Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2296(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0142/2013

Testi mressqa :

A7-0142/2013

Dibattiti :

PV 10/06/2013 - 27
CRE 10/06/2013 - 27

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2013 - 12.3
CRE 11/06/2013 - 12.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0248

Testi adottati
PDF 304kWORD 26k
It-Tlieta, 11 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Servizz ta' Pedaġġ Elettroniku u sistema ta' vinjetti għall-vetturi ħfief privati fl-Ewropa
P7_TA(2013)0248A7-0142/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar Strateġija għal Servizz ta’ Pedaġġ Elettroniku u sistema ta’ vinjetti għall-vetturi ħfief privati fl-Ewropa (2012/2296(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lil-Parlament Ewropew u l-Kunsill bit-titolu “L-applikazzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura stradali nazzjonali imposti fuq vetturi privati ħfief” (COM(2012)0199),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku” (COM(2012)0474),

–  wara li kkunsidra l-White Paper dwar it-Trasport bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0142/2013),

A.  billi s-sistema attwali tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS) introdotta mill-Kummissjoni mhix qed taħdem u jeħtieġ li tiġi aġġustata; billi ċerti partijiet interessati fis-suq bħalissa ma jaraw l-ebda benefiċċju monetarju fl-adattament għal sistema komuni u interoperabbli ta’ EETS;

B.  billi l-introjtu li jirċievu l-Istati Membri mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa fil-futur x’aktarx se jonqos minħabba t-tnaqqis fl-użu ta’ fjuwils ibbażati fuq iż-żejt;

C.  billi l-prinċipju ta’ 'min juża/iniġġes iħallas’ għandu jibqa’ prijorità ewlenija għat-trasport Ewropew;

D.  billi n-nollijiet tat-toroq se jsiru realtà f’aktar u aktar Stati Membri fil-futur qrib ħafna;

E.  billi ċerti problemi f’żoni transkonfinali seħħew b’mod ripetut ma’ persuni mhux residenti meta ġew implimentati sistemi ġodda ta’ pedaġġ elettroniku, li rriżultaw fi protesti u lmenti dwar telf finanzjarju u diskriminazzjoni.

F.  billi l-UE għandha responsabbiltà li tiżgura li dan l-iżvilupp ġdid ma jħallix impatti negattivi fuq l-ivvjaġġar transkonfinali, fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni li jgħixu fir-reġjuni mal-fruntieri jew fuq il-kummerċ;

G.  billi l-UE għandha tħeġġeġ in-nollijiet tat-toroq li ma jiddiskriminawx kontra l-utenti tat-toroq li ma jkunux residenti fil-pajjiż li jitlob il-pedaġġ;

H.  billi fil-futur, minbarra l-kostruzzjoni ta’ toroq ġodda, se jkun meħtieġ aktar finanzjament, primarjament għall-preservazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport;

I.  billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jdaħħlu sistemi ta’ nollijiet ibbażati fuq id-distanza jew fuq il-ħin, għalkemm għandhom jittieħdu passi biex ikun żgurat li s-sistemi bbażati fuq id-distanza jingħataw preferenza kull meta jkun possibbli, peress li dawn huma aktar ġusti u inqas diskriminatorji mis-sistemi bbażati fuq il-ħin;

J.  billi diġà jeżistu t-teknoloġiji biex is-sistemi ta’ nollijiet tat-toroq ikunu interoperabbli;

K.  billi l-unika problema kbira li qed jiffaċċa l-EETS hija nuqqas ta’ rieda politika li tiġi implimentata skema bħal din, aktar milli kwistjonijiet relatati mas-suq jew tekniċi;

Il-qafas ġenerali

1.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żewġ partijiet interessati ewlenin ikkonċernati huma l-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS, iżda jindika li l-utenti tat-toroq, speċjalment il-kumpaniji tat-trasport, jikkostitwixxu t-tielet parti interessata ewlenija; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-utenti ta’ vetturi privati huma utenti finali potenzjali li jistgħu jgħinu biex jitħaffef l-iżvilupp tal-EETS;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dawn il-partijiet interessati jistgħu jkunu involuti bl-aktar mod effettiv fl-istadji li jmiss tal-azzjoni tagħha;

