Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/0045(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0230/2013

Testi mressqa :

A7-0230/2013

Dibattiti :

PV 02/07/2013 - 18

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2013 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0312

Testi adottati
PDF 523kWORD 48k
L-Erbgħa, 3 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msahha fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji *
P7_TA(2013)0312A7-0230/2013

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (COM(2013)0071 – C7-0049/2013 – 2013/0045(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2013)0071),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0049/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0230/2013),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni turi f'valutazzjoni tal-impatt komprensiva u f'analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji li kull kooperazzjoni msaħħa se tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti.

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa’ jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod sostanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  Fl-2011, il-Kummissjoni innutat id-dibattitu li kien għaddej fil-livelli kollha dwar it-tassazzjoni addizzjonali tas-settur finanzjarju. Id-dibattitu joriġina mix-xewqa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust u sostanzjali għall-ispejjeż tal-kriżi u li jiġi ntaxxat b’mod ekwu fil-konfront ta’ setturi oħrajn fil-ġejjieni, biex jiġu disinċentivati attivitajiet riskjużi wisq minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex jiġu kkumplimentati miżuri regolatorji maħsuba biex jiġu evitati kriżijiet futuri u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali għall-baġits ġenerali jew għal finijiet speċifiċi ta’ politika.
(1)  Fl-2011, il-Kummissjoni ħadet nota tadibattitu li kien għaddej fil-livelli kollha dwar it-tassazzjoni addizzjonali tas-settur finanzjarju. Id-dibattitu joriġina mix-xewqa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust u sostanzjali għall-ispejjeż tal-kriżi u li jiġi ntaxxat b’mod ekwu fil-konfront ta’ setturi oħrajn fil-ġejjieni, biex jiġu disinċentivati attivitajiet riskjużi wisq minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex jiġu kkumplimentati miżuri regolatorji maħsuba biex jiġu evitati kriżijiet futuri u jitnaqqsu l-ispekulazzjonijiet u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali għall-baġits ġenerali, inter alia bħala kontribuzzjoni għall-konsolidazzjoni fiskali, jew għal politiki speċifiċi intiżi sabiex ikun hemm is-sostenibbiltà u l-istimolu tat-tkabbir, l-edukazzjoni u l-impjieg b’fokus partikolari fuq l-impjieg taż-żgħażagħ. L-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) għalhekk turi distribuzzjoni pożittiva u kapaċità ta' orjentazzjoni billi tissupplimenta b'mod xieraq l-inizjattivi eżistenti ta' riforma regolatorja.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 1a (ġdida)
(1a)  Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020, parti mid-dħul tat-TTF għandu jkun allokat lill-baġit tal-Unjoni bħala riżorsi proprji awtentiċi. L-użu tad-dħul mit-TTF bħala riżorsi proprji tal-Unjoni huwa possibbli taħt il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa biss jekk il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti għall-baġit tal-Unjoni jitnaqqsu bl-istess ammont u dan jevita kontribuzzjoni spoporzjonata mill-Istati Membri parteċipanti meta mqabbla mal-Istati mhux parteċipanti. Meta t-TTF tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni, l-ammont kollu tar-riżorsi proprji li ġejjin mit-TTF jew parti minnu għandu jiżdied mal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jinġarbu riżorsi finanzjarji ġodda għall-investiment Ewropew mingħajr tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti għall-baġit tal-Unjoni.
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 1b (ġdida)
(1b)  Qabel l-introduzzjoni ta' TTF, il-Kummissjoni għandha turi li l-kooperazzjoni msaħħa mhux se tfixkel is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali. Hija għandha turi wkoll li la ma tikkostitwixxi xkiel għal jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas ma tfixkel il-kompetizzjoni bejniethom. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta analiżi robusta ġdida u valutazzjoni tal-impatt, tal-konsegwenzi tal-proposta għal TTF komuni kemm fuq il-pajjiżi parteċipanti u dawk mhux parteċipanti kif ukoll fuq is-Suq Uniku b'mod ġenerali.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 2 a (ġdida)
