Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (10273/2013 – C7-0160/2013 – 2010/0312(NLE))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10273/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni riċevuta mill-Kunsill (C7-0160/2013),
– wara li kkunsidra l-inkarigu mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz ta' ittra tat-30 ta’ Mejju 2013 biex jadotta att fil-forma kif intbagħat lill-Parlament,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0215/2013),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS MA’ L-ABBOZZ TAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilqgħu l-adozzjoni tar-Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jipprevedi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali u tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Huma jemmnu li dawn il-mekkaniżmi l-ġodda jindirizzaw b'mod adegwat is-sejħa tal-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2011 għal titjib fil-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fiż-żona Schengen u għal sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva u affidabbli sabiex jiġi żgurat l-infurzar ta' regoli komuni u t-tisħiħ, l-adattament u l-estensjoni tal-kriterji bbażati fuq l-acquis tal-UE, filwaqt li jfakkru li l-fruntieri esterni tal-Ewropa għandhom jiġu ġestiti b'mod effettiv u konsistenti, abbażi ta' responsabbiltà komuni, solidarjetà u kooperazzjoni prattika.
Huma jiddikjaraw li din l-emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ser issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni billi tipprevedi, min-naħa waħda, kriterji għal kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri mill-Istati Membri, u min-naħa l-oħra mekkaniżmu bbażat fl-UE li jirrispondi għal sitwazzjonijiet verament kritiċi fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona titqiegħed fir-riskju jekk ma jkunx hemm kontrolli fil-fruntieri.
Huma jissottolinjaw li din is-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni hija mekkaniżmu bbażat fl-UE u li ser tkopri l-aspetti kollha tal-acquis ta' Schengen u tinvolvi esperti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u aġenziji rilevanti tal-UE.
Huma jifhmu li kwalunkwe proposta futura mill-Kummissjoni biex tiġi emendata din is-sistema ta' evalwazzjoni tiġi ppreżentata għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jittieħed kont tal-opinjoni tagħha, bl-aktar mod sħiħ possibbli, qabel l-adozzjoni ta' test finali.