3.  Jinsisti li filwaqt li l-protezzjoni tad-data personali tal-individwi, u l-protezzjoni tad-data b’mod ġenerali, għandha importanza suprema u li kwalunkwe miżura ġdida li tittieħed għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u b’mod partikolari għad-Direttiva 95/46/KE, dan m’għandux ikun ostaklu għall-interoperabbiltà tas-sistemi;

4.  Jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tat-toroq, li għandhom jitħallsu ammont xieraq għall-użu tal-infrastruttura tagħhom u għas-servizzi relatati magħhom;

L-EETS: falliment sal-lum u fil-bżonn ta’ direzzjoni ġdida

5.  Jaqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva dwar l-EETS attwali (2004/52/KE) ma wasslitx għall-iżvilupp mistenni ta’ servizz ta’ pedaġġ elettroniku Ewropew interoperabbli bejn l-Istati Membri; iqis li dan kien falliment, u jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni drastika sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi qabel;

6.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tfassal miżuri leġiżlattivi xierqa fil-qasam tal-interoperabbiltà malajr kemm jista’ jkun sabiex jobbligaw lill-partijiet interessati kollha jagħtu spinta ’l quddiem lill-proġett tal-EETS;

7.  Jesprimi dispjaċir li l-Istati Membri, fil-biċċa l-kbira, ftit urew interess fl-iżvilupp tal-EETS, u li l-Kummissjoni mhix qed tieħu aktar miżuri biex tipproċedi bl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa u tipproponi sistema ta’ inċentivi sabiex tħeġġeġ lill-operaturi u l-Istati Membri jnaqqsu l-ħin previst għall-implimentazzjoni tas-sistema;

8.  Jaqbel mal-Kummissjoni li teżisti domanda għal soluzzjoni interoperabbli fil-qasam tan-nollijiet elettroniċi tat-toroq, iżda jemmen li huma meħtieġa miżuri leġiżlattivi xierqa sabiex il-partijiet interessati jkunu obbligati jimplimentaw sistema bħal din, peress li r-remunerazzjoni biss minn sistema interoperabbli mhix attraenti biżżejjed għal ċerti manifatturi ta’ tagħmir għan-nollijiet tat-toroq jew għal ċerti operaturi tat-toroq;

9.  Iqis li l-approċċ immotivat mis-suq promoss mill-Kummissjoni ma tax ir-riżultati mixtieqa u li hija meħtieġa azzjoni politika biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-EETS u sabiex din issir realtà fil-futur qarib;

10.  Jemmen li l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tkompli bir-reġjonalizzazzjoni mhumiex sodisfaċenti, peress li jistgħu jwasslu għal aktar dewmien li jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp tas-servizz mal-UE kollha;

11.  Jemmen li, fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp tas-servizz mal-UE kollha għandu jibqa’ l-għan finali tal-UE; jinsisti li, jekk tiġi implimentata, ir-reġjonalizzazzjoni għandha tkun biss stadju tranżitorju;

12.  Iqis li huma meħtieġa miżuri b'firxa aktar wiesgħa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex l-ewwel nett tieħu azzjoni deċiża kontra dawk l-Istati Membri li mhumiex qed jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod korrett, u biex it-tieni nett, tagħmel reviżjoni mingħajr dewmien tal-istudji kollha disponibbli dwar is-suġġett sabiex tipprovdi bażi ċara għal għażliet differenti għal azzjoni fuq terminu ta’ żmien medju kif ukoll fit-tul, inklużi n-nollijiet għall-użu tat-toroq permezz ta' teknoloġiji bħall-GPS/GNSS, sabiex tiġi evitata u mnaqqsa l-konġestjoni tat-traffiku kkawżata minn ostakoli fiżiċi, u jħeġġiġha tippreżenta dan l-istudju ġenerali sal-aħħar tal-2013;

13.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha twettaq studju dwar l-aspetti u l-kundizzjonijiet finanzjarji li jwasslu sabiex l-EETS isir realtà li taħdem;

14.  Jemmen li d-Direttiva dwar l-interoperabbiltà (2004/52/KE) tipprovdi l-qafas regolatorju xieraq għall-koeżistenza ta’ sistemi differenti ta’ nollijiet, li jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn it-teknoloġiji differenti skont il-karatteristiċi differenti tan-netwerk tat-toroq tagħhom;

15.  Jemmen li, kull meta tintgħażel is-sistema, il-Kummissjoni għandha toqgħod attenta ħafna biex tiżgura li l-konsumaturi jkunu konxji f’kull ħin mill-ispiża tal-pedaġġ li jkun qed jittieħed permezz ta’ apparat elettroniku jew tikketta tal-pedaġġ;

16.  Jitlob biex il-bżonnijiet speċifiċi ta' professjonisti u sewwieqa oħrajn li jkunu qed jivvjaġġaw minn ħafna pajjiżi, u b'mod partikolari lejn jew minn Stati Membri remoti, dejjem jitqiesu meta jkun qed jiġi żviluppat is-servizz;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-programmi ta’ ħidma tagħha dwar in-Netwerks trans-Ewropej tat-Trasport tistabbilixxi l-possibbiltà ta’ finanzjament ta’ proġetti li jistgħu jipprovdu mezz biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-EETS.

18.  Iqis li l-approċċ ibbażat fuq id-domanda tas-suq ma’ tax ir-riżultati mixtieqa u li jeħtieġ li jiġu analizzati n-nuqqasijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni;

19.  Jemmen li m’hemm l-ebda rieda għal EETS min-naħa tal-partijiet interessati tal-industrija, jiġifieri l-fornituri tas-servizzi tal-pedaġġi, il-konċessjonijiet tat-toroq u manifatturi ta’ “tabelli’ elettroniċi u tagħmir relatat, u li jista’ jkun meħtieġ regolament biex iġiegħel lill-partijiet interessati jingħaqdu flimkien; iqis li l-Kummissjoni għandha ddaħħal miżuri ta’ appoġġ biex toħloq esperjenza effiċjenti ta' nollijiet tat-toroq għall-utent finali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' użu aktar mifrux tan-nollijiet tat-toroq fil-futur;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ddettaljata fid-dawl tal-proġetti attwali relatati mal-interoperabbiltà teknika u kuntrattwali bejn l-Istati Membri u, meta xieraq, tipproponi miżuri ġodda bbażati fuq l-aħjar prattika;

21.  Jaqbel mal-Kummissjoni li t-teknoloġija għal sistemi interoperabbli diġà teżisti;

22.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li diversi Stati Membri beħsiebhom jimplimentaw sistemi ta’ nollijiet fis-snin li ġejjin jew jestendu l-konċessjonijiet eżistenti. jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn is-sistemi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà u tiżgura li l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ nollijiet fl-ebda każ ma tkun diskriminatorja għall-persuni mhux residenti fis-sens li m’għandu jinħoloq l-ebda ostakolu għall-prinċipju ta’ moviment liberu;

23.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-operaturi ta’ toroq b’pedaġġ jaħdmu mill-qrib ma’ pajjiżi ġirien u joffru l-appoġġ kollu meħtieġ għall-istabbiliment ta' sistemi ta' nollijiet u faċilitajiet ta’ ħlas u ta' ġbir u l-forniment ta' informazzjoni lill-utenti dwar il-prezzijiet, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu, eċċ.;

24.  Jitlob biex, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, jinbdew proċeduri ta’ ksur.

Il-ħlas ta’ nollijiet għall-użu tat-toroq: vinjetti, pedaġġi, interoperabbiltà u protezzjoni tad-data

25.  Jenfasizza li huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jintroduċux nollijiet tat-toroq jew le, u li jistabbilixxu l-ammont mitlub għall-użu tat-toroq, u li l-Istati Membri għandhom jieħdu d-deċiżjoni finali dwar l-infiq tal-introjtu miġbur min-nollijiet tat-toroq;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jaġġornaw in-netwerks tat-trasport tagħhom sabiex jagħmluhom sostenibbli, effiċjenti, favur l-ambjent u sikuri kemm jista’ jkun billi jallokaw l-introjtu minn nollijiet tat-toroq għal skopijiet bħal dawn;

27.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri attwalment qed jiżviluppaw pjanijiet biex jitolbu ħlas għal kategoriji ġodda ta’ vetturi, inklużi vetturi ħfief privati, li jżid mal-urġenza li l-Kummissjoni ddaħħal sistema ta' nollijiet tat-toroq interoperabbli u kkoordinata;