(2a)  It-TTF se tikseb verament l-objettivi tagħha jekk tiġi introdotta fuq livell globali. Il-kooperazzjoni msaħħa ta' 11-il Stat Membru għalhekk tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn TTF fuq il-livell tal-Unjoni u fl-aħħar fuq livell globali. L-Unjoni se tinkoraġġixxi kontinwament l-introduzzjoni globali tat-TTF u se tħeġġeġ li t-TTF titpoġġa fuq l-aġenda tas-samits tal-G-20 u l-G-8.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 3
(3)  Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet permezz ta’ miżuri meħudin unilateralment mill-Istati Membri parteċipanti, filwaqt li jingħata kas tal-mobilità estremament għolja ta’ ħafna mit-tranżazzjonijiet finanzjarji rilevanti, u biex b’hekk jiġi mtejjeb il-funzjonament xieraq tas-suq intern, huwa importanti li l-karatteristiċi bażiċi ta’ TTF fl-Istati Membri parteċipanti jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Inċentivi għal arbitraġġ tat-taxxa bejn l-Istati Membri parteċipanti u distorsjonijiet tal-allokazzjoni bejn is-swieq finanzjarji f’dawk l-Istati, kif ukoll il-possibbiltajiet għal tassazzjoni doppja jew non-tassazzjoni għandhom b’hekk jiġu evitati.
(3)   Bosta mill-11-il Stat Membru parteċipanti diġà stabbilixxew jew jinsabu fil-proċess li jistabbilixxu xi forma tat-TTF. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet permezz ta’ miżuri meħudin unilateralment mill-Istati Membri parteċipanti, filwaqt li jingħata kas tal-mobilità estremament għolja ta’ ħafna mit-tranżazzjonijiet finanzjarji rilevanti, u biex b’hekk jiġi mtejjeb il-funzjonament xieraq tas-suq intern, huwa importanti li l-karatteristiċi bażiċi ta’ TTF fl-Istati Membri parteċipanti jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Inċentivi għal arbitraġġ tat-taxxa bejn l-Istati Membri parteċipanti u distorsjonijiet tal-allokazzjoni bejn is-swieq finanzjarji f’dawk l-Istati, kif ukoll il-possibbiltajiet għal tassazzjoni doppja jew non-tassazzjoni għandhom b’hekk jiġu evitati.
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 3a (ġdida)
(3a)  Fid-dawl tal-progress sostanzjali li sar fir-rigward tar-regolament Ewropew dwar is-suq finanzjarju, bħar-regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investimenti u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/20122, id-Direttiva 2013/36/UE u din id-Direttiva, l-Istati Membri parteċipanti li introduċew imposti bankarji fid-dawl tal-kriżi finanzjarja riċenti għandhom jirrieżaminaw in-neċessità ta' dawn it-taxxi u l-kompatibilità tagħhom mar-regoli u l-għanijiet tal-liġi tal-Unjoni u s-suq intern.
2ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 3b (ġdida)
(3b)  Kwalunkwe armonizzazzjoni tat-TTFs fost l-Istati Membri parteċipanti ma għandhiex tirriżulta f'tassazzjoni extraterritorjali li tikser il-bażi tat-taxxa potenzjali għall-Istati Membri mhux parteċipanti.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 4
(4)  It-titjib tal-operat tas-suq intern, b’mod partikolari l-evitar ta’ distorsjonijiet bejn l-Istati Membri parteċipanti jeħtieġ li TTF tapplika għal firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet u tranżazzjonijiet finanzjarji, għall-kummerċ f’firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji, inklużi prodotti strutturati, kemm fi swieq organizzati u “barra l-Borża”, kif ukoll għall-konklużjoni tal-kuntratti tad-derivati kollha u l-modifiki materjali tal-operazzjonijiet kkonċernati.
(4)  It-titjib tal-operat tas-suq intern, b’mod partikolari l-evitar ta’ distorsjonijiet bejn l-Istati Membri parteċipanti, it-tnaqqis tal-possibbiltà ta’ frodi fiskali, l-evażjoni ta’ taxxa u l-ippjannar fiskali aggressiv, rilokazzjoni tar-riskji u l-arbitraġġ regolatorju, jeħtieġ li TTF tapplika għal firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet u tranżazzjonijiet finanzjarji, għall-kummerċ f’firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji, inklużi prodotti strutturati, kemm fi swieq organizzati u “barra l-Borża”, kif ukoll għall-konklużjoni tal-kuntratti tad-derivati kollha, inklużi l-kuntratti għad-differenza, it-tranżazzjonijiet spot tal-valuta fis-suq tal-kambju, u tranżazzjonijiet spekulattivi bil-quddiem, u l-modifiki materjali tal-operazzjonijiet ikkonċernati.
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 8
(8)  Bl-eċċezzjoni tal-konklużjoni jew l-modifika materjali ta’ kuntratti tad-derivati, il-kummerċ fis-swieq primarji u t-tranżazzjonijiet relevanti għaċ-ċittadini u n-negozji bħall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, self b’ipoteka, krediti tal-konsumatur jew ħlas ta’ servizzi għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TTF, sabiex il-kumpaniji u l-gvernijiet ikunu jistgħu jiksbu kapital mingħajr problemi u biex jiġi evitat l-impatt fuq l-entitajiet domestiċi.
