaqt li jħallu opportunità għall-isforz min-naħa tagħhom;
G. billi l-akkomodazzjoni soċjali għandha tkun karatterizzata minn relazzjoni tajba bejn il-kwalità u l-prezz tax-xiri jew il-kera, għandha tippermetti t-tifdil enerġetiku, għandha tkun f'ambjent li jinkludi spazji ħodor, u għandha tkun xierqa għal ġenerazzjonijiet differenti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tal-anzjani;
H. billi, sabiex jiġu evitati kemm żidiet fin-numru ta' persuni bla dar u kriżijiet fl-akkomodazzjoni fil-ġejjieni, ir-regoli dwar l-ipoteka għandhom ikunu mfassla biex jipproteġu l-konsumaturi u jifirxu r-riskji b'mod ġust;
I. billi l-akkomodazzjoni soċjali għandha rwol ewlieni fl-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 – b'mod partikolari l-mira tal-faqar tagħha, inkluża l-prevenzjoni tat-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġ – billi tikkontribwixxi għall-iżgurar ta' livelli għoljin ta' impjieg, inklużjoni u koeżjoni soċjali, għall-promozzjoni tal-mobbiltà tal-impjiegi u għall-ġlieda kontra kemm it-tibdil fil-klima kif ukoll il-faqar enerġetiku permezz tal-modernizzazzjoni tal-istokk tad-djar;
J. billi t-tagħqid tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-miżuri ta' awsterità, il-prezzijiet li qed jiżdiedu tad-djar u d-dħul li qed jonqos tal-familji żdiedu l-qgħad u l-esklużjoni soċjali fl-UE, speċjalment fost il-gruppi ta' nies l-aktar vulnerabbli, u b'hekk żdied il-piż fuq is-servizzi ta' welfare; jieħu nota li, minkejja l-effett stabbilizzanti sinifikanti tiegħu, il-finanzjament pubbliku għall-akkomodazzjoni soċjali f'xi Stati Membri sar vittma tal-miżuri reċenti ta' awsterità finanzjarja;
K. billi l-kriżi ekonomika u soċjali qed ikollha impatt negattiv dirett fuq l-attività fis-settur tal-bini u tal-arranġament mill-ġdid tad-djar, u fuq l-għajnuna finanzjarja għalih, fejn l-akkomodazzjoni soċjali hija milquta b'mod partikolarment qawwi, minħabba li qed jinfaqgħu l-bżieżaq immobiljari u minħabba l-kontrazzjoni tal-kreditu, il-pagamenti tardivi u tnaqqis f'ordnijiet ġodda mis-settur pubbliku; billi s-settur tal-kostruzzjoni jista' jkun forza qawwija fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni sostenibbli u inklużiva għall-kriżi u jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-klima u mal-enerġija;
L. billi l-miżuri ta' awsterità u ta' konsolidament fiskali għandhom jimxu id f'id ma' strateġija globali ta' invsetiment fi tkabbir sostenibbli u inklużiv fid-dawl tal-objettivi tal-Ewropa 2020, inklużi dawk fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;
M. billi l-akkomodazzjoni hija ħtieġa bażika li għaliha l-Istati Membri jistabbilixxu – f'konformità mal-għażliet ta' politika tagħhom – standards minimi ta' abitabilità u kumdità, ippjanar urban u regoli dwar il-kostruzzjoni speċifiċi u perċentwali tad-dħul massimi, b'xi wħud minnhom jirregolaw iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar u anke jistabbilixxu mekkaniżmi biex jipprovdu assistenza soċjali jew għajnuna dwar it-taxxa biex jgħinu f'dik li hija waħda mill-akbar nefqiet tal-familji;
N. billi, minħabba l-impatt enormi ekonomiku, soċjali u fit-tul tal-kriżi, mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku, ir-rati tal-impjieg u l-livelli tal-faqar u l-esklużjoni, iżda anke fuq l-aċċess għall-akkomodazzjoni u fuq l-investiment fl-akkomodazzjni soċjali fl-UE, tinħtieġ azzjoni urġenti min-naħa tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jiġi ggarantit l-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u affordjabbli; billi, peress li l-akkomodazzjoni hija l-akbar nefqa tal-familji fl-Ewropa, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet relatati mal-akkomodazzjoni (il-prezzijiet tal-art, il-prezzijet tax-xiri u l-kera u l-prezzijiet tal-enerġija) tikkawża instabbiltà u ansjetà, u trid titqies bħala tħassib serju; billi, peress li l-qgħad kiber ukoll fl-UE, kif juri l-fatt li r-rata medja għall-UE 27 qabżet l-10.9 % f'Jannar 2013, u billi, fl-istess ħin, il-popolazjzoni tal-Ewropa qed tixjieħ, hemm riskju kbir ta' distakk li jiżdied bejn is-sinjuri u l-foqra, l-esklużjoni soċjali u l-persuni bla dar, bi 80 miljun Ewropew diġà fir-riskju tal-faqar;
O. billi r-Rom għandhom it-tendenza li jgħixu f'żoni segregati ħafna fejn l-aċċess għal servizzi soċjali u tas-saħħa huwa problematiku;
P. billi hemm rabtiet ċari bejn akkomodazzjoni ta' livell baxx u nuqqas ta' saħħa tajba: id-dejn ipotekarju huwa assoċjat ma' saħħa mentali li tmur għall-agħar; l-affollament eċċessiv huwa assoċjat ma' problemi psikoloġiċi, tuberkulożi, infezzjonijiet respiratorji, ċansijiet akbar ta' nirien u inċidenti domestiċi; il-fatt li wieħed jgħix f'akkomodazzjoni inadegwata jaffettwa s-saħħa, is-sikurezza u jżid iċ-ċans ta' inċidenti domestiċi; il-fatt li wieħed jgħix f'żona storbjuża huwa assoċjat mal-ipertensjoni u ma' pressjoni ogħla tad-demm; billi nuqqas ta' akkomodazzjoni huwa sors kemm ta' stress kif ukoll ta' dwejjaq li jaffettwaw b'mod ħażin il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-benessri;
Q. billi n-nisa – li 24.5 % minnhom kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali fl-2010, b'mod partikolari n-nisa b'introjti baxxi, l-ommijiet waħedhom, in-nisa f'impjiegi b'pagi baxxi, in-nisa migranti, ir-romol bi tfal dipendenti u n-nisa li huma vittmi tal-vjolenza domestika – kif ukoll il-familji mmexxija minn mara waħedha bit-tfal, il-familji żgħażagħ, il-familji kbar, l-istudenti, iż-żgħażagħ fil-bidu tal-karrieri tagħhom, il-koppji żgħażagħ qiegħda, il-persuni b'diżabilitajiet, il-persuni b'mard fiżiku jew psikjatriku, il-persuni minn komunitajiet marġinalizzati inklużi r-Rom, u l-anzjani, huma milquta l-aktar min-nuqqas ta' possibilitajiet ta' akkomodazzjoni soċjali affordjabbli u adegwata; billi dawn il-kategoriji huma partikolarment vulnerabbli li jispiċċaw bla dar u sikwit jispiċċaw jgħixu f'akkomodazzjoni ta' livell baxx tas-suq privat, u dan iżid b'mod sostanzjali r-riskju tagħhom ta’ problemi tas-saħħa; billi dawn in-nies sikwit ifittxu soluzzjonijiet alternattivi billi jmorru jgħixu mal-familja, ħbieb jew konoxxenzi, u dan ma jippermettix li ssir analiżi korretta u dokumentazzjoni trasparenti ta' persuni bla dar;
R. billi l-kriżi ekonomika u l-prezzijiet għoljin tas-suq tal-akkomodazzjoni flimkien inaqqsu l-abbiltà tan-nisa li jiddivorzjaw jew itemmu l-koabitazzjoni, u b'hekk jillimitaw il-libertà tagħhom u jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-vjolenza domestika bbażata fuq il-ġeneru;
S. billi akkomodazzjoni għall-kiri affordjabbli hija essenzjali għaż-żgħażagħ sabiex jieħdu taħriġ vokazzjonali, studji universitarji, apprendistati jew opportunitajiet ta' impjieg;
