Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2013 dwar Tkabbir Blu – It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE (2012/2297(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 dwar “It-Tkabbir Blu – opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012)0494),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2012 dwar “Il-Progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE” (COM(2012)0491) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2012)0255),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Limassol tat-8 ta' Ottubru 2012 dwar l-Aġenda dwar il-Baħar u Marittima għat-tkabbir u l-impjiegi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li daħlet fis-seħħ fis-16 ta' Novembru 1994,
– wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta (COM(2013)0133),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “Evalwazzjoni tal-politiki, legiżlazzjoni u inizjattivi tal-UE marbuta mal-iskart fil-baħar’ (SWD(2012)0365),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Awwissu 2012 bit-titolu “Għarfien dwar il-Baħar 2020 – mill-immappjar ta' qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku” (COM(2012)0473),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’ (COM(2011)0144),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew” (COM(2010)0352),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 bit-titolu “Komunikazzjoni u pjan ta' azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini” (COM(2009)0010),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2007 bit-titolu “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2007)0575),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2006 bit-titolu “Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra” (COM(2006)0275),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar “l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew”(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar “il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda”(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali tal-impatt tat-turiżmu f'reġjuni kostali(4),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar “Politika Marittima futura għall-Unjoni Ewropea: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra”(6),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2013 dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – it-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u dak marittimu”,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Jannar 2013 dwar “it-Tkabbir Blu – Opportunitajiet ta' tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għas-Sajd (A7–0209/2013),
A. billi 70 % ta' wiċċ id-dinja huwa mgħotti minn oċeani u ibħra, li jista' jkollhom rwol kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi fuq perjodu twil li għandha quddiemha l-UE, bħat-tibdil fil-klima u l-kompetittività globali;
B. billi hemm sitt żoni kostali ewlenin fl-UE (l-Atlantiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Mediterran u r-reġjuni l-aktar imbiegħda) li huma differenti minn xulxin minħabba r-riżorsi territorjali tagħhom u t-tip ta' attivitajiet li jitwettqu fihom;
C. billi madwar nofs il-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix matul id-89 000 kilometru tal-kosta Ewropea, u għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jikkunsidraw din il-pressjoni demografika meta jimplimentaw politiki pubbliċi;
D. peress li l-progress teknoloġiku u t-tfittxija għal sorsi ġodda ta' tkabbir sostenibbli huma mistennija li jżidu d-daqs tal-ekonomija marittima għal EUR 590 biljun sal-2020, u b'hekk tipprovdi total ta' 7 miljun impjieg;
E. billi ż-żieda mistennija fl-attività tal-bniedem ser tkun qiegħda sseħħ f'ambjent tal-baħar fraġli fejn huma biss 10 % tal-ħabitats u 2 % tal-ispeċijiet tal-baħar li huma f'saħħithom, li juri li l-attivitajiet ekonomiċi marittimi m'għandhomx jimminaw is-sostenibbiltà tal-baħar;
F. billi l-investiment fil-kapital naturali u uman huwa essenzjali sabiex jingħelbu l-isfidi attwali, l-aktar dik li l-attività tal-bniedem issir sostenibbli mil-lat ekonomiku u soċjali, li jiġu żgurati kundizzjonijiet b'saħħithom mil-lat ambjentali u li jsir adattament għat-tibdil fil-klima sabiex tiġi miġġielda l-erożjoni kostali u l-aċidifikazzjoni marittima u tiġi ppreservata l-bijodiversità, filwaqt li jiġi kkunsidrat li ekosistemi b'saħħithom u produttivi huma fundamentali għall-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli u kompetittiva;
G. billi d-daqs u l-ambitu tal-impatti ambjentali tal-oqsma ta' interess partikolari tat-Tkabbir Blu huma inċerti ħafna u potenzjalment dannużi, minħabba l-għarfien limitat tagħna dwar il-komplessità elaborata tal-ekosistemi tal-baħar, u t-teħid ta' deċiżjonijiet marbuta miegħu għandu għalhekk ikun iggwidat mill-prinċipju tal-prekawzjoni minqux fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
H. billi l-politika kostali u marittima għandha tiddaħħal fil-qafas ġenerali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, anke bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-istrateġija Ewropa 2020;
I. billi l-objettiv ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għal żoni kostali u gżejjer għandu jkun appoġġjat minn analiżi bir-reqqa tal-iżvantaġġi sistemiċi u strutturali li jikkaratterizzaw dawn iż-żoni;
J. billi s-sistema tal-gżejjer tal-UE, safejn huwa kkonċernat it-trasport marittimu, ikollha ġġarrab spejjeż ogħla miż-żoni kostali l-oħrajn tal-UE;
K. billi n-natura staġjonali tat-turiżmu tikkomprometti ħafna l-iżvilupp taż-żoni kostali u tal-gżejjer u għandha tiġi żviluppata strateġija ad hoc biex tiġġieled din il-problema;
L. billi hemm ħtieġa ta' koordinazzjoni bejn l-istrateġiji makroreġjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni rispettivi għall-baċiri tal-baħar tal-Unjoni;
M. billi dan ir-rapport huwa l-pjan direzzjonali tal-Parlament għall-avvanz ulterjuri tat-tkabbir blu;
Qafas ġenerali
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir Blu, li tifforma parti mid-dimensjoni marittima tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tagħti indikazzjoni ċara tal-potenzjal tal-ekonomija marittima li toħloq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u tiġġenera opportunitajiet ta' impjieg;
2. Jilqa' r-rapport dwar il-progress tal-Politika Marittima Integrata (IMP) tal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-IMP u jenfasizza li l-promozzjoni ta' din il-politika tibqa' l-mezz primarju biex jissaħħaħ it-tkabbir blu;
3. Jirrikonoxxi li l-ibħra u l-oċeani kulma jmur se jkollhom rwol iktar prinċipali fit-tkabbir tal-ekonomija globali fil-futur; iqis li l-Istrateġija tat-Tkabbir Blu, bħala parti mill-Politika Marittima Integrata, se tħeġġeġ l-iżvilupp ta' sinerġiji u politiki koordinati, u b'hekk se tiġġenera valur miżjud Ewropew u se tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi marittimi;
4. Iqis li, biex titjieb il-kompetittività tas-setturi ekonomiċi marittimi tal-Unjoni fis-suq globali, l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir sostenibbli, billi jistabbilixxu sistemi ta' ppjanar spazjali marittimu, itejbu l-infrastruttura, joħolqu l-aċċess għall-kompetenzi professjonali u jiksbu l-finanzjament; jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattika bejn il-livelli differenti ta' awtoritajiet pubbliċi permezz tal-ħolqien ta' pjattaforma speċifika tal-UE;
5. Jinnota li l-kisba ta' finanzjament adekwat ser tkun sfida għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li joperaw fis-setturi tat-tkabbir blu u għalhekk jilqa' inizjattivi bħal regoli ġodda tal-UE dwar il-fondi ta' kapital ta' riskju, li jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament;
6. Iqis li fi żmien meta l-Istati Membri qegħdin inaqqsu l-investiment pubbliku, jeħtieġ b'mod urġenti li l-politiki ta' żvilupp u b'mod speċjali proġetti ta' spiża għolja, bħal proġetti ta' infrastruttura ta' trasport, enerġija u telekomunikazzjonijiet, jirċievu finanzjament adegwat matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u lil hinn minnu; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-istrumenti finanzjarji u l-fondi Ewropej disponibbli lejn proġetti tal-ekonomija blu;
7. Jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 li jmiss, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri li ngħataw salvataġġ finanzjarju li qegħdin jiffaċċjaw diffikultà dejjem akbar biex iwettqu proġetti ta' spiża għolja, kif ukoll dawk tar-reġjuni u l-gżejjer l-aktar imbiegħda, li jippreżentaw restrizzjonijiet strutturali minħabba l-bogħod u l-karatteristiċi naturali tagħhom;
8. Jinnota l-kundizzjonijiet tal-kriżi ekonomika u l-problemi soċjali li qed jolqtu ħafna żoni, b'mod partikolari l-gżejjer, l-aktar dawk fil-Mediterran u speċjalment dawk li jinsabu 'l bogħod ħafna mill-kontinent; jenfasizza li d-distanza mbiegħda tal-gżejjer b'rabta mas-suq uniku tesponihom għal staġnar industrijali u ekonomiku u depopolazzjoni, li għandu jkun fil-mira ta' miżuri speċifiċi min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra li tistabbilixxi żoni liberi bħala għodda li, permezz tat-tnaqqis tal-piż tat-taxxa u billi tattira l-investiment dirett barrani, tista' ttemm is-sitwazzjoni li dejjem qed taggrava li qed taffettwa l-gżejjer billi tixpruna t-tkabbir u l-iżvilupp;
9. Jenfasizza r-rwol tal-istrateġiji tal-baċir tal-baħar biex jitrawwem l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali, tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea, jitħeġġeġ it-tkabbir blu inklużiv, jinħolqu l-impjiegi u titħares il-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta; jitlob li strateġiji bħal dawn, marbutin ma' strateġiji makroreġjonali attwali u futuri, jiġu implimentati b'mod effettiv għall-baċiri marittimi Ewropej kollha u li jiġu ddedikati riżorsi finanzjarji u amministrattivi xierqa tal-UE u oħrajn għall-implimentazzjoni tagħhom; iqis li jeħtieġ jissaħħaħ ir-rwol li jiżvolġu r-reġjuni fit-tfassil ta' strateġiji dwar il-baċiri tal-baħar; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-kontribut tal-kooperazzjoni territorjali u transkonfinali biex jiġu indirizzati l-problemi li jiffaċċjaw ir-reġjuni kostali u marittimi;
10. Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u għal dak tal-Atlantiku, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni għall-formulazzjoni ta' strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed;
11. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ qawwi lill-ħolqien ta' gruppi marittimi reġjonali u transkonfinali; jenfasizza l-importanza strateġika ta' gruppi bħal dawn bħala ċentri ta' eċċellenza għall-attività ekonomika relatata mat-tkabbir blu; jemmen li l-iżvilupp tagħhom se jippromwovi l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattika tajba, jiġġenera sinerġiji bejn id-diversi setturi tal-ekonomija blu, u jgħin biex jiġi attirat l-investiment;
12. Jenfasizza r-rabtiet intrinsiċi bejn it-tkabbir ekonomiku u t-tibdil fil-klima, u jenfasizza li l-attivitajiet marittimi kollha jridu jkunu allinjati mal-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima bil-għan li jikkontribwixxu għal Ewropa aktar reżistenti għat-tibdil fil-klima;
13. Jenfasizza, b'mod partikolari, li t-tkabbir fl-attività ekonomika marbut mat-tkabbir blu m'għandux jissagrifika l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, li huma sensittivi ħafna u fost l-ewwel li jbatu mill-impatti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li t-tkabbir blu għandu jkun kompatibbli mal-objettivi ambjentali u l-approċċ ekosistemiku tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD), kif ukoll id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, filwaqt li jfakkar li f'każijiet ta' inċertezza jrid jiġi osservat il-prinċipju tal-prekawzjoni; jenfasizza li l-attivitajiet ekonomiċi kollha marbuta mat-tkabbir blu għandhom jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà marittimi;
14. Jinnota bi tħassib l-impatt ambjentali tal-iskart tal-baħar fil-baċini tal-baħar Ewropej kollha u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tad-direttivi rilevanti tal-UE, bħal ma huma dawk fuq l-immaniġġjar tal-iskart, il-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti, il-kwalità tal-ilma u l-istrateġija dwar il-baħar;
15. Jinsisti li l-attivitajiet marittimi kollha, inklużi dawk li jseħħu fil-qafas tal-PMI, għandhom isiru skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komuni tal-UE għall-esplorazzjoni, l-isfruttament, il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali tal-baħar, li jiżgura d-delimitazzjoni effiċjenti u sikura taż-żoni ekonomiċi esklużivi (EEZs) bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi skont id-dritt internazzjonali;
16. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun hemm ċertezza ġuridika għall-partijiet kollha interessati li jinvestu f'żoni marittimi, u jirrakkomanda miżuri ġodda ta' inċentiv bil-ħsieb li jsir sfruttament aħjar taż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Istati Membri;
L-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-Ġestjoni Integrata tal-Kosta
17. Jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għall-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM) u l-Ġestjoni Integrata tal-Kosta (ICM) bħala miżuri meħtieġa għall-immaniġġjar tal-għadd dejjem jiżdied ta' attivitajiet marittimi u kostali u għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, li jiżguraw li diversi attivitajiet jistgħu jikkoeżistu f'armonija u jevitaw il-kunflitti rigward l-użu ta' żoni kostali u tal-baħar; iqis bħala neċessarju f'dan ir-rigward li jingħażel approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tal-attività tal-bniedem mal-kosta u fil-baħar;
18. Jinnota li l-ISM huwa mistenni li jnaqqas l-ispejjeż tan-negozju u jtejjeb il-klima tal-investiment, filwaqt li l-ICM għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-attivitajiet fiż-żona kostali u jwassal għal titjib ġenerali fil-governanza ta' din iż-żona;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jintużaw l-aħjar prattiki u li jittieħdu l-lezzjonijiet mill-azzjonijiet preparatorji f'dan il-qasam, peress li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-iżvilupp tas-sistemi ta' mmaniġġjar għaż-żoni marittimi u kostali; iqis, madankollu, li huwa meħtieġ approċċ imfassal apposta, sabiex waqt l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-ippjanar marittimu u kostali tal-UE, l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi u l-ħtiġijiet lokali flimkien mal-awtoritajiet lokali;
20. Jemmen li l-interfaċċja bejn l-art u l-baħar jeħtieġ li tissaħħaħ fil-kuntest tal-ippjanar spazjali sabiex tiġi salvagwardjata t-tkomplija tal-attivitajiet tal-bniedem u l-katina tal-provvista u biex jiġi żgurat li ż-żoni kostali jiġu konnessi b'mod xieraq maż-żona interna; jemmen li dan jista' jevita l-fenomenu ta' kosti li jiġu trattati bħala fruntieri;
21. Jisħaq li l-lakuni fl-għarfien xjentifiku dwar l-attivitajiet marittimi u l-ambjenti tagħhom huma ostakoli għall-ippjanar spazjali u jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva “Għarfien dwar il-Baħar 2020” u l-objettivi speċifiċi tagħha, fosthom l-immappjar ta' qiegħ il-baħar tal-ibħra Ewropej sal-2020; iqis li qiegħ il-baħar għandu jiġi mmappjat b'mod uniformi sabiex l-informazzjoni tkun tista' tiġi aċċessata minn korpi Ewropej interessati, speċifikament iċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jniedu pjanijiet sabiex jimmappjaw u jissorveljaw il-bastimenti mgħarrqa u s-siti arkeoloġiċi ta' taħt l-ilma li jikkostitwixxu parti importanti mill-patrimonju storiku u kulturali tal-Unjoni; jinsisti li jeħtieġ jiġu ffaċilitati l-fehim u l-istudju ta' siti bħal dawn u li jingħata kontribut għall-prevenzjoni tal-ħsara li qed iġarrbu, biex b'hekk jiġu ppreservati kif xieraq;
Kompetenzi marittimi u impjiegi
23. Jikkunsidra li l-impjiegi fl-ekonomija blu għandhom jaqbżu n-numru stmat ta' 7 miljun impjieg sal-2020, jekk dawn jiġu appoġġjati minn politiki ta' taħriġ li għandhom l-għan li jiżguraw il-preżenza ta' forza tax-xogħol mobbli bil-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa;
