Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0274/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2013 - 7.11

Testi adottati :

P7_TA(2013)0282

Testi adottati
PDF 229kWORD 25k
Il-Ħamis, 13 ta' Ġunju 2013 - Strasburgu
Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni mal-Afganistan
P7_TA(2013)0282RC-B7-0274/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp (2013/2665(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar strateġija ġdida għall-Afganistan(1), tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-kontroll baġitarju tal-għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Afganistan(2) u tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Afganistan, inkluża r-Riżoluzzjoni 2096 ta’ Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Internazzjonali dwar l-Afganistan tal-2011 u l-2012, inklużi dawk li saru f’Bonn f’Diċembru 2011, f’Chicago f’Mejju 2012, f’Kabul f’Ġunju 2012 u f’Tokjo f’Lulju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li nħarġet mid-Delegazzjoni tal-UE fl-Afganistan bi qbil mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE fl-Afganistan fid-19 ta’ Novembru 2012, dwar l-eżekuzzjoni ta’ persuni li kienu ngħataw sentenza ta’ mewt,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tas-27 ta' Mejju 2013 li jestendu l-missjoni ta’ pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL) sal-31 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ilha sa mill-2002 tappoġġa r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-Afganistan, u għadha impenjata favur tranżizzjoni paċifika fl-Afganistan, l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli tiegħu u l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu;

B.  billi l-għoti tal-għajnuna tal-UE mill-2011 sal-2013 kien iffukat fuq setturi ewlenin tal-governanza (inkluża l-pulizija), l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, is-saħħa u l-ħarsien soċjali;

C.  billi l-UE u l-Afganistan dalwaqt jikkonkludu negozjati rigward ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp (CAPD), li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan se jqegħidha fuq livell ġdid u komprensiv, u se jagħtiha qafas legali ġdid;

D.  billi l-Parlament talab pjan ta’ azzjoni ta’ ħames snin għall-eliminazzjoni tal-kultivazzjoni tax-xaħxieħa permezz ta’ żvilupp alternattiv fl-Afganistan;

E.  billi l-UE qed tappoġġa t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija u l-bini tal-kapaċità fl-Afganistan, u billi l-missjoni tal-EUPOL ilha mill-2007 tappoġġa forza tal-pulizija sostenibbli u effikaċi li se tgħin fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġustizzja kriminali taħt sjieda Afgana;

F.  billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, l-għadd ta’ ċittadini Afgani li huma dipendenti fuq id-drogi għadu qed jiżdied, b’impatt soċjali qawwi fuq il-popolazzjoni;

G.  billi, minkejja r-rwol attiv tal-UE fis-sostenn ta’ miżuri kontra n-narkotiċi, ir-riżultati huma limitati ħafna;

H.  billi n-nuqqas ta’ koordinament bejn id-donaturi għall-Afganistan u l-Gvern Afgan qed idgħajjef l-effikaċja tal-kontribuzzjonijiet tal-UE lill-Afganistan;

I.  billi, minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew qed jiżvolgi rwol ewlieni fl-għoti tal-approvazzjoni meħtieġa għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ġodda;

1.  Itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-ħolqien ta’ stat Afgan b’istituzzjonijiet demokratiċi aktar b’saħħithom, li jkunu kapaċi jiżguraw is-sovranità nazzjonali, l-unità statali, l-integrità territorjali u l-prosperità għall-poplu tal-Afganistan; itenni li l-futur paċifiku tal-Afganistan jiddependi fuq il-bini ta’ stat stabbli, sigur, u ekonomikament sostenibbli li jkun ħieles mit-terroriżmu u min-narkotiċi u li jkun ibbażat fuq l-istat tad-dritt, istituzzjonijiet demokratiċi msaħħa, ir-rispett tas-separazzjoni tas-setgħat u parlament b’saħħtu, u l-garanzija tad-drittijiet fundamentali; japprezza, f’dan ir-rigward, il-kontribuzzjonijiet importanti li saru mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u mill-missjoni tal-EUPOL fl-Afganistan, u jilqa’ l-estensjoni ta’ din tal-aħħar;

2.  Jilqa’ l-isforzi u l-progress li saru f’dan l-aħħar deċennju; itenni, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà u dwar il-vjolenza li għadha għaddejja fl-Afganistan, li qed jirriżultaw f’theddid għall-popolazzjoni lokali, inklużi n-nisa, it-tfal, il-forzi tas-sigurtà nazzjonali u l-persunal militari u ċivili internazzjonali;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jipprepara ruħu sabiex jieħu f’idejh ir-responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà tiegħu wara li jirtiraw il-forzi internazzjonali; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-bini tal-kapaċità militari u ċivili tal-Gvern Afgan u tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali tiegħu sabiex jissodaw l-istabbiltà u s-sigurtà bħala bażi essenzjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku u jevitaw li jinħoloq vojt ladarba l-pajjiż jassumi r-responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà tiegħu stess wara l-2014; jenfasizza r-riskju li l-irtirar tal-forzi internazzjonali fl-2014 jista’ joħloq vojt ekonomiku;

4.  Jappoġġa n-negozjati rigward ftehim ta’ kooperazzjoni dwar is-sħubija u l-iżvilupp u jenfasizza li dan għandu jwassal għal approċċ aktar strateġiku kif ukoll għas-sostenn tal-awtoritajiet tal-Afganistan waqt u wara l-irtirar tal-forzi internazzjonali;

5.  Jenfasizza l-importanza ta’ dan il-ftehim il-ġdid li jinkludi approċċ komprensiv u sostenibbli biex jindirizza l-isfidi ta’ sigurtà, ekonomija, governanza u żvilupp fl-Afganistan, li huma interkonnessi;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Afganistan biex jikkommutaw is-sentenzi kollha tal-mewt u jerġgħu jintroduċu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bl-għan li l-piena tal-mewt tiġi abolita b’mod permanenti;

7.  Jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' momentum politiku għall-konklużjoni tan-negozjati tas-CAPD; jitlob, għalhekk, li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Gvern tal-Afganistan jikkonkluduhom malajr;

8.  Jistieden lill-UE, fil-qafas tal-ftehim il-ġdid, biex tkompli bl-isforzi tagħha ħalli tappoġġa l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, sistema ta’ governanza affidabbli (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni), ġudikatura indipendenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-ħolqien ta’ soċjetà ċivili ġenwina;

9.  Jiddispjaċih li minkejja l-obbligu tas-SEAE li jinforma l-Parlament f’kull stadju tan-negozjati, il-Parlament ma ġiex infurmat kif kien xieraq; ifakkr fil-prerogattivi ġodda tiegħu fl-affarijiet barranin kif stipulati fit-Trattat ta’ Lisbona, u jitlob il-kooperazzjoni sħiħa tas-SEAE u l-Kunsill fi kwistjoni daqstant importanti;

10.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa għal aktar żvilupp soċjoekonomiku u diversifikazzjoni ekonomika; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-potenzjal li tingħata spinta lit-tkabbir billi jiġu sfruttati r-riżorsi tal-enerġija u billi ssir enfasi aktar qawwija fuq l-industrija estrattiva; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li l-industrija estrattiva topera b’mod trasparenti u li jiġu applikati l-istandards stabbiliti mill-Inizjattiva Internazzjonali dwar it-Trasparenza Estrattiva;

11.  Jinnota li, minkejja li sar xi progress fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet fundamentali matul dan l-aħħar deċennju, in-nisa fl-Afganistan għadhom l-aktar parti vulnerabbli tas-soċjetà u għadhom qed ikunu soġġetti għal theddid, intimidazzjoni u vjolenza u qed isofru minħabba liġijiet diskriminatorji; jenfasizza l-ħtieġa – minn perspettiva kemm legali, kif ukoll prattika – li n-nisa jiġu integrati bis-sħiħ fis-soċjetà u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom, u li n-nisa jiksbu setgħa ta’ azzjoni reali; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li ħafna nisa huma vittmi ta' theddid u vjolenza kontinwi u li fl-aħħar ftit snin nisa prominenti fil-ħajja pubblika Afgana nqatlu jew saru attentati fuq ħajjithom, filwaqt li dawk responsabbli għadhom ma tressqux quddiem il-qrati;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jibqa' jkun hemm appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura f'ħafna setturi, inklużi skejjel, sptarijiet, it-trasport, il-grilji tal-enerġija, l-agrikoltura u l-emanċipazzjoni tan-nisa fl-Afganistan, b'konformità mal-għajnuna għall-iżvilupp mill-UE anki qabel l-intervent tal-2001;

13.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-inizjattiva tal-UE kontra n-narkotiċi s’issa ma kisbitx riżultati sodisfaċenti; jirrimarka li l-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi jsostnu lil gruppi “ribelli” u jkebbsu l-korruzzjoni f’diversi livelli; jenfasizza li l-fokus prinċipali ta' azzjoni kontra n-narkotiċi għandu jkun fuq l-appoġġ għal alternattivi ta' dħul għall-bdiewa; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa għal strateġija usa’ b’rabta mal-iżvilupp rurali sostenibbli u l-ġestjoni tal-ilma;

14.  Ifakkar li aktar minn 90% tal-eroina fl-Ewropa toriġina fl-Afganistan u li l-ispiża li toħloq għas-saħħa pubblika fil-pajjiżi Ewropej tilħaq biljuni ta’ dollari; jinnota, madankollu, li l-produzzjoni tax-xaħxieħa hi kwistjoni soċjali, ekonomika u ta’ sigurtà kruċjali; jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-2011, il-produzzjoni tax-xaħxieħa żdiedet b’61 % meta mqabbla mal-2010, u kienet tammonta għal 9 % tal-PDG tal-Afganistan għall-2011;

15.  Jinnota li bejn l-2009 u l-2011 l-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali nefqu USD 1,1 biljun fuq miżuri kontra n-narkotiċi, mingħajr ma ħallew impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni u t-traffikar; ifakkar li f’diversi okkażjonijiet il-Parlament talab l-istabbiliment ta' pjan ta’ ħames snin għall-eradikazzjoni tax-xaħxieħa bi skadenzi u b’parametri ta’ referenza speċifiċi, li għandu jiġi implimentat permezz ta' uffiċċju apposta bil-baġit u bil-persunal tiegħu u abbażi ta' kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, anke minħabba li din tal-aħħar hi l-vittma ewlenija tal-eroina Afgana u l-ikbar suq tax-xaħxieħa fid-dinja;

16.  Ifakkar li bejn l-2002 u tmiem l-2011 l-UE impenjat total ta’ madwar EUR 2,5 biljun f’għajnuna għall-Afganistan, fosthom EUR 493 miljun f’assistenza umanitarja; jiddispjaċih li minkejja l-għotjiet kbar ta’ għajnuna esterna, l-impatt kien limitat; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tħejji rapport speċjali dwar l-effikaċja tal-għajnuna tal-UE għall-Afganistan f’dan l-aħħar deċennju, simili għar-rapport dwar il-missjoni EULEX fil-Kosovo;

17.  Jesprimi l-akbar tħassib possibbli minħabba l-ineffiċjenza tal-appoġġ finanzjarju internazzjonali u tal-istrutturi governattivi Afgani, u dwar in-nuqqas ta' trasparenza u l-mekkaniżmi limitati għar-responsabilità tad-donaturi;

18.  Jiddeplora l-fatt li proporzjon sinifikanti ta’ għajnuna fi flus, Ewropea u internazzjonali tintilef tul il-katina tad-distribuzzjoni, u jiġbed l-attenzjoni fuq l-erba’ modi ewlenin ta’ kif dan iseħħ: ħela, spejjeż intermedjarji u ta’ sigurtà eċċessivi, kontijiet għoljin ħafna u korruzzjoni;

19.  Itenni li huwa kruċjali li l-assistenza tal-UE tiġi kkoordinata abbażi ta’ approċċ konġunt li jinvolvi l-Istati Membri u atturi internazzjonali fi strateġija komuni; jilqa’ l-kunsens strateġiku bejn il-Gvern tal-Afganistan u l-komunità internazzjonali dwar sħubija mġedda u dejjiema għad-deċennju li jmiss, kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Tokjo dwar l-Afganistan u fil-Qafas ta’ Tokjo dwar ir-Responsabbiltà Reċiproka;

20.  Jenfasizza l-importanza ta’ approċċ komprensiv u inklużiv, taħt tmexxija u sjieda Afgana, għar-rikonċiljazzjoni fl-Afganistan għal dawk kollha li jiċħdu l-vjolenza, jirrispettaw il-kostituzzjoni – inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet tan-nisa – u li lesti jissieħbu fil-bini ta' Afganistan paċifiku; jenfasizza li l-progress tal-paċi għandu jinvolvi l-oppożizzjoni politika, is-soċjetà ċivili inġenerali u n-nisa b’mod partikolari, u jkun inklużiv kemm jista’ jkun; jitlob li r-rwol tal-Kunsill Għoli għall-Paċi f’dan il-qasam jissaħħaħ u jiffoka aktar mill-qrib fuq il-proċess tal-paċi reali;

21.  Ifakkar fl-impenji li saru mill-Gvern tal-Afganistan fil-Konferenzi Internazzjonali dwar l-Afganistan f’Kabul u Tokju li jsaħħaħ u jtejjeb il-proċess elettorali tal-Afganistan, inkluż permezz ta’ riforma elettorali fit-tul, sabiex jiżgura li l-elezzjonijiet tal-ġejjieni jikkonformaw ma’ standards internazzjonali; jilqa’ t-tħabbir tad-data għall-elezzjonijiet tal-kunsill presidenzjali u provinċjali tal-2014, flimkien mat-tħejjijiet tal-Afganistan għal dawk l-elezzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi mmobilizzata l-parteċipazzjoni, li tista’ tiddependi fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà, speċjalment fil-provinċji tan-Nofsinhar u tal-Lvant; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Afganistan dwar il-ħtieġa li osservaturi nazzjonali u internazzjonali jissorveljaw ir-reġistru elettorali u l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-proċess tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet li jmiss; jitlob li l-UE tipprovdi appoġġ, fuq talba tal-awtoritajiet Afgani, għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet li jmiss;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali li għandha l-objettiv li tippromwovi l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun aktar wiesa'; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa mar-Russja, il-Pakistan, il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Indja u l-Iran bħala parti minn qafas reġjonali, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jippreżentaw il-kwistjonijiet tas-sigurtà, it-traffikar transkonfinali tal-persuni u tal-merkanzija, u l-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar illegali tad-drogi;

23.  Jitlob li s-SEAE jtejjeb il-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament b'rabta mal-għajnuna tal-UE lill-Afganistan, inkluż il-progress tan-negozjati; jistenna informazzjoni kompluta dwar it-termini tan-negozjoti u rappurtar regolari ladarba l-ftehim jiġi adottat;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 108.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0578.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0591.

Avviż legali - Politika tal-privatezza