T. billi l-Istati Membri jistabbilixxu u jorganizzaw ukoll offerta parallela ta' akkomodazzjoni soċjali li tikkumplimenta l-offerta ġenerata mis-suq privat; billi din l-akkomodazzjoni soċjali hija offruta taħt kundizzjonijiet speċifiċi minn aġenziji mingħajr skop ta' qligħ imwaqqfa speċifikament għal dan l-iskop; billi 25 miljun familja Ewropea qegħdin f'akkomodazzjoni soċjali li r-rekwiżiti ta' ppjanar lokali u reġjonali, ir-regoli tal-aċċess u l-prezzijiet tagħhom huma stabbiliti direttament mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri; billi, minħabba l-istabbiltà tagħha u l-fatt li l-prezzijiet huma regolati, din l-offerta ta' akkomodazzjoni parallela tgħin b'mod partikolari biex iżżomm iċ-ċikli tas-swieq u l-bżieżaq immobiljari taħt kontroll;
Promozzjoni tar-rwol soċjali u ekonomiku tal-akkomodazzjoni soċjali
1. Jinnota li, minħabba l-kriżi ekonomika u soċjali attwali, is-suq waħdu huwa dejjem aktar inkapaċi li jissodisfa l-ħtieġa għal djar affordjabbli, b'mod partikolari f'żoni urbani popolati ħafna, u li ż-żieda fil-prezz tal-akkomodazzjoni u tal-enerġija tiffavorixxi r-riskju ta’ mard, faqar u esklużjoni soċjali; jinnota ż-żieda f'diversi Stati Membri fl-għadd ta' evizzjonijiet u ta' proprjetajiet ikkonfiskati mill-banek; iħeġġeġ it-teħid ta' miżuri b'reazzjoni għal dawn l-isfidi; huwa preokkupat kemm dwar l-impatt dirett kif ukoll dwar dak indirett ta' xi miżuri ta' awsterità fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali attwali – bħat-tnaqqis tal-benefiċċji tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi soċjali, l-intaxxar ta' min jipprovdi akkomodazzjoni soċjali, il-kanċellazzjoni ta' proġetti ġodda ta' akkomodazzjoni u l-bejgħ ta' partijiet tal-istokkijiet nazzjonali ta' akkomodazzjoni soċjali – li jista' jkabbar ċirku vizzjuż ta' esklużjoni u segregazzjoni soċjali fuq perjodu twil ta' żmien;
2. Ifakkar li, fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, il-politiki tal-akkomodazzjoni soċjali jiżvolġu rwol importanti permezz tal-qerda tal-faqar fost il-familji u l-prevenzjoni tat-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġ; jinnota li, fid-dawl tal-bidliet soċjali u demografiċi fl-istruttura tal-familji u ż-żieda fin-numru ta' impjiegi instabbli u prekarji, hemm bżonn akbar ta' akkomodazzjoni affordjabbli anke għal setturi tal-popolazzjoni li huma integrati soċjalment;
3. Iħeġġeġ il-konformità mal-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26 mehmuż miegħu, skont liema l-awtoritajiet pubbliċi huma liberi li jiddeterminaw kif is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali huwa organizzat u ffinanzjat u liema tipi ta' familji huma eliġibbli, bl-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali u li jiġi żgurat livell għoli ta' kwalità, sikurezza, affordjabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-utenti; iqis li dan l-intervent huwa l-mezz li bih l-awtoritajiet pubbliċi jirrispondu għall-fallimenti tas-suq sabiex jiggarantixxu aċċess universali għal akkomodazzjoni diċenti bi prezz konvenjenti f'konformità mal-Artikoli 16, 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea;
Lejn Politika ta' Akkomodazzjoni Soċjali Ewropea
4. Ifakkar lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li l-infiq fl-akkomodazzjoni soċjali u affordjabbli huwa konformi mad-drittijiet fundamentali, jippermetti l-issodisfar ta' ħtiġijiet soċjali urġenti, u bħala investiment soċjali strateġiku, jgħin b'mod sostenibbli biex jiġu pprovduti impjiegi lokali mhux rilokabbli, tiġi stabbilizzata l-ekonomija billi jitnaqqas ir-riskju tal-bżieżaq immobiljari u tad-dejn eċċessiv tal-familji, tiġi promossa l-mobbiltà tal-ħaddiema, jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku u jittaffew il-problemi tas-saħħa li joriġinaw mill-affollament żejjed u minn kundizzjonijiet ħżiena tal-għajxien; jinsisti, għalhekk, li l-akkomodazzjoni soċjali m'għandhiex titqies bħala spiża li għandha tinqata' iżda bħala investiment li jiġġenera ritorn fuq żmien fit-tul permezz ta' saħħa u benessri soċjali aħjar, aċċess għas-suq tax-xogħol u għoti ta' setgħa lill-persuni, b'mod speċjali lill-anzjani, biex jgħixu ħajja indipendenti;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas ta' azzjoni Ewropew dwar l-akkomodazzjoni soċjali għall-politika tal-akkomodazjzoni b'tali mod li tiġi żgurata konsistenza bejn id-diversi strumenti politiċi li l-UE tuża biex tindirizza din il-kwistjoni (l-għajnuna mill-Istat, il-finanzjament strutturali, il-politika tal-enerġija, l-azzjoni biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-politika tas-saħħa);
6. Jitlob lill-Kummissjoni – abbażi tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-esperjenza bejn l-Istati Membri, u filwaqt li jitqies il-fatt li l-akkomodazzjoni soċajli hija kkonċepita u ġestita b’modi differenti (spiss minħabba l-flessibilità fl-istabbiliment tal-prijoritajiet) fl-Istati Membri, fir-reġjuni u fil-komunitajiet lokali – biex tiċċara d-definizzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali;
7. Jirrimarka li l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali jifforma parti minn sforzi ta' politika usa' biex jiġu organizzati u ffinanzjati s-servizzi pubbliċi soċjali, tas-saħħa u edukattivi bl-għan li jiġi żgurat li d-drittijiet soċjali bażiċi jistgħu jitgawdew u li jirrispondu għall-bżonnijiet soċjali ġodda u għall-bidliet ekonomiċi ċikliċi;
8. Jenfasizza l-bżonn li l-investiment soċjali jiġi monitorjat bħala parti minn “patt ta’ investiment soċjali” msawwar fuq il-Patt Euro Plus u mfassal biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika u baġitarja tal-Unjoni u li jinkludi l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal miri ta' investiment soċjali li l-Istati Membri għandhom jilħqu bl-għan li jintlaħqu l-objettivi soċjali, edukattivi u tal-impjieg stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020; jilqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2012, li jenfasizzaw li “l-possibbiltajiet offruti mill-qafas baġitarju eżistenti tal-UE biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina baġitarja jistgħu jiġu sfruttati fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, u b'hekk jappoġġaw il-validità ta' din il-proposta; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja aktar mill-qrib l-investiment soċjali, billi tuża tabella ta' valutazzjoni bbażata fuq indikaturi tal-investiment fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE, li, b'rabta mal-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali, tqis il-bidliet fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u fin-numru ta' persuni li qed jistennew li jiġu allokati akkomodazzjoni fl-Istati Membri; jistieden ukoll lilll-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b'enfasi speċjali fuq l-Artikolu 31;
9. Huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet tar-residenti u tal-kerrejja għandhom jiġu involuti fid-definizzjoni tal-istrateġiji tal-akkomodazzjoni li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li l-innovazzjoni soċjali tiġi appoġġata kemm mill-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll mill-Programm Qafas dwar ir-Riċerka sabiex jiġu analizzati politiki ġodda li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għall-akkomodazzjoni u jtaffu l-problema ta' persuni bla dar;
11. Jilqa' l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2011 (COM (2011)0142) li tfittex li timponi restrizzjonijiet fuq ftehimiet ta' kreditu b'rabta ma' proprjetà residenzjali u b'hekk tikkontrolla d-dejn eċċessiv tal-familji; jitlob dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-ipoteki li jinkorporaw l-aħjar prattiki li jkunu favorevoli kemm jista' jkun għall-konsumaturi; iħeġġeġ l-inklużjoni ta' proċeduri għan-negozjar mill-ġdid u l-iskedar mill-ġdid tal-ħlas lura tad-dejn għal individwi u familji li m'għandhomx mnejn iħallsu; jistieden lill-Istati Membri jevitaw li familji żgumbrati jiġu mġiegħla jibqgħu jħallsu lura l-ipoteki tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni b'reazzjoni għat-tbatija soċjali kkawżata lil dawk li huma milquta l-aktar mill-kriżi ekonomika u l-qgħad u li qed jiġu żgumbrati u mċaħħda minn djarhom; jinnota li dan qiegħed iseħħ fl-isfond ta' inizjattivi importanti tal-assistenza pubblika mfassla biex ireġġgħu s-sistema finanzjarja fuq bażi soda; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex joffru soluzzjonijiet alternattivi għall-evizzjonijiet;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex twissi lill-Istati Membri, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tagħha, meta r-riformi x'aktarx jheddu l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali jew affordjabbli, u biex ma toħroġx rakkomandazzjonijiet fir-rigward tad-daqs tas-settur tal-akkomodazzjoni soċjali fl-Istati Membri individwali; jikkritika l-fatt li, bħala parti mill-programmi ta' konsolidament fiskali u f'konformità ma' rakkomandazzjonijiet speċifiċi magħmula mill-Kummissjoni dwar azzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni, xi Stati Membri qed jagħsru l-kapaċità fis-settur billi jintaxxaw il-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali; barra minn hekk, huwa preokkupat dwar id-definizzjoni restrittiva ta' akkomodazzjoni soċjali mogħtija mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, li tindirizza biss il-gruppi żvantaġġati;
13. Jistieden lill-Kunsill biex isejjaħ laqgħa tal-ministri tal-akkomodazzjoni tal-Istati Membri tal-anqas darba fis-sena biex jiddiskutu l-impatt ta' politiki varji tal-UE dwar il-politika tal-akkomodazzjoni u jiżguraw li l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-settur tal-akkomodazzjoni jkunu integrati b'mod aktar effiċjenti fil-livell tal-UE, bl-involviment ta' partijiet interessati bħall-korpi tal-akkomodazzjoni soċjali, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-okkupanti u assoċjazzjonijiet li jfittxu li jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni;
14. Jinnota li definizzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali u tal-benefiċjarji għandha tkun ir-riżultat ta' proċess ta' diskussjoni demokratiku sabiex ikunu jistgħu jitqiesu t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu importanza akbar lill-akkomodazzjoni u servizzi relatati taħt l-Istrateġija dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, anke permezz ta' miżuri biex tittaffa l-problema ta' persuni bla dar u titnaqqas l-esklużjoni fl-akkomodazzjoni abbażi ta' indikaturi nazzjonali konġunti u jħeġġu skambji ta' prattika tajba fl-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għall-akkomodazzjoni;
16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jinkludu l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali fl-objettivi baġitarji tagħhom ta' terminu medju u fit-tul, fil-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u fl-assi strateġiċi tal-Kuntratt ta' Sħubija 2014-2020; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw b'mod aktar effettiv l-implimentazzjoni u l-ilħuq tal-objettivi soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020;
17. Jinnota li l-politiki u l-programmi tal-akkomodazzjoni jeħtieġ jiġu żviluppati b'konsultazzjoni man-nisa b'introjtu baxx u minn kuntesti soċjali differenti sabiex wieħed jara liema politiki jikkorrispondu l-aħjar għall-ħtiġijiet tan-nisa;
Inkoraġġiment tal-investiment biex tingħata spinta lill-impjieg lokali u lill-ekonomija ekoloġika
18. Jenfasizza r-rwol ekonomiku kontraċikliku tas-settur tal-akkomodazzjoni, u b'mod partikolari tas-settur tal-akkomodazzjoni soċjali permezz tat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika, l-appoġġ mogħti lill-industriji tal-kostruzzjoni u tar-rinnovazzjoni u, għalhekk, lill-impjiegi lokali sostenibbli u mhux rilokabbli, b’mod partikolari minħabba n-natura intensiva fir-rigward tal-ħaddiema tas-settur, l-iżvilupp ta' setturi tal-ekonomija ambjentali bħala parti mill-ekonomija lokali, u l-effetti konsegwenzjali fuq il-bqija tal-ekonomija; għalhekk, jemmen li l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali għandu jitqies mhux biss bħala nefqa iżda anke bħala investiment produttiv; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jibdew djalogu mal-industrija tal-kostruzzjoni sabiex jiżviluppaw ambjent tan-negozju aħjar għal, u regolamentazzjoni aħjar ta', l-akkomodazzjoni soċjali, b'enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta' miri tal-bini residenzjali, l-arranġament tal-ispejjeż infrastrutturali u l-offerta ta' art għall-iżvilupp;
19. Jenfasizza l-valur miżjud fuq l-impjieg lokali u l-effett ta' lieva konsiderevoli fuq l-investimenti maħluqa mill-azzjoni diretta tal-fondi strutturali mill-2007 sal-2013 fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali;
20. Huwa tal-fehma li l-ammonti li għandhom jiġu allokati għall-Fondi ta' Koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 m'għandhomx ikunu inqas mill-ammonti fil-QFP attwali, sabiex jiġi ggarantit finanzjament adegwat għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), b'mod partikolari l-prijorità tal-investiment “il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar – appoġġ għar-riġenerazzjoni fiżika u ekonomika ta' komunitajiet urbani u rurali żvantaġġati”;
21. Jirrikonoxxi li ħafna Stati Membri diġà implimentaw politiki tal-akkomodazzjoni soċjali effettivi, u jemmen li r-rwol tal-UE f'dan il-kuntest għandu jkun li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri;
22. Jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni għall-pakkett leġiżlattiv ta' regolamenti dwar il-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020; jappoġġa l-fatt li l-investiment prijoritarju fl-effiċjenza enerġetika u fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli fl-akkomodazzjonijiet soċjali u affordjabbli, kif ukoll proġetti integrati għal żvilupp urban u territorjali sostenibbli, l-aċċess ugwali għall-akkomodazzjoni għall-komunitajiet marġinalizzati, u l-promozzjoni ta’ partijiet interessati soċjali u ta' solidarjetà bħalma huma l-kooperattivi u l-impriżi tal-akkomodazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, isir eliġibbli għal appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-korpi rilevanti kollha jiddedikaw post importanti kemm għall-investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali u affordjabbli kif ukoll lit-tisħiħ tas-setturi tal-akkomodazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fil-programmi nazzjonali ta’ riforma u fit-tiswir tal-prijoritajiet strateġiċi skont il-ftehimiet ta’ sħubija għall-perjodu 2014-2020, kif ukoll biex ikun żgurat li l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jiġu riflessi fil-miżuri ppjanati għall-akkomodazzjoni;
24. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu akbar mill-istrumenti tad-dritt privat – bħal arranġamenti ta' kiri fit-tul – biex jiġi ffaċilitat il-provvediment ta' akkomodazzjoni soċjali, billi jitneħħa l-bżonn li tinxtara l-art għal raġunijiet ta' bini, u mill-kontinwazzjoni tas-sjieda individwali tal-akkomodazzjoni soċjali, billi jitħeġġu arranġamenti ta' użufrutt ta' sid il-kera;
25. Jenfasizza li l-bini residenzjali u kummerċjali jagħmlu bejniethom 40 % tal-konsum finali tal-enerġija u tal-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-Ewropa, u li bini ambjentalment sostenibbli jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u ż-żmien tal-bini, u għal tnaqqis drastiku fl-impatt ambjentali u l-konsum tal-enerġija u, għaldaqstant, fl-ispejjeż tal-ġestjoni relatati mal-akkomodazzjoni;
26. Jappoġġa baġit adegwat għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni tiġi identifikata bħala xprun għall-irkupru; jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Patt Ewropew għat-Tkabbir u l-Impjiegi fir-rigward tal-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw u jħaffu r-riallokazzjoni tal-flejjes mhux użati mill-Fondi Strutturali għal proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija u ta’ enerġija rinnovabbli matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013; iqis li s-settur tal-akkomodazzjoni soċjali għandu jibbenefika minn dawn ir-riallokazzjonijiet;
27. Jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet ta' ġestjoni tagħhom u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-partijiet interessati tal-akkomodazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tar-residenti u l-assoċjazzjonijiet għal aċċess għall-akkomodazzjoni fost l-eqreb interlokuturi tagħhom għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi; jisħaq fuq l-importanza ta' għodod ġodda tal-iżvilupp integrat (Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità u Investiment Territorjali Integrat) għal strateġiji tal-akkomodazzjoni integrati li fihom ikunu meqjusa b'mod prominenti l-organizzazzjonijiet u l-okkupanti tal-akkomodazzjoni soċjali; jemmen li l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni jridu jagħmlu użu effettiv kemm mill-prinċipju tas-sħubija kif ukoll minn dak tal-governanza f'diversi livelli u li l-Istati Membri jridu jitħeġġu jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet u jiġi determinat kif għandhom jintużaw il-fondi; iqis li sinerġiji akbar bejn il-Fond Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni jkunu jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni żvantaġġjati jew rurali, filwaqt li jipprevjenu l-iżolament u d-depopolazzjoni tagħhom, u b’hekk jiġu evitati l-effetti negattivi tas-segregazzjoni soċjali u jiġu promossi l-eteroġeneità, il-koeżjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
28. Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jistimolaw kostruzzjoni u rinnovazzjoni ta' standard għoli ta' akkomodazzjoni soċjali u affordjabbli, biex isaħħu jew jiżviluppaw mekkaniżmi speċifiċi ta' finanzjament, kif ukoll biex jinkoraġġixxu, b'mod koordinat, ir-rikors għall-għotjiet tal-programm Orizzont 2020 u l-użu ta’ strumenti finanzjarji u ta’ programmi ta’ għajnuna teknika proposti mill-Fondi Strutturali, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF); jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex isibu modi kif japplikaw ir-regolament modifikat dwar il-FEŻR sabiex jipprovdu l-akkomodazzjoni għall-komunitajiet marġinalizzati;
29. Jistieden lill-BEI, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex iqiegħed enfasi akbar fuq is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordjabbli meta jistabbilixxi l-prijoritajiet ta' investiment tiegħu, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri li m'għandhomx bank pubbliku tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jillaxka t-termini li skonthom jawtorizza s-self; jistieden ukoll lill-BEI jiddetermina l-ambitu għall-użu tal-bonds tal-proġetti bħala strument biex tiġi ffinanzjata l-infrastruttura soċjali, bħall-akkomodazzjoni, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-fażi pilota tiegħu qabel ma jestendih;
30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-attivitajiet tal-kooperattivi tal-akkomodazzjoni, li huma għodda importanti għax-xiri affordjabbli tal-ewwel dar; jirrimarka li l-kooperattivi huma wkoll għodda effettiva għall-promozzjoni ta' inizjattivi ta' riġenerazzjoni urbana, li joħolqu sinerġiji mal-komunitajiet lokali u li jwaqqfu l-abbandunar tal-bliet żgħar u l-bliet kbar;
31. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi sorsi potenzjali oħra ta' finanzjament lill-Istati Membri għall-iżvilupp u r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali bħala forom ta' investiment soċjali, kif ukoll biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu effettiv tal-finanzjament Ewropew disponibbli, u biex iżommu r-rati mnaqqsa ta' VAT applikabbli għal tali investiment, minħabba l-intensità qawwija ta’ ħaddiema fis-settur u l-impatt limitat ħafna tiegħu fuq il-kummerċ transfruntier fl-UE; iħeġġeġ li jitqies il-fatt li jiġu applikati l-istess rati ta' VAT għall-akkomodazzjoni soċjali bħal dawk għall-bżonnijiet bażiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw tfaddil privat kemm sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-art kif ukoll biex jinkuraġġixxu l-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali;
32. Jitlob li jiġu implimentati mudelli ta' kooperazzjoni integrati li jlaqqgħu flimkien il-maniġers tal-proġetti, il-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali u l-kumpaniji tal-kostruzzjoni sabiex jippromwovu r-rinnovazzjoni termali tal-akkomodazzjoni soċjali u l-bini ta' akkomodazzjoni soċjali b'konsum baxx tal-enerġija;
33. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu (COM(2012)0433); huwa tal-fehma li, minbarra inċentivi ta' taxxa u appoġġ finanzjarju biex tingħata spinta lill-kompetittività ta' dan is-settur u l-innovazzjoni fih, miżuri għat-titjib tal-livelli ta' ħiliet tal-ħaddiema huma essenzjali jekk irridu nissodisfaw l-isfidi marbuta mal-ħolqien ta' Ewropa effiċjenti fl-użu ta' riżorsi u ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, u jekk irridu nilħqu l-objettivi stipulati fid-Direttivi dwar l-effiċjenza fl-enerġija (2012/27/UE)(39) u dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija UE (2010/31/UE)(40);
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali relevanti bil-għan li jitfasslu previżjonijiet fuq tul ta' żmien medju u twil tal-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol; jistieden lill-partijiet interessati relevanti biex jimmonitorjaw xejriet tal-impjieg bl-għan li t-taħriġ professjonali bażiku u t-tagħlim matul il-ħajja jsiru aktar relevanti; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali relevanti sabiex jadattaw malajr is-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali tagħhom, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, filwaqt li jiġi inkorporat il-kunċett tal-ekonomija sostenibbli, u biex jiġi żgurat l-aċċess għal programmi ta' iżvilupp tal-ħiliet sabiex ikun aktar faċli għaż-żgħażagħ li jiksbu aċċess għal impjiegi “ekoloġiċi” u industriji “ekoloġiċi” ġodda; jirrimarka li l-promozzjoni ta' impjiegi ekoloġiċi tista' toħloq opportunitajiet ta' kwalità u ta' impjieg sostenibbli, tittratta l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll tiżgura s-servizzi ta' appoġġ tal-impjiegi;
35. Jinnota li dan is-settur “ekoloġiku” jista' jipprovdi firxa ta' opportunitajiet ta' impjieg differenti, li jvarjaw minn xogħlijiet bażiċi u li jirrikjedu inqas kwalifiki għal impjiegi bi kwalifiki għoljin fis-settur tal-għarfien; f'dan ir-rigward:
–
jinnota r-rwol importanti tal-SMEs fil-provvediment ta' tali impjieg fl-ekonomija ekoloġika, u jenfasizza l-potenzjal għall-SMEs li joffru taħriġ tax-xogħol, apprendistati u skemi ta' outreach lokali, li jistgħu jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għal individwi soċjalment żvantaġġati;
–
jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-fattibilità tal-fondi ta' tranżizzjoni biex jiġu ġestiti l-bżonnijiet tal-ħiliet;
–
jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora fil-qafas għat-tagħlim matul il-ħajja d-disa' kompetenza ewlenija relatata mal-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli;
–
jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jinvestu fil-ħiliet, l-impjieg, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid vokazzjonali, u b'mod partikolari l-professjonijiet “ekoloġiċi”, bħar-rinnovazzjoni termali tal-bini;
–
jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-emerġenza ta' individwi u korpi li għandhom il-ħiliet li jindirizzaw l-aspetti soċjali u tekniċi tal-iffrankar tal-enerġija, bħall-membri tal-professjonijiet li jipprovdu rabta bejn il-lat soċjali u dak tekniku, u sforzi biex jitħarrġu membri tal-professjonijiet tekniċi li jieħdu approċċ aktar soċjali għall-kwistjoni tal-effiċjenza enerġetika u viċe versa;
36. Jilqa' l-Pakkett ta' Investiment Soċjali li bih il-Kummissjoni toffri linji gwida għall-Istati Membri biex ifittxu aktar politiki soċjali effiċjenti u effettivi mmirati għat-tkabbir u l-koeżjoni;
37. Jinnota li dawn l-investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali huma parti mill-politiki usa' biex jorganizzaw u jiffinanzjaw l-għoti ta' servizzi pubbliċi soċjali u tas-saħħa u servizzi tal-edukazzjoni, fi sforz biex in-nies ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet soċjali fundamentali tagħhom u biex ikunu lesti għall-bżonnijiet soċjali li dejjem jinbidlu;
Il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali
38. Ifakkar li r-rikonoxximent u l-kisba tad-dritt għall-akkomodazzjoni jaffettwaw il-kisba sħiħa tad-drittijiet fundamentali l-oħra, inklużi d-drittijiet politiċi u soċjali; jirrimarka li huwa l-Istat Membru jew l-awtorità pubblika kkonċernata li huma responsabbli biex dan id-dritt għall-akkomodazzjoni jsir realtà, billi jtejbu, permezz tal-politiki u l-programmi tagħhom, l-aċċess universali għall-akkomodazzjoni, b'mod partikolari għal persuni żvantaġġati, billi jipprovdu biżżejjed djar adegwati, nodfa u affordjabbli;
39. Jistieden lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali twettaq studju li jivvaluta l-effettività u skont liema kundizzjonijiet l-implimentazzjoni tad-dritt għall-akkomodazzjoni u l-assistenza dwar l-akkomodazzjoni huwa implimentat fl-Istati Membri, bl-involviment tal-partijiet interessati fil-proċess; jistieden lill-Aġenzija tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni effettiva tad-drtitt għall-akkomodazzjoni għal gruppi partikolarment vulnerabbli, inklużi l-persuni bla dar; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi tali attivitajiet fil-Pakkett tal-Investiment Soċjali;
40. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġaw u jippromwovu skambji innovattivi tal-aħjar prattiki biex jitħares id-dritt għall-akkomodazzjoni għal gruppi partikolarment vulnerabbli u marġinalizzati, b'attenzjoni partikolari għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jinnota b’dispjaċir li l-vittmi tal-vjolenza domestika sikwit ikollhom tendenza akbar li jibqgħu f'ambjent ta' abbuż jekk finanzjarjament ma jkunux jistgħu jsibu akkomodazzjoni xierqa; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi soċjali integrati għall-familji li jkunu vittmi tal-vjolenza domestika;
41. Jistenna li l-Kummissjoni teżamina sa liema punt l-appoġġ dirett permezz ta' allowances għall-akkomodazzjoni, jew l-appoġġ indirett permezz tal-akkomodazzjoni soċjali nnifsha, hija miżura aktar effettiva biex tiġi provduta akkomodazzjoni affordjabbli għal gruppi soċjali li ma jistgħux ikopru l-bżonnijiet ta' akkomodazzjoni tagħhom fis-suq tal-akkomodazzjoni;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Eurofound iwettqu studju fl-2014, bħala parti mill-programm ta' ħidma tal-2014 tal-Aġenzija, dwar l-ispiża fil-każ li ma jsir xejn dwar l-akkomodazzjoni inadegwata;
43. Jinnota bi tħassib il-fatt li ħafna Stati Membri, li jaffaċċjaw żbilanċi baġitarji, qed jissospendu operazzjonijiet, programmi u azzjonijiet (pereżempju, is-sussidji għall-kiri u dawk ipotekarji) imfassla biex jiffaċilitaw l-akkwist ta' dar, filwaqt li, fl-istess ħin, qed iżidu b'mod sproporzjonat it-taxxi fuq il-proprjetà f'nofs kriżi ekonomika akuta, u b'hekk qed iħallu ħafna sezzjonijiet tas-soċjetà vulnerabbli għall-faqar u t-tiċħid;
44. Jistieden lill-Istati Membri jwettqu analiżijiet tal-impatt soċjali, b'enfasi fuq analiżijiet imsejsa fuq il-ġeneru u fuq l-unitajiet domestiċi, bħala parti mill-politiki u l-programmi kollha tal-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li b'mod partikolari titqies id-disparità bejn il-ġeneri fl-introjtu u r-riżorsi finanzjarji; jenfasizza li d-data statistika kollha trid tiġi diżaggregata skont il-ġeneru u t-tip ta' unità domestika, u li tinħtieġ aktar riċerka biex jiġi aċċertat bl-eżatt kif il-politiki tal-akkomodazzjoni jistgħu jappoġġaw individwi u gruppi f'sitwazzjoni vulnerabbli, bħan-nisa (filwaqt li jitqies ir-rwol multiplu tan-nisa bħala ġenituri waħedhom u dawk li jindokraw lill-membri tal-familja u lill-persuna b'diżabilità), il-familji, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani;
45. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom ifasslu politiki integrati għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali kif ukoll għall-iżgurar ta' aċċess universali għal akkomodazzjoni deċenti, sana u affordjabbli; jissuġġerixxi li dawn il-politiki jinkludu l-miżuri li ġejjin:
–
l-appoġġ speċifiku għal akkomodazzjoni soċjali u “soċjali ħafna” ta’ kwalità tajba u sana, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti kwoti minimi ta' akkomodazzjoni soċjali fejn ikun relevanti, bħal żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni fejn id-domanda hija l-ogħla, billi dan jinkuraġġixxi d-diversità;
–
l-istabbiliment ta' standards minimi ċari u ta' kwalità tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari għall-akkomodazzjoni soċjali;
–
rabtiet bejn programmi u politiki ta' espansjoni tal-akkomodazzjoni soċjali għall-aċċess għal servizzi pubbliċi essenzjali oħra u servizzi ta' interess ġenerali, bħall-kostruzzjoni ta' faċilitajiet pubbliċi soċjali u tal-kura tas-saħħa, kulturali u sportivi (bħala parti minn strateġija integrata lokali), u biex l-espansjoni urbana tinżamm skont il-linji gwida tal-Kummissjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta' teħid nett żero ta' art sal-2050;
–
jinstab rimedju għad-diffikultajiet frekwenti ta’ aċċess għal akkomodazzjoni diċenti għall-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli bħall-migranti u ż-żgħażagħ;
–
skemi li jirrinforzaw id-dritt li wieħed iżomm art jew proprjetà;
–
it-tħejjija ta' programmi speċifiċi għall-persuni bla dar abbażi ta' valutazzjonijiet tas-sitwazzjoni lokali, filwaqt li jitqies il-mudell tal-European Typology of Homelessness and Housing Excusion (ETHOS) biex jitkejjel il-kobor tal-esklużjoni soċjali marbuta mal-akkomodazzjoni, marbuta ma' miżuri ta' appoġġ soċjali kif ukoll kif adattati għas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, filwaqt li titqiegħed enfasi partikolari fuq l-akkomodazzjoni u l-assistenza fit-tul għall-persuni vulnerabbli u l-komunitajiet marġinalizzati, pjuttost milli biss fuq il-provvediment ta' akkomodazzjoni temporanja;
–
il-promozzjoni u l-finanzjament ta' programmi ta' “self-building”;
46. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kull ċittadin ikun jista’ jaffordja akkomodazzjoni billi jibbażaw iż-żieda fil-kera fuq sistema oġġettiva li tiżgura żidiet moderati fil-prezzijiet tal-proprjetà u billi jadattaw il-politika tat-taxxi biex tillimita l-ispekulazzjoni;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta mingħajr dewmien ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar;
48. Jenfasizza li l-aspetti differenti tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ dar fost in-nisa jridu jiġu indirizzati b'mod olistiku u għandhom jiffurmaw parti integrali mill-oqfsa tal-politika kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt rigward il-ġeneru, jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa bla dar, jippromwovu proġetti ambjentali ta' għajxien assistit u l-bini ta' akkomodazzjoni affordjabbli, adattata u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u jinkludu l-familji ta’ klassi medja – li sikwit huma esklużi minn skemi ta’ dan it-tip – fi programmi ta' akkomodazzjoni soċjali peress li dawn, bħal unitajiet domestiċi oħra, jistgħu jġarrbu nuqqasijiet materjali minħabba l-kriżi ekonomika;
49. Jitlob li jiġu implimentati mudelli ta' kooperazzjoni integrati li jlaqqgħu flimkien is-servizzi soċjali u tas-saħħa, jappoġġaw is-servizzi għal persuni żvantaġġati u l-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali u l-assoċjazzjonijiet relevanti bħala parti mill-isforzi tagħhom biex jgħinu lill-persuni vulnerabbli li qed ifittxu akkomodazzjoni u dawk li diġà għandhom akkomodazzjoni;
50. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet relevanti biex jallokaw fondi strutturali għall-akkomodazzjoni għal komunitajiet marġinalizzati, b'mod partikolari fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, billi dan jiġi inkluż bħala prijorità fil-programmi operattivi tagħhom; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex iżidu l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali abbażi ta' kriterji komuni u trasparenti;
51. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet relevanti tagħhom jinvestu fil-kostruzzjoni u r-ristrutturar mill-ġdid ta' akkomodazzjoni soċjali affordjabbli sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' djar imġarrfa u r-riskji tas-saħħa mistennija, id-diversi strutturi tal-familja, il-popolazzjoni li qed tixjieħ, l-anzjani dipendenti li jagħżlu li jibqgħu fi djarhom, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni diżabbli u taż-żgħażagħ, partikolarment f'termini ta' akkomodazzjoni u mobilità professjonali; jirrakkomanda li l-fondi strutturali jintużaw għal dawn ir-raġunijiet fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss (2014 - 2020); huwa tal-fehma li miżuri ta' appoġġ soċjali fir-rigward tal-aċċess għal akkomodazzjoni jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi fis-settur tas-saħħa (“white jobs”), li huma essenzjali jekk irridu nissodisfaw l-isfidi soċjali attwali u futuri, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ; jisħaq fuq ir-rwol pożittiv li jista' jkollhom il-Fondi Ewropej ta' Intraprenditorija Soċjali fir-rigward tal-proġetti tal-appoġġ u l-integrazzjoni soċjali permezz ta' proġetti ta' akkomodazzjoni;
52. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw miżuri ta' inċentiv effettivi, fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni, sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu ta' djar li jibqgħu vojta fuq tul ta' żmien, b'mod partikolari f'żoni problematiċi, bl-għan li tiġi trattata l-ispekulazzjoni tal-proprjetà u li dawn il-proprjetajiet jiġu konvertiti f'akkomodazzjoni soċjali;
53. Jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' klassifikazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-akkomodazzjoni li tipprovdi valutazzjoni msejsa fuq is-saħħa ta' perikli relatati mal-akkomodazzjoni;
54. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet relevanti biex jissimplifikaw il-proċess ta' applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali u biex jagħmlu l-allokazzjoni tad-djar aktar ġusta, trasparenti u imparzjali, skont iċ-ċirkustanzi soċjali, ekonomiċi u kulturali speċifiċi ta' kull Stat Membru, bl-għan li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni u li jiġi evitat kull “effett ta' evitar” għal gruppi partikolarment vulnerabbli, fenomenu li għandu l-effett li jaggrava s-segregazzjoni spazjali residenzjali u li joħloq il-getti; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-pertinenza tal-arranġamenti użati f'xi Stati Membri, bħal lista ta' kriterji tal-allokazzjoni definiti legalment, preċiżi u trasparenti biex jitħeġġeġ it-taħlit soċjali, l-applikazzjonijiet anonimi għal djar soċjali, ir-reklamar ta' proprjetajiet vojta, l-introduzzjoni ta' sistemi ta' klassifikazzjoni għal applikazzjonijiet tal-akkomodazzjoni, is-separazzjoni ċara bejn il-korpi li jiddeterminaw il-kriterji u dawk li jallokaw id-djar, u arranġamenti ta' governanza xierqa għall-allokazzjoni tad-djar sabiex jitħeġġeġ it-taħlit soċjali b'mod wiesa';
55. Jenfasizza l-isfidi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, deċenti u aċċessibbli għan-numru dejjem jikber ta' anzjani fl-UE; jinnota t-tifqir dejjem jikber tal-anzjani fl-Istati Membri kollha u, għaldaqstant, jitlob li fis-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni (EIP) dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu, li tikoordina r-riċerka f'dan il-qasam, jiġu inklużi miżuri affordjabbli li huma mfassla b'mod speċifiku biex jiżguraw li l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu fi djarhom għal żmien twil kemm jista' jkun; jinnota, f'dan ir-rigward, li azzjoni biex tittejjeb l-aċċessibbiltà attwali għall-akkomodazzjoni hija mod relevanti biex titnaqqas l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri biex tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fir-riformi nazzjonali tagħhom element speċifiku ddedikat għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet affordjabbli biex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu f'darhom sakemm huwa possibbli, filwaqt li jitqies li l-kundizzjonijiet imtejba għall-aċċess għall-istokk eżistenti ta' djar huwa mixtieq, filwaqt li n-nies jiġu megħjuna jibqgħu fil-postijiet ta' residenza tagħhom u ssir aktar faċli għalihom li jerġgħu jakkwistaw ħajja soċjali billi tingħata spinta lill-indipendenza personali tagħhom;
56. Jirrimarka li l-akkomodazzjoni soċjali għandha tkun strutturata biex jiġu evitati kemm il-ġentrifikazzjoni kif ukoll il-gettoizzazzjoni; jitlob inċentivi finanzjarji, meta jkun relevanti, bl-għan li jiġi żviluppat spazju għall-akkomodazzjoni privata u soċjali komuni u mħallta biex tiġi evitata s-segregazzjoni soċjali;
57. Jagħti importanza partikolari lill-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġja lill-klassijiet soċjali żvantaġġati, partikolarment fir-rigward tal-provvediment ta' akkomodazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-iżbilanċi soċjali eżistenti fl-Ewropa u partikolarment fil-pajjiżi li ngħaqdu reċentement mal-UE;
58. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet relevanti jieħdu passi biex itejbu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordjabbli billi jżidu l-ammont u l-kwalità ta' djar soċjali affordjabbli u billi jiżviluppaw l-integrazzjoni tagħhom mas-servizzi soċjali u tal-kura bbażati fuq il-komunità, filwaqt li jintużaw l-FSE u fondi strutturali oħra biex jilħqu dan ir-riżultat;
59. Jenfasizza li l-akkomodazzjoni soċjali għandha, meta tkun ikkoordinata mal-kura effettiva bbażata fuq il-komunità u servizzi soċjali oħra, tgħin biex tiżviluppa kapaċità ta' għajxien personali indipendenti, filwaqt li tgħin lil dawk li huma soċjalment vulnerabbli jew żvantaġġati biex jgħaddu mit-tranżizzjoni għal stil ta' ħajja aktar indipendenti, b'inqas dipendenza fuq il-welfare u awtonomija personali akbar;
60. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi u privati relevanti biex sistematikament jinkludu fis-sistemi tat-taħriġ għall-inġinerija, l-arkitettura, l-ippjanar urban u l-kostruzzjoni moduli dwar l-aċċessibilità tal-ambjent mibni u dwar “Disinn għal Kulħadd”;
61. Jiddispjaċih dwar ix-xejra globali ta' restrizzjoni tal-provvediment ta' akkomodazzjoni soċjali, u jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu l-grupp sikwit eskluż tal-familji tal-klassi medja fil-programmi tal-akkomodazzjoni soċjali għax jista' jsofri minn tiċħid materjali daqs familji oħrajn minħabba l-kriżi ekonomika;
62. Rigward l-impenn tal-Unjoni għall-iżvilupp urban sostenibbli u integrat, b'mod partikolari għall-akkomodazzjoni soċjali, bħala mezz effettiv biex jiġu integrati ż-żoni problematiċi fl-ambjent urban tal-madwar u t-trattament tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet relevanti biex jagħmlu użu akbar mill-fondi strutturali (il-FEŻR, il-FSE), u mill-BEI u soluzzjonijiet finanzjarji oħra, b'mod integrat, u biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejniethom; huwa tal-fehma li l-fatt li r-residenti jingħataw rwol xieraq u setgħa akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet qabel u matul il-bini u r-rinnovazzjoni tad-djar soċjali jgħin biex tingħata spinta lill-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali;
63. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar l-effettività tal-mudelli tal-investiment għall-impatt soċjali fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li tiffoka fuq il-benefiċċji potenzjali tal-fondi strutturali meta użati bħala strumenti ta' finanzjament, u possibilment meta marbuta ma' sorsi oħra ta' finanzjament, sabiex tingħata spinta lill-investiment ta' impatt soċjali, bħal permezz tal-ħolqien ta' impjiegi lokali fl-ekonomija ekoloġika, jew impjiegi għaż-żgħażagħ, u permezz tal-inklużjoni soċjali permezz tal-provvediment ta' akkomodazzjoni għal gruppi marġinalizzati;
64. Jinnota b'dispjaċir li l-vittmi tal-vjolenza domestika sikwit ikollhom tendenza akbar li jibqgħu f'ambjent ta' abbuż jekk ikunu jiddependu finanzjarjament fuq min jabbuża minnhom u għalhekk ma jkunux jistgħu jfittxu akkomodazzjoni separata u xierqa għalihom infushom; jitlob, għaldaqstant, li l-UE tippromwovi politiki, programmi u finanzjament sensittivi għall-ġeneri bl-għan li jżidu d-disponibbiltà ta' akkomodazzjoni sikura u affordjabbli għall-vittmi tal-vjolenza domestika, u jistieden lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet affordjabbli għal forom alternattivi ta' akkomodazzjoni ta' emerġenza u temporanja u jżidu l-għadd ta' ċentri ta' akkoljenza u ta' riabilitazzjoni għall-vittmi, kif ukoll servizzi soċjali oħra relatati bħal servizzi integrati għall-familji (i.e. ċentri tal-ġustizzja tal-familja);
65. Ifakkar li fl-2009 l-għadd ta' ommijiet waħedhom kien seba' darbiet akbar mill-għadd ta' missirijiet waħedhom; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-ommijiet waħedhom – flimkien ma’ gruppi jew individwi vulnerabbli oħra bħall-ġenituri waħedhom, il-familji żgħażagħ, il-familji kbar, iż-żgħażagħ fil-bidu tal-karrieri professjonali tagħhom, in-nisa migranti, il-persuni b'diżabilitajiet u l-anzjani – għandhom jingħataw prijorità fl-allokazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali; jinnota li meta bdiet il-kriżi ekonomika, din kellha impatt akbar fuq l-irġiel milli fuq in-nisa, iżda li, hekk kif il-kriżi marret għall-agħar, ir-rata tal-qgħad tan-nisa kienet aktar minn dik tal-irġiel;
Ġlieda kontra l-faqar enerġetiku
66. Huwa preokkupat li l-inċidenza li qed tikber tal-faqar enerġetiku, li jolqot bejn 50 u 125 miljun Ewropew, u li huwa kkawżat prinċipalment minn taħlita ta' introjti baxxi tal-familji, tisħin u iżolazzjoni ta' kwalità baxxa u spejjeż tal-enerġija għoljin b'mod sproporzjonat;
67. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta Komunikazzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Faqar Enerġetiku li tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu definizzjoni tal-faqar enerġetiku bbażata fuq parametri komuni iżda aġġustati għal kull Stat Membru biex jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi; itenni li l-affordjabbiltà tal-akkomodazzjoni għandha titqies mhux biss f'termini ta' pagamenti tal-kera iżda anke f'termini ta' kontijiet tal-fjuwil assoċjati; huwa tal-fehma, madankollu, li l-faqar enerġetiku ma jistax jitqies biss f'termini tan-nefqa fuq l-enerġija u tal-prezzijiet tal-enerġija billi għandu wkoll dimensjoni kwalitattiva marbuta mal-imġiba u d-drawwiet ta' konsum tal-persuni;
68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-approfondiment tas-suq intern tal-enerġija jimxi id f'id ma' miżuri li jipproteġu l-konsumaturi vulnerabbli;
69. Jemmen li d-dritt tal-aċċess għall-enerġija huwa essenzjali għal ħajja dinjituża; jistieden lill-Istati Membri jirfinaw id-definizzjoni tagħhom ta' “akkomodazzjoni deċenti” biex tinkludi l-istandards dwar l-effiċjenza enerġetika; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-faqar enerġetiku, b'mod partikolari permezz tar-regolaturi tal-enerġija tas-settur pubbliku, u biex jadottaw miżuri integrati, abbażi ta’ awditi tal-enerġija lokali, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, inklużi:
–
l-istabbiliment ta' skemi finanzjarji speċifiċi rigward l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji l-iktar vulnerabbli (bħall-ipprezzar ġust tal-enerġija, l-appoġġ ta' darba jew bħala parti minn assistenza soċjali oħra, azzjoni biex jiġi evitat in-nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet u l-protezzjoni kontra l-qtugħ tal-provvisti);
–
l-istabbiliment ta' fondi reġjonali jew nazzjonali speċifiċi biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku, li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-fornituri tal-enerġija li tirrifletti l-obbligu tagħhom li jnaqqsu l-konsum f'konformità mad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija;
–
l-appoġġ għal inċentivi u miżuri istruttivi biex jgħinu lir-residenti jnaqqsu l-konsum ta' enerġija;
–
l-użu ta' lievi finanzjarji effettivi fit-tul biex il-bini residenzjali jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni għall-kerrejja ladarba jkun tqies it-tifdil enerġetiku; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina dawn l-isforzi u tistudja l-possibilità li tintroduċi miżuri ta' inċentiv;
70. Jinnota li s-settur tal-akkomodazzjoni huwa fost dawk li joffru l-akbar potenzjal għat-tifdil enerġetiku; jenfasizza li, fil-perjodu medju u fit-tul, sakemm l-ispejjeż biex l-akkomodazzjoni ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija ma jegħlbux it-tifdil enerġetiku li jkun sar, miżuri ta' effiċjenza enerġetika għandhom qabel kollox iservu biex tiżdied il-kapaċità tal-akkwist tal-familji u biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom; jenfasizza li dawn il-miżuri jwasslu wkoll għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju, joħolqu l-impjiegi, jappoġġaw l-ekonomija lokali u jnaqqsu n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa;
71. Jenfasizza b'mod partikolari l-benefiċċji potenzjali ta' skemi ta' sussidju għall-installazzjoni ta' sistemi ta' effiċjenza enerġetika u ta' ġenerazzjoni ta' mikroenerġija rinnovabbli fl-akkomodazzjoni soċjali, li jippermettu li jsir tifdil fil-kontijiet tal-fjuwil u li l-profitti tal-enerġija ġġenerata jitqassmu b'mod ġust bejn il-kerrejja u l-assoċjazzjoni jew is-sid tal-akkomodazzjoni, li jirriżulta f'kontijiet aktar baxxi għall-kerrejja filwaqt li s-sidien ikollhom fondi addizzjonali għal aktar ristrutturar u titjib fl-istokk tal-akkomodazzjoni ġenerali;
72. Jemmen li miżuri ta' effiċjenza enerġetika biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku jistgħu jgħinu wkoll fil-prevenzjoni ta' problemi tas-saħħa (bħal kundizzjonijiet respiratorji u kardjovaskulari, allerġiji, ażma, avvelenament mill-ikel u mill-monossidu tal-karbonju, u impatti fuq is-saħħa mentali);
73. Itenni l-importanza ta' programmi maħsuba biex itejbu l-prestazzjoni enerġetika sabiex tiżdied l-affordjabbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali u l-akkomodazzjoni fis-settur privat; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiċċara l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-fondi nazzjonali u tal-UE għal ristrutturar u investimenti bħal dawn, u li titħalla flessibilità, kull fejn ikun possibbli, biex jiġi żgurat li investimenti bħal dawn minn assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni u sidien privati jistgħu jibbenefikaw mill-aktar flussi ta' finanzjament xierqa sabiex jintlaħaq dan l-objettiv doppju – soċjali u ambjentali – mingħajr ma jinkisru r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni;
74. Jilqa' l-fatt li miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-akkomodazzjoni se jkunu eliġibbli taħt il-FEŻR u l-Fondi ta' Koeżjoni fil-perjodu 2014-2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom u lis-sħab rilevanti kollha biex jagħmlu użu mill-FEŻR u l-Fondi ta' Koeżjoni biex jiffinanzjaw miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni enerġetika, filwaqt li tingħata prijorità lill-familji li huma l-aktar milquta mill-faqar enerġetiku;
75. Jenfasizza li l-fornituri tal-enerġija għandhom rwol x'jiżvolġu f'termini ta' prevenzjoni u soluzzjoni tat-tilwim, b'mod partikolari billi jinstallaw arloġġi intelliġenti, joħolqu dipartimenti tas-servizz tal-klijenti u jtejbu t-trasparenza tal-prezzijiet;
76. Jistieden lill-Istati Membri jużaw kampanji ta' informazzjoni biex jiżguraw li l-familji jkunu informati aħjar dwar l-importanza ta' konsum ta' riżorsi aktar responsabbli u dwar l-għotjiet li huma eleġibbli għalihom skont il-miżuri ta' appoġġ soċjali rilevanti, u jniedu kampanji ta' taħriġ biex jissensibilizzaw lill-professjonisti tas-servizzi soċjali, b'mod partikolari, dwar kwistjonijiet ta' faqar enerġetiku;
77. Jitlob lill-Istati Membri jfasslu bażijiet ta' data nazzjonali dwar il-faqar enerġetiku;
o o o
78. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u l-Gvernijiet tal-Istati Membri.