Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2009(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0164/2013

Testi mressqa :

A7-0164/2013

Dibattiti :

PV 10/06/2013 - 24
CRE 10/06/2013 - 24

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2013 - 12.2
CRE 11/06/2013 - 12.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0247

Testi adottati
PDF 339kWORD 36k
It-Tlieta, 11 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Il-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa fl-UE
P7_TA(2013)0247A7-0164/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa fl-UE (2013/2009(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 45, 165, u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 23 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015' (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bl-isem 'Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi' (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2010 bl-isem 'Impetu ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġata l-Istrateġija Ewropa 2020' (COM(2010)0296),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0164/2013),

A.  billi d-dritt li li wieħed jaħdem u jgħix f'pajjiż ieħor tal-Unjoni huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u billi l-mobilità hija fenomenu multidimensjonali, li fl-oriġini tagħha jinsabu aspetti ekonomiċi, soċjali jew familjali;

B.  billi l-mobilità tal-ħaddiema u l-mobilità edukattiva jgħinu biex tiżdied ir-rabta tal-persuni maċ-ċittadinanza Ewropea; billi fl-istess ħin din tikkostitwixxi prinċipju Ewropew biex jinkisbu l-koeżjoni u s-solidarjetà fl-UE kollha;

C.  billi l-Programm Erasmus, li mill-ħolqien tiegħu fl-1987 għamilha possibbli li aktar minn 2,2 miljun ċittadin tal-Unjoni jistudja barra minn pajjiżu, jista’ wkoll jagħti kontribut partikolarment pożittiv lill-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema wara l-perjodu tat-taħriġ, u billi t-tkabbir fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għan-nisa jżidu l-mobilità tagħhom;

D.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kemma effetti negattivi fuq is-suq tax-xogħol tal-UE, speċjalment fir-rigward tar-rati ta' impjieg u l-possibilità ta' moviment liberu u tal-għażla tal-impjieg skont il-kwalifiki edukattivi u professjonali ta' dak li jkun, filwaqt li n-nisa kienu wieħed mill-gruppi l-iktar milquta ħażin;

E.  billi, skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, fl-Unjoni Ewropea r-rata ta' qgħad fost in-nisa hi ta' 10.7 % (jew inkella 22.7 % fil-każ tan-nisa taħt l-età ta' 25 sena);

F.  billi l-mobilità għal skopijiet ta' imjieg hi objettiv strateġiku tal-Unjoni Ewropea, ladarba tkabbar l-effettività tas-suq uniku u tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ħiliet professjonali u tal-livelli tal-impjiegi, li huma elementi essenzjali għall-progress ekonomiku u soċjali;

G.  billi hemm differenzi sinifikanti bejn il-ġeneri fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema fl-UE – l-irġiel jiċċaqalqu għall-imjiegi jew għal bidla fl-impjieg ħafna iktar spiss min-nisa (44 % f'paragun ma' 27 %), filwaqt li n-nisa iktar spiss ikunu obbligati jagħmlu waqfa fil-karriera tagħha minħabba ċaqliqa għal destinazzjoni mbiegħda biex isegwu s-sieħeb tagħhom;

H.  billi s-segregazzjoni tal-ġeneri fis-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol, id-differenza bejn il-pagi fuq il-bażi tal-ġeneru, miżuri inadegwati biex jiġu bbilanċjati l-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, l-istereotipi persistenti u r-riskju tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru huma l-akbar ostakli għall-mobilità professjonali tan-nisa; billi l-fatturi marbuta mal-familja, id-differenzi sinifikanti fl-allokazzjonijiet tal-familja fid-diversi Stati Membri, in-netwerks soċjali, il-faċilitajiet tal-kura tat-tfal u persuni dipendenti oħra – b’mod partikolari n-nuqqas u l-inadegwatezza ta' netwerks pubbliċi ta’ ċentri għall-kura tat-tfal matul il-ġurnata, ċentri għall-kura tat-trabi u t-tfal żgħar u l-provvista ta' attivitajiet għall-ħin liberu tat-tfal – l-akkomodazzjoni u l-kundizzjonijiet lokali, u ostakli oħra (il-lingwa, in-nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet) huma ostakli addizzjonali għan-nisa biex dawn jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu, tar-residenza u tax-xogħol fl-Ewropa kollha;

I.  billi n-nisa huma esposti għal riskji soċjali iktar spiss mill-irġiel tul ħajjithom, ħaġa li twassal għal żieda fin-nisa li jgħixu fil-faqar; billi l-istimi l-iktar riċenti jissuġġerixxu li s-salarji tan-nisa fl-UE bħala medja huma 16.4 % inqas minn tal-irġiel, u li hemm differenza kbira bejn l-Istati Membri fejn id-differenza fil-pagi tvarja bejn 1.9 % u 27.6 %(3);

J.  billi huma meħtieġa soluzzjonijiet politiki multidimensjonali li jinkorporaw it-tagħlim tul il-ħajja, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, dik tal-familja u dik personali (partikolamrent għall-ommijiet waħedhom), il-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u l-promozzjoni ta' impjiegi b'intitolamenti għal drittijiet sħaħ, netwerk pubbliku ta' kura tas-saħħa, netwerk pubbliku ta' sigurtà soċjali u prattiki differenzjati ta' organizzazzjoni tax-xogħol fuq talba tan-nisa sabiex titjieb l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

K.  billi edukazzjoni ta' kwalità għolja tipprovdi lin-nisa prospetti aħjar ta' impjieg, ħiliet imtejba u kompetenzi prinċipali f'qasam partikolari; billi din tiffaċilita wkoll l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fl-attivitajiet kulturali u tiżgura salarji aħjar fis-suq tax-xogħol;

L.  billi l-mobilità edukattiva tgħin biex jiżdiedu l-mobilità professjonali u l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u għandha tkun disponibbli għal kulħadd, inklużi n-nisa b'livell baxx ta' kwalifiki;

1.  Jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-għarfien dwar is-sitwazzoni tan-nisa mill-gruppi kollha ta' età fil-kuntest tal-politiki tal-UE dwar l-edukazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, il-mezzi għall-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, il-migrazzjoni u l-impjiegi, il-faqar, il-kura tas-saħħa u fil-politiki tagħha ta' protezzjoni soċjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet tan-nisa, jiġu promossi l-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs għall-impjiegi għan-nisa u l-irġiel, jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, l-aċċess u opportunitajiet tal-karriera ugwali, inkluża l-applikazzjoni tal-istess kriterji għall-għażla fir-rigward tal-impjiegi, tingħata iktar attenzjoni għas-sitwazzjoni tan-nisa fil-proċess deċiżjonali u tiġi miġġielda kull forma ta' diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, bħas-segregazzjoni professjonali jew id-diskriminazzjoni fil-pagi, b'mod partikolari billi jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja, jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju u jiġi promoss xogħol bi drittijiet, ħinijiet tax-xogħol kompatibbli mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, netwerk tal-kura tas-saħħa u sistema tas-sigurtà soċjali pubbliċi, u prattiki differenzjati għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fuq talba tal-mara;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-mobilità edukattiva u professjonali ġiet rikonoxxuta bħala ħaġa li toffri valur miżjud għall-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-fatt li l-kriżi ekonomika qed tagħmilha dejjem iktar neċessrja li wieħed jadatta l-għażla professjonali tiegħu għal dak li hu disponibbli fis-suq tax-xogħol, u li hu ta' importanza dejjem iktar vitali li n-nisa jkunu jistgħu jadattaw iktar għad-domandi ta' opportunitajiet ġodda ta' karriera meta jbiddlu l-impjieg tagħhom;

3.  Iqis li t-trawwim tal-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa tista' tikkontribwixxi lejn l-ilħuq tal-mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel tal-età bejn 20 u 64 tiżdied għal 75 %, permezz, pereżempju, tal-parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ, il-ħaddiema kbar fl-età u l-ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali u permezz tal-integrazzjoni aħjar tal-migranti;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu dispożizzjonijiet bil-għan li jiżguraw it-trasparenza u l-informazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-membri tal-familja tagħhom fir-rigward tal-mobilità meta jfasslu l-istrateġiji u l-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom;

5.  Iqis li l-mobilità professjonali m'għandhiex tolqot ħażin lin-nisa f'dak li jikkonċerna d-drittijiet soċjali u li għalhekk jeħtieġ li jiġu żgurati ż-żamma u t-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni fis-sistema pubblika ta’ sigurtà soċjali bejn il-pajjiżi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-eteroġeneità tar-reġimi tal-pensjonijiet fl-Unjoni;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru u janalizzaw data dwar id-diffikultajiet, il-grad u l-istruttura tal-mobilità tan-nisa, biex jiġbdu l-attenzjoni għall-benefiċċji tal-mobilità professjonali u fis-swieq nazzjonali tagħhom u l-benefiċċji tal-mobilità edukattiva u professjonali barra mill-pajjiż tagħhom u jippromwovuhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmoniterjaw is-sitwazzjoni tal-aġenziji u l-organizzazzjonijiet li joffru impjiegi lil ħaddiema minn Stati Membri oħra u jidentifikaw impjiegi illegali jew mhux bil-ktieb potenzjali, jew aġenziji jew organizzazzjonijiet li jipprovdu impjiegi fittizji;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw id-data dwar il-ġeneri fir-rigward tal-mobilità professjonali u jinkludu dispożizzjonijiet biex javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'termini ta' mobilità professjonali meta jfasslu l-politiki nazzjonali tagħhom u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) tagħhom, b'attenzjoni speċifika għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi operattivi fil-livell nazzjonali jew reġjonali ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020 u lil hinn minnu; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-23 ta' Ottubru 2012 li tapprova l-proposta tal-Kummissjoni sabiex 25 % tal-allokazzjoni totali għall-politika ta' koeżjoni jkunu allokati għall-FSE(4);

8.  Jenfasizza li, jekk din il-kwistjoni tkun objettiv speċifiku fi ħdan dawn il-programmi, jew tidher bħala prijorità orizzontali speċjali, jibdew jinħolqu prattiki tajba u l-miżuri jibdew jagħtu l-frott fil-livell reġjonali u/jew lokali;

9.  Jinnota li, sabiex jiġi promoss l-impjieg, jeħtieġ li tingħata attenzjoni akbar lill-kooperazzjoni transkonfinali u l-iskambju ta’ prattiki tajbin bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-korpi professjonali fl-Istati Membri, u b’hekk tissaħħaħ l-ugwaljanza u l-inklużjoni tas-sistemi skolastiċi;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi u l-kooperazzjoni tagħom b'enfasi speċjali fuq l-aċċess għall-informazzjoni u pariri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem eżerċitat minn netwerks internazzjonali li jaqbdu ħaddiema, speċjalment nisa, bil-wegħda falza ta’ impjiegi li fil-verita ma’ jeżistux u jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ sfruttament sesswali u xogħol jew servizzi sfurzati (xogħol ta’ tallaba fit-toroq, skjavitù jew prattiċi simili għall-iskjavitù, servitù, sfruttament għall-attivitajiet kriminali jew tneħħija ta’ organi);

11.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-mobilità għandha tkun ibbażata fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-ġeneru, razza, oriġini, reliġjon, età jew saħħa;

12.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-nisa li jitilqu barra minn pajjiżhom minħabba impjiegi fis-servizz domestiku u li jinvolvu l-kura tat-tfal, tan-nies b’diżabilità jew tal-anzjani spiss jiġu impjegati mingħajr kuntratt jew jaħdmu illegalment, u konsegwentement ma jkollhom ebda dritt jew intitolament għas-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, pensjoni adegwata u benefiċċji oħra b'rabta mal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni;

13.  Jistieden lis-sħab soċjali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jappoġġaw it-titjib tal-elementi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kollettivi, fost l-oħrajn, billi jippromwovu d-dritt għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli, faċilitajiet għall-kura tat-tfal, konsulenza għall-ħaddiema nisa, miżuri sabiex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa f'negozjar kollettiv u billi jivvalutaw l-impatt ta' ftehimiet kollettivi fuq in-nisa;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex: jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li jieħdu ħsieb it-tfal u dipendenti oħra; jipprovdu informazzjoni biżżejjed lin-nisa li jitilqu minn pajjiżhom biex jieħdu tali impjiegi, inkluża informazzjoni dwar l-aċċess għal xogħol dikjarat u taħriġ fil-qasam rilevanti, dwar id-drittijiet soċjali, dwar il-kura tas-saħħa, eċċ.; jipprovdu lil dawn in-nisa b'pariri dwar l-impjiegi dikjarati u jwissuhom kontra l-perikoli possibbli tas-suq tax-xogħol illegali;

15.  Jenfasizza li l-politiki Ewropej għandhom iqisu wkoll il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema nisa li jmorru jaħdmu bħala ħaddiema agrikoli staġjonali, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa ta’ akkomodazzjoni adegwata, sigurtà soċjali, assigurazzjoni medika u kura tas-saħħa, rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjari ma’ dik tax-xogħol, u salarju diċenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġildin is-sitwazzjonijiet ta’ sfruttament li jiffaċċjaw ħafna minn dawn in-nisa;

