Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/0087(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0186/2013

Testi mressqa :

A7-0186/2013

Dibattiti :

PV 11/06/2013 - 21
CRE 11/06/2013 - 21

Votazzjonijiet :

PV 12/06/2013 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0263

Testi adottati
PDF 406kWORD 25k
L-Erbgħa, 12 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
L-iffissar ta' rata ta' aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 ***I
P7_TA(2013)0263A7-0186/2013
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta' rata ta' aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 (COM(2013)0159 – C7-0079/2013 – 2013/0087(COD))

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0159),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0079/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0186/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Pożizjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta’ Ġunju 2013 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta' rata ta' aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013
P7_TC1-COD(2013)0087

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa(3) jistabbilixxi li fis-sena finanzjarja 2014, l-ammonti għall-finanzjament tan-nefqa marbuta mas-suq u pagamenti diretti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandhom jirrispettaw il-limiti massimi annwali stipulati fl-applikazzjoni tar-Regolament adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jistabbilixxi wkoll li aġġustament tal-pagamenti diretti (dixxiplina finanzjarja) għandha tiġi determinata meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-pagamenti diretti u nefqa marbuta mas-suq, miżjuda mal-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 10b u 136 ta' dak ir-Regolament imma qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a tiegħu u mingħajr ma jitqies il-marġini ta' EUR 300 000 000, jindikaw li l-livell massimu annwali se jkun eċċedut. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeterminaw dak l-aġġustament sat-30 ta’ Ġunju abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni li għandha tiġi preżentata mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena kalendarja fir-rigward ta' liema japplika l-aġġustament.

(2)  Sa dak iż-żmien meta jiġi adottat regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali abbażi tal-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-livell ta' limitu massimu applikabbli għas-sena 2014 jibqa' wieħed inċert. Qabel ma jkun hemm ċarezza dwar il-livell ta’ limitu massimu applikabbli, mhuwiex possibbli li jiġi determinat jekk aġġustament tal-pagamenti diretti għall-2013 huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, x’għandha tkun ir-rata. L-ammont ta’ dixxiplina finanzjarja meħtieġa għandu jiġi rivedut mill-awtorità baġitarja fil-qafas tal-adozzjoni tal-Baġit 2014 abbażi inter alia tal-Ittra ta’ Emenda tal-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-2014 li permezz tagħha il-Kummissjoni tipprovdi l-ħtiġijiet stmati aġġornati fuq l-infiq relatat mas-suq u l-pagamenti diretti. [Em. 1]

(3)  Bħala regola ġenerali, bdiewa li jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna għal pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) huma mħallsin f'perjodu fiss ta' pagament li jaqa' taħt is-sena finanzjarja (N+1). Madanakollu, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħmlu pagamenti tardivi, sa ċertu limitu, lill-bdiewa lil hinn minn dan il-perjodu ta’ pagament mingħajr ebda limiti ta’ żmien. Tali pagamenti tardivi jistgħu jaqgħu f’sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata f'sena kalendarja partikolari, ir-rata ta' aġġustament ma għandhiex tiġi applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu ġew sottomessi fis-snin kalendarji għajr dik li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi stipulat li r-rata ta' aġġustament għandha tiġi applikata għall-pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu ġew sottomessi fis-sena kalendarja li għaliha d-dixxiplina finanzjarja hi applikata, irrespettivament minn meta l-pagament isir lill-bdiewa.

(4)  Il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja, flimkien mal-modulazzjoni, kien intordott mar-riforma tal-PAK tal-2003. Iż-żewġ strumenti provdew għat-tnaqqis lineari tal-ammont ta’ pagamenti diretti li għandhom jingħataw lill-bdiewa. Waqt li ġew meħudin inkonsiderazzjoni l-implikazzjonijiet tad-distribuzzjoni inekwa tal-pagamenti diretti bejn benefiċjarji żgħar u kbar, ġiet applikata modulazzjoni għal ammonti li jaqbżu l-EUR 5000 biex tiġi miksuba distribuzzjoni iktar bilanċjata tal-pagamenti. Fir-rigward tas-sena kalendarja 2013, l-aġġustament tal-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jibqa’ jipprovdi għall-istess eżenzjoni bħall-modulazzjoni. Id-dixxiplina finanzjarja għandha tiġi applikata b'mod simili biex tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan li jkun hemm distribuzzjoni iktar bilanċjata tal-pagamenti; għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi provdut biss għall-applikazzjoni tar-rata ta' aġġustament meta l-ammonti jeċċedu l-EUR 5 000.

(5)  L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jistabbilixxi li fil-qafas tal-applikazzjoni tal-iskeda taż-żidiet provduta fl-Artikolu 121 ta' dak ir-Regolament għall-pagamenti diretti kollha li ngħataw fl-Istati Membri l-ġodda fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ dak ir-Regolament, id-dixxiplina finanzjarja ma għandhiex tapplika għall-Istati Membri l-ġodda qabel il-bidu tas-sena kalendarja li fir-rigward tagħha l-livell tal-pagamenti diretti li japplika fl-Istati Membri l-ġodda jkun talanqas ugwali għal dak li kien il-livell applikabbli għal tali pagamenti fl-Istati Membri l-oħra. Peress li l-pagamenti diretti għadhom soġġetti għall-applikazzjoni tal-iskeda ta’ żidiet fis-sena kalendarja 2013 fil-Bulgarija u fir-Rumanija, ir-rata ta’ aġġustament li għandha tiġi determinata permezz tar-Regolament preżenti ma għandhiex tapplika għall-pagamenti għall-bdiewa f’dawk l-Istati Membri.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ġie adattat permezz tal-Att dwar il-kundizjonijiet għal-Adeżjoni tal-Kroazja. L-emendi li jirriżultaw mill-adattament inkwestjoni għandom jidħlu fis-seħħ soġġett għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Adeżjoni tal-Kroazja għall-Unjoni Ewropea. Peress li l-Kroazja hija soġġetta għall-applikazzjoni tal-iskeda ta’ żidiet stipulata fl-artikolu 121 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fis-sena kalendarja 2013 ir-rata ta’ aġġustament li għandha tiġi determinata permezz tar-Regolament preżenti ma għandhiex tapplika għall-pagamenti lill-bdiewa fil-Kroazja, soġġett għall-adeżjoni tagħha u mid-data tal-adeżjoni tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.  L-ammonti ta’ pagamenti diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 li għandhom jingħataw lil bidwi fl-eċċess ta' EUR 5000 għall-applikazzjoni ta' għajnuna sottomessa fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 għandhom jitnaqqsu b' 0,748005 %. [Em. 2]

1a.  Fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, m’għandha tapplika l-ebda dixxiplina finanzjarja għas-sena finanzjarja 2014, peress li l-ammont totali għandu jiġi kkalkulat abbażi taċ-ċifri tal-baġit tal-2013, flimkien ma’ 2 % inflazzjoni. [Em. 3]

2.  It-tnaqqis stipulat fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja.

2a.  It-tnaqqis previst għall-paragrafu 1 ma japplikax għar-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għall-ġżejjer minuri fil-Baħar Eġew kif definiti mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew(4). [Em. 12]

Artikolu 1a

1.  Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-adozzjoni sussegwenti tar-Regolament (UE) Nru [XX/XX tal- ... li jistabbilixxi l-qafas finanzjaru pluriennali għas-snin 2014-2020 ] u l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u amministrazzjoni finanzjarja tajba.

2.  Fil-każ li jkun jeħtieġ li ssir korrezzjoni lir-rata ta’ aġġustament definita fl-Artikolu 1(1) bħala konsegwenza tal-adozzjoni tar-Regolament u l-Ftehim Interistituzzjonali msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament ġdida.

3.  L-ammont ta’ dixxiplina finanzjarja meħtieġa għandu jiġi rivedut mill-awtorità baġitarja fil-qafas tal-adozzjoni tal-Baġit 2014 abbażi inter alia tal-Ittra ta’ Emenda tal-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-2014 li permezz tagħha il-Kummissjoni tipprovdi l-ħtiġijiet stmati aġġornati fuq l-infiq relatat mas-suq u l-pagamenti diretti. [Em. 4]

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(2) għandu japplika fil-Kroazja soġġett għal u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Kroazja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1)Opinjoni tat-22 ta’ Mejju 2013 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Ufiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2013.
(3)ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
(4) ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.

Avviż legali - Politika tal-privatezza