(8)  Bl-eċċezzjoni tal-konklużjoni jew il-modifika materjali ta’ kuntratti tad-derivati, il-kummerċ fis-swieq primarji u t-tranżazzjonijiet relevanti għaċ-ċittadini u n-negozji bħall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, self b’ipoteka, krediti tal-konsumatur jew ħlas ta’ servizzi għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TTF, sabiex il-kumpaniji u l-gvernijiet ikunu jistgħu jiksbu kapital mingħajr problemi u biex jiġi evitat l-impatt negattiv fuq l-entitajiet domestiċi u l-ekonomija reali.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 13a (ġdida)
(13a)  Sabiex isaħħu l-pożizzjoni tas-swieq regolati u b'mod partikolari n-negozju fil-borża, li huwa strettament regolat, ikkontrollat u trasparenti, għall-kuntrarju tan-negozju OTC li mhuwiex regolat, ikkontrollat inqas u inqas trasparenti, l-Istati Membri għandhom japplikaw rati ogħla tat-taxxa għat-tranżazzjonijiet OTC. Dan se jippermetti bidla fin-negozjar minn swieq bi ftit jew xejn regolamenti għal swieq regolati. Ir-rati ogħla m'għandhomx japplikaw għal tranżazzjonijiet finanzjarji tad-derivati OTC fejn inaqqsu r-riskji b'mod oġġettiv u għalhekk iservu l-ekonomija reali.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Premessa 15a (ġdida)
(15a)  Impriżi mhux finanzjarji jeżegwixxu tranżazzjonijiet sostanzjali fis-swieq finanzjarji sabiex inaqqsu r-riskji direttament assoċjati man-negozju kummerċjali tagħhom. It-TTF m'għandhiex tapplika għal dawk l-istituzzjonijiet meta dawn jeżegwixxu tali tranżazzjonijiet. Madankollu, meta impriżi mhux finanzjarji jwettqu tranżazzjonijiet spekulattivi li mhumiex assoċjati mat-tnaqqis ta’ riskju fl-attività kummerċjali tagħhom, huma għandhom jitqiesu bħala istituzzjonijiet finanzjarji u t-TTF għandha tapplika għalihom.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Premessa 15b (ġdida)
(15b)  Sabiex l-evitar tat-taxxa tinbidel f'operazzjoni riskjuża bi spejjeż għoljin u bi profitt baxx u biex ikun żgurat infurzar aħjar, il-prinċipju ta' residenza u ta' ħruġ għandu jiġi kkumplimentat bil-“prinċipju ta’ trasferiment tat-titolu legali”.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Premessa 15c (ġdida)
(15c)  Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tniedi negozjati ma' pajjiżi terzi sabiex tiffaċilita l-ġbir tat-TTF. Il-Kummissjoni għandha wkoll tirrevedi d-definizzjoni tagħha ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u għandha taġġorna l-pjan ta' azzjoni tagħha kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar fiskali aggressiv, skont il-bżonn.
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Premessa 16
(16)  Ir-rati minimi tat-taxxa għandhom jiġu stabbiliti f'livell għoli biżżejjed biex jintlaħħaq l-għan ta’ armonizzazzjoni ta’ TTF komuni. Fl-istess ħin, dawn għandhom ikunu baxxi biżżejjed sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ delokalizzazzjoni.
imħassar
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Premessa 19
(19)  Sabiex jipprevjenu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa l-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu obbligati li jadottaw miżuri xierqa.
(19)  Sabiex jipprevjenu l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjannar fiskali aggressiv bħal pereżempju s-sostituzzjoni, l-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu obbligati li jadottaw miżuri xierqa.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Premessa 19a (ġdida)
(19a)  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta' ħidma ta' esperti (Kumitat tat-TTF) magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) biex jivvalutaw l-implimentazzjoni effikaċi ta' din id-Direttiva u jipprevjenu l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar fiskali aggressiv u jippreservaw l-integrità tas-suq intern. Il-Kumitat tat-TTF għandu jissorvelja t-tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex jidentifika arranġamenti abbużivi kif definiti fl-Artikolu 14, jipproponi kontromiżuri b'mod xieraq u jikkoordina l-implimentazzjoni ta' dawk il-kontromiżuri fil-livell nazzjonali jekk ikun neċessarju. Huwa għandu jagħmel użu sħiħ tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni u tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u tal-istrumenti għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa, inklużi l-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa. Fejn xieraq, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu jistgħu jifformaw sottogrupp sabiex jindirizza kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tat-TTF u li ma jaffettwawx l-Istati Membri mhux parteċipanti.
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Premessa 19b (ġdida)
(19b)  L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkooperaw fuq livell amministrattiv fil-qasam tat-tassazzjoni skont id-Direttiva 2011/16/UE u li jipprovdu li xulxin assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati mat-taxxi, dazji u miżuri oħrajn fis-sens tad-Direttiva 2010/24/UE.
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Premessa 21
(21)  Sabiex tippermetti l-adozzjoni ta’ regoli aktar dettaljati f’ċerti oqsma tekniċi, fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-kontabilità, l-obbligi ta’ rappurtar u obbligi oħra maħsuba biex jiżguraw li TTF dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa hija effettivament mħallsa lill-awtoritajiet tat-taxxa, u l-adattament tagħhom fil-ħin kif xieraq, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward li jispeċifikaw il-miżuri meħtieġa għal dan l-għan. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, waqt li tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni fil-ħin u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Kunsill.
(21)  Sabiex tippermetti l-adozzjoni ta’ regoli aktar dettaljati f’ċerti oqsma tekniċi, fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-kontabilità, l-obbligi ta’ rappurtar u obbligi oħra maħsuba biex jiżguraw li TTF dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa hija effettivament mħallsa lill-awtoritajiet tat-taxxa, u l-adattament tagħhom fil-ħin kif xieraq, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispeċifikazzjoni tal-miżuri meħtieġa għal dan l-għan. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni , waqt li tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa ta’ dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 2 –punt c
(c) il-konklużjoni ta’ kuntratti tad-derivati qabel it-totalizzar jew is-saldu;
(c) il-konklużjoni ta’ kuntratti tad-derivati, inklużi kuntratt għad-differenza u tranżazzjonijiet spekulattivi bil-quddiem, qabel it-totalizzar jew is-saldu;
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 2 – punt ca (ġdid)
(ca) tranżazzjonijiet spot tal-valuta fis-suq tal-kambju;
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 2 – punt e
(e) ftehim ta’ riakkwist u ftehim ta’ riakkwist invers, ftehim ta’ self ta’ titoli u self;
(e) ftehim ta’ riakkwist u ftehim ta’ riakkwist invers, ftehim ta’ self ta’ titoli u self inklużi ordnijiet ikkanċellati li jkunu saru meta jkun twettaq negozjar bi frekwenza għolja;
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 3a (ġdid)
(3a) “emittent sovran” tfissser emittent sovran kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012;
Emenda 23
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 3 b (ġdid)
(3b) “dejn sovran” tfissser dejn sovran kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012;
Emenda 24
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7a (ġdid)
(7a) “suq tat-tkabbir tal-SMEs” tfisser sistema multilaterali ta’ negozjar li hija reġistrata bħala suq tat-tkabbir tal-SMEs skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva Nru .../...[il-MiFID il-ġdida];
Emenda 25
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 12a (ġdid)
(12a) “negozjar bi frekwenza għolja” tfisser negozjar algoritmiku ta' strumenti finanzjarji b'veloċitajiet fejn il-latenza fiżika tal-mekkaniżmu għat-trażmissjoni, it-tħassir jew il-modifika tal-ordnijiet issir il-fattur determinanti fiż-żmien li jittieħed biex tiġi kkomunikata l-istruzzjoni lil ċentru ta' negozjar jew biex tiġi eżegwita tranżazzjoni;
Emenda 26
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 12b (ġdid)
(12b) “strateġija ta' negozjar bi frekwenza għolja” tfisser strateġija kummerċjali biex wieħed jinnegozja f'ismu stess fi strument finanzjarju li tinvolvi negozjar bi frekwenza għolja u li jkollha tal-anqas tnejn minn dawn il-karatteristiċi:
(i) tuża faċilitajiet ta' kolokazzjoni, aċċess tas-suq dirett jew “proximity hosting”;
(ii) hi relatata ma' fatturat ta' portafoll ta' kuljum talanqas ta' 50%;
(iii) il-proporzjon tal-ordnijiet imħassra (inklużi l-kanċellazzjonijiet parżjali) jaqbeż l-20%;
(iv) il-maġġoranza tal-pożizzjonijiet li jittieħdu jingħalqu fl-istess ġurnata;
(v) aktar minn 50 % tal-ordnijiet jew tranżazzjonijiet magħmula f'postijiet tan-negozjar li joffru skontijiet jew ribassi u l-ordnijiet li jipprovdu likwidità huma eliġibbli għal ribassi ta' dan it-tip;
Emenda 27
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 2
2.  Kull wieħed mill-operati msemmi fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-paragrafu 1(2) għandhom jitqiesu bħala li jwasslu għal tranżazzjoni finanzjarja unika. Kull skambju kif imsemmi fil-punt (d) tiegħu għandu jitqies li jagħti lok għal żewġ tranżazzjonijiet finanzjarji. Kull modifika materjali ta’ operat kif imsemmi fil-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1(2) għandha titqies bħala operat ġdid tal-istess tip bħall-operat oriġinali. Modifika titqies li tagħmel differenza b’mod partikolari fejn jinvolvi sostituzzjoni ta’ mill-inqas parti waħda, f’każ li l-għan jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-operat, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tiegħu, jew il-kunsiderazzjoni miftiehma jinbidel, jew meta l-operat oriġinali jkun attira taxxa ogħla kieku ġie konkluż kif modifikat.
2.  Kull wieħed mill-operati msemmi fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-paragrafu 1(2) għandhom jitqiesu bħala li jwasslu għal tranżazzjoni finanzjarja unika. Kull skambju kif imsemmi fil-punt (d) tiegħu għandu jitqies li jagħti lok għal żewġ tranżazzjonijiet finanzjarji. Kull modifika materjali ta’ operat kif imsemmi fil-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1(2) għandha titqies bħala operat ġdid tal-istess tip bħall-operat oriġinali. Modifika titqies li tagħmel differenza b’mod partikolari fejn jinvolvi sostituzzjoni ta’ mill-inqas parti waħda, f’każ li l-għan jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-operat, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tiegħu, jew il-kunsiderazzjoni miftiehma jinbidel, jew meta l-operat oriġinali jkun attira taxxa ogħla kieku ġie konkluż kif modifikat. Kwalunkwe tiġdid ta' transazzjonijiet mwettaq bl-iskop ta’ klerjar jew ta’ saldu permezz ta' CCP jew permezz ta' kamra ta' ikklerjar jew permezz ta' sistema ta' operatur ta' saldu tal-kreditu jew sistemi interoperabbli kif definit mid-Direttiva 98/26/KE, ma għandux jikkostitwixxi modifika materjali skont dan il-paragrafu.
Emenda 28
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 3 – punt d
(d) fejn il-valur medju annwali ta’ tranżazzjonjiet finanzjarji f’sentejn kalendarji konsekuttivi ma jeċċedux ħamsin fil-mija tal-medja totali tal-fatturat annwali nett, kif definit fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 78/660/KEE, l-impriża, l-istituzzjoni, il-korp jew il-persuna kkonċernata għandha tkun intitolata, wara talba, li titqies bħala li mhix jew ma baqgħetx istituzzjoni finanzjarja.
(d) fejn il-valur medju annwali ta’ tranżazzjonjiet finanzjarji f’sentejn kalendarji konsekuttivi ma jeċċedux 20% tal-medja totali tal-fatturat annwali nett, kif definit fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 78/660/KEE, l-impriża, l-istituzzjoni, il-korp jew il-persuna kkonċernata għandha tkun intitolata, wara talba, li titqies bħala li mhix jew ma baqgħetx istituzzjoni finanzjarja.
Emenda 29
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 3 – punt da (ġdid)
(da) fil-kalkolu tal-valur annwali medju tat-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija f'dak il-punt, m'għandu jittieħed l-ebda kont tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw kuntratti derivattivi mhux OTC li jissodisfaw wieħed mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP1 .
1 ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11.
Emenda 30
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 - paragrafu 1a (ġdid)
1a.  Fil-każ tal-implimentazzjoni tat-TTF fi Stati Membri li mhumiex il-11-il Stat Membru parteċipanti, din tiġi estiża għal dawk l-Istati Membri l-oħra fuq il-bażi ta’ reċiproċità.
Emenda 31
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt a
(a)  Kontropartijiet Ċentrali (CCPs) meta jeżerċitaw il-funzjoni ta’ CCP;
(a)  Kontropartijiet Ċentrali (CCPs) meta jeżerċitaw il-funzjoni ta’ CCP, jew kmamar ta' kklerjar oħrajn, aġenti għall-ħlas jew sistemi kif definit fid-Direttiva 98/26/KE fl-eżerċitar tal-funzjoni tagħhom ta' kklerjar, inkluż kwalunkwe tiġdid jew saldu possibbli;
Emenda 32
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt ca (ġdid)
(ca) swieq tat-tkabbir tal-SMEs;
Emenda 33
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt - cb (ġdid)
(cb)  Persuna li hija preżenti b'mod kontinwu fis-swieq finanzjarji sabiex tinnegozja fil-kont tagħha stess billi tixtri u tbiegħ strumenti finanzjarji bl-impenn tal-kapital tagħha (ġeneratur tas-suq), meta tkun qed taqdi funzjoni essenzjali fir-rigward ta’ bonds jew ishma mhux likwidi fir-rwol tagħha ta’ provditur ta’ likwidità kif previst fil-ftehim bejn il-ġeneratur tas-suq u l-post organizzat fejn titwettaq it-tranżazzjoni finanzjarja, meta din it-tranżazzjoni mhijiex parti minn strateġija ta' negozjar bi frekwenza għolja.
Emenda 34
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 - paragrafu 2 - subparagrafu 1a (ġdid)
Il-Kummissjoni għandha tadotta, skont l-Artikolu 16, atti delegati li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom strument finanzjarju jitqies li mhuwiex likwidu għall–finijiet ta’ din id-Direttiva.

Emenda 35
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 4 – punt ga (ġdid)
(ga) it-trasferiment tad-dritt ta' proprjetà ta' strument finanzjarju u kull operazzjoni ekwivalenti li timplika t-trasferiment tar-riskju assoċjat mal-istrument finanzjarju bejn entitajiet ta' grupp jew bejn entitajiet ta' netwerk ta' banek deċentralizzati, fejn dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu sabiex jiġi sodisfat rekwiżit legali jew prudenzjali ta’ likwidità li jkun stabbilit minn dritt nazzjonali jew tal-Unjoni.
Emenda 36
Proposta għal direttiva
Artikolu 4 – paragrafu 1 – punt ea (ġdid)
(ea) hi entità ta' istituzzjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti skont il-punt (c);
Emenda 37
Proposta għal direttiva
Artikolu 4 – paragrafu 1 – punt g
(g) hija parti, li taġixxi jew għal kont tagħha stess jew għal kont ta’ persuna oħra, jew taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni, għal tranżazzjoni finanzjarja fi prodott strutturat jew wieħed mill-istrumenti finanzjarji msemmija fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE maħruġa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti msemmija fil-punti minn (4) sa (10) ta’ dik it-Taqsima li ma jiġux innegozjati f’pjattaforma organizzata.
(g) hija parti, li taġixxi jew għal kont tagħha stess jew għal kont ta’ persuna oħra, jew taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni, għal tranżazzjoni finanzjarja fi prodott strutturat jew wieħed mill-istrumenti finanzjarji msemmija fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE maħruġa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
Emenda 38
Proposta għal direttiva
Artikolu 4 - paragrafu 2a (ġdid)
2a.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, istituzzjoni finanzjarja għandha titqies li hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti meta tiġi sodisfatta xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin :
(a) hi titolu u derivat relatata ma' dan it-titolu u l-uffiċċju reġistrat ta' min ikun ħareġ it-titolu jkun jinsab f'dak l-Istat Membru;
(b) hi derivat apparti minn dak imsemmi fil-punt (a) u hi ammessa għan-negozjar fi pjattaforma organizzata, u d-dritt pubbliku li jirregola l-kummerċjalizzazzjoni mwettqa skont is-sistemi tal-pjattaforma jkun id-dritt ta' dak l-Istat Membru;
(c) hi strument finanzjarju apparti minn dak imsemmi fil-punti (a) jew (b), ikklerjat minn CCP jew minn stabbiliment bankarju ieħor jew minn aġenti għall-ħlas jew sistemi kif definit mid-Direttiva 98/26/KE, meta d-dritt li jirregola s-CCP jew is-sistema kkonċernata jkun id-dritt ta' dak l-Istat Membru;
(d) hi strument finanzjarju apparti minn dak imsemmi fil-punti (a), (b) jew (c) u d-dritt applikabbli relatat mal-ftehim skont liema tkun twettqet it-transazzjoni fl-istrument finanzjarju rilevanti huwa d-dritt ta’ dak l-Istat Membru;
(e) hi strument strutturat u minn tal-inqas 50% tal-valur tal-assi li jappoġġaw l-istrument strutturat qed jirreferu għall-istrumenti finanzjarji maħruġa minn persuna ġuridika li hi reġistrata fi Stat Membru parteċipanti.
Emenda 39
Proposta għal direttiva
Artikolu 4 a (ġdid)
Artikolu 4a

It-trasferiment ta' titolu legali

1.  Tranżazzjoni finanzjarja li fir-rigward tagħha l-ebda FTT ma tkun ġiet imposta għandha titqies legalment mhux infurzabbli u ma għandhiex tirriżulta fi trasferiment ta' titolu legali tal-istrument sottostanti.
2.  Tranżazzjoni finanzjarja li fuqha ma ġiet imposta l-ebda TTF ma għandhiex titqies li tissodisfa r-rekwiżiti għal ikklerjar ċentrali skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet1 jew ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment.
3.  Fil-każ ta' skemi ta' pagament awtomatiċi u elettroniċi bil-parteċipazzjoni, jew mingħajrha, tal-aġenti għall-ħlas tal-pagamenti, l-awtoritajiet fiskali ta' Stat Membru jistgħu jistabbilixxu sistema ta' ġbir elettroniku u awtomatiku tal-FTT u ta’ ċertifikati tat-trasferiment ta' titoli legali.
1.ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
Emenda 40
Proposta għal direttiva
Artikolu 9 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Dawk ir-rati ma għandhomx ikunu aktar baxxi minn:

Dawk ir-rati għandhom ikunu:

(a) 0.1% fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 6;
(a) 0.1% fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 6 ħlief għal dawk imsemmija fil-punt(5) tal-Artikolu 2(1). bi skadenza ta’ massimu tliet xhur;
(b) 0.01% fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7.
(b) 0.01% fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7.
(ba) 0.01% fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt(5) tal-Artikolu 2(1) bi skadenza ta’ massimu tliet xhur.
Emenda 41
Proposta għal direttiva
Artikolu 9 – paragrafu 3a (ġdid)
3a.  Minkejja l-paragrafu 3, l-Istati Membri parteċipanti għandhom japplikaw rata ogħla minn dik speċifikata fil-paragrafu 2 għat-tranżazzjonijiet finanzjarji OTC imsemmija fl-Artikoli 6 u 7. Tranżazzjonijiet finanzjarji tad-derivati OTC li għalihom l-effett ta' tnaqqis tar-riskji jista’ jiġi oġġettivament mkejjel kif definit mill-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 m'għandhomx ikunu soġġetti għal dik ir-rata ogħla.
Emenda 42
Proposta għal direttiva
Artikolu 11 – paragrafu 2
2.  Il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 16 tadotta atti ddelegati li jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri parteċipanti skont il-paragrafu 1.
2.  Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 16 tadotta atti ddelegati li jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri parteċipanti skont il-paragrafu 1.
Emenda 43
Proposta għal direttiva
Artikolu 11 – paragrafu 5 - subparagrafu 2
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu metodi uniformi tal-ġbir tat-TTF dovuta. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu metodi uniformi tal-ġbir tat-TTF dovuta u jipprevedu miżuri ta’ prevenzjoni tal-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar fiskali aggressiv. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri addizzjonali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

Emenda 44
Proposta għal direttiva
Artikolu 11 - paragrafu 6a (ġdid)
6a.  Il-piż amministrattiv impost fuq l-awtoritajiet fiskali bl-introduzzjoni tal-FTT għandu jinżamm fil-livelli minimi. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali.
Emenda 45
Proposta għal direttiva
Artikolu 11 – paragrafu 6b (ġdid)
6b.  L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali, jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Eurostat il-volumi tat-tranżazzjonijiet li fuqhom inġabar d-dħul mit-tip ta' istituzzjoni. Huma għandhom irendu din l-informazzjoni pubblika.
Emenda 46
Proposta għal direttiva
Artikolu 12
L-Istati Membri parteċipanti għandhom jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

L-Istati Membri parteċipanti għandhom jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjannar fiskali aggressiv.

Emenda 47
Proposta għal direttiva
Artikolu 15a (ġdid)
1.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta' ħidma ta' esperti (Kumitat tat-TTF) magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-ESMA biex jassistu lill-Istati Membri parteċipanti fl-implimentazzjoni effikaċi ta' din id-Direttiva u jipprevjenu l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjannar fiskali aggressiv u biex jippreservaw l-integrità tas-suq intern.
2.  Il-Kumitat tat-TTF għandu jevalwa l-implimentazzjoni effikaċi ta' din id-Direttiva, jevalwa l-effetti fuq is-suq intern u jidentifika skemi ta' evitar, inklużi arranġamenti abbużivi kif definiti mill-Artikolu 14, sabiex jiġu proposti kontromiżuri, fejn xieraq, bl-użu sħiħ tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni u tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u tal-istrumenti għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa, stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali.
3.  Sabiex jevalwaw kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni effikaċi tat-TTF, l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jifformaw sottokumitat tal-Kumitat tat-TTF magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti. Is-sottokumitat għandu jittratta biss kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tat-TTF u li ma jaffettwawx l-Istati Membri mhux parteċipanti.
Emenda 48
Proposta għal direttiva
Artikolu 16 – paragrafu 2
2.  Id-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikolu 11(2) għandha tiġi kkonferita għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data msemmija fl-Artikolu 19.
2.  Id-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikolu 11(2) għandha tiġi kkonferita għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data msemmija fl-Artikolu 21.
Emenda 49
Proposta għal direttiva
Artikolu 16 – paragrafu 3
3.  Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tibda tapplika mill-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iżjed tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li diġà jkunu fis-seħħ.
3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tibda tapplika mill-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iżjed tard speċifikata fih. Hija m’għandha taffetwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.
Emenda 50
Proposta għal direttiva
Artikolu 16 – paragrafu 4
4.  Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, din għandha tinnotifika lill-Kunsill b’dan.
4.  Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, din għandha tinnotifika fl-istess żmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.
Emenda 51
Proposta għal direttiva
Artikolu 16 – paragrafu 5
5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 11(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx ġiet espressa oġġezzjoni mill-Kunsill fperjodu ta xahrejn min-notifika dwar dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Kunsill ikun informa lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjona. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bxahrejn fuq inizjattiva tal-Kunsill.
5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 11(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn (2) fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Emenda 52
Proposta għal direttiva
Artikolu 19 – paragrafu 1
1.  Kull ħames snin u għall-ewwel darba sal-31 ta Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u, fejn xieraq, proposta.
1.  Kull tliet snin u għall-ewwel darba sal-31 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u, fejn xieraq, proposta.
Emenda 53
Proposta għal direttiva
Artikolu 19 – paragrafu 2
F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, teżamina l-impatt tat-TTF fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija reali u għandha tikkunsidra l-progress dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest internazzjonali.

F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, teżamina l-impatt tat-TTF fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija reali u għandha tikkunsidra l-progress dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest internazzjonali. Abbażi tar-riżultati ta' din l-eżaminazzjoni, għandhom isiru aġġustamenti neċessarji.

Emenda 54
Proposta għal direttiva
Artikolu 19 - paragrafu 2 a (ġdid)
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt ta’ ċerti dispożizzjonijiet, bħall-kamp ta’ applikazzjoni adegwat tat-TTF u r-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għall-fondi ta’ pensjoni, filwaqt li tieħu kont xieraq tal-profili ta’ riskju u l-mudelli ekonomiċi;

Emenda 55
Proposta għal direttiva
Artikolu 20 – paragrafu 1 – subparagrafu 2a (ġdid)
Għall-istrumenti msemmija fil-punt 3a tal-Artikolu 2(1), ir-rata prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 9(2) għandha tkun 0.05% sal-1 ta' Jannar 2017.

Għall-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt (8)(f) tal-punt (8) tal-Artikolu 2(1), ir-rata prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 9(2) għandha tkun 0.05%u r-rata prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 9(2) għandha tkun 0.005% sal-1 ta' Jannar 2017.

Avviż legali - Politika tal-privatezza