28.  Jinnota li l-applikazzjoni tal-ħlasijiet ta' pedaġġi b'mod aktar ugwali għat-tipi kollha ta' vetturi abbażi tal-prinċipju li min juża jħallas hija pass fid-direzzjoni t-tajba;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-pożizzjoni speċjali tar-residenti tar-reġjuni mal-fruntieri meta jistabbilixxu sistemi ta’ pedaġġ nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li s-sistemi ta’ pedaġġ nazzjonali ma għandu jkollhom l-ebda impatt diskriminatorju;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-pożizzjoni speċifika tar-reġjuni mal-fruntieri meta jiżviluppaw pjanijiet għas-sistemi ta’ nollijiet tat-toroq, biex jiġi mminimizzat l-impatt fuq il-persuni li jgħixu f’reġjuni mal-fruntieri;

31.  Jemmen li, filwaqt li s-setgħa li jżidu l-introjtu hija tal-Istati Membri, l-UE għandha tiffavorixxi sistema ta’ pedaġġi bbażata fuq id-distanza aktar milli s-sistema tal-vinjetti, peress li din tal-ewwel hija sistema aktar ġusta u nondiskriminatorja, filwaqt li tal-aħħar ħolqot problemi fil-passat f'termini ta' effiċjenza u diskriminazzjoni u għandha tiġi evitata kull fejn possibbli;

32.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel obbligatorji s-sistemi bbażati fuq il-ħin biex toffri lill-utenti tat-toroq vinjetti magħmula għall-individwu abbażi ta’ diversi strutturi ta’ imposti prorata, bħal għażliet fuq bażi kwotidjana, ta’ kull ġimgħa, mensili u annwali, bil-possibbiltà li tinxtara vinjetta sa 30 ġurnata qabel l-użu tat-toroq, li tiddikjara b’mod ċar l-ammont li qed jiġi impost bħala tariffa amministrattiva, u li għandha tippromwovi l-introduzzjoni aktar mifruxa ta’ sistemi bbażati fuq id-distanza aktar milli fuq il-ħin;

33.  Jemmen li l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe sistema ġdida ta’ imposti ġdida li tkun tinvolvi l-kondiviżjoni ta’ sistemi operattivi u data dwar klijenti u l-movimenti tagħhom għandha tkun strettament soġġetta għar-regolamenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u li għandhom jitneħħew l-elementi personali tad-data sabiex tiġi mħarsa l-privatezza tal-individwi; jadotta approċċ prammatiku dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data u jemmen li ladarba jiġu implimentati s-salvagwardji meħtieġa, il-preokkupazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data m’għandhomx jostakolaw l-interoperabbiltà;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tobbliga lil dawk l-Istati Membri b’sistemi ta’ vinjetta jissemplifikaw b’mod konsiderevoli l-bejgħ tal-vinjetta kif ukoll l-aċċess għall-informazzjoni u joperaw servizz ta’ pagament online li jkun jippermetti lill-konsumaturi jħallsu t-tariffi tagħhom minn qabel permezz ta’ interfaċċja aċċessibbli għal kulħadd, skont ir-rekwiżiti tad-disinn universali;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel il-ħlas permezz tal-mowbajl possibbiltà għas-sistemi ta' pedaġġi u vinjetti;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sinjali avvanzati adegwati u viżibbli li jinfurmaw lis-sewwieqa dwar kemm se jkollhom iħallsu; jisħaq ukoll li l-informazzjoni dwar il-multi u penalitajiet oħrajn għandha tkun indikata b’mod ċar u tkun faċilment disponibbli;

37.  Jagħraf il-ħtieġa tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija u l-SMEs, u l-benefiċċji li joffri EETS lil dawn il-gruppi biex il-prodotti jinġiebu fis-suq bl-aktar prezz kompetittiv possibbli;

38.  Jinnota l-importanza ta’ dawn il-kumpaniji u l-SMEs biex iġibu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi lejn l-Ewropa u, għalhekk, iqis essenzjali li l-ebda imposti żejda bla bżonn m’għandhom jitqiegħdu fuq dawn il-kumpaniji, iżda li minflok il-prinċipju li l-utent iħallas jiġi applikat b’mod konsistenti għall-kategoriji kollha tal-vetturi.

39.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu azzjoni soda kontra dawk li jonqsu milli jikkooperaw mad-Direttiva attwali dwar l-interoperabbiltà, filwaqt li tiġi evalwata l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippubblika proposta għal leġiżlazzjoni ġdida dwar l-EETS u l-interoperabbiltà tan-nollijiet tat-toroq;

o
o   o

40.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza