Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2253(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0147/2013

Testi mressqa :

A7-0147/2013

Dibattiti :

PV 12/06/2013 - 16
CRE 12/06/2013 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2013 - 7.7
CRE 13/06/2013 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0278

Testi adottati
PDF 335kWORD 34k
Il-Ħamis, 13 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE
P7_TA(2013)0278A7-0147/2013

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2013 lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami 2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE (2012/2253(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprevedi l-istabbiliment ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li għandu l-kompitu li jassisti lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21(3) TUE li jistabbilixxi li r-Rappreżentant Għoli għandu jassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-iżgurar tal-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26(2) TUE li jipprevedi li l-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jiżguraw l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni mill-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35, it-tielet paragrafu tat-TUE li jiddikjara li l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta' pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 TUE li jiddikjara li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem RGħ/VP) għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, jinfurmah bl-evoluzzjoni ta' din il-politika, u jiżgura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 TUE li jagħti s-setgħa lir-RGħ/VP jagħmel proposti fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inkluż il-bidu ta' missjonijiet, bl-użu tkemm tar-riżorsi nazzjonali u kemm dawk tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn issa 'l quddiem Deċiżjoni SEAE), li jispeċifika li r-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq rieżami sa nofs l-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE li se jkopri fost l-oħrajn l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6(6) u 6(8) dwar il-bilanċ ġeografiku, akkumpanjat, jekk rilevanti, minn proposta leġiżlattiva li temenda d-Deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 298 u 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jipprevedu l-proċedura leġiżlattiva li tapplika għal kwistjonijiet b'rabta mal-persunal,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-RGħ/VP tal-Kummissjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika (minn issa 'l quddiem id-Dikjarazzjoni tar-RGħ/VP)(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2012 dwar il-Persunal tas-SEAE tal-24 ta' Lulju 2012, ippreżentat skont l-Artikolu 6(9) tad-Deċiżjoni SEAE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 97 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat tal-Baġit, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0147/2013),

A.   billi t-Trattat ta' Lisbona introduċa l-għan li jiġu żgurati l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi s-SEAE huwa korp ġdid ta' natura ibrida, li jutilizza sorsi komunitarji u intergovernattivi, li m'għandux preċedent fl-UE u għalhekk ma jistax ikun mistenni li jkun kompletament funzjonali fi żmien sentejn mit-twaqqif tiegħu; billi, għaldaqstant, rieżami tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tiegħu għandha tkun ibbażata fuq kritika ġusta u kostruttiva;

C.   billi s-suċċess tas-SEAE għandu jitkejjel fil-konfront tal-abilità tiegħu li jsegwi approċċ komprensiv mill-UE għall-isfidi esterni u r-responsabbiltajiet tal-lum, u l-kapaċità tiegħu li jikseb użu aktar effiċjenti tar-riżorsi skarsi permezz ta' kooperazzjoni akbar u ekonomiji ta' skala fil-livell tal-Unjoni Ewropea u dak nazzjonali;

D.  billi r-rwol ta' funzjoni trippla tar-RGĦ/VP huwa l-aktar turija tanġibbli ta' dan l-impenn lejn koerenza akbar fl-azzjoni esterna tal-UE;

E.  billi l-istruttura attwali fi ħdan il-Kummissjoni ma tirriflettix adegwatament ir-rwol speċifiku mogħti lir-RGħ/VP fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-UE;

F.  billi r-rwoli multipli fdati lir-RGħ/VP mit-Trattat ta' Lisbona jesiġu l-ħolqien ta' deputat(i) politiku/ċi biex ikun żgurat li dan ikun megħjun fit-twettiq tal-kompiti tiegħu;

G.  billi t-teħid ta' deċiżjonijiet operattivi u l-implimentazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni/Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PESK/PSDK) huma kajmana wisq minħabba raġunijiet strutturali u proċedurali; billi dan kien evidenti għal darb'oħra bil-kriżi f'Mali, fejn il-proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament b'rispons għall-kriżi ma ġewx adottati u implimentati b'mod rapidu;

H.   billi s-SEAE għandu jkun struttura semplifikata, orjentata lejn ir-riżultati, effiċjenti, kapaċi tipprovdi appoġġ għat-tmexxija politika fir-relazzjonijiet esterni, b'mod partikolari fil-qasam tal-PESK, u tiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill; billi, għal din ir-raġuni, is-SEAE għandu jkun kapaċi jipprovdi, fl-aħħar mument u b'mod koordinat, għarfien espert minn dipartimenti differenti, inkluż mill-Kummissjoni; billi l-istruttura attwali tas-SEAE hija sproporzjonata b'numru kbir wisq ta' persuni fil-livell amministrattiv u hija kkaratterizzata minn wisq livelli deċiżjonali;

I.   billi l-opportunitajiet għal utilizzazzjoni rapida offruta mill-gruppi tattiċi tal-UE mhumiex qed jiġu sfruttati;

J.  billi l-esperjenza tal-passat uriet biċ-ċar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti Kwartieri Ġenerali operattivi u permanenti fi Brussell għat-twettiq tal-missjonijiet PSDK;

K.  billi, fil-każ tar-rivoluzzjonijiet Għarab, jidher biċ-ċar li l-UE ma tistax tiżgura, fuq perjodu ta' żmien qasir, riallokazzjoni tar-riżorsi, inkluża dik tal-persunal, biex jiġu kkumplimentati l-prijoritajiet politiċi ġodda; billi d-daqs u l-profili tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jirriflettu l-interessi strateġiċi tal-Unjoni;

L.   billi r-rwol tas-SEAE fid-definizzjoni tal-orjentament strateġiku u l-kontribut lejn l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE, għandu jissaħħaħ skont il-linji ewlenin tal-politika għall-affarijiet barranin tal-UE;

M.  billi għandha tiġi affermata mill-ġdid l-importanza li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar u governanza tajba dwar kwistjonijiet ta' żvilupp fil-livell internazzjonali, sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda u tikseb viżibilità;

N.  billi, partikolarment fi żmien ta' restrizzjonijiet baġitarji, is-SEAE għandu jaġixxi ta' katalizzatur għal sinerġiji akbar, mhux biss fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE iżda wkoll bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;

O.   billi, fi żmien meta l-gvernijiet tal-Istati Membri qed inaqqsu serjament il-preżenza diplomatika u konsulari tagħhom, is-SEAE għandu jiġi kkunsidrat u utilizzat ulterjorment bħala opportunità għat-trawwim ta' aktar kooperazzjoni u sinerġiji;

P.  billi għandu jsir iżjed sforz sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u l-istrutturi bejn is-SEAE, il-Kummissjoni – b'mod partikolari DĠ DEVCO u l-Uffiċċju tal-Komunità Ewropea għall-Għajnuna Umanitarja (ECHO) – u s-Segretarjat tal-Kunsill;

Q.  billi ntlaħaq l-objettiv li terz mill-persunal ikun ġej mill-Istati Membri, u billi l-persunal li ġej mit-tliet komponenti (il-Kummissjoni, is-Segretarjat tal-Kunsill u s-servizzi diplomatiċi nazzjonali) għandu jkun imqassam b'mod adegwat fil-livelli kollha u bejn id-delegazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali;

R.  billi n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'karigi għolja u dawk AD, u rappreżentati żżejjed f'karigi AST;

S.  billi kull tibdil b'rabta mar-regolamenti tal-persunal għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

T.   billi hemm ħtieġa ċara li tiġi żviluppata l-kapaċità tas-SEAE li jidentifika u jislet tagħlimiet minn esperjenzi operattivi preċedenti, partikolarment fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni fil-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżi, ir-rikonċiljazzjoni u l-bini tal-paċi;

U.  billi, sentejn u nofs wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tar-RGħ/VP, għandu jkun hemm valutazzjoni bir-reqqa tar-responsabbiltà politika tas-SEAE lejn il-Parlament, partikolarment f'dak li huwa l-punt safejn il-Parlament jiġi kkonsultat dwar deċiżjonijiet strateġiċi u l-opinjonijiet u s-sehem tiegħu jiġu kkunsidrati;

V.   billi din il-valutazzjoni għandha tindirizza wkoll modi kif titjieb il-preżenza tar-RGħ/VP u tal-uffiċjali tas-SEAE, inklużi l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u r-RSUE quddiem il-Parlament u l-entitajiet tiegħu, u kif is-SEAE jagħti segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament;

W.  billi s-sorveljanza min-naħa tal-Parlament tas-SEAE hija essenzjali sabiex l-azzjoni esterna Ewropea tinftiehem aħjar u tiġi appoġġata miċ-ċittadini tal-UE; billi l-iskrutinju parlamentari jtejjeb il-leġittimità tal-azzjoni esterna;

X.  billi hemm nuqqas ta' flessibbiltà fiċ-ċirkwiti finanzjarji attwali fid-delegazzjonijiet, b'effett detrimentali fuq l-ammont ta' xogħol tal-persunal;

1.  Jindirizza din ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, filwaqt li jqis il-progress tajjeb li kien hemm fit-twaqqif tas-SEAE iżda li jista' jinkiseb aktar fir-rigward tas-sinerġija u l-koordinament bejn l-istituzzjonijiet, kif ukoll it-tmexxija politika u l-viżibilità, b'riżultat tal-opportunitajiet li nħolqu mit-taħlita tar-rwoli tar-Rappreżentant Għoli, il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, u bit-tisħiħ tal-karattru strumentali tas-Servizz:

Dwar it-tmexxija u struttura aktar razzjonali u effiċjenti għad-diplomazija tas-seklu 21

2.   jiġi pprovdut appoġġ lir-RGħ/VP fil-qadi tad-dmirijiet multipli tiegħu kif fdati mit-TUE, billi tiġi prevista l-ħatra ta' deputat(i) politiku/ċi li jkun marbut jagħti rendikont lill-Parlament u jidher quddiem il-kumitat responsabbli tiegħu qabel ma jibda jaqdi dmirijietu, u li jkollu s-setgħa jaġixxi f'isem ir-RGħ/VP; ikun żgurat ukoll li l-grupp ta' Kummissarji RELEX jistgħu jirrappreżentaw bis-sħiħ lir-RGħ/VP fil-każ ta' kwistjonijiet parlamentari u fil-livell internazzjonali; tiġi kkunsidrata barra minn hekk il-parteċipazzjoni tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-Istati Membri f'kompiti u missjonijiet speċifiċi f'isem l-Unjoni, bħala mod kif jissaħħu l-pożizzjonijiet komuni tal-UE;

3.   fid-dawl ta' dan li jidher hawn fuq, tiġi ssemplifikata l-istruttura ta' kmand tas-SEAE u jissaħħaħ ir-rwol tas-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv tiegħu billi tiġi stabbilita katina ċara ta' kmand għall-appoġġ ta' teħid ta' deċiżjonijiet effettiv kif ukoll rispons politiku f'waqtu, jiġu rrazzjonalizzati f'dan il-kuntest il-karigi ta' Uffiċjal Operattiv Ewlieni u ta' Direttur Maniġerjali responsabbli għall-Amministrazzjoni, titnaqqas u tiġi ssemplifikata l-istruttura ġerarkika tad-Direttorati Maniġerjali, jiġu definiti biċ-ċar il-kompetenzi rilevanti fi ħdan l-istruttura ta' ġestjoni tas-SEAE u tiġi rieżaminata l-istruttura attwali abbażi tal-Bord Amministrattiv, bil-ħsieb li tinkiseb l-effiċjenza, iċ-ċarezza u l-koerenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet; ikun żgurat fl-istess spirtu, li r-RGħ/VP jirċievi parir politiku, pereżempju permezz ta' Kunsill Politiku, mill-atturi istituzzjonali rilevanti kollha, biex b'hekk ikun jista' jevalwa l-impatt tal-azzjonijiet li se jittieħdu mis-SEAE;

4.   jittejbu u jissaħħu r-rwoli ta' koordinament, inizjattiva u ta' tmexxija politika tar-RGħ/VP, b'mod partikolari bħala president tal-Kunsill Affarijiet Barranin, billi jkun żgurat li fil-Kummissjoni li jmiss, jikkonkretizza l-potenzjal sħiħ tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni u jkun responsabbli għall-presidenza tal-grupp ta' Kummissarji RELEX, li jinfetaħ għal Kummissarji oħra li l-qasam ta' responsabbiltà tagħhom għandu dimensjoni esterna, biex b'hekk tiġi żviluppata ulterjorment il-prattika ta' proposti konġunti u deċiżjonijiet konġunti;

5.  isir użu sħiħ mill-effett ta' sinerġija tas-SEAE u tiġi prevista f'dan il-kuntest il-possibilità ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet PESK, kif stabbilit fl-Artikolu 31(2) TUE, u jiġi esplorat formalment it-twessigħ tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet PESK permezz tal-klawsola 'passerelle' rispettiva;

6.   ikun żgurat, f'konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni SEAE, li s-SEAE jkollu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-istrateġiji tal-istrumenti ta' assistenza finanzjarja esterna rilevanti u li, għal dan il-għan, is-SEAE ikollu l-għarfien espert biex jaġixxi ta' xprun f'dawn l-oqsma;

7.   ikun salvagwardjat fl-istess waqt, il-karattru 'komuntarju' tal-politika tal-viċinat, filwaqt li jitqies li l-Parlament jiċħad kwalunkwe tentattiv ta' intergovernanza tal-politiki tal-Unjoni, u li t-Trattat jagħti lill-Kummissjoni r-responsabilità prinċipali għan-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali għall-Unjoni u f'isimha;

8.   tittejjeb ulterjorment l-interfaċċa bejn id-Direttorat għall-Istrumenti tal-Politika għall-Affarijiet Barranin u s-SEAE;

9.  ikun żgurat li r-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) ikunu integrati mill-qrib fil-ħidma tas-SEAE billi huma flimkien mal-persunal tagħhom ikunu ankrati fl-istruttura tas-SEAE, u jiġi kkunsidrat, fejn possibbli, li tingħatalhom funzjoni doppja flimkien mal-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-UE;

10.   jitwettaq eżerċizzju ta' awditjar sistematiku u fid-dettall biex jingħaqdu l-istrutturi relatati mal-politika esterna stabbiliti mill-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill, bil-ħsieb li jingħelbu d-duplikazzjonijiet attwali u tiġi promossa l-kosteffiċjenza; biex dan ir-rapport isir disponibbli lill-Parlament;

11.   fuq l-istess nota, tiġi żviluppata ulterjorment il-prattika ta' servizzi tekniċi u loġistiċi konġunti bejn l-istituzzjonijiet, bil-ħsieb li jinkisbu ekonomiji ta' skala u effiċjenza mtejba; bħala l-ewwel pass jitpoġġew fi ħdan 'struttura konġunta unika' is-servizzi loġistiċi varji tal-Kummissjoni u tas-SEAE għat-twissija bikrija, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kompiti tas-sigurtà li jkopru avvenimenti barra mill-Unjoni u li fuqhom dawk is-servizzi jridu jikkoperaw;

12.  b'koordinament mal-Istati Membri, jiġu stabbiliti għażliet fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul għall-kisba ta' ekonomiji ta' skala bejn is-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri u s-SEAE f'pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-għoti ta' servizzi konsulari;

13.  jiġi adottat approċċ koerenti fir-rigward tal-presidenza ta' gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u tinġieb fi tmiem il-presidenza b'rotazzjoni ta' dawn il-gruppi;

14.  ikun żgurat, skont l-Artikolu 24 TUE, li l-Istati Membri jappoġġaw il-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u mingħajr riżervi, fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka, u li dawn jikkonformaw mal-azzjonijiet tal-Unjoni u jappoġġaw lis-SEAE fit-twettiq tal-mandat tiegħu;

15.  tiġi promossa, għal dan il-għan, kooperazzjoni aktar profonda mal-Istati Membri u jiġi żviluppat rappurtar politiku konġunt bejn id-delegazzjonijiet u l-ambaxxati;

Dwar l-'istruttura adegwata' sabiex ikun żgurat approċċ komprensiv

16.   jiġi implimentat il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona billi jiġi segwit Approċċ Komprensiv li jintegra mezzi diplomatiċi, ekonomiċi, tal-iżvilupp, u – bħala l-aħħar tentattiv u f'konformità sħiħa mal-Karta tan-NU – mezzi militari skont linji gwida komuni ta' politika strateġika tal-Unjoni bil-ħsieb li jiġu mħarsa u promossi s-sigurtà u l-prosperità primarjament taċ-ċittadini tal-UE u dawk fil-viċinat tagħhom, kif ukoll aktar 'il bogħod; tiġi żgurata f'dan il-kuntest il-koerenza bejn miżuri fuq perjodu qasir u dawk fit-tul; ikun żgurat barra minn hekk, li s-SEAE jkollu l-kapaċità għal riflessjoni strateġika u jippreżenta proposti għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet importanti offruti mit-Trattat ta' Lisbona, pereżempju billi l-implimentazzjoni ta' ċerti kompiti tkun fdata lil gruppi ta' Stati Membri kapaċi u l-iżvilupp ta' għoti ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, inkluż l-użu ta' gruppi tattiċi;

17.   tiġi żviluppata ulterjorment għal dak il-għan, 'struttura adegwata' (pereżempju identifikata bħala Bord tal-Kriżi) li tintegra l-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rispons għall-kriżi, il-bini tal-paċi, l-istrumenti ta' politika għall-affarijiet barranin ikkonċernati, il-politika ta' sigurtà u l-istrutturi PSDK, u tiżgura l-koordinament mal-uffiċċji ġeografiċi, id-delegazzjonijiet u dipartimenti ta' politika oħra kkonċernati fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżi, abbażi tal-kunċett tal-pjattaforma tal-kriżi; tkun żgurata koerenza ġenerali u tiġi evitata d-duplikazzjoni fi ħdan is-SEAE; jissaħħaħ barra minn hekk, il-koordinament interistituzzjonali u ċ-ċarezza tar-rwoli;

18.  ikun żgurat ippjanar effettiv u integrat, u teħid ta' deċiżjonijiet iktar rapidu għall-operazzjonijiet PSDK, billi jiġu kkombinati l-kapaċitajiet rilevanti għall-ippjanar mid-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD) u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC); tinħoloq, barra dan, struttura permanenti ta' tmexxija billi jiġu stabbiliti Kwartieri Ġenerali Operattivi militari permanenti, kolokalizzati b'Kapaċità Ċivili ta' Tmexxija, biex tkun permessa l-implimentazzjoni effettiva tal-operazzjonijiet militari u ċivili filwaqt li jiġu salvagwardjati l-ktajjen ta' kmand rispettivi tagħhom;

Dwar ir-riforma tal-proċeduri finanzjarji għal azzjoni esterna effettiva

19.  isir użu sħiħ mill-flessibilitajiet kollha possibbli skont ir-Regolament Finanzjarju b'rabta mal-ġestjoni finanzjarja tan-nefqa amministrattiva u operazzjonali, sabiex tiġi awtorizzata aktar subdelegazzjoni min-naħa tal-Kapijiet tad-Delegazzjoni lid-deputati tagħhom u lill-persunal tal-Kummissjoni, meta l-kundizzjonijiet ikunu jirrikjedu dan, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-ġestjoni u t-tmexxija mingħajr intoppi tad-Delegazzjonijiet, filwaqt li l-Kapijiet tad-Delegazzjoni jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-kompiti politiċi tagħhom;

20.  jitħaffu l-proċeduri fis-Servizz għall-Istrumenti tal-Politika għall-Affarijiet Barranin għall-amministrazzjoni tal-finanzi PESK għall-objettiv li jkun żgurat rispons flessibbli u f'waqtu għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi u, b'mod partikolari, ikun żgurat li l-operazzjonijiet ċivili PSDK jiġu mnedija b'mod rapidu u b'effiċjenza; tiġi eżaminata f'dan ir-rigward, il-possibilità li jiġu introdotti xi tibdiliet fir-Regolament Finanzjarju mingħajr ma titnaqqas is-sorveljanza;

21.   tiżdied il-flessibbiltà u r-reattività tal-assistenza esterna tal-UE billi jiġu rieżaminati r-regoli għad-deċiżjonijiet dwar il-programmazzjoni u n-nefqa għall-istrumenti finanzjarji esterni;

22.  tittejjeb ir-responsabbiltà finanzjarja billi tiġi estiża t-trasparenza għal-linji baġitarji kollha PESK inklużi l-operazzjonijiet PSDK, ir-RSUE, in-nonproliferazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

Dwar id-Delegazzjonijiet

23.  is-SEAE jingħata vuċi akbar fl-allokazzjoni/fir-riallokazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni fid-Delegazzjonijiet tal-UE sabiex ikun żgurat li l-profili tal-persunal u d-daqs tad-delegazzjonijiet tal-UE jirriflettu l-interessi strateġiċi tal-Unjoni u l-prijoritajiet politiċi tagħha;

24.   jittieħdu l-passi neċessarji biex ikun żgurat li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE jinħatru abbażi tal-mertu u tal-għarfien tajjeb tal-interessi, il-valuri u l-politiki tal-Unjoni, biex ikunu żgurati l-motivazzjoni u l-ogħla grad ta' kwalità u ta' effiċjenza fost dawk magħżula għal funzjonijiet tant sensittivi;

25.  ikun previst, partikolarment fil-każ ta' delegazzjonijiet fejn in-numru ta' persunal tas-SEAE huwa baxx, li l-Kap tad-Delegazzjoni jkun jista', f'konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni SEAE, jinkariga wkoll lill-persunal tal-Kummissjoni bit-twettiq ta' analiżi politika u rappurtar politiku;

26.  tissaħħaħ f'dan il-kuntest, l-awtorità tal-Kapijiet tad-Delegazzjoni fuq il-persunal kollu, inkluż il-persunal tal-Kummissjoni, u jkun żgurat li l-Kap tad-Delegazzjoni jkun id-destinatarju tal-istruzzjonijiet kollha li jinħarġu mill-Kwartieri Ġenerali;

27.   jiġu żviluppati serjament l-opportunitajiet ppreżentati mid-Deċiżjoni SEAE u mit-TUE, partikolarment billi jissaħħah ir-rwol ta' koordinament tad-delegazzjonijiet, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, u billi tingħatalhom s-setgħa jipprovdu protezzjoni konsulari lil ċittadini tal-UE li ġejjin minn Stati Membri li mhumiex rappreżentati f'pajjiż partikolari; ikun żgurat li kwalunkwe kompitu addizzjonali ma jneħħix riżorsi minn politiki, istituzzjonijiet u prijoritajiet eżistenti fil-livell tal-UE;

28.   fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza vasta tad-Delegazzjonijiet tal-UE issa għandhom punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem, ikun żgurat li b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa jkunu integrati fi ħdan kull Delegazzjoni u Uffiċċju tal-UE; tingħata barra minn hekk viżibilità lill-kultura Ewropea abbażi tad-diversità tagħha; ikun żgurat, fejn xieraq, li d-delegazzjonijiet tal-UE fost il-persunal eżistenti tagħhom ikollhom uffiċjal ta' kuntatt għall-Parlament Ewropew inkarigat li jipprovdi assistenza adegwata lid-delegazzjonijiet tal-Parlament f'pajjiżi terzi;

29.   ikun żgurat barra minn hekk, li d-delegazzjonijiet ikollhom għarfien espert f'dawk l-oqsma ta' politika (pereżempju t-tibdil fil-klima, is-sigurtà fl-enerġija, il-politika soċjali u dwar l-impjiegi, il-kultura, eċċ), li huma ta' rilevanza għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiż inkwistjoni;

30.   ikun żgurat, fejn applikabbli, li kull delegazzjoni jkollha attaché tas-sigurtà u d-difiża, b'mod partikolari f'delegazzjonijiet li joperaw f'sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' stabbiltà politika jew fraġilità jew fejn tkun intemmet operazzjoni jew missjoni reċenti PSDK, biex ikunu żgurati l-kontinwità operazzjonali u monitoraġġ adegwat tal-ambjent politiku;

31.  Jistieden lir-RGħ/VP tordna rieżami tal-arranġamenti u r-rekwiżiti ta' sigurtà fid-delegazzjonijiet tal-UE barra mill-UE, sabiex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet dwar is-sigurtà jittieħdu mis-SEAE u mhux minn kuntratturi esterni tas-sigurtà;

Dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika

32.  tkun żgurata, f'konformità mal-ftehim kwadripartitiku li ntlaħaq f'Madrid f'Ġunju 2010, implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-obbligu fl-Artikolu 36 TUE, jiġifieri li l-opinjonijiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati kif dovut, pereżempju permezz ta' konsultazzjoni proattiva u sistematika mal-kumitat adegwat tal-Parlament qabel l-adozzjoni ta' strateġiji u mandati fil-qasam PESK/PSDK;

33.  ikun żgurat rappurtar politiku sħiħ min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni lil detenturi ta' karigi ewlenin tal-Parlament taħt aċċess regolat;

34.  ikun żgurat, f'konformità mal-Artikolu 218(10) TUE, li l-Parlament ikun infurmat bis-sħiħ u immedjatament fil-fażijiet kollha tal-proċedura għan-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet konklużi fil-qasam PESK;

35.  f'konformità mal-esperjenza pożittiva li Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u r-RSUE li jkunu għadhom jinħatru jidhru quddiem il-Kumitat AFET qabel jieħdu l-kariga tagħhom, din il-prattika tiġi estiża għall-Kapijiet tal-Missjonijiet u tal-Operazzjonijiet PSDK li jkunu għadhom jinħatru;

36.  ikun żgurat li, ladarba jkunu nħatru mir-RGħ/VP, il-Kapijiet il-ġodda tad-Delegazzjonijiet jiġu konfermati uffiċjalment mill-kumitat rilevanti tal-Parlament qabel jieħdu l-karigi tagħhom;

37.  ikun hemm skambju sistematiku mal-kumitat adegwat tal-Parlament qabel kull Kunsill Affarijiet Barranin u biex dan il-kumitat jingħata rendikont wara kull laqgħa tal-Kunsill;

Dwar it-taħriġ u l-konsolidament ta' spirtu ta' komunità diplomatiku Ewropew

38.  jiġi promoss taħriġ komuni u miżuri konkreti oħra għall-konsolidament ta' spirtu ta' komunità fost il-persunal tas-SEAE bi sfondi diplomatiċi, kulturali u istituzzjonali varji, u li jiġu kkunsidrati inizjattivi ta' taħriġ konġunti għall-persunal tas-SEAE u d-diplomatiċi nazzjonali, bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom;

39.  jiġu rieżaminati f'dan l-ispirtu, il-programmi ta' taħriġ u edukattivi rilevanti u eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bil-ħsieb li jiġu kkonsolidati flimkien mal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża eżistenti;

Dwar il-bażi għar-reklutaġġ

40.   ikun hemm impenn u intensifikazzjoni ulterjuri tal-isforzi sabiex jinkiseb bilanċ aħjar b'rabta mal-ġeneru, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-mertu u l-kompetenzi; tiġi enfasizzata l-importanza li jinkiseb bilanċ fil-livell ta' Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u livelli maniġerjali oħrajn; jiġu introdotti miżuri tranżitorji, filwaqt li jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni li jinkludi programmi ta' mentoring, taħriġ speċjali u ambjent ta' xogħol li jiffavorixxi lill-familja bil-ħsieb li tiġi promossa r-rappreżentazzjoni tan-nisa u jiġu indirizzati l-ostakli strutturali għall-karrieri diplomatiċi tagħhom;

41.   jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi aġġustata r-rappreżentanza ġeografika fil-pożizzjonijiet għoljin u fil-gradi u l-karigi l-oħrajn kollha biex titrawwem u titħeġġeġ is-sjieda politika tas-SEAE kemm mill-uffiċjali u kemm mill-Istati Membri, kif mitlub mill-Artikolu 6(6) u 6(8) tad-Deċiżjoni SEAE;

42.  ikun żgurat, fid-dawl tal-fatt li ntlaħaq l-objettiv ta' terz mill-persunal reklutat mill-Istati Membri, li l-persunal li ġej minn ministeri nazzjonali ma jkunx konċentrat f'livelli maniġerjali, biex b'hekk ikun hemm opportunitajiet ta' karriera għal kulħadd, u li l-enfasi issa tkun fuq ir-reklutaġġ ta' persunal ġdid tal-UE fuq bażi permanenti; jiġu esplorati wkoll, f'dak ir-rigward, il-modalitajiet għad-diplomatiċi nazzjonali li jaħdmu fis-SEAE sabiex japplikaw għal karigi permanenti fi ħdan is-Servizz;

43.  jiġi żviluppat spirtu ta' komunità verament Ewropew u jkun żgurat li s-Servizz jaqdi biss interessi Ewropej komuni, biex jiġi oppost kull tentattiv min-naħa tal-Istati Membri li jinterferixxu fil-proċess ta' reklutaġġ tal-persunal tas-SEAE; biex ikun żgurat, issa li ġie fi tmiemu l-proċess ta' tranżizzjoni, li s-SEAE jista' jiżviluppa l-proċedura proprja u indipendenti ta' reklutaġġ tiegħu, miftuħa wkoll għall-uffiċjali mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-kandidati minn barra permezz ta' konkorsi ġenerali;

44.   jiġu kkunsidrati b'mod partikolari, fid-dawl tar-rwol speċjali tal-Parlament Ewropew fir-rigward tad-definizzjoni tal-objettivi u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-kompetenzi tal-Parlament bħala awtorità baġitarja, ir-rwol tiegħu fl-iskrutinju demokratiku tal-politika għall-affarijiet barranin kif ukoll il-prattika tiegħu ta' relazzjonijiet parlamentari barranin u l-possibilità għall-uffiċjali mill-Parlament Ewropew sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal karigi fis-SEAE fuq bażi ugwali bħal fil-każ ta' dawk mill-Kunsill u l-Kummissjoni mill-1 ta' Lulju 2013;

45.  ikun żgurat li s-SEAE għandu t-taħlita adatta ta' ħiliet sabiex jindirizza l-kunflitti, b'mod partikolari billi jiżviluppa ħiliet fil-qasam tal-medjazzjoni u d-djalogu;

Perjodu ta' żmien itwal

46.  Jappella, fil-kuntest ta' Konvenzjoni futura, sabiex l-iżvilupp ulterjuri tal-PESK/PSDK u tar-rwol tas-SEAE, inkluż bidla fl-isem, jitpoġġa fuq l-aġenda;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza