Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2799(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0334/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2013 - 6.2
CRE 03/07/2013 - 6.2

Testi adottati :

P7_TA(2013)0304

Testi adottati
PDF 219kWORD 24k
L-Erbgħa, 3 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 
P7_TA(2013)0304RC-B7-0334/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (2012/2799(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-8 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-28 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' pożittivament il-ftehim politiku milħuq fis-27 ta' Ġunju 2013 fl-ogħla livell politiku bejn il-Parlament, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, wara negozjati twal u ibsin; jirrikonoxxi l-isforzi notevoli tal-Presidenza Irlandiża biex jintlaħaq tali ftehim;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li – bis-saħħa tal-perseveranza tal-Parlament fin-negozjati – għall-ewwel darba ġew adottati għadd ta' dispożizzjonijiet li se jkunu strumentali biex jagħmlu l-qafas finanzjarju l-ġdid operattiv, konsistenti, trasparenti u aktar adegwat għall-esiġenzi taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, l-arranġamenti l-ġodda relatati mar-reviżjoni tal-QFP, mal-flessibilità, mar-riżorsi proprji u mal-unità u t-trasparenza tal-baġit, li kienu, għall-Parlament, prijoritajiet fundamentali fin-negozjati;

3.  Huwa dispost li jressaq għall-vot ir-Regolament dwar il-QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid fil-bidu tal-ħarifa, malli jkunu rispettati l-kundizzjonijiet tekniċi u ġuridiċi neċessarji għall-finalizzazzjoni tat-testi rilevanti, biex b'hekk il-Ftehim Interistituzzjonali jirrifletti l-ftehim ġenerali milħuq bejn il-Kunsill u l-Parlament;

4.  Itenni, madankollu, il-pożizzjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni msemmija tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-QFP, li l-approvazzjoni tar-Regolament dwar il-QFP ma tistax tingħata sakemm ikun hemm garanzija assoluta li l-talbiet pendenti għall-ħlas għall-2013 ikunu koperti totalment; jistenna li l-Kunsill, għalhekk, jieħu deċiżjoni formali dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 2/2013, għall-ammont ta' EUR 7,3 biljun, mhux iktar tard mill-Kunsill Ecofin li se jsir fid-9 ta' Lulju 2013; jinsisti li l-Kunsill iżomm l-impenn politiku tiegħu li jadotta mill-aktar fis baġit emendatorju ulterjuri biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas tal-approprjazzjonijiet ta' pagament li jaf iwassal għal defiċit strutturali fil-baġit tal-UE fi tmiem l-2013; jiddikjara li l-Parlament mhuwiex se jagħti l-approvazzjoni tiegħu lir-Regolament dwar il-QFP jew mhuwiex se jadotta l-Baġit 2014 sakemm dan il-baġit emendatorju ġdid, li jkopri d-defiċit li fadal kif identifikat mill-Kummissjoni, ikun ġie adottat mill-Kunsill;

5.  Jenfasizza, barra minn hekk, li r-Regolament dwar il-QFP ma jistax jiġi adottat leġittimament sakemm ma jintlaħaqx ftehim politiku dwar il-bażijiet ġuridiċi rilevanti, speċjalment dwar il-punti li huma riflessi wkoll fir-Regolament dwar il-QFP; jesprimi r-rieda tiegħu li jikkonkludi mill-aktar fis possibbli n-negozjati rigward il-bażijiet ġuridiċi għall-programmi pluriennali kollha u jerġa' jikkonferma l-prinċipju skont liema “ma jintlaħaq qbil dwar xejn sakemm jintlaħaq qbil dwar kollox”; jinsisti fuq ir-rispett totali għas-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament, mogħtija mit-Trattat ta' Lisbona, u jistieden lill-Kunsill jinnegozja b'mod adegwat l-aspetti kollha tal-bażijiet ġuridiċi hekk imsejħa “relatati mal-QFP”; jilqa' favorevolment il-ftehimiet politiċi milħuqa s'issa dwar diversi programmi pluriennali ġodda tal-UE;

6.  Jirrikonoxxi l-konsolidament fiskali li l-Istati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom miegħu; iqis, madankollu, li l-livell ġenerali tal-QFP li jmiss, deċiż mill-Kunsill Ewropew, mhuwiex biżżejjed meta mqabbel mal-objettivi politiċi tal-UE u l-bżonn li tiġi garantita l-implimentazzjoni ta' suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dan il-livell ta' riżorsi aktarx mhuwiex biżżejjed biex jgħammar lill-Unjoni Ewropea bil-mezzi neċessarji biex tirkupra mill-kriżi attwali b'mod ikkoordinat u biex toħroġ minnha aktar b'saħħtiha; jiddispjaċih li l-Istati Membri għadhom jissottovalutaw ir-rwol u l-kontribut tal-baġit tal-UE biex jissaħħu l-governanza ekonomika u l-koordinament fiskali fl-Unjoni Ewropea kollha; jibża', madankollu, li limiti massimi tal-QFP tant baxxi sejrin inaqqsu b'mod konsiderevoli kwalunkwe marġini ta' manuvra għall-Parlament fil-proċeduri baġitarji annwali;

7.  Jisħaq fuq l-importanza ta' rieżami obbligatorju u ta' reviżjoni sussegwenti tal-QFP li jmiss sa tmiem l-2016, bil-għan li l-Kummissjoni u l-Parlament li jmiss jitħallew jerġgħu jivvalutaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, jadattaw il-QFP għall-isfidi u għall-esiġenzi l-ġodda u jqisu totalment il-projezzjonijiet makroekonomiċi l-aktar reċenti; jinsisti fuq il-fatt li r-rieżami obbligatorju li jsir mill-Kummissjoni fir-rigward tan-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa tal-baġit tal-UE jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP, f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' tali regolament; biħsiebu jippreżenta din ir-reviżjoni obbligatorja tal-QFP bħala rekwiżit kruċjali waqt l-investitura tal-President tal-Kummissjoni l-ġdid;

8.  Itenni l-importanza kruċjali li tissaħħaħ il-flessibilità fil-QFP 2014-2020 bil-għan li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-limiti massimi tal-QFP rispettivi għall-impenji (EUR 960 biljun) u għall-pagamenti (EUR 908,4 biljun), kif impost mill-Kunsill Ewropew; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-approvazzjoni tal-Kunsill taż-żewġ proposti ewlenin imressqa mill-Parlament, jiġifieri l-ħolqien ta' Marġini Globali għall-Pagamenti u ta' Marġini Globali għall-Impenji, li jippermettu r-riport awtomatiku tal-approprjazzjonijiet mhux użati minn sena finanzjarja għall-oħra; iqis bħala deplorevoli, madankollu, il-limiti imposti mill-Kunsill (f'termini ta' żmien jew ta' ammonti) li jistgħu jimpedixxu l-użu sħiħ ta' dawn l-istrumenti; iqis li t-titjib ta' dawn il-mekkaniżmi għandu jagħmel parti integrali mir-reviżjoni postelettorali tal-QFP li għandha tkun proposta mill-Kummssjoni;

9.  Jenfasizza li r-regoli ta' flessibilità l-ġodda dwar l-impenji għandhom iwasslu, matul il-QFP 2014-2020, għal approprjazzjonijiet addizzjonali għal programmi marbuta mat-tkabbir u mal-impjiegi, u partikolarment l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, bil-għan li jiġi żgurat finanzjament kontinwu u jiġi ottimizzat l-użu effiċjenti tal-limiti massimi maqbula;

10.  Jilqa' pożittivament il-ħlas bil-quddiem fl-2014 u 2015 tal-approprjazzjonijiet għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jinsisti li mill-2016 'il quddiem se jkunu meħtieġa approprjazzjonijiet supplementari bil-għan li jiġu garantiti s-sostenibilità u l-effikaċja ta' dan il-programm;

11.  Jisħaq fuq il-fatt li, bħala riżultat tal-insistenza tal-Parlament, il-finanzjament għall-programmi Orizzont 2020, Erasmus u COSME se jitħallas ukoll bil-quddiem fl-2014 u 2015 ħalli jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament bejn l-approprjazzjonijiet rilevanti fil-baġits tal-2013 u tal-2014; jinsisti, barra minn hekk, li huwa essenzjali li finanzjament ulterjuri jsir disponibbli wkoll għall-Aġenda Diġitali;

12.  Jilqa' pożittivament il-fatt li sar provvediment għal żieda addizzjonali li tammonta sa EUR 1 biljun għall-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jirrikorru għal din iż-żieda biex jgħinu lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni; jistenna li l-Kunsill u l-Parlament jaqblu mill-aktar fis possibbli dwar il-modalitajiet konkreti għall-implimentazzjoni ta' dan l-impenn fil-kuntest tan-negozjati attwali dwar il-bażi ġuridika għall-iskema inkwistjoni;

13.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma kien kapaċi jagħmel l-ebda progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji abbażi tal-proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun iffinanzjat minn riżorsi proprji awtentiċi, kif preskritt fit-Trattat, u jiddikjara l-impenn tiegħu favur riforma li tnaqqas il-proporzjon ta' kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) lill-baġit tal-UE sa massimu ta' 40 %; jistenna, għaldaqstant, li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Riżorsi Proprji maqbula bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE tippermetti li jinkiseb progress konkret, speċjalment fid-dawl tar-rieżami/reviżjoni intermedja tal-QFP; jappella, għalhekk, biex il-grupp ta' livell għoli dwar ir-riżorsi proprji jitlaqqa' meta jiġi adottat formalment ir-Regolament dwar il-QFP u jiġi fdat b'mandat li jeżamina l-aspetti kollha tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżitu tan-negozjati dwar l-unità u t-trasparenza tal-baġit tal-UE; iqis li kwalunkwe possibilità ta' “baġit taż-żona tal-euro” li tista' tkun prevista għall-ġejjieni għandha tkun integrata fil-baġit tal-UE jew annessa għalih;

15.  Iqis bħala ferm deplorevoli l-proċedura li wasslet għal dan il-ftehim rigward il-QFP 2014-2020, li fir-realtà kellha l-effett li ċċaħħad lill-Parlament mis-setgħat baġitarji veri tiegħu kif jippreskrivi t-TFUE; iqis li l-bosta laqgħat li saru matul dawn l-aħħar ftit snin bejn id-delegazzjoni tiegħu u l-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill b'mod parallel mal-laqgħat tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” rilevanti, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħat informali tal-Kunsill li jittrattaw il-QFP, ma qdew l-ebda skop, billi ma ħallew l-ebda impatt fuq l-ispirtu, il-kalendarju jew il-kontenut tan-negozjati jew fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill, inkluż il-bżonn ta' distinzjoni tal-aspetti leġiżlattivi minn dawk baġitarji tal-ftehim rigward il-QFP;

16.  Jistieden, għalhekk, lill-Kumitat għall-Baġits, f'kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu, sabiex ifassal il-konklużjonijiet neċessarji u sabiex iressaq proposti ġodda dwar il-modalitajiet ta' tali negozjati, bil-għan li tiġi garantita n-natura demokratika u trasparenti tal-proċedura baġitarja kollha kemm hi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0360.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0078.

Avviż legali - Politika tal-privatezza