24. Itenni t-talba tiegħu għal titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza fil-professjonijiet marittimi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam sabiex itejbu s-sikurezza fil-karrieri u jagħmlu l-impjiegi fl-ekonomija tat-tkabbir blu u f'setturi relatati aktar attraenti;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara b'mezzi adegwati, li l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO tiġi inkorporata fid-dritt tal-Unjoni, u li jiġi propost programm għall-kwalifika u t-taħriġ tal-baħħara, b'mod partikolari r-reklutaġġ ta' żgħażagħ, anke dawk minn pajjiżi terzi;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ mill-qrib u ssostni l-isforzi fuq livell reġjonali biex tevalwa l-kompetenzi u l-professjonijiet li jkunu meħtieġa fis-setturi tal-ekonomija blu, u tiżgura li inizjattivi bħall-“Panorama ta' ħiliet tal-UE” jirriflettu l-bżonnijiet tal-ekonomija blu;
27. Iqis li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tfassal pjan ta' azzjoni sabiex tippromwovi l-professjonijiet direttament jew indirettament relatati mal-ekonomija blu, sabiex tattira n-nies lejhom;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li jinkoraġġixxu l-mobilità tal-ħaddiema bejn is-setturi ekonomiċi u l-Istati Membri, bħal azzjoni pluriennali għall-iskambju ta' studenti, għalliema u professjonisti żgħażagħ fuq il-mudell tal-Erasmus; jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-fornituri tat-taħriġ bil-għan li jippreparaw il-gradwati għal impjiegi f'oqsma ġodda;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera mar-rappreżentanti tas-settur ekonomiku marittimu u mal-fornituri tat-taħriġ biex jistabbilixxu u jiffinanzjaw Kunsilli Settorjali Ewropej dwar l-Impjiegi u l-Ħiliet biex jiġu rreġistrati l-impjiegi, it-tibdil fil-ħiliet meħtieġa u l-ħtiġijiet ta' taħriġ relatati;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattiva sabiex tħeġġeġ il-mobilità tal-persunal tar-riċerka, speċjalment fiż-żoni kostali, b'referenza speċifika għall-oqsma tat-turiżmu, l-enerġija u l-bijoteknoloġija, abbażi tal-istess prinċipji tal-Erasmus, li għandha tiġi implimentata bħala prijorità matul staġuni bi ftit turisti sabiex jiġu bbilanċjati, b'mod sostenibbli, il-flussi ta' persuni f'ekosistemi li qed isiru dejjem aktar sensittivi, filwaqt li fl-istess ħin isir l-aħjar użu mill-infrastruttura taż-żoni kostali u tal-gżejjer;
Riċerka u innovazzjoni
31. Jinnota l-kapaċità għar-riċerka mill-aqwa tal-UE fl-oqsma marittimi u l-importanza tagħha għal tfassil ta' politiki sostanzjat u negozju mmexxi mill-innovazzjoni, iżda wkoll id-diffikultà li jsibu n-negozji fil-kummerċjalizzazzjoni tal-eżitu tar-riċerka;
32. Jenfasizza li l-programm Orizzont 2020, permezz ta' proċeduri aktar sempliċi u appoġġ aħjar għall-innovazzjoni, jista' jipprovdi għajnuna sinifikanti għar-riċerka dwar il-baħar u dik marittima bil-għan li jżid il-kummerċjalizzazzjoni, billi jibni fuq l-esperjenza tal-proġetti “L-Oċean ta' Għada”;
33. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Istrateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Ibħra u Marittima sal-2014, billi tipproponi miżuri konkreti li jtejbu s-sinerġiji u t-tixrid tal-għarfien fost ir-riċerkaturi tal-UE;
34. Jinnota li ekosistemi marittimi b'saħħithom biss jistgħu jkunu bażi għal ekonomija blu b'saħħitha u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirriċerka l-impatti kumulattivi tal-użu mill-bniedem tal-ambjent marittimu u tal-attivitajiet marittimi fis-setturi kollha;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi monitoraġġ ambjentali adegwat u fit-tul u twettaq riċerka dwar sistemi ta' twissija bikrija;
36. Jenfasizza l-importanza ta' proġetti bħan-Netwerk Ewropew ta' Osservazzjoni u Data Marittima (EMODNET) għall-iffaċilitar tal-iskambju u d-disponibbiltà tad-data tar-riċerka;
Trasport marittimu u bini ta' bastimenti
37. Jinnota bi tħassib li t-trasport marittimu fi ħdan l-UE jibqa' jkun imxekkel minn burokrazija amministrattiva u doganali li tikkomprometti l-viżjoni ta' żona ta' trasport marittimu Ewropea u tostakola t-tkabbir fl-industrija, speċjalment fil-kabotaġġ marittimu u l-awtostradi tal-baħar; jemmen li jeħtieġ jiġi żviluppat sett ta' regoli uniformi għat-tbaħħir fi ħdan l-Unjoni peress li huwa kruċjali biex ikun żgurat il-moviment liberu tal-prodotti u l-persuni fl-ilmijiet tal-UE;
38. Huwa sodisfatt bis-suċċess tal-programm pilota “Blue Belt” u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel il-proposti leġiżlattivi meħtieġa għall-ħolqien tal-Blue Belt, fosthom ir-reviżjoni neċessarja tal-Kodiċi Doganali tal-UE, qabel it-tmiem tal-2013;
39. Jenfasizza li l-promozzjoni tat-trasport marittimu ser tikkontribwixxi mhux biss għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, iżda wkoll biex jintlaħaq l-għan stipulat fil-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” li, sal-2050, 50 % tat-trasport tal-merkanzija bit-toroq jibda jsir bil-ferroviji u bil-baħar;
40. Jenfasizza l-ħtieġa li jitwessa' r-rwol tal-awtostradi tal-baħar bħala kurituri Ewropej ewlenin, u jenfasizza wkoll li, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tat-trasport marittimu Ewropew, huwa essenzjali li jinħolqu katini konsistenti ta' trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija fil-modi kollha tat-trasport; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar il-progress, l-iżvilupp u l-futur tal-awtostradi tal-baħar; huwa tal-fehma li l-gżejjer il-kbar għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fl-awtostradi tal-baħar sabiex titjieb l-aċċessibbiltà tagħhom u tiżdied il-kompetittività ekonomika tagħhom;
41. Jenfasizza li s-sikurezza marittima hija kruċjali għall-promozzjoni sostenibbli tat-trasport marittimu, tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjieg marittimu u standards ambjentali sostenibbli f'dan is-settur; jenfasizza li l-prinċipju tal-prevenzjoni għandu jiġi applikat biex jantiċipa riskji ġodda u biex jiġu evitati t-tipi kollha ta' diżastri tat-trasport marittimu; jinnota li għandha tittieħed azzjoni dwar dan fl-UE, iżda wkoll f'livell internazzjonali, u speċjalment fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;
42. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar is-Sigurtà Marittima qiegħda ttejjeb il-kwalità tal-bastimenti li jtajru bnadar Ewropej, l-attività tal-għaqdiet ta' klassifikazzjoni, il-kontroll tal-portijiet, il-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti, l-investigazzjoni tal-inċidenti u l-ħarsien tal-vittmi. jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan il-pakkett leġiżlattiv;
43. Jenfasizza li l-politika dwar it-trasport marittimu għandha tqis it-tħassib ekonomiku, ambjentali u ta' saħħa pubblika rilevanti kollu; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-konformità tas-settur tat-trasport marittimu tal-UE mar-rekwiżiti ambjentali u ta' saħħa pubblika u, fejn xieraq, tipproponi miżuri speċifiċi kontra l-effetti negattivi fuq il-kompetittività tiegħu; jinnota li r-rekwiżiti leġiżlattivi marbutin mal-iskreppjar tal-vapuri u mal-kontenut ta' kubrit tal-fjuwils tal-baħar għandhom jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, filwaqt li jissalvagwardjaw b'mod effettiv l-objettiv li t-trasport jibda jsir bil-baħar minflok bit-triq, skont il-miri tat-tibdil fil-klima tal-Unjoni;
44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom b'mod sinifikanti sabiex jilħqu ftehim internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport marittimu, filwaqt li jqisu l-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-vapuri;
45. Jirrimarka li fjuwils b'kuxjenza ambjentali bħall-LNG jistgħu jiżvolġu rwol importanti biex tinkiseb il-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 tal-UE minn karburanti tal-bastimenti b'tal-inqas 40 % sal-2050;
46. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' servizzi tal-portijiet u infrastruttura effettivi u sostenibbli li jistgħu jlaħħqu mal-isfidi taż-żieda mistennija fit-traffiku fuq il-baħar, u tat-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali u tal-ħsejjes, hekk kif it-traffiku jibda jsir bil-baħar minflok fuq l-art, u jiżgura bidla mingħajr xkiel għall-passiġġieri u l-merkanzija minn mod ta' trasport għal ieħor; jippromwovi l-iżvilupp parallel fil-portijiet Ewropej tat-tiswija tal-vapuri u l-iskreppjar;
47. Jiġbed l-attenzjoni għall-possibilità li jitwaqqfu pjattaformi ta' loġistika biex jiffaċilitaw it-trasport ta' prodotti bejn l-Ewropa u l-ekonomiji l-oħra tad-dinja; jenfasizza l-importanza strateġika tat-trasport marittimu u tal-kollegamenti bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u żoni oħra fuq il-kontinent;
48. Jisħaq li l-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-UE għandha l-potenzjal li żżid il-kontribut tagħha għat-tkabbir u l-impjiegi billi tisfrutta l-opportunitajiet li jiġu mid-domanda għal “bastimenti nodfa” (effiċjenza enerġetika mtejba u inqas emissjonijiet ta’ ossidi tal-kubrit u ossidi tan-nitroġenu) kif ukoll għal bastimenti u strutturi adatti għall-kostruzzjoni, l-installazzjoni u t-tħaddim ta' parks eoliċi lil hinn mill-kosta; jistieden lill-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-UE biex taħtaf din l-opportunità, speċjalment fid-dawl taż-żieda mistennija tat-trasport marittimu fuq distanza qasira mal-kosta tal-UE;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tilħaq ftehim mal-Parlament biex jiġi adottat regolament li jippermetti li l-bastimenti jiżżarmaw b'tali mod li jirrispetta l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, biex b'hekk l-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-UE tkun tista' tirriċikla l-materjali b'mod aktar kompetittiv;
50. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-istrateġija LeaderSHIP 2020, billi tappoġġja l-azzjonijiet identifikati biex jindirizzaw l-isfidi li għandha quddiema l-industrija tal-bini tal-bastimenti Ewropea, bħalma huma l-aċċess għall-finanzjament, il-ħiliet u l-kompetittività internazzjonali;
Turiżmu marittimu u tal-kosta
51. Jistieden lill-Istati Membri, bl-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex isostnu inizjattivi biex tiġi żviluppata u mtejba l-infrastruttura turistika, b'enfasi partikolari fuq il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa, u biex isir kull sforz biex tiġi eliminata l-burokrazija u n-nuqqas ta' trasparenza fis-settur filwaqt li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni ambjentali;
52. Jitlob li t-turiżmu jiġi promoss u sostnut bħala forza mexxejja għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni tal-kosta; huwa tal-fehma li ambjent b'saħħtu huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' kwalunkwe forma ta' turiżmu fir-reġjuni tal-kosta u li, għalhekk, għandu jsir kull sforz biex dan jiġi protett; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta infrastruttura sostenibbli biex jiġu żviluppati forom oħra ta' turiżmu, b'mod partikolari għas-setturi tat-turiżmu b'potenzjal kbir ta' tkabbir, bħat-turiżmu tas-sajd ekoagrikolu u l-isport akkwatiku sostenibbli; jilqa' l-inizjattivi li jippromwovu strateġiji tat-turiżmu transkonfinali fuq bażi tal-baċir tal-baħar;
53. Jenfasizza li l-erożjoni tal-kosta Ewropea, is-salvagwardja tal-patrimonju ambjentali u fawnistiku tal-Ewropa, u t-titjib fil-kwalità tal-ilma jibqgħu kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu indirizzati; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jsir investiment xieraq f'dawn l-oqsma sabiex jiġi żviluppat turiżmu tal-bajjiet u ta' taħt il-baħar li jkun sostenibbli u ta' kwalità tajba;
54. Jenfasizza li l-miżuri għall-isfruttament u l-iżvilupp tal-patrimonju kostali, marittimu u tal-baħar għandhom jiġu ppjanati flimkien ma' miżuri għall-konservazzjoni u l-irkuprar tiegħu;
55. Jinnota l-importanza li jinfetħu jew jiġu mtejba skejjel speċjalizzati ta' livell għoli (għall-amministrazzjoni u l-ekonomija tal-intrapriżi turistiċi, għall-professjonijiet turistiċi, kulleġġi marittimi, skejjel tat-tisjir, eċċ.) u li titjieb il-provvista tat-taħriġ bil-għan li tingħata spinta lill-kwalità tas-servizzi u l-prodotti turistiċi, l-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-proċess tal-adattament għat-tibdil fil-klima;
56. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu simplifikati l-proċeduri tal-viża, jitnaqqsu l-ispejjeż involuti u jinħarġu viżi għal dħul multiplu lil viżitaturi minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari minn pajjiżi BRIC; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga u timplimenta b'mod immedjat modi ġodda u 'intelliġenti' li bihom jinħarġu l-viżi turistiċi biex jitkabbru kemm jista' jkun il-flussi ta' turisti;
57. Jenfasizza li l-industrija tal-kruċieri hija riżorsa ekonomika importanti għall-portijiet Ewropej u għall-komunitajiet lokali ta' madwarhom, li huwa fundamentali wkoll fl-iżvilupp u l-użu ta' vapuri aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'emissjonijiet aktar baxxi; jinkoraġġixxi l-ippjanar ta' programmi turistiċi attraenti mfassla biex itejbu l-esperjenza tal-viżitatur billi jenfasizzaw l-importanza marittima, kulturali u storika tad-destinazzjonijiet portwarji;
58. Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-kompetittività tal-portijiet Ewropej billi tappoġġja u tikkoordina l-kapaċitajiet ta' infrastruttura tal-portijiet u ttejjeb is-servizzi mogħtija (eż. billi ġġibhom konformi mar-rekwiżiti ta' Schengen) b'mod li l-portijiet Ewropej isiru aktar attraenti għall-bastimenti tal-kruċiera u aktar ta' benefiċċju għall-komunitajiet tas-sajd lokali, biex b'hekk ikunu jistgħu jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-karatteristiċi partikolari tal-portijiet fil-gżejjer u r-reġjuni l-aktar imbiegħda;
59. Jitlob li jsir obbligatorju fil-modernizzar tal-portijiet u l-proġetti ta' espansjoni li t-terminali tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ġodda jiġu mgħammra b'faċilitajiet għal persuni b'mobilità mnaqqsa;
60. Itenni l-importanza tat-trasport kostali u tal-passiġġieri bil-baħar, speċjalment permezz ta' laneċ u bastimenti tal-kruċieri, u jinnota d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar, li għandu jgħin biex titjieb il-kwalità tat-turiżmu marittimu; jitlob lill-Kummissjoni, b'rabta ma' dan, biex tistabbilixxi kampanja attiva biex titjieb il-kwalità tal-bastimenti tal-passiġġieri u tal-kruċieri fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri, abbażi tal-aqwa prattiki tal-operaturi;
61. Jenfasizza l-importanza tat-tbaħħir bil-jottijiet u t-tbaħħir inġenerali għat-turiżmu marittimu; jitlob lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tagħha li jmiss dwar it-turiżmu marittimu, l-impatt soċjali u ekonomiku ta' dan is-settur, l-ambitu tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni fil-livell tal-UE tar-regoli li jirregolaw il-ħruġ tal-liċenzji operattivi, il-kundizzjonijiet ta' navigazzjoni u operat, ir-rekwiżiti ta' sikurezza, ix-xogħol ta' manutenzjoni u tiswija tal-jottijiet, u l-għarfien reċiproku tal-kwalifiki professjonali f'dan is-settur;
62. Itenni l-importanza tat-turiżmu fil-bajjiet bħala karatteristika speċifika ta' ċerti reġjuni kostali Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tivverifika jekk id-Direttiva 2006/123/KE jistax ikollha impatt negattiv fuq l-SMEs f'dan is-settur u, jekk tqis bħala neċessarju, tipproponi miżuri biex ittaffi dan l-impatt u tiggarantixxi li jitqiesu l-karatterisitiċi speċifiċi ta' din l-attività professjonali fl-applikazzjoni tad-Direttiva;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, lir-reġjuni, lill-komunitajiet awtonomi u lil partijiet interessati oħrajn fiż-żoni kostali u tal-gżejjer biex jiżviluppaw u jimplimentaw, b'mod sistematiku, l-inizjattiva tar-“rotot kummerċjali antiki”, approvata mill-Parlament fil-baġit tal-2013, kemm fil-baċir tal-Mediterran kif ukoll f'baċiri oħrajn Ewropej, speċjalment sabiex jiddiversifikaw il-prodotti tat-turiżmu u jnaqqsu n-natura staġjonali tat-turiżmu;
64. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-turiżmu sostenibbli marittimu, tal-gżejjer u tal-kosta fl-azzjonijiet u l-programmi relatati, bħall-“EDEN - Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza” u l-programmi Calypso, u tappoġġja inizjattivi li jħeġġu d-diversifikazzjoni tat-turiżmu tal-kosta, marittimu u tal-baħar, tgħin biex l-attivitajiet turistiċi u l-impjiegi jsiru inqas staġjonali u tagħti spinta lill-adattament għat-tibdil fil-klima; iqis, f'dan ir-rigward, li d-diversifikazzjoni tat-turiżmu tista' tgħin iżżid l-attrattività tar-reġjuni marittimi u tippermettilhom jiksbu progress lil hinn mill-mudell tradizzjonali ta' “xemx, baħar u ramel”;
65. Jappella għall-promozzjoni taċ-ċentri turistiċi marittimi, peress li dawn jistgħu jnaqqsu l-varjazzjonijiet staġjonali u joħolqu effett multiplikatur għall-ekonomiji lokali u reġjonali, billi jiġu integrati l-komunitajiet tas-sajd u jinstab bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kontribuzzjoni u r-rwol tal-gastronomija lokali u artiġjanali fl-iżvilupp tat-turiżmu kostali Ewropew; iqis li huwa neċessarju li jintużaw u jiġu kkoordinati l-politiki u l-istrumenti eżistenti u jitfasslu programmi u azzjonijiet ġodda sabiex jiġu mħeġġa sinerġiji bejn, b'mod partikolari, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) tas-setturi primarji u terzjarji fiż-żoni kostali tal-UE;
67. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fl-Osservatorju tat-Turiżmu Virtwali sezzjoni ddedikata għat-turiżmu marittimu u kostali, li tiżgura rabtiet bejn l-istituti tar-riċerka, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li tippromwovi r-riċerka tas-suq, tipprovdi lill-intrapriżi u lill-awtoritajiet pubbliċi b'informazzjoni prospettiva dwar l-iżvilupp tal-offerta u tad-domanda u joħloq kundizzjonijiet ta' negozju aktar favorevoli, filwaqt li tipprovdi wkoll informazzjoni dwar ir-rabtiet bejn il-bijodiversità, il-protezzjoni tal-klima u inizjattivi ta' turiżmu sostenibbli;
Enerġija Blu
68. Jinnota li t-tibdil fil-klima jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità tal-baħar mad-dinja kollha u li l-aspetti ta' enerġija ta' strateġija għat-tkabbir blu għandhom ikunu bbażati fuq l-enerġiji rinnovabbli u fuq l-effiċjenza enerġetika;
69. Jirrikonoxxi, f'dak ir-rigward, l-importanza tal-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija u tar-rotot ta' provvista;
70. Jinnota l-potenzjal tal-enerġija lil hinn mill-kosta mir-riħ, mill-mewġ u dik termali tal-oċean, kif ukoll tas-settur konvenzjonali tal-enerġija lil hinn mill-kosta, li jiġġeneraw impjiegi sostenibbli fir-reġjuni kostali, inaqqsu l-emissjonijiet u jikkontribwixxu għall-miri tal-enerġija tal-UE għall-medda medja u twila ta' żmien; jenfasizza l-fatt li se jkun meħtieġ investiment sinifikanti fil-perspettiva ta' riorganizzazznoni tal-konnessjonijiet tal-grilja u fil-kapaċità tat-trażmissjoni biex dan il-potenzjal jiġi sfruttat;
71. Jenfasizza li l-enerġija blu hija vantaġġ għall-ekonomija marittima Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkontribwixxu biex jintlaħaq il-potenzjal tal-enerġija blu billi jintużaw strateġiji tal-baċiri tal-baħar, filwaqt tingħata attenzjoni speċjali lill-possibilitajiet offruti mir-reġjuni l-aktar imbiegħda minħabba l-post fejn jinsabu u l-karatteristiċi naturali tagħhom;
72. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod attiv lit-tmexxija globali tal-UE f'dan il-qasam billi tiżviluppa strateġija industrijali Ewropea għall-enerġija blu, kif għamlet fil-passat għal setturi oħra;
73. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta, fil-komunikazzjoni li jmiss f'dan il-qasam, approċċ integrat lejn l-iżvilupp tar-riżorsi enerġetiċi tal-baħar, billi jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-enerġija tar-riħ lil hinn mill-kosta u forom oħra ta' enerġija marina rinnovabbli; jenfasizza li approċċ bħal dan għandu jippermetti li l-enerġija tiġi fornuta minn firxa sħiħa u sostenibbli ta' sorsi, skont il-prinċipju tal-prekawzjoni u filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà u s-sikurezza marittima, u li għandu wkoll jinkludi pjanijiet għal infrastruttura adegwata biex l-enerġija ġġenerata mill-baħar tiġi trasportata lejn l-art u tiġi żgurata interkonnessjoni man-netwerk konvenzjonali tal-elettriku;
74. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiffaċilitaw il-ħolqien sostenibbli tan-netwerk għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal qafas regolatorju korrispondenti;
Is-sajd u l-akkwakultura
75. Jenfasizza li l-akkwakultura u s-sajd għandhom jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-ikel fuq bażi sostenibbli fl-Unjoni kollha u għas-sikurezza tal-ikel u l-protezzjoni tal-konsumatur għat-terminu twil ta' żmien; iqis li l-iżvilupp u l-innovazzjoni ta' industrija tal-ipproċessar tal-akkwakultura u s-sajd sostenibbli għandhom jitħeġġu billi titnaqqas il-burokrazija u jiġu promossi opportunitajiet ta' impjiegi f'dawn is-setturi u titjieb il-kwalità tal-ħajja kemm fiż-żoni kostali u kif ukoll f'dawk rurali;
76. Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata akkwakultura sostenibbli sabiex jitnaqqas is-sajd żejjed tal-istokkijiet tal-ħut Ewropej u d-dipendenza fuq l-importazzjoni ta' ħut minn pajjiżi terzi, li jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-ħut ikkunsmat fl-UE;
77. Jirrimarka li l-akkwakultura fl-UE diġà tipprovdi 80 000 impjieg u għandha potenzjal li ttejjeb b'mod sinifikanti l-ekonomiji tal-komunitajiet tal-kosta, meta jitqiesu l-istimi tan-NU li l-produzzjoni tal-ħut imrobbi ser taqbeż dik tas-sajd komuni sal-2019;
78. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-linji gwida strateġiċi dwar l-akkwakultura fl-UE li jmiss, tippromwovi l-akkwakultura lil hinn mill-kosta, li tista' tiġi kkumbinata mal-faċilitajiet tal-enerġija blu sabiex titnaqqas il-pressjoni mill-akkwakultura intensiva żżejjed fuq l-ekosistemi tal-kosta u fuq attivitajiet oħra; jenfasizza l-ħtieġa li l-pjanijiet ta' ġestjoni integrati rispettivi tal-Istati Membri jissemplifikaw il-piż amministrattiv u jiżguraw l-allokazzjoni ta' spazju xieraq għall-iżvilupp ta' dawn l-attivitajiet;
79. Jenfasizza l-importanza tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) tal-futur, li għall-ewwel darba jgħaqqad il-finanzjament tal-Politika Marittima Integrata u tal-Politika tas-Sajd, kif ukoll dak tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), biex jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tas-sajd, l-akkwakultura u l-ipproċessar tas-sajd, kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-introjtu fil-komunitajiet tas-sajd li jiddependu minn dawk is-setturi, partikolarment fir-rigward tas-sajd kostali fuq skala żgħira, it-taħriġ vokazzjonali għan-nisa u ż-żgħażagħ u li jiġu attirati intraprendituri ġodda fis-settur;
80. Jirrikonoxxi li l-protezzjoni tal-fruntieri marittimi Ewropej hija sfida għall-Istati Membri; iqis li ekonomija blu li tirnexxi tirrikjedi fruntieri marittimi tal-UE sikuri, sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, il-kontrolli tas-sajd, il-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-infurzar tal-liġi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-istabbiliment ta' funzjoni ta' gwardjani tal-kosta Ewropej għall-koordinazzjoni tal-azzjoni u tas-sorveljanza tal-baħar; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġu intensifikati u mmultiplikati l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali relatati mas-settur tas-sajd;
Estrazzjoni ta’ minerali mill-baħar
81. Jagħraf l-eżistenza ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-estrazzjoni ta' minerali mill-baħar; jenfasizza, madankollu, li l-ambjent ta' qiegħ il-baħar huwa marbut mal-bqija tal-pjaneta permezz tal-iskambji tal-materja, l-enerġija u l-bijodiversità, li, jekk jiġu mfixkla, jistgħu jikkawżaw tibdil imprevedibbli fl-istokkijiet tal-ħut u telfien tal-bijodiversità;
82. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi ambjentali tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, speċjalment f'ambjenti tal-baħar sensittivi ħafna, biex tappoġġja l-proġetti ta' riċerka rilevanti, tapplika l-prinċipju tal-prekawzjoni, u tikkoopera mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi involuti fis-settur fit-tentattiv biex jimtlew b'mod aktar rapidu l-lakuni attwali fl-għarfien xjentifiku;
83. Jagħraf li użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, flimkien ma' politiki ta' riċiklaġġ imtejba, joffru approċċ aktar kosteffettiv u sostenibbli biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tagħna għall-minerali milli l-isfruttament intensiv tar-riżorsi ta' taħt il-baħar; jiddeplora l-fatt li n-nuqqasijiet fir-riċiklaġġ tal-materja prima u rari terrestri qed jikkontribwixxu għal żieda fl-iskart, u jitlob, għalhekk, miżuri biex tingħata spinta lill-industriji tar-riċiklaġġ sabiex tiġi offruta alternattiva għat-tħaffir fil-baħar; jinnota l-opportunitajiet ta' xogħol fuq żmien fit-tul offruti minn dan l-approċċ alternattiv;
Bijoteknoloġija blu
84. Jagħraf li l-bijoteknoloġija blu għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi ta' kapaċitajiet għolja u għandha ħafna x'toffri f'oqsma kritiċi bħas-saħħa, in-nutrizzjoni u l-innovazzjoni; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni meħtieġa biex tiġi promossa din l-attività fil-qasam tal-intraprenditorija;
85. Jenfasizza l-potenzjal tal-bijodiversità tal-baħar, b'mod partikolari fil-baħar fond li fil-biċċa l-kbira għadu mhux skopert, għas-settur tal-bijoteknoloġija blu, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal esplorazzjoni b'attenzjoni ta' din l-ekosistema tassew sensittiva;
86. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar il-kwistjonijiet u l-isfidi relatati mal-bijoteknoloġija blu (pereżempju l-bijonanoteknoloġija, il-bijomaterjali u l-introduzzjoni ta' ħut, frott tal-baħar bil-qoxra u mikroorganiżmi ġenetikament immodifikati) u tagħmel użu minn approċċ xjentifikament b'saħħtu bbażat fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni biex tidentifika, tevalwa u tiġġestixxi r-riskji ambjentali u tas-saħħa assoċjati;
87. Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi sħubijiet bejn is-settur privat u l-istituti tar-riċerka, kif ukoll sħubijiet transkonfinali bħaċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi Bijoloġiċi Marini, peress li l-bijoteknoloġija tal-baħar u l-aċċess għall-bijodiversità tal-baħar jeħtieġu kompetenzi xjentifiċi u tagħmir sofistikat u għali;
o o o
88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.