Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2320(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0193/2013

Testi mressqa :

A7-0193/2013

Dibattiti :

PV 01/07/2013 - 24
CRE 01/07/2013 - 24

Votazzjonijiet :

PV 02/07/2013 - 9.4

Testi adottati :

P7_TA(2013)0291

Testi adottati
PDF 309kWORD 26k
It-Tlieta, 2 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
L-Aġenziji ta' Kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri
P7_TA(2013)0291A7-0193/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2013 dwar l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri (2012/2320(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2013 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati (C(2013)1378),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament tal-kummerċ u tal-investimenti tal-SMEs tal-UE: aċċess iffaċilitat għall-kreditu b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(7),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (2010/C 83/02),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà tat-12 ta' Diċembru 2011 (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 intitolata 'Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta' (COM(2010)0573),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2012 intitolata 'Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija' (11855/2012),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' tgħarrif tad-Dipartiment Tematiku tiegħu dwar il-parametri ta' riferiment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-politika esterna tal-UE (EXPO/B/DROI/2011/15),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU fir-rigward tal-Intrapriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta' Ġunju 2011 (HR/PUB/11/04, Nazzjonijiet Uniti 2011),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar (COM(2013)0207),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0193/2013),

A.  billi l-programmi ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri jikkostitwixxu strument importanti għat-tisħiħ tal-opportunitajiet kummerċjali u ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej;

B.  billi r-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar 'L-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati' jispeċifika r-rekwiżiti għar-rapportar annwali għall-Istati Membri fil-konfront tal-Kummissjoni u, fl-istess ħin, jipprevedi setgħat ta' delega għall-Kummissjoni, biex b'hekk tinkiseb l-iktar traspożizzjoni rapida possibbli tat-tibdiliet fl-Arranġamenti rispettivi tal-OECD fid-dritt tal-UE;

C.  billi, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), “il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni”;

D.  billi l-prinċipji li jiggwidaw kif l-Unjoni għandha torganizza r-relazzjonijiet tagħha mal-kumplament tad-dinja, u l-prinċipji gwida tal-azzjoni tal-Unjoni fuq ix-xena internazzjonali jinsabu fl-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li huwa ftehim vinkolanti bejn l-Istati Membri;

E.  billi l-Komunikazzjoni ta' Diċembru 2011 mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà tiddikjara li “l-intrapriżi Ewropej għandhom ikunu inkoraġġati sabiex jieħdu taħt idejhom id-diliġenza dovuta suffiċjenti biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kull fejn jiġu mwettqa”;

F.  billi l-'Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija' tal-Kunsill Ewropew jiddikjara li “l-UE ser tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha mingħajr eċċezzjoni”;

G.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hi ġuridikament vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE għajr dawk l-Istati Membri li għandhom il-possibilità ta' esklużjoni fakultattiva meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, u billi l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-fatt li l-Karta tapplika għall-azzjoni esterna tal-UE;

H.  billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha laqgħu pożittivament il-Prinċipji Gwida tan-NU fir-rigward tal-Intrapriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Prinċipju 4 tagħhom, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-istat u l-intrapriżi, jirreferi b'mod espliċitu għall-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni;

I.  billi l-appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni ħafna drabi jingħata għal proġetti kbar li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu kummerċjali b'riżultat ta' riskji kummerċjali, politiċi, ekonomiċi jew ambjentali kbar, li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni jkunu konsegwentement jeħtieġu jivvalutaw u jipprezzaw;

J.  billi nhar l-14 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ta' Delega li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011;

1.  Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas għar-rapportar annwali mill-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tagħhom bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza fil-livell tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv fundamentali ta' dan ir-rapportar hu l-monitoraġġ tal-konformità tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri mar-regoli internazzjonali applikabbli għall-kreditu għall-esportazzjoni u mal-obbligi taħt it-Trattati tal-UE;

2.  Jirrikonoxxi li, fl-14 ta' Diċembru 2012, irċieva informalment l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri, li jivvaluta t-tweġibiet ta' 20 mis-27 Stat Membru li għandhom programmi attivi ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll li rċieva ir-rapporti ta' dawn l-Istati Membri fil-forma ta' annessi; minn dakinhar il-Kummissjoni approvat ir-rilaxx ta' dawn id-dokumenti għall-pubbliku b'mod li l-għan tar-Regolament bażiku għaż-żieda fit-trasparenza jiġi sodisfatt;

3.  Ifaħħar il-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni jindika b'mod ċar l-iskala u l-importanza tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri matul l-2011, li jammontaw għal skopertura totali ta' aktar minn EUR 250 biljun – inklużi 260 tranżazzjoni fejn ġew rapportati implikazzjonijiet ambjentali importanti – u li jfissru opportunitajiet kummerċjali u ta' negozju sinifikanti għall-kumpaniji Ewropej;

4.  Jirrikonoxxi l-fatt li, fir-Rapporti Annwali ta’ Attività tagħhom, l-Istati Membri għamlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni finanzjarja u operattiva rigward il-kreditu għall-esportazzjoni mitluba fl-ewwel paragrafu tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011;

5.  Jissottolinja, fil-kuntest tal-iskala tal-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri, l-importanza tal-Premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, li tirrikjedi konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni rigward l-azzjoni esterna, bħall-konsolidament tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-rekwiżiti ta' rapportar speċifiċi fformulati fl-Anness I tar-Regolament biex ikun żgurat li l-Kummissjoni u l-Parlament ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni ta' din il-konformità;

6.  Jenfasizza li r-rapporti annwali tal-Istati Membri, u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta' dawn ir-rapporti, s'issa ma jissodisfawx l-intenzjoni tal-Parlament li jkun kapaċi jagħmel valutazzjoni dwar jekk l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri humiex konformi mal-għanijiet tal-politika barranija tal-Unjoni, kif huma stabbiliti fl-Artikoli 3 u 21 TUE, u t-trattament tar-riskji ambjentali fil-kalkolu tal-primjums tal-ECAs;

7.  Jilqa' l-fatt li ġeneralment hu ċar li l-Istati Membri huma lesti – kif stqarret il-Kummissjoni fir-rapport annwali attwali – japplikaw politiki għall-programmi tagħhom rigward il-kreditu għall-esportazzjoni li l-objettivi tagħhom ikunu konformi mat-tifsira ġenerali tal-Artikoli 3 u 21; ifaħħar l-isforzi ta' xi Stati Membri, inklużi l-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi, biex jipprovdu rapportar aktar sinifikanti rigward il-konformità ma' wħud mill-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

8.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni għandha bżonn tkun tista' tivvaluta jekk l-attivitajiet ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri humiex konformi mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-kontroll ta' konformità għandu jirrigwarda jekk l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni uffiċjalment appoġġati implimentawx politiki li huma effikaċi biex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu konformi mal-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni;

L-istabbiliment ta' parametri ta' riferiment għall-konformità tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni

9.  Jikkondividi l-osservazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport annwali li huwa diffiċli li jiġi definit parametru ta' riferiment preċiż biex titkejjel il-konformità fid-dritt tal-UE; itenni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 jibqgħu l-parametru ta' riferiment fundamentali li fil-konfront tiegħu għandhom jiġu evalwati l-politiki applikati għat-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni se tkun biss attur globali affidabbli u b'saħħtu jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej isegwu politika esterna konsistenti;

11.  Jirrakkomanda li l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kreditu għall-Esportazzjoni u l-Kummissjoni jikkonsultaw mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) rigward l-iżvilupp ta' metodoloġija għal rapportar sinifikanti dwar il-konformità mal-Artikolu 21, u rigward l-applikazzjoni fl-UE ta' ċerti linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġat qabel ma jkun imissu jiġi ppreżentat ir-rapport annwali li jmiss; jinsisti biex il-konsultazzjoni pubblika tkun parti minn dan il-proċess;

12.  Jikkunsidra li hu ta' importanza primarja li l-Istati Membri jiġu mistiedna jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar l-eżistenza, l-eżitu u l-effikaċja tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta fl-iskrinjar tal-proġetti bl-appoġġ uffiċjali ta' kreditu għall-esportazzjoni fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Huwa konxju tal-fatt li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni jiddependu fuq l-informazzjoni pprovduta mis-sħab tal-proġetti tagħhom; huwa konvint li kieku kellu jkun rikjest approċċ strutturat għall-proċeduri ta' diliġenza dovuta mill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni biex ikunu eliġibbli biex jirċievu finanzjament għall-proġett, is-sħab tal-proġett ikunu lesti li jwettquhom huma stess, biex b'hekk jittaffew l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali għall-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni;

14.  Jikkunsidra l-progress fir-rapportar dwar il-konformità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni bħala prekursur għal rapportar aħjar dwar l-għanijiet l-oħra tal-azzjoni esterna Ewropea miġburin fl-Artikolu 21, bħall-qerda tal-faqar, u dwar it-trattament tar-riskji ambjentali;

Rapportar dwar it-trattament tar-riskji ambjentali fil-kalkolu tal-primjums tal-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni

15.  Jissuġġerixxi lill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri jkomplu jirrapportaw rigward l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji ambjentali, u jikkunsidra li r-rappurtar ta' dan it-tip mill-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni kollha, dawk li huma membri tal-OECD u dawk li mhumiex, hu essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti;

Rapportar dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti

16.  Jinnota li l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni tal-Istati Membri attwalment jirrapportaw dwar l-iskopertura għal obbligazzjonijiet kontinġenti b'modi differenti; jitlob lill-Kummissjoni tipprevedi definizzjoni komuni li tirrifletti x-xewqa tal-Parlament li jiġi infurmat dwar skoperturi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ;

Gwida u evalwazzjoni mill-Kummissjoni

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-perjodu ta' rapportar li jmiss, fost affarijiet oħra dwar kif għandhom jirrapportaw dwar l-eżistenza u l-effikaċja tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-politiki tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar kif għandhom jirapportaw dwar it-trattament tar-riskji ambjentali;

18.  Jistenna li r-Rapport Annwali li jmiss tal-Kummissjoni jkun jinkludi dikjarazzjoni dwar jekk setgħatx tevalwa l-konformità tal-Istati Membri mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni u, jekk it-tweġiba tkun negattiva, ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb ir-rapportar għal dan il-fini;

Rapport tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD

19.  Ifaħħar l-isforzi li għamlet, fl-2012, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Uniti tal-Amerika, biex tinvolvi liċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja u l-ekonomiji emerġenti l-kbar l-oħrajn fit-twaqqif tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali tal-Fornituri Ewlenin tal-Finanzjament għall-Esportazzjoni;

20.  Jissuġġerixxi li tiġi esplorata r-rilevanza ta' approċċ settorjali fl-iżvilupp tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali b'mod li tinbena l-bażi għal dispożizzjonijiet orizzontali f'fażi ulterjuri li tkun tiżgura l-adozzjoni komuni ta' standards effikaċi u stretti, u ta' regoli internazzjonali ġodda dwar l-Aġenziji ta' Kreditu għall-Esportazzjoni, mill-pajjiżi kollha li huma membri tal-OECD u li mhumiex, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

o
o   o

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarjat tal-OECD.

(1) ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0469.
(3) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 87.
(4) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 34.
(5) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.
(6) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(7) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

Avviż legali - Politika tal-privatezza