16.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-nisa li jsiefru minħabba l-impjieg spiss jiġu offruti l-impjiegi l-iktar baxxi fis-suq tax-xogħol f'termini ta' ħiliet, paga u prestiġju u li l-migrazzjoni tax-xogħol tan-nisa spiss tikkonċentra fi ftit okkupazzjonijiet dominati min-nisa assoċjati ma' rwoli tradizzjonali tal-ġeneru; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jissorveljaw mill-qrib ħalli jiżguraw soluzzjonijiet kuntrattwali xierqa, filwaqt li jiġġieldu kontra l-użu eċċessiv ta' kuntratti mhux regolari;

17.  jistieden lill-Istati jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw ċerti effetti li jirriżultaw mill-mobilità professjonali f’ċerti Stati Membri u f’ċerti oqsma (eż. il-mobilità ta’ professjonisti mediċi, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa) u li jistgħu jeffettwaw id-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri ta' oriġini;

18.  Iqis li l-possibilità li n-nisa li jmorru jgħixu barra minn pajjiżhom igawdu mill-portabilità tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali hija element fundamentali biex jiġi żgurat li jibbenifikaw b’mod effettiv mill-prerogattivi li jkunu akkwistaw;

19.  Jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri dwar l-allowances tal-familja u d-drittijiet soċjali, u jirrimarka li dawn id-differenzi jistgħu joħolqu ostaklu reali fil-mobilità professjonali tal-irġiel u n-nisa li jkollhom familja;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-kwalifiki professjonali u jiffaċilitaw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' rikonoxximent;

21.  Jinnota li f'każijiet fejn il-problema prinċipali mhijiex ir-rikonoxximent innifsu iżda hija n-natura estiża tal-proċedura neċessarja għar-rikonoxximent, dan jista' jagħti lok għal bidu problematiku fl-ambjent ospitanti l-ġdid fl-UE;

22.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta’ “ħela ta’ mħuħ” fost in-nisa, jiġifieri li l-kwalifiki tal-ħaddiema nisa mobbli li jmorru jgħixu barra minn pajjiżhom ma jiġux utilizzati biżżejjed, fenomenu li jidher b’mod partikolari fis-setturi tal-infermiera u tax-xogħol domestiku, li huwa dominat ħafna min-nisa;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm regoli ċari li jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għal pożizzjonijiet għoljien ta' ġestjoni u jinnota li jekk jiżdied in-numru ta' nisa fil-bordijiet tad-diretturi jiżdiedu l-kompetittività u l-produttività; jilqa', għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tipprevedi li sal-2020 ikun hemm kwota minima ta' 40 % ta' nisa fost il-membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet tad-diretturi tal-intrapriżi Ewropej li huma kkwotati fis-suq b'250 jew iktar ħaddiem u b'turnover globali annwali akbar minn EUR 50 miljun;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jikkastigaw b'mod effettiv dan il-ksur, sabiex jipprovdu lin-nisa li jgħixu barra għal skopijiet ta' xogħol bl-informazzjoni kollha neċessarja, anke fir-rigward tal-aċċess għal impjiegi u taħriġ f'dan il-qasam u għad-drittijiet soċjali u l-kura tas-saħħa, u jipprovdu pariri fir-rigward tal-opportunitajiet ta' xogħol u l-programmi ta' akkomodazzjoni soċjali mingħajr ħlas żejjed;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta fuq bażi regolari dwar kif il-fondi tal-UE ddedikati għall-edukazzjoni u t-taħriġ, il-mobilità okkupazzjonali u edukattiva u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol qed jiġu utilizzati min-nisa u l-irġiel; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jirreaġixxu malajr fil-każijiet ta' żbilanċ fl-użu;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri mmirati biex ineħħu l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom in-nisa fil-progress professjonali u soċjali tagħhom fil-pajjiżi li fihom huma ttrasferew ħajjithom u li mhumiex il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom;

27.  ifakkar li n-nisa, fosthom il-ħaddiema migranti, ħafna drabi jkunu vittmi ta' xogħol part-time involontarju, ferm iktar mill-irġiel (fl-2011, 32.1 % tan-nisa f'paragun ma' 9 % tal-irġiel fl-Unjoni Ewropea kienu qed jaħdmu part-time); jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiskoraġġixxu x-xogħol part-time (obbligu ta' ġustifikazzjoni, tneħħija ta' ċerti vantaġġi fiskali...), u jinfurzaw id-drittijiet tan-nisa li ma jistgħux jevitaw il-part-time (priorità għax-xogħol, bonus ta' prekarjetà f'każ ta' sensja...);

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-politika tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra l-ħaddiema migranti tal-UE u b'mod partikolari n-nisa, fi Stat Membru ieħor u l-abbuż tad-drittijiet tagħhom minħabba li ma jkunux jafu biżżejjed il-lingwi u l-liġijiet applikabbli għall-impjieg tagħhom fl-Istat Membru ospitanti;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bl-appoġġ ta' atturi lokali, ta' imsieħba soċjali u ta' istituti ta' taħriġ, sabiex jissensibilizzaw iktar lin-nisa dwar l-opportunitajiet offerti mill-mobilità okkupazzjonali, b'mod partikolari b'riferiment għall-iżvilupp personali, l-ippjanar tal-karriera u d-drittijiet li għandhom meta jittrasferixxu ruħhom minn Stat Membru għall-ieħor għal raġunijiet professjonali;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ kuntatt għall-ħaddiema mobbli domestiċi u għall-ħaddiema tal-kura b’relazzjoni individwali tax-xogħol, sabiex dawn jingħataw il-mezzi biex jistabbilixxu netwerk li jippermettilhom ikunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, u jinkoraggixxu lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi f’dan il-qasam;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw proċeduri għall-awtoritajiet lokali u reġjonali:

   biex jitfasslu u jitħaddmu fil-prattika programmi speċifiċi sabiex in-nisa u l-irġiel jiġu integrati fil-komunitajiet lokali u jiġu promossi l-iskambji interkulturali;
   biex in-nisa li jsegwu lill-konjuġi jew is-sħab tagħhom fi Stat Membru ieħor jiġu offruti servizzi adegwati bħal korsijiet li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-ambjent soċjali u kulturali ġdid tagħhom, pereżempju korsijiet tal-lingwa u korsijiet vokazzjonali, b'kunsiderazzjoni speċjali għan-nisa vulnerabbli;
   biex tingħata aktar attenzjoni lill-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, partikolarment fir-rigward tal-kisba ta' kwalifiki u l-aġġornament tagħhom, il-kisba ta' ħiliet u l-implimentazzjoni tal-programm ta' tagħlim u taħriġ tul il-ħajja;
   biex jiġu indirizzati nisa mobbli ħafna li huma f'riskju, bħal ħaddiema domestiċi, ħaddiema li jagħtu l-kura, ħaddiema li jnaddfu u nisa li jaħdmu fis-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u s-servizzi tal-ikel (HORECA);
   biex jiġu appoġġati kampanji ta' sensibilizzazzjoni soċjali minn organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' qligħ li jiffukaw fuq in-nisa f'komunitajiet internazzjonali, bħal konjuġi jew sħab li jgħixu barra minn pajjiżhom;
   biex jiġu żviluppati programmi ta' taħriġ għall-integrazzjoni, konsulenza psikoloġika u proġetti għall-integrazzjoni; jenfasizza li miżuri konkreti jirrappreżentaw għajnuna prattika sabiex il-problemi jinftiehmu u jiġu solvuti;

32.  Jenfasizza d-dannu lill-ekonomija u lill-individwu li joriġina mid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jenfasizza li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa toriġina parzjalment mill-fatt li s-setturi fejn hemm rappreżentanza żejda tan-nisa ta’ spiss ikollhom salarji aktar baxxi;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu t-tendenzi tal-pagament iktar trasparenti, partikolarment billi jippromwovu n-negozjar kollettiv, sabiex inaqqsu d-differenzi fil-pagi li huma kontinwi jew li qed jiżdiedu, inkluż l-implikazzjonijiet tagħhom fuq l-akkumulazzjoni tal-pensjonijiet fl-Istat Membru ta' oriġini u l-Istat Membru ospitanti u jieħdu l-passi neċessarji biex inaaqu d-differenza fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda għall-penalizzazzjoni u t-tnaqqis b'mod effettiv tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u timmoniterja l-implimentazzjoni korretta u l-effettività tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(5), kif ukoll tirrevdi l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel (id-Direttiva 2006/54/KE) kif intalab mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jiżviluppaw politiki nazzjonali li jeqirdu d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u li jiffukaw fuq l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal mobilità;

34.  Jenfasizza l-fatt li t-trobbija tat-tfal teħtieġ kondiviżjoni tar-responsabiltajiet bejn l-irġiel u n-nisa u s-soċjetà kollha u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema li jiċċaqalqu mal-konjugi jew is-sieħeb/sieħba u/jew it-tfal tagħhom, irrilevanti mil-livell ta' pagi jew kwalifiki tagħhom, b'informazzjoni marbuta mall-allowances tal-familja disponibbli fl-Istat ospitanti, b'servizzi bħal faċilitajiet tal-kura tat-tfal u persuni dipendenti oħra, skejjel ta' qabel il-primarja, skejjel u servizzi mediċi, flimkien mal-aċċess liberu għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli sabiex il-konjugi jew is-sħab li jiċċaqalqu għal Stat Membru ieħor isibu impjieg; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi żgurat id-dritt għall-għaqda familjali;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri infrastrutturali biex jappoġġaw ħaddiema mobbli akkumpanjati mill-familja, sabiex jiġu indirizzati l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, is-sigurtà soċjali u s-servizzi tal-komunità; jistieden kemm lill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll dawk ospitanti sabiex jiżviluppaw mekkaniżmi għall-integrazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema mobbli ħafna akkumpanjati mill-familja; jenfasizza li l-valur tal-ħiliet interkulturali miksuba minn nisa li jmorru jgħixu barra minn pajjiżhom għandu jiġi rikonoxxut aħjar minn min iħaddem;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali tan-nisa minn kull grupp ta’ età; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex tiġi evitata l-femminizzazzjoni tal-faqar billi jiġu promossi x-xogħol u l-ispirtu intraprenditorjali fost in-nisa, jiġu miġġielda d-differenzi fil-pagi u tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tad-dmirijiet professjonali u dawk tal-familja permezz tal-iżvilupp ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħtu attenzjoni speċjali lill-problema tal-faqar fost in-nisa iktar anzjani minħabba l-fatt li dawn jirċievu pensjonijiet iżgħar, fatt li hu wkoll konsegwenza tal-perjodi ta' qgħad li jgħaddu minnhom biex jieħdu ħsieb lil uliedhom u lil membri dipendenti oħra tal-familja;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu li min jimpjega biex jagħmel ix-xogħol tan-nisa aktar flessibbli, speċjalment dawk li t-tfal tagħhom baqgħu fl-Istat Membru ta’ oriġini, u b’hekk jippermettulhom iżommu rabta fiżika tanġibbli mat-tfal tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu fi ħdan l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet, l-użu ta' telexogħol b'kundizzjonijiet finanzjarji u soċjali ġusti, sabiex jiġi evitat li n-nisa jwaqqfu l-karrieri minħabba l-mobilità tas-sieħeb tagħhom;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tneħħija tal-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema billi joffru lill-membri tal-familja tagħhom jew lis-sieħeb/sieħba tagħhom servizzi bħalma huma korsijiet maħsuba biex jiffaċilitawlhom l-integrazzjoni fit-tul fl-ambjent soċjali u kulturali ġdid tagħhom, pereżempju korsijiet tal-lingwa u korsijiet vokazzjonali, sabiex ikunu żgurati l-indipendenza u d-dinjità tagħhom;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu attirati aktar nisa lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-professjonijiet MINT (matematika, informatika, teknoloġiji ġodda), sabiex jingħelbu s-segregazzjoni professjonali u d-diskriminazzjoni fil-paga; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu vokazzjonijiet u professjonijiet li jirrikjedu ħiliet xjentifiċi, tekniċi, tal-inġinerija u matematiċi fost in-nisa sa minn età bikrija, għal impjegabbiltà aħjar, u jassistu t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali u l-impjieg; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jipprovdu jew jiżviluppaw aktar servizzi ta' gwida ta' kwalità għall-orjentazzjoni vokazzjonali u l-karriera biex jgħinu lin-nisa f'dan ir-rigward;

42.  Jenfasizza l-impatt pożittiv li n-nisa jiġu attirati sa minn stadju bikri lejn professjonijiet f'industriji ewlenin b'potenzjal għoli ta' impjieg, b'mod partikolari l-ekonomija ekoloġika, is-settur tal-kura tas-saħħa u dik soċjali u l-ekonomija diġitali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw is-segregazzjoni tal-ġeneru skont is-setturi kemm billi jimmotivaw lill-individwi sa minn stadju bikri sabiex jidħlu f'setturi rilevanti kif ukoll billi jindirizzaw il-kundizzjonijiet li jagħmlu tali setturi inqas attraenti għan-nisa jew l-irġiel, bħal minn naħa, kundizzjonijiet tax-xogħol mhux kompatibbli mar-responsabilitajiet ta' kura u, min-naħa l-oħra, il-paga;

44.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jippromwovu t-tagħlim u l-mobilità tal-impjiegi billi: (a) iżidu l-għarfien u jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli faċilment minn kulħadd; (b) jenfasizzaw il-valur miżjud tal-mobilità fl-istadji bikrija tal-edukazzjoni; (c) jiżguraw li jiġu validati r-riżultati ta' tagħlim mill-esperjenzi tal-mobilità bejn l-Istati Membri; (d) inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jistimulaw l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti fost l-Istati Membri, u (e) jirrikonoxxu l-permanenza f'pajjiż barrani fl-akkumulazzjoni tal-punti tal-pensjoni fl-Istat Membru oriġinarju;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq l-aspetti kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, l-edukazzjoni ogħla u t-taħriġ għall-adulti sabiex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u b’hekk jinkisbu prospetti aħjar fil-ġejjieni f’termini ta’ impjieg;

46.  Jinnota li, mill-ħolqien tiegħu fl-1987, il-Programm Erasmus waħdu għamilha possibbli li iktar minn 2,2 miljun student jimmobilizzaw ruħhom fl-UE, u ta kontribut sinifikanti għall-mobilità fl-edukazzjoni ogħla Ewropea; jispera, għalhekk, li fi ħdan il-perspettiva finanzjarja futura tiġi riżervata kopertura finanzjarja xierqa għall-programmi kollha li jappoġġaw il-mobilità u l-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġaw b’mod attiv il-programmi ta’ edukazzjoni u studji Ewropej u internazzjonali, u programmi bħal Grundtvig, Comenius, Leonardo da Vinci, Jean Monet u Erasmus sabiex jiffaċilitaw l-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa fl-UE u wkoll biex jippermettu lill-għalliema jqattgħu perjodu mill-karriera tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-UE sabiex b'hekk jikkontribbwixxu għall-iżvilupp ta' sens ta' ċittadinanza u identità Ewropej; jenfasizza l-importanza tal-programm pluriennali l-ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport, li jibni fuq l-esperjenzi pożittivi tal-programmi Ewropej eżistenti kollha fl-oqsma tal-mobilità u l-edukazzjoni;

47.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi edukattivi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri, billi dawn joffru lit-tfal għażla varjata sabiex jiskopru t-talenti tagħhom; jenfasizza li r-riċerka turi li stereotipi qawwija b'rabta mal-ġeneri fil-qasam tal-edukazzjoni jkomplu jżidu s-segregazzjoni tal-ġeneri fis-suq tax-xogħol, kemm fir-rigward ta' setturi u kemm ta' impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu dawn l-istereotipi;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita garanzija għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li l-għan tagħha jkun li jitjieb l-aċċess taż-żgħażagħ, u għalhekk tan-nisa gradwati, għas-suq tax-xogħol u tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mill-istudju għas-suq tax-xogħol; jenfasizza li xejriet ta' mobilità fil-karriera sa minn stadju bikri għandhom rwol kruċjali sabiex jiffurmaw tibdil sussegwenti fl-impjieg; ifakkar fiż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva dwar l-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ u tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw malajr il-pakkett dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ, b'mod partikolari f’dak li jirrigwarda 'L-ewwel impjieg tal-EURES tiegħek' u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, bil-ħsieb li titrawwem il-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa żgħażagħ sa minn stadju bikri;

49.  Jitlob lill-Kummissjoni, bl-istess mod, biex issib soluzzjonijiet li jiżguraw konsistenza bejn il-livell ta’ edukazzjoni miksub bħala riżultat tal-mobilità taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet ta’ impjieg li jikkorrispondu ma’ dan il-livell, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-mobilità fiż-żewġ fażijiet tagħha, edukattiva u professjonali;

50.  Jenfasizza li, sabiex jiġi promoss l-impjieg u jiġi miġġieled il-qgħad fit-tul, jeħtieġ li jitqies l-iżvilupp tal-mobilità mhux biss tal-istudenti u l-ħaddiema, iżda wkoll tal-għalliema tagħhom; iqis li tali approċċ jiżgura tagħalim ta' kwalità;

51.  Jenfasizza l-importanza ta' dimensjoni soċjali msaħħa u tal-żieda fl-aċċess għall-programmi ta’ mobilità edukattiva għan-nisa li ġejjin minn ambjent żvantaġġat, nisa bi dħul baxx, nisa fuq liv tal-maternità u ommijiet waħedhom;

52.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiċċaraw l-opportunitajiet ta’ appoġġ finanzjarju li jeżistu għall-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa, u biex jiffaċilitaw l-aċċess għal din l-informazzjoni;

53.  Jenfasizza li n-nisa b'diżabilitajiet, in-nisa bi ftit kwalifiki jew mingħajrhom u l-ommijiet waħedhom iridu jingħataw informazzjoni u appoġġ addizzjonali biżżejjed sabiex jiksbu l-aċċess għall-programmi eżistenti ta' taħriġ, tagħlim u edukazzjoni tal-mobilità;

54.  Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għan-nisa b'diżabilità u jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri u azzjonijiet biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni doppja u tiġi promossa l-ugwaljanza sħiħa tad-drittijiet u l-opportunitajiet;

55.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rispett għall-isfond kulturali u/jew it-tradizzjonijiet tan-nisa minn komunitajiet ta' minoranza;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu proġetti nazzjonali, reġjonali u lokali biex itejbu r-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu parteċipazzjoni ikbar ta’ rġiel u nisa fl-attivitajiet ta’ volontarjat u karità għall-komunità;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ tal-mobilità tan-nisa ′l fuq minn 45 sena, li għandhom rieda akbar minn nisa oħra li jaċċettaw kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji;

58.  Jenfasizza l-bżonn li jiżdied il-livell ta' parteċipazzjoni fil-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja min-nisa li siefru barra, inklużi programmi relatati mal-iżvilupp tal-ħiliet, u jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li għandhom jiddaħħlu wkoll programmi li jsaħħu l-integrazzjoni soċjali;

59.  Jenfasizza l-fatt li l-qgħad u l-problemi fl-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol jolqtu lil nisa ta’ firxa wiesgħa ta' etajiet, u li n-nisa jridu jirreaġixxu malajr għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, u jilqa' l-miżuri proposti mill-Kummissjoni sabiex tiġġieled kontra l-livelli inaċċettabbli milħuqa mill-qgħad fost iż-żgħażagħ u mill-esklużjoni soċjali u biex toffri liż-żgħażagħ postijiet tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ; jappoġġa l-inizjattivi adottati mill-Kummissjoni, bħall-mekkaniżmu 'WOmen Mobility Enhancement', u jitlobha tespandi u ttejjeb l-ambitu tal-proġetti mmirati lejn it-tkabbir tal-mobilità professjonali tan-nisa;

60.  Jenfasizza l-konklużjonijiet tas-Sena Ewropa għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jiġu appoġġati attivitajiet volontarji u l-iskambju ta' għarfien u esperjenzi bejn in-nisa minn gruppi differenti ta' etajiet;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riallokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji adegwati għall-programmi li jippromwovu l-impjieg fost in-nisa u edukazzjoni aħjar għall-gruppi żvantaġġati;

62.  Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew għas-Servizz ta' Konsulenza sabiex il-komunitajiet lokali jiġu megħjuna jindirizzaw din il-problema billi jiġu pprovduti informazzjoni, għarfien u gwida dwar l-integrazzjoni tan-nisa; jirrakkomanda l-promozzjoni u l-użu ta’ strumenti u netwerks u finanzjament kontinwu għan-netwerks Ewropej eżistenti, kif ukoll għal strumenti li jiffaċilitaw il-mobilità bħal EURES, L-Ewropa Tiegħek u Europe Direct, li jagħmluha aktar faċli biex in-nisa jiksbu informazzjoni dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom fl-Istati Membri differenti;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(2) ĠU C 131 E8.5.2013, p.35.
(3) Eurostat 2010, ħlief EE, EL (2008). AT, BE, ES, IE, FR, IT, CY: sors proviżorju.
(4) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014–2020(testi adottati,P7_TA(2012)0360).
(5) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza