Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2299(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0172/2013

Testi mressqa :

A7-0172/2013

Dibattiti :

PV 01/07/2013 - 20
CRE 01/07/2013 - 20

Votazzjonijiet :

PV 02/07/2013 - 9.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0290

Testi adottati
PDF 316kWORD 30k
It-Tlieta, 2 ta' Lulju 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur
P7_TA(2013)0290A7-0172/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur (2012/2299(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur” (COM(2012)0556),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta' qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (“il-Ftehim ta' Qafas”)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda tal-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunità(5),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 90, 100(2) u 218,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0172/2013),

A.  billi l-avjazzjoni hija settur tal-ekonomija li kulma jmur qiegħed jikber b'rata mgħaġġla, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, b'mod speċjali fl-Asja u fil-Lvant Nofsani;

B.  billi l-avjazzjoni għandha rwol importanti x'tiżvolġi biex tgħaqqad lin-nies u lill-impriżi kemm fl-Unjoni kif ukoll globalment, b'mod speċjali mas-swieq li qed jiżviluppaw;

C.  billi t-tnaqqis tal-impjiegi implimentat u programmat mill-kumpanijie tal-ajru Ewropej mill-2012 jaqbeż l-20 000;

D.  billi s-sħab soċjali tas-settur tal-avjazzjoni kkonkludew, fil-qafas tad-djalogu dwar l-effetti tal-kriżi globali fuq l-avjazzjoni ċivili li sar fid-29 ta' Jannar 2013, li tinħtieġ ġestjoni koordinata u globali f'livell internazzjonali;

E.  billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2005 kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-Unjoni,

F.  billi l-iżviluppi matul l-aħħar seba' snin jirrikjedu reviżjoni ulterjuri,

Prinċipji ġenerali

1.  Jisħaq fuq il-progress li sar fil-ħolqien ta' suq reġjonali uniku u miftuħ fl-Unjoni u, fl-istess waqt, fuq il-bini ta' approċċ komuni Ewropew għall-politika esterna tagħha dwar l-avjazzjoni;

2.  Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tagħti analiżi f'waqtha tas-sitwazzjoni attwali u tal-progress li nkiseb fil-politika esterna dwar l-avjazzjoni mill-2005, kif ukoll tal-isfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-Unjoni f'suq globali tal-avjazzjoni estremament kompetittiv;

3.  Jissottolinja r-rwol fundamentali tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija tal-Unjoni, partikolarment f'termini ta' tkabbir u ta' impjiegi, billi tali settur isostni 'l fuq minn 5 miljun ħaddiem fl-Ewropa u jirrappreżenta 2,4 % tal-PDG tal-Unjoni, b'hekk jikkontribwixxi wkoll għall-konnettività tal-Unjoni mal-bqija tad-dinja; jisħaq fuq il-bżonn li jinżamm settur tal-avjazzjoni tal-Unjoni li jkun kompetittiv u b'saħħtu;

4.  Iqis li kien hemm progress importanti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi u sistemi tal-Unjoni bħalma huma l-Ajru Uniku Ewropew (SES), ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), l-inizjattiva Clean Sky, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u s-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) għat-titjib tas-sigurtà u għas-sodisfaċiment tar-rekwiżiti tal-passiġġieri; iqis li aktar progress irid isir f'dawn l-oqsma;

5.  Hu mħasseb, b'danakollu, dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni ta' SES u SESAR, meta jitqiesu l-kostijiet mhux neċessarji li dan id-dewmien jimponi fuq il-linji tal-ajru u fuq il-klijenti tagħhom; isostni lill-Kummissjoni talli ħadet azzjoni punittiva kontra dawk l-Istati Membri li ma rrispettawx l-iskadenza ta' Diċembru 2012 u li naqsu milli jagħmlu progress fir-rigward tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' SES u ta' SESAR; josserva li l-iżvilupp ta' SES, ladarba implimentat totalment, se joħloq opportunitajiet sinifikanti ta' impjieg, direttament u indirettament;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li dawn il-programmi tal-Unjoni huma importanti mhux biss għas-suq intern imma wkoll għall-politika esterna; iqis li t-tkomplija u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti jgħinu l-konsolidament tal-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq globali kompetittiv;

8.  Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni attwali tar-Regolament dwar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u jappoġġa leġiżlazzjoni Ewropea soda u favorevoli ħafna għall-konsumaturi;

9.  Huwa konxju li l-impatt tal-kriżi finanzjarja jvarja bejn ir-reġjuni tad-dinja; iqis li dawn wassal biex il-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi kompetittivi u li l-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru mhux dejjem l-aktar soluzzjoni xierqa fit-taqbida kontra r-restrizzjonijiet tas-suq jew is-sussidji inġusti;

10.  Iqis li, minħabba l-impossibilità li titfassal politika esterna dwar l-avjazzjoni komprensiva minkejja l-isforzi matul dawn l-aħħar seba' snin, jeħtieġ li jiġi adottat, mill-aktar fis possibbli, approċċ tal-Unjoni aktar koordinat, b'objettivi aktar ambizzjużi, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa;

11.  Hu tal-fehma li l-konverġenza regolatorja Ewropea hi element ewlieni għal pożizzjoni Ewropea soda fis-suq dinji u għal interazzjonijiet mal-pajjiżi terzi;

Komunikazzjoni tal-2005 u riżoluzzjoni tal-Parlament

12.  Jilqa' favorevolment il-progress li sar fir-rigward tat-tliet pilastri tal-politika tal-2005; il-prinċipju tad-deżinjazzjoni tal-Unjoni llum huwa rikonoxxut f'aktar minn 100 pajjiż terz; kważi 1 000 ftehim tas-servizzi tal-ajru ġew ikkonformati mad-dritt tal-Unjoni, b'hekk ġiet żgurata ċ-ċertezza tad-dritt; jiddispjaċih li s-sħab importanti, bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel, għadhom ma aċċettawx dawn il-prinċipji;

13.  Jindika li l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni għenet biex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-suq uniku, billi aġevolat il-konsolidament tal-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni f'mument li fih il-globalizzazzjoni tirrikjedi l-preżenza ta' atturi ekonomikament b'saħħithom biex jirreżistu għall-kompetizzjoni barranija;

14.  Jenfasizza li ġie żviluppat Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-pajjiżi ġirien; iqis li dawn il-ftehimiet ħolqu benefiċċji ekonomiċi importanti; jilqa' favorevolment l-isforzi notevoli li saru biex jiġu allinjati d-diversi oqfsa regolatorji mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f'oqsma bħas-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-ambjent, id-drittijiet tal-passiġġieri, ir-regolamentazzjoni ekonomika u l-aspetti soċjali;

15.  Jilqa' favorevolment il-ftehim komprensiv fil-qasam tal-avjazzjoni konkluż bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-effetti pożittivi tiegħu fuq iż-żewġ ekonomiji, kif ukoll il-kważi 80 000 impjieg ġdid maħluqa fl-ewwel 5 snin;

16.  Iqis li Politica Esterna tal-Unjoni b'saħħitha fil-qasam tal-avjazzjoni, fokalizzata fuq is-swieq emerġenti l-aktar importanti għar-rotot fuq distanza twil, partikolarment fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, taf toffri opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni;

17.  Jenfasizza li n-negozjati ma' xi sħab ewlenin, fosthom il-Brażil, għadhom għaddejjin u li l-ftehimiet tas-servizz tal-ajru fuq portata wiesgħa ma' tali pajjiżi jistgħu jipproduċu benefiċċji ekonomiċi notevoli;

18.  Ifakkar li wħud mir-rikjesti ppreżentati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2006 għadhom iridu jiġu sodisfatti; jenfasizza, partikolarment, il-bżonn ta' promozzjoni ta' standards adegwati ta' sikurezza u sigurtà f'livell internazzjonali, biex jiġi assigurat trattament indaqs bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u ta' pajjiżi terzi u jitrażżnu l-effetti fuq l-ambjent;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' strumenti bħall-Kumitat Konġunt intiż li jadotta approċċ komuni għall-problemi speċifiċi dwar is-settur tal-avjazzjoni;

20.  Jilqa' pożittivament il-ksib tal-punti l-oħrajn imqajma fir-riżoluzzjoni tal-2006, bħall-estensjoni tar-responsabilitajiet tal-EASA;

Suq

21.  Jikkonstata żieda notevoli tat-traffiku lejn, minn u fi ħdan ir-reġjun Asja-Paċifiku, li jirrifletti t-tendenza ta' tkabbir ekonomiku tar-reġjun; jinsab inkwetat dwar il-possibilità li, jekk l-ebda miżura ma tittieħed, il-kumpaniji tal-ajru u l-impriżi tal-Unjoni jistgħu jitilfu kemm opportunitajiet kbar minn din in-naħa tad-dinja kif ukoll il-kapaċità li jiġġeneraw profitti;

22.  Josserva wkoll li l-pożizzjoni globali tat-trasportaturi tal-ajru mhux tal-Unjoni ssaħħet permezz ta' sussidji u permezz ta' investimenti pubbliċi importanti fis-settur tal-inġenji tal-ajru u tal-infrastrutturi li saru f'varji partijiet tal-Lvant Nofsani, tal-Lvant Imbiegħed u tal-Amerika t'Isfel;

23.  Jisħaq fuq il-bidliet sinifikanti li saru fis-suq intern tal-Unjoni bis-saħħa taż-żieda tat-trasportaturi tal-ajru low-cost; iqis li, minkejja l-kompetizzjoni, iż-żewġ mudelli kummerċjali jistgħu jsibu l-mod kif jintegraw lil xulxin biex jegħlbu l-isfidi tas-suq estern;

24.  Josserva li l-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru estremament baxxi li joffru xi kumpaniji tal-ajru low-cost Ewropej jiġu kkumpensati bi prattiki inġusti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal pereżempju standards baxxi soċjali u tad-dritt tax-xogħol għall-persunal; josserva wkoll li l-investimenti minimi fl-istandards tas-sikurezza u s-sussidji reġjonali mhux ġustifikati donnu li għandhom rwol f'dan l-iffissar tal-prezzijiet tal-biljetti;

25.  Jindika li fost il-kumpaniji tal-ajru teżist kompetizzjoni qawwija min-naħa tat-trasportaturi low-cost, segment li jirrappreżenta 40 % tas-suq tal-avjazzjoni fl-Unjoni; jenfasizza li jekk Stat Membru rratifika l-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO l-kumpaniji tal-ajru jridu josservaw id-drittijiet fundamentali tal-konvenzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-libertà ta' għaqda u r-rikonoxximent tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-ftehimiet dwar il-pagi, u li f'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi verifikat ir-rispett u jiġi sanzjonat il-ksur;

26.  Jenfasizza l-importanza ta' hubs ajruportwali, inkluż l-iżvilupp ta' hubs sekondarji, hubs speċjalizzati u multi-hubbing, kif ukoll il-bżonn urġenti ta' investimenti fit-tul kemm mis-settur pubbliku kif anki minn dak privat fl-infrastrutturi ajruportwali bil-għan li tiżdied il-kapaċità, pereżempju permezz tal-bini ta' runways ġodda, u għal aktar użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, inklużi l-ajruporti reġjonali, pereżempju fil-Mediterran u mal-fruntieri orjentali tal-Unjoni, bis-saħħa ta' allokazzjoni aħjar tal-islots ajruportwali;

27.  Jinsisti fuq il-fatt li l-kompetittività tat-trasportaturi tal-Unjoni hija limitata fil-livell globali minn fatturi bħan-nuqqas ta' kundizzjonijiet ta' parità kkawżati minn, pereżempju, taxxi nazzjonali differenti, il-konġestjoni tal-ajruporti, il-livell għolji ta' kostijiet ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tat-tariffi ajruportwali, l-għajnuniet mill-Istat li jirċievu l-kompetituri, il-kost tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-applikazzjoni ta' standards soċjali inqas stretti u regoli differenti fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istato barra mill-Unjoni;

28.  Iqis li dawn il-fatturi jirrappreżentaw ostakli potenzjali għat-tkabbir u għall-impjiegi.

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi studju dwar id-disparitajiet fl-applikazzjoni ta' drittijiet, dazji, imposti u taxxi bejn l-Istati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-prezz tal-biljetti u fuq il-profitti tal-kumpaniji tal-ajru, kif ukoll twettaq studju dwar għajnuna mill-Istat potenzjalment mogħtija mill-kompetituri fil-livell dinji u l-impatt tagħha fuq il-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni;

30.  Jilqa' pożittivament ir-regoli Ewropej il-ġodda dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema mobbli;

Azzjonijiet futuri

31.  Huwa tal-fehma li l-politika esterna dwar l-avjazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tar-reċiproċità, inklużi tal-aċċess għas-swieq, tal-ftuħ u tal-kompetizzjoni ġusta, b'kundizzjonijiet ekwi, u għandha jkollha żewġ objettivi ewlenin: toħloq benefiċċji għall-konsumaturi u l-impriżi u ssostni l-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti tal-Unjoni fl-isforz tagħhom li jissalvagwardaw il-pożizzjoni ta' tmexxija tagħhom fuq skala dinjija;

32.   Jenfasizza, għaldaqstant, li l-ftehimiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru mal-pajjiżi ġirien u mas-sħab li jaqsmu l-istess viżjoni jrid ikun fihom qafas ta' regolamentazzjoni għal kompetizzjoni ġusta;

33.  Jappella għall-użu kontinwu ta' proċeduri għan-negozjar ta' ftehimiet komprensivi fis-settur tal-avjazzjoni f'livell tal-Unjoni, ibbażati fuq l-għaqda Ewropea u awtorizzati mill-Kunsill;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tiddefendi l-interessi tal-Unjoni fil-qafas tal-ftehimiet u tipproponi u tikkondividi l-istandards, il-valuri u l-aħjar prattiki tal-Unjoni;

35.  Jappella għal aktar kooperazzjoni u koordinament bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fin-negozjar ta' ftehimiet ta' servizzi tal-ajru mas-sħab ewlenin, bil-ħsieb li tiżdied l-influwenza tal-Unjoni u l-possibilitajiet tagħha li tikseb aċċess għal swieq ġodda;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kundizzjonijiet regolatorji għas-sikurezza, għas-sigurtà, għad-drittijiet tal-passiġġieri, għat-taħriġ u għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal fil-ftehimiet komprensivi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi n-negozjati mal-pajjiżi ġirien bħall-Ukraina, il-Libanu, it-Tuneżija, l-Ażerbajġan u l-Alġerija; jindika li l-prossimità ta' dawn il-pajjiżi u s-swieq tagħhom u t-tkabbir ekonomiku li seħħ fi wħud minnhom fi żminijiet reċenti jista' jitqies bħala opportunità ta' tkabbir għall-ajruporti reġjonali u sekondarji fl-Unjoni; hu tal-fehma li, minħabba l-ammont kbir ta' kapaċità fl-ajruporti reġjonali, tali ajruporti jistgħu jiżvolġu rwol fit-tnaqqis tal-konġestjoni fil-hubs ewlenin tal-Ewropa, u b'hekk jagħmluhom aktar kompetittivi fil-livell dinji;

38.  Jistieden lill-Kunsill jagħti lill-Kummissjoni, abbażi ta' każ b'każ, mandati għan-negozjar ma' pajjiżi oħra tal-viċinat bħat-Turkija, l-Armenja u l-Libja;

39.  Iqis li l-Unjoni għandha tadotta approċċ każ b'każ għar-relazzjonijiet tagħha mas-sħab ewlenin u jistieden lill-Kummissjoni tlesti, mill-aktar fis possibbli, n-negozjati għal ftehimiet tal-ajru komprensivi, inkluż mal-Awstralja u mal-Brażil, u lill-Kunsill jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja tali ftehimiet mal-ekonomiji li qegħdin jikbru malajr, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-ASEAN u l-pajjiżi tal-Golf;

40.  Hu tal-fehma li ftehim ġejjieni possibli fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti jolqot ukoll lis-settur tal-avjazzjoni; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tforni biżżejjed tagħrif biex in-negozjati li se jsiru dalwaqt jiġu monitorjati mill-qrib mill-Parlament;

41.  Jissottolinja li jeħtieġ li jintlaħqu totalment l-objettivi definiti fil-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru mas-sħab ewlenin, partikolarment l-Istati Uniti u l-Kanada, inkluża t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-proprjetà min-naħa ta' barranin u fuq il-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru; jappella li jiġu adottati miżuri biex jingħeleb l-iżbilanċ attwali bejn il-kapaċità tal-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni li jagħmlu kabotaġġ fis-suq tal-Istati Uniti u l-kapaċità tal-kumpaniji tal-Istati Uniti li jagħmlu l-istess fl-Ewropa; jindika li l-investimenti internazzjonali inkroċjati jikkontribwixxu biex jagħtu spinta lid-dinamiżmu ekonomiku tas-settur tal-avjazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem qafas ġuridiku internazzjonali favorevoli għall-estensjoni u għas-sostenn ta' tali investimenti, kif ukoll li jservi biex jippromwovi politika attiva mmirata lejn id-definizzjoni ta' standards u prattiki tajba għall-investimenti internazzjonali;

42.  Huwa tal-fehma li l-ftehimiet bilaterali jistgħu joffru kontribut importanti għall-iżvilupp ta' politika esterna dwar l-avjazzjoni, iżda jenfasizza, fl-istess waqt, l-importanza ta' approċċ tal-Unjoni komuni;

43.  Jenfasizza l-importanza ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa fl-attivitajiet kollha konnessi mas-servizzi tal-ajru; jitlob l-inklużjoni ta' klawsoli ta' “kompetizzjoni ġusta” standard fil-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi, u lill-Istati Membri japplikaw, ġabra minima ta' rekwiżiti ġuridiċi standard tal-Unjoni, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni regolatorja, l-istandards tax-xogħol u ambjentali u d-drittijiet tal-passiġġieri, biex ikunu inklużi fil-ftehimiet bilaterali, b'għan ċar ta' ħolqien tal-opportunitajiet u ta' tneħħija tal-ostakoli għall-kumpaniji tal-ajru tal-UE;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni urġenti jew is-sostituzzjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità(6);

46.  Jappoġġa l-proposti tal-Kummissjoni intiżi li jissalvagwardaw il-kompetizzjoni ħielsa u ġusta fir-relazzjonijiet u fil-ftehimiet mal-pajjiżi terzi u jiżviluppaw strumenti ġodda ta' difiża kummerċjali aktar idonei u effikaċi biex jindirizzaw il-prattiki inġusti bħad-diskriminazzjoni, l-applikazzjoni inkonsistenti tal-qafas regolatorju u n-nuqqas ta' trasparenza fir-rappurtar finanzjarju min-naħa ta' kumpaniji, li jista' jwassal għal tgħawwiġ fis-suq;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fi djalogu mal-pajjiżi tal-Golf bl-għan li ttejjeb it-trasparenza u tissalvagwarda l-kompetizzjoni ġusta;

48.  Josserva li l-Federazzjoni Russa tirrifjuta li tirrispetta l-ftehim dwar it-tneħħija gradwali tal-imposti fuq it-titjir fuq is-Siberja, ftehim milħuq fil-qafas tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO fl-2011; iqis li, billi t-trasportaturi tal-Unjoni jinsabu f'kundizzjonijiet diskriminatorji fit-tul minħabba dawn l-imposti illegali ta' transitu, l-Unjoni jmissha tkun kapaċi tieħu miżuri reċiproċi, billi tiċħad jew tillimita t-transitu fuq it-territorju tagħha jew, fuq livell aktar ġenerali, billi tieħu kull miżura marbuta mal-użu tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għat-trasportaturi tal-ajru tal-Federazzjoni Russa, bil-għan li tinċentiva lill-Federazzjoni Russa tneħħi l-imposti msemmija hawn fuq, li huma illegali billi jiksru l-ftehimiet internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago); jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jeżaminaw miżuri possibbli biex jiżguraw reċiproċità fir-rigward tal-użu tal-ispazju tal-ajru bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni;

49.  Jenfasizza li politika ambizzjuża dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-Unjoni tista' tagħti lill-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni vantaġġ ta' kwalità fuq il-kompetizzjoni globali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu aktar azzjoni intiża li tippromwovi l-istandards għolja tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u timmonitorja t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tagħhom;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora, mill-aktar fis possibbli, qafas regolatorju ġdid għall-implimentazzjoni ta' SES, fuq il-bażi ta' approċċ minn fuq għal isfel, inkluż mekkaniżmu ta' kooperazzjoni aqwa bejn il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru Ewropej, u toħloq il-kundizzjonijiet neċessarji biex tibda l-użu ta' SESAR;

51.  Jistieden lill-Kunsill jadotta finalment pożizzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni(7), li minkejja l-Parlament adottaha b'maġġoranza enormi ta' 96 %, għadha mblokkata mill-Kunsill;

52.  Iqis li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tiżvolġi rwol importanti fl-iżvilupp ta' oqfsa regolatorji għas-settur tal-avjazzjoni globali, pereżempju fil-liberalizzazzjoni tal-proprjetà u tal-kontroll tal-kumpaniji tal-ajru u fil-garanzija tal-interoperabilità fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; jinkoraġġixxi lill-ICAO tkompli tiżviluppa miżuri globali, orjentati lejn is-suq biex tnaqqas it-tniġġis akustiku mill-ajruporti u tillimita l-emissjonijiet ta' gass serra kollha rilevanti; iqis li huwa essenzjali li jintlaħaq mill-iktar fis possibbli qbil fi ħdan l-ICAO dwar approċċ globali;

53.  Jappella li l-Kummissjoni tiġi fdata b'mandati ta' negozjar bil-għan li tiċċara u ssaħħaħ r-rappreżentanza tal-Unjoni fi ħdan l-ICAO;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 5.
(2) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 98.
(3) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 121.
(4) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 506.
(5) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 84.
(6) ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1-7
(7) ĠU C 81 E, 15.03.2011, p.164.

Avviż legali - Politika tal-privatezza