Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0256/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/06/2013 - 8.22
CRE 12/06/2013 - 8.22

Testi adottati :

P7_TA(2013)0271

Testi adottati
PDF 213kWORD 25k
L-Erbgħa, 12 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
P7_TA(2013)0271RC-B7-0256/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2013/2637(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (COM(2008)0229),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni COM(2011)0137),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011) (2),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti (O-00049/2013, O-00050/2013, O-00051/2013, O-00052/2013, O-00053/2013, O-00054/2013, O-00058/2013 u O-00059/2013),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-trasparenza hija għodda essenzjali li tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u li tiżgura r-responsabilità tal-istituzzjonijiet Ewropej lejn iċ-ċittadini tagħhom u b’hekk iżżid l-impenn u l-fiduċja tagħhom;

B.  billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona kompla saħħaħ l-obbligi ta' trasparenza tal-UE u stabbilixxa solidament l-aċċess għad-dokumenti bħala dritt fundamentali;

C.  billi l-Parlament f'diversi okkażjonijiet sejjaħ għal trasparenza msaħħa fil-proċedura leġiżlattiva, inkluża trasparenza fir-rigward tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, il-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet legali fil-proċeduri leġiżlattivi, u trasparenza akbar fit-'trilogi';

D.  billi l-Parlament iddispjaċih ukoll minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fl-aġenziji tal-UE, fin-negozjati internazzjonali u fid-djalogu tal-Kummissjoni mal-Istati Membri, b’mod partikolari meta jkun hemm fin-nofs id-drittijiet fundamentali jew l-interess taċ-ċittadini Ewropej(3);

E.  billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-deċiżjonijiet tal-Ombudsman Ewropew influwenzaw sostanzjalment il-fehim tar-Regolament (KE) 1049/2001; billi din il-każistika, speċjalment fir-rigward tal-użu ta' raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fi proċedura leġiżlattiva, bħal Turco u Access Info, għandha tkun riflessa fil-leġiżlazzjoni;

F.  billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 hu meqjus miċ-ċittadini tal-UE u mill-pubbliku tal-UE bħala leġiżlazzjoni importanti ħafna li tipprovdi l-għodda għal superviżjoni adegwata tal-azzjonijiet tal-UE; billi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għad trid tiġi mtejba, kif deher minn diversi każijiet trattati mill-Ombudsman;

G.  billi fl-2008 l-Kummissjoni pproponiet tfassil mill-ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u billi ma rtiratx din il-proposta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; billi l-Parlament informa kif dovut lill-Kummissjoni dwar l-inadegwatezza tal-użu tal-proċedura tat-tfassil mill-ġdid;

H.  billi fl-2011 il-Kummissjoni għamlet proposta addizzjonali li b'mod impliċitu biss testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE; billi l-Parlament għaqqad flimkien il-proċeduri tal-2008 u tal-2011 fi proċedura unika;

I.  billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2011, u t-trilogi bdew taħt il-Presidenza Daniża fl-ewwel nofs tal-2012; billi l-Kummissjoni ma qablitx mal-kompromessi possibbli li ġew proposti, li hija r-raġuni prinċipali tal-impass li ilu aktar minn sena;

J.  billi l-presidenza Ċiprijotta u dik Irlandiża ma rnexxilhomx isolvu l-impass fil-Kunsill u jibdew negozjati oħra minħabba reżistenza mill-Kummissjoni, li kkawżat ħtieġa ta’ unanimità fil-Kunsill dwar ċerti punti;

K.  billi, minħabba l-obbligi ta' trasparenza msaħħa inklużi fit-Trattati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kull reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma għandhiex tbaxxi l-livell attwali ta' trasparenza;

L.  billi n-nuqqas ta' ftehim dwar verżjoni ġdida tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tista' tibgħat messaġġ żbaljat dwar in-natura tal-UE liċ-ċittadini tagħha, u billi dan in-nuqqas jista' jdgħajjef il-leġittimità tat-teħid ta' deċiżjoni tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej ewlenin li qed javviċinaw;

1.  Jafferma mill-ġdid bil-qawwa l-importanza tad-dritt fundamentali tal-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti, tat-trasparenza u l-ftuħ tal-istituzzjonijiet u tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, li huma l-pilastri tad-demokrazija u jistgħu jqarrbu liċ-ċittadini lejn l-UE;

2.  Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE biex jimplimentaw b'mod sħiħ ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

3.  Iqis li l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jkun prijorità għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u jiddispjaċih li nħoloq dan l-impass; jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu flimkien biex tinstab soluzzjoni malajr kemm jista' jkun;

4.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li, meta jitqies kollu kemm hu, għandu jagħti liċ-ċittadini tal-UE aċċess aktar miftuħ u mtejjeb għad-dokumenti tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod sħiħ, fil-livell politiku u tekniku, meta r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jiġi emendat u adattat skont it-Trattat ta' Lisbona, jew biex tieħu kwalunkwe miżura xierqa biex jiġi żblukkat l-impass;

6.  Jistieden lill-Kunsill biex immedjatament jerġa' jibda d-dibattiti dwar ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u biex ikompli n-negozjati;

7.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu hawn fuq msemmija fl-ewwel qari kif adottata fil-15 ta' Diċembru 2011(4) bħala l-punt tat-tluq għan-negozjati u jinsisti li test emendat, bħala minimu assolut, u f’konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat, għandu: espliċitament jestendi l-kamp ta' applikazzjoni għall-istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE; isaħħaħ it-trasparenza leġiżlattiva, inkluż l-aċċess għall-opinjonijiet legali leġiżlattivi, fejn kwalunkwe użu ta' eċċezzjonijiet fil-proċedura leġiżlattiva għandu jikkostitwixxi eżenzjoni mir-regola ġenerali tat-trasparenza leġiżlattiva; jiċċara r-relazzjoni bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-dejta; jinkludi l-Konvenzjoni Aarhus; iqis id-definizzjoni wiesgħa attwali ta’ dokument bħala bażi minima għal żvilupp ulterjuri; jiżgura aċċess xieraq għad-dokumenti u t-trasparenza relatati man-negozjati u l-ftehimiet internazzjonali; jipprevedi trasparenza finanzjarja tal-fondi tal-UE; ma jintroduċi l-ebda eżenzjoni ġenerali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0580.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0500.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0500, paragrafu 18.
(4) EP-PE_TC1-COD(2008)0090.

Avviż legali - Politika tal-privatezza