Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-Azerbajġan: il-każ ta’ Ilgar Mammadov (2013/2668(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Azerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-9 ta’ Frar 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar l-arresti ta’ Tofiq Yaqublu, kittieb ta’ rubrika f’gazzetta u viċi president tal-partit tal-oppożizzjoni Musavat, u Ilgar Mammadov, mexxej u kandidat presidenzjali tal-partit Republican Alternative (REAL),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta’ Ġunju 2013 mill-kelliema rispettivi ta’ Catherine Ashton u l-Kummissarju Füle dwar limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni fl-Azerbajġan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta’ Mejju 2013 mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar akkużi ġodda kontra s-Sur Mammadov,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 mill-Kungress ta’ Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li nħarġet minn 52 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan li titlob għall-ħelsien tas-Sur Mammadov u s-Sur Yaqublu,
– wara li kkunsidra r-relazzjoni stabbilita bejn l-UE u l-Azerbajġan, b’effett mill-1999, kif rappreżentata mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ħolqien tas-Sħubija tal-Lvant (SL), in-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan u l-parteċipazzjoni tal-Azerbajġan fl-Assemblea Parlamentari Euronest,
– wara li kkunsidra n-negozjati li jinsabu għaddejjin bejn l-UE u l-Azerbajġan dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(1),
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ progress tal-pajjiż tal-PEV 2012 dwar l-Azerbajġan, tal-20 ta’ Marzu 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-Sur Mammadov, il-kap tal-oppożizzjoni tal-moviment REAL u d-direttur tal-Baku School of Political Studies tal-Kunsill tal-Ewropa, u s-Sur Yaqublu, viċi president tal-partit tal-oppożizzjoni Musavat, ġew arrestati mill-awtoritajiet Azerbajġani fl-4 ta’ Frar 2013 u ilhom jinżammu illegalment minn dakinhar; billi s-Sur Mammadov huwa akkużat li xewwex rewwixti fil-belt ta’ Ismaili wara li żar din il-belt;
B. billi d-detenzjoni inizjali tiegħu qabel il-proċess ġiet estiża darbtejn f’attentat evidenti biex jinżamm il-ħabs sal-elezzjonijiet li jmiss; billi skont rapporti reċenti Ilgar Mammadov tqiegħed f’ċella għall-kastigi, u dan iqajjem tħassib li qed jiġi vvittimizzat;
C. billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan marret għall-agħar kontinwament matul dawn l-aħħar snin minkejja l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV, u kien hemm pressjoni li qed tikber fuq l-NGOs u l-midja indipendenti u intimidazzjoni fir-rigward tagħhom, li qajmu sens ta’ biża’ mifrux fost il-forzi tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti żgħażagħ u tan-netwerk soċjali, u wasslu għall-awtoċensura fost il-ġurnalisti;
D. billi qabel l-arrest tiegħu is-Sur Mammadov ġie kkonfermat bħala l-kandidat tal-partit tal-oppożizzjoni tar-REAL għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Azerbajġan skedati għal Ottubru 2013;
E. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jqisu l-arrest tas-Sur Mammadov bħala illegali u motivat politikament, u bħala attentat ta’ intimidazzjoni fir-rigward tal-oppożizzjoni;
F. billi l-Kummissjoni, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-gvernijiet tal-Istati Membri esprimew tħassib serju dwar dan il-każ;
G. billi l-UE esprimiet tħassib serju dwar l-użu ta’ ġustizzja selettiva għal skopijiet politiċi;
H. billi r-rappreżentant tal-Kunsill tal-Ewropa f’Baku ma ngħatax permess li jkun preżenti fis-smigħ inizjali tal-qorti fi Frar 2013 u billi, barra minn hekk, grupp tal-Kunsill tal-Ewropa u ambaxxaturi li reċentement żaru l-Azerbajġan ma tħallewx jaraw lis-Sur Mammadov;
I. billi l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm online u kemm offline, hija aspett kruċjali ta' soċjetà demokratika u miftuħa, u hija wkoll fundamentali għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;
J. billi ġurnalisti, bloggers, attivisti u ħassieba indipendenti oħrajn qed ikomplu jesperjenzaw limitazzjonijiet serji fuq il-libertà tal-espressjoni tagħhom fl-Azerbajġan, u qed jiffaċċjaw prosekuzzjoni fuq akkużi foloz, fastidju, intimidazzjoni u attakki fiżiċi;
K. billi l-protesti ġew ipprojbiti effettivament fiċ-ċentru ta’ Baku sa mill-2006, u billi reċentement ġew introdotti multi ġodda ħorox u perjodi itwal ta’ detenzjoni amministrattiva għal dawk li jorganizzaw jew jipparteċipaw f’laqgħat pubbliċi;
L. billi l-awtoritajiet tal-Azerbajġan reċentement talbu tnaqqis fl-ambitu tal-missjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OKSE) f’Baku għall-istatus ta’ “uffiċċju ta’ koordinament tal-proġetti”, li huwa meqjus bħala attentat li tiġi limitata l-kritika antiċipata tal-OSKE dwar l-elezzjonijiet presidenzjali skedati għal Ottubru 2013;
M. billi, kontra l-impenji magħmula, il-parlament tal-Azerbajġan, il-Milli Mejlis, adotta emendi għall-Kodiċi Kriminali li jipprovdu għal sa tliet snin priġunerija għal każijiet ta’ malafama online, att li jikkostitwixxi ostakolu ieħor għall-kundizzjonijiet meħtieġa għal midja indipendenti u mhux parzjali fl-Azerbajġan;
N. billi l-Azerbajġan attwalment huwa impenjat f’konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż dwar il-malafama, li għandhom isiru sabiex jiġu eżegwiti żewġ sentenzi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Azerbajġan; billi, madankollu, il-parlament tal-Azerbajġan adotta emendi ġodda mmirati lejn il-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-malafama għall-espressjoni online;
O. billi l-Azerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u se jieħu f’idejh il-presidenza b’rotazzjoni tiegħu fl-2014, u huwa wkoll parti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
P. billi l-Azerbajġan qed jipparteċipa attivament fil-PEV u fis-SL, u huwa impenjat fin-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni u fil-progress tal-inizjattivi ta' kooperazzjoni li huma bbażati fuq il-qafas tas-SL, huwa membru fundatur tal-Euronest u huwa impenjat favur ir-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, valuri fil-qofol ta' dawn l-inizjattivi;
Q. billi l-Azerbajġan adotta liġijiet ġodda li jwessgħu id-definizzjoni ta’ libell kriminali, u jagħmlu r-regolamenti dwar il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) aktar stretti u jintroduċu penalitajiet ħafna aktar ħorox għal reati relatati ma’ assembleji pubbliċi;
R. billi l-Azerbajġan qed jokkupa siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) għall-perjodu 2012-2013, u impenja ruħu li jirrispetta l-valuri mħaddna fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
S. billi l-2013 hija sena ta’ elezzjoni importanti għall-Azerbajġan, immirata favur it-titjib tal-ambjent ġenerali għall-elezzjonijiet demokratiċi;
1. Jenfasizza li r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt huwa fil-qofol tal-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan is-SL, u tal-impenji magħmula mill-Azerbajġan fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE;
2. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni tas-Sur Mammadov, jitlob għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tiegħu u li tintemm il-prosekuzzjoni tiegħu, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jinvestigaw l-akkużi kontrih b’mod mgħaġġel, ġust, trasparenti u indipendenti;
3. Jistieden lill-UE tgħin u tkompli tappoġġa r-Repubblika tal-Azerbajġan fl-isforzi tagħha li tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt u tirriforma l-ġudikatura u s-sistemi tal-infurzar tal-liġi, b’enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u NGOs nazzjonali u internazzjonali dwar l-użu allegat ta’ akkużi vvintati kontra persuni politiċi, attivisti u ġurnalisti;
5. Jikkundanna kull intimidazzjoni, arrest, detenzjoni jew prosekuzzjoni ta’ mexxejja jew membri ta’ partiti fl-oppożizzjoni, attivisti, ġurnalisti jew bloggers sempliċiment minħabba li jkunu esprimew il-fehmiet tagħhom u eżerċitaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom skont standards internazzjonali;
6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jirrispettaw b’mod inekwivoku l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm online u kemm offline, sabiex jiżguraw il-libertà tal-espressjoni;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jirriformaw il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż dwar il-malafama, sabiex il-malafama tiġi indirizzata permezz ta’ multi proporzjonati aktar milli bil-priġunerija;
9. Jappoġġa n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ftehim bħal dan għandu jinkludi klawżoli u punti ta’ riferiment relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ għaqda, li jirriflettu l-prinċipji u d-drittijiet imħaddna fil-kostituzzjoni tal-Azerbajġan u l-impenji magħmula mill-Azerbajġan fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE;
10. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jallinjaw il-leġiżlazzjoni dwar l-elezzjonijiet, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-midja mal-istandards internazzjonali, u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha;
11. Jistieden lis-Servizz Estern għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex japplika strettament il-prinċipju “aktar għal aktar”, b’enfasi speċifika fuq elezzjonijiet inklużivi, ħielsa u ġusti, l-indipendenza tal-ġudikatura, riformi demokratiċi u drittijiet u libertajiet fundamentali, u biex jistabbilixxi biċ-ċar il-konsegwenzi fil-każ li ma jsirx progress b'rabta mar-riformi;
12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan iżidu l-isforzi tagħhom għar-riforma tal-aspetti kollha tas-sistema ġudizzjarja: prosekuzzjoni, proċess, kundanna, detenzjoni u appelli;
13. Jistieden lill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso jitkellem dwar il-preokkupazzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-Azerbajġan, kif stipulat fl-aħħar rapport ta’ progress tal-PEV, matul iż-żjara ppjanata tal-President Ilham Aliyev fi Brussell;
14. Jappoġġa x-xogħol tas-SEAE u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f’Baku tkompli tagħti attenzjoni mill-qrib lilll-preokkupazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem matul iċ-ċiklu tal-elezzjoni li jmiss, billi turi l-appoġġ tagħha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi tattendi avvenimenti organizzati mis-soċjetà ċivili u titkellem f’isimhom, filwaqt li twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-proċessi fil-qorti u tappoġġa l-libertà tal-midja, fost l-oħrajn billi titlob trażmissjoni vijabbli tal-istazzjonijiet indipendenti tar-radju u t-televiżjoni matul il-kampanja elettorali;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jagħtu lid-Dar tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Azerbajġan awtorizzazzjoni mhux kondizzjonata biex terġa’ tiftaħ u tirreġistra ċ-Ċentru għall-Monitoraġġ tal-Elezzjoni u l-Istudji dwar id-Demokrazija mingħajr aktar dewmien jew piżijiet amministrattivi;
16. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jikkonċernaw lill-Azerbajġan;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Estern għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlament tar-Repubblika tal-Azerbajġan, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem.