– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkumpanjawha (COM(2011)0885),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE dwar L-Effiċjenza fl-Enerġija(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012(2) dwar Kooperazzjoni fir-rigward tal-politika enerġetika ma' sħab lil hinn mill-fruntieri tagħna: Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale(5) adottati fil-21 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel kif ukoll tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7–0035/2013),
A. Billi jfakkar li l-pilastri tal-politika enerġetika tal-UE huma s-sostenibilità, is-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività;
B. Billi l-kompetittività tal-industrija Ewropea għandha tiġi kkunsidrata permezz ta’ politiki u strumenti adegwati u bl-adattament għal proċess li jindustrijalizza mill-ġdid l-ekonomija tal-UE;
C. Billi huwa fl-interess tal-Istati Membri li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija bi prezzijiet volatili, u jiddevirsifikaw il-provvisti tal-enerġija;
D. Billi l-isfida tas-sigurtà enerġetika hija li tnaqqas l-inċertezzi li joħolqu tensjonijiet bejn l-istati u li tnaqqas l-ineffiċjenzi tas-suq li jfixklu l-benefiċċji tal-kummerċ, kemm għall-fornituri kif ukoll għall-konsumaturi;
E. Billi huwa importanti li tinkiseb indikazzjoni bikrija dwar jekk l-għanijiet esiġenti tal-Pjan Direzzjonali jistgħux jinkisbu, u li jiġi rivedut l-impatt fuq l-ekonomija tal-UE, inklużi l-kompetittività globali, l-impjieg u s-sigurtà soċjali;
F. Billi jeħtieġ li l-Istati Membri, il-kumpaniji tal-enerġija u l-pubbliku ġenerali jkollhom perspettiva ċara tad-direzzjoni tal-politika tal-enerġija tal-UE, li għandha tiġi appoġġata b’iżjed ċertezza, bl-inklużjoni ta' tragwardi u miri għall-2030, bl-għan li jiġu inċentivati u jitnaqqas ir-riskju tal-investimenti fit-tul;
1. Jirrikonoxxi l-benefiċċji li l-Istati Membri jisiltu billi jaħdmu flimkien għal trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija; japprova, għalhekk, il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni bħala l-bażi biex tiġi proposta inizjattiva leġiżlattiva u inizjattivi oħrajn dwar il-politika enerġetika bl-għan li jiġi żviluppat qafas ta’ politika għall-2030, inklużi tragwardi u miri fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, bl-għan li jinħoloq qafas regolatorju u legali ambizzjuż u stabbli; jinnota li d-definizzjoni ta’ miri tal-enerġija għall-2050 u l-perjodu intermedjarju, tassumi governanza pan-Ewropea; jipproponi l-adozzjoni, fl-ispirtu ta’ solidarietà, ta’ strateġija li tippermetti lill-Istati Membri jikkooperaw skont il-Pjan Direzzjonali fi spirtu ta’ solidarjetà – il-ħolqien ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija; iħeġġeġ ħidma sabiex jiġi definit il-qafas ta’ politika 2030 f’kalendarju xieraq sabiex tiġi pprovduta s-sigurtà tal-investitur.
2. Jinnota li x-xenarji proposti għall-2050 mhumiex ta’ natura deterministika, iżda minflok iservu bħala bażi għal djalogu kostruttiv dwar kif is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa tista’ tiġi ttrasformata sabiex tilħaq l-għan fuq perjodu twil tagħna tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050; jenfasizza li l-projezzjonijiet futuri kollha tal-enerġija, inkluż il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija, huma bbażati fuq ċerti suppożizzjonijiet dwar żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni taġġorna l-Pjan Direzzjonali regolarment; jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ma tanalizzax f’iktar dettall it-trajettorji possibbli għal kull Stat Membru differenti, grupp ta’ Stati Membri jew raggruppament reġjonali sal-2050;
3. Jilqa’ l-fatt li l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni jipprovdi deskrizzjonijiet ta’ xenarji differenti; jenfasizza li kemm ix-xenarji bbażati fuq ix-xejriet attwali kif ukoll dawk ibbażati fuq id-dekarbonizzazzjoni mhuma xejn iżjed minn projezzjonijiet; jinnota li, għaldaqstant, ċertament ma jkoprux il-firxa sħiħa ta’ possibilitajiet, u għalhekk ma jagħmlu xejn iżjed ħlief li joffru ideat għall-istruttura futura tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li l-projezzjonijiet imħejjija għall-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni, jiġu żviluppati ulterjorament anke abbażi ta' mudelli oħra minbarra l-mudell tas-sistema tal-enerġija PRIMES, u li jiġu deskritti xenarji oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju biex jiġi promoss fehim aħjar tal-approċċi alternattivi biex fil-ġejjieni tiġi żviluppata provvista tal-enerġija sikura, kosteffikaċi u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għall-Ewropa;
5. Jirrikonoxxi l-fatt li l-elettriċità minn sorsi b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju hija indispensabbli għad-dekarbonizzazzjoni, u dan jirrikjedi li jinkiseb settur tal-elettriku kważi mingħajr karbonju fl-UE sal-2050;
6. Jenfasizza l-importanza tal-politika enerġetika tal-UE f’nofs il-kriżi ekonomika u finanzjarja; jenfasizza r-rwol li għandha l-enerġija sabiex jiġu xprunati t-tkabbir u l-kompetittività ekonomika u l-ħolqien tax-xogħol fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġiji għal wara l-2020 u tippreżenta, mill-iktar fis possibbli, qafas ta’ politika 2030 għall-politika enerġetika tal-UE; jemmen li dan il-qafas ta’ politika għandu jkun konsistenti mal-aġenda ta’ dekarbonizzazzjoni u għandu jqis l-opzjonijiet ta’ “mingħajr dispjaċir” identifikati fil-Pjan Direzzjonali; jitlob biex tittieħed azzjoni ħalli jiġi mminimizzat l-impatt negattiv tas-settur tal-enerġija fuq l-ambjent, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-effetti tal-azzjoni meħuda fuq il-kompetittività tal-ekonomiji nazzjonali u l-ekonomija tal-UE, kif ukoll fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija taċ-ċittadini;
7. Jenfasizza s-sitwazzjoni allarmanti waqt l-ewwel xhur tal-2013 fil-Bulgarija u l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm prezzijiet tal-elettriku baxxi permezz tal-politika tal-UE dwar l-enerġija li tiggarantixxi l-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri fuq is-suq globali; u speċjalment waqt il-kriżi ekonomika dan l-aspett irid jitqies;
8. Jinnota li l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-ambjent u l-klima mingħajr ma jiġu kkunsidrati sfidi bħalma huma s-sigurtà tal-enerġija, ma tistax tissostitwixxi politika enerġetika mwettqa skont il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, li tiggarantixxi lill-ġenerazzjonijiet attwali u futuri aċċess ġust, universali u kompetittiv għar-riżorsi tal-enerġija filwaqt li jitħares l-ambjent naturali;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi attwali tagħhom biex jilħqu l-miri 2020 attwali fil-qasam tal-politika enerġetika tal-UE, b’mod partikolari l-mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % li attwalment mhux fit-triq it-tajba; jenfasizza li l-implimentazzjoni f’waqtha u sħiħa tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli(6) hija ta’ importanza vitali għall-kisba tal-mira vinkolanti tal-UE ta’ mill-inqas 20 % sal-2020;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni tal-enerġija reġjonali, sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jiżviluppaw dawk is-sorsi ta’ enerġija li jipprovdu l-mezzi l-iktar effiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej tal-2050, bħalma huma l-enerġija solari fin-Nofsinhar u r-riħ fit Tramuntana;
11. Jemmen li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u effiċjenti mil-lat ta' użu tal-enerġija, hija opportunità mhux biss għas-sostenibilità iżda wkoll għas-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività fl-Ewropa, u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jista' jkun ta' vantaġġ kompetittiv fis-suq globali li qed jikber għall-prodotti u s-servizzi relatati mal-enerġija; jenfasizza li din hija opportunità għall-SMEs fl-UE li joperaw fis-suq tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li tagħti spinta eċċellenti lill-iżvilupp tal-intraprenditorija u tal-innovazzjoni u, possibilment, tipprovdi sors ewlieni għall-ħolqien tal-impjiegi;
12. Jenfasizza li politika ċara, koerenti u konsistenti u qafas regolatorju huma ta’ importanza kbira biex jgħinu jistimulaw l-investimenti neċessarji għat-teknoloġiji “mingħajr dispjaċir”, kif definit fil-Pjan Direzzjonali, b’mod ekonomikament effiċjenti u sostenibbli; jenfasizza l-objettivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u jitlob li tali approċċ politiku jitkompla anke wara l-2020; jinnota li sabiex tittieħed deċiżjoni infurmata u bbilanċjata dwar l-istrateġiji ta’ wara l-2020, se jkun meħtieġ li ssir reviżjoni tal-istrateġiji eżistenti tal-2020; jenfasizza l-importanza ta’ strateġija tal-enerġija bbażata fuq iż-żieda tas-sigurtà enerġetika tal-UE, il-kompetittività ekonomika u industrijali, il-ħolqien tal-impjiegi, l-aspetti soċjali u s-sostenibilità ambjentali permezz ta’ miżuri bħall-użu ikbar ta’ enerġija rinnovabbli, id-diversifikazzjoni tar-fornituri, tas-sorsi u tar-rotot ta’ provvista, inklużi interkonnessjonijiet aħjar bejn l-Istati Membri, effiċjenza enerġetika u sistema tal-enerġija iktar effiċjenti u ottimizzata mfassla biex tagħti spinta lill-investimenti fil-produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli u f’teknoloġija ta’ riżerva u bilanċ;
13. Jinnota li s-swieq tal-karbonju li jiffunzjonaw u l-prezzijiet tas-sorsi tal-enerġija għandhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni tal-imġiba tal-atturi tas-swieq, inklużi l-industrija u l-konsumaturi; jitlob qafas ta’ politika għal wara l-2020 li għandu jiġi ggwidat mill-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u mir-regoli fuq perjodu twil sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà għall-atturi tas-swieq;
14. Ifakkar li hija l-kompetenza ta' kull Stat Membru li jiddefinixxi t-taħlita enerġetika tiegħu stess; jirrikonoxxi li l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jikkomplementa l-isforzi nazzjonali, reġjonali u lokali biex tiġi mmodernizzata l-provvista tal-enerġija; jirrikonoxxi, għalhekk, il-ħtieġa li l-Istati Membri jaħdmu flimkien abbażi ta' objettivi komuni; jenfasizza, barra minn hekk, li sabiex tinkiseb trasformazzjoni ernerġetika li tkun ikkoordinata tajjeb, mal-Unjoni kollha, interkonnessa u sostenibbli, l-UE jrid ikollha rwol importanti ħafna – inkluż fl-iżgurar li l-politiki nazzjonali huma konsistenti mal-għanijiet u l-liġijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jkomplu jsegwu għażliet li jistgħu jissodisfaw l-għanijiet enerġetiċi fit-tul u l-miri tat-tibdil fil-klima tal-UE (kif maqbul mill-Kunsill) bħala parti mill-isforzi globali b’mod teknoloġikament divers, sostenibbli, ekonomikament effiċjenti, kompetittiv u sikur, bl-inqas tgħawwiġ tas-suq possibbli, u biex ikomplu bl-isforzi fil-livell nazzjonali sabiex jisfruttaw b’mod sħiħ il-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija kosteffikaċi, appoġġat, fost l-oħrajn, bl-istrumenti finanzjarji disponibbli tal-UE; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-merti li jiġi żviluppat approċċ Ewropew ikkoordinat u, fejn xieraq, komuni, li għandu jippermetti l-karatteristiċi speċjali ta’ sistemi tal-enerġija fuq skala żgħira u l-ħtieġa għall-flessibbiltà li tirriżulta minn dan;
15. Jenfasizza li huwa pilastru essenzjali tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE li s-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri tal-UE jiġu bbażati fuq ir-riżorsi tal-enerġija tagħhom stess u fuq il-kapaċità tagħhom li jaċċesawhom; jemmen, għalhekk, li minn din il-perspettiva jagħmel sens li l-Istati Membri jiżviluppaw dawk it-teknoloġiji tal-enerġija li għalihom għandhom il-potenzjal u l-esperjenza, u li jiggarantulhom provvista kontinwa u stabbli ta’ enerġija, filwaqt li jinżammu l-istandards ambjentali u klimatiċi;
16. Jirrimarka li x-xejra ewlenija tal-azzjonijiet ippjanati m’għandhiex tiffoka fuq, bħalma huwa attwalment il-każ, il-kisba ta’ xenarji minn fuq għal isfel dwar l-għanijiet ta’ tnaqqis, iżda pjuttost fuq l-implimentazzjoni ta’ xenarji ta’ azzjoni li jikkunsidraw kwistjonijiet bħall-potenzjalità eżistenti fl-Istati Membri, il-prospetti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u ekonomikament effikaċi, u l-effetti globali tal-implimentazzjoni tal-politika proposta, sabiex b’hekk jiġu proposti għanijiet ta’ tnaqqis għas-snin ta’ wara (approċċ minn isfel għal fuq);
17. Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet milħuqa fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 li t-tranżizzjoni lejn settur enerġetiku sostenibbli fuq skala pan-Ewropea hija teknikament u ekonomikament fattibbli, u skont l-analiżi tal-Kummissjoni se tkun inqas għalja fuq perjodu ta’ żmien fit-tul minn kontinwazzjoni tal-politiki attwali; Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet milħuqa fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur enerġetiku fuq skala pan-Ewropea hija teknikament u ekonomikament fattibbli, u se tkun inqas għalja fuq perjodu ta’ żmien fit-tul meta mqabbla max-xenarju tan-negozju normali;
18. Jemmen li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu sal-2050 qatt ma jistgħu jintlaħqu sakemm l-UE ma terfax ir-responsabbiltajiet tagħha u jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni; speċjalment għal proġetti kbar bħall-bini ta’ farms ta’ turbini tar-riħ lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana; jemmen li fir-rigward ta’ infrastruttura transkonfinali li taffettwa lill-ħafna Stati Membri jew lill-Istati Membri kollha, l-UE għandha tagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti prijoritarji u tiffunzjona bħala investitur ewlieni, u b’hekk tattira investimenti privati;
19. Jirrikonoxxi li l-importanza li dejjem qiegħda tikber tal-elettriku fit-taħlita tal-enerġija tal-ġejjieni teħtieġ li l-mezzi kollha ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika b’livell baxx tal-karbonju (li jinkludu l-effiċjenza fil-konverżjoni, l-enerġija rinnovabbli, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) u l-enerġija nukleari) se jeħtieġu li jintużaw sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività;
20. Jenfasizza li l-iżgurar ta’ infrastruttura tal-enerġija transkonfinali żviluppata kompletament, u mekkaniżmu tal-iskambju tal-informazzjoni, fl-Unjoni huwa l-prekundizzjoni tas-suċċess tal-Pjan Direzzjonali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni b’saħħitha bejn il-politiki tal-Istati Membri u azzjoni konġunta, solidarjetà u trasparenza fl-oqsma tal-politika tal-enerġija esterna, is-sigurtà tal-enerġija u investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija ġdida;
21. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma implimentatx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Konsulenza dwar il-Pjan Direzzjonali 2050 evalwat mill-pari; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ verżjoni aġġornata tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija, li jieħu inkunsiderazzjoni dawn ir-rakkomandazzjonijiet;
Elementi ewlenin ta’ strateġija fit-tul
22. Jilqa’ l-konklużjonijiet milħuqa fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 li hemm similaritajiet bejn l-azzjonijiet li jridu jittieħdu fix-xenarji analizzati sabiex tiġi ttrasformata s-sistema enerġetika tal-UE; jilqa’ f'dan il-kuntest il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li użu ikbar ta’ enerġija rinnovabbli, effiċjenza enerġetika u infrastruttura tal-enerġija, inklużi sistemi ta’ distribuzzjoni intelliġenti, huma l-għażliet ta’ “mingħajr dispjaċir”, b’mod partikolari meta jkunu mmexxija mis-suq, indipendentement mid-direzzjoni speċifika magħżula biex tinkiseb “sistema enerġetika 2050 dekarbonizzata”; jistieden lill-Kummissjoni tesplora xenarju b’“effiċjenza enerġetika għolja u flimkien ma’ użu għoli ta’ enerġija li tiġġedded”; huwa tal-fehma li għażla dwar liema triq għandha tittieħed tgħin biex tiżdied iċ-ċertezza tal-investimenti;
23. Jemmen li l-kriżi finanzjarja għandha tintuża bħala opportunità sabiex il-mudell tal-UE tas-soċjetà jiġi ttrasformat f’ekonomija b’livell għoli ta’ effiċjenza enerġetika, ibbażata kompletament fuq l-enerġija rinnovabbli u reżiljenti għall-klima;
24. Jirrikonoxxi li sehem ikbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika wara l-2020 huwa aspett ċentrali ta’ sistema enerġetika iktar sostenibbli; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li x-xenerji kollha esplorati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jassumu sehem ikbar ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tal-UE ta' madwar 30 % tal-konsum finali gross tal-enerġija fl-2030, u ta’ mill-inqas 55 % fl-2050; jenfasizza li l-progress lejn politika dwar effiċjenza enerġetika aħjar tista’ tiffaċilita sehem ikbar ta’ enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ġenerazzjoni deċentralizzata fl-estimi futuri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tindika b’mod ċar l-ostakli finanzjarji, tekniċi u infrastrutturali li jfixklu t-tkabbir tal-ġenerazzjoni deċentralizzata fl-Istati Membri;
Effiċjenza Enerġetika
25. Jenfasizza li effiċjenza enerġetika u ffrankar enerġetiku mtejba se jkollhom rwol essenzjali fit-trasformazzjoni tas-sistema enerġetika, u li l-ilħuq tal-objettivi 2020 huwa prerekwiżit għal progress ulterjuri sal-2050; jirrakkomanda, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika li ġiet adottata reċentement, u jirrakkomanda li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-effiċjenza enerġetika jiġu integrati fil-kurrikuli nazzjonali tal-edukazzjoni fl-Istati Membri; jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħmlu iżjed sforzi biex jinkludu ideat nazzjonali u jinovolvu lill-banek għall-iżvilupp nazzjonali u jappoġġaw l-iskambju tal-aħjar prattiki; ifakkar li l-effiċjenza enerġetika, jekk tiġi implimentata b’mod xieraq, hija mod kosteffikaċi biex l-UE tilħaq l-għanijiet fit-tul tagħha fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, u s-sigurtà enerġetika u ekonomika; jirrikonoxxi li l-ispostament lejn ekonomija iżjed effiċjenti mil-lat tal-enerġija jista’ jħaffef it-tifrix ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, inaqqas l-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili u jtejjeb il-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija fl-Unjoni; jemmen li l-pass lejn politika aħjar ta’ effiċjenza enerġetika għandu jiffoka fuq il-katina kollha tal-provvista u d-domanda tal-enerġija, inkluż it-trasformazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista, flimkien mal-konsum industrijali, tal-bini u tal-unitajiet domestiċi; jenfasizza li l-politika fit-tul tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika għandha tqiegħed it-tnaqqis tal-użu tal-enerġija fil-bini bħala element ċentrali, fid-dawl tal-fatt li r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti tirrappreżenta potenzjal kbir ta’ ffrankar tal-enerġija; jenfasizza li hemm bżonn li r-rata attwali u l-kwalità tar-rinnovazzjoni tal-bini jiżdiedu b’mos sostanzjali sabiex l-UE tkun tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-konsum tal-enerġija tal-istokk eżistenti tal-bini bi 80 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-2010; jistieden, f’dan ir-rigward lill-Istati Membri jadottaw strateġiji ambizzjużi u fit-tul ta’ rinnovazzjoni tal-bini kif meħtieġ bid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika;
26. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ infrastruttura ġdida, modernizzata, intelliġenti u flessibbli, speċjalment grilji intelliġenti, sabiex tiġi permessa kapaċità iktar flessibbli ta’ riżerva u bilanċ tal-enerġija, inklużi sistemi individwali ta’ mikroġenerazzjoni ħżin, użu ġdid għall-elettriku (bħal vetturi tal-elettriku) u programmi ta’ reazzjoni għad-domanda (inklużi arloġġi intelliġenti), u sistema Ewropea ta’ grilji integrata kompletament sabiex, fost l-oħrajn, jiġu integrati s-sorsi kollha ta’ enerġija madwar l-UE, kif intwera li huwa neċessarju; ifakkar li l-politiki ta’ spiża ottimali huma differenti skont il-mudelli tad-domanda, il-potenzjal tal-provvista, il-karatteristiċi ġeografiċi u l-kuntest ekonomiku fil-livell lokali; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa urġenti tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi regolatorju stabbli u prevedibbli, kif ukoll mekkaniżmi tas-suq pan-Ewropej biex tiżdied il-flessibilità, inklużi l-assorbiment u l-ħżin tal-enerġija, u kofinanzjament tal-UE ta’ proġetti infrastrutturali ta’ interess komuni b’konformità mal-Linji Gwida tal-Infrastruttura tal-Enerġija u l-Faċilita Nikkollegaw l-Ewropa;
27. Jinnota li l-mezzi finanzjarji tal-UE u dawk nazzjonali, inklużi l-politiki baġitarji u ta’ investiment, huma prerekwiżit għall-bini ta’ infrastruttura ġdida tal-enerġija fl-Ewropa, waqt li jiġu kkunsidrati kemm l-ispiża tal-bini ta’ faċilitajiet ġodda u d-dekummissjonar ta’ faċilitajiet skaduti u l-ispiża ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni ambjentali u soċjali fir-reġjuni kkonċernati;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-potenzjal, u t-teknoloġiji varji possibbli, tal-ħżin tal-enerġija fl-UE b'mod olistiku, permezz tal-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, inklużi l-kapaċitajiet tan-netwerk tal-enerġija, il-politiki dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni, titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija minn barra l-UE u jinħolqu suq uniku ġenwin u kundizzjonijiet ugwali għas-suq tal-enerġija, bl-ogħla sigurtà possibbli tal-provvista tal-enerġija għall-ġejjieni;
Enerġija rinnovabbli
29. Jenfasizza li approċċ Ewropew ikbar fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija rinnovabbli huwa kruċjali fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul; iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni, anki permezz ta’ użu iktar wiesa’ tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni pprovduti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli sabiex jottimizzaw l-effiċjenza tal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli, inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli u jiżguraw li jsiru iktar investimenti fl-UE fejn ikunu l-iktar produttivi u effiċjenti, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti l-miri; jenfasizza, f’dan il-kuntest, ir-rwol importanti tal-Kummissjoni bħala faċilitatur fil-koordinazzjoni, fl-appoġġ finanzjarju u fit-tħejjija ta’ stħarriġ adegwat ta’ riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-potenzjal għall-Istati Membri, u jilqa’ l-intenzjoni mħabbra tagħha li tfassal linji gwida għan-negozju tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li l-enerġija rinnovabbli, fuq perjodu ta’ żmien fit-tul, se timxi lejn iċ-ċentru tat-taħlita tal-enerġija fl-Ewropa, mill-iżvilupp tat-teknoloġija għall-produzzjoni tal-massa u l-użu, minn skala żgħira għal skala akbar, bl-integrazzjoni ta’ sorsi lokali u aktar remoti, u minn enerġija sussidjata għal waħda kompetittiva; jenfasizza li l-użu li dejjem qed jiżdied tal-enerġija rinnovabbli jirrikjedi bidliet fil-politika u fl-istruttura tas-suq tal-enerġija bl-għan li s-swieq jiġu adattati għal din ir-realtà u tinkiseb integrazzjoni ikbar tas-suq, b’mod partikolari fil-premjazzjoni ta’ flessibbiltà u servizzi għall-istabbiltà tas-sistema tal-grilji; jenfasizza l-importanza ta’ oqfsa regolatorji stabbli, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri sabiex jiġi stimulat l-investiment; jenfasizza l-bżonn ta’ proċeduri amministrattivi ssimplifikati u skemi ta’ appoġġ stabbli u effiċjenti li jistgħu jiġu adattati maż-żmien u jitneħħew gradwalment meta t-teknoloġiji u l-ktajjen ta’ provvista jimmaturaw u jsiru kompetittivi u jiġu riżolti l-fallimenti tas-suq; jenfasizza madankollu li t-tibdil retroattiv fl-iskemi ta’ appoġġ għandu effett detrimentali fuq il-fiduċja tal-investituri u b’hekk iżid ir-riskji assoċjati mal-investimenti u l-ispejjeż tagħhom;
30. Jirrikonoxxi li l-miri tal-enerġija rinnovabbli kienu suċċess, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-politiki stabbli meħtieġa sabiex jilħqu l-miri tagħhom tal-2020;
31. Ifakkar ir-rwol ta’ proġetti bħal Desertec u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni tal-viċinat; jenfasizza l-prospett tal-“Proġett Helios” fit-trasport tal-elettriku prodott b’enerġija rinnovabbli mill-Ewropa tax-Xlokk għall-Ewropa Ċenrali kif ukoll l-espansjoni ulterjuri tal-enerġija tar-riħ fil-Baħar tat-Tramuntana u reġjuni oħra; jenfasizza li l-opportunità tal-importazzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli minn reġjuni tal-viċinat teħtieġ li tiġi kumplementata billi jiġi inkoraġġut u ffaċilitat l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, pereżempju fin-Nofsinhar tal-Mediterran u fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana, u permezz ta’ iżjed interkonnessjonijiet fin-netwerks Ewropej;
32. Jenfasizza li, għal bosta riżorsi tal-enerġija rinnovabbli, attwalment huwa impossibbli li tiġi żgurata provvista stabbli tal-enerġija skont il-kundizzjonijiet teknoloġiċi attwali, u dan jinvolvi l-ħtieġa li jinżammu riżervi ta’ sorsi ta’ enerġija konvenzjonali fuq stennija; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tippreżenta analiżi ta’ kif is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu żviluppati b’mod sostenibbli u fuq kollox, kif jistgħu jiġu jappoġġati sorsi stabbli ta’ enerġija rinnovabbli; jikkunsidra li, fil-każ ta’ sorsi ta’ enerġija inqas stabbli, għandha titwettaq analiżi fuq il-kosteffikaċja li tiġi żgurata enerġija ta’ riżerva, u għandhom jiġu żviluppati teknoloġiji li jaħżnu l-enerġija;
33. Jenfasizza li sabiex tintlaħaq id-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE fuq perjodu twil, hemm ħtieġa li tiġi segwita integrazzjoni iżjed mill-qrib mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-viċinat bħan-Norveġja, l-Isvizzera u n-nofsinhar tal-Mediterran; jenfasizza li l-Ewropa tista’ tibbenefika mill-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli sostanzjali ta’ enerġija f’dawn ir-reġjuni sabiex jintlaħqu kemm id-domanda lokali kif ukoll, bl-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-grilja fuq distanza twila, perċentwal limitat tad-domanda tal-UE; jinnota li interkonnessjoni ikbar se tippermetti lill-Istati Membri jesportaw u jimpurtaw elettriku rinnovabbli sabiex jiżguraw provvista tal-enerġija affidabbli, u jibbilanċaw il-ġenerazzjoni varjabbli tal-enerġija bħar-riħ; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-interkonnessjoni man-Norveġja toffri vantaġġ partikolari għall-UE minħabba li tiftaħ l-aċċess għall-kapaċitajiet sinifikanti ta’ ħżin tal-elettriku tal-impjanti idroelettriċi Norveġiżi;
34. Jenfasizza l-importanza tal-mikroġenerazzjoni sabiex jiżdied is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-mikroġenerazzjoni biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika, tiġi garantita l-provvista tal-enerġija u sabiex iċ-ċittadini jkunu involuti fl-użu tal-enerġija tagħhom stess u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ strateġija koerenti tal-UE dwar il-mikroġenerazzjoni li tinkludi miżuri dwar l-aġġornament tal-infrastruttura tal-enerġija, it-tnaqqis tal-piżijiet leġiżlattivi u l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-inċentivi fiskali;
35. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat qafas ta’ politika b’saħħtu biżżejjed għal wara l-2020 għat-teknoloġiji tal-enerġiji rinnovabbli li jkunu għadhom ma laħqux il-parità tal-grilja, imfassla bl-għan tal-konverġenza tas-sussidji u tal-eliminazzjoni gradwali tagħhom fi stadju iktar ’il quddiem;
36. Jinnota li x-xenarji tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jimplikaw ammont ikbar ta’ bijokarburanti; jemmen li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-pass lejn il-bijokarburanti tat-tielet ġenerazzjoni bbażati fuq il-prodotti tal-iskart tal-għelejjel tal-ikel, u timponi kundizzjonijiet simili fuq il-bijokarburanti impuratati;
37. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar kif tista’ tiżdied l-effiċjenza fil-mobilizzazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-UE u r-reġjuni tagħha ; jemmen li, f’perjodu ta’ żmien medju, jistgħu jinħolqu gruppi tas-suq għall-produzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-livell reġjonali;
38. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jappoġġaw u jippromwovu politiki globali ta’ swieq miftuħa għall-oġġetti rinnovabbli sabiex jiżguraw it-tneħħija tal-ostakli kollha għall-kummerċ, sabiex b’hekk jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE permezz tal-promozzjoni tal-esportazzjonijiet tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli;
39. Jirrikonoxxi li l-miri tal-enerġija rinnovabbli kienu suċċess u għandhom jittawlu sal-2030; jistieden lill-Istati Membri sabiex ikomplu fit-triq it-tajba ħalli jilħqu l-miri tagħhom għall-2020; huwa mħasseb biż-żieda fit-tibdil dejjem iktar ta’ malajr tal-Istati Membri sabiex jappoġġaw mekkaniżmi għall-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari t-tibdil retroattiv u l-iffriżar tal-appoġġ; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja b’attenzjoni l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u tieħu azzjoni jekk ikun meħtieġ; jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu oqfsa stabbli għal investimenti fl-enerġija rinnovabbli, inklużi skemi ta’ appoġġ stabbli u li jiġu riveduti regolarment u proċeduri amministrattivi ssimplifikati;
40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu b’mod sinifikanti s-somom allokati għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur;
Infrastruttura u s-suq intern tal-enerġija
41. Jenfasizza li, hekk kif l-UE ssegwi l-għan ta’ sigurtà u indipendenza enerġetika, jeħtieġ li l-enfasi tkun iktar fuq mudell ta’ interdipendenza enerġetika bejn l-Istati Membri billi jiġi żgurat l-ikkompletar rapidu tas-suq intern tal-enerġija tal-UE u tal-infrastruttura supergrid u intelliġenti tal-UE li tgħaqqad it-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent, kif ukoll billi jintuża l-potenzjal sħiħ tal-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata u fuq skala mikro u l-infrastrutturi intelliġenti tal-enerġija fl-Istati Membri kollha; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-iżviluppi politiċi u regolatorji fl-Istati Membri jkunu kompletament konformi mat-tliet pakketti ta’ liberalizzazzjoni, jeliminaw il-konġestjonijiet infrastrutturali pendenti u l-fallimenti tas-suq u ma joħolqux ostakli ġodda għall-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-gass; jenfasizza, barra minn hekk, li d-deċiżjonijiet tal-politika tal-enerġija f’kull sistema nazzjonali jeħtieġ li jqisu wkoll kif tali deċiżjonijiet jistgħu jaffettwaw lil Stati Membri oħrajn; jissuġġerixxi li hu mixtieq li jkun iddeterminat jekk u kif il-kompetenzi u l-faċilitajiet tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) jistgħu jkunu użati fil-prestazzjoni tal-kompiti msemmija hawn fuq;
42. Jirrikonoxxi li l-proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija huma kkaratterizzati minn investiment bil-quddiem li se jiġi mnaqqas sew permezz ta' sfruttar sħiħ tal-opportunitajiet tal-iffrankar tal-enerġija u sa tul ta’ ħajja operattiva ta’ 20 u 60 sena; ifakkar li l-ambjent attwali tas-suq huwa imprevedibbli ħafna, u li b’hekk l-investituri jkunu inċerti fir-rigward tal-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija; jenfasizza li għandhom jiġu promossi strateġiji ġodda, inkluża l-istrateġija ta' 'ffrankar ta' enerġija fuq kollox', u strumenti innovattivi sabiex titnaqqas il-ħtieġa għal investimenti fl-infrastruttura li jippermettu adattament ta’ malajr għall-ambjent li qed jinbidel b’pass mgħaġġel;
43. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati dawn il-politiki u r-regolamenti sabiex b’hekk l-infrastruttura enerġetika eżistenti tintuża aħjar għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ACER jissorveljaw b’mod aktar strett l-implimentazzjoni nazzjonali tar-regoli bħal dawk relatati mal-prinċipju “tużah jew titilfu”;
44. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ suq Ewropew tal-enerġija kompletament integrat sal-2014; jinnota l-importanza ta’ implementazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija fl-Istati Membri kollha u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru jew reġjun ma jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku wara l-2015; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-impatt soċjali u l-ispejjeż tal-enerġija filwaqt li jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-enerġija jkunu iktar trasparenti u jirriflettu aħjar l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ambjentali fejn dawn mhux qed jitqiesu b’mod sħiħ;
45. Jinnota l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni għal ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-politika enerġetika, billi dan il-mekkaniżmu huwa maħsub biex isaħħaħ it-trasparenza, il-koordinament u l-effiċjenza tal-politika fl-UE kollha kemm hi; jistieden lill-Istati Membri juru aktar ambizzjoni rigward il-garanzija li ma jiġux stabbiliti ftehimiet li jkunu f'kunflitt mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija; iqis li l-Kummissjoni għandha tkun tista' teżamina l-abbozzi tal-ftehimiet għall-kompatibilità tagħhom ma' tali leġiżlazzjoni, u tipparteċipa fin-negozjati, meta jkun rilevanti; iqis li l-mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni jirrappreżenta pass lejn il-koordinazzjoni ulterjuri tax-xiri tal-enerġija barra mill-UE, li huwa ta' importanza kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050;
46. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-inċentivi tal-investituri fis-suq tal-enerġija billi tiżdied il-profitabbiltà u jiġu ffaċilitati – mingħajr ma jkun hemm illaxkar – il-proċeduri burokratiċi;
47. Jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja għamlitha iktar diffiċli biex jinġibed l-investiment meħtieġ biex tiġi ffinanzjata t-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija; jenfasizza l-isfidi l-ġodda, bħalma hija l-ħtieġa ta’ riżorsi ta’ riżerva u bilanċ flessibbli fis-sistema tal-enerġija (eż. ġenerazzjoni flessibbli, netwerk ta’ trażmissjoni b’saħħtu, ħażna, ġestjoni tad-domanda, mikroġenerazzjoni u interkonnessjoni), sabiex tiġi ssodisfata ż-żieda mistennija fil-ġenerazzjoni varjabbli ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli; jenfasizza l-importanza tal-infrastruttura fil-livelli tad-distribuzzjoni u r-rwol importanti tal-konsumaturi proattivi u tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni (DSOs) fl-integrazzjoni fis-sistema ta' prodotti tal-enerġija deċentralizzati u miżuri tal-effiċjenza min-naħa tad-domanda; jenfasizza l-ħtieġa ta’ valutazzjoni xierqa tal-kapaċità disponibbli fl-Ewropa, u tal-ħtieġa ta’ interkonnessjonijiet suffiċjenti, u li jkun hemm kapaċità flessibbli ta’ riżerva u bilanċ sabiex il-provvista tlaħħaq mad-domanda, u b’hekk tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-gass; jindika li jekk tingħata prijorità ogħla lill-ġestjoni u lill-ġenerazzjoni tal-enerġija min-naħa tad-domanda, l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija deċentralizzati se tissaħħaħ sew, u dan itejjeb l-ilħuq tal-objettivi globali tal-politika tal-enerġija;
48. Jenfasizza li, minħabba li l-infrastruttura attwali hija skaduta, se jkunu meħtieġa investimenti kbar f’kull xenarju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan Direzzjonali 2050; jinnota li, f’kull xenarju, dan se jirriżulta f’żieda fil-prezzijiet tal-enerġija sal-2030; jinnota, barra minn hekk, li skont il-Kummissjoni, l-akbar sehem minn dawn iż-żidiet diġà qed iseħħu fix-xenarju ta’ referenza peress li huma marbuta mas-sostituzzjoni tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni li għandha għoxrin sena u li diġà ġiet deprezzata kompletament;
49. Jenfasizza li s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea tiddependi fuq diversifikazzjoni ikbar fost is-sorsi ta’ importazzjonijiet tagħha; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ b’mod attiv il-kooperazzjoni tagħha ma’ sħabha; jinnota d-dewmien li qed jaffettwa l-ikkompletar tal-Kuritur tan-Nofsinhar; jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb sigurtà enerġetika permezz tad-diversifikazzjoni tal-enerġija, ifakkar il-kontribuzzjoni sinifikanti tal-gass naturali likwifikat (LNG) u tal-flotot tal-LNG għall-provvista tal-enerġija tal-UE, u jenfasizza l-potenzjal ta’ kuritur komplementari tal-LNG fil-Mediterran tal-Lvant u r-reġjuni tal-Baħar l-Iswed, biex iservi bħala trasportatur flessibbli tal-enerġija u inċentiv għal kompetizzjoni ikbar fis-suq intern tal-enerġija tal-UE;
50. Ifakkar li s-sħubijiet strateġiċi tal-Unjoni mal-pajjiżi produtturi u ta' transitu, partikolarment mal-pajjiżi koperti bil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), jeħtieġu strumenti adegwati, prevedibilità, stabilità u investimenti fit-tul; jenfasizza, għal dak l-għan, li l-objettivi tal-klima tal-Unjoni għandhom ikunu appoġġati bi proġetti tal-UE ta’ investiment f’infrastrutturi orjentati lejn id-diversifikazzjoni tar-rotot ta’ provvista u ż-żieda fis-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, bħal dak tan-Nabucco.
51. Ifakkar li, skont il-pakkett tas-suq intern, ir-rwol ewlieni għall-finanzjament tal-infrastruttura enerġetika huwa dak tal-parteċipanti tas-suq; jirrikonoxxi li xi proġetti innovattivi u strateġikament importanti li huma ġġustifikati minn perspettiva ta’ sigurtà tal-provvista, solidarjetà u sostenibbiltà imma li ma jkunux jistgħu jattiraw biżżejjed finanzjament ibbażat fuq is-suq, jistgħu jirrikjedu appoġġ pubbliku limitat sabiex jattiraw finanzjament privat; jenfasizza li tali proġetti għandhom jintgħażlu abbażi ta’ kriterji ċari u trasparenti u filwaqt li jiġi evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, u billi jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi, u għandhom ikunu konformi b’mod sħiħ mal-għanijiet fit-tul tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima;
52. Jenfasizza li l-biċċa l-kbira tax-xenarji tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 mhux se jkunu fattibbli mingħajr l-iżvilupp ta’ grids ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni lokali intelliġenti għall-elettriku u l-gass; jemmen li, flimkien mal-proġetti transkonfinali, l-Unjoni għandha tadotta miżuri biex tappoġġa l-ħolqien jew ir-rinnovazzjoni ta’ grids lokali, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għall-konsumaturi protetti;
53. Jenfasizza l-importanza tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, fejn ammont konsiderevoli ta’ fondi huwa riżervat għat-trasformazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura enerġetika fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati u appoġġati proġetti kruċjali sostenibbli kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira;
54. Jenfasizza r-rwol ta’ approċċ ta’ punt uniku ta' servizz fl-ikkomplementar tal-objettivi ta’ simplifikazzjoni tal-UE biex tinqata’ l-burokrazija żejda, sabiex b’hekk l-awtorizzazzjoni u l-proċeduri għal permess ikunu iktar rapidi u jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-kumpaniji li jkunu qed ifittxu awtorizzazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura enerġetika, filwaqt li jiġi garantit ir-rispett dovut tar-regoli u r-regolamenti applikabbli; jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu l-proċeduri tagħhom f’dan ir-rigward;
55. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b’mod urġenti l-inċertezza regolatorja għall-investituri istituzzjonali fl-interpretazzjoni tat-tielet pakkett dwar l-enerġija meta jaġixxu bħala investitur passiv kemm fil-kapaċità ta’ trażmissjoni kif ukoll ta’ ġenerazzjoni;
56. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b’mod urġenti l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ inċentivi għall-investimenti fil-grids intelliġenti għad-DSOs u għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSOs) fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u teknoloġiji innovattivi oħra li jiffaċilitaw użu aħjar u akbar tal-grid eżistenti;
Dimensjoni soċjali
57. Jilqa’ l-inklużjoni tad-dimensjoni soċjali fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050; iqis li, f'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-faqar enerġetiku u lill-impjieg; jinsisti, fir-rigward tal-faqar enerġetiku, li l-enerġija għandha tkun għall-but ta' kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet lokali u l-korpi soċjali kompetenti, biex jaħdmu flimkien dwar soluzzjonijiet imfassla biex jiġu miġġielda kwistjonijiet bħall-faqar tal-elettriku u t-tisħin, b'enfasi speċjali fuq il-familji vulnerabbli bi dħul baxx li jintlaqtu l-aktar minn prezzijiet ogħla tal-enerġija; għalhekk, huwa tal-fehma li tali strateġija għandha tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija billi dan huwa wieħed mill-modi l-aktar effikaċi biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija, u għandha tanalizza l-miżuri nazzjonali bħat-tassazzjoni, l-akkwist pubbliku u l-ipprezzar tat-tisħin, eċċ., b'mod partikolari meta jkunu qed ifixklu l-investiment fl-effiċjenza enerġetika jew l-ottimizzazzjoni tal-produzzjoni u l-użu tas-sħana, u għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-prassi tajba u ħażina; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati u kkomunikati aktar miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika, li jiġu stimulati azzjonijiet ta' domanda u provvista u li jinħolqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jittejbu l-bidliet meħtieġa fl-imġiba; jitlob lill-Istati Membri jirrapportaw fuq bażi regolari rigward azzjonijiet meħuda biex il-familji jiġu protetti minn kontijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija u mill-faqar enerġetiku; jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-impjieg, biex tippromwovi miżuri għall-aġġustament tal-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u l-kwalifika mill-ġdid sabiex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw forza tax-xogħol tas-sengħa li tkun lesta tagħti sehemha fit-tranżizzjoni enerġetika; jitlob lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2013, tagħti lill-Parlament aktar informazzjoni dwar l-impatt ta' din it-tranżizzjoni fuq l-impjieg fis-setturi tal-enerġija, l-industrija u s-servizzi, u biex tiżviluppa mekkaniżmi konkreti biex tgħin lill-ħaddiema u lis-setturi konċernati; jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji esterni tal-ġenerazzjoni u l-konsum tal-enerġija, bħall-benefiċċji għas-saħħa minn titjib fil-kwalità tal-arja; iqis li djalogu soċjali dwar l-implikazzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija, li għandu jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha, huwa fattur ewlieni u se jibqa' tali matul it-tranżizzjoni;
58. Jirrimarka li l-adozzjoni ta’ strateġija ta’ dekarbonizzazzjoni li ma tikkunsidrax is-sitwazzjoni ta’ xi Stati Membri tista’ twassal għal żieda qawwija fil-faqar enerġetiku, li f'xi Stati Membri huwa deskritt bħala sitwazzjoni fejn iktar minn 10 % tal-baġit domestiku jintefaq fuq l-enerġija;
59. Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu protetti minn prezzijiet tal-enerġija għolja, u li n-negozji jiġu protetti minn kompetizzjoni inġusta kif ukoll minn prezzijiet artifiċjalment baxxi minn kumpaniji barra l-UE, skont ir-rakkomandazzjonijiet tas-Summit Rio+20 dwar ir-rwol imsaħħaħ tad-WTO;
60. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jagħtu spinta lill-istituzzjonijiet edukattivi li kapaċi jipproduċu forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, kif ukoll il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati u innovaturi, f'oqsma bħall-forniment u l-użu tal-enerġija, is-sigurtà tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika; ifakkar, f’dan ir-rigward, fir-rwol importanti ta’ Orizzont 2020 u tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex jitnaqqas id-distakk bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-implimentazzjoni fis-settur tal-enerġija;
61. Jixtieq jenfasizza r-rwol ċentrali tat-trasparenza tal-prezzijiet u l-informazzjoni tal-konsumaturi; huwa tal-fehma, għalhekk, li hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, b’mod kemm jista’ jkun eżatt, l-impatt ta' tali fatturi fuq il-prezzijiet tal-enerġija mħallsa mill-individwi u l-impriżi fid-diversi xenarji magħżula;
Ir-rwol tas-sorsi speċifiċi tal-enerġija
62. Jemmen li t-tipi kollha ta’ teknoloġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju se jkunu meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE b’mod ġenerali u s-settur tal-elettriku b’mod partikolari; jaċċetta l-fatt li se jibqa’ inċert liema teknoloġiji se jkunu teknikament u kummerċjalment ippruvati fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ; jenfasizza li trid tinżamm il-flessibbiltà sabiex ikun hemm adattament għall-bidliet teknoloġiċi u soċjoekonomiċi li se jinqalgħu;
63. Jirrikonoxxi li l-fjuwils fossili konvenzjonali x’aktarx jibqgħu parti mis-sistema tal-enerġija tal-anqas matul it-tranżizzjoni lejn sistema enerġetika b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;
64. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fid-dawl tal-lezzjonijiet li ttieħdu mill-aċċident ta' Fukushima tal-2011, biex titjieb is-sikurezza tal-enerġija nukleari, bl-użu tar-riżultati tat-testijiet reċenti tal-istress nukleari;
65. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-enerġija nukleari se tibqa’ kontributur importanti peress li xi wħud mill-Istati Membri se jkomplu jaraw l-enerġija nukleari bħala sors sigur, affidabbli u affordabbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju; jirrikonoxxi li l-analiżi tax-xenarju turi li l-enerġija nukleari tista’ tikkontribwixxi biex l-ispejjeż tas-sistema u l-prezzijiet tal-elettriku jkunu aktar baxxi;
66. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-gass naturali se jkollu rwol importanti, fuq perjodu qasir sa medju ta' żmien, fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, minħabba li jirrappreżenta mod relattivament rapidu u kosteffiċjenti biex titnaqqas id-dipendenza fuq fjuwils fossili oħra li jniġġsu iktar; filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa tad-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista tal-gass naturali lejn l-Unjoni Ewropea; iwissi kontra investimenti li jistgħu jwasslu għal dipendenza “lock-in” fit-tul fuq il-fjuwils fossili;
67. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-gass naturali bħala sostenn flessibbli biex il-provvista varjabbli tel-enerġija rinnovabbli tiġi bbilanċjata mal-ħżin, l-interkonnesjsoni u r-rispons għad-domanda tal-elettriku; jikkunsidra li għandha tiġi kkunsidrata l-possibilità ta’ rwol akbar għall-gass, speċjalment fil-każ fejn it-teknoloġija għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju ssir disponibbli b’mod suffiċjenti; jemmen tabilħaqq li l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għandu jkun ċentrali għar-riflessjoni kollha li ssir dwar is-suġġett, u jiggwida bi prijorità l-għażliet tal-enerġija;
68. Huwa tal-fehma li r-rwol tal-gass likwifikat miż-żejt (LPG), bħala sors flessibbli u affidabbli tal-enerġija f'postijiet neqsin mill-infrastruttura, m'għandux jintesa;
69. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi ttrattat it-tkabbir mistenni fl-importazzjonijiet tal-gass u tal-elettriku minn pajjiżi terzi lejn l-UE fuq perjodu qasir u medju, bil-għan li l-provvista enerġetika tiġi żgurata; itenni li, għal xi reġjuni u Stati Membri, din l-isfida hija marbuta mill-qrib ma' dipendenza mill-importazzjonijiet ta' gass u ta' żejt minn pajjiż terz wieħed; jirrikonoxxi li biex tiġi affrontata din l-isfida hemm bżonn, fost l-oħrajn, rwol imsaħħaħ għar-riżorsi enerġetiċi lokali u rinnovabbli li huma essenzjali biex jiġu żgurati l-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista, kif ukoll azzjonijiet orjentati lejn id-diversifikazzjoni tal-portafoll tal-fornituri, ir-rotot u s-sorsi enerġetiċi; jirrikonoxxi li objettiv strateġiku wieħed f'dan ir-rigward huwa t-twettiq tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar u l-ksib tar-rotta tal-provvista lejn l-UE ta' madwar 10-20 % tad-domanda tal-UE għall-gass sal-2020, sabiex kull reġjun Ewropew ikun jista' jkollu aċċess fiżiku għal tal-anqas żewġ sorsi differenti ta' gass;
70. Jinnota li s-CCS jista’ jkollu rwol fit-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni sal-2050; jinnota, madankollu, li s-CCS għadu fl-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp; jinnota li l-iżvilupp tas-CCS għadu inċert ferm minħabba problemi li għadhom ma ġewx solvuti, bħad-dewmien mhux speċifikat, kostijiet għolja u preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-effiċjenza; jenfasizza li s-CCS, żviluppat b'mod ekonomikament effiċjenti, sikur u sostenibbli, irid jibda jintuża fuq skala kummerċjali mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li s-CCS huwa wkoll opzjoni importanti għad-dekarbonizzazzjoni ta’ diversi industriji intensivi fl-enerġija bħar-raffinar taż-żejt, it-tidwib tal-aluminju u l-produzzjoni tas-siment; jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport ta' nofs iż-żmien li jivvaluta r-riżultati miksuba mill-użu ta’ proġetti ta' dimostrazzjoni sussidjati mill-UE għal impjanti li jaħdmu bil-faħam;
71. Jenfasizza l-importanza ta’ intervenzjoni tal-politika, il-finanzjament pubbliku u ta’ prezz tal-karbonju xieraq biex jintwera u jiġi żgurat l-użu bikri tat-teknoloġija tas-CCS fl-Ewropa mill-2020; jenfasizza l-importanza tal-programm ta’ dimostrazzjoni tal-UE biex jinbnew aċċettazzjoni u appoġġ pubbliku għas-CCS bħala teknoloġija importanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;
72. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippermetti u tippromwovi l-qsim tal-għarfien u l-kollaborazzjoni fl-UE u fuq livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-aħjar valur tal-inġinerija jiġi maqbud fuq skala fi proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ CCS; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-investiment bikri fl-infrastruttura tal-pajpijiet u biex tikkoordina l-ippjanar transkonfinali biex tiżgura aċċess għall-bjar tas-CO2 mill-2020, u biex twettaq riċerka biex tikkaratterizza r-riservi ta’ ħażna fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem b’mod attiv mal-Istati Membri u l-industrija biex tikkomunika l-benefiċċji u s-sikurezza tas-CCS sabiex tibni kunfidenza pubblika fit-teknoloġija;
73. Jinnota li l-iżvilupp u l-użu ottimali, sikuri u sostenibbli tar-riżorsi tal-enerġija domestiċi u reġjonali, kif ukoll il-kompetittività tal-infrastruttura meħtieġa għall-provvista stabbli ta' sorsi tal-enerġija domestika jew importata, jistgħu jikkontribwixxu għal iżjed sigurtà tal-enerġija, u għalhekk għandhom jikkostitwixxu prijorità meta tkun qed tissawwar il-politika dwar l-enerġija tal-UE;
74. Jinnota li, sakemm tkompli d-domanda għal prodotti bbażati fuq iż-żejt mhux raffinat, hu importanti li jibqa' jkun hemm preżenza Ewropea fl-industrija tar-raffinar sabiex tgħin fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, fl-appoġġ tal-kompetittività tal-industriji aktar 'il quddiem fil-katina ta' proċessar bħall-industrija petrokimika, fl-istabbiliment ta' standards dinjijin għall-kwalità tar-raffinar taż-żejt, fl-iżgurar ta' konformità mar-rekwiżiti ambjentali u fil-preżervazzjoni tal-impjiegi f'dawk is-setturi; jenfasizza wkoll l-affermazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija li ż-żejt x’aktarx li se jibqa’ fit-taħlita enerġetika anki fl-2050, għalkem b'sehem ferm anqas milli għandu llum, u prinċipalment se jintużaw għat-trasport ta' merkanzija u passiġġieri fuq distanza twila;
75. Jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk ir-reġjuni tal-Istati Membri fejn fil-preżent il-faħam huwa s-sors predominanti tal-enerġija u/jew fejn il-produzzjoni tal-faħam u l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam huma sorsi ta' impjiegi reġjonali vitali; jemmen li se jkun hemm bżonn miżuri soċjali addizzjonali appoġġati mill-UE biex ix-xenarji tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jiġu aċċettati mill-popolazzjonijiet ta' dawn ir-reġjuni;
Sfidi globali fil-qasam tal-enerġija
76. Ifakkar, filwaqt li jirrikonoxxi li l-UE topera f’kuntest globali u jekk taġixxi waħedha jaf ma tiksibx il-benefiċċji kollha mistennija, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill TTE ta’ Novembru 2011 dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika dwar l-enerġija tal-UE, li fihom il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa għal approċċ aktar estensiv u koordinat tal-UE għar-relazzjonijiet internazzjonali dwar l-enerġija sabiex jintlaqgħu l-isfidi globali dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emmissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata provvista ta’ enerġija sikura, żgura, sostenibbli u diversifikata;
77. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà enerġetika u, eventwalment, l-awtosuffiċjenza tal-UE, li primarjament jintlaħqu bil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, tal-iffrankar tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, li flimkien ma’ sorsi ta’ enerġija alternattivi se jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet; jinnota l-interess li qed ifeġġ fir-rigward tal-esplorazzjoni tal-meded taż-żejt u l-gass fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed; jemmen li hemm bżonn urġenti li tiġi implimentata politika komprensiva tal-UE rigward it-tħaffir għaż-żejt u l-gass fil-baħar; jemmen li għandha titqiegħed enfasi fuq il-perikli potenzjali u fuq il-delinjazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi għall-Istati Membri kkonċernati u l-pajjiżi terzi rilevanti bi qbil mal-Konvenzjoni UNCLOS, li l-Istati Membri kollha, u għaldaqstant l-UE, huma firmatarji tagħha;
78. Jenfasizza li l-għoti ta’ drittijiet biex jingħataw liċenzji għat-tħaffir u d-delinjazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi se jsir sors ta’ twegħir ma’ pajjiżi terzi, u l-UE għandha żżomm profil politiku għoli f’dan ir-rigward u tfittex li tipprekludi nuqqas ta' qbil f'livell internazzjonali; jenfasizza li l-enerġija għandha tintuża bħala xprun għall-paċi, għall-integrità ambjentali, għall-kooperazzjoni u għall-istabilità;
79. Jappella biex il-Pjan Direzzjonali UE-Russja għall-Enerġija jkun ibbażat fuq prinċipji ta' rispett reċiproku u ta' reċiproċità, b'bażijiet fir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta u teżegwixxi, b'mod effikaċi, ir-regoli tal-UE fil-qasam tas-suq intern u tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-impriżi kollha fis-settur enerġetiku li joperaw fit-territorju tal-Unjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, l-investigazzjoni reċenti dwar l-imġiba antikompetittiva min-naħa ta' Gazprom u tas-sussidjarji Ewropej tagħha, u jiddeplora d-digriet politikament motivat tal-President tal-Federazzjoni Russa li jipprevjendi lill-kumpaniji tal-enerġija tagħha milli jikkooperaw mal-istituzzjonijiet tal-UE; jinsisti li kull impriża fis-settur tal-enerġija hija mistennija tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet investigattivi, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reazzjoni xierqa għal dan id-digriet u tiżgura li l-investigazzjoni tkun tista' tipproċedi;
80. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal ġabra komprensiva ta' prijoritajiet għall-politika enerġetika fuq żmien qasir, medju u twil li l-UE għandha tinsegwi fir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha bil-ħsieb li jiġi stabbilit spazju ġuridiku komuni bbażat fuq il-prinċipji u n-normi relatati mal-acquis tas-suq intern tal-enerġija; jisħaq fuq l-importanza li l-Komunità tal-Enerġija tkompli tiġi estiża, speċfikament biex tinkludi l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Asja Ċentrali u tal-Mediterran, u li jinħolqu mekkaniżmi ta' kontroll ġuridiku maħsuba biex jittrattaw implimentazzjoni difettuża tal-acquis; jistieden lill-Unjoni turi solidarjetà fir-rigward ta' sħabha li huma parti mill-Komunità tal-Enerġija; jikkundanna, f'dan ir-rigward, it-theddid reċenti li l-Federazzjoni Russa għamlet fil-konfront tal-Moldova;
81. Jisħaq fuq il-fatt li l-politika enerġetika tal-UE bl-ebda mod ma għandha tikkontradixxi l-prinċipji bażiċi li fuqhom hija msejsa l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex fir-relazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-enerġija tiffavorixxi lil dawk il-produtturi u l-pajjiżi ta' transitu li jikkondividu u jappoġġaw l-istess valuri;
82. Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu ma’ sħab strateġiċi oħrajn fil-qasam tal-enerġija; jikkunsidra li l-influwenza dejjem tikber tal-ekonomiji emerġenti fis-swieq globali tal-enerġija, kif ukoll it-tkabbir fid-domanda tagħhom għall-enerġija jagħmluha essenzjali għall-UE li timpenja ruħha ma’ dawn is-sħab b’mod komprensiv, fl-oqsma kollha tal-enerġija; jinnota li, fuq żmien twil, l-Unjoni Ewropea għandha żżid il-koordinazzjoni fir-rigward tax-xiri tal-enerġija minn pajjiżi terzi; jappella għal kooperazzjoni eqreb bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'leħen wieħed dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-politika dwar l-enerġija, kif definita mil-leġiżlazzjoni tal-UE u minn indikazzjonijiet mid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Kummissjoni; ifakkar li l-Parlament għandu jinżamm regolarment informat dwar l-iżviluppi f'dan il-qasam;
83. Jisħaq fuq il-fatt li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, mitluba mit-Trattat dwar l-UE, għandha tapplika kemm għall-attivitajiet ta' kuljum, kif ukoll għall-ġestjoni tal-kriżijiet tal-politika interna u esterna dwar l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni ċara ta' “solidarjetà enerġetika” sabiex tiżgura li din tiġi rispettata mill-Istati Membri kollha;
84. Jisħaq fuq il-fatt li mhux se jiġu kompromessi s-sikurezza u s-sigurtà kemm tas-sorsi ta’ enerġija tradizzjonali (eż. nukleari) kif ukoll ta’ dawk ġodda (żejt jew gass mhux konvenzjonali) u jemmen li l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-qafas dwar is-sikurezza u s-sigurtà u tieħu rwol ta' mexxejja fl-isforzi internazzjoni f’dan il-qasam;
85. Jenfasizza li, waqt li l-Istati Membri jaħdmu għall-konnessjoni u l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura u l-approvazzjoni ta’ regolamenti komuni, għandhom isiru wkoll sforzi kontinwi għal kollaborazzjoni mar-Russja sabiex jiġu identifikati miżuri kreattivi u reċiprokament aċċettabbli li jkunu mmirati lejn it-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn iż-żewġ swieq tal-enerġija;
86. Jisħaq fuq il-fatt li peress li l-provvista tal-enerġija qed ixxaqleb lejn l-ekonomiji li qed jiżviluppaw, l-UE għandha tinvolvi ruħha fi djalogu u kooperazzjoni intensivi mal-pajjiżi BRICS fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-faħam nadif, is-CCS, il-grids intelliġenti, ir-riċerka dwar il-fużjoni, u s-sikurezza nukleari; l-UE għandha tiżviluppa wkoll politika ċara għal kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija ma’ dawk il-pajjiżi;
87. Jistieden lill-UE tkompli tiżvolġi rwol attiv fin-negozjati internazzjonali dwar il-ftehim globali dwar il-klima; jisħaq fuq il-fatt li l-UE teħtieġ tkun taf xi jkunu l-konsegwenzi jekk tfalli l-konklużjoni ta' ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima; jiddispjaċih li l-Pjan Direzzjonali ma jippreżentax xenarju għall-każ li ma jintlaħaq ebda ftehim ta' dan it-tip; jisħaq fuq il-fatt li l-kisba ta' ftehim globali legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet – u l-involviment fil-proċess tal-pajjiżi bl-aktar emissjonijiet fid-dinja bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u l-Brażil – se żżid iċ-ċansijiet li jinkiseb tnaqqis veru fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'efett ta' serra; jindika l-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni għall-isfida li tikkawża r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi jiġi evitat li l-industriji li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija jiġu rilokati barra mill-UE;
Skema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS)
88. Jirrikonoxxi li l-ETS hija attwalment l-istrument prinċipali – għalkemm mhux l-uniku - għat-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali b'effett ta' serra u għall-promozzjoni tal-investiment fit-teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju li jkunu sikuri u sostenibbli; jinnota li hemm bżonn ta' titjib strutturali tal-ETS sabiex tiżdied il-kapaċità tas-sistema li tirreaġixxi għat-tendenzi pożittivi u negattivi ekonomiċi, li treġġa' lura ċ-ċertezza tal-investituri u li ssaħħaħ l-inċentivi bbażati fis-suq għall-investiment fit-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u għall-użu tagħhom; jinnota li kwalunkwe tibdil strutturali li jsir għall-ETS jirrikjedi valutazzjoni komprensiva tal-effetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll tal-impatt fuq l-investimenti f'enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, fuq il-prezz tal-elettriku u fuq il-kompetittività tal-industriji li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija, b'mod partikulari fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, sikuri u sostenibbli mill-industriji Ewropej;
89. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis valutazzjoni addizzjonali b'suġġerimenti għal azzjonijiet rakkomandati għall-prevenzjoni tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba r-riallokazzjoni tal-faċilitajiet ta' produzzjoni 'l barra mill-UE, li tkun tiffoka b'mod partikulari fuq xenarji addizzjonali fejn tittieħed azzjoni globali limitata jew ma tittieħed l-ebda azzjoni ta' dan it-tip rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju;
90. Jenfasizza li s-setturi li mhumiex fl-ETS jikkawżaw madwar 55 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE, u li hu essenzjali li jiġi żgurat li, b'mod konkomitanti mal-ETS, anke s-setturi li mhumiex fl-ETS ikunu qed iwettqu r-responsabilità tagħhom li jrażżnu l-emissjonijiet; jisħaq fuq il-bżonn għal gwida politika fuq il-livell tal-UE u li jittieħdu azzjonijiet konkreti biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni;
91. Jirrikonoxxi li l-ETS qed tesperjenza problemi li orġinarjament ma ġewx antiċipati, u li l-eċċess li qed jakkumula ta’ kwoti se jnaqqas l-inċentiv għall-promozzjoni ta' investimenti f'enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għal ħafna snin fil-ġejjieni; jinnota li dan jipperikola l-effikaċja tal-ETS bħala l-mekkaniżmu prinċipali tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'tali mod li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs għat-teknoloġiji li jikkompetu bejniethom, li tingħata l-flessibilità lill-kumpaniji biex jiżviluppaw l-istrateġija ta' mitigazzjoni proprja tagħhom u li jipprevedi miżuri speċifiċi kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri ħalli jitranġaw in-nuqqasijiet tal-ETS u tkun tista’ tiffunzjona kif maħsub oriġinarjament; jissuġġerixxi li dawn il-miżuri jkunu jinkludu:
(a)
il-preżentazzjoni malajr kemm jista' jkun ta' rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li għandu jeżamina, fost aspetti oħra, l-impatti fuq l-inċentivi għal investimenti f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; qabel il-bidu tat-tielet fażi, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, temenda r-regolament imsemmi fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE biex timplimenta l-miżuri xierqa, li jistgħu jinkludu ż-żamma tal-ammont neċessarju ta' kwoti.
(b)
il-proposta għal leġiżlazzjoni kemm jista’ jkun malajr biex jiġi mmodifikat ir-rekwiżit annwali għal tnaqqis lineari ta’ 1,74 % sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-mira ta’ tnaqqis tas-CO2 għall-2050;
(c)
it-twettiq u l-pubblikazzjoni ta’ valutazzjoni tas-siwi li jiġi stabbilit prezz ta’ riserva għall-irkant tal-kwoti;
(d)
it-teħid ta' passi biex tiddaħħal iżjed informazzjoni rilevanti fir-reġistru tal-ETS u biex tiżdied it-trasparenza ta' dan ir-reġistru, sabiex ikun jista' jkun hemm monitoraġġ u valutazzjoni aktar effikaċi;
Riċerka, riżorsi umani, teknoloġiji ġodda u fjuwils alternattivi
92. Jemmen li l-prezzijiet għandhom rwol kruċjali fl-investiment relatat mal-enerġija u fil-produzzjoni tal-enerġija; jinnota li l-politiki differenti tal-Istati Membri biex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli għandhom jitqiesu bħala kurva tat-tagħlim; huwa tal-fehma li l-prezz reċenti, relattivament għoli tal-fjuwils fossili se jippromwovi l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli sakemm jitneħħew il-fallimenti tal-politika u tas-swieq; jirrakkomanda li l-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw skemi ta' appoġġ aktar effiċjenti għall-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu minimizzati ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora alternattivi għal sistema Ewropea aktar koordinata, konverġenti u integrata tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli;
93. Jemmen li ż-żieda fil-kontijiet tal-enerġija fl-UE matul is-snin reċenti żviluppat approċċ “intelliġenti” u bbażat fuq is-sens komun biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija permezz tal-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar enerġetiku; jisħaq fuq l-importanza li din il-bidla naturali għalkemm insuffiċjenti fl-imġiba tiġi akkumpanjata minn azzjonijiet ta' politika tajbin, u b'appoġġ finanzjarju, sabiex jiżdied aktar l-iffrankar enerġetiku; jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu stimulati biex jiġġeneraw l-enerġija tagħhom stess; jenfasizza li r-rwol tal-ICT u l-implimentazzjoni tagħhom permezz tan-netwerks tal-grids intelliġenti qed isiru dejjem iktar importanti għall-iżvilupp ta’ konsum enerġetiku effiċjenti u, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ programmi ta' rispons għad-domanda (inklużi arloġġi intelliġenti), li għandhom jgħinu lill-konsumaturi jsiru partijiet interessati attivi fl-effiċjenza enerġetika billi jiġu pprovduti b'dejta li tinftiehem malajr u f'ħin reali dwar il-konsum tal-enerġija fid-djar u n-negozji, u dwar l-ammont żejjed li jintbagħat lura lill-grid, kif ukoll b'informazzjoni dwar il-miżuri u l-possibilitajiet tal-effiċjenza enerġetika;
94. Jemmen li l-infrastruttura enerġetika għandha tkun aktar orjentata lejn l-utent finali, b’fokus aktar qawwi fuq l-interazzjoni bejn il-kapaċitajiet tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-konsum, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ flussi f’ħin reali, bidirezzjonali ta’ enerġija u ta’ informazzjoni; jindika l-benefiċċji għall-konsumaturi tat-teknoloġiji l-ġodda bħall-ġestjoni tal-enerġija għan-naħa tad-domanda u s-sistemi ta’ rispons għad-domanda, li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tal-provvista u d-domanda;
95. Jemmen li l-implimentazzjoni ta' grids intelliġenti hija kwistjoni ta' urġenza, u li mingħajrhom, l-integrazzjoni tal-ġenerazzjoni distribwita ta' enerġija rinnovabbli u t-titjib tal-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija (li huma l-bażi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 20/20/20) ma jkunux possibbli;
96. Jenfasizza r-rwol tal-grids intelliġenti fil-komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-produtturi tal-elettriku u l-konsumaturi, u jirrimarka li l-grids intelliġenti jistgħu jippermettu lill-konsumaturi josservaw u jadattaw l-użu tagħhom tal-elettriku; jirrimarka li programmi b'saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta personali u għall-edukazzjoni tal-konsumatur, bħal kampanji ta' informazzjoni fl-iskejjel u fl-universitajiet, huma essenzjali, b'mod partikolari jekk il-miters intelliġenti għandu jkollhom impatt reali; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni relevanti tkun disponibbli f'websajts għall-konsumaturi u li l-atturi relevanti kollha – bħal bennejja, periti, u fornituri ta' tagħmir ta' tisħin, tkessiħ u ta' tagħmir tal-elettriku – għandhom jiksbu informazzjoni aġġornata u jqabblu l-prezzijiet u s-servizzi u, abbażi ta' dak, jagħżlu l-fornitur tal-enerġija l-aktar xieraq għall-iskopijiet tagħhom;
97. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li Orizzont 2020 u s-Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni taħt l-Unjoni tal-Innovazzjoni jagħtu prijorità lill-ottimizzazzjoni tas-sistema enerġetika u l-bżonn li jiġu żviluppati t-tipi kollha ta’ teknoloġiji b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE, ikunu promossi l-opportunitajiet ta’ impjiegi u jiġu stabbiliti inċentivi sabiex l-enerġija tintuża b’mod responsabbli; jappoġġja, f’dan ir-rigward, il-miri tal-Pjan Strateġiku tal-UE dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija u tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej assoċjati; jenfasizza li l-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis fil-kost tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' titjib teknoloġiku u innovazzjoni għandhom jingħataw ukoll l-ogħla prijorità billi, fost l-oħrajn, jiġi allokat sehem akbar tal-baġits tar-riċerka pubblika għar-riċerka tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika, partikolarment f'Orizzont 2020 u l-pjan SET;
98. Isostni li riċerka fi fjuwils alternattivi ġodda hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi u ambjentali fuq tul ta’ żmien u għalhekk jistenna li l-programm Horizon 2020 jipprovdi l-inċentivi neċessarji;
99. Jisħaq fuq l-importanza ta’ riċerka u żvilupp ulterjuri minn istituzzjonijiet pubbliċi, u mill-industrija, biex jitjiebu u jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika, u l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-gass naturali, fis-setturi tat-toroq, marittima u tal-avjazzjoni;
Tisħin u Tkessiħ:
100. Jitlob biex tingħata aktar attenzjoni lis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tqis l-integrazzjoni sħiħa tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ fit-trasformazzjoni tas-sistema enerġetika; jinnota li dan is-settur illum jirrappreżenta madwar 45 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa, u li huwa meħtieġ fehim aħjar tar-rwol importanti tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiġbor id-dejta meħtieġa li tirrifletti s-sorsi tal-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ u l-użu tagħhom, kif ukoll id-distribuzzjoni tas-sħana lill-gruppi differenti tal-konsumaturi finali (pereżempju residenzjali, tal-industrija u tas-settur terzjarju); iħeġġeġ l-iżvilupp ta' impjanti tas-sħana u enerġija kkombinati li jużaw sħana rinnovabbli jew irkuprata u s-sħana mill-iskart, u jappoġġa r-riċerka ulterjuri dwar sistemi ta’ tkessiħ u tisħin bl-għan li titwettaq il-politika ambizzjuża tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi biex jaġġornaw previżjonijiet ta' domanda fl-Orizzont 2020 u biex jipproduċu valutazzjonijiet tal-impatt tal-kundizzjonijiet reġjonali ta’ taħt l-art sabiex tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw iżjed finanzjamenti għall-infrastrutturi tal-enerġija lokali, bħat-tisħin u t-tkessiħ tad-distretti – inkluż permezz tal-R&D u l-istrumenti finanzjarji innovattivi – li jġibu magħhom soluzzjonijiet effiċjenti u ta’ użu baxx jew l-ebda użu tal-karbonju li jissostitwixxu l-importazzjoni u l-iskambju/trasport mal-Ewropa kollha tal-enerġija; jinnota li soluzzjonijiet rinnovabbli disponibbli b’mod faċli (il-ġeotermali, il-bijomassa inkluż l-iskart bijodegradabbli, it-termali solari u l-idro/aerotermiku), flimkien ma’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, għandhom il-potenzjal li jiddekarbonizzaw id-domanda ta’ sħana sal-2050 b’mod kosteffikaċi, filwaqt li tiġi indirizzata l-problema tal-faqar enerġetiku;
Rimarki finali
101. Jilqa’ l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li jmiss dwar is-CCS, dwar is-suq intern, dwar l-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji enerġetiċi bil-għan li jsir progress ulterjuri fir-rigward tal-għażliet politiċi identifikati fil-Pjan Direzzjonali ġħall-Enerġija 2050;
102. Jemmen li sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE billi jiġi appoġġjat in-netwerking u l-iżvilupp ta“ infrastrutturi tal-enerġija ġodda b’kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien;
103. Jinnota li l-kundizzjonijiet ġeografiċi differenti jagħmluha impossibbli li tiġi applikata politika tal-enerġija b'daqs wieħed għal kulħadd għar-reġjuni kollha; jemmen – minkejja l-kriterji għal azzjoni komuni u filwaqt li huwa konxju tal-bżonn li jkun hemm konformità mal-oqfsa ta' politika tal-UE – li kull reġjun Ewropew għandu jitħalla jsegwi pjan individwali mfassal għas-sitwazzjoni u l-ekonomija tiegħu, jiżviluppa dawk is-sorsi ta' enerġija sostenibbli li jistgħu jissodisfaw bl-aktar mod effikaċi l-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, u jfakkar li l-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli b’mod partikolari għandha rwol ċentrali f’termini ta’ żvilupp u impjieg kemm f’żoni rurali kif ukoll mhux rurali; jistieden, għalhekk, lir-reġjuni biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji tal-enerġija, u biex jikkunsidraw li jinkludu l-enerġija fl-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom għal speċjalizzazzjoni intelliġenti; ;
104. Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza, tas-sorveljanza demokratika u tal-involviment tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija;
105. Jenfasizza l-importanza li jitnaqqas il-konsum totali tal-enerġija, u li tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija, fis-settur tat-trasport, inkluż permess tal-ippjanar tat-trasport u l-appoġġ lit-trasport pubbliku fil-livell tal-Istati Membri; jisħaq ukoll li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli taħt il-programm tan-Netwerk Trans-Ewropew għat-trasport u għall-enerġija (TEN-T u TEN-E) għandhom jitħaffu;
106. Huwa tal-opinjoni li l-għan tad-dekarbonizzazzjoni globali jeħtieġ tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tat-trasport, li jimplika l-iżvilupp ulterjuri tal-fjuwils alternattivi, titjib fl-effiċjenza tal-mezzi tat-trasport, kif ukoll żieda sostanzjali fl-użu tal-elettriku u b'hekk livelli għoljin ta' investimenti fl-infrastruttura tal-elettriku, fil-ġestjoni tal-grid u fil-ħżin tal-enerġija; jinnota li hija bżonnjuża azzjoni mgħaġġla biex jiġi evitat milli jiġi mblukkat f'perkors tal-emissjonijiet ogħla fuq il-bażi ta' ċiklu tal-ħajja twil tal-infrastruttura;
107. Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-idea li jiġu integrati l-konklużjonijiet tad-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni “Reġjuni 2020 – Evalwazzjoni u sfidi li se jikkonfrontaw ir-reġjuni tal-UE” dwar l-importanza li jiġi kkunsidrat ukoll il-potenzjal tar-reġjuni l-aktar imbiegħda fil-qasam tal-provvista tal-enerġija fis-snin li ġejjin;
108. Jiġbed l-attenzjoni għar-relazzjoni kumplessa bejn il-provvista tal-enerġija u tal-ikel u l-iżviluppi fis-sigurtà, partikolarment fir-rigward ta' bijokarburanti mhux sostenibbli tal-ewwel ġenerazzjoni li jista' jkollhom impatt soċjali u ambjentali negattiv fuq il-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp; jirrakkomanda, għalhekk, żieda fl-investiment u l-iżvilupp ta' bijokarburanti sostenibbli avvanzati mill-prodotti tal-iskart agrikolu u mill-alka;
109. Ifakkar l-importanza tal-integrità ambjentali tal-produzzjoni tal-enerġija; jistieden lill-Istati Membri japplikaw rigorożament ir-rekwiżiti tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali għat-tipi kollha ta' produzzjoni tal-enerġija, inkluż il-gass mhux konvenzjonali;
110. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-hekk imsejħa “klawsola tas-sigurtà enerġetika” – biex tiġi inkluża fil-ftehimiet kollha ta' kummerċ, ta' assoċjazzjoni u ta' sħubija u ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi u ta' transitu – biex b'hekk tiġi stabbilita kodiċi ta' kondotta u jiġu definiti b'mod espliċitu l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta' kwalunkwe bidla unilaterali fit-termini tal-ftehim min-naħa ta' xi wieħed mis-sħab;
111. Jinnota l-importanza ta’ kooperazzjoni wiesgħa fir-reġjun tal-Artiku, b’mod partikolari fost il-pajjiżi fl-isfera Ewro-Atlantika, inkluż ftehim dwar reġim speċjali; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tressaq valutazzjoni olistika tal-benefiċċji u tar-riskji tal-involviment tal-UE fir-reġjun Artiku, inkluża analiżi tar-riskji ambjentali, f'kunsiderazzjoni taż-żoni fraġli ħafna u indispensabbli, partikolarment fl-Artiku għoli;
112. Jinnota li l-ilmijiet tal-Artiku huma ambjent tal-baħar qrib ta' importanza partikolari għall-Unjoni Ewropea, u li dawn għandhom rwol importanti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li t-tħassib ambjentali serju relatat mal-ilmijiet tal-Artiku jitolbu attenzjoni speċjali li tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent tal-Artiku f'rabta ma' kwalunkwe operazzjoni offshore taż-żejt u tal-gass, inkluż l-esplorazzjoni, filwaqt li jitqies ir-riskju ta' aċċidenti ewlenin u l-ħtieġa għal rispons effettiv; jinkoraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-Artiku biex jipprovmovu b'mod attiv l-isforzi sabiex jinżammu l-ogħla standards possibbli ta' sikurezza f'din l-ekosistema vulnerabbli u unika, inter alia permezz tal-ħolqien ta' strumenti internazzjonali għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-tniġġis tal-baħar miż-żejt fl-Artiku, u b'mod partikolari, biex jipproponi b'mod attiv il-politiki għall-gvernijiet li jikkawżawhom biex dawn ma jawtorizzawx operazzjonijiet offshore taż-żejt u l-gass, inklużi esplorazzjonijiet, sakemm ma jkunx jista' jiġi żgurat rispons effettiv għal dawn l-inċidenti;
o o o
113. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Direttiva 2009/28/KE tat-23 ta' April 2009, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16. Attwalment qed tiġi diskussa proposta ta’ emenda (COM(2012)0595).
Valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza (“stress test”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati
243k
30k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza (“stress tests’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati (2012/2830(RSP))
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012 dwar il-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u s-sikurezza (“stress tests’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati (COM(2012)0571),
– wara li kkunsidra ż-żjarat ta' segwitu għas-sejbien tal-fatti fis-siti organizzati mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) wara li ntemm il-proċess ta' rieżami tal-istress tests bil-għan li jsir skambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-miżuri meħuda, ippjanati jew li qed jiġu kkunsidrati fil-livell tas-sit sabiex titjieb is-sikurezza b'riżultat tal-istress tests u sabiex jiġu identifikati prattiki tajba, suċċessi notevoli, kif ukoll kwalunkwe tagħlima meħuda jew diffikultajiet iffaċċjati waqt l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011, b'mod partikulari l-appell tiegħu lill-awtoritajiet indipendenti nazzjonali fl-UE biex iwettqu valutazzjoni komprensiva u trasparenti tar-riskju u l-valutazzjoni tas-sikurezza tal-impjanti nukleari kollha tal-UE, fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-inċident tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima-Daiichi fil-Ġappun,
– billi l-pjan ta' azzjoni tal-ENSREG ġie approvat fl-1 ta' Awwissu 2012, li jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti li ħarġu mir-rieżami bejn il-pari tal-istress tests se jkunu indirizzati mir-regolaturi nazzjonali u mill-ENSREG b'manjiera konsistenti,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà nukleari tal-istallazzjonijiet nukleari(1) , li tenfasizza li r-responsabilità nazzjonali tal-Istati Membri għas-sikurezza tal-istallazzjonijiet nukleari hija prinċipju fundamentali, u li r-responsabilità primarja għas-superviżjoni tal-istallazzjonijiet nukleari hija tar-regolaturi nazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-ENSREG dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-istress tests adottata mill-ENSREG u mill-Kummissjoni, u dwar l-istqarrija konġunta assoċjata maħruġa mill-ENSREG u mill-Kummissjoni fis-26 ta' April 2012,
– wara li kkunsidra d-diżastru nukleari fl-2011 fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima Daiichi fil-Ġappun,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012, u l-aktar it-talba lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u fiż-żmien opportun tar-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-rapport ippubblikat mill-ENSREG b'segwitu għat-tlestija tal-istress tests dwar is-sikurezza nukleari,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv(2),
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 30 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u s-sikurezza (“stress tests’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati (O-000183/2012 – B7-0108/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament tas-16 ta’ Ottubru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (A7-0327/2012) jitlob li s-sikurezza nukleari fil-pajjiżi terzi tkun tirrifletti l-istandards tas-sikurezza Ewropej;
B. billi 'l-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u s-sikurezza (“stress test’) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u tal-attivitajiet relatati' twettqu sabiex tingħata ħarsa lejn it-tħejjija tal-impjanti tal-enerġija nukleari (NPPs) għal għadd ta' kundizzjonijiet estremi;
1. Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istress tests u r-riżultat tagħhom, fid-dawl tal-inċident ta’ Fukushima; jilqa’ l-isforzi li saru mill-Kummissjoni, speċjalment permezz tal-ENSREG, u mir-regolaturi nazzjonali li ssoġġettaw 145 reattur fl-UE u 20 reattur barra l-UE għal proċedura ta’ stress test; jenfasizza l-utilità ta’ din il-proċedura u l-karattru tagħha bħala eżerċizzju li qatt ma sar bħalu fuq livell dinji; jistenna li r-riżultati tal-istress tests se jikkontribwixxu biex isaħħu l-kultura tas-sikurezza nukleari fl-Ewropa, biex b’hekk issir eżempju fuq livell internazzjonali; ifaħħar l-isforzi li saru biex l-istress tests ikunu trasparenti kemm jista' jkun;
2. Jieħu nota tal-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport ta' bejn il-pari li enfasizza erba’ oqsma ewlenin għat-titjib fl-Ewropa: (1) il-ħruġ ta' gwida mill-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) dwar il-valutazzjoni tal-marġnijiet u l-perikli naturali, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida eżistenti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA); (2) tiġi enfasizzata l-importanza tar-rieżami perjodiku tas-sikurezza; (3) jiġu implimentati l-miżuri rikonoxxuti biex titħares l-integrità tal-konteniment; u (4) jitnaqqsu l-inċidenti li jirriżultaw minn perikli naturali u jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom;
3. Jirrikonoxxi li, wara l-istress tests, il-pajjiżi bdew jimplimentaw jew jippjanaw miżuri li se jtejbu s-sikurezza tal-impjanti tagħhom, partikolarment fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda minn Fukushima; jilqa' l-fatt li ntlaħaq qbil bejn l-ENSREG u l-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet u li l-azzjonijiet kollha meħuda biex titjieb is-sikurezza nukleari se jkunu kondiviżi fil-livell Ewropew; jenfasizza l-fatt li abbażi tar-rieżami bejn il-pari, il-Kummissjoni identifikat miżuri li għandhom jitqiesu fil-livell tal-UE; jistieden lill-atturi kollha involuti jiżguraw segwitu xieraq u immedjat lir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet kollha li jinsabu fih, inklużi l-aħjar prattika identifikata; jirrakkomanda, f'dan is-sens, li jiġi kkonfermat ir-rwol tal-ENSREG fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-pari abbażi ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni; jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni regolari mill-ENSREG dwar il-progress lill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, u li l-Parlament jiġi infurmat u kkonsultat kull sena rigward ir-riżultati, il-miżuri u l-pjanijiet fil-qasam tas-sikurezza nukleari;
4. Ifakkar, madankollu, li l-istress tests mibdija mill-Kummissjoni u l-ENSREG kienu limitati fil-kamp ta' applikazzjoni u mmirati primarjament lejn il-valutazzjoni tas-saħħa u t-tħejjija tal-NPPs fid-dawl ta’ avvenimenti esterni qawwija; iqis, għaldaqstant, li l-istress tests primarjament kienu maħsuba biex jivvalutaw is-saħħa u t-tħejjija tal-NPPs f’każ ta’ avvenimenti esterni qawwija bħal dawn u ma kinux maħsuba u setgħux ikunu maħsuba biex jieħdu post ir-rieżami dettaljat tas-sikurezza ta’ NPPs imwettqa fil-kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri għall-valutazzjoni tas-sikurezza nukleari ta’ NPPs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi r-robustezza ġenerali tal-NPPs (b'mod partikulari fir-rigward ta' xquq li jista' jkun hemm fil-kontenituri tal-pressjoni) bħala kriterju speċifiku fi stress tests fil-ġejjieni;
5. Jenfasizza li l-istress tests mhumiex kompluti u li r-riskji bħal avvenimenti sekondarji, id-deterjorazzjoni tal-materjali, l-iżball tal-bniedem, difetti speċifiċi fil-kontenituri tar-reatturi u ħafna nuqqasijiet oħrajn ma tqiesux; jenfasizza, għalhekk, li anki jekk jirnexxi, stress test ma jiggarantix is-sikurezza ta’ impjant nukleari;
6. Jieħu nota li r-riżultati attwali jirriflettu l-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ pajjiżi mhux tal-UE, għalkemm kultant b’metodoloġiji u skedi ta’ żmien differenti;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-pajjiżi mhux tal-UE b'impjanti tal-enerġija nukleari, b’mod partikolari lill-pajjiżi ġirien, biex japplikaw il-proċedura tal-istress test u jaqsmu r-riżultati tagħhom; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-istandards internazzjonali dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni xierqa tagħhom; iħeġġeġ lill-UE tibqa' tikkoopera f’dan ir-rigward fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IAEA;
8. Jieħu nota li l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari hija strument legali bl-għan partikolari li jippromwovi livell għoli ta' sikurezza nukleari fuq livell globali, li jobbliga lill-Partijiet Kontraenti (inkluża l-EURATOM) iressqu rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-dmirijiet tagħhom għal rieżami bejn il-pari fil-laqgħat regolari tal-Partijiet Kontraenti li jsiru taħt l-awspiċi tal-IAEA; iħeġġeġ l-użu tal-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC) biex tiġi promossa, abbażi tal-esperjenza Ewropea, l-implimentazzjoni tal-istress tests fuq skala internazzjonali;
9. Ifakkar li l-perikli tal-iskart radjuattiv ġew enfasizzati għal darb’oħra mill-inċident nukleari ta’ Fukushima; jieħu nota li diżastri naturali bħal terremoti u tsunami jistgħu jaffettwaw is-sikurezza ta’ istallazzjonijiet nukleari eżistenti, jew dawk li qed jinbnew, kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi ġirien tagħha b’riskju kbir ta’ terremot jew tsunami, bħal fil-każ ta’ Akkuyu fit-Turkija; jemmen li, minbarra l-miżuri li se jiġu implimentati għall-NPPs, għandha tittieħed l-azzjoni xierqa kollha fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru biex jiġi żgurat li r-rimi ta' skart radjuattiv ma jsirx f'żoni identifikati b’riskju għoli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-identifikazzjoni miftuħa u imparzjali tal-aħjar faċilitajiet ta' ħażna bl-ikbar sikurezza possibbli; iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien u dawk kandidati għall-adeżjoni jingħaqdu mal-Ftehim tal-Komunità Ewropea dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni f’każ ta’ Urġenza Radjoloġika (Ecurie);
10. Jistieden lill-Istati Membri u lir-regolaturi nazzjonali sabiex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tar-rapport tar-rieżami bejn il-pari, inkluż l-aħjar prattika identifikata, u fejn ikun xieraq, jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-inċident ta' Fukushima-Daiichi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar id-definizzjoni tal-prinċipji tar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari fir-rigward tal-impjanti tal-enerġija nukleari li qed joperaw, qed jiġu dikummissjonati jew li diġà ġew dikummissjonati fl-UE;
12. Jappella sabiex l-indipendenza u t-trasparenza tal-awtoritajiet superviżorji jingħataw l-akbar prijorità sakemm jibqgħu joperaw l-impjanti tal-enerġija nukleari;
13. Iqis li hemm approċċi nazzjonali differenti biex ikunu vvalutati l-effetti fuq is-sikurezza tal-NPPs f’każijiet ta’ tiġrif ta’ inġenji tal-ajru; jieħu nota li “t-tiġrif tal-inġenji tal-ajru ma ġiex meqjus espliċitament bħala avveniment inizjattiv fil-valutazzjoni tas-sikurezza” u li l-effetti tagħhom biss ġew spjegati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-istress test; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li erba’ Stati Membri biss inkludew dawn il-valutazzjonijiet fir-rapporti tal-istress test tagħhom; jinnota, madankollu, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-istress tests jiddikjaraw li “l-valutazzjoni tal-konsegwenzi tat-telf tal-funzjonijiet tas-sikurezza huma relevanti wkoll jekk is-sitwazzjoni tkun ipprovokata minn ġrajjiet inizjattivi indiretti, pereżempju t-tiġrif ta' inġenju tal-ajru”; jinnota wkoll li, billi dan ir-riskju jidħol l-aktar fil-qasam tat-tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u, għalhekk, tas-sovranità, twaqqaf Grupp Ad Hoc dwar Is-Sigurtà Nukleari (AHGNS) bil-kompitu li jeżamina l-kwistjoni fid-dettall u jippubblika l-konklużjonijiet tiegħu; hu konxju li huma ppjanati aktar skambji bejn l-Istati Membri dwar dak is-suġġett fi ħdan fora adegwati bħall-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Ewropej tas-Sigurtà Nukleari (ENSRA); jitlob lill-partijiet kollha interessati, inklużi l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-ENSREG, l-ENSRA u l-operaturi tal-NPPs, jaħdmu flimkien sabiex jiġi antiċipat u jkun miftiehem approċċ komuni li jindirizza r-riskju ta' tiġrif ta' inġenji tal-ajru, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dan ir-riskju jaqa' fl-ambitu tat-tħassib tas-sikurezza nazzjonali u s-sovranità tal-Istati Membri;
14. Jenfasizza li fl-UE, 47 impjant tal-enerġija nukleari, b’111-il reattur b’kollox, għandhom aktar minn 100 000 persuna jgħixu f’distanza ta’ 30 kilometru; jiddispjaċih li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istress tests ma kienx estiż għat-tħejjija ta’ emerġenza lil hinn mis-sit innifsu, minkejja l-importanza ta’ dan il-fattur biex jillimitaw l-impatt ta’ inċidenti nukleari potenzjali fuq il-popolazzjoni; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-ENSREG, tat-tnedija ta’ studju li jiffoka fuq reġjuni transkonfinali fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni, bħala parti mid-direttiva tas-sikurezza nukleari li jmiss, biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar miżuri preventivi ta’ emerġenza lil hinn mis-sit transkonfinali u fil-pajjiż; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jiġi żgurat l-involviment tal-awtoritajiet transkonfinali kompete fil-livell nazzjonali u reġjonali, f’termini tal-pjanijiet ta' azzjoni ta' sikurezza tagħhom u l-esperjenzi fil-proċessi ta' informazzjoni u komunikazzjoni meta l-NPPs ikunu jinsabu direttament fuq il-fruntiera nazzjonali;
15. Jistieden liċ-ċittadini tal-UE jkunu informati u kkonsultati għall-aħħar dwar is-sikurezza nukleari fl-Unjoni;
16. Jenfasizza li d-disponibilità ta’ forza tax-xogħol b'ħiliet u b’esperjenza hija fundamentali għal kultura qawwija ta' sikurezza nukleari; jinsisti għalhekk li l-miżuri kollha meħtieġa jiġu implimentati fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru biex jippromwovu u jmantnu livelli għoljin ta’ ħiliet marbuta mas-sikurezza nukleari, il-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u t-tħejjija ta' emerġenza; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ skambji transkonfinali ta’ esperti u tal-aqwa prattika, u jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, partikolarment fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol, sabiex ma tiġix ipperikolata s-sikurezza nukleari;
17. Jirrakkomanda li l-UE tappoġġa sforzi internazzjonali biex tiżviluppa l-ogħla standards ta’ sikurezza possibbli, li jridu jiġu applikati b'mod rigoruż u li għandhom jiġu żviluppati b'mod parallel mal-progress xjentifiku u għandhom jirriflettu t-tħassib leġittimu taċ-ċittadini; jenfasizza, f’dan il-kuntest, ir-rwol tal-UE fil-Politika tal-Viċinat bħala strument għall-kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jerfgħu responsabilità konġunta għat-tisħiħ tal-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari u l-implimentazzjoni adegwata tagħhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-IAEA, is-segretarjat tal-Konvenzjoni tal-Espoo u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-pjan ta' azzjoni post-Fukushima tal-IAEA u tressaq pjan ta' azzjoni inklussiv, b'arranġamenti konkreti għall-implimentazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-IAEA, biex jaħdmu b'mod kostruttiv ma' pajjiżi li ma rnexxilhomx japplikaw l-istress tests trasparenti għas-sikurezza nukleari, bħall-Bjelorussja, ir-Russja u t-Turkija, u jħeġġuhom jaderixxu mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali u jikkooperaw mal-esperti internazzjonali matul l-istadji kollha tat-tħejjija, kostruzzjoni, tħaddim u dikummissjonar tal-NPPs; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-għarfien espert offrut mill-organizzazzjonijiet u mill-korpi internazzjonali;
18. Hu tal-fehma li l-UE għandha tfittex kooperazzjoni mill-qrib, f'konformità mat-Trattat Euratom, mal-IAEA fir-rigward tas-sikurezza nukleari; jenfasizza li r-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari għandu jirriżulta f’għajnuna, fost l-oħrajn, lill-Ġappun fl-istabbilizzazzjoni u r-restawr tas-sit nukleari ta' Fukushima-Daiichi u fl-oqsma tal-protezzjoni radjoloġika u s-sikurezza fuq livell nazzjonali;
19. Jieħu nota li abbażi tal-istress tests, ir-regolaturi nazzjonali kkonkludew li ma hemm ebda raġunijiet tekniċi li jeħtieġu l-għeluq ta' NPPs fl-UE; jenfasizza, madankollu, li l-istress tests fil-verità urew li prattikament l-NPPs kollha jridu jimplimentaw titjib tas-sikurezza speċifiku għas-sit, peress li għadd sinifikanti ta’ miżuri ta' aġġornament tekniku ġew identifikati, u li l-implimentazzjoni ta' miżuri preċedenti għad trid titlesta; jitlob għall-implimentazzjoni urġenti tal-miżuri ta’ aġġornament meħtieġa, u jindika li l-miżuri relatati mas-sigurtà u s-sikurezza nukleari m'għandhomx jintlaqtu mill-miżuri ta' awsterità imposti mill-Istati Membri;
20. Jitlob, fl-interessi tat-tfassil tal-politiki effiċjenti u dibattitu pubbliku trasparenti, li l-ispejjeż totali stmati inizjali tal-miżuri neċessarji tat-titjib tas-sikurezza rakkomandati wara l-istress tests għal 132 reattur li qed joperaw fl-UE (EUR 10 sa 25 biljun matul is-snin li ġejjin) jiġu sostanzjati iktar b'analiżi tal-ispejjeż aktar dettaljata, li għandha titwettaq mir-regolaturi nazzjonali f'kooperazzjoni mal-operaturi nukleari u, jekk ikun possibbli, marbuta mal-għażla tar-rakkomandazzjonijiet identifikati; iqis li jkunu xi jkunu l-ispejjeż ta' tali titjib, huma jridu jitħallsu kollha mill-operaturi nukleari u mhux mill-persuni li jħallsu t-taxxa; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja din il-kwistjoni mill-qrib, inkluż fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha fil-politika tal-kompetizzjoni;
21. Jenfasizza li politika globali tas-sikurezza u sigurtà nukleari għandha tiġbor fiha s-siti nukleari kollha, is-sikurezza tal-fjuwil u tar-reatturi, l-immaniġġjar u d-dikummissjonar tal-iskart, is-sikurezza operattiva, biżżejjed riżorsi umani, titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tas-sikurezza għall-ħaddiema f'dan is-settur, u tħejjija ta’ emerġenza, inklużi pjanijiet ta’ emerġenza transkonfinali barra mis-sit, u għandha tiggarantixxi wkoll l-eżistenza ta’ regolaturi indipendenti u b'saħħithom;
22. Iqis li sakemm l-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti jibqgħu joperaw filwaqt li oħrajn ikunu qed jinbnew, il-livell ta' sikurezza nukleari fl-UE, kif ukoll f'pajjiżi terzi ġirien, għandu jirrifletti bħala prijorità ewlenija l-ogħla prattiki u standards tas-sigurtà u tas-sikurezza li jeżistu fid-dinja; jinsisti fuq il-bżonn li jiġi żgurat li dak it-tħassib ikun rifless matul iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-NPPs, u b'hekk jiġi inkluż id-dikummissjonar eventwali tagħhom; jenfasizza fuq kollox li fil-valutazzjoni tal-kriterji ta’ sikurezza, għandhom jitqiesu l-ispejjeż mġarrba waqt iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (għażla tal-post, disinn, bini, attivazzjoni, operazzjoni u dikummissjonar); ifakkar li l-analiżi tal-ispejjeż u tar-riskji għandha rwol ewlieni għat-tkomplija tat-tħaddim tal-impjanti;
23. Iqis li l-ġestjoni tal-perikli esterni kollha għandha ssegwi proċess ta’ valutazzjoni f’konformità mal-linji gwida tal-IAEA, bħala rekwiżit minimu, u ma tridx tissottovaluta aspetti mhux tekniċi;
24. Jieħu nota li d-differenzi bejn l-Istati Membri jistgħu jirriżultaw f’approċċi diverġenti fir-rigward tar-regolament dwar is-sikurezza nukleari, iżda li huma kollha Partijiet kontraenti għall-istandards tas-sikurezza nukleari tal-IAEA u li huma kollha taħt obbligu li jirrispettaw u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza nukleari tal-UE;
25. Jirrikonoxxi li, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-rapport ta’ rieżami bejn il-pari tal-ENSREG, l-eżerċizzju tal-istress test wera l-kontribuzzjoni pożittiva tar-rieżami perjodiku tas-sikurezza bħala strument effettiv biex imantni u jtejjeb is-sikurezza u s-saħħa tal-NPPs; jieħu nota, pereżempju, tal-perspettiva tal-ENSREG li l-valutazzjoni mill-ġdid ta’ riskji marbuta ma’ perikli naturali u provvedimenti rilevanti tal-impjanti għandhom jiġu ripetuti tal-anqas kull 5 jew 10 snin; jirrakkomanda li r-rieżamijiet perjodiċi għandhom ikunu bbażati fuq standards komuni tas-sikurezza u li r-rieżami tal-qafas legali dwar is-sikurezza nukleari għandu jinkludi dispożizzjonijiet korrispondenti;
26. . Jilqa’ r-rieżami li ġej tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, li għandu jkollu natura ambizzjuża u għandu jirriżulta fl-opportunità li jiddaħħal titjib prinċipali f'oqsma bħall-proċeduri u l-oqsfa ta' sikurezza – b'mod partikolari permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sikurezza nukleari vinnkolanti li jirriflettu prattiki l-aktar avvanzati fl-UE fl-ambitu tekniku, regolatorju u operattiv – kif ukoll ir-rwol u r-riżorsi tal-awtoritajiet regolatorji nukleari u, b’mod partikolari, għandu jagħti spinta lill-indipendenza, lill-ftuħ u lit-trasparenza ta’ dawn l-awtoritajiet, filwaqt li jsaħħaħ il-monitoraġġ u r-rieżami bejn il-pari; jenfasizza li r-reviżjoni tal-qafas legali tas-sikurezza nukleari għandha tqis ix-xogħol internazzjonali għaddej bħalissa, eż fil-livell tal-IAEA;
27. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiggarantixxi l-indipendenza funzjonali effettiva assoluta ta’ awtoritajiet regolatorji nukleari nazzjonali minn kwalunkwe korp jew istituzzjoni li jippromwovu jew iħaddmu l-enerġija nukleari;
28. Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tas-sikurezza nukleari, filwaqt li jiġi vvalutat kemm għandu jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami perjodiku tas-sikurezza; itenni l-bżonn għal kooperazzjoni transkonfinali mill-qrib u skambju tal-aħjar prattika dwar dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll dwar il-koordinament tal-iskambju tal-informazzjoni; jemmen li, fl-istess waqt, għandu jiġi żgurat li jkun hemm garanziji ta’ sikurezza u superviżjoni transkonfinali; iqis li, f'dan ir-rigward, jeħtieġ li jitqiesu l-persuni li jgħixu f'distanza ta' 50 km minn NPP, u li f'każ li maġġoranza tal-abitanti fi Stat Membru ġar ikunu milquta, l-awtorità responsabbli ta’ dak l-Istat Membru wkoll għandha tinvolvi ruħha fid-deċiżjonijiet kollha;
29. Iqis li l-Istati Membri għandhom, bil-parteċipazzjoni tal-Komunità, jippromwovu informazzjoni adegwata u kampanja ta’ tqajjim tal-kuxjenza sabiex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-ħtieġa u l-benefiċċji tal-istress tests;
30. Jilqa’, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi strumenti leġiżlattivi u non-leġiżlattivi fil-qasam tal-assigurazzjoni u r-responsabbiltà nukleari; ifakkar li r-responsabilità ċivili nukleari hija diġà suġġetta għal konvenzjonijiet internazzjonali (ta' Pariġi u ta' Vjenna); jemmen, madankollu, li l-operaturi nukleari u d-detenturi tal-liċenzji għall-ġestjoni tal-iskart għandhom ikunu mitluba li jkollhom il-mezzi finanzjarji kollha stabbiliti, permezz tal-assigurazzjoni u strumenti finanzjarji oħrajn, biex ikunu jistgħu jkopru kompletament l-ispejjeż kollha li huma responsabbli għalihom fir-rigward tal-ħsara kkawżata lill-persuni u lill-ambjent fil-każ ta' inċident; jistaqsi lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tressaq proposti dwar il-kwistjoni sa tmiem l-2013;
31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jittrattaw l-enerġija nukleari bl-istess mod li jittrattaw kwalunkwe sors ieħor tal-enerġija skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fl-interessi tad-demokrazija, l-involviment tal-Parlament Ewropew, it-trasparenza u l-aċċess pubbliku sħiħ għall-informazzjoni;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.
It-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u r-reati ta' mibegħda
228k
26k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta' mibegħda (2013/2543(RSP))
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, notevolment il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (UNCERD),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, notevolment l-Artikolu 14 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni, bħal razza, etniċità jew lingwa, reliġjon jew sħubija f’minoranza nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jistipula li l-UE “hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistipula li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-TFUE, li jipprovdi mandat politiku lill-UE biex “tieħu l-azzjoni xierqa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tat-TFUE, li jistipula li l-UE “għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra [...] ir-razziżmu u l-ksenofobija”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 83(2) tat-TFUE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(2) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol(3) (id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(4) (id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija),
– wara li kkunsidra l-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija, it-transfobija, id-diskriminazzjoni, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u l-estremiżmu, u r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju 2012 fuq approċċ tal-UE għal-liġi kriminali(5),
– wara li kkunsidra l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-ħidma tagħha fl-oqsma tan-nondiskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-forom ta’ intolleranza relatati u l-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Presidenza Irlandiża nediet dibattitu fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni informali tas-17 u t-18 ta’ Jannar 2013 dwar l-azzjoni tal-UE biex tindirizza reati ta’ mibegħda, ir-razziżmu, l-anti-Semitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija, u enfasizzat il-ħtieġa għal protezzjoni aħjar u ġbir imtejjeb ta’ data, kif ukoll għal impenn aktar qawwi mill-mexxejja biex “il-valuri Ewropej jiġu rispettati attivament u biex jitrawwem ambjent ta’ rispett reċiproku għall-persuni minn sfondi reliġjużi jew etniċi differenti jew ta’ orjentazzjoni sesswali differenti, u għall-inklużjoni tagħhom”;
B. billi l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali jiġi mħares kull sena fil-21 ta’ Marzu b’reazzjoni għall-qtil ta’ 69 dimostrant kontra l-apartheid fl-Afrika t’Isfel fl-1960;
C. billi huwa essenzjali li jiġu mfakkra l-massakri bbażati fuq razziżmu u ksenofobija li seħħew fl-istorja tal-Ewropa u li tinżamm ħajja l-memorja tagħhom;
D. billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri komuni tar-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u hija appoġġata minn aktar promozzjoni tat-tolleranza;
E. billi r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija, it-transfobija u l-forom ta’ intolleranza relatati jinvolvu twemmin, preġudizzji u attitudnijiet li jilleġittimizzaw id-diskrimiinazzjoni, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u l-mibegħda fuq il-bażi ta’ ċerti raġunijiet, fosthom karatteristiċi u l-istatus soċjali;
F. billi, minkejja li l-Istati Membri kollha introduċew il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fis-sistemi legali tagħhom sabiex jippromwovu l-ugwaljanza għal kulħadd, id-diskriminazzjoni u r-reati ta’ mibegħda – jiġifieri l-vjolenza u r-reati li jirriżultaw mir-razziżmu, il-ksenofobija, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-anti-Semitiżmu jew l-intolleranza reliġjuża, jew mill-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, l-identità tal-ġeneru jew is-sħubija fi grupp ta' minoranza, jew abbażi tar-raġunijiet mhux eżawrjenti elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – qegħdin jiżdiedu fl-UE;
G. billi l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) irrappurtat li kull waħda minn erba’ persuni ta’ grupp ta’ minoranza esperjenzat reat ta’ natura razzjali u li sa 90 % tal-attakki jew it-theddid kollu esperjenzat mill-migranti jew minn membri ta’ gruppi etniċi ta’ minoranza, ma jiġux irrappurtati lill-pulizija; billi erba’ Stati Membri tal-UE biss jiġbru jew jippubblikaw data dwar ir-reati kontra r-Rom u tmienja biss jirreġistraw ir-reati motivati mill-orjentazzjoni sesswali (perċettibbli) tal-vittma;
H. billi huwa importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu passi biex jiġġieldu r-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta’ prevenzjoni bbażata fuq l-edukazzjoni, il-promozzjoni ta' kultura ta' rispett, aċċettanza u tolleranza u l-iżgurar li r-reati ta' mibegħda jiġu rrappurtati mill-vittmi, investigati mill-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u kkastigati mis-sistema ġudizzjarja;
I. billi l-kriżi ekonomika attwali hija ta’ sfida għall-prinċipju ta’ solidarjetà, u billi l-Istati Membri għandhom jibqgħu viġilanti fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika biex jipprevjenu t-tentazzjonijiet ta’ intolleranza u l-għoti ta’ ħtija lil min ma ħaqqux, li kulma jmur qed jiżdiedu;
J. billi l-UE adottat serje ta’ strumenti biex tiġġieled tali atti u diskriminazzjoni, notevolment id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjiegi), id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija), il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom u d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;
K. billi l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta’ trattament ugwali barra mill-impjieg irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza) ma ġietx adottata mill-Kunsill wara 5 snin ta’ dibattiti, minħabba l-oppożizzjoni qawwija ta’ xi Stati Membri;
L. billi l-Parlament b'mod ripetut talab lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex isaħħu l-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni li jirriżultaw mill-preġudizzju, bħalma huma r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija u t-transfobija;
M. billi l-Kummissjoni reċentement wissiet dwar diskors politiku razzist, estremist u populista, li jista' jwassal sabiex persuni li joperaw waħedhom iwettqu qtil indiskriminat hekk kif it-theddida ta' estremiżmu vjolenti qed tinfirex;
N. billi l-istati kollha li jipparteċipaw fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), inklużi l-Istati Membri kollha, irrikonoxxew li r-reati ta’ mibegħda, definiti bħala reati kriminali li jirriżultaw mill-preġudizzju, għandhom jiġi indirizzati permezz ta' leġiżlazzjoni kriminali u politiki mfassla speċifikament;
1. Jenfasizza li l-intolleranza u d-diskriminazzjoni ta’ kull tip m’għandhom qatt jiġu aċċettati fl-Unjoni Ewropea;
2. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-ġlieda tagħhom kontra r-reati ta’ mibegħda u l-attitudnijiet u l-imġiba diskriminatorji;
3. Jappella għal strateġija komprensiva għall-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda, il-vjolenza li tirriżulta mill-preġudizzju u d-diskriminazzjoni;
4. Jenfasizza l-importanza li kulħadd ikun konxju tad-drittijiet tiegħu f'termini ta' protezzjoni kontra r-reati ta' mibegħda, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex iħeġġu r-rappurtar ta' reati ta' mibegħda u ta' kull reat razzist u ksenofobiku, u jiżguraw protezzjoni adegwata għall-persuni li jirrappurtaw reati u għall-vittmi tal-kriminalità razzista u ksenofobika;
5. Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI, b’mod partikolari fir-rigward tal-espressjonijiet u l-atti ta’ anti-Semitiżmu, intolleranza reliġjuża, l-atteġġjament kontra ż-żingari, l-omofobija u t-transfobija;
6. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri japprovaw mingħajr iżjed dewmien id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza, li tirrappreżenta waħda mill-istrumenti ewlenin tal-UE għall-promozzjoni u l-garanzija tal-ugwaljanza ġenwina fl-UE u l-ġlieda kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni;
7. Jappella għal miżuri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ reviżjonijiet, monitoraġġ u appoġġ perjodiċi li jippermettu li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiżviluppaw u jimplimentaw politiki, programmi u azzjoni effettivi konformi mad-drittijiet tal-bniedem għall-inklużjoni tar-Rom, bl-użu ta’ fondi disponibbli, inklużi fondi tal-UE, filwaqt li jwettqu monitoraġġ strett tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament ;
8. Jappella għall-implimentazzjoni tat-talba ripetuta tal-Parlament għal pjan direzzjonali għall-ugwaljanza għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;
9. Jitlob lill-UE tiffirma l-UNCERD, ladarba l-Istati Membri kollha diġà rratifikawha;
10. Jappella għal miżuri li jiżguraw li l-istrumenti kollha rilevanti tal-liġi kriminali tal-UE, inkluża d-Deċiżjoni Qafas, jinkorporaw spettru usa’ ta’ sanzjonijiet iggradati, inklużi, fejn xieraq, pieni alternattivi bħal servizz komunitarju, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-kelma;
11. Jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà għall-promozzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u l-instigazzjoni ta’ reati ta’ mibegħda;
12. Jappella għal appoġġ għall-programmi ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, u għal aġenziji tal-UE xierqa, fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-prattiki diskriminatorji u r-reati ta' mibegħda;
13. Jitlob li tinġabar data usa’ u affidabbli dwar ir-reati ta’ mibegħda, jiġifieri li jiġu rreġistrati, tal-anqas, in-numru ta’ inċidenti rrappurtati mill-pubbliku u rreġistrati mill-awtoritajiet, l-għadd ta’ kundanni, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom dawn ir-reati nstabu li kienu diskriminatorji u l-pieni imposti, kif ukoll l-istħarriġ tal-vittimizzazzjoni tar-reati fir-rigward tan-natura u l-estent tar-reati mhux irrappurtati, l-esperjenzi tal-vittmi ta’ reat mal-infurzar tal-liġi, ir-raġunijiet li għalihom ma jkunx sar rapport u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fost il-vittmi tar-reati ta’ mibegħda;
14. Jitlob li jiġu implimentati mekkaniżmi bl-għan li r-reati ta’ mibegħda jsiru viżibbli fl-UE, ikun żgurat li r-reati li jirriżultaw mill-preġudizzju jkunu punibbli, u bħala tali jiġu rreġistrati kif xieraq u investigati b’mod effettiv, li l-awturi tal-ksur ikunu soġġetti għal prosekuzzjoni u kkastigati u li l-vittmi jiġu offruti assistenza, protezzjoni u kumpens adegwati, biex b'hekk il-vittmi tar-reati ta' mibegħda u x-xhieda jiġu inkoraġġiti jirrappurtaw l-inċidenti;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Pereżempju: “Making hate crime visible in the European Union: acknowledging victims’ rights’, http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra-2012_hate-crime.pdf
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(1) (“ir-Regolament REACH’),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(5) ('id-WFD'),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi(7),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma,
– wara li kkunsidra l-qafas kunċettwali tal-OECD għall-ittestjar u l-valutazzjoni tal-interferenti endokrinali,
– wara li kkunsidra l-abbozz tad-dokument ta’ gwida dwar linji gwida standardizzati għat-test tal-evalwazzjoni ta’ sustanzi kimiċi għall-interferenti endokrinali (2011),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-karta ta’ rieżami ddettaljat intitolat 'L-istat tax-xjenzi dwar l-iskrining il-ġdid in vitro u in vivo u l-metodi tal-ittestjar u l-punti tat-tmiem għall-evalwazzjoni tal-interferenti endokrinali',
– wara li kkunsidra l-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar “Blueprint għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa’,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar 'L-implimentazzjoni ta' “L-istrateġija tal-Komunità għall-interferenti endokrinali” – firxa ta’ sustanzi ssuspettati li jiddisturbaw is-sistemi tal-ormoni tal-bnedmin u tal-fawna salvaġġa“ (COM(1999)0706), (COM(2001)0262 u (SEC(2004)1372),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, 'Ir-Raba' Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' “L-istrateġija tal-Komunità għall-interferenti endokrinali” – firxa ta’ sustanzi ssuspettati li jiddisturbaw is-sistemi tal-ormoni tal-bnedmin u tal-fawna salvaġġa' (COM(1999)0706), (SEC(2011)1001),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għall-Ambjent u s-Saħħa u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ambjent u s-Saħħa (2004-2010), li, fost l-oħrajn, jirrikonoxxu l-ħtieġa li jitqies l-esponiment ikkombinat tas-sustanzi kimiċi fil-valutazzjonijiet tar-riskju,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-prinċipju tal-prekawzjoni (COM(2000)0001),
– wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku taż-ŻEE Nru 2/2012 'L-impatti tal-interferenti endokrinali fuq il-fawna salvaġġa, il-bnedmin u l-ambjenti tagħhom',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 1998 dwar il-kimiki li jinterferixxu mas-sistema endokrinali(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea'(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali – Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar(10),
– wara li kkunsidra d-dokument 'Study on the scientific evaluation of 12 substances in the context of the endocrine disruptor priority list of actions' (Studju dwar l-evalwazzjoni xjentifika ta' 12-il sustanza fil-kuntest ta' lista prijoritarja ta' azzjonijiet tal-interferenti endokrinali),
– wara li kkunsidra d-dokument 'Study of DHI Water and Environment on enhancing the endocrine disrupter priority list with a focus on low-production-volume chemicals' (L-istudju imwettaq minn DHI Water and Environment dwar it-titjib tal-lista prijoritarja tal-interferenti endokrinali b'attenzjoni fuq il-kimiki prodotti fi kwantità żgħira,
– wara li kkunsidra d-dokument 'State-of-the-art assessment of endocrine disrupters', (Valutazzjoni avvanzata tal-interferenti endokrinali), Numru tal-Kuntratt tal-Proġett 070307/2009/550687/SER/D3,
– wara li kkunsidra r-rapport 'The impacts of endocrine disrupters on wildlife, people and their environments' (L-impatti tal-interferenti endokrinali fuq il-fawna salvaġġa, il-bnedmin u l-ambjenti tagħhom), ta' Weybridge+15 (1996–2011) (ISSN 1725-2237),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE )63/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi,
– wara li kkunsidra d-definizzjoni tas-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi (IPCS)(11),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0027/2013),
A. billi l-problemi relatati mal-ormoni u l-mard fil-bnedmin żdiedu matul dawn l-aħħar għoxrin sena, inklużi l-kwalità mnaqqsa tal-isperma, il-bidu kmieni tal-pubertà, iż-żieda fl-inċidenza ta' organi sesswali deformati, iż-żieda fl-inċidenza ta' ċerti forom ta' kanċer u mard mataboliku; billi ċertu mard newroloġiku u newrodeġenerattiv, impatti fuq il-funzjonijiet tal-iżvilupp newroloġiku, is-sistema immunitarja jew l-epiġenetika, jistgħu jkunu marbuta mal-esponiment għas-sustanzi kimiċi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; billi jeħtieġ li ssir aktar riċerka biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-kawżi ta' dan it-tip ta' mard;
B. billi s-sustanzi kimiċi li qed jaġixxu bħala interferenti endokrinali jista' jkollhom effetti estroġeniċi jew antiestroġeniċi li jinterferixxu mal-funzjoni tas-sistema riproduttiva femminili, ibiddlu l-konċentrazzjonijiet tal-ormoni u ċ-ċikli mestrwali tan-nisa, kif ukoll il-fertilità tagħhom, jiffavorixxu l-iżvilupp tal-mard tal-utru, bħall-fibrojdi u l-endometrijosi, u jaffettwaw it-tkabbir tas-sider u l-produzzjoni tal-ħalib; billi dawn is-sustanzi ġew identifikati bħala fatturi ta’ riskju responsabbli għall-pubertà prematura fil-bniet, il-kanċer tas-sider, il-korriment u l-effett ħażin fuq il-fertilità jew l-infertilità;
C. billi numru dejjem jiżdied ta’ studji xjentifiċi ssuġġerew li s-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, partikolarment b’mod kombinat, għandhom rwol kemm f’mard kroniku bħall-kanċers relatati mal-ormoni, l-obeżità, id-dijabete, il-mard kardjovaskulari kif ukoll fi problemi riproduttivi;
D. billi issa hemm evidenza xjentifika sinifikanti li l-problemi relatati mal-ormoni f’organiżmi slavaġ – inklużi l-anormalitajiet riproduttivi, il-maskulinizzazzjoni ta' gastropodi, il-femminizzazzjoni ta’ ħut jew it-tnaqqis ta’ ħafna mill-popolazzjonijiet tal-molluski f'diversi partijiet tad-dinja – huma marbuta mal-impatt ta’ sustanzi kimiċi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;
E. billi hemm ħafna kawżi possibbli għall-frekwenza li dejjem qed tikber ta' problemi relatati mal-ormoni fil-bnedmin; billi issa hemm evidenza xjentifika sinifikanti li dawn huma kkawżati parzjalment mill-impatt tal-kimiki bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;
F. billi hemm diffikultajiet kbar biex tiġi ppruvata r-rabta każwali bejn l-esponiment għall-kimiki individwali u d-diżordni tal-bilanċ ormonali b'riskju ta' impatti fuq is-saħħa;
G. billi, fil-każ tal-kimiki bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, id-diffikultajiet biex tiġi ppruvata r-rabta każwali huma miżjuda minħabba numru ta' fatturi, bħal pereżempju li:
–
ikun għadda żmien twil bejn l-esponiment u l-effetti epiġenetiċi, u l-interferenti endokrinali jista’ jkollhom effett detrimentali wara diversi ġenerazzjonijiet;
–
ir-riskju ta' impatt negattiv ivarja fil-kobor fl-istadji differenti tal-iżvilupp, u ż-żminijiet kritiċi, pereżempju matul l-iżvilupp fetali, jistgħu jkunu qosra ħafna;
–
matul ħajjithom, il-persuni huma esposti għal numru kbir ta' kimiki f'taħlitiet kumplessi;
–
l-interferenti endokrinali jistgħu jinteraġixxu ma' xulxin u mas-sistema endokrinali tal-ġisem stess;
–
l-interferenti endokrinali jistgħu jaġixxu f'konċentrazzjonijiet estremament baxxi u b'hekk jikkawżaw effetti negattivi anke jekk id-doża tkun baxxa; meta r-relazzjoni bejn id-doża u r-rispons ma tkunx monotonika, id-diffikultà tal-previżjoni tiżdied aktar;
–
l-għarfien tagħna tas-sistemi endokrinali tal-bnedmin u l-annimali għadu limitat ħafna;
H. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha dispożizzjonijiet legali li jikkonċernaw l-interferenti endokrinali, iżda m’għandhiex il-kriterji biex tiddetermina jekk sustanza għandhiex titqies li għandha proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, u dan jimmina l-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet legali; billi għandha tiġi stabbilita skeda ta’ żmien sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni mgħaġġla tal-kriterji futuri;
I. billi, fil-livell tal-UE, m’hemm l-ebda programm ta’ monitoraġġ koordinat jew kombinat iddedikat speċifikament għal interferenti endokrinali;
J. billi hemm ftit, jew xejn, koordinazzjoni fir-rigward tal-mod kif tinġabar, tiġi mmaniġġjata, ivvalutata u rrapportata d-data fil-programmi differenti ta’ monitoraġġ;
K. billi, attwalment, mhuwiex legalment possibbli li jitqiesu l-effetti ta' kombinament bejn l-interferenti endokrinali rrilaxxati minn prodotti rregolati minn settijiet differenti ta' regolamenti;
L. billi r-rekwiżiti standard dwar id-data fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kimiki mhumiex biżżejjed biex jidentifikaw b’mod adegwat il-proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;
M. billi numru ta’ liġijiet tal-UE huma maħsuba biex jipproteġu liċ-ċittadini minn esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi; billi l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, madankollu, tivvaluta kull esponiment b’mod individwali u ma tipprevedix valutazzjoni integrata u komprensiva tal-effetti kumulattivi li tqis ir-rotot differenti ta’ esponiment jew it-tipi ta’ prodotti differenti;
1. Iqis, abbażi ta' valutazzjoni ġenerali tal-għarfien attwali, li l-prinċipju ta' prekawzjoni, skont l-Artikolu 192(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), jirrikjedi lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi jieħdu miżuri adegwati biex fejn ikun meħtieġ inaqqsu l-esponiment tal-bnedmin, fiż-żmien qasir u fit-tul, għall-interferenti endokrinali, filwaqt li jagħmlu ħafna aktar riċerka sabiex itejbu l-għarfien xjentifiku dwar l-impatt tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tal-bniedem;
2. Jirrimarka li l-prinċipju ta’ prekawzjoni japplika f’dinja ta’ inċertezza xjentifika, fejn riskju jista' jiġi karatterizzat biss abbażi ta' għarfien mhux perfett – li la jkun stabbilit u lanqas definittiv – iżda fejn huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;
3. Huwa tal-fehma li meta effetti negattivi tas-sustanzi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jistgħu jiġu preżunti b'mod raġonevoli, għandhom jiġu implimentati miżuri li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, minħabba l-potenzjal tas-sustanzi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali li jikkawżaw effetti dannużi jew irriversibbli, li n-nuqqas ta' għarfien preċiż, inkluża l-prova finali ta' rabtiet każwali, m'għandux jipprevjeni t-teħid ta' miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità;
4. Iqis li l-protezzjoni tan-nisa minn riskji potenzjali ta’ interferenti endokrinali għas-saħħa riproduttiva tagħhom hija ta’ importanza kbira; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-finanzjament għar-riċerka għall-istudju tal-effetti tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tan-nisa, u tappoġġja l-istudji fit-tul li jimmonitorjaw is-saħħa tan-nisa fuq perjodi twal tal-ħajja tagħhom biex b'hekk tkun tista’ issir valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-effetti fit-tul u li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra tal-esponiment għall-interferenti endokrinali;
5. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tissottometti, malajr kemm jista' jkun, proposti għal kriterji globali bbażati fuq id-definizzjoni tal-interferenti endokrinali żviluppata mill-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO/IPCS), flimkien ma' rekwiżiti ta' ttestjar u informazzjoni għall-kimiki fis-suq kummerjċali, u jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun ċara dwar dak li hu meqjus bħala sustanza bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; huwa favur l-introduzzjoni ta' “interferent endokrinali’ bħala klassi regolatorju, b’kategoriji differenti bbażati fuq il-qawwa tal-evidenza;
6. Jenfasizza li huwa essenzjali li l-kriterji għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jkunu bbażati fuq valutazzjoni komprensiva tal-periklu mwettqa abbażi ta' xjenza avvanzata, b'kunsiderazzjoni tal-effetti ta' kombinament potenzjali kif ukoll l-effetti fit-tul u l-effetti matul fażijiet kritiċi ta' żvilupp; il-valutazzjoni tal-periklu għandha mbagħad tintuża fil-valutazzjoni tar-riskju u fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju kif preskritt f'diversi leġiżlazzjonijiet rilevanti;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu aktar azzjoni fil-qasam tal-politika dwar is-sustanzi kimiċi u tintensifika r-riċerka li tipprevedi kemm il-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ interferenza mas-sistema endokrinali ta’ sustanzi kimiċi individwali kif ukoll il-possibbiltà li jiġi vvalutat l-impatt kumulattiv ta’ kombinamenti identifikati ta’ sustanzi fuq is-sistema endokrinali;
8. Huwa tal-fehma li l-kriterji għad-definizzjoni tal-interferenti endokrinali għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jiddefinixxu 'effett negattiv' u 'mod ta' azzjoni endokrinali'; id-definizzjoni tad-WHO/IPCS hija l-bażi xierqa għal dak l-għan; iqis li kemm l-'effett negattiv' kif ukoll il-'mod ta' azzjoni endokrinali' jridu jiġu eżaminati u kkunsidrati b'mod parallel f'valutazzjoni komprensiva; iqis li l-effetti osservati għandhom jitqiesu bħala dannużi jekk ikun hemm data xjentifika li tindika dan; jenfasizza li għandu jitqies kull effett possibbli ta' kombinament, bħall-effetti ta’ taħlitiet jew l-effetti “cocktail”;
9. Jenfasizza li l-kriterji li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi interferent endokrinali jridu jkunu bbażati fuq ix-xjenza u orizzontali; iqis li għandu jintuża approċċ ibbażat fuq l-evidenza u li l-ebda kriterju uniku m'għandu jitqies bħala punt ta' limitu jew deċiżiv għall-identifikazzjoni ta' interferent endokrinali; iqis li mbagħad għandha titwettaq valutazzjoni soċjoekonomika skont il-leġiżlazzjoni rilevanti;
10. Huwa tal-opinjoni li għandhom jitqiesu d-data u l-informazzjoni xjentifika kollha evalwata bejn il-pari, inkluż rieżami tal-letteratura xjentifika u l-istudji mhux GLP, skont is-setgħat u d-dgħufijiet tagħhom, meta ssir il-valutazzjoni dwar jekk sustanza għandhiex proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jew le; iqis ukoll li huwa importanti li jitqiesu l-metodi moderni u r-riċerka aġġornata;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-UE rekwiżiti tal-ittestjar xierqa għall-identifikazzjoni tas-sustanzi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; iqis li l-metodi ta' ttestjar l-aktar ivvalidati riċentament u rikonoxxuti internazzjonalment – bħal dawk żviluppati mill-OECD, il-Laboratorju ta' Referenza għall-Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali tal-Unjoni Ewropea (EURL ECVAM) jew il-Programm tal-Iskrining tal-Interferenti Endokrinali tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA) – iridu jiġu implimentati; jinnota li l-programm tal-OECD tal-metodi tal-ittestjar ikopri l-ormoni tas-sess u l-ormoni tat-tirojde kif ukoll l-isterojdoġenesi; jindika, min-naħa l-oħra, li m'hemm l-ebda test għal ħafna oqsma oħra tas-sistema endokrinali, pereżempju, l-insulina u l-ormoni tat-tkabbir; iqis li għandhom jiġu żviluppati metodi tal-ittestjar u dokumenti ta' gwida sabiex jikkunsidraw aħjar l-interferenti endokrinali, effetti possibbli ta' doża baxxa, effetti ta' kombinament u relazzjonijiet mhux monotoniċi bejn id-doża u r-rispons, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fażijiet kritiċi ta’ esponiment matul l-iżvilupp;
12. L-iżvilupp tal-metodi tal-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali għandu jkun promoss biex tiġi prodotta data ta’ sikurezza rilevanti għall-bniedem u biex jiġu sostitwiti l-istudji fuq l-annimali użati attwalment.
13. Jemmen li l-użu ta’ metodi tal-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali u strateġiji oħrajn tal-valutazzjoni tar-riskju għandhom jiġu promossi, u li l-ittestjar fuq l-annimali għandu jitnaqqas u t-testijiet fuq il-vertebrati għandhom isiru biss meta ma jkunx hemm għażla oħra; ifakkar li, skont id-Direttiva 2010/63/UE, it-testijiet fuq annimali vertebrati jridu jiġu sostitwiti, ristretti jew irfinuti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli sabiex jiġi evitat l-ittestjar doppju u d-duplikazzjoni tat-testijiet u l-istudji fuq il-vertebrati għandhom jiġu pprojbiti;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri ta’ problemi fis-saħħa riproduttiva sabiex jimlew il-lakuna eżistenti fid-data fil-livell tal-UE;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw data affidabbli dwar l-impatti soċjoekonomiċi ta’ problemi u mard relatati mal-ormoni;
16. Iqis li għandu jkun possibbli għall-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jindirizzaw sustanzi b’mekkaniżmi ta’ azzjoni u proprjetajiet identiċi fuq bażi ta’ grupp meta tkun disponibbli biżżejjed data, filwaqt li meta ma tkunx disponibbli biżżejjed data jista' jkun utli li s-sustanzi jiġu raggruppati abbażi ta' similarità strutturali, pereżempju bl-għan li jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-ittestjar addizzjonali, il-pubbliku jiġu pprovdut malajr kemm jista’ jkun bil-protezzjoni mill-effetti ta' esponiment għall-interferenti endokrinali u n-numru tal-esperimenti fuq l-annimali jiġi ristrett; huwa tal-fehma li r-raggruppament tal-kimiki b'similarità strutturali għandu jiġi applikat jekk il-manifattur jew l-importatur ma jkunx jista' jagħti prova tas-sikurezza ta' kimika li tkun sodisfaċenti għall-korpi rilevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet; jirrimarka li, f'dawn il-każijiet, dawn il-korpi jistgħu jużaw informazzjoni minn kimiki li għandhom struttura simili biex jikkumplimentaw id-data disponibbli dwar kimika partikolari li qed tiġi kkunsidrata mill-korpi sabiex jaslu għall-konklużjonijiet dwar liema passi sussegwenti jeħtieġu jieħdu;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija tagħha tal-UE dwar l-interferenti endokrinali sabiex twassal protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bniedem billi tpoġġi enfasi akbar fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta' proporzjonalità, u tnaqqas l-esponiment tal-bniedem għall-interferenti endokrinali fejn ikun meħtieġ;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw iktar il-fatt li l-konsumaturi jeħtieġ ikollhom informazzjoni affidabbli – ippreżentata b'mod xieraq u b'lingwa li jistgħu jifhmu – dwar il-perikli tal-interferenti endokrinali, l-effetti tagħhom, u modi possibbli ta' kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq skeda ta’ żmien konkreta għall-applikazzjoni tal-kriterji futuri u r-rekwiżiti tal-ittestjar immodifikati għal interferenti endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti, inklużi rieżamijiet tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi użati fil-pestiċidi u l-bijoċidi, u pjan direzzjonali b’azzjonijiet u miri speċifiċi biex jitnaqqas l-esponiment għal interferenti endokrinali;
20. Iqis li l-bażi tad-data dwar is-sustanzi attivi ormonali, żviluppata bħala parti mill-istrateġija attwali, għandha tiġi kontinwament aġġornata;
21. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rieżami attwali tagħha tal-Istrateġija tal-Komunità tal-1999 dwar l-interferenti endokrinali, twettaq eżami sistematiku tal-leġiżlazzjoni attwali rilevanti u, fejn neċessarju mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2015, temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti jew tressaq proposti leġiżlattivi ġodda, inklużi valutazzjonijiet tal-periklu u tar-riskju, sabiex tnaqqas l-esponiment tal-bniedem – b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħal nisa tqal, trabi, tfal u żgħażagħ – għall-interferenti endokrinali kif xieraq;
22. Jistieden lill-Kummissjoni, meta twettaq ir-rieżami futur tagħha tal-istrateġija tal-UE dwar l-interferenti endokrinali, tistabbilixxi skeda preċiża, li tispeċifika stadji intermedji, għall-iskop ta':
–
applikazzjoni tal-kriterji futuri għall-identifikazzjoni ta’ prodotti kimiċi li jkunu potenzjalment interferenti endokrinali;
pubblikazzjoni ta’ lista aġġornata b'mod regolari b’interferenti endokrinali ta’ prijorità, li l-ewwel verżjoni tagħha għandha tiġi ppubblikata sal-20 ta’ Diċembru 2014;
–
azzjonijiet kollha meħtieġa biex jitnaqqas l-esponiment tal-popolazzjoni u l-ambjent tal-UE għall-interferenti endokrinali.
23. Huwa tal-opinjoni li l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala Sustanzi ta' Tħassib Kbir Ħafna fi ħdan it-tifsira tar-Regolament Reach, jew l-ekwivalenti skont leġiżlazzjoni oħra;
24. Jenfasizza li x-xjenza attwali ma tipprovdix biżżejjed bażi għall-istabbiliment ta' valur ta' limitu li taħtu ma jseħħux effetti negattivi, u għalhekk l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala sustanzi 'li m'għandhomx limitu minimu', u li kull esponiment għal tali sustanzi jista' jinvolvi riskju, sakemm il-manifattur ma jagħtix prova xjentifika li jista' jiġi identifikat limitu, b'kunsiderazzjoni ta' sensittivitajiet li jiżdiedu matul fażijiet kritiċi tal-iżvilupp, u l-effetti ta' taħlitiet;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti ta' riċerka mmirati għal sustanzi li x'aktarx jaffettwaw is-sistema endokrinali u tagħmel enfasi dwar l-effetti negattivi b’doża baxxa jew permezz ta’ esponiment kombinat, inkluż l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' ttestjar u analiżi, kif ukoll tappoġġa l-bidla ġdida bbażata fuq mogħdijiet tat-tossiċità/mogħdijiet ta’ riżultati negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-interferenti endokrinali, l-effetti ta' kombinament tagħhom, u suġġetti relatati fil-prijoritajiet tal-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji in vitro u in silico sabiex jiġi mminimizzat l-ittestjar fuq l-annimali għall-iskrining tal-interferenti endokrinali;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tesiġi li l-prodotti kollha impurtati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali u tal-futur dwar l-interferenti endokrinali;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet rilevanti kollha fl-isforzi ta' kooperazzjoni biex jintroduċu bidliet leġiżlattivi neċessarji, sabiex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mis-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, u jippjanaw kampanji ta’ informazzjoni;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġi stabbilit ċentru ta’ riċerka għall-interferenti endokrinali li għandu jwettaq riċerka u jikkoordina l-għarfien dwar l-interferenti endokrinali fil-livell tal-UE;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni attwali u futura rilevanti kollha tapplika b'mod orizzontali l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali magħrufa, probabbli u potenzjali sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni;
31. Jenfasizza li filwaqt li din ir-riżoluzzjoni hija limitata għall-indirizzar tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem minn interferenti endokrinali, huwa daqstant importanti li tittieħed azzjoni deċiżiva dwar l-interferenti endokrinali għall-ħarsien tal-organiżmi slavaġ u l-ambjent;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffinanzja programmi għall-informazzjoni pubblika dwar ir-riskji fuq is-saħħa ta’ interferenti endokrinali, sabiex tippermetti lill-konsumaturi, b’għarfien sħiħ dwar il-fatti, li jadattaw l-imġiba u l-istil ta’ ħajja tagħhom; dawn il-programmi ta’ informazzjoni għandhom, b'mod partikolari, jiffukaw fuq il-gruppi l-iktar vulnerabbli (nisa tqal u tfal), sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni f’ħin tajjeb;
33. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-programmi ta’ taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa f’dan il-qasam;
34. Jilqa’ l-inklużjoni tas-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali (EDCs) fost il-kwistjonijiet ta’ politika emerġenti ġestiti fil-qafas politiku tal-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw dawn l-attivitajiet tas-SAICM, u jippromwovu politiki attivi sabiex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem u tal-ambjent għall-EDCs fil-forums internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP).
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Definizzjoni mir-rapport tal-WHO/IPCS (2002): “Interferent endokrinali huwa sustanza jew taħlita eżoġena li tbiddel il-funzjoni(ijiet) tas-sistema endokrinali u konsegwentement tikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet.” Interferent endokrinali potenzjali huwa “sustanza jew taħlita eżoġena li tipposjedi proprjetajiet li jistgħu jkunu mistennija li jwasslu għal interferenza endokrinali f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet.” (http://www.who.int/ipcs/publications/en/ch1.pdf)
L-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali
307k
46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (2012/2131(INI))
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 15, 18, 20, 21, 34 tagħha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2012 bl-isem “Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE” (COM(2012)0153),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011 bl-isem “L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità” (COM(2011)0743),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2011 bl-isem “Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi” (COM(2011)0455),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bl-isem “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (COM(2012)0173),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Frar 2012 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi” (SOC/427),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-16 ta’ Frar 2012 dwar “L-Aġenda Ewropea rinnovata għall-Integrazzjoni”,
– wara li kkunsidra l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2012 dwar “Il-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE”(1),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Eurofound tal-2011 bl-isem “Promoting ethnic entrepreneurship in the European cities”,
– wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-20 ta’ Frar 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu 2007-2009 (COM(2011)0847),
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ sinteżi: Is-Sitt Laqgħa tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni: l-involviment tal-pajjiżi tal-oriġini fil-proċess tal-integrazzjoni (Brussell, id-9 u l-10 ta’ Novembru 2011),
– wara li kkunsidra l-istudju dwar l-integrazzjoni tal-migranti u l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol (il-Parlament Ewropew, 2011),
– wara li kkunsidra l-istudju: Rapport ta’ Sintesi EMN: is-sodisfar tad-domanda għax-xogħol permezz tal-migrazzjoni (il-Parlament Ewropew, 2011),
– wara li kkunsidra l-istudju “Gallup World Poll: the many faces of global migration’ (IOM u Gallup, 2011),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet tal-Eurofound “Quality of Life in Ethnically Diverse Neighbourhoods” (2011), “Working conditions of Nationals with a Foreign Background” (2011) u “Employment and Working Conditions of Migrant Workers” (2007),
– wara li kkunsidra r-riċerka tan-Netwerk Ewropew ta' Bliet għall-Politiki ta' Integrazzjoni Lokali għall-Migranti (CLIP) stabbilita bil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Belt ta' Stuttgart u l-Eurofound,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-4 ta' Mejju 2010 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar l-integrazzjoni bħala mutur tal-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2010 dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti (SOC/364),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Frar 2010 dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti (SOC/362),
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma “Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” adottat mill-Kunsill Ewropew (10 u 11 ta' Diċembru 2009),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja,(2)
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul,(3)
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru(4)
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (Direttiva tal-Karta l-Blu),(6)
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2007 dwar l-emigrazzjoni ċirkulari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (COM(2007)0248),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar strateġiji u mezzi għall-integrazzjoni ta’ immigranti fl-Unjoni Ewropea(9),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika(10),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Settembru 2005 bl-isem “Aġenda komuni għall-integrazzjoni – Qafas għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea” (COM(2005)0389),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2005 bl-isem “Il-Programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin – Il-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja” (COM(2005)0184),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tad-19 ta’ Novembru 2004 dwar l-istabbiliment ta' prinċipji bażiċi komuni għall-politika ta' integrazzjoni tal-immigranti fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(12),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(13),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom(14),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawżi C-214/94, C-112/75, C-110/73, C-247/96, C-300/84, C-237/83, C-60/93 u C-485/07,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48, 78, 79 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġusizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0040/2013),
A. billi l-popolazzjoni Ewropea fl-etajiet tax-xogħol se tonqos mill-2012 'il quddiem u, fl-assenza tal-migrazzjoni, se tinżel b’aktar minn 14-il miljun ruħ fl-10 snin li ġejjin; billi l-figuri rilevanti jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor;
B. billi fl-2011, 48.9 miljun ruħ residenti fis-27 Stat Membru kienu imwielda barra (9.7 % tat-total tal-popolazzjoni tal-UE), 16.5 miljun ġejjin minn Stat Membru ieħor tal-UE (3.3 %) u 32.4 miljun minn pajjiż barra mill-UE (6.4 %);
C. billi minkejja rata ta’ qgħad fl-UE ta’ madwar 10 % (jiġifieri 23.8 miljun ruħ qiegħda), din il-kriżi fir-riżorsi umani diġà hija evidenti se tkompli tikber fis-snin li ġejjin: pereżempju fl-2015, bejn 380 000 u 700 000 post tax-xogħol fl-IT li se jibqgħu battala; billi fost il-miżuri previsti sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta' ħaddiema speċjalizzati għandu jkun hemm edukazzjoni aħjar, taħriġ, politiki min-naħa tal-Istati Membri u tan-negozji għall-iżvilupp tal-ħiliet u għall-progress tal-karrieri, l-identifikazzjoni ta' gruppi mmirati ġodda u aċċess aħjar u ugwali għall-edukazzjoni ogħla għaċ-ċittadini tal-UE;
D. billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri li 70 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-immigranti huma meħtieġa għall-ekonomija Ewropea; billi n-numru ta' ċittadini li twieldu barra u ġejjin minn pajjiżi barra l-UE huwa stmat għal 32 miljun, li jikkorrispondi għal 6.5 % tal-popolazzjoni totali;
E. billi r-rata ta' qgħad taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'età bejn 20 u 64 sena fil-medja hija 10 % anqas mir-rata korrispondenti għaċ-ċittadini madwar l-UE, u barra minn hekk bosta migranti qed jaħdmu f’impjiegi li jirrikjedu inqas kwalifiki mil-livell li għandhom jew qegħdin f'sitwazzjonijiet prekarji, fenomenu li jista' jiġi miġġieled billi jitwessa' l-ambitu ta' ftehimiet kollettivi dwar ix-xogħol li jistgħu jiġu applikabbli universalment, fejn dawn jeżistu; billi d-domanda għal ħaddiema kwalifikati qiegħda tikber u se tikber b'rata ogħla minn dik għal ħaddiema b'anqas kwalifiki, iżda l-livell edukattiv medju ta' ċittadini minn pajjiżi terzi huwa anqas minn dak taċ-ċittadini tal-UE u ż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni huma f'periklu akbar li jispiċċaw is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jkunu kisbu kwalifika ta' livell ta' edukazzjoni sekondarja ogħla;
F. billi l-UE, filwaqt li tista’ tistenna li tirċievi fluss sostnut ta’ migranti, jeħtiġilha tikkompeti mal-bqija tad-dinja biex tattira u żżomm it-talent; billi t-tibdil demografiku u l-kompetizzjoni globali dejjem tikber ifissru li l-UE jeħtiġilha tindirizza l-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta' deterrent għal tali migrazzjoni, kif ukoll tippromwovi l-innovazzjoni soċjali;
G. billi hemm possibilità akbar li soċjetajiet varjati, miftuħa u tolleranti jattiraw ħaddiema kwalifikati li għandhom il-kapital uman u kreattiv meħtieġ sabiex isostnu l-ekomomiji bbażati fuq l-għarfien, u l-għalhekk l-attrazzjoni tal-Ewropa tiddependi wkoll minn approċċ attiv għall-impjiegi, l-għoti ta' aċċess ugwali għall-impjiegi, il-prospett ta' integrazzjoni reali, aċċess ugwali għall-impjiegi u l-edukazzjoni u n-nondiskriminazzjoni fil-konfront tagħhom, kif ukoll ugwaljanza u suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni fil-kuntest ta' ''kultura li tilqgħek'' kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli amministrattivi;
H. billi l-isterjotipi tal-ġeneru għandhom għeruq aktar fondi fil-komunitajiet tal-immigranti u l-migranti nisa huma vittmi iktar ta’ spiss tat-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa, b’mod partikolari ż-żwiġijiet furzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-hekk imsejħa 'delitti tal-unur', it-trattament ħażin f'relazzjonijiet mill-qrib, il-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll it-traffikar u l-isfruttament sesswali;
I. billi ċ-ċifri tal-Gallup World Poll 2011 juru li madwar id-dinja l-għadd ta’ migranti potenzjali li jippreferu jaħdmu f'pajjiż barrani għal żmien limitat huwa d-doppju tal-għadd ta’ dawk li jgħidu li jippreferu jemigraw għal dejjem;
J. billi x-xogħol huwa l-element determinanti għall-integrazzjoni b'suċċess, u l-Prinċipji tal-UE fil-qasam tal-Integrazzjoni jenfasizzaw li impjieg jew impjieg indipendenti ta' kwalità, sostenibbli u bi qligħ huwa parti ewlenija mill-proċess ta' integrazzjoni billi jaqdi rwol ċentrali għall-parteċipazzjoni tal-immigranti, għall-kontribut li l-immigranti jagħtu lis-soċjetà ospitanti u għall-viżibbiltà ta' tali kontributi;
K. billi huwa stmat li fl-UE hawn jgħixu u jaħdmu f'sitwazzjoni irregolari bejn 1.9 miljun u 3.8 miljun immigrant;
L. billi, mill-2000 'l hawn, madwar kwart tal-postijiet tax-xogħol ġodda li nħolqu kienu possibbli permezz tal-kontribuzzjoni ta’ migranti; billi l-migranti kulma jmur qed jagħżlu dejjem aktar li jaħdmu għal rashom sabiex isibu mod kif jidħlu fis-suq tax-xogħol, imma b'hekk qegħdin ukoll jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji aktar ta' sikwit; billi l-imprendituri migranti u n-negozji etniċi għandhom rwol importanti fil-ħolqien tax-xogħol u jistgħu jaqdu funzjoni ta' mexxejja tal-komunità jew iservu ta' punti ta' kollegament għas-swieq globali u b'hekk jikkontribwixxu lejn integrazzjoni b'aktar suċċess; billi għaldaqstant, l-Istati Membri jeħtieġ li jqajmu kuxjenza fost dawn il-gruppi u jipprovdulhom aktar informazzjoni, pereżempju billi joħolqu websajt li sservi bħala punt ta' kuntatt waħdieni (one-stop-shop) għal imprendituri aspiranti li tipprovdi informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi, is-sussidji Ewropej u nazzjonali, u dwar l-organizzazzjonijiet u l-korpi li jipprovdu għajnuna fil-qasam tal-impjieg indipendenti;
M. billi l-istudenti minn sfond ta’ migrazzjoni għadhom żvantaġġati fis-sistema edukattiva u huma aktar fiċ-ċans li joħorġu mis-sistema mingħajr ma jkunu lestew l-istudji tagħhom;
N. billi l-burokrazija, in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki u n-nuqqas ta' opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet ifissru l-iżbilanċ bejn il-ħiliet u t-telf tal-imħuħ assoċjat huma ogħla fost l-immigranti milli fost iċ-ċittadini tal-pajjiż;
O. billi l-globalizzazzjoni ekonomika timxi id f’id mal-globalizzazzjoni soċjali u billi dan għandu konsegwenzi sinifikanti għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali esterna għaċ-ċittadini tal-UE u ta’ pajjiżi terzi;
P. billi l-politiki tal-impjiegi u l-politika tal-viċinat imorru id f'id biex id-domanda tax-xogħol fis-swieq tax-xogħol Ewropej tiġi koperta aħjar;
Q. billi mhux se jkun possibbli li l-Istati Membri individwali jikkonkludu ftehimiet bilaterali u reċiproċi ma’ kull pajjiż terz dwar is-sigurtà soċjali, li kieku dan isir tirriżulta sistema frammentata bi trattament mhux ugwali bejn ċittadini tal-UE; billi, għaldaqstant, hija neċessarja azzjoni fil-livell Ewropew;
R. billi r-responsabbiltà fil-livell tal-UE għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol kif ukoll għall-integrazzjoni ġenerali huma kompitu fil-livell tal-UE li jaqsmuh bejniethom diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
S. billi jista' jkun hemm approċċ frammentat bl-istess mod fil-livell nazzjonali bejn dipartimenti u livelli ta' gvern differenti u aġenziji differenti, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' strateġiji għall-integrazzjoni fil-livell ta’ bażi;
T. billi l-migranti nisa jintlaqtu aktar ta' sikwit mill-qgħad, impjiegi b'pagi baxxi u l-iżbilanċ bejn il-ħiliet:
U. billi n-nisa migranti huma aktar spiss impjegati f’oqsma, bħal fis-settur tal-kura informali, li mhumiex rikonoxxuti minn uħud mis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, u billi konsegwentament m’għandhomx aċċess għal skema tal-pensjonijiet meta jirtiraw u għalhekk huma esposti għall-faqar meta jkunu anzjani;
V. billi proporzjon kbir tal-istudenti minn pajjiżi terzi fl-UE ma jaħdmux fl-UE wara li jtemmu l-istudji tagħhom;
W. billi dawk minn sfond ta’ migrazzjoni spiss ibatu minn prestazzjoni ta' livell baxx fl-iskola, esklużjoni soċjali, inklużi problemi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol, razziżmu, ksenofobija u diskriminazzjoni, li kollha jikkostitwixxu fatturi li jimpedixxu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
1. Jenfasizza li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà teħtieġ impenn miż-żewġ naħat; min-naħa, b'mod partikolari, fir-rigward tat-tagħlim tal-lingwa, il-familjarità ma' sistemi legali, politiċi u soċjali u r-rispett fil-konfront tagħhom, id-drawwiet u l-użanzi, u t-tendenzi tal-interazzjoni soċjali fil-pajjiż ospitanti, u min-naħa l-oħra permezz tal-bini ta' soċjetà inklużiva, l-għoti ta' aċċess għas-suq tax-xogħol, l-istituzzjonijiet, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, aċċess għal prodotti u servizzi u akkomodazzjoni, u d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku; jenfasizza, kif xieraq, li l-istituzzjonijiet edukattivi, reliġjużi, soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-komunità u tal-migranti u l-assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali, il-forzi armati, is-sħab soċjali, b'mod partikolari t-trade unions, in-negozji u l-aġenziji ta' reklutaġġ għandhom responsabilità sinifikanti f'dan il-kuntest, filwaqt li jfakkar li kull attur għandu potenzjal differenti fil-proċess ta' integrazzjoni;
2. Jemmen li l-impenn reċiproku għall-integrazzjoni jista’ jakkwista biss l-aktar appoġġ mifrux possibbli fi ħdan is-soċjetà jekk ikun jista’ jiġi integrat b’suċċess u jekk l-Istati Membri jiddiskutu l-kwistjoni mal-pubbliku b’mod attiv u miftuħ u joffru modi kredibbli kif jiġu sodisfatti l-isfidi ppreżentati minnha fil-preżent;
3. Jirrimarka li l-integrazzjoni hija proċess kontinwu minn żewġ naħat li jeħtieġ l-involviment kemm ta’ ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u s-soċjetà ospitanti; jilqa’ d-diversi eżempji ta’ prattika tajba madwar l-UE tal-integrazzjoni tal-migranti, tal-persuni li jfittxu asil u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li spiss ġew attwati permezz ta’ proġetti li twettqu minn awtoritajiet lokali, li għandhom rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi ta’ integrazzjoni;
4. Jinnota li l-integrazzjoni tibda bl-aktar mod effikaċi f'komunitajiet lokali; jitlob għalhekk l-appoġġ tal-UE għall-ħolqien ta’ netwerk għall-integrazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinvolvi l-korpi kollha tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-livell lokali, f’konformità mal-prinċipju ta’ approċċ “minn isfel għal fuq’ u possibilment fuq l-eżempju tal-proġetti CLIP(15), ERLAIM(16), ROUTES, City2City u EUROCITIES; jenfasizza li l-bliet żgħar u kbar għandhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward u jixirqilhom appoġġ partikolari;
5. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu bis-sħiħ kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward ta' ċittadini minn pajjiżi terzi u ċittadini oħra tal-UE, b'mod partikolari d-diskriminazzjoni formali u informali fit-tiftix tax-xogħol u fuq il-post tax-xogħol; huwa tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni soda biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u r-razzismu fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-figuri ogħla ta' qgħad li ġabet magħha; jenfasizza li min iħaddem huwa obbligat bil-liġi li jittratta lill-impjegati kollha ndaqs u li ma jwettaqx diskriminazzjoni bejniethom għal raġunijiet ta' reliġjon, ġeneru, etniċità jew nazzjonalità, biex b'hekk jiġu promossi d-drittijiet fundamentali, filwaqt li n-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs huma parti kruċjali tal-proċess ta' integrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta' rimunerazzjoni u d-drittijiet fil-qafas ta' ftehimiet kollettivi jitħarsu fil-pajjiżi ospitanti fil-każ tal-migranti wkoll; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw konformità effikaċi sabiex jiġi miġġieled id-dumping soċjali u fil-pagi, jadotttaw linji gwida komuni dwar l-indirizzar tad-diskriminazzjoni relatata max-xogħol u miżuri sabiex jittaffa l-impatt negattiv li s-sistema leġiżlattiva jista' jkollha fuq il-ħajja tal-migranti, u biex jingħata appoġġ lil politiki ta' attivazzjoni li jistgħu jwasslu għal tkabbir aktar mgħaġġel u jnaqqsu l-inugwaljanzi u d-differenzi fil-pagi;
6. Jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar il-politiki tal-migrazzjoni fir-rigward tax-xogħol sabiex jindirizzaw l-iskarsezzi fil-qasam tax-xogħol u bil-ħsieb li jistimolaw il-produzzjoni nazzjonali;
7. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar, permezz tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u monitoraġġ aktar mill-qrib tal-progress li jkun sar, l-isforzi tal-pajjiżi tat-tkabbir sabiex itejbu l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom, filwaqt li tingħata aktar attenzjoni għas-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfajliet Rom;
8. Huwa tal-fehma li l-politiki u miżuri tal-integrazzjoni tal-Istati Membri jeħtieġ li jkunu aktar differenzjati, imfassla apposta u ta’ kwalità aħjar u, l-aktar importanti, li jeħtiġilhom jagħmlu distinzjonijiet pereżempju bejn il-ħtiġijiet ta' dawk bi kwalifiki tajbin u dawk bi kwalifiki baxxi, bejn ċittadini tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi u bejn migranti b’offerti ta’ impjieg, b'ħiliet lingwistiċi jew b'rabtiet familjari fil-pajjiż ospitanti u oħrajn mingħajr offerti ta’ impjieg, ħiliet lingwistiċi jew rabtiet familjari fil-pajjiż ospitanti, biex b'hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-migranti kollha; ifakkar li l-parteċipazzjoni tiddependi fuq id-disponibilità u l-aċċessibilità finanzjarja ta' tali miżuri, kif ukoll fuq id-dritt sabiex wieħed ikun akkumpanjat mill-familja l-aktar stretta u d-dritt għax-xogħol għal partners fissi;
9. Ifakkar li madwar nofs il-migranti tal-UE huma nisa, u li status migratorju indipendenti għan-nisa u d-dritt għax-xogħol għall-konjuġi huma elementi kruċjali sabiex tiġi żgurata integrazzjoni effikaċi;
10. Jitlob, għalhekk, li fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew jiġi adottat approċċ olistiku li jixbah dak tal-integrazzjoni tal-ġeneru; jitlob li jiġi introdott il-prinċipju tal-“integration mainstreaming”, fejn jittieħed kont tal-kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni fil-miżuri politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji kollha, u għal dan il-għan jistieden lill-Istati Membri sabiex jitolbu lill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni sabiex jirrapurtaw il-progress li jsir f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni barra minn hekk, twaqqaf grupp ta' integrazzjoni trasversali bejn dipartimenti differenti li jittratta kwistjonijiet tal-integrazzjoni, il-migrazzjoni (għax-xogħol) u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u li f’dan jinkludi d-direttorati ġenerali kollha rilevanti, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-partijiet interessati rilevanti;
11. Jilqa’ l-ħolqien ta’ Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni li jipprovdi pjattaforma għas-soċjetà ċivili biex tiddiskuti l-isfidi u l-prijoritajiet fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ integrazzjoni ta’ migranti; jilqa’ l-possibilità ta’ konnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn il-Forum u l-proċess politiku u leġiżlattiv li għaddej fil-livell tal-UE;
12. Iqis li integrazzjoni b'suċċess tinvolvi wkoll parteċipazzjoni fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u li, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-migranti fis-soċjetà għandha tiġi promossa; jappoġġa, għalhekk, żieda fil-possibilitajiet ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà u ta’ parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi għall-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, kif ukoll jinkoraġġihom japproffitaw minn tali opportunitajiet;
13. Ifakkar fl-importanza tad-drittijiet tal-vot, partikolarment fil-livell lokali għall-migranti, bħala għodda importanti għall-integrazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanza politika tal-minoritajiet fil-livelli kollha tal-governanza, inkluż fil-livell tal-Istati Membri u fil-Parlament Ewropew;
14. Jenfasizza li huwa importanti li jiġi rikonoxxut li identitajiet kulturali qawwija m'għandhomx għalfejn inaqqsu mis-saħħa ta' identità nazzjonali u li l-identità nazzjonali trid tkun miftuħa u flessibbli biżżejjed biex tinkorpora u takkomoda l-karatteristiċi speċifiċi tal-oriġini u l-isfondi kulturali differenti taċ-ċittadini li jiffurmaw stat pluralistiku;
15. Jissottolinja r-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-oriġini rigward il-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol billi joffru korsijiet tat-tagħlim tal-lingwa u ta’ tħejjija li jkunu aċċessibbli finanzjarjament, jiżguraw il-forniment ta' informazzjoni, jimmonitorjaw aġenziji ta' reklutaġġ sabiex jiżguraw imġiba responsabbli min-naħa tagħhom, u jżommu kuntatti mad-diaspora jew mad-dipartimenti rilevanti fl-ambaxxati tagħhom fil-pajjiżi ospitanti; iħeġġeġ lill-pajjiżi ta' oriġini sabiex kif xieraq jiżviluppaw ulterjorment programmi f'dan ir-rigward;
16. Jappella sabiex il-programmi lingwistiċi u ta' integrazzjoni fil-pajjiżi ospitanti, irrispettivament mill-isfond kulturali, il-ħiliet jew il-qasam ta' għarfien professjonali espert tal-immigrant, ikunu jkopru l-istorja, il-kultura, il-valuri u l-prinċipji tad-demokrazija Ewropea, l-istat ta' dritt u l-memorja Ewropea, filwaqt li jiġu enfasizzati d-drittijiet u l-prinċipji l-oħra li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru b'għeruq profondi ħafna;
17. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol speċjali li l-migranti nisa jaqdu fl-integrazzjoni, billi mhux biss sempliċement joffru potenzjal kbir għas-suq tax-xogħol u ħafna drabi jaqdu rwol importanti fl-edukazzjoni tat-tfal u fit-trażmissjoni tal-istandards u l-valuri, iżda wkoll għax huma dawk li jintlaqtu l-aktar ta' sikwit mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jikkonsolidaw b'mod sinifikanti l-pożizzjoni ġuridika u soċjali tan-nisa, bil-ħsieb li ssir prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fil-firxa sħiħa ta' oqsma tal-politika u jiġi utilizzat il-kontribut potenzjali tan-nisa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod partikolari;
18. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ edukazzjoni u komunikazzjoni sabiex in-nisa migranti jkunu infurmati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, u biex jistabbilixxu servizzi ta’ konsulenza b’diversi lingwi għan-nisa;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw mill-qrib ma’ netwerks u ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati man-nisa migranti, sabiex jiżviluppaw politiki sensittivi għall-ġeneru u jintegraw il-kunċett ta' ugwaljanza bejn il-ġeneru għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa migranti, jipprovdu opportunitajiet ugwali fil-qasam tal-impjiegi u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, filwaqt li jiżguraw drittijiet indaqs, u biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-tipi kollha ta' vjolenza, l-isfruttament fil-qasam tax-xogħol u sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-prattiki inġusti, il-ħtif, l-iskavitù, iż-żwieġ furzat u t-traffikar tan-nisa;
20. Jenfasizza li n-nuqqas ta' forza tax-xogħol kwalifikata tista' tiġi indirizzata wkoll permezz ta' edukazzjoni mmirata u taħriġ vokazzjonali u tul il-ħajja fl-Istati Membri, anke fi ħdan in-negozji; jipproponi għal dan il-għan l-espansjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-programm tal-UE għall-edukazzjoni tul il-ħajja u l-mobbiltà; jenfasizza, barra minn hekk, li riżultati ħżiena u rati għolja ta' tluq bikri mill-edukazzjoni li jaffettwaw it-tfal ta' ħaddiema migranti għandhom jiġu indirizzati billi jiġu żgurati d-dritt għall-edukazzjoni ta' persuni taħt l-età, miżuri, inklużi l-finanzjament, għotjiet għal skopijiet ta' studju, opportunitajiet ta' tagħlim vokazzjonali u l-għoti ta' informazzjoni dwar is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri u d-drittijiet u l-obbligi assoċjati f'numru kemm jista' jkun kbir ta' lingwi; ifakkar fis-suċċess tas-sistema edukattiva doppja / sistema ta' taħriġ doppja li tintuża f'uħud mill-Istati Membri sabiex tgħin lil migranti żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ; iqis neċessarju li l-persunal edukattiv jitħarreġ fil-qasam tal-ġestjoni tad-diversità u jiġu kkunsidrati mezzi kif jiġu ingaġġati migranti għal postijiet ta' xogħol fis-settur pubbliku, partikolarment bħala għalliema; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu imprendituri etniċi u jirrikonoxxi r-rwol importanti tagħhom fl-integrazzjoni, il-ħolqien tax-xogħol u t-tmexxija tal-komunità;
21. Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-istudenti barranin dwar opportunitajiet ta' xogħol wara li jiggradwaw u biex jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom, filwaqt li jfakkar li dawn ladarba jkunu għexu u studjaw f'pajjiż u jkollhom għarfien tal-lingwa tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati li diġà integraw; jirrimarka, barra minn hekk, li ma jagħmel l-ebda sens ekonomiku għall-UE li r-riżorsi investiti fi gradwati universitarji jinħlew minħabba li dawn ma jkunux jistgħu jsibu xogħol fl-Unjoni; jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri jtejbu l-valutazzjoni tagħhom tad-domanda għax-xogħol u joħolqu opportunitajiet ġusti għall-kompetizzjoni tax-xogħol għall-ħaddiema migranti li jkunu temmew l-istudji tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE;
22. Ifakkar li l-pajjiżi ġirien tal-UE huma fost l-atturi prinċipali li jipprovdu persuni li jfittxu impjieg fis-swieq tax-xogħol Ewropej u jikkostitwixxu riżors reali għall-iżvilupp ta' dawn tal-aħħar, u li x-xebh rigward il-programmi edukattivi, l-isfond storiku u l-lingwi jirrappreżenta riżors validu għall-integrazzjoni tagħhom;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibilità li tfassal u tintroduċi sistema ta' dħul komuni Ewropea u bbażata fuq kriterji, mibnija fuq kriterji trasparenti u konformi mal-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta' krediti, li tkun miftuħa għall-Istati Membri fuq bażi volontarja; jafferma li għandu jkun possibbli li sistema ta’ dan it-tip tiġi aġġustata għall-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol b’tali mod li ħaddiema li jkunu meħtieġa b’urġenza jiġu attirati b’aktar faċilità;
24. Jenfasizza li l-prinċipju ta' paga ndaqs u kundizzjonijiet tax-xogħol indaqs għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol irid japplika għall-ħaddiema kkwalifikati li jkunu ġejjin kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta mas-sistema ta’ punti msemmija hawn fuq, tikkunsidra li tiżviluppa pjattaforma internazzjonali fuq EURES għal profili standardizzati ta’ impjiegi u ħiliet, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta' krediti, biex b'hekk jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ migranti li jkunu qed ifittxu x-xogħol u l-komparabbiltà tal-kapaċitajiet, il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom;
26. Jissottolinja li l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema ta' dħul ibbażata fuq l-approċċ tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta' krediti, isiru aktar attraenti għal ċittadini kwalifikati ta’ pajjiżi terzi, li għalihom is-sistema tikkostitwixxi simplifikazzjoni;
27. Jenfasizza l-importanza ta’ migrazzjoni kwalifikata u orjentata lejn il-ħtiġijiet flimkien ma' miżuri ta' integrazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom, jintroduċu sistema konġunta ta’ koordinament fil-livell Ewropew biex jidentifikaw ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol u jidderieġu l-migrazzjoni għax-xogħol b’aktar effikaċja; jilqa' għaldaqstant il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjattaforma Ewropea għad-djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni għax-xogħol kif ukoll valutazzjoni sistematika u regolari tal-provvista u d-domanda fuq perjodu twil fis-swieq tax-xogħol tal-UE sal-2020, skont is-setturi, it-tip ta' impjiegi, il-livelli ta' kwalifiki u l-Istati Membri; jenfasizza li pjan bħal dan għandu jidentifika wkoll b'mod ċar l-iskarsezzi tal-forza tax-xogħol fl-UE fuq perjodu qasir u medju;
28. Jirrakkomanda li sistema bħal din għandha tal-anqas tinkludi lista ta’ impjiegi li jinsabu bin-nieqes u analiżi tal-ħtiġijiet abbażi tad-data pprovduta minn min iħaddem;
29. Jistieden lill-Istati Membri biex, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-klawżola preferenzjali tal-Komunità u minħabba n-nuqqas kostanti ta’ ħaddiema kwalifikati u minkejja dan, jippromwovu l-mobbiltà fi ħdan l-UE biex b’hekk jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ, ir-reklutaġġ innifsu u l-integrazzjoni ta’ ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod u strumenti sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol permezz tal-mobbiltà fi ħdan l-UE u jinvestu fis-servizzi għar-riintegrazzjoni tal-migranti tal-UE li ma kellhomx suċċess huma u jfittxu x-xogħol u għalhekk irritornaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;
30. Jenfasizza li mhuwiex xieraq li jiġi sfruttat is-suġġett tal-migrazzjoni tax-xogħol għal skopijiet ta' biża' fost il-pubbliku; jinnota li ideat iffurmati minn qabel bbażati fuq preġudizzju u riżentiment jimminaw is-solidarjetà li tifforma l-bażi tas-soċjetà, u li l-isfruttament populista tas-suġġett għalhekk għandu jiġi miċħud bil-qawwa;
31. Ifakkar fir-rwol importanti tal-midja fit-tiswir tal-opinjoni pubblika dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni, u jitlob li jkun hawn ġurnaliżmu responsabbli biex il-bnedmin jirrispettaw aktar lil xulxin u jifhmu aħjar is-similaritajiet u d-differenzi ta’ xulxin;
32. Jemmen li l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu asil għandhom jingħataw aċċess aktar faċli għas-suq tax-xogħol mingħajr ma jkollhom diffikultà jiksbu aċċess, u li għandhom ikunu jistgħu jserrħu rashom li l-valutazzjoni, u fejn xieraq, ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tad-diplomi, il-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom miksuba kemm permezz ta' tagħlim formali, mhux formali u informali se jsiru bil-ħeffa u bi ftit flus; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant, tressaq proposti konkreti dwar kif jista' jiġi stabbilit mekkaniżmu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u d-diplomi għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, inkluża evalwazzjoni effikaċi tal-ħiliet f'każ ta' nuqqas ta' dokumenti; ifakkar li għal dan il-għan huwa importanti li tiġi appoġġata t-trasparenza fir-rigward tal-kompetenzi, il-kwalifiki u l-ħiliet fil-pajjiżi sħab;
33. Jinnota li immigrazzjoni orjentata lejn is-suq tax-xogħol jista' jkollha effetti pożittivi fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li tiżgura forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin u ttejjeb il-vantaġġ kompetittiv bis-saħħa tad-diversità kulturali (għarfien tal-lingwi, esperjenzi barra l-pajjiż, mobbiltà, eċċ);
34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-pajjiżi sħab biex jenfasizzaw aktar il-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, bil-għan li jinħolqu impjiegi deċenti għall-adulti, u t-tfal ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni xierqa;
35. Jappoġġa l-implimentazzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni għat-trade unions u d-dritt għan-negozjar kollettiv bla eċċezzjoni sabiex jiġu infurzati, mtejba u difiżi l-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;
36. Jistieden lill-migranti jitħejjew kemm jista' jkun malajr għas-suq tax-xogħol intern; jindika, f’dan il-kuntest, il-prattiki tajba fil-qasam tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, pereżempju mentoring għall-migranti, inizjattivi pilota għall-integrazzjoni u 'migranti għall-migranti', korsijiet tal-lingwa fuq bażi vokazzjonali kif ukoll l-għoti ta' għajnuna u inkoraġġiment lit-tfal tal-migranti li għandhom l-età li jmorru l-iskola u ta' appoġġ għal negozji li jkunu għadhom kemm fetħu minn persuni kkwalifikati bi sfond ta' migrazzjoni;
37. Jenfasizza li t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti jifforma l-pedament għas-suċċess fis-suq tax-xogħol Ewropew li hu orjentat lejn is-servizzi; ikompli jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li jkunu disponibbli biżżejjed opportunitajiet għat-tagħlim tal-lingwi, sabiex l-ostakoli lingwistiċi fid-dinja tax-xogħol ma jibqgħux ikunu ta' xkiel, u jilqa' l-inizjattivi proprji tan-negozji f'dan il-qasam;
38. Jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri sabiex lill-migranti jagħtuhom informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet u l-isfidi, dwar is-sussidji Ewropej u nazzjonali, u dwar organizzazzjonijiet u korpi li jagħtu l-għajnuna, fil-qasam tal-impjieg indipendenti;
39. Jipproponi lill-Kummissjoni li tiddikjara l-2016 bħala s-Sena Ewropea għall-Integrazzjoni, filwaqt li jħeġġiġha tiffoka b'mod partikolari fuq “L-integrazzjoni permezz tax-xogħol”; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-Sena għall-Integrazzjoni tkun tinvolvi testi leġiżlattivi konkreti u punti ta' riferiment għall-Istati Membri;
40. Jipproponi li l-Istati Membri jiskambjaw u jkomplu jiżviluppaw il-prattiki tajba rigward il-promozzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol, eż. coaching, sostenn għal negozji li jkunu qed jibdew, programmi ta’ integrazzjoni, xogħol sussidjat, gruppi fil-mira, pjanijiet ta’ diversifikazzjoni, pariri individwali, tagħlim tal-lingwi u taħriġ tal-ħiliet u kampanji kontra d-diskriminazzjoni;
41. Huwa tal-fehma li, f’bosta Stati Membri, ma jsirux sforzi suffiċjenti biex il-migranti jiġu integrati u għalhekk għad jeħtieġ li jsiru sforzi mmirati min-naħa tal-awtoritajiet; jemmen li dan għandu jiġi attribwit ukoll lil approċċ żbaljat fejn il-migranti huma prinċipalment deskritti bħala riskju għas-sigurtà, u għall-fatt li hemm perċezzjoni insuffiċjenti tal-opportuntajiet pożittivi; iqis li f’bosta każijiet, għalhekk, il-kwalifiki miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini ma jiġux rikonoxxuti b’mod xieraq;
42. Jirrikonoxxi l-potenzjal li għandha l-migrazzjoni (għax-xogħol) ċirkulari biex tiġġenera “triple-win situation” li jgawdu minnha l-migrant, il-pajjiżi ospitanti kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini, u jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jiftħu l-bibien tagħhom għal dan it-tip ta’ immigrazzjoni u emigrazzjoni;
43. Jisħaq fuq l-importanza fil-migrazzjoni ċirkulari, li ssir enfasi fuq l-individwu u fuq il-fatt li jiġu żgurati l-għarfien u l-ħiliet li jkun kiseb ikun jista' jużahom mill-ġdid meta jirritorna;
44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi rigward il-migrazzjoni ċirkulari u biex jinkluduha fin-negozjati u t-trattati, b’mod partikolari l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, u d-Djalogi assoċjati dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà u s-sħubijiet tal-mobbiltà;
45. Jaċċetta, bħala qafas alternattiv, jekk waħda mill-partijiet ma tkunx lesta tassumi t-totalità tal-obbligi li jirriżultaw minn Sħubija ta’ Mobbiltà, il-konklużjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi ta’ Aġendi Komuni għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà, filwaqt li jenfasizza li din għandha tikkostitwixxi biss fażi tranżitorja;
46. Jilqa' b'mod partikolari f'dan ir-rigward il-pjanijiet biex jiġu introdotti Ċentri ta' Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (MMRCs) fil-pajjiżi sħab fil-qafas tas-Sħubija għall-Mobbiltà kif ukoll tal-Aġendi Komuni, u jirrakkomanda li l-kunċett ta' tali ċentri jiġi propost ukoll lil pajjiżi terzi;
47. Jitlob li tittieħed azzjoni li tippromwovi strateġiji intelliġenti dwar il-migrazzjoni ċirkulari li jkollhom ir-riżorsi, il-garanziji legali u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinħolqu impjiegi siguri u jimpedixxu l-immigrazzjoni irregolari;
48. Josserva li kooperazzjoni ta’ suċċess ta’ dan it-tip teħtieġ impenn fit-tul u li l-UE hija f’pożizzjoni ideali sabiex tieħu tali impenn permezz tal-istrumenti finanzjarji tagħha, pereżempju billi tappoġġa l-programmi ta’ ritorn u integrazzjoni li jkun fihom element ta’ migrazzjoni ċirkulari;
49. Jisħaq fuq il-bżonn li l-programmi ta' migrazzjoni ċirkulari jsiru aktar flessibbli u li jiġu kkunsidrati l-Artikolu 8 tal-KEDB u d-Direttivi 2003/109/KE u 2003/86/KE;
50. Jissottolinja li t-tagħlim tal-lingwa u t-taħriġ tal-ħiliet qabel il-wasla tal-persuna fil-pajjiż ospitanti, kif ukoll it-tħejjija għar-ritorn, huma miżuri siewja f’dan ir-rigward, u jinnota l-possibbiltà li jitwaqqfu uffiċċji ta’ qabel it-tluq sew fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll fil-pajjiż ospitanti;
51. Jistieden lill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-politika dwar il-migrazzjoni u tax-xogħol għandhom jimxu id f’id, sabiex issaħħaħ u tagħti prijorità lir-rabtiet bejn id-domanda tas-suq tax-xogħol, il-migrazzjoni ċirkulari, l-iżvilupp u l-politika estera u tal-viċinat; jilqa' l-appoġġ finanzjarju li offriet l-UE sa issa fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni f'pajjiżi terzi, pereżempju Migration EU expertise II (MIEUX II) u jappella sabiex fil-finanzjament ta' proġetti Ewropej jiġu żviluppati l-akbar sinerġiji possibbli bejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil;
52. Jilqa' l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-formulazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni, bħal pereżempju n-netwerk ta’ Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt dwar l-Integrazzjoni, il-websajt dwar l-integrazzjoni Ewropea, il-Manwal Ewropew dwar l-Integrazzjoni, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-moduli Ewropej għall-integrazzjoni;
53. Ifakkar fil-Prinċipji Bażiċi Komuni tal-UE dwar l-Integrazzjoni tal-Immigranti (CBPs); jiddispjaċih li l-Istati Membri attwalment mhumiex jużaw il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni fil-potenzjal kollu tiegħu, u jfakkar li l-għan tal-fond huwa li jappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw is-CBPs;
54. Jenfasizza l-bżonn li jiġu identifikati, kondiviżi u promossi l-iskambji tal-aħjar prattiki f'dawk l-Istati Membri u pajjiżi mhux membri fl-UE bl-aktar politiki tal-immigrazzjoni li huma ekwi fir-rigward tal-ġeneru;
55. Jenfasizza l-bżonn li jsir użu ottimali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 bil-ħsieb li ssir enfasi fuq il-mobbiltà libera u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa migranti fis-soċjetà Ewropea;
56. Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji maħsuba għall-migranti sabiex jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru li għandhom għeruq profondi fil-komunitajiet konċernati, jittejbu l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-migranti nisa fis-soċjetà, fl-ekonomija, fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
57. Jirrimarka li bosta migranti potenzjali jħabbtu wiċċhom ma’ żmien twil ta’ stennija fil-konsolati tal-Istati Membri ġewwa l-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, u li għaldaqstant huwa diffiċli ħafna li jitqiegħdu f’relazzjoni ta’ impjieg ċirkulari b’mod rapidu, affidabbli u bla intoppi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw aktar l-iżvilupp ta’ servizz konsulari komuni Ewropew fid-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri;
58. Jinkoraġġixxi t-taħriġ tal-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b’mod partikolari ta’ membri tal-persunal li jaħdmu fid-Delegazzjonijiet tal-UE, fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effikaċi tal-politika tal-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni fl-azzjonijiet esterni tagħha.
59. Jinkoraġġixxi bis-sħiħ lis-SEAE jwettaq rwol ta’ koordinament aktar attiv fid-dimensjoni esterna tal-proċess tal-politika tal-migrazzjoni;
60. ifakkar fl-importanza ta' ġestjoni għaqlija tal-fruntieri min-naħa tal-UE, kif ukoll il-possibilità ta' monitoraġġ permezz ta' identifikaturi biometriċi;
61. Iqis li d-dħul u r-residenza għandhom jiġu regolati minn regoli ċari, ġusti u nondiskriminatorji li għandhom ikunu konformi mal-istandards tal-istat tad-dritt fil-livelli nazzjonali u tal-UE; jenfasizza li l-kriterji tad-dħul għandhom ikunu jinftiehmu faċilment u jkunu validi għal tul ta’ żmien; jinnota li d-dritt tar-residenza fuq perjodu ta’ żmien twil fil-futur qrib huwa prospett ewlieni fir-rigward tal-integrazzjoni; jenfasizza li l-kompetenza lingwistika hija importanti u għandha tiġi mħeġġa u appoġġata iżda m’għandhiex tintuża bħala kriterju ta’ għażla jew ta’ sanzjoni;
62. Jinnota, b’referenza għad-Direttivi 2008/115/KE u 2009/52/KE, li l-migrazzjoni illegali għal skopijiet ta' xogħol tista’ titnaqqas mhux biss permezz ta’ kontrolli effikaċi iżda wkoll billi l-opportunitajiet għall-immigrazzjoni legali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod aktar effikaċi;
63. Jiddispjaċih dwar tibdil li sar reċentement fil-leġiżlazzjoni dwar id-“dritt għan-nazzjonalità mat-twelid” f’uħud mill-Istati Membri, li qed iżidu l-każijiet ta’ persuni mingħajr stat fl-UE;
64. Jenfasizza li kemm l-immigrazzjoni legali kif ukoll dik illegali huwa fenomeni attwali u li jeħtieġ qafas legali komuni dwar il-politiki ta' migrazzjoni sabiex il-migranti u l-vittmi potenzjali jiġu protetti, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, li huma vulnerabbli għal bosta forom ta' kriminalità organizzata fil-kuntest tal-migrazzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza wkoll li l-migrazzjoni illegali tista’ titnaqqas permezz ta’ qafas legali komuni;
65. Jikkundanna l-fatt li ħafna migranti nisa jiġu ingannati fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom bil-wegħda ta’ kuntratti ta’ xogħol f'pajjiżi żviluppati, u li wħud saħansitra jinħatfu minn mafji u netwerks tat-traffikar tal-bnedmin biex jiġu sfruttati sesswalment; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda din il-prattika abużiva u diżumana;
66. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali li jiggarantixxi d-dritt lin-nisa immigranti li jkollhom il-passaport u l-permess tar-residenza tagħhom stess biex b'hekk ikun possibbli li persuna tinżamm kriminalment responsabbli jekk teħdilhom dawn id-dokumenti;
67. Jenfasizza li irrispettivament mill-esperjenza edukattiva u professjonali tagħhom, is-setturi prinċipali tax-xogħol tal-migranti nisa huma s-servizzi domestiċi u tal-kura personali; jikkundanna l-fatt li l-maġġoranza kbira jaħdmu mingħajr kuntratt b’pagi baxxi ħafna u mingħajr ebda drittijet soċjali ta' kwalunkwe tip;
68. Jilqa' l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 dwar il-ħaddiema domestiċi li se tidħol fis-seħħ fl-2013 u jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikawha mingħajr dewmien;
69. Jilqa’ d-deċiżjonijiet eżistenti tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali li ntlaħqu mal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżrael, il-Montenegro, San Marino, l-Albanija u t-Turkija; jistieden lill-Kumissjoni tieħu azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-koordinament tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, speċjalment il-preservazzjoni tad-drittijiet mat-tluq jew id-dħul mill-ġdid ġewwa l-UE u biex takkumpanja l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni b'miżuri adegwati li jindirizzaw id-drittijiet li l-migranti jkunu kisbu fil-qasam tas-sigurtà soċjali;
70. Jilqa’ f’dan ir-rigward il-Konvenzjoni Ibero-Amerikana dwar is-Sigurtà Soċjali u jipproponi li Stati Membri oħra jingħataw il-possibbiltà jissieħbu f’din il-Konvenzjoni, flimkien mal-Portugall u Spanja, bħala pjattaforma għall-koordinament Ewropew; jenfasizza li filwaqt li l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi jistgħu jipprevedu protezzjoni aħjar fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jagħmluha aktar diffiċli għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jiċċaqalqu minn pajjiż tal-UE għall-ieħor biex isiru konxji mid-drittijiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali; jilqa' għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-UE għall-iskambju tal-aħjar prattika u tal-informazzjoni dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali, u jipproponi li l-ġbir, l-ipproċessar u d-disponibilità tal-ftehimiet nazzjonali bilaterali eżistenti jsiru b'mod trasparenti mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida għall-Istati Membri li jidħlu fi kwalunkwe ftehim bilaterali, sabiex tkun żgurata applikazzjoni aktar uniformi madwar l-UE, abbażi tar-rispett kemm tal-Konvenzjoni tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali u kemm tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-sigurtà soċjali;
71. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwessgħu l-ambitu prattiku tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE kemm ma' pajjiżi terzi u kemm ma' reġjuni usa' fir-rigward tas-sigurtà soċjali; jappella għalhekk sabiex id-dimensjoni esterna tal-koordinament tas-sigurtà soċjali tal-UE tiġi inkluża bħala punt importanti fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fin-negozjati tagħha ma' pajjiżi terzi;
72. Jirrimarka li, minkejja li l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 ppermettiet li d-drittijiet previsti bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 jiġu estiżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ attività transkonfinali fi ħdan l-UE, li jfisser li l-parti l-kbira taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma esklużi; jistenna li l-miżuri marbuta mal-aċċess għas-sigurtà soċjali diġà inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, jiġu implimentati għalkollox;
73. Jilqa' f’dan ir-rigward il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tar-regoli għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi inklużi fid-Direttiva 2009/50/KE (id-Direttiva dwar il-Karta Blu) u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u l-impatt tagħha fuq is-suq tax-xogħol;
74. Jenfasizza li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE jeħtieġ li jkunu protetti barra mill-UE wkoll, kif ukoll f’każijiet meta jaħdmu jew ikunu ħadmu f’pajjiżi terzi;
75. Jitlob għalhekk li jiġi adottat approċċ uniformi u reċiproku tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, li jkopri ċ-ċittadini kollha tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li joriġinaw minn ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u li ġew żviluppati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
76. Jipproponi, f’dan ir-rigward, li jiġi kkunsidrat ukoll l-hekk imsejjaħ “28 reġim” fakultattiv, volontarju u kumplessiv għal immigranti u ċittadini tal-UE fi Stati Membri oħra tal-Unjoni;
77. Jilqa' l-ħolqien tal-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea u jħeġġeġ sabiex l-użu tagħha jkompli jiġi estiż u ssemplifikat;
78. Jenfasizza li l-attrazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew jiddependi wkoll fuq jekk il-jeddijiet tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti u jibqgħux validi jekk dak li jkun jerġa’ lura;
79. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku li tippermetti t-trasferiment tal-pensjonijiet għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u l-persuni li jħallu warajhom f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 883/2004; jistieden lill-presidenzi attwali u futuri tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, sabiex iniedu mill-ġdid in-negozjati dwar il-proposta għal direttiva dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni supplementari;
80. Jenfasizza li l-UE taqdi rwol pijunier fid-dimensjoni esterna tal-koordinament tas-sigurtà soċjali u tinsab f'pożizzjoni li tistabbilixxi standards globali;
81. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu żviluppati sistemi ta' informazzjoni xierqa għall-migranti, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal programmi u servizzi rilevanti, li jippermettu lill-migranti potenzjali jivvalutaw tajjeb l-ispejjeż u l-benefiċċji involuti fil-migrazzjoni u li jgħinuhom jiddeċiedu jemigrawx jew le; jipproponi li mal-wasla tagħhom, l-immigranti għandhom jingħataw minnufih informazzjoni dwar il-pożizzjoni legali tagħhom meta jirritornaw; jitlob sabiex is-sistema MISSOC (is-sistema ta' informazzjoni reċiproka dwar il-protezzjoni soċjali tal-UE) tintuża għal dan il-għan;
82. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni fil-livell Ewropew u dak nazzjonali bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa migranti fil-ħajja demokratika, u biex jorganizzaw u jappoġġjaw pjattaformi ta’ skambju għan-nisa migranti;
83. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.
L-Awtoritajiet Ewropej Reġjonali u Lokali għall-integrazzjoni tal-migranti.
Theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu
437k
38k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (2012/2065(INI))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 9, 151, 153, 156 u 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 6, 31, 35 u 37 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-ILO tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-asbestos,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tas-16 ta' Ġunju 1989 dwar is-Sikurezza fl-Użu tal-Asbestos,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-WHO dwar l-asbestos,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema li ħarġet mill-Konferenza ta' Dresden dwar l-Asbestos (2003),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1978 dwar programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (id-Direttiva Qafas)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f'postijiet ta' kostruzzjoni temporanji jew mobbli(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol(4),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 90/326/KEE tat-22 ta’ Mejju 1990 lill-Istati Membri dwar l-adozzjoni ta’ lista Ewropea ta’ mard relatat max-xogħol(5),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol (COM(2007)0062),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2011 intitolat “L-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol” (SEC(2011)0547),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiki (REACH)), fir-rigward tal-Anness XVII(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(8),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC) dwar il-Kampanja Ewropea dwar l-Asbestos (2006),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO bit-titolu “Preventing Disease Through Healthy Environments: Action is needed on Chemicals of Major Public Health Concern”(9),
– wara li kkunsidra l-Monografija 100C tal-Aġenzija Internazzjonali tar-Riċerka dwar il-Kankru (IARC) bit-titolu “Arsenic, Metals, Fibres, and Dusts: A Review of Human Carcinogens’ (2012)(10),
– wara li kkunsidra l-istqarrija “Global Asbestos Ban and the Elimination of Asbestos-related Diseases’ mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Fuq il-Post tax-Xogħol (ICOH)(11),
– wara li kkunsidra l-“Information Notices on Occupational Diseases - Guide to Diagnosis (2009)” (Noti Informattivi dwar il-Mard relatat max-Xogħol - Gwida għad-Dijanjożi) tal-Kummissjoni(12),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Inkjesta 24/E tal-Eurogip (April 2006) bit-titolu “Asbestos-related Occupational Diseases in Europe: Recognition - Figures - Specific systems’(13),
– wara li kkunsidra r-Rapport 08-E tal-Eurogip (Awwissu 2004) bit-titolu “Costs and funding of occupational diseases in Europe’(14),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0025/2013),
A. billi t-tipi kollha ta' asbestos huma perikolużi u l-impatt perikoluż tiegħu ġie ddokumentat u rregolat; billi l-biċċa l-kbira tal-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-fibri tal-asbestos li jidħlu man-nifs jidhru għexieren ta' snin wara l-esponiment;
B. billi sa mill-1977 grupp ta’ esperti kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li: “M’hemm l-ebda evidenza teoretika li jeżisti limitu minimu ta’ esponiment li taħtu ma jiġix ikkawżat il-kanċer. Livell ta’ esponiment sikur għall-asbestos għadu ma ġiex stabbilit’, billi din l-opinjoni ġiet affermata matul is-snin mill-korpi konsultattivi rilevanti xjentifiċi kollha, billi huwa ġeneralment aċċettat mill-qrati li m’hemm l-ebda limitu minimu ta’ esponiment magħruf għall-asbestos li taħtu ma jkun hemm l-ebda riskju,
C. billi d-Direttiva 1999/77/KE tiddikjara li “ebda livell ta' espożizzjoni għadu ma ġie identifikat li taħtu l-asbestos tal-krisotil ma jimponix riskji karċinoġeniċi” u li “mod effettiv għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa li jiġi projbit l-użu tal-fibri krisotili tal-asbestos u tal-prodotti li jikkontjenuhom”;
D. billi ġiet osservata żieda fir-riskji tal-kankru f'popolazzjonijiet esposti għal livelli ferm baxxi ta' fibri tal-asbestos, inklużi l-fibri krisotili;
E. billi r-rimi tal-iskart tal-asbestos fil-landfill ma jidhirx li huwa l-mod l-aktar sikur biex jitħassar b'mod permanenti r-rilaxx tal-fibri tal-asbestos fl-ambjent (partikolarment fl-arja u fl-ilma ta' taħt l-art) u li għalhekk is-sistemi għad-ditossifikazzjoni tal-asbestos ikunu ferm ippreferuti;
F. billi l-ħolqien ta' landfills tal-iskart tal-asbestos huwa biss soluzzjoni temporanja għall-problema, li, b'dan il-mod, qed titħalla f'idejn il-ġenerazzjonijiet futuri, peress li meta jgħaddi ż-żmien ikun virtwalment impossibbli li jinqerdu l-fibri tal-asbestos;
G. billi, minkejja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-asbestos, xorta waħda għadu jinsab f'ħafna vapuri, ferroviji, makkinarju, bunkers, mini, pajpijiet taħt l-art ta' netwerks tal-ilma kemm pubbliċi kif ukoll privati u speċjalment f'binjiet, inklużi ħafna binjiet pubbliċi u privati;
H. billi minkejja l-projbizzjoni, is-sorveljanza eżistenti tas-suq ma tistax tiżgura li l-asbestos ma jiġix impurtat fis-swieq Ewropej;
I. billi ħafna Stati Membri pprovdew korsjijiet ta' taħriġ għall-ħaddiema involuti fit-twaqqigħ, bini u manutenzjoni tal-binjiet u għal oħrajn li jaħdmu fit-tneħħija ta' materjali li fihom l-asbestos (ACMs);
J. billi ħafna ħaddiema huma esposti għall-asbestos fix-xogħol tagħhom, b’mod partikolari fis-setturi tal-manutenzjoni u tad-dekontaminazzjoni;
K. billi l-għan għandu jkun il-ħolqien tal-impjiegi u l-għoti ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa u l-benesseri tal-individwi u, b’estensjoni, il-progress soċjali bħala riżultat tax-xogħol tagħhom;
L. billi, flimkien mad-dimensjoni umana ta’ saħħa u sigurtà inadegwati fuq il-post tax-xogħol, din il-problema hija wkoll ta’ detriment għall-ekonomija; b’mod aktar speċifiku, il-problemi relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma ostakolu għat-tkabbir u l-kompetittività, filwaqt li fl-istess ħin jikkawżaw żieda sproporzjonata fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali;
M. billi l-ħaddiema aktar żgħażagħ u l-ħaddiema tal-bini ma jagħrfux l-asbestos fil-binjiet meta jkunu qed iwettqu xogħol ta' tiġdid jew ta' twaqqigħ, speċjalment f'ħafna Stati Membri li għandhom projbizzjonijiet fuq l-asbestos li ilhom ħafna fis-seħħ;
N. billi ħafna ACMs diġà tneħħew, ġew issiġillati jew inkapsulati u ħafna kumpaniji u sidien ta' binjiet għandhom dokumenti li jagħtu dettalji preċiżi dwar siti tat-tneħħija tal-asbestos;
O. billi t-tneħħija tal-ACMs mill-bini, speċjalment fi Stati Membri ekonomikament inqas żviluppati u f’żoni rurali, timponi piż finanzjarju fuq is-sidien tal-bini u għalhekk, għandha tkompli tirċievi appoġġ attiv fil-livell nazzjonali u tal-UE;
P. billi l-ACMs għandhom ċiklu ta' ħajja tipiku ta' bejn 30 u 50 sena; billi dan iwassal għal żieda fil-proġetti ta' tiġdid u ta' kostruzzjoni u, għaldaqstant, żieda fl-għadd ta' ħaddiema li jkunu esposti;
Q. billi s-suċċess tar-regolamenti dwar l-asbestos fl-Istati Membri huwa limitat minn nuqqas ta' għarfien dwar l-eżistenza ta' ACMs u r-riskji assoċjati, kif ukoll nuqqas ta’ taħriġ vokazzjonali u kwalifiki tal-ħaddiema tal-bini u tal-manutenzjoni, inklużi ħaddiema tal-kostruzzjoni li jaħdmu b’mod inċidentali bl-asbestos;
R. billi l-komunitajiet lokali m’għandhomx għarfien espert u għandhom nuqqasijiet serji fit-twettiq ta’ kompiti tal-prevenzjoni, tas-sorveljanza u tal-infurzar, li spiss huma wisq frammentati;
S. billi l-ACMs sikwit ikunu moħbija u/jew fejn ikunu jinsabu ma jkunx magħruf, u t-tagħrif dwar dan qiegħed jonqos drastikament maż-żmien;
T. billi awditu obbligatorju dwar l-asbestos f’binjiet, vapuri, ferroviji, makkinarju, bunkers, mini, u pajpijiet taħt l-art ta' netwerks tal-ilma kemm pubbliċi kif ukoll privati u miżbliet jipprovdi bażi soda u infurmata għall-programmi tat-tneħħija tal-asbestos fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;
U. billi l-UE żviluppat politika ambizzjuża għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija hija mistennija li tistabbilixxi strateġija għat-tiġdid tal-binjiet, fuq żmien fit-tul u f'kull Stat Membru, iżda din il-politika mhijiex marbuta ma' strateġija għat-tneħħija tal-asbestos;
V. billi d-dubju dwar jekk l-asbestos huwiex preżenti jew ġiex inkapsulat jew imneħħi minn binjiet speċifiċi jista' jwassal għal kunflitti bejn il-ħaddiema u min iħaddimhom, u billi informazzjoni minn qabel dwar il-preżenza tal-asbestos tagħti lok għal kundizzjonijiet tax-xogħol ferm aktar sikuri, partikolarment waqt xogħol ta' tiġdid;
W. billi, b’konformità mad-Direttiva 92/57/KEE(15), f’sitwazzjonijiet perikolużi għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex il-ħwejjeġ tax-xogħol jinżammu f’post separat mill-ħwejjeġ u l-effetti personali tal-ħaddiema stess
X. billi l-inkapsulazzjoni jew l-issiġillar tal-ACMs għandhom jitħallew isiru biss meta l-materjali jkollhom tikketti adegwati bit-twissijiet;
Y. billi tliet Stati Membri għadhom jippermettu l-fibri tal-asbestos fiċ-ċelloli tal-elettroliżi filwaqt li alternattivi tekniċi jeżistu u ġew implimentati b'suċċess f'pajjiżi oħrajn;
Z. billi għad hemm differenzi kbar u inaċċettabbli bejn l-iskedi tal-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-mard li jiġi mix-xogħol relatat mal-asbestos;
AA. billi wieħed mill-akbar ostakoli għat-trattament tal-vittmi huwa n-nuqqas ta' rrappurtar tal-mard relatat mal-asbestos;
AB. billi l-programmi nazzjonali tas-sorveljanza tas-saħħa għall-ħaddiema esposti għall-asbestos ivarjaw ħafna madwar l-UE, speċjalment fir-rigward tal-kontrolli mediċi wara s-snin tal-impjieg;
AC. billi l-esponiment għall-asbestos huwa theddida għall-pubbliku inġenerali u jikkostitwixxi kawża rikonoxxuta ta' mard(16);
AD. billi, skont l-istimi tad-WHO, l-għadd ta' każijiet ta' mard relatat mal-asbestos fl-UE huwa bejn 20 000 u 30 000 fis-sena u dan l-għadd għadu qed jiżdied;
AE. billi, minħabba l-perjodu twil ta' kemm idum mistur u minħabba n-nuqqas ta' għarfien fost l-istaff mediku, il-vittmi sikwit ma jirċevux l-appoġġ xieraq u f’waqtu mingħand dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa;
AF. billi l-Polonja hija l-uniku Stat Membru li adotta pjan ta' azzjoni għal pajjiż ħieles mill-asbestos;
AG. billi f'ħafna Stati Membri l-ispezzjonijiet qed jonqsu u billi t-tendenza lejn deregulazzjoni akbar tintensifika r-riskji relatati mal-asbestos;
AH. billi ħafna ħaddiema fil-bini u utenti tal-binjiet għadhom mhux protetti minn livelli għoljin ta' esponiment għall-asbestos;
AI. billi anki kieku jkun hemm projbizzjoni, fil-binjiet għad hemm miljuni ta' tunnellati ta' asbestos, u m'hemm l-ebda reġistru li jżomm kont ta' fejn jinsab u kemm asbestos jeħtieġ li jitneħħa;
AJ. billi kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida għandha tqis il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell nazzjonali u Ewropew u għandha tkun preċeduta b’valutazzjoni dettaljata tal-impatt possibbli tagħha kif ukoll b’analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tagħha;
L-iskrinjar u r-reġistrazzjoni tal-asbestos
1. Jistieden lill-UE tiżviluppa, timplimenta u tappoġġja mudell għall-iskrinjar u r-reġistrazzjoni tal-asbestos b'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/148/KE u titlob lis-sidien ta’ binjiet pubbliċi jew kummerċjali biex:
a. jiskrinjaw binjiet għall-preżenza ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos;
b. jippreparaw pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskji li dawn jippreżentaw;
c. jiżguraw li informazzjoni bħal din tkun disponibbli għall-ħaddiema li jistgħu jiddisturbaw materjali bħal dawn;
d. fil-każ ta' Stati Membri li diġà jimplimentaw skemi obbligatorji ta' skrinjar, iżidu l-effiċjenza ta' dawn l-iskemi;
2.
Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa mudelli għall-monitoraġġ tal-asbestos eżistenti fil-binjiet privati u pubbliċi inklużi l-akkomodazzjoni residenzjali u mhux residenzjali, l-art, l-infrastruttura, il-loġistika u s-sistemi ta’ pajpijiet;
3.
Jistieden lill-UE tiżviluppa mudelli għall-monitoraġġ tal-fibri tal-asbestos fl-arja preżenti fil-post tax-xogħol, fiż-żoni mibnija, fil-miżbliet, u l-fibri li jinsabu fl-ilma għax-xorb imwassla permezz ta' pajpijiet tas-siment bl-asbestos;
4.
Iħeġġeġ lill-UE twettaq valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-kost-benefiċċji tal-possibilità li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni għat-tneħħija sikura tal-asbestos mill-bini pubbliku u minn bini li jipprovdu servizzi li jirrikjedu l-aċċess pubbliku sal-2028, u sabiex tipprovdi informazzjoni u linji gwida biex tinkuraġġixxi lis-sidien tad-djar privati sabiex iwettqu awditu u jivvalutaw ir-riskju b’mod effettiv tal-ACMs fi djarhom, billi jiġi segwit l-eżempju tal-Polonja; fil-każ tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' rtirar, il-ministri kompetenti tal-gvernijiet għandhom jikkoordinaw l-azzjoni filwaqt li l-awtoritajiet responsabbli tal-Istat Membru għandhom jikkontrollaw il-konformità tal-pjanijiet ta’ rtirar lokali;
5.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-asbestos f'politiki oħrajn, bħall-politika tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dik dwar l-iskart;
6.
Jipproponi li tiġi kkombinata strateġija għat-tiġdid tal-binjiet biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'mod parallel mat-tneħħija gradwali tal-asbestos kollu;
7.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri pubbliċi tal-asbestos li jservu biex tingħata informazzjoni relevanti dwar ir-riskji tal-asbestos għall-ħaddiema u lil min iħaddem qabel ma jitwettqu xogħlijiet ta’ restawr, u li jikkumplimentaw il-protezzjonijiet eżistenti tas-saħħa u tas-sigurtà meħtieġa skont il-liġi tal-UE;
8.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tiżgura implimentazzjoni effettiva u bla xkiel ta’ leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-asbestos u biex iżżid l-ispezzjonijiet uffiċjali;
9.
Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni għall-min iħaddem u għall-persunal dwar l-asbestos, biex tikkoopera mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi li jipprovdu pariri u informazzjoni kontinwa;
10.
Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, biex tipprovdi l-appoġġ neċessarju biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema kollha tal-UE, minħabba li l-intrapriżi żgħar u medji, li jimpjegaw ħafna mill-ħaddiema Ewropej, huma esposti b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà;
11.
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett u jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/148/KE u jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri jkunu infurmati debitament dwar il-pjanijiet maħsuba dwar xogħol b'ACMs;
12.
Jistieden lis-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu reġistru komplut – li għandu jkun miftuħ għall-pubbliku – tal-ACMs fil-binjiet tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jistabbilixxu reġistri pubbliċi tal-asbestos;
13.
Iħeġġeġ lill-UE tagħmel obbligatorju d-differenzazzjoni bejn asbestos li jitfarrak u dak li ma jitfarrakx;
14.
Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-twaqqif, madwar l-UE kollha, ta' ċentri ta' trattament u ditossifikazzjoni tal-iskart li jkun fih l-asbestos, flimkien mat-tmiem gradwali ta’ kull rimi f’miżbla ta’ dan it-tip ta’ skart;
Il-garanzija ta' kwalifiki u taħriġ
15. Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' ħidma, flimkien mal-Istati Membri, biex tiżviluppa kwalifiki minimi speċifiċi għall-asbestos għall-inġinieri ċivili, arkitetti u impjegati ta’ kumpaniji reġistrati li jneħħu l-asbestos u tipprovdi kwalifiki speċifiċi għall-asbestos għat-taħriġ ta’ ħaddiema oħrajn li aktarx ikunu esposti għall-asbestos bħal impjegati tal-industrija tat-tarzna u l-bdiewa, b’attenzjoni speċjali fuq dawk in-nies li huma responsabbli għat-tneħħija tal-asbestos minn fuq il-post, billi jissaħħaħ it-taħriġ tagħhom, it-tagħmir protettiv tagħhom u l-kontroll tal-attivitajiet tagħhom mill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri;
16. Jistieden lill-UE biex, flimkien mas-sħab soċjali u ma' partijiet interessati oħrajn, tfassal programmi u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-asbestos u l-ħtieġa ta' taħriġ adegwat għall-persunal li aktarx li jkun affettwat mill-ACMs, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/148/KE, u biex ittejjeb l-informazzjoni dwar leġiżlazzjoni eżistenti tal-asbestos u tipprovdi gwidi prattiċi ta’ konformità magħha;
17. Jenfasizza li t-taħriġ għal kull min hu involut (min iħaddem, is-superviżuri u l-ħaddiema) fix-xogħol li jista’ jinvolvi (jew li fil-fatt jinvolvi) l-asbestos, għandu jkopri: il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġistiku tat-tipjip; it-tipi ta’ materjali jew prodotti li jista’ jkun fihom l-asbestos u fejn x’aktarx li jinstabu; kif il-kundizzjoni tal-materjal jew tal-prodotti taffettwa l-faċilità ta’ rilaxx tal-fibri u x’għandu jsir f’każ li wieħed jiltaqa’ ma’ materjali li hemm suspett li fihom l-asbestos;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipproponi direttiva speċifika b'rekwiżiti minimi għat-taħriġ vokazzjonali tal-ħaddiema tal-bini u tal-manutenzjoni, inklużi maniġers u ħaddiema professjonali fil-kostruzzjoni li jaħdmu b'mod inċidentali bl-asbestos, kif ukoll l-impjegati fil-landfills għar-rimi tal-iskart li jkun fih l-asbestos jew f'ċentri speċjalizzati għat-trattament, it-tneħħija sikura, u r-rimi tal-iskart tal-asbestos, kif ukoll biex taħdem mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, u tappoġġjahom, biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2009/148/KE permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa għal taħriġ xieraq u biex tiżviluppa informazzjoni u materjali biex dan jiġi pprovdut; dan it-taħriġ għandu jkun ipprovdut f’intervalli regolari u bla ebda spiża għall-ħaddiema;
19. Jistieden lill-UE, permezz tal-SLIC u l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, tiżgura li l-ispetturi tax-xogħol jirċievu taħriġ dwar l-ACMs, u li l-ispetturi tax-xogħol f’dan il-qasam jirċievu tagħmir ta’ protezzjoni xieraq;
20. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tobba tax-xogħol jitħarrġu sew sabiex ikun żgurat li huma jafu dwar l-asbestos u għalhekk, ikunu kapaċi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-ħaddiema taħt is-superviżjoni tagħhom;
L-iżvilupp ta' programmi ta' tneħħija
21. Iħeġġeġ lill-UE taħdem flimkien mas-sħab soċjali u ma' partijiet oħra interessati fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali biex jiżviluppaw u jikkondividu pjanijiet ta' azzjoni għat-tneħħija u l-ġestjoni tal-asbestos. Dawn il-pjanijiet għandhom jinkludu: proposti għal leġiżlazzjoni; l-edukazzjoni u l-informazzjoni; it-taħriġ għall-impjegati pubbliċi; it-taħriġ nazzjonali u internazzjonali; il-programmi li jiffinanzjaw it-tneħħija tal-asbestos; l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni relatati mat-tneħħija tal-asbestos u ta' prodotti li fihom l-asbestos (inkluż waqt it-tneħħija minn binjiet), installazzjonijiet pubbliċi u siti fejn kien hemm fabbriki tal-asbestos; it-tindif ta' binjiet u l-bini ta' installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-asbestos u tad-debris li fih l-asbestos; il-monitoraġġ tal-effikaċja tar-rekwiżiti legali eżistenti; il-valutazzjonijiet ta’ esponiment tal-persunal fir-riskju; u l-protezzjoni tas-saħħa;
22. Jistieden lill-Istati Membri jimxu ’l quddiem bit-tneħħija gradwali tal-asbestos fl-iqsar żmien possibbli;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċeduri ta’ xogħol sikur, inkluż l-użu korrett ta’ tagħmir protettiv personali, għall-ħaddiema li jistgħu jaħdmu ħdejn materjali li fihom l-asbestos;
24. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka biex tirrevedi l-valur limitu eżistenti għall-fibri tal-asbestos, u l-ħtieġa li jitbaxxa l-valur, kif ukoll il-valur iffissat, għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda;
25. Iħeġġeġ lill-UE tissostitwixxi l-metodu tal-phase-contrast optical microscopy (PCOM) permezz tal-Eżattezza tal-Mikroskopija Elettronika bit-Trażmissjoni (ATEM) li huwa metodu aktar preċiż u jipprovdi għall-iskoperta aħjar ta’ partiċelli rqaq;
26. Jistieden lill-UE tistabbilixxi pjan direzzjonali għal postijiet tax-xogħol li jkunu ħielsa mill-asbestos, ibbażat fuq il-prinċipji stipulati mid-WHO(17);
27. Jistieden lill-UE, permezz tal-SLIC u tal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, tiggarantixxi l-infurzar sħiħ tar-regolamenti tal-UE u nazzjonali dwar l-asbestos;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi strateġija kkoordinata dwar l-asbestos fl-Istrateġija Komunitarja 2014-2020 għas-Saħħa u s-Siġurtà li jmiss u tforni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol b’għodda effettiva biex ittejjeb il-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika fl-Istati Membri u tiffaċilita l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-progress dwar l-iżvilupp ta’ dijaframmi ħielsa mill-krisotilu użati f’installazzjonijiet tal-elettroliżi, skont l-Anness XVII, Parti 6 tar-REACH u biex jiżguraw li s-sostituzzjoni ssir qabel ma jispiċċa l-perjodu ta' eżenzjoni ta’ għaxar snin mogħtija fl-2009;
30. Jistieden lill-UE ssaħħaħ evalwazzjonijiet ex ante ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni għall-asbestos;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet ta’ riċerka u rimedju mmirati biex jevitaw is-sospensjoni mill-ġdid ta’ fibri individwali, u/jew biex jeqirdu l-istruttura kristallina simili għall-fibri tal-asbestos;
32. Jinnota li, fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart tal-asbestos, iridu jittieħdu wkoll miżuri – bil-kunsens tal-popolazzjonijiet ikkonċernati – biex titħeġġeġ u tiġi appoġġata r-riċerka għall-alternattivi ekokompatibbli u t-teknoloġija li tużahom u biex jiġu żgurati proċeduri, bħan-newtralizzazzjoni tal-iskart li fih l-asbestos, biex jiġu deattivati l-fibri tal-asbestos attivi u jinqalbu f'materjali li ma joħolqux riskji għas-saħħa pubblika;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli bżonnjużi sabiex il-partijiet interessati kkonċernati kollha jkunu obbligati, b'mod partikolari dawk involuti fit-trattament tal-iskart tal-asbestos fil-miżbliet, jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tas-saħħa kollha stipulati fid-Direttiva 2009/148/KE, u jiżguraw li l-iskart kollu li fih l-asbestos, irrispettivament mill-kontenut tal-fibri tiegħu, jiġi klassifikat bħala skart perikoluż skont id-Deċiżjoni 2000/532/KE aġġornata; Jenfasizza li tali skart irid jintrema biss f'miżbliet dedikati għall-iskart perikoluż, kif previst fid-Direttiva 1999/31/KE, jew fejn jingħata l-permess, jiġi proċessat f'impjanti dedikati, ittestjati u sikuri għat-trattament u n-newtralizzazzjoni, li dwarhom il-popolazzjoni ikkonċernata għandha tkun infurmata.
Rikonoxximent tal-Mard relatat mal-Asbestos
34. Jirrikonoxxi li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet dwar il-mard relatat max-xogħol ma wasslu għall-ebda standards u proċeduri nazzjonali armonizzati fir-rigward tal-identifikazzjoni, in-notifika, l-għarfien u l-kumpens għall-mard relatat mal-asbestos, u li, għaldaqstant, għad hemm differenzi kbar ħafna bejn is-sistemi nazzjonali;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni temenda r-Rakkomandazzjoni 2003/670/KE sabiex tirrifletti l-progress miksub mir-riċerka medika u tinkludi l-kankru tal-larinġi u l-kankru tal-ovarji bħala relatati mal-asbestos;
36. Jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni minn bosta Stati Membri li jimpedixxi tbassir affidabbli tal-mortalità marbuta mal-mesoteljoma fl-Ewropa meta, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), kull sena jiġu rreġistrati bejn 20 000 u 30 000 każ ta’ mard relatat mal-asbestos fl-UE biss, u li fl-UE aktar minn 300 000 ċittadin huwa mistenni li jmut mill-mesoteljoma sal-2030; f’dan il-kuntest jagħti importanza kbira liċ-ċittadini biex jiġu informati u mħarrġa u jkun hemm skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri għad-dijanjożi tal-mard relatat mal-asbestos;
37. Jenfasizza li t-tipi kollha ta' mard relatati mal-asbestos bħall-kanser tal-pulmun u l-mesoteljoma plewrali – ikkawżati minn fibri tal-asbestos f’sospensjoni li jittieħdu bin-nifs, li tant huma rqaq li jilħqu l-alveoli u li huma twal biżżejjed biex jiżbqu d-daqs tal-makrofaġi, kif ukoll tipi differenti ta' kanser ikkawżati mhux biss mill-fibri fl-arja li jittieħdu bin-nifs iżda wkoll bl-inġestjoni ta’ ilma li jkun fih il-fibri li jkunu ġejjin mill-pajpijiet tal-asbestos – ġew rikonoxxuti bħala periklu tas-saħħa u jistgħu jieħdu ħafna deċennji, u f'ċerti każijiet aktar minn 40 sena, biex isiru evidenti;
38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' asbestosi, mesoteljoma u mard relatat jiġu rreġistrati permezz ta' ġbir sistematiku ta' data dwar il-mard okkupazjonali u mhux okkupazzjonali marbut mal-asbestos, biex jikkategorizzaw u uffiċjalment jirreġistraw il-plakki plewrali bħala mard relatat mal-asbestos, u biex jipprovdu, bl-għajnuna ta' osservatorji dedikati, mappa affidabbli tal-preżenza tal-asbestos; jenfasizza li tali reġistru u mappa fil-livell tal-UE għandhom jinkludu l-post eżatti fejn jinsabu s-siti pubbliċi u privati li fihom l-asbestos, kif ukoll jipprovdu dettalji ċari ta' dawk il-miżbliet li fihom l-iskart tal-asbestos, sabiex jiġi evitat li xi ħadd li ma jkunx jaf bis-sitwazzjoni jiddisturba l-art fejn jinsab midfun tali materjal, u biex jikkontribwixxu għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u rimedju;
39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu azzjoni ta’ riċerka fir-rigward tal-iskala u l-gravità tal-impatti psikoloġiċi klinikament miżurabbli fil-komunitajiet madwar l-UE tal-mard attribwibbli unikament għall-espożizzjoni għall-asbestos(18);
40. Jistieden lill-entitajiet tal-assikurazzjoni u tal-kumpens jadottaw approċċ komuni għar-rikonoxximent u l-kumpens għall-mard relatat max-xogħol marbut mal-asbestos;
41. Jappella biex il-proċeduri ta' rikonoxximent jiġu simplifikati u ffaċilitati;
42. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tressaq proposta sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq ix-xogħol, biex jiġi żgurat li s-saħħa tal-ħaddiema f’riskju li jkunu esposti għal karċinoġeni tkun protetta u salvagwardjata permezz tal-promozzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u d-dijanjożi;
43. Jistieden lill-UE tiżgura li l-mard kollu relatat mal-asbestos, inklużi plakek plewriċi, ikun rikonoxxut bħala mard relatat max-xogħol;
44. Jirrikonoxxi li, minħabba l-perjodi twal ta' kemm idum mistur, il-vittmi tal-asbestos sikwit ma jkunux jistgħu jissostanzjaw il-kawżalità tal-esponiment tagħhom għall-asbestos fuq ix-xogħol;
45. Jistieden lill-Istati Membri ma jitfgħux il-piż tal-provi fuq il-vittmi tal-asbestos iżda jistabilixxu drittijiet usa' għat-talbiet għal kumpens, kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/670/KE(19);
46. Jistieden lill-UE tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' mard relatat max-xogħol marbut mal-asbestos ikunu identifikati, irrappurtati lill-awtorità kompetenti u eżaminati minn esperti;
47. Jitlob li tiġi mfittxija u sanzjonata r-responsabbiltà kriminali tad-delinkwenti, jitlob f’dan ir-rigward li l-ostakoli għall-din l-azzjoni, li possibbilment jinsabu fil-liġijiet kriminali nazzjonali, jiġu identifikati u eliminati;
48. Jistieden lill-Kummissjoni xxerred l-aħjar prattiki fir-rigward ta’ linji gwida u prattiki nazzjonali għall-proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent tal-mard relatat mal-asbestos;
50. Jistieden lill-aġenziji rilevanti tal-UE - bil-għajnuna ta’ esperti mediċi u tekniċi - sabiex jiddelinjaw il-provi xjentifiċi meħtieġa li juru li ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol wasslu għal mard relatat mal-asbestos;
Appoġġ għall-Gruppi tal-Vittmi tal-Asbestos
51. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja konferenzi li jipprovdu lill-gruppi tal-vittmi tal-asbestos pariri professjonali, u li jipprovdu appoġġ għall-membri tagħhom;
53. Jenfasizza li indipendentement mis-sors tal-espożizzjoni jew l-istatus ta' impjieg tal-persuna esposta, il-vittmi kollha tal-asbestos fl-UE u l-qraba tagħhom jistħoqqilhom id-dritt li jirċievu kura medika rapida u xierqa u appoġġ finanzjarju adegwat mill-iskemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom;
54. Jistieden lill-UE taħdem flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex toħloq strumenti li jittimbraw is-suq tal-asbestos bħala suq tossiku;
55. Jitlob, b'mod aktar ġenerali, biex il-kunċett tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiem b’paga jiġi kkunsidrat mil-liġijiet nazzjonali u jikkostitwixxi obbligu li jintlaħaq riżultat għal min iħaddem, b'referenza għad-Direttiva Qafas 89/391/KEE;
56. Jistieden lill-UE tqis bħala prijorità li l-krisotilu jitniżżel fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam;
57. Jistieden lill-UE tindirizza d-dumping inaċċettabbli tal-asbestos fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw waqt fora fejn il-ftehimiet ta' kummerċ ikun qed jiġu diskussi, b’mod partikolari fid-WTO, u sabiex tagħmel pressjoni diplomatika u finanzjarja fuq il-pajjiżi li jesportaw l-asbestos sabiex jagħlqu l-industriji tal-minjieri tal-asbestos u jwaqqfu l-prattika illegali u mhux etika li jesportaw vapuri li jkunu waslu fit-tmiem tal-użu tagħhom u li jkun fihom l-asbestos;
58. Jistieden lill-UE, f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, pajjiżi terzi u korpi internazzjonali oħra, tippromwovi livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar id-dinja kollha, pereżempju billi tidentifika problemi relatati mal-asbestos u tippromwovi soluzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa;
59. Jistieden lill-UE tiżviluppa u tappoġġja l-esportazzjoni ta' teknoloġiji mingħajr l-użu tal-asbestos, u tal-għarfien dwar l-asbestos, lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
60. Jikkundanna l-investiment finanzjarju Ewropew fl-industriji tal-asbestos globali;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li bastimenti li jġorru l-asbestos bħala merkanzija fi tranżitu la jistgħu jittrakkaw u lanqas jużaw il-faċilitajiet tal-port jew il-ħażna temporanja fl-UE;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
“Tiġi żviluppata azzjoni preventiva u protettiva għal sustanzi rikonoxxuti bħala karċinoġeniċi, billi jiġu stabbiliti limiti ta’ esponiment, ir-rekwiżiti dwar kampjuni u l-metodi tal-kejl, u l-kundizzjonijiet sodisfaċenti ta’ iġene fuq il-post tax-xogħol, u billi jiġu speċifikati projbizzjonijiet fejn meħtieġ.”
Id-Direttiva 92/57/KEE: ĦTIĠIET MINIMI TA' SIGURTÀ U SAĦĦA GĦALL-POSTIJIET TA' KOSTRUZZJONI 14.1.2 Jekk iċ-ċirkustanzi jeħtieġu hekk (pereżempju sustanzi perikolużi, umdità, ħmieġ), għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex il-ħwejjeġ tax-xogħol ikunu jistgħu jinżammu f’post separat mill-ħwejjeġ u l-oġġetti personali tal-ħaddiema stess.
Fl-1978, wara perjodu ta’ 18-il xahar ta’ investigazzjoni, kumitat parlamentari kkonkluda li l-asbestos ippreżenta “periklu kemm għall-ħaddiema fl-industrija tal-asbestos kif ukoll għal dawk esposti f’sitwazzjonijiet oħrajn’ (Parlament Ewropew 1978)
WHO - “Global Health Risks: Mortality and burden of disease attributable to selected major risks’ - http://www.who.int/healthinfo/global_burden_disease/GlobalHealthRisks_report_full.pdf and http://www.who.int/ipcs/assessment/public_health/asbestos/en/
Il-mesoteljoma tqiegħed kemm lill-vittmi kif ukoll lill-familji tagħhom f’sitwazzjoni estremament diffiċli biex ilaħħqu magħha, anke mil-lat psikoloġiku. Minn riċerka li twettqet f’Casale Monferrato mill-Università ta’ Turin (Professur A. Granieri) irri¿ulta li dawk li jbatu bil-mesoteljoma u l-familji tagħhom juru sintomi psikoloġiċi varji li jaqgħu fid-definizzjoni xjentifikament aċċettata ta’ disturbi ta’ stress post trawmatiku (PTSD).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea (2012/2039(INL))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea (COM(1991)0273) u l-proposta emendata (COM(1993)0252),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2005 dwar ir-riżultat tal-eżami tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur (COM(2005)0462),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ”Flimkien għal tkabbir ġdid’“(COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni” (COM(2011)0682),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2006 dwar ir-riżultat tal-iscreening tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2006 dwar żviluppi riċenti u prospettivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji(2),
– wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma(4),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu, tal-10 ta' Marzu 2011, dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijie(5)t,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew(6),
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew fuq statut għal impriżi mutwi Ewropej, ippreżentata mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-21 ta’ Jannar 2013(7),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0018/2013),
A. billi l-Kummissjoni rtirat l-abbozz ta’ proposta tagħha għal Regolament dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea f’Marzu 2006;
B. billi Regolament dwar l-Istatut ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(8) kien adottat fl-2003 u billi l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat fit-8 ta’ Frar 2012 proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut tal-Fondazzjoni Ewropea (FE);
C. billi l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament fl-2011 jagħti preżentazzjoni ċara tal-implikazzjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi ta’ intervent mill-Unjoni fil-qasam tal-impriżi mutwi;
D. billi fi snin riċenti l-Parlament adotta diversi riżoluzzjonijiet li appellaw għall-adozzjoni ta' regolament dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea; billi l-Parlament jiddispjaċih li l-Kummissjoni, wara li rtirat il-proposta ta' statut għal impriża mutwa Ewropea fl-2006, ma ressqitx proposta oħra li tipprovdi lil dawn l-impriżi bi strument ġuridiku adegwat biex jiġu faċilitati l-attivitajiet transkonfinali tagħhom;
E. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrevedi xi ftit mill-proposti preċedenti dwar l-istatut għal impriża mutwa Ewropea u li tikkunsidra mill-ġdid il-bżonn għal intervent leġiżlattiv bil-ħsieb li ssir valutazzjoni globali tal-impatt; billi l-Parlament jilqa’ l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-kuntest dwar is-sitwazzjoni attwali u l-proposti ta’ impriżi mutwi fl-Unjoni, li jeżamina d-diffikultajiet li l-impriżi mutwi jaffaċċjaw, minħabba n-nuqqas ta’ oqfsa legali f’ċerti Stati Membri, u l-problemi li jirrigwardaw il-ħolqien ta’ impriżi mutwi ġodda minħabba r-rekwiżiti kapitali u n-nuqqas ta' soluzzjonijiet għall-istabbiliment ta' gruppi; billi l-Kummissjoni għandha tipproponi soluzzjonijiet adegwati għal dawn il-problemi ħalli tiġi rikonoxxuta aktar il-kontribuzzjoni ta’ impriżi mutwi għall-ekonomija soċjali, inkluż statut;
F. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet, u ta’ dan ta’ min ifaħħarha, il-ħtieġa ta’ statut u impenjat ruħha li tipprovdi leġiżlazzjoni aqwa għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (inklużi l-impriżi mutwi), filwaqt li enfasizzat li dawn l-impriżi għandhom ikunu kapaċi joperaw b’mod transkonfinali bħala kontribut għall-isforz Ewropew biex iżidu t-tkabbir u jsaħħu l-fiduċja fiż-Żona Ekonomika Ewropea(9);
G. billi hemm it-tama, għalhekk, li dan l-istatut Ewropew ikun ambizzjuż u innovattiv bil-għan li jipproteġi l-ħaddiema u l-familji tagħhom meta jiċċaqalqu fl-Unjoni;
H. billi l-impriżi mutwi huma gruppi volontarji ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-iskop tagħhom hu li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-membri tagħhom pjuttost milli jiksbu qligħ fuq l-investiment; billi huma joperaw skont il-prinċipji ta’ sħubija volontarja u miftuħa u solidarjetà bejn il-membri u huma ġestiti skont prinċipji demokratiċi (bħall-prinċipju ta' membru wieħed/vot wieħed għal impriżi mutwi komposti minn persuni individwali), biex b’hekk jikkontribwixxu għal ġestjoni responsabbli u sostenibbli;
I. billi, minħabba d-diversità tagħhom, l-impriżi mutwi fl-Ewropa jeżistu f’qafas diversifikat ħafna, għal dak li jikkonċerna s-servizzi provduti minnhom, jew id-daqs tagħhom, jew il-missjoni tagħhom, jew l-impatt ġeografiku tagħhom;
J. Billi jeżistu żewġ tipi ewlenin ta’ impriżi mutwi fl-Ewropa, li huma l-impriżi ta’ “benefiċċju mutwu” (jew “providenza ta’ saħħa”) u l-impriżi ta’ “assigurazzjoni mutwa”; billi l-impriżi ta’ “benefiċċju mutwu’ jipprovdu kopertura soċjali li hija supplimentari, komplimentari jew integrata fis-sistemi obbligatorji ta’ protezzjoni soċjali. billi l-impriżi ta’ ”assigurazzjoni mutwa“ jistgħu jkopru kull tip ta’ proprjetà u riskji ta’ ħajja, u billi f’ċerti Stati Membri, l-impriżi mutwi jistgħu anki jipprovdu servizzi f’oqsma oħra bħall-akkomodazzjoni jew il-kreditu;
K. billi, minkejja d-diversità tagħhom, l-impriżi mutwi jorganizzaw servizzi u prestazzjonijiet fl-interessi tal-membri tagħhom, fuq il-bażi ta’ solidarjetà u permezz ta’ finanzjament kollettiv; billi huma jorganizzaw ruħhom demokratikament u jużaw il-bilanċi pożittivi tal-attivitajiet tagħhom għall-benefiċċju tal-membri tagħhom;
L. billi l-Unjoni, bl-objettiv li tiżgura kundizzjonijiet pari ta' kompetizzjoni u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tagħha, għandha tipprovdi impriżi mutwi, li huma forma ta' organizzazzjoni rikonoxxuta f'ħafna mill-Istati Membri, b'istrumenti legali adegwati li jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-attivitajiet transkonfinali tagħhom u jippermettulhom jibbenefikaw mis-suq intern;
M. billi l-impriżi mutwi għandhom rwol importanti fl-ekonomija tal-Unjoni billi jipprovdu kura tas-saħħa, servizzi soċjali u servizzi tal-assigurazzjoni għall-but ta' kulħadd lil aktar minn 160 miljun ċittadin Ewropew; billi huma jirrappreżentaw aktar minn EUR 180 biljun f’premjums ta’ assigurazzjoni u jimpjegaw aktar minn 350 000 persuna;
N. billi l-impriżi mutwi jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura u l-inklużjoni soċjali u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-għoti ta' servizzi ta' interess ġenerali fl-Unjoni;
O. billi fl-2010, 12.3 miljun ċittadin Ewropew kienu qed jaħdmu fi Stat Membru ieħor, li jirrappreżentaw 2.5% tal-popolazzjoni attiva tal-Unjoni;
P. billi f'xi Stati Membri l-fondi statutarji tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma projbiti milli joperaw bħala kumpaniji tas-settur privat;
Q. billi l-impriżi mutwi jirrapreżentaw 25% tas-suq tal-assigurazzjoni u 70% tan-numru totali ta’ impriżi fl-industrija; billi l-impriżi mutwi ma jistgħux ikomplu jintesew mis-suq uniku(10), u li għandhom jingħataw statut Ewropew biex ikunu ugwali għal forom oħra ta' impriżi fl-Unjoni; billi d-diversità tal-forom tal-intraprenditorjat hija vantaġġ li għandu jkun għal kollox rikonoxxut u mħeġġeġ;
R. billi l-impriżi mutwi għandhom rwol jew għandu jkollhom rwol importanti fl-ekonomiji tal-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li huma jikkontribwixxu għall-objettivi strateġiċi tal-Unjoni – ikkonfermat mit-tendenzi demografiċi – fl-iżgurar tat-tkabbir inklużiv b’aċċess għar-riżorsi fundamentali, għad-drittijiet u s-servizzi soċjali għal kulħadd, għas-saħħa adegwata u l-kura fit-tul abbażi tas-solidarjetà, l-aċċessibbiltà mill-aspett finanzjarju, in-nondiskriminazzjoni u n-nonesklużjoni, u l-garanzija li l-bżonn għal kura addizzjonali għall-anzjani mhux se twassalhom għall-faqar jew id-dipendenza finanzjarja;;
S. billi l-impriżi mutwi huma partikolarment attivi fil-qasam tas-saħħa, il-kura fit-tul, il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali inklużi l-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjiħ; billi l-involviment tal-impriżi mutwi bħala partijiet interessati ewlenin huwa kruċjali għas-sostenibilità futura tal-protezzjoni soċjali, fid-dawl tal-fatt li t-tixjiħ demografiku qiegħed attwalment joħloq sfidi ewlenin fl-Ewropa, u qed jitfa' piż partikolari fuq il-bilanċi tal-baġits nazzjonali, u qed jirriskja li jpoġġi l-infiq pubbliku għall-protezzjoni soċjali taħt pressjoni; u billi l-impriżi mutwi jista’ jkollhom rwol importanti fil-proponiment ta’ skemi ta’ pensjonijiet soċjalment responsabbli, għalkemm ma jistgħux jissostitwixxu l-ewwel pilastru solidu tas-sistema tal-pensjonijiet;
T. billi s-settur privat qed jiġi mitlub jikkontribwixxi għat-tisjib ta’ soluzzjoni għall-isfidi tar-riforma tas-sistemi ta’ saħħa tal-Unjoni u l-ekonomija soċjali; billi, b’mod aktar partikolari, l-impriżi mutwi għandhom rwol naturali bħala partijiet interessati fl-ilħuq ta’ dan l-għan.
U. billi l-impriżi mutwi, bil-valuri fundamentali tagħhom ta’ solidarjetà, governanza demokratika u nuqqas ta’ azzjonisti, joperaw għall-benefiċċju tal-membri tagħhom u b’hekk, min-natura tagħhom stess, b’mod soċjalment responsabbli;
V. billi l-valuri tal-impriżi mutwi jikkorrispondu mal-prinċipji fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew; billi, apparti mill-fatt li huma bbażati fuq valuri ta' solidarjetà, l-impriżi mutwi huma operaturi ewlenin fl-ekonomija tas-suq soċjali tal-Unjoni u għandhom jingħataw rikonoxximent akbar, partikolarment billi jiġi stabbilit statut Ewropew;
W. billi ż-żieda fl-infiq fuq il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet jista’ jkollha konsegwenzi sinifikanti għas-sostenibilità u l-kopertura tas-sistemi attwali ta’ protezzjoni soċjali; billi l-impriżi mutwi jippromwovu valuri fundamentali tal-Istat soċjali bħas-solidarjetà, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċess ugwali u servizzi soċjali ta’ kwalità għolja fis-settur privat; billi t-tisħiħ tal-kontribut tal-impriżi mutwi għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew m'għandux isir għad-detriment tal-azzjoni li jieħdu l-Istati Membri għall-protezzjoni soċjali; billi, madankollu, jeħtieġ li l-protezzjoni soċjali volontarja ma tissostitwixxix is-sigurtà soċjali; billi d-diversità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, ftit minnhom totalment imħallsa mill-Istat, ftit mill-impriżi mutwi u ftit fuq bażi komuni mit-tnejn, għandha tiġi rrispettata; billi l-istatut għal soċjetà mutwa Ewropea huwa essenzjali iżda dan jeħtieġ li ma jintużax biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni soċjali;
X. billi hemm it-tama li ssir aktar faċli għall-ħaddiema kollha b'mod partikolari ħaddiema fin-negozji ż-żgħar, li jingħaqdu ma' impriża mutwa, u li huma se jiġu mħeġġa jagħmlu dan;
Y. billi hemm it-tama li, f'dak il-każ, titħeġġeġ sħubija tal-ħaddiema ma' sistema ta' impriżi mutwi permezz ta' eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew permezz ta' eżenzjoni fiskali;
Z. billi l-impriżi mutwi, fid-dawl tal-isfidi li l-gvernijiet qed jaffrontaw fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, jistgħu jikkontribwixxu sabiex ikun hemm xibka ta’ sikurezza finanzjarjament aċċesibbli għal dawk suġġetti għal riskju; billi l-impriżi mutwi joffru opportunitajiet addizzjonali u finanzjarjament aċċesibbli liċ-ċittadini tal-Unjoni;
AA. billi ċerti impriżi mutwi għandhom element volontarju qawwi ħafna u billi din l-etika għandha tinżamm u tiġi ffaċilitata;
AB. billi f'xi Stati Membri, flimkien mas-servizzi tal-assigurazzjoni, l-impriżi mutwi jipprovdu servizzi ta' self mingħajr imgħax jew b'imgħax baxx lill-membri tagħhom;
AC. billi l-valur miżjud tal-impriżi mutwi meta mqabbla mal-kompetituri kummerċjali tagħhom se jkun akbar fil-livell tal-Unjoni, fid-dawl tal-piż ekonomiku tagħhom u l-impatt pożittiv ta’ żona ta’ attività fil-livell tal-Unjoni;
AD. billi l-ekonomija soċjali, u b'mod partikolari l-impriżi mutwi, għandha rwol essenzjali fl-ekonomija tal-Unjoni, billi tgħaqqad il-profitt mas-solidarjetà, u b’hekk jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u impjiegi lokali, tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali, jiġi ġġenerat il-kapital soċjali, jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva, l-assistenza soċjali bbażata fuq is-solidarjetà u tip ta' ekonomija b'valuri demokratiċi li tqiegħed lill-persuni fl-ewwel post u tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni soċjali, ambjentali u teknoloġika;
AE. billi l-impriżi mutwi għandhom rwol f'dawn l-isfidi flimkien mas-settur privat, u li għalhekk għandhom, biex jagħmlu dan, ikunu kapaċi joperaw f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bħal dawk ta’ forom oħra ta’ impriżi fl-Unjoni ; billi l-istatuti Ewropew diġà fis-seħħ, bħall-Kooperattiva Ewropea (SCE) jew il-Kumpanija Ewropea (SE), mhumiex adattati għal impriżi mutwi minħabba d-differenzi bejn il-mudelli ta' governanza tagħhom;
AF. billi l-eżistenza tal-lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija ta’ min jiddispjaċih minnha, peress li l-impriżi ma jissemmewx speċifikament fit-trattati u billi l-mudelli ta’ negozju tagħhom mhumiex koperti fil-leġiżlazzjoni sekondarja, li tirreferi għall-impriżi pubbliċi u privati biss, u b’hekk dan jaffettwa ħażin l-istatus tal-impriżi mutwi, l-iżvilupp tagħhom u l-istabbiliment ta’ gruppi transkonfinali;
AG. billi l-istatut Ewropew għal soċjetà mutwa hu essenzjali biex tintlaħaq integrazzjoni aħjar fis-suq uniku, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-kwalitajiet speċifiċi tal-impriżi mutwi u biex l-impriżi mutwi jkunu jistgħu jagħmlu kontribut akbar ħalli jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 bbażati fuq it-tkabbir u l-impjiegi; billi statut Ewropew se jiffaċilita wkoll il-mobilità taċ-ċittadini Ewropej billi jippermetti lill-impriżi mutwi jipprovdu servizzi f’diversi Stati Membri u b’hekk joħolqu kontinwità u koerenza akbar fis-suq uniku;
AH. billi l-istatut Ewropew għal impriżi mutwi se jipprovdi mod ta’ kif jiġi promoss il-mudell muwtalistiku madwar Unjoni mkabbra, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda fejn mhuwiex kopert minn ċerti sistemi ġuridiċi; billi regolament tal-Unjoni, li naturalment ikun applikabbli fl-Unjoni kollha, ikollhu l-vantaġġ doppju li jipprovdi dawk il-pajjiżi b’statut Ewropew ta’ riferiment u jikkontribwixxi għall-istatus u l-profil pubbliku ta’ dan it-trip ta’ impriża;
AI. billi li l-istatut jista’ jipprovdi opportunitajiet għal impriżi mutwi biex joħolqu ekonomiji ta’ skala ħalli tinżamm il-kompetittività fil-futur, u jiżdied ir-rikonoxximent tal-valur tal-impriżi mutwi fit-tfassil ta’ politika tal-Unjoni;
AJ. billi l-impriżi mutwi huma organizzazzjonijiet sodi u sostenibbli, li rreżistew il-kriżi finanzjarja u kkontribwixxew għal suq aktar reżistenti u diversifikat, fl-ekonomiji kollha partikolarment fil-qasam tal-assigurazzjoni u l-protezzjoni soċjali; billi l-impriżi mutwi huma partikolarment attivi fil-qasam popolazzjoni li qed tixjiħ u l-bżonnijiet soċjali; billi l-involviment tal-impriżi mutwi fil-qasam tal-pensjonijiet joffri opportunitajiet addizzjonali liċ-ċittadini tal-Unjoni u billi huma għandhom rwol fil-preservazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew;
AK. billi l-impriżi mutwi ma jiddisponux minn ishma iżda huma proprjetà komuni, peress li l-bilanċi favorevoli tagħhom huma investiti mill-ġdid pjutost milli distribwiti lill-membri; billi dan ikkontribwixxa għall-fatt li l-impriżi mutwi rreżistew il-kriżi b'mod aħjar mill-entitajiet tas-settur privat;
AL. billi statut Ewropew ikun jikkosistwixxi għodda volontarja kumplimentarja għad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali fis-seħħ li applikaw għall-impriżi mutwi u b’hekk ma jkunx jaffettwa l-istatuti diġà fis-seħħ, iżda pjutost jikkostitwixxi it-28 sistema li tiffaċilita l-involviment tal-impriżi mutwi fl-attivitajiet transkonfinali;
AM. billi l-Kummissjoni għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi mutwi biex tiżgura l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet, bil-ħsieb li tiġi evitata d-diskriminazzjoni addizzjonali u jiġi żgurat li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida tkun proporzjonata kif ukoll jiġi ggarantit suq ġust, kompetittiv u sostenibbli;
AN. billi t-talba għal diversifikazzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni qed tikber, u b’hekk qed jiġi enfasizzat ir-rwol li l-impriżi mutwi jistgħu jassumu meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom ibbażati fuq l-azzjonisti, sabiex is-settur isir aktar kompetittiv, anqas riskjuż u aktar reżiljenti għal ċirkustanzi finanzjarj i u ekonomiċi li dejjem qed jinbidlu;
AO. billi l-impriżi mutwi huma suġġetti għal kompetizzjoni qawwija u li dejjem qed tikber, b'mod partikolari fis-settur tal-assigurazzjoni, u billi xi wħud minnhom qed jersqu lejn id-demutwalizzazzjoni jew il-finanzjarizzazzjoni;
AP. billi f’tal-anqas sitt Stati Membri tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea, m'hemmx il-possibbiltà ġuridika li tinħoloq organizzazzjoni mutwa; billi dan il-fatt joħloq distorsjonijiet fis-suq; billi statut Ewropew jista’ jirrimedja dan u jista’ jinkoraġġixxi il-ħolqien ta’ impriżi mutwi f’dawn l-Istati Membri;
AQ. billi l-impriżi mutwi ma għandhomx l-istrumenti ġuridiċi neċessarji sabiex jiffaċilitaw l-iżviluppi tagħhom kif ukoll l-attivitajiet transnazzjonali tagħhom fil-qafas tas-suq intern; billi, fid-dawl tad-disponibilità tal-istatuti Ewropej għal forom korporattivi oħra, l-impriżi soċjali għadhom żvantaġġati; billi, fin-nuqqas ta’ statut Ewropew, l-impriżi mutwi ħafna drabi jkollhom jagħmlu użu minn strumenti legali mhux adegwati għall-attivitajiet transnazzjonali tagħhom u dan iwassal għad-demutwalizzazzjoni tagħhom.
AR. billi l-liġijiet nazzjonali dwar l-impriżi mutwi jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Unjoni u billi l-istatut Ewropew jista’ jippermetti l-ħolqien ta’ impriżi mutwi transnazzjonali biex b’hekk jissaħħaħ il-mudell Ewropew tal-protezzjoni soċjali;
AS. billi l-impriżi mutwi stess għandhom ixerrdu l-idea ta’ mutwalità bħala l-valur ċentrali tagħhom, u jikkonvinċu l-membri futuri li din hija alternattiva kosteffiċjenti u sostenibbli meta mqabbla mal-fornituri kummerċjali ta’ servizzi;
AT. billi għandu jiġi evitat li l-impriżi mutwi, sabiex jibqgħu kompetittivi, jieħdu passi sabiex isiru kopji tal-kompetituri kummerċjali tagħhom, pereżempju billi jintroduċu numru ta’ riskji jew kriterji aktar stretti għas-sħubija, jew anki billi jintroduċu ishma sabiex iżidu l-marġni ta’ solvenza tagħhom;
AU. billi l-impriżi mutwi, b’mod partikolari dawk ta’ daqs medju, jistgħu jiġu sforzati jsiru parti minn organizzazzjonijiet akbar, anki kumpaniji b’responsabbiltà limitata (permezz tad-demutwalizzazzjoni), u b’hekk tiżdied id-distanza bejn l-organizzazzjoni kkonċernata u d-detenturi ta’ polza;
AV. billi n-nuqqas ta' statut għadu jimpedixxi l-kooperazzjoni transkonfinali u l-fużjoni tal-impriżi mutwi;
1. Fid-dawl tal-eżitu ta’ studju riċenti dwar is-sitwazzjoni ta’ impriżi mutwi fl-Unjoni, u fid-dawl tal-preferenza ċara espressa diversi drabi mill-Parlament għal statut għal impriża mutwa Ewropea, jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta b’mod rapidu, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet dettaljati mniżżla fl-Anness u fuq il-bażi tal-Artikolu 352 jew, possibbilment l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta jew aktar proposti li jippermettu l-impriżi mutwi joperaw fuq skala Ewropea u transkonfinali;
2. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’ sussisdjarjetà;
3. Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti bl-allokazzjonijiet baġitarji xierqa;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
ANNESS
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Rakkomandazzjonijiet dwar l-istatut għal impriża mutwa Ewropea
Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-objettivi tal-istatut għal impriża mutwa Ewropea)
Il-Parlament Ewropew iqis li d-diversità tal-impriżi għandha tkun stabbilita b’mod ċar fit-Trattat Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jipproponi li fl-Artikolu 54 ta’ dan jiġu inklużi l-impriżi mutwi.
Il-Parlament Ewropew iqis li hija meħtieġa taħlita ta’ strateġiji u miżuri sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet pari għall-impriżi mutwi, inkluż Statut Ewropew, li jagħtuhom l-istess livell ta’ possibbiltajiet li tiżdied dimensjoni Ewropea għall-organizzazzjoni u l-attivitajiet tagħhom u sabiex dwan jiġu provduti b'istrumenti legali adegwati ħalli jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transkonfinali u transnazzjonali tagħhom.F’dan ir-rigward, l-impriżi mutwi jkunu jistgħu joperaw fl-Unjoni skont il-governanza speċifika tagħhom.
Il-Parlament Ewropew iqis li statut għal impriża mutwa Ewropea se joħloq skema volontarja fil-forma ta’ strument fakultattiv li jippermetti l-impriżi mutwi joperaw f’Stati Membri differenti, li jiġu introdotti f’pajjiżi fejn s’issa ma jeżistux, u għalhekk jinsisti li impriża mutwa Ewropea tiġi kkunsidrata forma ġuridika Ewropea li għandha natura speċifikament tal-Unjoni.
Il-Parlament Ewropew ifakkar fl-istess ħin li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva mhux se tbiddel il-liġijiet nazzjonali differenti fis-seħħ, u ma tistax titqies bħala intiża sabiex tapprossimizza l-liġijiet tal-Istati Membri applikabbli għall-impriżi mutwi.
Il-Parlament Ewrope jafferma li l-miri essenzjali ta’ regolament dwar l-istatut għal impriża mutwa Ewropea se jkunu:
–
li jitneħħew l-ostakoli kollha għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-impriżi mutwi filwaqt li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li għandhom għeruq profondi fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali rispettivi u li l-impriżi mutwi jkunu jistgħu joperaw b’mod ħieles fis-Suq Uniku Ewropew biex b’hekk jissaħħu l-priniċpji tas-suq uniku stess;
–
li jkun possibbli li jiġi stabbilita impriża mutwa Ewropea minn persuni fiżiċi residenti fi Stati Membri differenti jew entitajiet legali stabbiliti taħt il-liġijiet ta' Stati Membri differenti;
–
li jkun possibbli li jiġi stabbilita impriża mutwa Ewropea permezz tal-fużjoni ta’ żewġ impriżi mutwi jew aktar, fid-dawl tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali għall-impriżi mutwi(11);
–
li jkun possibbli li tinħoloq impriża mutwa Ewropea permezz tal-konverżjoni jew it-trasformazzjoni ta’ impriża mutwa nazzjonali fil-forma l-ġdida mingħajr ma tiġi xolta, meta l-impriża inkwistjoni għandha l-uffiċċju reġistrat u dak prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru;
–
li jkun possibbli li jinħoloq grupp mutwu Ewropew u li l-impriżi mutwi jkunu jistgħu jieħdu l-vantaġġi li jirriżultaw minn Grupp Ewropew ta’ Impriżi Mutwi b’mod partikolari fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-Solvenza 2(12) għall-impriżi mutwi li jipprovdu assigurazzjoni;
Rakkomandazzjoni 2 (dwar l-elementi ta’ statut għal impriża mutwa Ewropea)
Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tqis li d-disponibilità ta' dan ir-Regolament fakultattiv fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għandha tiġbor fiha l-karatteristiċi u l-prinċipji ta’ governanza tal-impriżi mutwi;
Il-Parlament Ewropew ifakkar li proposta għal statut impriża mutwa Ewropea għandha tieħu kont tar-regoli partikolari ta’ funzjonament tal-impriżi mutwi li huma differenti minn dawk ta’ operaturi ekonomiċi oħra:
–
impriżi mutwi jipprovdu spettru wiesa' ta' servizzi tal-assigurazzjoni, servizzi ta' self jew servizzi oħra fl-interessi tal-membri tagħhom, fuq il-bażi ta’ solidarjetà u permezz ta’ finanzjamenti kollettivi;
–
bħala kontraparti ta’ dan, il-membri jħallsu kontribut jew ekwivalent, li l-ammont tiegħu jista’ jkun varjabbli;
–
il-membri ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda dritt individwali fuq l-assi tal-impriza mutwa.
Il-Parlament Ewropew jemmen li l-istatut għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari u preċiżi għall-ħolqien ta’ kategorija vera u effikaċi tal-impriżi mutwi Ewropej, u iqis neċessarju, f’dan ir-rigward, li jittieħdu inkunsiderazzjoni statuti mudelli preċedenti ta’ entitajiet Ewropej fejn ingħatat flessibbiltà sinifikanti lill-Istati Membri u n-nuqqas ta' valur miżjud wassal sabiex il-kundizzjonijiet neċessarji għas-suċċess fl-użu ta’ tali strument Ewropew ma nħolqux.
Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fir-regolament propost, ibbażat fuq l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-karatteristiċi prinċipali tal-impriżi mutwi bbażati fuq persuni b'mod speċjali l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fejn jikkonċerna l-għażla tar-riskju u l-orjentazzjoni demokratika tal-membri tagħhom, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà usa' fi spirtu ta’ mutwalità.
Il-Parlament Ewropew jenfasizza l-importanza tal-priniċpju ta’ solidarietà fl-impriżi mutwi fejn il-klijenti huma wkoll membri u għalhekk jikkondividu l-istess interessi; ifakkar fil-prinċipju ta’ sjieda komuni tal-kapital u l-indiviżibilità tiegħu; u jenfasizza l-importanza tal-priniċpju tad-distribuzzjoni diżinteressata fil-każ ta’ likwidazzjoni, jiġifieri il-prinċipju li l-assi għandhom ikunu distribwiti lil impriżi mutwi oħra jew entità li għandha bħala għan l-appoġġ u l-promozzjoni ta’ impriżi mutwi;
Rakkomandazzjoni 3 (dwar il-portata u l-ambitu ta’ statut għal impriża mutwa Ewropea)
Il-Parlament Ewropew jenfasizza l-aspetti li ġejjin fir-rigward tal-portata u l-ambitu tar-regolament futur għal Statut Ewropew:
–
ma għandux jaffettwa l-iskemi tas-sigurtà soċjali obbligatorji u legali ġestiti f'ċerti Stati Membri minn impriżi mutwi, u lanqas il-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar jekk iħallux il-ġestjoni ta’ tali skemi f’idejn impriżi mutwi, u kif jagħmlu dan;
–
fid-dawl tan-natura speċifikament tal-Unjoni ta’ impriża mutwa Ewropea, is-sistema ta' ġestjoni adottata mill-istatut ma għandhiex tippreġudika l-liġijiet tal-Istati Membri u ma għandhiex tippreġudika l-għażliet li jistgħu jsiru għal testi tal-Unjoni oħra fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji;
–
ir-regolament ma għandux ikopri oqsma oħra ta’ liġi, bħar-regoli dwar l-involviment tal-impjegat fil-proċess deċiżjonali, il-liġi dwar l-impjiegi, il-liġi dwar it-tassazzjoni, il-liġi dwar il-kompetizzjoni jew il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali jew industrijali jew regoli dwar l-insolvenza u s-sospensjoni ta’ pagamenti;
–
peress li l-qafas li joperaw fih l-impriżi mutwi jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, ir-regolament għandu jiżgura li l-impriżi mutwi Ewropej ikunu jistgħu jiddefinixxu liberament l-għanijiet tagħhom u jipprovdu spettru wiesa' ta' servizzi, inklużi assigurazzjoni soċjali u assigurazzjoni tas-saħħa u l-għoti ta' self, lill-membri tagħhom;
Rakkomandazzjoni 4 (dwar il-governanza ta’ impriżi mutwi Ewropej)
L-impriża mutwa Ewropea għandha tiġi ġestita demokratikament u ffinanzjata b'mod kollettiv għall-benefiċċju tal-membri tagħha. L-istatut għandu jistipula li l-membri huma l-proprjetarji kollettivi tal-organizzazzjoni mutwa.
L-istatuti ta’ impriża mutwa Ewropea għandhom jistabbilixxu r-regoli ta’ governanza u ġestjoni għal li ġej: laqgħa ġenerali (li tista' tkun laqgħa tal-membri kollha jew laqgħa tad-delegati tal-membri), korp ta’ sorveljanza u korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni, skont il-forma adottata fl-istatuti.
Kull membru (persuna fiżika jew legali) jew delegat tal-laqgħa ġenerali għandu fil-prinċipju jkollu voti ugwali.
Il-membru jew membri tal-korp ta’ ġestjoni għandhom jinħatru u jitneħħew mill-korp ta' sorveljanza. Madankollu, Stat Membru jista’ jistabbilixxi jew jippermetti l-istatuti li jipprovdu għall-ħatra tal-membru jew membri tal-korp ta’ ġestjoni mil-laqgħa ġenerali
Ebda persuna ma tista' tkun membru tal-korp ta' ġestjoni u tal-korp ta' sorveljanza fl-istess ħin.
L-effett tad-Direttiva dwar is-Solvenza II dwar il-governanza koporattiva ta’ organizzazzjonijiet mutwi għandu jkun monitorjat bill-qrib.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - 'Flimkien għal tkabbir ġdid'” (COM(2011)0206),
Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p.1).
Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
249k
31k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2013/2542(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2012 dwar L-Eġittu: żviluppi riċenti(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar it-traffikar tal-bnedmin fis-Sinaj(2),
– wara li kkunsidra d-dibattiti plenarji tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012, l-4 ta' Lulju 2012 u t-12 ta' Diċembru 2012 dwar l-Eġittu u l-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli (RGħ/VP) Catherine Ashton u mill-kelliemi tagħha dwar l-Eġittu fl-2012, b’mod partikolari dawk tal-25 ta' Mejju 2012 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu, tal-1 ta' Ġunju 2012 dwar it-tneħħija tal-istat ta' emerġenza fl-Eġittu, tal-15 ta' Ġunju 2012 dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema tal-Eġittu, tal-20 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Eġittu, tal-24 ta' Ġunju 2012 dwar l-elezzjoni ta' Mohammed Morsi bħala l-President tal-Eġittu, tat-13 ta' Settembru 2012 dwar il-varar ta’ Task Force ġdida UE-Eġittu, tal-5 ta' Diċembru 2012 li ssejjaħ għal djalogu nazzjonali, tal-25 ta' Diċembru 2012 dwar ir-referendum fl-Eġittu u tal-25 ta' Jannar 2013 dwar il-qtil li twettaq f'Port Said,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2012, tal-25 ta' Ġunju 2012, tad-19 ta' Novembru 2012 u tal-10 ta' Diċembru 2012 dwar l-Eġittu, tal-31 ta' Jannar 2013 dwar l-Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli fis-Soċjetajiet ta’ Tranżizzjoni u tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), ir-Rapport ta' Progress tal-Pajjiż – l-Eġittu tal-15 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tat-13 u l-14 ta’ Novembru 2012 u l-konklużjonijiet tagħha,
– wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni tal-Kajr' tat-Tieni Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab tat-13 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 tas-26 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara l-laqgħat tiegħu mal-President tal-Eġittu, Mohamed Morsi, fit-13 ta' Settembru 2012 u t-13 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-memorandum tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2013 bl-isem “Ir-reazzjoni tal-UE għar-”Rebbiegħa Għarbija’: is-sitwazzjoni sentejn wara“,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-15 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni u RGħ/VP lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat”,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2001 (li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2004), kif imsaħħaħ bil-Pjan ta' Azzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat maqbula fl-2007,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, fis-7 ta' Diċembru 2012 dwar il-vjolenza fl-Eġittu u l-problemi ewlenin fl-abbozz ta' kostituzzjoni, u tad-29 ta' Jannar 2013 dwar il-ħtieġa għal djalogu serju u t-tmiem tal-użu ta’ forza eċċessiva,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Jannar 2013 mid-Direttur Eżekuttiv ta’ UN Women, Michelle Bachelet, fejn iddikjarat tħassib serju dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa f’postijiet pubbliċi fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, li l-Eġittu qabel li jkun firmatarju tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti fir-reġjun kollu u lil hinn minnu;
B. billi, fl-elezzjonijiet presidenzjali li saru f’Mejju u Ġunju 2012, Mohamed Morsi rebaħ b’51,7 % tal-voti, biex b’hekk sar l-ewwel kandidat Iżlamista li ġie elett kap ta' stat fid-dinja Għarbija, billi dawk l-elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti kienu pass importanti fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika;
C. billi fl-14 ta' Ġunju 2012 il-Qorti Kostituzzjonali Suprema tal-Eġittu ddikjarat li l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012 ma kinux kostituzzjonali u li terz mir-rebbieħa ma kinux eletti legalment, kif ukoll annullat il-Liġi dwar l-Esklużjoni Politika;
D. billi fit-22 ta' Novembru 2012, tmint ijiem wara l-konklużjoni tal-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu u ġurnata wara l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Hamas, li l-Eġittu kien l-intermedjarju għall-konklużjoni tiegħu, il-President Morsi ħareġ Dikjarazzjoni Kostituzzjonali li permezz tagħha, inter alia, qiegħed il-Presidenza lil hinn mill-kontroll ġudizzjarju; billi, jiem wara, il-President annulla dik id-dikjarazzjoni, iżda dimostrazzjonijiet dejjem akbar kienu diġà qed isiru;
E. billi l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u l-imħallfin għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni, attakki, intimidazzjoni u indħil minn diversi atturi u forzi politiċi fl-Eġittu; billi, f'Novembru 2012, il-Qorti Kostituzzjonali issospendiet ħidmietha minħabba l-assedju tas-sede tagħha min-naħa tal-partitarji tal-President u l-alleati tagħhom; billi t-tkeċċija tal-prosekutur ġenerali f'Ottubru 2012 u l-ħatra tas-suċċessur tiegħu ħolqu kritika qawwija u protesti minn imħallfin, uffiċjali ġudizzjarji u oħrajn; billi din l-interferenza fil-ġudikatura tnawwar il-fiduċja tal-popolazzjoni Eġizzjana fl-ekwità u l-imparzjalità tas-sistema legali;
F. billi fit-30 ta' Novembru 2012 l-Assemblea Kostitwenti adottat l-abbozz ta’ Kostituzzjoni; billi dan ġie approvat fil-15 u t-22 ta' Diċembru 2012 permezz ta’ referendum, b’63,8 % tal-voti favur, iżda bil-parteċipazzjoni ta’ 32,9 % biss tal-votanti; billi l-proċess kostituzzjonali u l-adozzjoni antiċipata tal-kostituzzjoni l-ġdida, minflok ma ħolqu kunsens, komplew jgħarrqu l-qasmiet interni fis-soċjetà Eġizzjana; billi bosta fl-Eġittu u lil hinn minnu esprimew tħassib dwar diversi artikoli tal-kostituzzjoni l-ġdida, inkluż l-istatus tax-Sharia fil-leġiżlazzjoni domestika, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rwol tal-qrati militari, il-libertajiet fundamentali, u d-drittijiet tan-nisa;
G. billi elezzjonijiet parlamentari ġodda ġew skedati għall-aħħar ta’ April 2013; billi l-Kumitat Suprem għall-Elezzjonijiet fl-Eġittu aċċetta erba' organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex ikunu “xhieda” tal-elezzjonijiet, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, il-Lega tal-Istati Għarab u l-Unjoni Afrikana; billi fit-18 ta' Frar 2013 il-Qorti Kostituzzjonali Suprema ddikjarat li bosta artikoli ta’ din il-liġi ma kinux kostituzzjonali u talbet li l-Kunsill tax-Shura jemendahom; billi l-forzi tal-oppożizzjoni mmexxija mill-Front għas-Salvazzjoni Nazzjonali, li jipprotestaw kontra n-nuqqas ta’ garanziji legali għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, ħabbru bojkott tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin; billi fis-7 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Elettorali Eġizzjana ssospendiet l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin wara deċiżjoni mill-Qorti Amministrattiva tal-Kajr li twaqqafhom, minħabba li l-Kunsill tax-Shura wara li kien emenda l-liġi elettorali ma kienx irritornaha lill-Qorti Kostituzzjonali Suprema għal rieżami finali;
H. billi, wara skontri vjolenti bejn manifestanti u l-forzi tas-sigurtà, li wasslu għal għexieren ta’ mwiet, lejlet it-tieni anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar u fil-ġimgħat ta’ wara, li ġew ikkaġunati miż-żieda fl-illegalità fl-Eġittu, id-deklin enormi tal-ekonomija Eġizzjana u l-għexieren ta’ sentenzi ta' mewt kontra persuni ċivili involuti fir-rewwixti fatali tal-futbol f'Port Said fl-2012, il-President Morsi ħabbar stat ta' emerġenza f'bosta bliet Eġizzjani, b’tali mod li l-forzi militari wissew dwar il-possibbiltà ta' “kollass tal-Istat”; billi fit-30 ta' Jannar 2013 mexxejja tal-oppożizzjoni għamlu talba konġunta lill-Predient Morsi biex itemm il-vjolenza kontra d-dimostranti, jifforma gvern ta’ unità nazzjonali u jibda djalogu nazzjonali ġenwin, bħala l-uniku mezz biex jingħelbu l-qasmiet u t-tensjonijiet politiċi u soċjali tal-lum; billi l-President Morsi rrifjuta s-sejħiet għal gvern ta' unità; billi, fis-26 ta’ Frar 2013, il-President Morsi vara djalogu nazzjonali li ġie bbojkottjat minn forzi ewlenin tal-oppożizzjoni;
I. billi 42 persuna, fosthom żewġ uffiċjali tal-pulizija, mietu fi skontri wara li qorti rrakkomandat, fis-26 ta' Jannar 2013, li 21 resident ta' Port Said jingħataw piena tal-mewt għal qtil wara logħba futbol ta' sena qabel; billi fid-9 ta' Marzu 2013 din is-sentenza ġiet ikkonfermata, u ngħata verdett kontra t-52 imputat ieħor; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 il-Parlament Ewropew talab li ssir inkjesta indipendenti dwar il-ġrajjiet li wasslu għat-traġedja, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi l-Unjoni Ewropea hija kontra l-użu tal-piena kapitali f’kull każ u f’kull ċirkostanza u appellat konsistentement għall-abolizzjoni universali tagħha sabiex tipproteġi d-dinjità tal-bniedem;
J. billi t-tensjonijiet politiċi li dejjem qed jiżdiedu komplew isaħħu l-polarizzazzjoni interna fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana u qed iwasslu għal protesti kontinwi u konfrontazzjonijiet vjolenti fit-toroq, li jinvolvu arresti arbitrarji, intimidazzjoni, ħtif tal-persuni u tortura; billi każijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza u l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi mill-pulizija, il-forzi tas-sigurtà u gruppi mhux identifikati spiss jibqgħu mingħajr kastig; billi s-sigurtà u l-ordni pubbliku għandhom jinżammu b’rażan u bir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
K. billi l-opinjoni pubblika fl-Eġittu tikkritika bil-qawwi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni; billi l-kodiċi penali u l-kostituzzjoni li għadha kemm ġiet adottata jistgħu jillimitaw il-libertà tal-espressjoni b’mod gravi, sew online kif ukoll offline; billi l-libertajiet ċivili u l-libertajiet diġitali jabilitaw id-drittijiet univerali tal-bniedem u għandhom jitħarsu f’kull waqt; billi l-vjolenza fiżika u l-fastidju kontra l-ġurnalisti żdiedu b’mod sinifikanti; billi nbdew diversi proċedimenti legali kontra l-midja tal-oppożizzjoni talli insultaw lill-President; billi għadhom għaddejjin prosekuzzjonijiet kriminali kontra ġurnalisti, partikolarment mill-midja tal-oppożizzjoni, u kontra kummidjanti bħal Gamal Fahmy, Bassem Youssef u Okasha Tawfiq; billi ġie rrapurtat li tressqu 24 kawża għal insulti lill-President; billi l-għadd ta' kawżi dwar atti blasfemi żdied minn meta nħatar il-President Morsi;
L. billi l-abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Dritt ta’ Dimostrazzjoni Paċifika f’Postijiet Pubbliċi jillimita serjament id-dritt ta' assemblea pubblika paċifika;
M. billi n-nisa Eġizzjani jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu ta’ tranżizzjoni attwali; billi, skont rapporti mill-organizzazzjonijiet Eġizzjani u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, dimostranti nisa spiss ikunu soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali, testijiet tal-verġinità u forom oħra ta’ trattament degradanti mill-forzi tas-sigurtà, filwaqt li attivisti tad-drittijiet tan-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ theddid u fastidju; billi n-nisa xehdu żviluppi li xeħtuhom lura bil-kbir fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika; billi saret kritika min-naħa tal-Kunsill Nazzjonali għan-Nisa (NCW) u s-soċjetà ċivili dwar is-silenzju tal-awtoritajiet, li ma kkundannawx il-vjolenza mġarrba min-nisa, u b'hekk taw sinjal ħażin dwar ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa min-naħa tal-Eġittu;
N. billi s-soċjetà ċivili Eġizzjana u NGOs internazzjonali jaffaċċjaw pressjoni enormi u diffikultajiet kbar meta joperaw fl-Eġittu; billi bosta abbozzi tal-Liġi l-ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet Ċivili qajmu tħassib fost attivisti tas-soċjetà u organizzazzjonijiet ċivili minħabba li jimponu restrizzjoniiet stretti fuq il-finanzjament tal-NGOs, partikolarment minn sorsi barranin, jagħtu lok għal sorveljanza invadenti mill-awtoritajiet u jillimitaw kull forma ta' attività u organizzazzjoni soċjali; billi jillimitaw ukoll żjarat ta' tiftix tal-fatti u attivitajiet essenzjali oħra fl-Eġittu kollu, u b’hekk fil-prattika ma jħallux lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħmlu xogħolhom;
O. billi l-UE hija l-ewwel sieħba ekonomika tal-Eġittu u s-sors ewlenja ta’ investiment barrani u ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp; billi fit-13 u l-14 ta' Novembru 2012 it-Task Force UE-Eġittu ltaqa' fil-Kajr, taħt il-kopresidenza tar-RGħ/VP u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan Kamel Amr, u laħaq qbil dwar pakkett sostanzjali ta' għajnuna ekonomika u politika li jgħin lill-Eġittu fit-tranżizzjoni li għaddej minnha, b'total ta' kważi EUR 5 biljun fil-forma ta' self u għotjiet għall-2012-2013; billi l-għajnuna finanzjarja hi parzjalment bil-kundizzjoni li l-Eġittu jirnexxilu jiffinalizza qbil mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), kif ukoll dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza ekonomika; billi huwa ta' importanza kruċjali għall-Eġittu li jonora dawn l-impenji u li l-Unjoni Ewropea tħaffef l-għoti tal-appoġġ tagħha;
P. billi t-Task Force enfasizzat l-impenn tagħha favur il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li n-nisa jkollhom emanċipazzjoni fl-oqsma kollha, il-libertà ta’ espressjoni u assoċjazzjoni, u l-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u kkundannat il-forom kollha ta’ inċitament għall-mibegħda, l-intolleranza, l-ostilità jew il-vjolenza abbażi tar-reliġjon;
Q. billi s-suċċess tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll tar-riformi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u speċifikament id-drittijiet tan-nisa, se jiddependi fuq l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti;
R. billi s-sitwazzjoni ekonomika Eġizzjana qiegħda fi stat ħażin ħafna, fejn ir-riżervi tal-valuta barranija jinsabu f'livell baxx ħafna u l-lira Eġizzjana tinsab fir-rata l-iżjed baxxa tagħha mill-2004 “l hawn; billi t-titjib ekonomiku tal-pajjiz se jiddependi fuq l-istabbiltà politika u soċjali fit-tul; billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess; billi din it-tranżizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valuri ewlenin tal-ġustizzja soċjali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, u governanza tajba;
S. billi r-ritorn tal-assi misruqa mir-reġim ta' qabel, lil hinn mis-sinifikat ekonomiku tiegħu, jista’ jikkontribwixxi għall-ksib ta' sens ta' ġustizzja u ta' responsabbiltà għall-poplu Eġizzjan u għalhekk huwa kwistjoni politika ewlenija ta' importanza simbolika kbira fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu; billi minn Marzu 2011, 19-il persuna responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi statali Eġizzjani, inkluż l-ex President Mubarak, kellhom l-assi tagħhom iffriżati fl-UE; billi l-Kunsill adotta regolament ġdid fis-26 ta’ Novembru 2012 maħsub biex jiffaċilita r-ritorn ta’ dawn il-fondi miżapproprjati; billi t-Task Force qabel li jiffinalizza, fi żmien tliet xhur, pjan direzzjonali li jista’ jinkludi t-twaqqif ta’ grupp ta’ rkupru tal-assi kkordinat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ;
1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kruċjali ta' tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u assemblea paċifika, il-libertà tal-istampa u l-midja, id-drittijiet tan-nisa, il-libertà ta' reliġjon, tal-kuxjenza u l-ħsieb, il-ħarsien tal-minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, u sabiex jiżguraw l-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudiktura u l-proċess legali, u l-ġlieda kontra l-impunità, billi dawn huma komponenti essenzjali ta' soċjetà ħielsa u demokratika;
2. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-polarizzazzjoni interna li dejjem qed tiżdied fis-soċjetà Eġizzjana u l-inċidenti vjolenti kontinwi; ifakkar lill-awtoritajiet statali Eġizzjani u l-forzi tas-sigurtà dwar id-dmir tagħhom sabiex jirrestawraw u jiżguraw is-sigurtà u l-ordni fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha biex juru trażżin bil-għan li tiġi evitata aktar il-vjolenza, fl-aħjar interessi tal-pajjiż; jitlob ukoll li jsiru investigazzjonijiet serji, imparzjali u trasparenti dwar qtil, tortura, trattament degradanti u fastidju ta’ dimostranti paċifiċi, b'attenzjoni speċjali għan-nisa, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaġixxu bi qbil strett mal-istandards internazzjonali; jiddispjaċih profondament minħabba l-għadd konsiderevoli ta’ mwiet u l-għadd kbir ta' korrimenti li rriżultaw mill-iskontri reċenti, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;
3. Itenni l-pożizzjoni soda u ta’ prinċipju tal-UE kontra l-piena kapitali u jitlob moratorju sħiħ fuq kwalunkwe eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-mewt fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-Eġittu sabiex jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt; jitlob li s-sentenzi tal-mewt mgħoddija fis-26 ta’ Jannar 2013 lill-21 partitarju tal-klabb tal-futbol Al-Masry jiġu kommutati;
4. Jinnota d-deċiżjoni milħuqa mill-kummissjoni elettorali Eġizzjana li tikkanċella l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, u jistieden lill-Gvern Eġizzjan juża dan il-perjodu biex jistabbilixxi proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-konsensus u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu ġenwin nazzjonali bil-parteċipazzjoni sinifikanti tal-forzi politiċi demokratiċi kollha; jitolob lill-forzi politiċi kollha fl-Eġittu biex jaħdmu flimkien f'din id-direzzjoni; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw u jgħinu lill-awtoritajiet, il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili Eġizzjani fl-isforzi tagħhom biex jintlaħaq dan l-objettiv; jilqa' l-istedina maħruġa mill-awtoritajiet Eġizzjani lill-UE biex tkun xhieda tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, minkejja l-fatt li l-elezzjonijiet tħassru; itenni l-offerta tiegħu li jibgħat missjoni ta' osservazzjoni bir-reqqa tal-proċess elettorali;
5. Jesprimi allarm dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikolari d-dimostranti nisa u attivisti tad-drittijiet tan-nisa, u n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jipprevjenu u jikkundannaw din il-vjolenza jew li jżommu responsabbli lil dawk li jwettquha; jistieden lill-President Morsi, kif ukoll il-mexxejja tal-partiti li qed jiggvernaw u dawk fl-oppożizzjoni, sabiex jeżerċitaw tmexxija politika qawwija ħalli jaffrontaw il-vjolenza fuq bażi sesswali, u sabiex jiżguraw li l-inċidenti kollha ta' aggressjoni u fastidju sesswali fuq in-nisa jiġu investigati b'mod effettiv, u dawk li jwettqu din il-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja u jiżguraw li l-vittmi jirċievu kumpens adegwat; iħeġġeġ lill-President Morsi sabiex jindirizza din il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kronika kontra n-nisa billi jadotta l-leġiżlazzjoni kontra l-fastidju proposta mill-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jikkundannaw kull forma ta' vjolenza u aggressjoni kontra n-nisa; iħeġġeġ lill-gvern biex jippromwovi u jappoġġja l-parteċipazzjoni politika tan-nisa billi jreġġa’ lura t-tendenza negattiva attwali f’dan il-qasam;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jirriformaw il-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, sabiex jabolixxu kull liġi li tippermetti l-użu mingħajr limitu tal-vjolenza mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà kontra l-persuni ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat, fi djalogu u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, qafas legali xieraq biex jiżgura d-dritt għal dimostrazzjonijiet paċifiċi u assemblea pubblika paċifika u biex jiżgura li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw mingħajr limitazzjonijiet bla bżonn u jibbenefikaw minn għajnuna minn sorsi barranin;
7. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-impenn muri mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għax-xogħol ta' importanza u ta' kwalità għolja li jwettqu biex jippromovu l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u jitlob waqfien immedjat ta’ kull pressjoni, intimidazzjoni jew fastidju kontra t-trejdjunjins, ġurnalisti u bloggers;
8. Jinsab imħasseb dwar il-qagħda tal-ġudikatura Eġizzjana; jitlob lill-Gvern Eġizzjan u l-forzi politiċi tal-pajjiż sabiex jirrispettaw, jappoġġjaw u jippromwovu b'mod sħiħ l-indipendenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji fl-Eġittu; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali sabiex jiġi żgurat qafas legali xieraq li jindirizza l-impunità u t-tortura u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jibdew proċess ġenwin ta’ ġustizzja tranżizzjonali bil-għan li jiżguraw li tittieħed responsabilità għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa qabel, waqt u wara r-rivoluzzjoni tal-2011;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tat-twemmin, tal-kuxjenza u dik reliġjuża; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien, fit-18 ta’ Frar 2013, ta’ Kunsill Eġizzjan ta’ Knejjes, magħmul minn ħamsa mill-akbar denominazzjonijiet Kristjani fil-pajjiż u b’mandat li jinkludi l-promozzjoni ta’ djalogu Musulman-Kristjan; jemmen li għandhom isiru sforzi biex ireġġgħu lura l-marea ta’ emigrazzjoni Kristjana mill-Eġittu, li mhux biss thedded l-eżistenza kontinwa ta’ waħda mill-eqdem komunitajiet Eġizzjani, iżda wkoll tagħmel ħsara lill-ekonomija Eġizzjana, bi professjonisti mħarrġa jitilqu mill-pajjiż;
10. Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-Aja u li ma jistidnux lil dawk il-kapijiet ta' Stat li għalihom il-Qorti Kriminali Internazzjonali tkun ħarġet mandat ta' arrest;
11. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi li jwasslu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fl-Eġittu kif espress mill-poplu Eġizzjan; itenni s-sejħa tiegħu biex issir evalwazzjoni dwar il-possibbiltà li jitneħħa l-istat ta' emerġenza fil-pajjiż kollu; jitlob it-tmiem immedjat tal-prosekuzzjoni tal-persuni ċivili fil-qrati militari;
12. Itenni t-tħassib kontinwu tiegħu dwar il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti irregolari fil-pajjiż, partikolarment fir-reġjun tas-Sinaj; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jintensifikaw aktar l-isforzi tagħhom ħalli jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, mhux l-anqas billi jimplimentaw leġiżlazzjoni sħiħa nazzjonali u billi jagħtu lill-aġenziji tan-NU u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem aċċess sħiħ għall-individwi kkonċernati f’Sinaj;
13. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika fl-Eġittu li sejra lura b’rata mgħaġġla u n-negozjati mtawla fuq ftehim ta’ self mal-FMI; jilqa’ l-isforzi mġedda tal-gvern biex ikompli dawn in-negozjati; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Eġittu, bit-titjib tad-djalogu bilaterali dwar ir-riforma ekonomika, bħala pass importanti lejn il-bini tal-fiduċja fost l-investituri;
14. Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u l-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw il-prinċipju “aktar għal aktar” b'attenzjoni partikolari dwar is-soċjetà ċivili, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-minoritajiet, b'mod iżjed koerenti u prattiku, li jinkludi kundizzjonijiet u parametri ta' riferiment ċari jekk il-Gvern Eġizzjan jitbiegħed mir-riformi demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, u bħala sies tal-Politika Ewropea riveduta tal-Viċinat, fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Gvern Eġizzjan, mingħajr ma jiġi gġenerat effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-popolazzjoni tal-pajjiż;
15. Iħeġġeġ lir-RGħ/VP sabiex tinsisti li l-awtoritajiet Eġizzjani u l-President Morsi josservaw l-impenji tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-UE sabiex ma tati l-ebda appoġġ baġitarju lill-awtoritajiet Eġizzjani jekk ma jsir l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt;
16. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal iżjed kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-pjanijiet ta' azzjoni tiegħu, tal-kontinwazzjoni b'suċċess tat-Task Force UE-Eġittu, ta' djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, ta' żieda fil-kooperazzjoni kummerċjali, ta' iżjed mobilità għall-Eġizzjani, b'mod partikolari għall-istudenti, lejn l-UE, tan-negozjat ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv jew tal-integrazzjoni futura tas-suq;
17. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu sforzi sinifikanti ulterjuri mmirati sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tal-assi miżapproprjati misruqa mir-reġim ta’ qabel lill-poplu tal-Eġittu; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-UE tistabbilixxi grupp ta’ investigaturi, avukati u prosekuturi mill-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra Ewropej sabiex iwasslu l-appoġġ legali u assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani f'dan il-proċess;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Eġizzjani.
It-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
220k
24k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (2013/2565(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-RDPK,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 825 (1993), 1540 (2004), 1695 (2006) u 1887 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali kollha rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottati u ratifikati mir-RDPK,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, partikolarment dik adottata b'kunsens fid-19 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Frar 2013 ta' Marzuki Darusman, Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw is-'satellita' mtellgħa mir-RDPK fit-12 ta' Diċembru 2012, bl-użu ta' teknoloġija tal-missili balistiċi, u t-test nukleari mwettaq fit-12 ta' Frar 2013, li b'mod ċar jikser l-obbligi internazzjonali fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u joħloq theddida għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;
B. billi l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-vetturi tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK rtirat mit-Trattat ta' Nonproliferazzjoni (TNP) fl-2003 u ilha twettaq testijiet nukleari sa mill-2006, filwaqt li fl-2009 ddikjarat uffiċjalment li żviluppat arma nukleari; billi l-iżvilupp ta' programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta' nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li t-tensjonijiet reġjonali jaggravaw;
C. billi dan ma jgħinx l-objettiv mistqarr tar-RDPK li ttejjeb is-sigurtà tagħha; billi r-RDPK, bl-ekonomija tagħha kkonċentrata fuq l-armata, għadha 'l bogħod ħafna milli tilħaq l-objettiv mistqarr tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani, u minflok kompliet tiżola u tfaqqar dejjem aktar lill-poplu tagħha permezz tal-kisba ta' armi ta' qerda massiva u l-vetturi tagħhom;
D. billi r-RDPK reċentement irtirat mit-Trattat ta' Armistizju Korean mar-Repubblika tal-Korea, u qatgħet il-linja ta' kuntatt dirett bejn Pjongjang u Seul; billi l-Peniżola Koreana ilha għexieren ta' snin tiffaċċa tensjonijiet u konfrontazzjonijiet militari; billi l-UE tappoġġa bil-qawwa l-idea tad-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana, u tqis li hu essenzjali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun li jissuktaw it-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet,
E. billi r-reġim tar-RDPK ma kkooperax man-Nazzjonijiet Uniti u rrifjuta r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq; billi naqas milli jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u rrifjuta kull assistenza offruta mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem;
F. billi l-UE hi difensur u promotur tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarja fir-RDPK għadha allarmanti ħafna; billi l-Gvern tar-RDPK ma jippermettix oppożizzjoni politika organizzata, elezzjonijiet liberi u ġusti, midja ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni, negozjar kollettiv jew moviment liberu;
G. billi s-sistema ġudizzjarja hi sottomessa għall-Istat, filwaqt li l-piena kapitali hija fis-seħħ għal firxa wiesgħa ta' delitti kontra l-Istat u hi perjodikament estiża permezz tal-Kodiċi Kriminali, u ċ-ċittadini, inkluż it-tfal, huma furzati jattendu għall-eżekuzzjonijiet pubbliċi; billi l-awtoritajiet statali tar-RDPK sistematikament iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien ta' persuni, fosthom anke fil-forma ta' ħtif ta' ċittadini barranin, filwaqt li internaw aktar minn 200 000 persuna f'ħabsijiet u f'kampijiet ta' 'riedukazzjoni';
H. billi l-poplu tar-RDPK ilu għexieren ta' snin espost għas-sottożvilupp, b'assistenza sanitarja skarsa u livelli għolja ta' malnutrizzjoni materna u infantili, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku, diżastri naturali rikorrenti u żidiet internazzjonali fil-prezz tal-prodotti tal-ikel u tal-karburanti; billi partijiet kbar tal-popolazzjoni qed ibatu l-ġuħ u huma, fil-parti l-kbira, dipendenti fuq l-għajnuna tal-ikel internazzjonali; billi l-iskarsezza massiva tal-ikel u l-karistija għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għal firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; billi għexieren ta' eluf ta' Nord Koreani ħallew pajjiżhom minħabba l-ġuħ u r-repressjoni mifruxa, u ħarbu lejn iċ-Ċina;
Theddidiet nukleari
1. Jikkundanna t-testijiet nukleari u l-attivitajiet ta' missili mwettqa mir-RDPK u jħeġġiġha ttemm kwalunkwe azzjoni ta’ provokazzjoni billi tissospendi l-attivitajiet kollha relatati mal-programm tagħha ta' missili balistiċi u tabbanduna, għalkollox u b'mod irriversibbli, il-programmi nukleari eżistenti; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) mingħajr dewmien;
2. Jikkundanna t-tħabbira uffiċjali min-naħa tar-RDPK li l-pajjiż jirriżerva d-dritt li jwettaq attakk nukleari preventiv; jistieden lir-RDPK tirrispetta l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li tobbliga lill-Membri tagħha jastjenu mit-theddid jew mill-użu tal-forza kontra kwalunkwe Stat ieħor;
3. Jiddeplora l-fatt li r-RDPK rtirat mill-patt ta' nonaggressjoni mar-Repubblika tal-Korea, għalqet il-linja ta' komunikazzjoni diretta tagħha ma' Seul u għalqet ukoll il-punt ta' qsim komuni fil-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li poġġiet lit-truppi tal-ewwel linja tagħha fuq allerta ta' gwerra potenzjali; Jilqa' t-tisħiħ addizzjonali tas-sanzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU permezz tal-vot tas-7 ta' Marzu 2013 wara l-aktar test nukleari reċenti; jistieden lir-RDPK tagħżel triq aktar kostruttiva billi tipparteċipa mal-komunità internazzjonali, għax din hi t-triq li tista' twassal għal stabilità reġjonali u għal titjib fil-benessri tal-poplu Nord Korean;
4. Iħeġġeġ lir-RDPK terġa' tistabbilixxi l-impenji preeżistenti tagħha favur moratorja fuq it-tlugħ ta' missili u terġa' tissieħeb fit-Trattat ta' Nonproliferazzjoni, li hu l-ġebla tax-xewka tar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari u l-pedament tal-isforzi għad-diżarm nukleari u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi biex jissaħħaħ it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari; ifakkar id-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat ta' Nonproliferazzjoni 2010 li tesprimi 'tħassib kbir dwar il-konsegwenzi katastrofiċi ta' kwalunkwe użu ta' armi nukleari' u terġa' tafferma 'l-ħtieġa li l-Istat kollha f'kull waqt jikkonformaw mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali';
5. Jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; itenni l-appoġġ tiegħu għat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partijiet u jitlob li dawn jissuktaw; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fit-Taħditiet bejn Sitt Partijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u bħala l-aħjar mezz kif jiġi żgurat ġejjieni aktar għani u stabbli għar-RDPK;
6. Jistieden ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u s-sieħba kummerċjali ewlwenija tar-RDPK – teżerċita l-influwenza tagħha fuq ir-RDPK biex tiżgura li s-sitwazzjoni ma tkomplix teskala, u jinnota l-appoġġ tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għar-riżoluzzjoni 2094 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinnota l-kunsens fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-reazzjoni tagħhom għat-test nukleari reċenti tar-RDPK;
7. Jissottolinja f'dan il-kuntest il-bżonn ta' intensifikazzjoni tal-isforzi f'livell dinji lejn id-diżarm nukleari; jitlob għal miżuri provviżorji u ta' bini tal-fiduċja;
Drittijiet tal-bniedem
8. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, li ġiet deskritta mir-Rapporteurs Speċjali preċedenti u attwali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Korea ta' Fuq bħala sitwazzjoni f'kategorija għaliha, distinta, mifruxa u sistematika, li possibilment hi ekwivalenti għal delitti kontra l-umanità; jistieden lir-RDPK tipparteċipa fi djalogu ġenwin mal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;
9. Jistieden lill-Gvern tar-RDPK jwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hi parti fihom, u biex jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK jkollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa;
10. Jilqa' l-ħolqien ta' Kumitat ta' Inkjesta tan-NU dwar ir-RDPK, kif propost mill-UE u l-Ġappun;
11. Jistieden lill-gvern jiddikjara moratorja fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bl-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qarib; jistieden lir-RDPK ttemm il-qtil extraġudizzjarju u l-għejbien imġiegħel, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha;
12. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-programmi ta' għajnuna umanitarja u l-linji ta' komunikazzjoni eżistenti mar-RDPK, u biex tiżgura l-wasla sikura tagħhom lill-partijiet immirati tal-popolazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess liċ-ċittadini kollha għall-ikel u l-għajnuna umanitarja abbażi tal-ħtieġa, skont il-prinċipji umanitarji;
o o o
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
Relazzjonijiet UE-Ċina
373k
47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2012/2137(INI))
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina f’Mejju 1975,
– wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għar-relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-KE u ċ-Ċina(1), iffirmat f'Mejju 1985, li jkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ġdid ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li ilhom għaddejjin mill-2007,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina mnedija fl-2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu politiku strutturat bejn l-UE u ċ-Ċina li ġie stabbilit b’mod formali fl-1994 u d-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli dwar kwistjonijiet strateġiċi u ta’ politika barranija li ġie stabbilit fl-2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2006 bit-titolu “UE-Ċina: Imsieħba iktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet’ (COM(2006)0631),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ politika tal-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija li qed timmatura: interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina’ (COM(2003)0533), approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kunsill dwar il-Politika tal-Lvant tal-Asja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni bl-isem “Sħubija Strateġika UE-Ċina’ tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija tal-Kummissjoni għaċ-Ċina 2007-2013, il-Programm Indikattiv Pluriennali 2011-2013, u r-reviżjoni ta’ nofs it-term 2010 tad-Dokument ta’ Strateġija u r-reviżjoni tal-Programm Indikattiv Pluriennali 2011-2013,
– wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta’ politika li qatt ħareġ miċ-Ċina dwar l-UE, maħruġ fit-13 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-aħħar żewġ laqgħat tad-djalogu, it-30 laqgħa li saret f’Pekin fis-16 ta’ Ġunju 2011 u l-31 laqgħa li saret fi Brussell fid-29 ta’ Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-kważi 60 djalogu settorjali li għaddejjin bħalissa bejn iċ-Ċina u l-Unjoni dwar, fost l-oħrajn, l-ambjent, il-politika reġjonali, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u s-soċjetà ċivili,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta’ Djalogu ta’ Livell Għoli Bejn in-nies tal-UE u ċ-Ċina fi Frar 2012, li ser jakkomoda l-inizjattivi konġunti kollha ta’ bejn l-UE u ċ-Ċina f’dan il-qasam,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-KE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika ffirmat f’Diċembru 1998, li daħal fis-seħħ fis-sena 2000(2) u ġġedded fl-2004 u fl-2009, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2009, u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-KE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija tat-8 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-ftehim maċ-Ċina dwar kooperazzjoni fil-programm tal-UE Galileo li jirrigwardja n-navigazzjoni bis-satellita, iffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina, li sar fi Brussell fl-20 ta’ Settembru 2012, u l-Komunikat tal-Istampa Konġunt maħruġ fi tmiemu,
– wara li kkunsidra s-Sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina dwar it-Tibdil fil-Klima li sar qbil dwarha u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Tibdil fil-Klima maħruġa waqt it-Tmien Samit bejn l-UE u ċ-Ċina f’Settembru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u ċ-Ċina dwar is-Sigurtà tal-Enerġija li saret fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 2012, u l-Ħames Laqgħa tad-Djalogu dwar l-Enerġija bejn il-KE u ċ-Ċina f’Novembru 2011,
– wara li kkunsidra d-diskussjonijiet bejn iċ-Ċina u l-UE madwar Mejda Tonda,
– wara li kkunsidra t-18-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista Ċiniż, li sar bejn it-8 u l-14 ta’ Novembru 2012, u l-bidliet fit-tmexxija tal-Kumitat Permanenti tal-Politburo kif ġie deċiż waqt il-Kungress,
– wara li kkunsidra l-aħħar Laqgħa Interparlamentari tiegħu maċ-Ċina, li saret fi Brussell fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012,
– wara li kkunsidra l-aħħar riżoluzzjonijiet tiegħu dwar iċ-Ċina, b’mod partikolari dawk tat-23 ta’ Mejju 2012 dwar l-UE u Ċina: kummerċ żbilanċjat?(3)’, tat-2 ta’ Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICs u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(4), u tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(6) u tal-5 ta’ Frar 2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-21 ta’ Jannar 2010 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b’mod partikolari l-każ ta’ Liu Xiaobo(8), tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f’Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uighur, iċ-Ċina)(9), tas-7 ta’ April 2011 dwar il-każ ta’ Ai Weiwei(10), tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina(11), tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(12), tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(13),
– wara li kkunsidra l-embargo tal-armi tal-UE introdott wara l-inċidenti ta’ trażżin tal-protesti fi Tiananmen f’Ġunju 1989, kif appoġġjat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Frar 2006 dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa ewlenija tat-tagħlim(16), tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b’mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom b’idejhom(17) u tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar it-Tibet: is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem(18),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0434/2012),
A. billi s-sħubija strateġika UE-Ċina hija ta’ importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u billi din ir-relazzjoni hija kruċjali sabiex jinstabu tweġibiet għal tħassib globali, bħas-sigurtà globali u reġjonali, il-kriżi ekonomika, regolamentazzjoni finanzjarja u tas-suq globali, is-sigurtà fl-enerġija, l-armi ta’ qerda massiva u n-nonproliferazzjoni nukleari, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ ekonomija tas-suq, il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-piraterija, kif ukoll il-ħolqien ta’ qafas biex ikun indirizzat it-tħassib bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina;
B. billi sħubija strateġika teħtieġ impenn qawwi għal responsabbiltà reċiproka u livell tajjeb ta’ fiduċja, u għandha tkun ibbażata fuq valuri universali;
C. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina żviluppaw b’mod konsiderevoli mill-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fl-1985; billi l-Kummissjoni adottat l-istrateġija politika ewlenija tagħha dwar iċ-Ċina fl-2006 u billi, f’dan il-kuntest, din bdiet negozjati f’Jannar 2007 dwar ftehim globali ta’ sħubija u kooperazzjoni sabiex ikomplu jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u ċ-Ċina, b’mod partikolari l-kummerċ u l-investiment;
D. billi ċ-Ċina għaddejja minn proċess ta’ tranżizzjoni soċjoekonomika minn mudell estensiv ibbażat fuq ekonomija kkontrollata mill-Istat għal mudell ibbażat iktar fuq libertajiet ekonomiċi, li, imbagħad, ippermetta lil parti kbira tal-popolazzjoni Ċiniża biex tgħolli l-istandard tal-ħajja tagħha;
E. billi, madankollu, ma sarx progress simili fil-qasam tal-libertajiet politiċi;
F. billi d-drittijiet tal-bniedem huma kumplementari, universali, inaljenabbli, indiviżibbli u interdipendenti; billi ċ-Ċina turi l-preokkupazzjoni tagħha dwar id-drittijiet soċjali u ekonomiċi tal-bniedem (pereżempju l-ikel, il-ħwejjeġ, l-iżvilupp ekonomiku), filwaqt li l-UE għandha approċċ usa’ għad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludi u jagħmel enfasi partikolari fuq id-drittijiet ċivili u politiċi (pereżempju l-libertà tal-kelma, tar-reliġjon u tal-assoċjazzjoni);
G. billi attivisti Ċiniżi tad-drittijiet ċivili rrappurtaw dwar il-privazzjoni tal-libertà tagħhom meta għebu taħt il-kontroll tal-pulizija għal bosta xhur, mingħajr ebda mandat ta’ arrest, akkuża, kuntatt mal-familji tagħhom jew għajnuna legali;
H. billi fl-2007, il-President Hu Jintao diġà ta istruzzjonijiet lill-ogħla livell tal-ġudikatura li l-imħallfin għandhom ikunu ggwidati minn tliet “supremaziji’ – il-partit, il-poplu u l-liġi, f’dan l-ordni – u billi l-Ministeru tal-Ġustizzja Ċiniż iddekreta f’Marzu 2012 li l-avukati kollha għandhom jieħdu ġurament ta’ lealtà lejn il-Partit Komunist Ċiniż (PKĊ) sabiex jiksbu jew iġeddu l-liċenzja tagħhom;
I. billi l-aħbar xokkanti ta’ nofs Ġunju 2012 dwar l-abort sfurzat mill-iktar krudili tat-tifla li kienet għadha fil-ġuf ta’ Feng Jianmei, li kellha seba’ xhur tqala, xprunat id-dibattitu dwar l-abolizzjoni tal-politika uffiċjali ta’ wild wieħed;
J. billi minkejja l-progress tal-Gvern Ċiniż fil-promozzjoni ta’ ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda, il-libertà tal-istampa u d-dritt għas-sħubija fi trejdjunjins qed jiġu repressi b’mod persistenti; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qed ikomplu jirrappurtaw abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Ċiniżi, inkluż l-għoti ta’ sentenzi lil dissidenti ta’ profil għoli bħar-rebbieħ tal-Premju tal-Paċi Liu Xiaobo li jinsab fil-ħabs, restrizzjonijiet estiżi fuq il-libertà tal-midja u l-internet, sorveljanza stretta u fastidju lill-avukati, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kontroll imwessa’ u oppressjoni fuq l-Uighurs, it-Tibetani u l-libertajiet tagħhom, numru dejjem jikber ta’ każijiet ta’ għajbien sfurzat u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż f’faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti u illegali magħrufa bħala “l-ħabsijiet is-suwed”; billi l-politiki repressivi kontra l-libertajiet fundamentali tat-Tibetani qanqlu numru inkwetanti ta’ persuni li jaħarqu lilhom infushom b’idejhom f’dawn l-aħħar snin;
K. billi ċ-Ċina hija Stat firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u hija membru permanenti tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; billi dan l-istatus jinvolvi dmir speċjali għaċ-Ċina li tirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tagħha skont l-ICCPR u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
L. billi Hu Jia, rebbieħ tal-Premju Sakharov 2008, għadu taħt arrest domiċiljari taħt sorveljanza kbira u b’komunikazzjoni ristretta;
M. billi l-Istat Ċiniż jirrikonoxxi biss ħames reliġjonijiet, jiġifieri l-Buddiżmu, id-Daoiżmu, l-Iżlam u l-Kristjaneżmu (kemm il-Kattoliċiżmu kif ukoll il-Protestantiżmu); billi dawn ir-reliġjonijiet kollha għandhom korpi ta’ tmexxija ċentralizzati bi kwartieri ġenerali f’Pekin u l-membri tal-persunal tagħhom huma uffiċjali leali lejn il-PKĊ; billi l-PKĊ; jaħtar il-mexxejja reliġjużi ewlenin u pprojbixxa gruppi reliġjużi mhux approvati bħal Falun Gong sa mill-1999 bil-għan li tinqered din il-prattika; billi b’konsegwenza ta’ din il-projbizzjoni, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw miżuri koersivi ekstralegali, bħal arresti arbitrarji, xogħol sfurzat, u tortura fiżika, li xi drabi jirriżultaw f’mewt;
N. billi r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, żoni Tibetani awtonomi oħra u r-Reġjun Awtonomu tax-Xinjiang Uyghur saru territorji dejjem iktar importanti għall-kunsiderazzjonijiet strateġiċi, reġjonali, militari u ekonomiċi taċ-Ċina u għalhekk huma meqjusa bħala kwistjonijiet ewlenin għall-integrità territorjali mill-Gvern Ċiniż; billi mill-2009, 90 Tibetan ħarqu lilhom infushom b’idejhom fiż-żoni popolati mit-Tibetani tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), inkluż fir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet u ż-żoni awtonomi tat-Tibet fil-provinċji ta’ Gansu, Sichuan u Qinghai;
O. billi, għalkemm il-ftuħ tal-ekonomija Ċiniża wassal għal benefiċċji kbar bħal aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u tnaqqis fil-qgħad rurali, mhux is-setturi kollha tal-popolazzjoni Ċiniża ibbenefikaw bl-istess mod mit-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u qed joħorġu differenzi kbar bejn il-partijiet urbani u rurali tal-pajjiż;
P. billi l-inugwaljanzi bejn il-popolazzjonijiet urbani u rurali f’termini ta’ dħul u aċċess għall-impjieg, il-benesseri soċjali, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni jikkostitwixxu sfida sinifikanti għall-politika ta’ koeżjoni għaċ-Ċina;
Q. billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija hija kwistjoni ta’ interess komuni; billi l-użu tal-internet infirex fiċ-Ċina, b’iktar minn 500 miljun utent li jiffurmaw korp onlajn ta’ opinjoni pubblika; billi, madankollu, l-ambjent tal-internet tal-pajjiż għadu restrittiv ħafna;
R. billi l-UE hija l-iżjed destinazzjoni turistika popolari fid-dinja, billi 100 miljun Ċiniż huma mistennija jivvjaġġaw madwar id-dinja minn issa sal-2020 u billi, għalhekk, jeħtieġ li jiġu appoġġjati l-inizjattivi biex jattiraw dawn il-flussi ġodda ta’ turisti;
S. billi ċ-Ċina hija l-akbar emittent tad-diossidu tal-karbonju fid-dinja u billi l-livelli tal-emissjonijiet għadhom jiżdiedu b’mod mgħaġġel; billi l-emissjonijiet ta’ CO2 per capita fiċ-Ċina laħqu 6,8 tunnellata fl-2010 u huma mistennija jaqbżu l-emissjonijiet per capita tal-Istati Uniti sal-2017;
T. billi ċ-Ċina żiedet l-isforzi tagħha fir-rigward ta’ sistemi bbażati fuq is-suq għan-negozjar ta’ emissjonijiet; billi ċ-Ċina qed twettaq seba’ proġetti pilota f’dan il-qasam bil-għan li tistabbilixxi skema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet fl-2015;
U. billi s-seklu 21 qed jara r-ritorn taċ-Ċina fix-xena dinjija bħala potenza ekonomika u kummerċjali, minħabba s-saħħa ekonomika u l-bini militari opak tagħha li qed jikbru bil-ħeffa;
V. billi l-UE tappoġġja l-politika ta' Ċina waħda fil-kuntest tar-Relazzjonijiet min-naħa għall-oħra tal-Fliegi bejn ir-RPĊ u t-Tajwan;
W. billi r-rwol pożittiv tar-RPĊ fix-Xlokk tal-Asja f’termini ta’ reġjonalizzazzjoni u dinamika ekonomiċi qiegħed jingħata dejjem inqas importanza minħabba tilwim territorjali fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina mal-Vjetnam, il-Malasja, l-Indoneżja, il-Brunej, il-Filippini u t-Tajwan, u fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina mal-Ġappun u t-Tajwan – dawn huma kollha żoni għonja fil-ħut, kif ukoll fir-riservi taż-żejt u l-gass;
X. billi ċ-Ċina żżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Korea ta’ Fuq, li ekonomikament tiddependi ħafna miċ-Ċina, bi dħul ta’ flus u turisti Ċiniżi li huma vitali għas-sopravivenza tar-reġim ta’ Pyongyang fl-istat attwali tiegħu;
Y. billi ċ-Ċina qed tikkoopera mar-Russja, ma’ erba’ pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan u l-Uzbekistan) u erba’ pajjiżi osservaturi (l-Indja, l-Iran, il-Mongolja u l-Pakistan) fl-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO); billi l-investimenti Ċiniżi fl-Asja Ċentrali se jiżdiedu minn USD 20 biljun għal USD 100 biljun dollaru fid-deċennju li jmiss, kif ġie mħabbar fil-Laqgħa Għolja tal-SCO f’Pekin, fis-6 ta’ Ġunju 2012;
Z. billi l-approfondiment tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn Pekin u Washington, flimkien ma’ rabtiet finanzjarji u ekonomiċi b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi, jikkostitwixxi waħda mir-rabtiet bilaterali dinjin l-iktar sinifikanti; billi l-Ewropa hija l-ewwel sieħeb kummerċjali taċ-Ċina;
AA. billi mkien fid-dinja t-tkabbir enormi taċ-Ċina ma huwa iktar viżibbli milli fl-Afrika u fl-Amerika Latina; billi dan jidher b’mod partikolari fiż-żieda impressjonanti tal-volum tal-kummerċ reċiproku fl-Afrika, li żdied bi 80 % bejn l-2009 u l-2011 għal USD 166,3 biljun, skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż; billi l-investiment dirett barrani Ċiniż fl-Afrika żdied bi 58,9 % fl-2011 għal USD 1,7 biljun; billi l-interessi taċ-Ċina fl-Afrika huma evidenti permezz tal-proġetti ta’ żvilupp ewlenin bħall-proġetti ta’ ferroviji, ta’ toroq u ta’ assistenza soċjali;
Kooperazzjoni u Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina
1. Jappoġġja l-impenn pubbliku magħmul mill-UE u ċ-Ċina matul id-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli tagħhom tad-9 u l-10 ta’ Lulju 2012 f’Pekin li jagħtu eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni internazzjonali fis-seklu 21 permezz tas-Sħubija Strateġika tagħhom ibbażata fuq interessi komuni u fehim reċiproku; jappoġġja u jinkoraġġixxi l-kważi 60 djalogu settorjali bejn l-UE u ċ-Ċina bil-konvinzjoni li sħubija msaħħa u mill-iktar żviluppata tkun ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina; jixtieq, madankollu, li jissaħħu dawn id-djalogi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, is-sigurtà, l-enerġija u, b’mod iktar partikolari, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, fir-rigward tal-konsegwenzi tagħha fuq is-saħħa u s-sigurtà pubblika; jinkoraġġixxi l-isforzi biex b’mod attiv jiġu mfittxija sinerġiji bejn it-12-il Pjan ta’ Ħames Snin taċ-Ċina u l-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni pragmatika f’oqsma varji; jemmen, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ sħubija strateġika għandu jiġi definit aħjar; iħeġġeġ sabiex it-tkabbir fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina jkun akkumpanjat minn progressi konsiderevoli fid-djalogu politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
2. Jistenna li l-Istati Membri jagħtu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u speċjalment lid-Delegazzjoni tagħha f’Pekin mandat ċar biex tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina billi jitkellmu b’vuċi waħda mal-gvern Ċiniż, u ma jimplimentawx inizjattivi ta’ politika barranija bilaterali li jistgħu jipperikolaw l-isforzi li qed isiru mis-SEAE; jitlob lill-UE biex timplimenta strateġija fit-tul fir-rigward taċ-Ċina, li tiżgura l-koordinament operattiv kemm bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jistenna mill-awtoritajiet Ċiniżi fil-livelli politiċi kollha li jsaħħu s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina permezz tal-applikazzjoni konsistenti u trasparenti tal-ftehimiet u r-regoli reċiproċi u internazzjonali;
3. Jilqa’ l-ftehim milħuq waqt il-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussell fl-20 ta' Settembru 2012; iħeġġeġ l-operazzjonalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom ta’ malajr, li se jsaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u ċ-Ċina;
4. Jilqa’ wkoll l-impenji li ttieħdu fil-15-il Samit bejn iċ-Ċina u l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar ta’ ftehim dwar l-investiment u l-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet tad-difiża u s-sigurtà;
5. Iqis li r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, kemm fil-livelli ekonomiċi u kummerċjali kif ukoll f’dawk kulturali u soċjali, jistgħu jkunu fatturi ewlenin għall-iżvilupp u t-titjib taż-żewġ soċjetajiet u għalhekk jara din il-kooperazzjoni bħala waħda vitali għall-interessi taż-żewġ naħat;
6. Jilqa’ t-tnedija tad-djalogu interpersonali ta’ livell għoli bejn l-UE u ċ-Ċina u s-suċċess tal-ewwel fażi tiegħu ; jesprimi sodisfazzjon bil-progress u l-kisbiet tas-Sena ta’ Djalogu Interkulturali bejn l-UE u ċ-Ċina u jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq fil-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina dwar sensiela ta’ azzjonijiet ta’ segwitu f’diversi oqsma relatati mal-edukazzjoni, il-kultura, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ;
7. Jistieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-awtoritajiet Ċiniżi kompetenti biex, b’kooperazzjoni mal-Parlament, jiffaċilitaw il-flussi turistiċi miċ-Ċina lejn l-UE, billi jiġu armonizzati u aċċellerati l-proċeduri biex jinħarġu l-viżi għaċ-ċittadini Ċiniżi partikolarment fil-kuntest tat-turiżmu tan-negozju u tal-konferenzi;
8. Jilqa’ s-sejħa li saret miż-żewġ naħat fil-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina għat-tnedija ta’ djalogu komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-mobbiltà u l-migrazzjoni fil-livell xieraq u l-impenn reċiproku tagħhom biex ikomplu jesploraw modi dwar kif jistgħu jiffaċilitaw l-iskambji għaċ-ċittadini Ċiniżi u tal-UE, inkluża l-eżenzjoni reċiproka tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi;
9. Jenfasizza li ċ-Ċina mhix biss it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja u l-akbar esportatur fl-ekonomija globali, iżda wkoll potenza politika dejjem iktar importanti;
Is-sitwazzjoni interna
10. Jenfasizza li ċ-Ċina, fl-aħħar deċennji, kisbet progress soċjali sinifikanti; jenfasizza li dan it-titjib fil-kwalità tal-ħajja għal pajjiż enormi fuq perjodu daqshekk qasir huwa uniku fl-istorja; jinnota li sa mill-1990 it-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina neħħa iktar minn nofs biljun ruħ mill-faqar;
11. Jieħu nota dwar it-12-il Pjan ta’ Ħames Snin (2011-2015), approvat mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu f’Marzu 2012, li hu mistenni jindirizza l-effetti sekondarji negattivi ta’ perjodu mingħajr preċedent ta’ tkabbir ekonomiku għoli sostnut, bħal theddid ambjentali serju, żbilanċi reġjonali, inugwaljanza li qed tikber fil-pagi u protesti kollettivi kontinwi dwar ilmenti ta’ natura soċjali, ekonomika u legali;
12. Jinnota l-importanza li jiġu identifikati raġunijiet komuni bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u t-12-il Pjan ta’ Ħames Snin taċ-Ċina;
13. Jilqa’ l-politika ekonomika ta’ suċċess taċ-Ċina, iżda jaqsam il-kritika ta’ akkademiċi u osservaturi Ċiniżi li ż-żamma ta’ din ix-xejra hija mhedda serjament minn skandli ta’ korruzzjoni, nuqqas ta’ trasparenza u “aristokrazija ħamra’ ta’ membri tal-familja qrib mexxejja tal-passat u tal-preżent tal-partit li jippossjedu kapital kbir minħabba l-konnessjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, sitwazzjoni gravi li dan l-aħħar inkixfet mill-kwistjoni ta’ Bo Xilai;
14. Jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni rapida tal-appelli ripetuti għad-demokratizzazzjoni u r-riformi politiċi fi ħdan il-PKĊ mit-tmexxija l-ġdida tal-partit; jemmen li riformi politiċi effikaċi biss immirati lejn l-iffurmar ta’ istituzzjonijiet inklużivi, demokratiċi u responsabbli li jirriflettu d-diversità etnika, reliġjuża, politika u soċjali taċ-Ċina ser iwittu t-triq lejn l-iżvilupp ta’ tkabbir u stabbiltà sostenibbli u t-trażżin tas-semiindipendenza ta’ kapijiet b’saħħithom provinċjali, distrettwali u lokali tal-partit, li jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni tat-tmexxija nazzjonali taċ-Ċina kemm internament kif ukoll esternament bl-abbużi tagħhom tal-poter, b’referenza partikolari għall-każijiet għaljin ħafna u endemiċi ta’ korruzzjoni; iqis li dawn il-każijiet għandhom jiġu indirizzati permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ responsabbiltà, kif ġie rikonoxxut mill-President Hu Jintao waqt it-18-il Kungress tal-PKĊ f’Novembru 2012;
15. Jaqbel u jappoġġa r-rifjut qawwi minn avukati Ċiniżi ta’ ġurament obbligatorju ta’ lealtà lejn il-PKĊ għar-raġuni li huwa attakk fuq is-sistema legali li b’mod sfaċċat ma jqisx l-istandards legali internazzjonali, għaliex avukat għandu jkun leali lejn il-kostituzzjoni u mhux lejn partit jew organizzazzjoni politika;
16. Jenfasizza li, għalkemm l-aborti sfurzati huma strettament illegali fiċ-Ċina, uffiċjali għall-ippjanar tal-familja jġiegħlu lin-nisa jwettqu prattiki inumani bħal aborti jew sterilizzazzjoni sfurzati b’mod ripetut; jikkundanna l-hekk imsejħa “taxxa ta’ manteniment soċjali’, li hija multa ta’ sikwit eżorbitanti li l-ġenituri jkollhom iħallsu f’każ li jkollhom iktar minn wild wieħed, bħal fil-każ tat-traġedja ta’ Feng Jianmei; jirrimarka li fl-2011 l-istatistika uffiċjali wriet li kien hemm 8 400 ilment minn vittmi dwar l-imġiba ħażina tal-awtoritajiet tal-ippjanar tal-familja; jappoġġja bis-sħiħ il-vuċijiet Ċiniżi li jappellaw għat-tmiem tal-politika ta’ wild wieħed, bil-ħafna lakuni tagħha, partikolarment fid-dawl tax-xejriet demografiċi fiċ-Ċina, filwaqt li jenfasizza l-konsegwenzi severi soċjali u psikoloġiċi negattivi tagħha bħal differenzi soċjali, sitwazzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi li sejra għall-agħar, sentiment negattiv mifrux dwar it-twelid ta’ tifla u l-iżbilanċ bejn trabi subien u bniet li għadu qed jikber u li qed joħloq ”imperaturi żgħar“, ifixkel l-istruttura tal-familja tradizzjonali u, barra minn hekk, inaqqas id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jistieden lit-tmexxija Ċiniża tikkunsidra bħala prijorità ewlenija t-tisjib ta’ soluzzjoni għal din il-problema;
17. Jikkunsidra b’mod serju l-protesti qawwija mill-ħaddiema tal-impjant Foxconn u jitlob li jiġu rispettati d-drittijet tal-ħaddiema; jappoġġja t-tfittxija ta’ paga u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;
18. Jilqa' l-isforzi taċ-Ċina biex tistabbilixxi sistema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet sal-2015, li tista’ fil-futur tiġi integrata ma’ sistemi oħra tan-negozjar tal-karbonju, b’mod partikolari mal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet; jinnota, madankollu, li ċ-Ċina għad m'għandhiex ekonomija tas-suq matura li taħdem kompletament, li hija prerekwiżit ċar għal sistema ta’ negozjar tal-emissjonijiet li taħdem sew;
19. Iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż iżid il-kejl tas-sustanzi li jniġġsu u l-emissjonijiet sabiex jegħleb in-nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-emissjonijiet tal-karbonju, biex iwaqqaf infrastruttura legali aħjar u biex iżid il-bini tal-kapaċità fil-livell amministrattiv; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftehim ta’ finanzjament tal-20 ta' Settembru 2012 bejn l-UE u ċ-Ċina, li jippromwovi l-ambjent, tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fiċ-Ċina;
20. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kap Eżekuttiv ta’ Ħong Kong li ma jimponix l-implimentazzjoni ta’ kurrikulu ta’ “edukazzjoni nazzjonali’ kontroversjali wara li saru dimostrazzjonijiet tal-massa u oppożizzjoni mifruxa; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Pekin biex jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ ”pajjiż wieħed - żewġ sistemi’ f’konformità mal-ftehim iffirmat qabel l-għoti ta’ dik li kienet il-kolonja Ingliża lir-RPĊ; jilqa’ l-parteċipazzjoni għolja fl-elezzjonijiet reċenti tal-Kunsill Leġiżlattiv u jistenna li, mill-iktar fis possibbli, jiġi introdott vot universali għall-elezzjoni tal-membri kollha ta’ din l-assemblea;
Drittijiet tal-bniedem u demokrazija
21. Jammira u jappoġġja l-kuraġġ u l-attiviżmu ta’ dawk iċ-ċittadini Ċiniżi li jaġixxu b’modi soċjalment responsabbli biex jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem li huma universalment rikonoxxuti, u biex jopponu u jikkoreġu perikli soċjali u/jew atti kriminali, bħall-korruzzjoni, l-abbuż mill-kariga, il-ħsara ambjentali, l-infezzjoni bl-AIDS, l-ivvelenar tal-ikel, il-frodi fil-kostruzzjoni relatata mal-iskejjel, u l-esproprjazzjoni illegali tal-art u l-proprjetà, li ta’ spiss jitwettqu mill-awtoritajiet tal-partiti lokali; jikkundanna l-każijiet kollha ta’ ritaljazzjoni uffiċjali kontra dawn iċ-ċittadini Ċiniżi; iħeġġeġ lit-tmexxija Ċiniża tinkoraġġixxi r-responsabbiltà ċivili f’termini ta’ ħarsien tad-drittijiet soċjali tal-bniedem u biex tirriabilita d-difensuri ta’ dawn id-drittijiet ippersegwitati u kkastigati b’mod uffiċjali; ifakkar lit-tmexxija Ċiniża biex tikkonforma strettament mal-liġi nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem;
22. Jappoġġja b’mod qawwi l-kummenti kritiċi ta’ avukati u ġuristi Ċiniżi li d-detenzjoni umiljanti tal-persuni ssuspettati għal iktar minn 15-il ġurnata tmur kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li ċ-Ċina ffirmat f’Ottubru 1998; jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ rieda tal-gvern Ciniż li jirratifika l-ICCPR, sitwazzjoni li għadha pendenti; jiddeplora l-fatt li skont il-Liġi l-ġdida dwar il-Proċeduri Kriminali tal-2013, il-pulizija u l-awtoritajiet tas-sigurtà tal-Istat jistgħu anki jżommu persuna ssuspettata f’detenzjoni għal iktar minn 14-il xahar mingħajr ebda assistenza minn avukat; jappoġġja bis-sħiħ il-kritika tal-ġuristi Ċiniżi li l-pulizija żżomm l-għażla mhux biss li żżomm il-persuni ssuspettati taħt arrest domiċiljari, iżda wkoll li żżommhom taħt “arrest f'post determinat’; jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-ġuristi Ċiniżi bil-ħsieb ta’ riforma ġenwina tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali tar-RPĊ;
23. Jistieden liċ-Ċina tikkonforma ma’ standards soċjali minimi; jenfasizza l-importanza tal-konformità mar-regoli kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-implimentazzjoni rapida tagħhom, inkluż id-dritt li jitwaqqfu liberament unjonijiet sindikalisti indipendenti; jilqa’ l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol u jitlob li l-qafas leġiżlattiv jiġi supplimentat bl-adozzjoni ta’ liġi dwar in-negozjar kollettiv; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet Ċiniżi kif ukoll lill-investituri u lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fiċ-Ċina biex jirrispettaw l-istandards internazzjonali tax-xogħol u biex jiggarantixxu paga u kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; huwa tal-fehma li l-UE m’għandhiex tippermetti aċċess għas-suq ta’ prodotti li ġew prodotti permezz tat-tħaddim tat-tfal jew f’faċilitajiet li serjament jiksru l-istandards internazzjonali tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-kampijiet tal-ħabs;
24. Huwa tal-fehma li l-iżbilanċi kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jirriflettu l-mudelli soċjali, ekonomiċi u demokratiċi differenti tagħhom; huwa tal-fehma li l-livell limitat jew mhux eżistenti ta’ rispett għal ċerti drittijiet fiċ-Ċina huwa fattur li jikkontribwixxi; jisħaq dwar l-importanza li tkun iddeterminata strateġija għad-djalogu maċ-Ċina li jittratta l-ewwel nett il-kwistjoni tas-suq tax-xogħol;
25. Jibża’ li l-għadd ta’ priġunieri li qed jiġu eżegwiti taħt il-leġiżlazzjoni tal-piena tal-mewt taċ-Ċina, kif ukoll l-għaġla tal-proċessi tagħhom u l-eżekuzzjonijiet sussegwenti, imorru kontra l-ispirtu tad-dritt tal-bniedem għal proċess liberu u ġust, minħabba li l-għaġla implimentata mill-awtoritajiet Ċiniżi tfisser li proċessi inadegwati u żbalji oħra jistgħu jkunu qed jiġu injorati, fattur li jwassal għall-eżekuzzjoni ta’ nies innoċenti; iqis li l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fi ħdan sistema ġudizzjarja opaka, li hija nieqsa minn trasparenza sħiħa u fejn id-drittijiet tal-priġunier għadhom mhumiex żviluppati kompletament, hija żball gravi; jistieden lill-awtoritajit Ċiniżi jikkunsidraw mill-ġdid il-politika tagħhom dwar il-piena kapitali;
26. Jenfasizza li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina tinkludi l-libertà tal-midja fuq bażi reċiproka, li timplika l-libertà tal-istampa għall-midja Ċiniża fl-Ewropa kif ukoll il-libertà tal-istampa għall-midja Ewropea fiċ-Ċina; jistenna li l-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw bil-qawwa dan il-prinċipju tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntatti tagħhom mas-sħab Ċiniżi rispettivi tagħhom;
27. Jikkundanna l-kontroll u ċ-ċensura tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq l-internet; jinnota bi tħassib li l-Gvern Ċiniż qiegħed jissikka s-sorveljanza tiegħu tal-internet permezz ta’ liġi ġdida li tipprojbixxi t-tradiment min-nies permezz tal-kxif tas-sigrieti tal-Istat, il-ħsara lill-kburija nazzjonali, it-tqegħid fil-perikolu tal-unità etnika tal-pajjiż jew is-sejħiet għal “protesti illegali’ jew ”laqgħat tal-massa’; jinnota, għalhekk, li m’hemmx iktar limitu għaċ-ċensura jew il-persekuzzjoni; huwa mħasseb bin-nuqqas ta’ salvagwardji provduti mil-liġi l-ġdida, li tagħti l-possibbiltà li tintuża b’mod abbużiv; jenfasizza li t-termini “protesti illegali’ u ”laqgħat tal-massa’ għandhom jintużaw biss f’sitwazzjonijiet fejn teżisti liġi effettiva għal protesti paċifiċi u legali; jinkoraġġixxi lill-Gvern Ċiniż jippermetti l-espressjoni ta’ pluralità ta’ opinjonijiet fuq l-internet, fil-midja u, b’mod iktar ġenerali, fl-isfera pubblika; ifakkar li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni fuq l-internet ġie rikonoxxut dan l-aħħar mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
28. Jinsab imħasseb dwar id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kontroll fuq l-internet li jillegalizzaw l-għeluq tal-blogs kif ukoll jistabbilixxu pieni severi għall-bloggers, il-ġurnalisti u l-avukati li jiddefenduhom;
29. Jenfasizza li f’pajjiż b’iktar minn 500 miljun utent tal-internet, il-libertajiet diġitali huma l-uniku mod għal ċiberspazju żviluppat u li jiffjorixxi; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex kemm jiżguraw kif ukoll jipproteġu l-isfera ċibernetika immensa li ġiet żviluppata f’pajjiżhom u biex jimmiraw l-isforzi tagħhom lejn it-titjib tagħha, u mhux lejn iċ-ċensura u l-kontroll tagħha;
30. Jinnota l-isforzi sinifikanti magħmula mill-Gvern Ċiniż biex jiżviluppa lit-Tibet u lil Xinjiang ekonomikament u l-impatt ta’ dawn l-isforzi fuq il-komunitajiet nomadi u fuq l-għajxien tradizzjonali; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jaġixxi b’mod politikament responsabbli billi jinvolvi b’mod siewi l-popli Tibetani u Uighur fi kwistjonijiet ta’ governanza, inklużi l-ġestjoni tar-riżorsi u prijoritajiet għall-iżvilupp ekonomiku, u jirrispetta iktar milli jdgħajjef l-elementi kulturali bħal-lingwa u r-reliġjon; bil-qawwa jafferma li l-Gvern Ċiniż mhux se jikseb stabbiltà dejjiema fit-Tibet jew Xinjiang jew korteżija fost il-popli Ċiniżi, Tibetani u tal-Uighur permezz ta’ assimilazzjoni bil-forza, qerda kulturali jew metodi repressivi tal-pulizija jew tas-sigurtà, iżda biss billi jindirizza b’mod serju l-ilmenti indiġeni kollha biex tinħoloq responsabbiltà kondiviża ġenwina għall-benesseri taż-żewġ provinċji; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm il-projbizzjoni ta’ żjarat minn osservaturi indipendenti f’dawn ir-reġjuni;
31. Jenfasizza li, minkejja l-politika ħarxa ta’ repressjoni, fiċ-Ċina r-reliġjon qed tqum mill-ġdid kif jidher mill-ftuħ mill-ġdid jew ir-rikostruzzjoni ta’ bosta postijiet ta’ qima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jneħħu politiki u prattiki li jnaqqsu kwalunkwe dritt fundamentali taċ-ċittadin għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin;
32. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrikonoxxu uffiċjalment il-knejjes Protestanti u l-knejjes Kattoliċi moħbija, kif ukoll dawk ta’ reliġjonijiet oħra, ; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tirrikonoxxi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin irrispettivament mill-istatus ta’ reġistrazzjoni, li jfisser li r-reġistrazzjoni m’għandhiex tkun prekundizzjoni mandatorja sabiex wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu; jikkundanna bil-qawwa kull tentattiv mill-awtoritajiet li jiċħdu lil dawn il-knejjes mhux reġistrati d-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà tar-reliġjon, billi jimponu r-rekwiżit li joperaw taħt bordijiet tat-tmexxija kkontrollati mill-gvern, jikkonfiskawlhom il-proprjetà, u anki billi jipprattikaw id-detenzjoni u l-priġunerija bħala sforz biex isikktuhom, u b’hekk jinterferixxu fl-awtonomija reliġjuża tagħhom u jirrestrinġu serjament l-attività tagħhom;
33. Jaqbel mal-kritika tal-ġuristi Ċiniżi li n-nuqqasijiet fundamentali tal-kodiċi ġuridiku taċ-Ċina dwar ir-reliġjon qegħdin fil-kostituzzjoni, minħabba li l-prinċipju ta’ “libertà reliġjuża’ pprovdut fil-klawsoli 1 u 2 tal-Artikolu 36 huwa f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ”restrizzjonijiet fuq ir-reliġjon’ pprovdut fil-klawsoli 3 u 4, bl-ebda kjarifika dwar liema għandu jieħu preċedenza; jingħaqad mat-talba tal-ġuristi Ċiniżi sabiex tiġi stabbilita l-libertà reliġjuża bħala l-prinċipju ta’ preċedenza fil-kostituzzjoni;
34. Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula fil-qasam tal-kontroll u l-attenzjoni fl-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fiċ-Ċina, iżda jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-gvern Ċiniż għadu jsostni l-politika tiegħu li ma jirrilaxxax dettalji dwar l-għadd ta’ priġunieri eżegwiti kull sena, fejn iżomm l-informazzjoni dwar il-piena tal-mewt bħala sigriet statali; iħeġġeġ iktar lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwaqqfu l-użu politiċizzat tal-piena tal-mewt u biex jiżguraw salvagwardji proċedurali fis-sistema legali tal-pajjiż li jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dawk ikkundannati għall-mewt, inkluż id-dritt għal proċess ġust f’konformità mal-istandards internazzjonali;
35. Jiddispjaċih dwar id-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minħabba n-nuqqas kontinwu ta’ progress sustanzjali u n-nuqqas ta’ riżultati konkreti u viżibbli; ifakkar li, waqt l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE wiegħdu f'Ġunju 2012 li l-UE issa se “tqajjem kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-qawwi f’kull forma xierqa ta’ djalogu bilaterali, inkluż fl-ogħla livell’; jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem li nħatar reċentement, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jagħtu spinta ġdida lil dan il-proċess u biex dan id-djalogu jsir iktar effettiv u orjentat lejn ir-riżultati, inkluż permezz ta’ laqgħat preparatorji ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs internazzjonali u lokali fil-preżenza tal-awtoritajiet taż-żewġ naħat; huwa tal-fehma li djalogu bħal dan għandu jkun inkluż fil-kuntatti kollha ma’ uffiċjali mis-sħab strateġiċi bħaċ-Ċina; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati bir-reqqa l-problemi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiċ-Ċina u fl-UE; huwa tal-fehma li s-samits u taħdidiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom jinkludu sett ta’ kwistjonijiet trasparenti li għandhom jiġu diskussi u punti ta’ riferiment konkreti; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Soċjali tal-UE, Catherine Ashton, biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u biex tirreferi pubblikament għall-każijiet u kwistjonijiet konkreti diskussi mal-uffiċjali Ċiniżi fil-laqgħat kollha; jinkoraġġixxi lill-uffiċjali tal-Istati Membri jsegwu l-istess linji b’mod koerenti u koordinat; jistieden lill-kumpaniji tal-UE li joperaw fiċ-Ċina biex jikkonformaw mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jissorveljaw din il-konformità mill-qrib;
Relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u t-Tajwan
36. Itenni l-politika tal-UE favur Ċina waħda; jilqa’ l-kuntatti li qed jiżdiedu bejn ir-RPĊ u t-Tajwan; jenfasizza t-titjib fir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan, minkejja li għadhom mhedda serjament mill-missili Ċiniżi mmirati lejn it-Tajwan u mill-iżolament internazzjonali tat-Tajwan min-naħa taċ-Ċina; jappoġġja l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet internazzjonali, kif appoġġjat fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill 9486/09 tat-8 ta’ Mejju 2009;
37. Jinsab kuntent bl-interess kbir li miljuni ta’ ċittadini Ċiniżi wrew fl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari fit-Tajwan fl-14 ta’ Jannar 2012, li setgħu jiġu segwiti f’ħin reali għall-ewwel darba fuq l-internet;
38. Jilqa’ r-rabtiet ekonomiċi sodi u prosperi bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, kif ukoll il-ftuħ tat-Tajwan għat-turisti Ċiniżi u l-kooperazzjoni kulturali; iqis li l-internazzjonalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment huma l-ikbar garanzija tal-istabbiltà tat-Tajwan; iħeġġeġ, għalhekk, lill-gvern tat-Tajwan jakkumpanja l-investiment tiegħu fir-RPĊ b’investimenti f’postijiet oħrajn;
Sitwazzjoni esterna
39. Iħeġġeġ lir-RPĊ tuża l-pożizzjoni globali tagħha b’mod iktar responsabbli, partikolarment fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) fejn għandha siġġu permanenti u dritt ta’ veto; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li ċ-Ċina tabbanduna l-pożizzjoni tal-veto tagħha għal kull riżoluzzjoni tal-KSNU li tippermetti intervent fis-Sirja biex titwaqqaf il-gwerra ċivili u li tħalli lill-poplu Sirjan jieħu f’idejh il-futur ta’ pajjiżu, bi proċess demokratiku u ħieles; jenfasizza li ċ-Ċina għandha taġixxi wkoll b’mod responsabbli li hu proporzjonat mal-kontribut globali tagħha, u biex fil-livell tal-G20 tindirizza l-kriżi finanzjarja dinjija, billi tallinja ruħha mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u billi tirrispetta l-konvenzjonijiet u trattati internazzjonali kollha li hi parti minnhom;
40. Iħeġġeġ lir-RPĊ biex mingħajr l-ebda ambigwità timpenja ruħha għar-rispett tal-Karta tan-NU u l-liġi internazzjonali fl-insegwiment tal-għanijiet tagħha barra mill-pajjiż;
41. Japprezza li ċ-Ċina hija l-akbar kontributur ta’ truppi għaż-żamma tal-paċi fost il-membri permanenti tal-KSNU, l-iktar permezz tal-forza navali li qed timmodernizza b’rata mgħaġġla; jilqa’, f’dan ir-rigward, iż-żieda fil-kooperazzjoni mal-UE fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-Golf ta’ Aden; jistieden liċ-Ċina, bħala membru permanenti tal-KSNU, biex tikkoopera b’mod responsabbli mal-komunità internazzjonali dwar kwistjonijiet importanti ta’ tħassib marbuta mas-sigurtà globali, bħas-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iran;
42. Jirrikonoxxi r-responsabbiltà taċ-Ċina kemm fil-provvista ta’ sigurtà liċ-ċittadini tagħha kif ukoll għar-rwol tagħha bħala promotur ta’ paċi u tal-istabbiltà fid-dinja, u jilqa’ ż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħha fin-NU; jitlob, madankollu, li ċ-Ċina turi iktar kooperazzjoni u trasparenza iktar mill-qrib mal-UE u n-NU dwar dawn il-kwistjonijiet, u li tevita l-iżolament fl-iżvilupp tal-politika barranija tagħha;
43. Jistieden liċ-Ċina tirrevedi l-politika tagħha ta’ “l-ebda interferenza fir-rigward tal-affarijiet interni tal-pajjiżi’ f’każijiet ta’ ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali;
44. Jilqa’ d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina li beda f’Lulju 2012 dwar il-Politika tad-Difiża u tas-Sigurtà; jipproponi li dan id-djalogu jiġi estiż għar-reġjun kollu tal-Asja u tal-Paċifiku;
45. Jitlob liċ-Ċina tneħħi t-tħassib internazzjonali li qed jikber dwar il-baġit militari mhux trasparenti tagħha;
46. Jenfasizza l-importanza globali tal-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, li minnu jgħaddi terz tal-kummerċ dinji; jinsab allarmat fir-rigward tat-tensjoni li qed tiżdied b’mod konsiderevoli u għalhekk jappella b’urġenza lill-partijiet involuti kollha biex jevitaw azzjonijiet militari u politiċi unilaterali, itaffu l-istqarrijiet u jsolvu t-tilwim territorjali tagħhom fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina permezz tal-arbitraġġ internazzjonali b’konformità mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, sabiex tkun żgurata stabbiltà reġjonali;
47. Jinsab inkwetat serjament dwar it-tensjonijiet li qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli bejn iċ-Ċina u l-Ġappun; jappella b’mod qawwi liċ-Ċina u l-Ġappun biex jiġġieldu kontra l-perċezzjonijiet ta’ għedewwa reċiproċi li għandhom ta’ xulxin u jiddispjaċih li mhux qed jieħdu l-opportunità mill-erbgħin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom biex jagħmlu negozjati kostruttivi;
48. Jistieden, fid-dawl tal-interessi sinifikanti tal-Unjoni Ewropea fis-sigurtà u l-istabbiltà tal-Asja tal-Lvant, lill-partijiet kollha kkonċernati (iċ-Ċina, il-Ġappun u t-Tajwan) sabiex juru trażżin u sabiex jieħdu passi ħalli jikkalmaw is-sitwazzjoni dwar il-gżejjer soġġetti għal tilwim; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex isolvu t-tilwim b’mod paċifiku fi spìrtu ta’ kooperazzjoni u f’konformità mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, u jaqblu dwar il-miżuri li jrażżnu s-sitwazzjoni f’każ ta’ inċidenti imprevisti;
49.Jinnota l-inizjattiva tat-Tajwan għal kunsens dwar kodiċi ta’ kondotta tal-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu li jippermetti lin-naħat kollha jikkooperaw fl-isfruttar konġunt tar-riżorsi naturali tar-reġjun, inkluża l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli;
50. Jinnota li r-rwol taċ-Ċina fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tal-Peniżola Koreana huwa vitali u jistieden lir-RPĊ biex b’mod iktar attiv tfittex kooperazzjoni msaħħa bejn il-parti ta’ fuq u l-parti ta’ isfel;
51. Jinnota u jiddispjaċih li s-sopravivenza tar-reġim dittatorjali u repressiv tal-Korea ta’ Fuq jiddependi essenzjalment miċ-Ċina; jilqa’ l-imġiba responsabbli taċ-Ċina permezz tal-votazzjoni tagħha favur il-kundanna qawwija tal-KSNU tal-15 ta' April 2012 għall-ingaġġar li ma rnexxiex ta’ rokit mill-Korea ta’ Fuq, li hija meqjusa b’mod ġenerali bħala tentattiv ta’ test ta’ missila ballistika; jistenna bil-ħerqa li ċ-Ċina tkompli tieħu r-responsabbiltà għall-istabbiltà fuq il-Peniżola Koreana, li jitkomplew mingħajr dewmien it-taħditiet bejn sitt partijiet dwar it-theddida nukleari tal-Korea ta’ Fuq, u, fuq kollox, titjib drastiku fil-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Korea ta’ Fuq miġjub permezz ta’ inċentivi Ċiniżi;
52. Jinnota r-rwol li qed jikber taċ-Ċina fir-reġjun Asjatiku Ċentrali, permezz ta’ proġetti kummerċjali, ekonomiċi u tal-enerġija; iqis li ċ-Ċina jista’ jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u jitlob lir-RPĊ tippromwovi relazzjonijiet aħjar bejn l-Istati f’din iż-żona bħala pass kruċjali lejn kooperazzjoni reġjonali; jirrimarka li l-objettivi ewlenin taċ-Ċina fi ħdan l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai huma li tinkiseb paċi u stabbiltà fl-Asja Ċentrali permezz ta’ ġlieda kollettiva kontra t-“tliet elementi ta’ ħażen’: l-estremiżmu, is-separatiżmu u t-terroriżmu; jinnota l-interess strateġiku u ekonomiku kbir taċ-Ċina fir-reġjun permezz tal-isfruttament tar-riservi vasti ta’ żejt u ta’ gass u bil-konnessjoni tal-Asja Ċentrali mal-kosta taċ-Ċina permezz tal-ferroviji u l-awtostradi;
53. Jilqa' r-rabtiet li qed jiżviluppaw bejn iċ-Ċina u l-Afganistan, b’taħdidiet li għall-ewwel darba fl-istorja qed isiru fil-livell għoli tat-tmexxija; iqis li ċ-Ċina jista’ jkollha rwol kruċjali fl-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan permezz ta’ approċċ ta’ potenzi bbażati fuq il-persważjoni u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċina dwar din il-kwistjoni;
54. Josserva li l-istrateġija Amerikana ġdida ta’ attenzjoni mġedda fuq l-Asja hija pperċepita bħala tentattiv mill-Istati Uniti biex trażżan il-qawmien ekonomiku u politiku rapidu taċ-Ċina; jinkoraġġixxi liċ-Ċina u lill-Istati Uniti jevitaw tensjonijiet u tellieqa tal-armamenti fil-Paċifiku; iħeġġeġ liċ-Ċina tiżgura l-libertà ta’ ċirkolazzjoni fl-ibħra;
55. Jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja ħafna lill-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investiment dejjem jiżdied miċ-Ċina fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp;
56. Jinnota li l-preżenza Ċiniża dejjem akbar fl-Afrika kkontribwiet għall-iżvilupp ekonomiku, b’attenzjoni partikolari fuq proġetti ta’ infrastruttura; japprezza r-rikonoxximent mit-tmexxija Ċiniża tal-kritika serja kontra l-politika Afrikana żbilanċjata tagħha, iċċentrata fuq il-materja prima, waqt il-Forum ta’ Kooperazzjoni Ċiniża-Afrikana (FOCAC), li sar fl-20 ta’ Lulju 2012 f’Pekin, kif jidher mill-promozzjoni attwali miftuħa tagħha ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha fil-kontinent Afrikan; jilqa’ l-impenn tal-mexxej tal-Istat u l-Partit Hu Jintao f’din il-laqgħa tal-FOCAC dwar il-kreditu rekord ta’ USD 20 biljun lill-pajjiżi Afrikani fit-tliet snin li ġejjin għall-iżvilupp tal-infrastruttura, l-agrikultura, il-manifattura u l-SMEs; jilqa’ l-appoġġ espress miċ-Ċina għall-Inizjattiva ta’ Trasparenza fl-Industriji Estrattivi (EITI) u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jsegwu t-tendenza globali lejn iktar trasparenza u jżidu l-impenji konkreti tagħhom f’dan il-qasam; jistieden lill-UE tibqa’ attenta dwar l-impatt politiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investimenti dejjem jikbru taċ-Ċina fl-Afrika;
57. Huwa mħasseb li l-preżenza Ċiniża li qed tiżdied fl-Afrika wasslet għal tensjonijiet soċjali serji, iżda jilqa’ l-fatt li kumpaniji Ċiniżi esprimew ir-rieda tagħhom li jagħmlu enfasi akbar fuq ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-attivitajiet Afrikani tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex isejsu l-politiki tagħhom fl-Afrika fuq il-prinċipji u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem;
58. Jinnota l-preżenza dejjem tikber taċ-Ċina fl-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-Amerika Latina, fejn l-esportazzjoni ta’ riżorsi naturali lejn iċ-Ċina żdiedet b’iżjed minn 50 %;
59. Iħeġġeġ liċ-Ċina, l-ikbar emittent ta’ diossidu tal-karbonju fid-dinja, biex ittejjeb ir-rwol proattiv u kostruttiv tagħha għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fi ħdan il-komunità globali sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni ta’ White Paper f’Novembru 2011 mill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-politiki u l-azzjoni adottati biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jistenna l-implimentazzjoni rapida tagħhom;
60. Jinnota li l-kuntatti interpersonali jista' jkollhom rwol kruċjali lejn fehim reċiproku aħjar bejn iċ-Ċina u l-UE u bejn iċ-Ċina u xi wħud mis-sħab l-oħrajn tagħha bħall-Istati Uniti; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-programmi maħsuba biex jiffaċilitaw il-mobbiltà bejn iċ-Ċina u l-UE;
61. Iħeġġeġ liċ-Ċina tagħti prijorità assoluta lit-titjib tas-sigurtà legali għall-intrapriżi barranin abbażi tal-prinċipji tal-ugwaljanza, ir-reċiproċità u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-EEAS, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u dawk kandidati għas-sħubija, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, lill-Gvern Tajwaniż u lill-Yuan Leġiżlattiv Tajwaniż.
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nikosija tal-20 ta' Settembru 2012 dwar il-Ġlieda kontra x-Xiri tal-Logħob,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bl-isem “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard fuq l-internet(2),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2005 dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern(4),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2012 bl-isem “Lejn qafas Ewropew komprensiv dwar il-logħob tal-azzard onlajn” (COM(2012)0596),
– wara li kkunsidra l-Green paper tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern (COM(2011)0128),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(5),
– wara li kkunsidra l-azzjoni preparatorja bl-isem “Sħubijiet Ewropej fl-Isport” u b’mod partikolari l-ġmigħ ta’ proġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta’ inċidenti ta’ xiri tal-logħob permezz tal-għoti ta’ edukazzjoni u informazzjoni lil partijiet interessati relevanti,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkumbatti l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport (COM(2012)0655),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudju bl-isem “Ix-xiri tal-logħob fl-isport” ta’ Marzu 2012, magħmul fuq talba tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Kontra d-Doping tas-16 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati, speċjalment ix-xiri tal-logħob,
– wara li kkonsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi tim ta’ investigazzjoni konġunta (JIT) tal-Europol, imsejjaħ bil-kodiċi “Operation Veto”, kixef ħafna każijiet ta’ xiri tal-logħob tal-futbol f’dawn l-aħħar snin, b’680 logħba madwar id-dinja kollha meqjusa bħala suspettużi, inklużi 380 logħba fl-Ewropa, u billi ddeskriva netwerk mifrux tax-xiri tal-logħob li darab l-isport fil-qalba tiegħu, b’425 persuna suspettata u b’50 persuna arrestata;
B. billi l-Europol iddikjara li dawn iċ-ċifri huma biss il-quċċata ta’ muntanja moħbija;
C. billi għadd kbir ta’ Stati Membri ġew affettwati mix-xiri tal-logħob, li jagħti lok għal tħassib serju minħabba li x-xiri tal-logħob jorbot mal-kriminalità organizzata u huwa sors maġġuri ta' riskju għall-istrutturi sportivi f'tista' tgħid l-Istati Membri kollha;
D. billi x-xiri tal-logħob huwa forma ta’ kriminalità li tiġġenera dħul kbir filwaqt li ftit tiġi sanzjonata fil-qrati jew mikxufa, u billi għaldaqstant l-organizzazzjonijiet kriminali jużawha bħala għodda fl-attivitajiet illegali tagħhom bħall-ħasil tal-flus u t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi;
E. billi l-hekk imsejjaħ “spot-fixing” – attività illegali li biha tiġi mmanipulata parti speċifika ta' logħba, iżda mhux neċessarjament ir-riżultat aħħari – jista’ jkun aktar diffiċli li jinkixef mix-xiri tal-logħob tradizzjonali;
F. billi organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw fuq skala internazzjonali u għandhom konnessjonijiet minn naħa għall-oħra tad-dinja, b’tali mod li l-ebda istituzzjoni, pajjiż jew organizzazzjoni ma tista’ tkun fil-qagħda li tindirizza x-xiri tal-logħob weħidha;
G. billi l-isports kollha jistgħu jintlaqtu, u qed tiġi mhedda l-integrità tal-isport;
H. billi l-mekkaniżmi attwali ta' kontroll ma jirnexxilhomx jidentifikaw xiri tal-logħob b'mod immedjat minħabba n-natura globali ta' dawn l-attivitajiet illegali;
I. billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi huma prerekwiżiti biex il-moviment sportiv ikun jista’ jkollu rwol ta’ suċċess fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob u l-frodi fl-isport;
J. billi bosta organizzazzjonijiet sportivi diġà ħadu miżuri f’dan il-qasam, bħalma huma l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-adozzjoni ta’ politiki ta’ tolleranza żero;
K. billi l-imħatri fuq il-logħob mixtri prinċipalment huma offruti minn operaturi barra l-UE, u b'hekk jeħtieġ li jkun hemm fokus internazzjonali fuq il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob;
L. billi esperti jindikaw li qed ikun hemm dejjem aktar tħassib dwar l-intenzjonijiet ħżiena ta' xi individwi li jixtru klabbs tal-futbol bħala mezz biex jixtru l-logħob u jaħslu l-flus;
M. billi l-unjins tal-plejers jirrimarkaw il-fatt li x-xiri tal-logħob jikkostitwixxi problema wkoll f'termini ta' plejers li ma jitħallsux il-paga tagħhom f'waqtha u jisfaw vittmi ta’ intimidazzjoni u rikatt;
1. Jitlob li l-partijiet interessati ewlenin individwalment iħaddnu r-responsabbiltà u jiżviluppaw approċċ komprensiv billi jikkomplementaw l-isforzi ta’ xulxin biex jiġġieldu kontra x-xiri tal-logħob fl-isport;
2. Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa approċċ koordinat biex tikkumbatti x-xiri tal-logħob u l-kriminalità organizzata billi tikkoordina l-isforzi ta’ partijiet interessati ewlenin f’dan il-qasam, bħal organizzazzjonijiet sportivi, awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji nazzjonali u operaturi tal-logħob tal-azzard, u billi tipprovdi pjattaforma għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aqwa prattiki;
3. Jitlob li l-organizzazzjonijiet sportivi jadottaw politika ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni (sew internament kif ukoll b'rabta ma' kuntratturi esterni) biex ma jħallux li l-membri tagħhom ikunu vulnerabbli għal pressjoni esterna;
4. Iħeġġeġ li organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta għall-persunal u għall-ufiċjali kollha (plejers, kowċijiet, referis, persunal mediku u tekniku u mexxejja tal-assoċjazzjonijet) li jesponi l-perikli tax-xiri tal-logħob, jinkludi projbizzjoni ċara għall-manipulazzjoni tal-logħob għall-imħatri jew skopijiet oħra, jistipula s-sanzjonijiet assoċjati, u li jinkludi projbizzjoni tal-logħob tal-azzard fuq il-logħbiet proprji tagħhom kif ukoll obbligu li dak li jkun jirrapporta kwalunkwe kuntatt jew għarfien dwar xiri tal-logħob, flimkien ma’ mekkaniżmu adegwat ta’ protezzjoni tal-whistleblowers;
5. Jitlob li l-korpi kollha ta' tmexxija tal-isports jikkomettu ruħhom favur prattiki ta' governanza tajba sabiex inaqqsu r-riskju li wieħed jisfa vittma ta' xiri tal-logħob;
6. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għall-protezzjoni tal-integrità tal-isport; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi jinformaw u jedukaw lill-isportivi u lill-konsumaturi b'mod adegwat, sa minn età żgħira, fil-livelli kollha tal-isport, kemm dawk tad-dilettanti kif ukoll dawk professjonali;
7. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex ivaraw u jippersistu bi programmi preventivi u edukattivi komprensivi li jġibu magħhom obbligi ċari għall-klabbs, ligs u federazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-minorenni, u jwaqqfu korp dixxiplinarju li jittratta x-xiri tal-logħob;
8. Jitlob li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinkludu espliċitament ix-xiri tal-logħob fid-dritt kriminali nazzjonali tagħhom, jipprovdu għal sanzjonijiet minimi komuni adegwati, u jiżguraw li kwalunkwe lakuna eżistenti tiġi indirizzata b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali;
9. Jilqa’ d-diskussjonijiet li qed isiru dwar konvenzjoni possibbli tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkumbatti l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi, li sejra tagħti lis-sistemi nazzjonali l-għodod, l-għarfien espert u r-riżorsi li jeħtieġu biex jiġġieldu kontra din it-theddida;
10. Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex japplikaw standards ta’ governanza għoljin u konvinċenti;
11. Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-imħatri fuq kompetizzjonijiet li jinvolvu l-minorenni;
12. Jitlob li l-Istati Membri joħolqu unità speċjalizzata tal-infurzar tal-liġi li tikkumbatti x-xiri tal-logħob u sservi ta’ pern ċentrali għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, u jesiġu li l-operaturi tal-logħob tal-azzard jagħtu informazzjoni dwar xejriet irregolari tal-logħob tal-azzard lil din l-unità u lill-organizzazzjonijiet sportivi għal aktar investigazzjoni u għat-tressiq quddiem l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni;
13. Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu u jiġu infurzati b’mod effikaċi miżuri li jiġġieldu kontra s-siti tal-internet tal-imħatri illegali u kontra l-logħob tal-azzard anonimu; jemmen li għandu jkun hemm skambju ta' informazzjoni rigward persuni li jkunu ssemmew b'rabta ma', jew ġew ikkundannati għal, kuntatti ma' plejers dwar arranġamenti għax-xiri tal-logħob;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korpi regolatroji li jidentifikaw u jiġġieldu kontra attivitajiet illegali ta’ mħatri dwar l-isport u li jiġbru, jiskambjaw, janalizzaw u jxerrdu evidenza tax-xiri tal-logħob, frodi fl-isport u suriet oħra ta’ korruzzjoni fl-isport, sew fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni ma' regolaturi oħra, inkluż ma’ awtoritajiet tal-ħruġ ta’ liċenzji, korpi tal-infurzar u l-pulizija;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn dawn il-korpi regolatorji fir-rigward ta' attivitajiet ta' mħatri fuq l-isport ta’ natura illegali jew suspettuża;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi bl-għan li jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata assoċjata max-xiri tal-logħob, inter alia billi jieħdu sehem fin-negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkumbatti l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi;
17. Jilqa’ l-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ Rapport dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni darbtejn fis-sena, akkumpanjat minn analiżi għal kull Stat Membru li tinkludi rakkomandazzjonijiet imfassla speċifikament għal kull pajjiż (mill-2013 “il quddiem);
18. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jimxi fuq il-miri tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għas-snin 2011-2014, filwaqt li jinsisti b’mod partikolari fuq l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi fl-Istati Membri bil-għan li jkattar l-għarfien dwar valuri sportivi bħlama huma l-integrità, logħob bil-fier u rispett għal ħaddieħor;
19. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni intiża biex fl-2014 tiġi adottata rakkomandazzjoni dwar l-aqwa prattiki fil-prevenzjoni tax-xiri tal-logħob marbut mal-imħatri u l-ġlieda kontrih;
20. Jilqa' l-fatt li l-Ħames Konferenza Internazzjonali tal-Ministri u l-Uffiċjali Għoljin Responsabbli mill-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport (MINEPS) se tindirizza l-kwistjoni tal-integrità fl-isport u l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob, u jemmen li dan jikkostitiwixxi forum utli fejn għandu jiġi indirizzat il-bżonn ta' korp globali li jittratta x-xiri tal-logħob, u li fih l-atturi relevanti kollha jistgħu jiltaqgħu, jiskambjaw l-informazzjoni, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom u jippromwovu kunċetti ta’ governanza tajba;
21. Jitlob li l-Kummissjoni tidentifika pajjiżi – bħal dawk magħrufa bħala “r-rifuġji Asjatiċi tal-imħatri” – li jqajmu kwistjonijiet speċifiċi rigward ix-xiri tal-logħob relatat mal-imħatri bi rbit ma’ avvenimenti sportivi li jkunu qed isiru fl-UE, u tqawwi l-kollaborazzjoni tagħha ma' dawk il-pajjiżi fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob;
22. Jitlob li l-Kunsill jipproċedi b'mod rapidu u ambizzjuż bid-diskussjonijiet dwar il-proposta għal direttiva ġdida dwar il-ħasil tal-flus (COM(2013)0045) biex jiġi indirizzat l-użu tal-imħatri sportivi onlajn għall-ħasil tal-flus;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lil organizzazzjonijiet sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 206 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll 4 dwar il-Qoton għall-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u l-Aġġustamenti għat-Trattati,
– wara li kkunsidra konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), inklużi l-Konvenzjonijiet Nru 138 tas-26 ta’ Ġunju 1973 rigward l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg, Nru 182 tas-17 ta' Ġunju 1999 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, Nru 184 tal-21 ta’ Ġunju 2001 rigward is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, Nru 87 tad-9 ta’ Lulju 1948 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, Nru 98 tat-8 ta’ Ġunju 1949 rigward id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, Nru 141 tat-23 ta’ Ġunju 1975 rigward l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema rurali u Nru 155 tat-22 ta’ Ġunju 1981 rigward is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Programm Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal (IPEC) and l-Programm “Understanding Children’s Work” (UCW),
– wara li kkunsidra s-sħubija tal-UE f’korpi internazzjonali tal-prodotti bażiċi (ICBs),
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-71 Laqgħa Plenarja tal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qoton (ICAC) li saret mis-7 sal-11 ta’ Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-95 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP li saret f’Port Vila (Vanuatu) mill-10 sal-15 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(1) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kummerċ fi prodotti bażiċi, l-aċċess għal materja prima, il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi, is-swieq tad-derivattivi, l-iżvilupp sostenibbli, ir-riżorsi tal-ilma, it-tħaddim tat-tfal u l-isfruttament tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011(4), fejn iddeċieda li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal Protokoll dwar it-Tessuti għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Uzbekistan, minħabba tħassib relatat mal-użu tat-tħaddim furzat tat-tfal fl-għelieqi tal-qoton,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU, l-istrateġija Ewropea għall-materja prima, l-istrateġija tal-UE għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, l-istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar is-sostenibilità tal-katina tal-valur globali tal-qoton,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qoton huwa fost dawk l-uċuħ tar-raba’ l-aktar sinifikanti f'termini ta’ użu tal-art, u huwa importanti fil-ġenerazzjoni tal-impjiegi u għall-komunitajiet rurali, il-kummerċjanti, l-industrija tessili u l-konsumaturi madwar id-dinja kollha u jikkostitwixxi prodott agrikolu bażiku vitali barra l-ikel;
B. billi l-qoton huwa l-fibra naturali l-iktar użata u jitkabbar f’iktar minn 100 pajjiż, b’madwar 150 pajjiż involut fil-kummerċ tiegħu;
C. billi huwa stmat li hemm 100 miljun unità domestika rurali involuti fil-produzzjoni tal-qoton, u billi s-settur tal-qoton huwa sors ewlieni ta’ impjiegi u dħul għal iktar minn 250 miljun ruħ fl-istadji ta’ produzzjoni, ipproċessar, ħżin u trasport ta’ din il-katina tal-valur agrikola;
D. billi l-produzzjoni tal-qoton hija ddominata miċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti, fejn l-Istati Uniti, l-Indja, l-Awstralja u l-Brażil huma l-akbar esportaturi, u ċ-Ċina, il-Bangladexx u t-Turkija huma l-ikbar importaturi; billi l-Uzbekistan huwa l-ħames l-akbar esportatur fid-dinja u s-sitt l-akbar produttur;
E. billi parti kbira sew mill-importazzjonijiet tal-qoton tal-Bangladexx tintuża għall-manifattura tat-tessuti u l-ilbies orjentati lejn l-esportazzjoni, u din tammonta għal 80 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-manifattura; billi l-parti l-kbira tat-tessuti u l-ilbies li jipproduċi jiġu esportati lejn pajjiżi żviluppati, b’mod partikolari l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika;
F. billi fl-UE l-qoton huwa kkultivat f’madwar 370 000 ettaru minn madwar 100 000 produttur primarjament fil-Greċja u Spanja, bi produzzjoni ta’ 340 000 tunnellata ta’ qoton imfesdaq, li jammonta għal 1 % tal-produzzjoni globali ta’ qoton imfesdaq;
G. billi l-UE saret esportatur nett tal-qoton fl-2009 u għandha kwota tas-suq tal-esportazzjoni ta’ 2,8%, fejn it-Turkija, l-Eġittu u ċ-Ċina huma d-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tagħha;
H. billi l-valur tal-esportazzjonijiet tal-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-UE fl-2011 kien jammonta għal EUR 39 biljun u l-industrija kienet timpjega 'l fuq minn 1,8 miljun ħaddiem f’146 000 kumpanija madwar l-UE(5);
I. billi l-impatt ambjentali tal-qoton huwa aċċentwat bl-użu eċċessiv ta’ pestiċidi (li minnhom 7 % jintużaw fil-livell globali) insettiċidi (li minnhom 15 % jintużaw fil-livell globali) u ilma, u dan iwassal għad-degradazzjoni u l-kontaminazzjoni tal-ħamrija u għat-telf tal-bijodiversità;
J. billi l-parti l-kbira tal-ħsad globali tal-qoton tiġi minn raba’ saqwi, u dan ikompli jitfa’ pressjoni konsiderevoli fuq ir-riżorsi tal-ilma ħelu; billi l-qoton huwa responsabbli għal iktar rilaxx ta’ insettiċidi fil-livell globali minn kwalunkwe prodott tar-raba’ ieħor;
K. billi l-UE hija l-ikbar fornitur ta’ assistenza għall-żivilupp relatata mal-qoton permezz tas-Sħubija UE-Afrika dwar il-Qoton u programmi oħra(6), u fl-2009 kienet l-importatur ewlieni tad-dinja ta’ ħwejjeġ u tessuti tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs);
L. billi r-riforma tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) (7) tal-Unjoni se ssaħħaħ l-inċentivi għar-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tax-xogħol u tal-istandards ambjentali u ta’ governanza tajba permezz tal-iskema SPĠ+;
M. billi huwa diffiċli li tiġi stmata l-manjitudini reali tat-tħaddim tat-tfal fil-katina ta’ valur tal-qoton minħabba informazzjoni mhux kompluta u frammentata;
N. billi l-ILO tikkalkula li iktar minn 215-il miljun tifel u tifla madwar id-dinja huma tfal li jaħdmu u li 60 % minnhom jaħdmu fis-settur agrikolu(8);
O. billi, għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, it-tħaddim tat-tfal kif definit mill-ILO bil-Konvenzjonijiet Nru 138 dwar l-Età Minima għad-Dħul fl-Impjieg u l-Konvenzjoni Nru 182 rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tat-Tħaddim tat-Tfal, rispettivament;
P. billi jseħħu forom differenti ta’ tħaddim ta’ tfal u xogħol furzat f’maġġoranza kbira tal-pajjiżi produtturi ewlenin tal-qoton madwar id-dinja waqt il-kultivazzjoni, il-ħsad tal-lent u ż-żerriegħa u t-tfesdiq tal-qoton(9);
Q. billi t-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat fis-setturi tat-tessuti u tal-qoton ma jistax jiġi indirizzat b’mod iżolat mill-kawżi ewlenin tiegħu: il-faqar rurali u n-nuqqas ta’ alternattivi għall-ġenerazzjoni tad-dħul, il-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tat-tfal, in-nuqqas ta’ edukazzjoni obbligatorja fis-seħħ għat-tfal kollha, l-istrutturi riġidi tal-komunità u l-attitudnijiet prevalenti;
R. billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-istandards tas-saħħa u sikurezza, kif ukoll il-livelli tas-salarji, jibqgħu kwistjoni ta’ tħassib kbir fil-produzzjoni tal-qoton u l-manifattura tat-tessuti u l-ilbies, b’mod partikolari fl-LDCs u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi mill-2006, 470 ruħ fil-Bangladexx waħdu nqatlu f’nirien li nfirxu f’kumpaniji tessili;
S. billi l-ICAC jgħaqqad 41 pajjiż li jipproduċu, jikkunsmaw u jinnegozjaw il-qoton u għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza fis-suq tal-qoton billi jżid is-sensibilizzazzjoni, irawwem kooperazzjoni internazzjonali, jiġbor data statistika u jipprovdi informazzjoni teknika u previżjonijiet dwar is-swieq tat-tessuti u tal-qoton;
T. billi l-ICAC għadu wieħed mill-ftit ICBs li l-Unjoni għadha mhux membru tagħhom, u billi attwalment hemm seba’ Stati Membri tal-UE li huma membri tal-ICAC;
U. billi l-qoton huwa kruċjali għall-objettivi agrikoli, kummerċjali u ta’ żvilupp tal-Unjoni;
V. billi l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mal-qoton, tagħmel l-azzjoni tal-Unjoni aktar konsistenti u żżid l-influwenza tagħha fl-iffissar tal-“aġenda tal-qoton”;
W. billi s-sħubija fl-ICAC tippermetti li l-Unjoni ssaħħaħ l-aċċess għall-informazzjoni u l-konsulenza analitika u tiffaċilita r-rabtiet u s-sħubiji bejn is-settur tessili, il-produtturi tal-qoton u l-awtoritajiet pubbliċi;
X. billi l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC;
1. Jitlob li jkomplu jiġu missielta l-miżuri ta’ tagħwiġ tal-kummerċ u li titjieb it-trasparenza fis-swieq tad-derivattivi ta' komodità;
2. Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha fis-settur tal-qoton biex, mingħajr aktar dewmien, jaħdmu flimkien permezz tal-ICAC sabiex jimminimizzaw drastikament id-degradazzjoni ambjentali, inkluż l-impatt fuq l-ilma u l-użu ta’ pestiċidi u l-insettiċidi; jenfasizza li dawn il-metodi mhux sostenibbli ta’ produzzjoni jimminaw il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni futura tal-qoton; iqis l-adeżjoni tal-Unjoni mal-ICAC bħala strumentali għall-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma komuni tal-ICAC f’din id-direzzjoni;
3. Jissottolinja l-importanza li jiġu missielta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt tax-xogħol u t-tniġġis ambjentali tul il-katina tal-valur tal-qoton, inkluż fis-setturi tat-tessuti u tal-ħwejjeġ; jissuġġerixxi li l-ICAC jiżviluppa metodu li jiffaċilita l-monitoraġġ indipendenti mill-NGOs ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-katina tal-valur tal-qoton, ladarba hija membru tal-ICAC, sabiex timpenja ruħha f’din il-kwistjoni
4. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ġusti għal produtturi fuq skala żgħira minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu aċċess għall-katini tal-valur ewlenin li jservu l-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-Unjoni, jitilgħu l-katina tal-valur tal-qoton, tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u jifhmu l-potenzjal tal-qoton organiku u tal-kummerċ ġust; jistieden lill-Kummissjoni tistudja kif il-leġiżlazzjoni fl-UE dwar l-akkwist pubbliku tista’ tagħti spinta lill-introduzzjoni tal-qoton b’kummerċ ġust;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u l-pjanijiet ta’ żvilupp nazzjonali tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, biex issaħħaħ l-isforzi tagħha għall-appoġġ ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali dwar il-qoton fl-LDCs li jipproduċu l-qoton;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tħaddim tat-tfal u t-tħaddim furzat fl-għelieqi tal-qoton;
7. Huwa tal-fehma li qafas olistiku u kkoordinat li jindirizza l-għeruq tal-kawżi tat-tħaddim tat-tfal u li jiġi implimentat fuq bażi fit-tul biss jista’ jwassal għal katina tal-valur tal-qoton iktar sostenibbli; jitlob, madanakollu, li l-UE tieħu bis-serjetà kull allegazzjoni ta’ skjavitù jew xogħol furzat fil-katina ta’ provvista tal-qoton u biex tirreaġixxi b’sanzjonijiet xierqa;
8. Jenfasizza li s-sostenibilità tas-settur tal-qoton tiddependi fuq il-produtturi tiegħu, il-kummerċjanti, il-fornituri tal-elementi li jidħlu fil-produzzjoni, il-bejjiegħa bl-imnut, id-ditti, il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u l-konsumaturi; jinnota li l-iskemi ta’ kummerċ ġust jipprovdu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-konsumaturi u l-produtturi, inter alia fis-settur tal-qoton, li l-għarfien espert tagħhom u l-aħjar prattiki tagħhom għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni;
9. Jistieden lill-pajjiżi produtturi tal-qoton kollha joħolqu ambjent li jippermetti monitoraġġ u rappurtar adegwat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-qoton min-naħa tal-gvern, l-industrija, NGOs indipendenti u l-entitajiet marbuta mat-trade unions, u biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet u t-trade unions tal-bdiewa fl-isforzi tagħhom biex jgħollu l-livelli tal-introjtu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi tal-qoton; jissottolinja l-ħtieġa għal dawk li jaħdmu fil-qalba tal-industrija tal-qoton biex jaqilgħu għajxien deċenti mill-ħidma tagħhom u jaqsmu l-benefiċċji akkumulati mill-pajjiżi li jipproduċu l-qoton;
10. Jilqa’ l-“Better Cotton Initiative (BTI)”, il-“Cotton Made in Africa”, il-“Global Organic Textile Standard (GOTS)” u inizjattivi oħra magħmula minn diversi partijiet interessati li għandhom l-għan li jżidu s-sostenibilità tal-katina tal-valur tal-qoton u tat-tessuti;
11. Iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li għad iridu jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjonijiet Nru 138 u 182 tal-ILO jew il-Konvenzjonijiet 87, 98, 141 u 155 sabiex jirratifikawhom u jimplimentawhom bil-ħeffa; huwa tal-fehma li l-gvernijiet għandhom jadottaw il-politiki xierqa kollha sabiex irawmu sensibilizzazzjoni tar-regoli nazzjonali u internazzjonali eżistenti dwar it-tħaddim tat-tfal u konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, matul il-katina tal-produzzjoni tal-qoton kollha kemm hi;
12. Ifakkar li l-preferenzi mogħtija permezz tal-SPĠ tal-Unjoni, l-istrument ewlieni tal-politika kummerċjali tagħha għall-promozzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bnieden u tax-xogħol u tal-iżvilupp sostenibbli, jistgħu jiġu rtirati temporanjament f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tax-xogħol minquxa fil-konvenzjonijiet bażiċi tan-NU u tal-ILO; jenfasizza r-responsabilità ta’ kumpaniji Ewropej biex ikunu konformi ma’ dawn l-istandards fil-katini ta’ provvista tagħhom;
13. Jenfasizza l-importanza tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (GSP+);
14. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja u, jekk xieraq, tressaq quddiem il-Parlament Ewropew proposta leġiżlattiva dwar mekkaniżmu ta' traċċabilità effettiv għall-prodotti manifatturati permezz tat-tħaddim tat-tfal jew tħaddim furzat;
15. Jistieden lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar il-modalitajiet tas-sħubija fl-ICAC, biex l-Unjoni jkollha aċċess għall-ICAC b’kompetenza esklussiva;
16. Jistieden lill-parteċipanti tal-katina tal-valur tal-qoton jevitaw miżuri unilaterali bħalma huma l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, biex jirsistu għal trasparenza u koordinazzjoni ikbar sabiex jitnaqqsu l-volatilità tal-prezz u l-possibilità ta’ spekulazzjoni, u jaħdmu biex jiżguraw it-traċċabilità tal-kummerċ tal-fibra tal-qoton fis-suq miftuħ;
17. Iqis li huwa importanti li l-produzzjoni tal-qoton fl-Unjoni tiġi ssalvagwardjata, filwaqt li jissaħħu l-miżuri tranżitorji ta' ristrutturar għar-reġjuni l-aktar affettwati;
18. Jistieden lill-ICAC jevalwa regolarment, permezz tal-Panel ta’ Esperti tiegħu dwar il-Prestazzjoni Soċjali, Ambjentali u Ekonomika tal-Qoton (SEEP), l-impatti soċjali u ambjentali tal-produzzjoni tal-qoton u jippubblika r-riżultati;
19. Jistieden lill-ICAC jikkunsidra l-possibilità li tinħoloq skema globali effettiva tat-tikkettar li tiggarantixxi li l-prodotti jkunu ġew prodotti mingħajr l-użu tat-tħaddim tat-tfal jew xogħol furzat fi kwalunwe stadju tal-katina ta’ provvista u tal-proċess ta’ produzzjoni;
20. Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-ikbar suq tal-qoton bl-ikbar riżervi ta’ qoton, tikkunsidra li tingħaqad mal-ICAC u tieħu rwol kostruttiv fis-settur tal-qoton; jistieden ukoll lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tikkumbatti l-użu ta’ tħaddim tat-tfal u xogħol furzat fis-settur tal-qoton u tat-tessuti;
21. Jistieden lill-Kummissjoni:
i.
tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-ħidma u l-attivitajiet tagħha fl-ICBs, inkluż l-ICAC;
ii.
tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tas-sħubija fl-ICAC sabiex tirsisti għal sostenibilità u trasparenza ikbar fil-industirja tal-qoton u l-ħwejjeġ u għas-sostenibilità;
iii.
tirreaġixxi bil-ħeffa għal kwalunkwe restrizzjoni possibbli għall-esportazzjoni tal-qoton u għal azzjonijiet oħra li jwasslu għal volatilità eċċessiva tal-prezzijiet;
iv.
tkompli tiżgura li tinstema’ l-vuċi ta’ dawk li jkabbru, ifesdqu u jinnegozjaw il-qoton u ta’ dawk li jagħmlu riċerki dwaru;
v.
ittejjeb il-koordinazzjoni, il-ġbir ta’ data statistika, il-previżjonijiet, il-qsim tal-informazzjoni u l-monitoraġġ tal-katini tal-valur u l-provvista globali tal-qoton;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-ICAC, lill-ILO, lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), lill-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD), lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), lill-Bank Dinji, lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
Il-valur totali ta’ assistenza għall-iżvilupp għall-industrija tal-qoton Afrikana mill-UE u l-Istati Membri tagħha mill-2004 jeċċedi EUR 350 miljun. Ara d-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-assistenza għall-iżvilupp tal-qoton, 31.5.2012.
“Literature Review and Research Evaluation relating to Social Impacts of Global Cotton Production for ICAC Expert Panel on the Social, Environmental and Economic Performance of Cotton (SEEP)’, Lulju 2008.
Il-qagħda fil-Bangladexx
220k
23k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx (2013/2561(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-17 ta’ Jannar 2013(1), tas-6 ta’ Settembru 2007(2) u tal-10 ta’ Lulju 2008(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp(4),
– wara li kkunsidra l-Att dwar it-Tribunal Kriminali Internazzjonali (ICT) mgħoddi mill-parlament tal-Bangladexx fl-1973 biex jipprovdi għad-detenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-pieni ta' persuni għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u delitti oħrajn taħt il-liġi internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-22 ta’ Jannar 2013 dwar is-sentenza tal-mewt mogħtija mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Bangladexx, u tat-2 ta’ Marzu 2013 dwar il-vjolenza fil-Bangladexx,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati tas-7 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni ta' Vjenna tal-1993 u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen tal-1995 u l-Programm ta’ Azzjoni dwar l-Iżvilupp Soċjali,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,
B. billi biex iżomm ma' wegħda ċentrali tal-kampanja elettorali tiegħu, il-Gvern tal-Lega Awami taħt it-tmexxija ta' Sheik Hasina waqqaf tribunal għad-delitti tal-gwerra biex jindirizza l-massakri li twettqu matul il-gwerra ta' disa' xhur li wasslet għall-firda bejn dawk li dari kienu l-Pakistan tal-Lvant u tal-Punent fl-1971, li fiha nqatlu bejn 300 000 u 3 miljun persuna u ġew stuprati madwar 200 000 mara;
C. billi t-trawma ta’ wieħed mill-aktar każijiet gravi ta' qtil tal-massa fl-istorja għadha qed taffettwa l-ħajja ta' ħafna ċittadini tal-Bangladexx 40 sena wara li seħħ, li għalihom il-proċedimenti tal-qorti huma maħsuba biex joffru mument ta' rikonoxximent u ta' kumpens importanti għal dak kollu li ġarrbu;
D. billi fil-21 ta’ Jannar 2013, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali (ICT) ħabbar il-verdett tiegħu kontra Abdul Kalam Azad għal delitti kontra l-umanità li twettqu matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971 u tah sentenza ta' mewt wara l-proċess in absentia tiegħu;
E. billi fil-5 ta’ Frar 2013, l-ICT ta sentenza ta’ priġunerija għall-għomor għal Abdul Qader Mollah, u dan irriżulta fi protesti qawwija iżda fil-biċċa l-kbira paċifiċi l-iktar miż-żgħażagħ fid-distrett ta' Shahbagh ġewwa Daka; billi l-hekk imsejjaħ “Moviment ta’ Shahbagh’ kien qed jappella għall-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-verdett kif ukoll għal soċjetà u politika ħielsa mill-estremiżmu reliġjuż;
F. billi matul dawn il-protesti, il-gvern emenda l-Att dwar l-ICT tal-1973 biex jintroduċi dispożizzjoni li tippermetti lill-atturi jappellaw kontra verdett li jingħata mit-Tribunal; billi d-deċiżjoni tal-qorti kontra Abdul Qader Mollah għalhekk tista’ tinbidel sabiex tiffavorixxi sentenza tal-mewt; billi din l-għamla ta’ leġiżlazzjoni retroattiva tikser l-istandards ta’ proċess ġust, tissottovaluta l-leġittimità tax-xogħol tal-ICT u tikser il-projbizzjoni ta’ proċessi doppji (“ne bis in idem’) fil-liġi internazzjonali, li hija stabbilita wkoll fl-Artikolu 14(7) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Bangladexx huwa parti fih;
G. billi diversi mexxejja tal-partit tal-Lega Awami li qed jiggverna, inkluż il-Ministru għall-Intern, appoġġaw it-talbiet tal-Moviment Shabagh, u ssuġġerew li l-partit għandu jiġi pprojbit u li l-istazzjonijiet tal-midja relatati mal-partit għandhom jingħalqu;
H. billi fit-28 ta’ Frar 2013, l-ICT ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti sentenza ta' mewt lil Delwar Hossain Sayeedi, Viċi President tal-partit Jamaat-e-Islami, abbażi ta’ akkużi li jinkludu l-persekuzzjoni tal-minoranza Ħindu;
I. billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara dan l-aħħar verdett, hekk kif saru protesti kontrih mis-segwaċi tal-Partit Jamaat li wasslu sabiex mietu aktar minn 60 persuna; billi, skont l-informazzjoni pprovduta mill-NGOs, ir-reazzjoni tal-pulizija għall-attakki mill-membri u l-partitarji ta’ Jamaat kienet tinkludi l-użu ta’ munizzjon letali;
J. billi jeżistu rapporti ta’ attakki reċenti minn attivisti ta’ Jamaat u xi partitarji tal-Partit Nazzjonalista tal-Bangladexx fuq aktar minn 40 tempju, dar u ħanut tal-Ħindu mifruxa mal-Bangladexx, li ħallew mijiet ta’ persuni mingħajr dar; billi l-poplu Ħindu u minoranzi oħrajn tal-Bangladexx (bħall-komunità Ahmadiyya) kellhom isofru b’mod ripetut minn perjodi ta’ vjolenza u persekuzzjoni, speċjalment matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971 u wara l-elezzjonijiet tal-2001, u billi, konsegwentement, madwar 900 000 Ħindu telqu mill-Bangladexx bejn l-2001 u l-2011;
K. billi l-proċedimenti legali f’diversi każijiet oħra jinsabu għaddejjin fl-ICT u hemm riskju serju li l-imputati jinstabu ħatja u jingħataw sentenza ta’ mewt;
L. billi r-Rapporteur Speċjali tal-UE dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji u arbitrarji u r-Rapporteur Speċjali tal-UE dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, kif ukoll organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, esprimew tħassib dwar l-allegati nuqqasijiet tat-tribunal fir-rigward tal-proċessi ġusti u dovuti, speċjalment dwar il-fatt li wieħed mill-proċessi sar in absentia;
1. Jinsab tassew imħasseb dwar it-tfaqqigħ reċenti tal-vjolenza fil-Bangladexx wara l-verdetti tal-ICT u jesprimi dispjaċir fir-rigward tal-vittmi reċenti;
2. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-membri tal-familja u l-ħbieb ta’ dawk li nqatlu jew sofrew ġrieħi minħabba l-vjolenza;
3. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni, ġustizzja u l-obbligu ta' rendikont għad-delitti mwettqa matul il-gwerra għall-indipendenza tal-1971; jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-ICT fir-rigward ta' din il-kwistjoni;
4. Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f’kull ċirkostanza;
5. Jappella lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jikkomutaw il-kundanni għal mewt kollha, jibnu fuq l-iżvilupp pożittiv li ma kien hemm l-ebda eżekuzzjoni fl-2012, u jintroduċu moratorja uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;
6. Jikkundanna l-irregolaritajiet irrappurtati fil-funzjonament tal-ICT, bħall-intimidazzjoni, il-fastidju u l-għajbien sfurzat tax-xhieda allegati, kif ukoll l-evidenza ta’ kooperazzjoni illegali bejn l-imħallfin, il-prosekuturi u l-gvern; jinsisti, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom itejbu l-miżuri biex jiggarantixxu l-protezzjoni effikaċi tax-xhieda;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiżgura li l-ICT jikkonforma strettament mal-istandards legali nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-garanzija ta’ proċess ħieles, ġust u trasparenti kif ukoll id-dritt tal-vittmi għall-protezzjoni, il-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jintensifika l-isforzi tiegħu biex jinforza l-istat tad-dritt u l-ordni; itenni l-obbligu tal-gvern li jonora l-impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza tal-partitarji u ta’ Jamaat-e-Islami u l-partiti affiljati kontra l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, kontra dawk li jappoġġaw il-verdetti tal-ICT, u kontra minoranzi reliġjużi u etniċi; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza indiskriminata mmirata lejn iċ-ċittadini ordinarji;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta’ vittmi minħabba l-ġlied; jappella lill-gvern biex jagħti istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà tiegħu biex josservaw strettament l-obbligu tagħhom li jeżerċitaw trażżin massimu u jevitaw il-forza letali u biex jinvestigaw bir-reqqa l-imwiet ta’ dawk kollha li nqatlu matul il-protesti;
11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jiżguraw li l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin jiġu investigati b’mod imparzjali, u li dawk li jinstabu responsabbli jitressqu quddiem il-qorti;
12. Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha fil-pajjiż biex inaqqsu t-tensjonijiet politiċi sabiex jevitaw aktar vjolenza, biex jagħtu istruzzjonijiet lill-partitarji tagħhom sabiex ma jipparteċipaw fl-ebda att ta’ vjolenza; jappella lill-partiti politiċi kollha fil-Bangladexx biex jidħlu fi djalogu ma’ xulxin;
13. Jappella lill-istampa biex toqgħod lura mill-inċitament għall-vjolenza armata; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-ġurnalisti u l-edituri jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod paċifiku mingħajr ma jiġu ffastidjati, intimidati, jinżammu jew jiġu ttorturati;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.
L-Iraq: il-qagħda mwiegħra tal-gruppi ta' minornza, partikolarment it-Turkmen Iraqini
221k
25k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turkomeni Iraqini (2013/2562(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tas-6 ta' April 2006 dwar il-komunità Assirjana(1) u tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-attakki kontra l-komunitajiet Kristjani(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq(3),
– wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-Kummissjonigħall-Iraq (2011-2013) ,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE (VP/RGħ) Catherine Ashton tal-25 ta' Jannar 2013 dwar is-sensiela riċenti ta' attakki terroristiċi fl-Iraq,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton tal-24 ta' Jannar 2013 dwar il-qtil fil-funeral ta' Tuz Khurmatu,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali mal-Iraq, imniedi mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon u l-Prim Ministru Iraqin Nouri al-Maliki fl-2007, li jwiegħed li “jipproteġi l-foqra u l-gruppi vulnerabbli mill-privazzjoni u mill-ġuħ”,
– wara li kkunsidra r-“Rapport tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iraq: Jannar sa Ġunju 2012”, ippreżentat b'mod konġunt mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonjiet Uniti fl-Iraq (UNAMI) u l-Kummissjoni fid-19 ta' Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa relatata mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), Navi Pillay, li tgħid li n-numru ta' eżekuzzjonijiet sa dak il-punt fl-2012, u l-mod li bih twettqu f'massi, huwa perikoluż immens, ma jistax jiġi ġustifikat u jinvolvi r-riskju li jdgħajjef il-progress parzjali u inċert fir-rigward tal-istat ta' dritt fl-Iraq,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon tal-25 ta' Jannar 2013, li tikkundanna b'mod qawwi l-mewġa riċenti ta' attakki terroristiċi fl-Iraq, li qatlu mijiet ta' persuni u ħallew ħafna iktar midrubin,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Iraq għadu qed jaffaċċja sfidi politiċi, tas-sigurtà u soċjoekonomiċi serji, u billi x-xena politika hija frammentata immens u kkaratterizzata mill-vjolenza, għad-detriment serju tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Iraqin għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni ġenwina għad-demokrazija;
B. billi l-Kostituzzjoni Iraqina tiggarantixxi l-ugwaljanza qudiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż u b'mod partikolari fl-Artikolu 125 “id-drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet, bħat-Turkomeni, il-Kaldewi, l-Assirjani u n-nazzjonalitajiet l-oħra kollha” u billi l-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni tar-Reġjun tal-Kurdistan tal-2009, li ilha fis-seħħ mill-2009, tiggarantixxi “l-awtonomija nazzjonali, kulturali u amministrattiva tat-Turkomeni, tal-Għarab u tal-Assiro-Kaldeo-Sirjaki, tal-Armeni u oħrajn li huma ċittadini tal-Kurdistan kull meta jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni”;
C. billi fid-9 ta' April 2012 il-parlament Iraqi approva l-Kummisjoni Għolja għad-Drittijiet tal-Bniedem, li, għalkemm għadha mhux qed taħdem għalkollox, hija l-ewwel kummissjoni indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem fl-istorja tal-pajjiż;
D. billi fid-djalogu politiku mal-kontropartijiet Iraqini tiegħu, il-Parlament iffoka fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq, li għadha kawża ta' tħassib serju meta titqies is-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti għall-gruppi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;
E. billi l-ftehim bejn l-UE u l-Iraq, u b'mod partikolari l-klawsola tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, jenfasizzaw li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iraq għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;
F. billi l-Iraq ilu jospita varjetà ta' gruppi minoritarji etniċi u reliġjużi, inklużi t-Turkomeni, l-Insara, il-Kurdi, ix-Shabak, il-Mandej, l-Armenjani, il-Yezidi, il-Baħai, l-Iraqini Suwed, l-Assirjani, il-Lhud, il-Palestinjani u oħrajn;
G. billi l-minoranzi fl-Iraq sfaw fil-mira ta' miżuri ta' assimilazzjoni u huma sottorappreżentati fil-Gvern Iraqi u f'korpi assoċjati; billi konsegwenza ta' dan, il-popolazzjonijiet rispettivi tal-gruppi minoritarji fl-Iraq naqsu b'mod drastiku fl-aħħar snin, peress li ħafna ħarbu mill-pajjiż, filwaqt li oħrajn ġew imġiegħla jirrilokaw banda oħra fl-Iraq;
H. billi t-Turkomeni allegatament huma t-tielet l-akbar grupp etniku fl-Iraq; billi hemm tilwima li għadha għaddejja bejn it-Turkomeni u l-Kurdi dwar Kirkuk, reġjun li hu għani fir-riżorsi taż-żejt u riżorsi naturali oħra, u t-Turkomeni ġew suġġetti għal attakki u ħtif kemm minn forzi Kurdi kif ukoll minn gruppi estremisti Għarab; u billi kemm it-Turkomeni Sunni kif ukoll dawk Xiti sfaw fil-mira għal raġunijiet settarji;
I. billi t-tilwima kontinwa bejn il-gvern ċentrali tal-Iraq u l-gvern reġjonali tal-Kurdistan dan l-aħħar ħraxet, u dan jaffettwa b'mod negattiv is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun u jipperikola l-koeżistenza paċifika tad-diversi gruppi etniċi, b'mod partikolari l-Kurdi, l-Għarab u t-Turkomeni;
J. billi, minbarra dawn it-tensjonijiet territorjali, it-Tramuntana tal-Iraq ukoll jinsab fil-mira ta' attakki li jidhru li huma settarji u li fihom il-popolazzjoni Xita ta' spiss tkun fil-mira minn gruppi Sunni; billi fil-31 ta' Diċembru 2012, 39 pellegrin inqatlu matul il-festival Xita ta' Arba'een; billi fit-23 ta' Jannar 2013, attakk fuq moskea Xita f'Tuz Khurmatu – belt fil-Provinċja ta' Nineveh fit-Tramuntana tal-Iraq, li hija territorju kkontestat bejn il-gvern tal-Iraq u l-gvern reġjonali tal-Kurdistan u li għandha popolazzjoni Turkomena sinifikanti – ħalla tal-anqas 42 mejjet u 117-il persuna midruba;
K. billi, minkejja titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tas-sigurtà, il-livell tal-vjolenza li taffaċċja l-popolazzjoni Iraqina għadu għoli żżejjed, b'attakki bil-bombi u sparaturi rrappurtati kuljum; u billi t-tensjoni u l-vjolenza kontinwi jwasslu sabiex il-parti l-kbira tal-Iraqini jkunu inċerti dwar il-futur tagħhom u jagħmluha impossibbli li tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni Iraqina kollha kemm hi;
1. Huwa mħasseb serjament rigward l-atti ta' vjolenza li kulma jmur qed jiżdiedu, u li qed tbati minnhom il-popolazzjoni ċivili fl-Iraq, b'mod partikolari bejn is-Sunni u x-Xiti iżda wkoll f'attakki kontra gruppi partikolarment vulnerabbli, bħall-minoranzi reliġjużi, etniċi u kulturali, u jistieden lill-awtoritajiet Iraqini jtejbu s-sigurtà u l-ordni pubbliku u jiġġieldu t-terroriżmu u l-vjolenza settarja fil-pajjiż kollu;
2. Jikkundanna l-attakki tat-23 ta' Jannar 2013 kontra l-funeral Turkomen f'Tuz Khurmatu ta' uffiċjal pubbliku assassinat il-jum ta' qabel, li ħalla tal-anqas 42 persuna mejta u 117 oħra midruba, tat-3 ta' Frar 2013 li fih bomba suwiċida barra għassa tal-pulizija f'Kirkuk qatlet 30 persuna u darbet 70, u tas-16 ta' Diċembru 2012 li fih żewġ għalliema Turkomeni nħatfu, ġew ittorturati u nħarqu ħajjin;
3. Jikkundanna b'mod qawwi l-attakki terroristiċi kollha u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb ta' dawk maqtula u midruba;
4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-fatt li ż-żieda riċenti fl-instabbiltà u fil-vjolenza settarja fl-Iraq tista' tipperikola l-elezzjonijiet provinċjali li jmiss tal-20 ta' April 2013, li t-tħassir tagħhom jista' jipperikola ċ-ċansijiet għal struttura ta' governanza aktar demokratika u inklużiva;
5. Jiddispjaċih dwar il-fatt li, minkejja r-referenza fil-Kostituzzjoni għad-drittijiet tat-Turkomeni u ta' minoranzi oħra, dawn il-minoranzi għadhom ibatu minn vjolenza u diskriminazzjoni etnika u settarja;
6. Jistieden kemm lill-gvern tal-Iraq kif ukoll lill-gvern reġjonali tal-Kurdistan jikkundannaw l-attakki u jwettqu investigazzjoni sħiħa u rapida tal-attakki terroristiċi riċenti fir-reġjun, inkluż l-aktar attakk bil-bombi fatali riċenti fuq moskea Xita f'Tuz Khurmatu, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;
7. Jistieden lill-gvern tal-Iraq u lill-gvern reġjonali tal-Kurdistan jieħdu passi immedjati biex jikkalmaw it-tilwima territorjali fil-pjanura ta' Nineveh, jirrikonoxxu d-diversità multikulturali, multietnika u multireliġjuża tal-provinċja u jippermettu liċ-ċittadini tagħha jagħżlu liberament l-identità tagħhom, inklużi l-lingwa, ir-reliġjon u l-kultura;
8. Jistieden lill-qawwiet politiċi rappreżentati fil-Kunsill Iraqi tar-Rappreżentanti jinvolvu ruħhom fi djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv bl-għan li jiżguraw governanza demokratika effikaċi tal-Iraq u r-rispett tad-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini Iraqini kollha; iħeġġeġ lill-gvern Iraqi jwettaq ċensiment nazzjonali li ġie pospost b'mod indefinittiv, biex jaċċerta d-daqs tal-popolazzjoni tat-Turkomeni u popolazzjonijiet minoritarji oħrajn;
9. Jistieden lill-gvern Iraqi u lill-mexxejja politiċi kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni liċ-ċittadini Iraqini kollha b'mod ġenerali u lil membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi vulnerabbli b'mod partikolari; jistieden lill-gvern jagħti istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà biex juru sens ta' trażżin fiż-żamma tal-liġi u tal-ordni, f'konformità mal-istat ta' dritt u mal-istandards internazzjonali;
10. Jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija riċenti ta' programm ta' riorganizzazzjoni u riabilitazzjoni għaċ-ċentri ta' detenzjoni u l-ħabsijiet li jinsabu taħt l-awtorità tal-Ministeru Iraqi għall-Ġustizzja, u jittama li dan se jgħin biex jieqaf l-użu endemiku tat-tortura u l-impunità mifruxa fl-Iraq, ikkundannata mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jiddispjaċih ħafna dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet fl-Iraq, fejn il-kundanni għall-mewt ta' spiss jiġu imposti wara proċessi mhux ġusti u abbażi ta' konfessjonijiet miksuba b'forza; jappella b'mod urġenti lill-gvern Iraqi jiddikjara moratorja fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-ħsieb li jneħħi l-piena tal-mewt fil-futur qarib;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-azzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet Iraqini u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-għajnuna tittieħed bil-ħsieb li jiġu megħjuna gruppi vulnerabbli u jinħolqu kundizzjonijiet adegwati biex jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku fost il-komunitajiet reliġjużi u etniċi kollha fl-Iraq;
13. Jenfasizza l-importanza li tingħata biżżejjed prominenza fl-inizjattivi EUJUST LEX – fejn possibbli – lid-drittijiet tat-Turkomeni u lid-drittijiet tal-minoranzi b'mod ġenerali, u jfaħħar is-suċċessi miksuba mill-missjoni EUJUST LEX u l-implimentazzjoni tagħha fl-Iraq;
14. Jinsisti li l-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq jista' jintuża bħala kanal biex jiġi mgħoddi t-tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fil-pajjiż lin-naħa Iraqina;
15. Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-UE jappoġġaw lill-gvern Iraqi fl-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet reġjonali paċifiċi, ħielsa u ġusti f'April 2013;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-każ ta' Arafat Jaradat u l-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani
221k
23k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-każ ta’ Arafat Jaradat u s-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani (2013/2563(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tat-4 ta Settembru 2008 dwar il-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani(1) u tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Ġerusalemm tal-Lvant(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Frar 2013 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar il-kundizzjoni tal-persuni li kienu fuq strajk tal-ġuħ fl-Iżrael;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE tat-8 ta’ Mejju 2012 dwar il-priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael), u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tad-19 ta’ Frar 2013 fejn esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ fl-Iżrael, mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tat-13 ta’ Frar 2013 dwar id-detenuti Palestinjani, u mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-Territorji Palestinjani Okkupati, Richard Falk, tas-27 ta’ Frar 2013 dwar il-mewt tal-priġunier Arafat Jaradat,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF ta’ Frar 2013 bit-titolu “Children in Israeli Military Detention: Observations and Recommendations’ (Tfal f’Detenzjoni Militari Iżraeljana: Osservazzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet),
– wara li kkunsidra r-Regoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-18 ta’ Frar 2013 Arafat Jaradat ġie arrestat fuq suspetti li tefa’ ġebel lejn miri Iżraeljani, u billi hu miet fit-23 ta’ Frar 2013 fil-ħabs Megiddo; billi l-kawża tal-mewta tiegħu hija kkontestata; billi l-awtoritajiet Izraeljani jsostni li hu miet attakk ta' qalb, u billi l-emorraġiji u l-kustilji mkisra misjuba matul l-awtopsja huma karatteristiċi ta’ attentati biex jinġieb lura li twettqu mill-personal tal-ħabs; billi, fuq il-bażi ta’ din l-awtopsja, l-awtoritajiet Palestinjani jsostnu li huwa miet minħabba t-tortura li huwa rċieva;
B. billi kważi kollha mill-4 5000 priġunier Palestinjan miżmuma fl-Iżrael ħadu sehem fl-istrajk tal-ġuħ, irrifjutaw l-ikel bi protesta kontra l-mewta tas-Sur Jaradat; billi kien hemm kunflitti fit-toroq tax-Xatt tal-Punent dawn l-aħħar ġranet hekk kif il-Palestinjani ddenunzjaw il-kundizzjonijiet tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani;
C. billi l-kwistjoni tal-prinġunieri u d-detenuti Palestinjani għandha implikazzjonijiet politiċi, soċjali u umanitarji ta’ portata kbira; billi l-priġunieri politiċi u ex-detenuti Palestinjani għandhom rwol prominenti fis-soċjetà Palestinjana; billi aktar minn 4 800 priġunier u detenut Palestinjan, inklużi ħafna nisa u tfal, aktar minn 400 priġunier ta’ qabel il-ftehimiet ta' Oslo u 15-il membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, qed jinżammu mill-Iżrael; billi 178 minnhom qed jinżammu f’detenzjoni amministrattiva, inklużi 9 membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan; billi, skont dikjarazzjoni magħmula mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Palestinjani u Iżraeljani f’Marzu 2013, tal-anqas 71 priġunier Palestinjan mietu minħabba tortura fiċ-ċentri ta’ detenzjoni Iżraeljani mill-1967;
D. billi l-maġġoranza l-kbira tal-priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Punent u minn Gaża qed jinżammu f'ħabsijiet li jinsabu f'territorju Iżraeljan, billi għall-maġġoranza l-kbira tagħhom huwa ta’ spiss impossibbli jew diffiċli ħafna li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirċievu zjarat mill-familjari tagħhom;
E. billi l-ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva min-naħa tal-awtoritajiet militari jippermettu d-detenzjoni mingħajr akkuża jew proċess fuq il-bażi ta’ evidenza li mhijiex aċċessibbli għad-detenuti u għall-avukati tagħhom, u billi tali ordnijiet jistgħu jkunu sa 6 xhur u jistgħu jiġu mġedda b'mod indefinit; billi l-Qorti Suprema tal-Iżrael riċentement ikkritikat il-qrati militari u l-korp tal-armata tal-avukat ġenerali militari għall-azzjonijiet tagħhom fir-rigward l-estensjoni tal-ordnijiet ta’ detenzjoni amministrattiva;
F. billi l-priġunieri politiċi Palestinjani marru fuq diversi strajks tal-ġuħ li involvew mijiet ta’ priġunieri għal kull darba; billi diversi detenuti Palestinjani għadhom fuq strajk tal-ġuħ estiż;
G. billi l-priġunieri nisa huma grupp partikolarment vulnerabbli ta’ detenuti Palestinjani;
H. billi huwa stmat li 700 tifel/tifla Palestinjani huma arrestati mill-forzi ta’ sigurtà Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent kull sena; billi, skont ir-reviżjoni tal-prattiki tal-UNICEF ta’ Frar 2013 fir-rigward tat-tfal Palestinjani li ġew f’kuntatt mas-sistema ta’ detenzjoni militari Iżraeljana, it-trattament ħażin ta’ dawn it-tfal jidher li huwa diffuż u sistematiku;
I. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael, skont l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni, huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji demokratiċi li jikkostitwixxu element essenzjali ta' dak il-ftehim; billi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi umanitarja internazzjonali huma fost il-valuri komuni għall-partijiet,
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu fir-rigward tal-mewt tal-priġunier Palestinjan Arafat Jaradat fit-23 ta’ Frar 2013 meta kien fil-kustodja Iżralejana, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu;
2. Jinsab imħasseb sew dwar it-tensjonijiet il-ġodda fix-Xatt tal-Punent wara l-mewt tas-Sur Jaradat fil-ħabs Megiddo f’ċirkustanzi kkontestati; jappella lill-partijiet kollha jeżerċitaw il-moderazzjoni massima u jżommu ruħhom milli jwettqu azzjonijiet provokattivi sabiex tiġi evitata aktar vjolenza, u jieħdu passi pożittivi sabiex tiġi stabbilita l-verità u jitnaqqsu t-tensjonijiet;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jniedu mingħajr dewmien investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali u trasparenti fuq iċ-ċirkustanzi tal-mewta tas-Sur Jaradat u fuq l-allegazzjonijiet ta’ tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degrandanti tal-priġunieri Palestinjani
4. Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tħassib leġittimu ta’ sigurtà tal-Iżrael; jemmen, madankollu, li l-istat tad-dritt irid ikun irrispettat bis-sħiħ fit-trattament tal-priġunieri kollha, peress li dan huwa pass kruċjali għall-pajjiż demokratiku; jistieden, għalhekk, lill-Gvern Iżraeljan jirrispetta d-drittijiet tal-priġunieri Palestinjani u jipproteġi saħħithom u ħajjithom;
5. Jinsab imħasseb dwar id-detenuti Palestinjani miżmuma f’detenzjoni amministrattiva mingħajr akkuża; jenfasizza li dawn id-detenuti għandhom jiġu akkużati u pproċessati, bil-garanziji ġudizzjarji skont l-istandards internazzjonali, jew inkella dawn għandhom jinħelsu;
6. Jinsisti dwar l-implimentazzjoni immedjata tad-drittijiet tal-priġunieri għal żjarat mill-familjari tagħhom u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex dan id-dritt jiġi eżerċitat;
7. Jesprimi t-tħassib profond dwar is-sitwazzjoni u l-kundizzjoni ta’ saħħa tad-detenuti Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ estiż; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar biex isalvaw il-ħajja tal-priġunieri/detenuti li huma f’kundizzjoni kritika u jħeġġeġ lill-Iżrael jipprovdi dawk kollha fuq strajk tal-ġuħ b’aċċess mhux ristrett għal kura medika adegwata;
8. Jappella għal darb’oħra għar-rilaxx immedjat tal-priġunieri li huma membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, inkluż Marwan Barghouti;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jiżguraw li l-priġunieri u d-detenuti li huma nisa u tfal Palestinjani jirċievu l-protezzjoni u t-trattament adegwati b’mod konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li għalihom l-Iżrael huwa kontraenti;
10. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib se jsir minnhom il-priġunieri u d-detenturi Palestinjani, inklużi n-nisa u t-tfal, u biex din il-kwistjoni titqajjem fil-livelli kollha ta’ djalogu politiku mal-Iżrael; jinsisti li din il-kwistjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport ta’ progress tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li ġej dwar l-Iżrael;
11. Jappella għal missjoni ta' tiftix tal-fatti mill-Parlament sabiex jiġi evalwata s-sitwazzjoni kurrenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-priġunieri Palestinjani, inklużi n-nisa u t-tfal, u l-użu tad-detenzjoni amministrattiva;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin, lill-Kunsill, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.